Kawża C-335/05
Řízení Letového Provozu ČR, s. p.
vs
Bundesamt für Finanzen
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Finanzgericht Köln)
“Tlettax-il Direttiva VAT — Artikolu 2(2) — GATS — Klawżola tal-pajjiż l-aktar favorit — Interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fid-dawl ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità”
Sommarju tas-Sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Rifużjoni tat-taxxa lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità
[Direttiva tal-Kunsill Nru 86/560, Artikolu 2(2)]
L-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus [dħul mill-bejgħ] - Arranġamenti għar-rifond [ħlas lura] tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità, li bis-saħħa tiegħu kull Stat Membru għandu jagħti ħlas lura bil-kundizzjoni li terzi Stati jagħtu vantaġġi simili rigward taxxi fuq dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu “Stati terzi” jinkludi l-Istati terzi kollha u li din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax il-poter u r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali, bħal ma huwa l-Ftehim Ġenerali tal-Kummerċ fis-Servizzi.
Fil-fatt, l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill, bħad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din l-istess Direttiva, jirreferi, b’mod ċar, għal Stati terzi, mingħajr ebda distinzjoni.
Barra minn hekk, billi din id-dispożizzjoni tħalli lil kull Stat Membru liberu li jevalwa jekk jaqbillux jew le li tiġi imposta kundizzjoni ta’ reċiproċità, hija tippermetti l-Istati Membri jadattaw, sa fejn ftehim konklużi ma’ Stati terzi jillimitaw din id-diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni, il-liġijiet tagħhom skond l-imsemmija ftehim. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżiġenza ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt Komunitarju derivat mal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità, safejn dan huwa possibbli, ma titlobx li t-terminu “Stati terzi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jiġi interpretat fis-sens li huwa limitat għal Stati terzi li ma jkunux jistgħu jinvokaw il-klawżola tal-pajjiż l-aktar favorit prevista fl-Artikolu II(1) tal-Ftehim Ġenerali tal-Kummerċ fis-Servizzi.
(ara l-punti 15, 18-21 u disp.)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
tas-7 ta' Ġunju 2007(*)
"Tlettax-il Direttiva VAT – Artikolu 2(2) – GATS – Klawżola tal-pajjiż l-aktar favorit – Interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fid-dawl ta' ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità"
Fil-kawża C-335/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Awwissu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Settembru 2005, fil-proċedura
Řízení Letového Provozu ČR, s.p.
vs
Bundesamt für Finanzen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), A. Tizzano, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Simeonidou, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal- 15 ta' Frar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE tas-17 ta' Novembru 1986 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi ta' ċaqliq ta' flus [dħul mill-bejgħ] - Arranġamenti għar-rifond [ħlas lura] tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (iktar 'il quddiem it-"Tlettax-il Direttiva").
2 Din it-talba ġiet ippre żentata fil-kuntest ta' kawża bejn impriża stabblita fir-Repubblika Ċeka, Řízení Letového Provozu ČR s.p. (iktar 'il quddiem "RLP") u l-Bundesamt für Finanzen (Uffiċċju Federali tat-Taxxa), li huwa responsabbli għall-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud fil-Ġermanja (iktar 'il quddiem il-"VAT"), dwar ħlas lura tal-VAT imħallas minn RLP fil-Ġermanja.
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-ftehim internazzjonali
3 Permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE tiegħu, tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, għal dak li għandu x'jaqsam ma’ l-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, tal-ftehim milħuq fil-laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p.1), il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea approva l-ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ kif ukoll l-ftehim li jidhru fl-Annessi 1, 2 u 3 ta' dan il-ftehim, fosthom il-Ftehim Ġenerali tal-Kummerċ fis-Servizzi (iktar 'il quddiem il-"GATS").
4 L-Artikolu II(1) tal-GATS jipprovdi:
"F'dak li jikkonċerna l-miżuri maħsuba f'dan il-ftehim, kull membru huwa marbut li jagħti lis-servizzi u lil dawk li jagħtu servizzi ta' kull membru ieħor, b'mod immedjat u inkundizzjonat, trattament mhux anqas favorevoli minn dak mogħti għal servizzi analogi jew lil dawk li jagħtu servizzi ta' kull pajjiż".
Il-Leġiżlazzjoni Komunitarja
5 It-tieni premessa tat-Tlettax-il Direttiva tipprovdi kif ġej:
"Billi hemm il-ħtiega li jiġi żgurat l-iżvilupp armonjuż tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/1072/KEE, waqt illi jittieħdu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet varji li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom f'pajjiżi terzi".
6 L-Artikolu 2 tat-Tlettax-il Direttiva jipprovdi:
"1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3 u 4, kull Stat Membru għandu jagħti r-rifond [ħlas lura] lil kull persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fit-territorju tal-Komunità, bla ħsara għall-kundizzjonijiet dikjarati hawn taħt, kull taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq servizzi jew proprjetà mobbli fornita lilha fit-territorju jew fil-pajjiż minn persuni taxxabbli oħra jew imposta fuq l-importazzjoni ta' oġġetti fil-pajjiż, safejn dawn l-oġġetti u servizzi jiġu użati għall-iskopijiet ta' tranżazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 17(3)(a) u (b) tad-Direttiva 77/388/KEE jew fid-disposizzjoni ta' servizzi riferiti fil-punt 1 (b) ta' l-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri jistgħu jagħtu r-rifondi [ħlas lura] li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 bil-kundizzjoni li terzi Stati jagħtu vantaġġi simili rigward taxxi fuq ċaqliq ta' flus [dħul mill-bejgħ].
3. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-ħatra ta' rappreżentant tat-taxxa."
Il-Leġiżlazzjoni Nazzjonali
7 Is-sitt frażi ta' l-Artikolu 18(9) tal-liġi ta' l-1999 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz 1999, BGB1. 1999 I, p. 1270, iktar 'il quddiem l-"UStG") tipprovdi kif ġej:
"Lill-imprenditur li m'għandux l-uffiċċju reġistrat tiegħu fit-territorju Komunitarju għandha titħallas lura t-taxxa mħallsa input jekk fil-pajjiż fejn l-imprenditur kellu l-bażi tiegħu ma tkunx ġiet miġbura t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ jew taxxa analoga jew jekk din it-taxxa tkun imħallsa lura lill-imprenditur li għandu l-bażi tiegħu fit-[territorju Ġermaniż]."
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 RLP hija impriża Ċeka li tipprovdi servizzi fil-qasam tas-sigurtà tat-titjir. Minkejja li l-attivitajiet tagħha huma limitati għat-territorju tar-Repubblika Ċeka, il-benefiċjarji mhumiex biss ċittadini Ċeki, imma wkoll Ġermaniżi. Barra minn hekk, hija tipprovdi taħriġ ta' titjir fir-Repubblika Ċeka. Fil-kuntest ta' dawn l-attivatijiet, hija rrikorriet għal taħriġ b'simulatur ta' l-ajru u għal korsijiet oħrajn mogħtija fil-Ġermanja. Peress li dawn is-servizzi kienu suġġetti għal VAT f'dan l-aħħar Stat Membru, RLP talbet il-ħlas lura ta' din it-taxxa għas-sena 2002.
9 Il-Bundesamt für Finanzen ċaħad din it-talba, għar-raġuni li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tas-sitt frażi ta' l-Artikolu 18(9) ta' l-UStG, b'mod partikolari, il-kundizzjoni ta' reċiproċità, ma kinux irrispettati f'dan il-każ.
10 L-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud u għalhekk RLP ressqet appell quddiem il-Finanzgericht Köln.
11 Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li matul il-perijodu applikabbli, ir-Repubblika Ċeka kienet tiġbor taxxa fuq dħul mill-bejgħ, mingħajr ma pprovdiet għat-tnaqqis tat-taxxa mħallsa input jew il-ħlas lura ta' din it-taxxa lill-impriżi ta' pajjiżi oħra. Barra minn hekk, din il-qorti ssaqsi jekk ir-rikorrent fil-kawża priċipali għandux ikun eżentat mill-imsemmija taxxa, fid-dawl ta' l-Artikolu II(1) tal-GATS. F'dan ir-rigward, hija tosserva li l-GATS huwa ftehim ta' dritt internazzjonali li jistabbilixxi drittijiet u obbligi biss bejn il-membri tiegħu. Fil-każ ta' ksur tal-GATS, ikun applikabbli biss il-ftehim konkluż fil-kuntest ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw il-kontroversji.
12 Madankollu, skond l-Artikolu 300(7) KE, ftehim bħal ma huwa l-GATS jorbot l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Istati Membri u jikkostitwixxi parti integrali mid-dritt Komunitarju. Huwa, għalhekk, neċessarju li d-dritt Komunitarju derivat jiġi interpretat fid-dawl ta' dan il-ftehim, u, b'mod partikolari, tal-klawżola tal-pajjiż l-aktar favorit, skond l-Artikolu II(1) ta' l-imsemmi ftehim.
13 Peress li l-fatt li s-soluzzjoni għal kawża prinċipali kienet dipendenti fuq il-kompatibbiltà ta' l-UStG ma' l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva u peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta ta' din l-aħħar dispożizzjoni fid-dawl tal-GATS, il-Finanzgericht Köln iddeċidiet li tissospendi li taqta’ l-kawża u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"L-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva […] għandu jiġi interpretat restrittivament, fis-sens li d-dritt fih mogħti lill-Istati Membri li jissuġġettaw il-ħlas lura tal-VAT għall-għoti min-naħa ta' Stati terzi ta' vantaġġi simili fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ mhux qed tirreferi għal dawk l-Istati li, bħala parti kontraenti [tal-GATS] (BGB1. 1994 II, p. 1473, […]), jistgħu jużaw il-klawżola tal-pajjiż l-aktar favorit prevista f'dan il-ftehim (Artikolu II(1) tal-GATS)?"
Fuq id-domanda preliminari
14 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu "Stati terzi", f'dan l-Artikolu, jinkludix l-Istati terzi li jistgħu jinvokaw il-klawżola tal-pajjiż l-aktar favorit prevista fl-Artikolu II(1) tal-GATS.
15 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva, kif sostna ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-Konklużjonijiet tiegħu, bħad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din l-istess Direttiva, jirreferi b'mod ċar, għal Stati terzi, mingħajr ebda distinzjoni.
16 Fir-rigward ta' l-influwenza li kapaċi jeżerċita ftehim internazzjonali bħal ma huwa l-GATS, li fih il-Komunità hija parti kontraenti, fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta' dritt derivat, skond ġurisprudenza kostanti, is-supremazija ta' ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità fuq id-dokumenti tad-Dritt Komunitarju titlob li dawn ta' l-aħħar jiġu interpretati, safejn hu possibbli, skond dawn il-ftehim (sentenzi ta' l-10 ta' Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra. p. I-3989, punt 52; ta' l-1 ta' April 2004, Bellio F.lli, C-286/02, Ġabra. p. I-3465, punt 33; tat-12 ta' Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C-311/04, Ġabra. p. I-609, punt 25; u tat-8 ta' Marzu 2007, Thomson u Vestel France, C-447/05 u C-448/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).
17 Fil-każ preżenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva, fejn dan jipprovi li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-ħlas lura msemmi fl-Artikolu 2(1) għall-għoti mill-Istati terzi ta' vantaġġi simili, ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri, iżda jiggarantixxi biss sempliċi fakultà, u ma jżommhom bl-ebda mod milli jirrispettaw l-obbligi li li għalihom daħlu bis-saħħa ta' ftehim internazzjonali bħall-GATS.
18 Effettivament, l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva jħalli kull Stat Membru liberu li jevalwa jekk jaqbillux jew le li tiġi imposta kundizzjoni ta' reċiproċità, fil-konfront ma' kull Stat terz, huwa jippermetti l-Istati Membri jadattaw, sa fejn ftehim konklużi ma' Stati terzi jillimitaw din id-diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni, il-liġijiet tagħhom skond l-imsemmija ftehim.
19 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżiġenza ta' interpretazzjoni konformi tad-Dritt Komunitarju derivat, mal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità, safejn huwa possibbli, ma titlobx li t-terminu "Stati terzi", li tidher fl-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva, jiġi interpretat li kuwa limitat għal Stati terzi li ma jkunux jistgħu jinvokaw il-klawżola tal-pajjiż l-aktar favorit prevista fl-Artikolu II(1) tal-GATS.
20 Madankollu, l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva ma jippreġudikax il-poter u r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim internazzjonali, bħal ma huwa l-GATS.
21 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu "Stati terzi", li jidher fih, jinkludi l-Istati terzi kollha u li din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax il-poter u r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali, bħal ma huwa l-GATS.
Fuq l-ispejjeż
22 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ewwel Awla taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 2(2) tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE tas-17 ta' Novembru 1986, 86/560/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi ta' ċaqliq ta' flus [dħul mill-bejgħ] - Arranġamenti għar-rifond [ħlas lura] tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu "Stati terzi", li jidher fih,, jinkludi l-Istati terzi kollha u li din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax il-poter u r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali, bħal ma huwa l-Ftehim Ġenerali tal-Kummerċ fis-Servizzi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.