Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Ottubru 2006 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Leġiżlazzjoni fiskali – Kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni mill-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b'titolu oneruż ta’ proprjetà immobbli – Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE – Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Koerenza tas-sistema fiskali – Politika tad-djar”

Fil-kawża C-345/05,

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-21 ta’ Settembru 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes u J. Menezes Leitão, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, G. Arestis (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Marzu 2006,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Fuq rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet fiskali li jissuġġettaw il-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b'titolu oneruż ta' proprjetà immobbli intiża sabiex isservi bħala abitazzjoni personali u permanenti għall-persuna taxxabbli jew għall-membri tal-familja tagħha għall-kundizzjoni li l-qligħ li jinkiseb jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 56(1) KE, kif ukoll skond l-Artikoli 28, 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim ŻEE

2       L-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE jgħid li:

“Mingħajr preġudizzju għall-iżviluppi futuri ta’ każistika, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, sa fejn dawn huma identiċi fis-sustanza mar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u għall-atti adottati fl-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ trattati, iridu, fl-implementazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom, ikunu interpretati b’konformità mas-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim.”

3       L-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE jgħid li:

“1.      Moviment liberu ta’ ħaddiema jkun assigurat fost l-Istati Membri tal-KE [Komunità Ewropea] u l-Istati ta’ l-EFTA [Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Liberu].

2.      Din il-libertà ta' moviment tikkonsisti fl-abolizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-KE u l-Istati ta’ l-EFTA għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u impjieg.

3.      Trid tinkludi d-dritt, suġġett għal-limitazzjonijiet iġġustifikati abbażi [ta’ l-ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika:

a)      li taċċetta offerti ta' impjieg attwalment magħmula;

b)      li tiċċaqlaq liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri tal-KE u l-Istati ta’ l-EFTA għal dan il-għan;

ċ)      li toqgħod fit-territorju ta' Stati Membri tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA għal fini ta' l-impjieg skond id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-impjieg ta' ċittadini li jinsabu fil-liġi, [regolamenti jew] azzjoni […] amministrattiva.

d)      li tibqa' fit-territorju ta’ Stat Membru tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA wara li tkun ġiet impjegata hemmhekk.

[…]”

4       L-Artikolu 31(1) tal-Ftehim ŻEE jaqra kif ġej:

“Fl-Istruttura tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, ma jistax ikun hemm l-ebda restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru tal-KE jew Stat tal-EFTA fit-territorju ta’ [...] kwalunkwe [wieħed ieħor] minn dawn l-Istati. Dan japplika wkoll għat-twaqqif ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji minn ċittadini ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-KE jew Stat tal-EFTA stabbilit fit-territorju ta’ kwalunkwe minn dawn l-Istati.

Libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt li jagħmlu u jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u li jitwaqq[fu] u jiġu operati impriżi, partikolarment kumpanniji jew ditti li jaqgħu fit-tifsira ta’ l-Artikolu 34, it-tieni paragrafu, taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti […] mil-liġi tal-pajjiż fejn tali stabbiliment jiġi effettwat [għaċ-ċittadini tiegħu stess …]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       L-Artikolu 10 tal-Kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi (Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Singulares), approvat bid-Digriet Liġi Nru 442/88, tat-30 ta’ Novembru 1998, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Digriet Liġi Nru 198/2001, tat-3 ta’ Lulju 2001 (Diário da República I, Serje A, Nru 152, tat-3 ta’ Lulju 2001, iktar ’il quddiem iċ-“CIRS”), jipprovdi li:

“1.      Huwa qligħ kapitali l-qligħ miksub li mhuwiex ikkunsidrat bħala dħul min-negozju u mix-xogħol, mill-kapital jew mill-proprjetà immobbli, iżda jirriżulta:

a)      mit-trasferiment b’titolu oneruż ta’ drittijiet reali fuq proprjetà immobbli u mill-użu ta' kull proprjetà privata għall-attività tan-negożju u tax-xogħol eżerċitata fuq bażi individwali mill-proprjetarju tagħha;

[…]

3.      Il-qligħ jitqies li nkiseb fil-mument meta jsiru l-atti previsti fil-paragrafu 1, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi li ġejjin:

a)      Fil-każ ta’ wegħda ta’ xiri u ta’ bejgħ jew ta’ tpartit, il-qligħ jitqies li nkiseb fil-mument meta jsir it-trasferiment jew meta jittieħed il-pussess tal-proprjetà li hija s-suġġett tal-kuntratt;

b)      Fil-każ ta’ użu ta’ proprjetà privata għall-attività tan-negozju u tax-xogħol eżerċitata fuq bażi individwali mill-proprjetarju tagħha, il-qligħ jitqies li nkiseb biss fil-mument meta jsir it-trasferiment ulterjuri tal-proprjetà kkonċernata b'titolu oneruż jew meta jseħħ xi fatt ieħor li jwassal għas-saldu tal-kontijiet f’kundizzjonijiet simili.

4.      Il-qligħ issuġġettat għall-IRS [taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi] huwa kkostitwit:

a)      mid-differenza bejn il-valur tal-bejgħ u l-valur ta’ l-akkwist, bit-tnaqqis tal-parti kkunsidrata bħala dħul mill-kapital, jekk ikun il-każ, fil-każijiet previsti fil-punti a), b) u ċ) tal-paragrafu 1;

[…]

5.      Huwa eżenti mit-taxxa l-qligħ li jiġi mit-trasferiment b'titolu oneruż ta' proprjetà immobbli intiża sabiex isservi bħala abitazzjoni personali u permanenti għall-persuna taxxabbli jew għall-membri tal-familja tagħha, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      li, fi żmien 24 xahar mid-data tal-bejgħ, id-dħul mit-trasferiment jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist tal-proprjetà ta’ immobbli ieħor, ta’ art għall-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli jew fil-kostruzzjoni, fit-tkabbir jew fit-tibdil ta’ proprjetà immobbli oħra intiża esklużivament għall-istess użu, bil-kundizzjoni li din tkun tinsab fit-territorju Portugiż;

b)      li d-dħul mit-trasferiment jiġi użat għall-ħlas ta’ l-akkwist imsemmi fis-subparagrafu preċedenti, bil-kundizzjoni li t-trasferiment ikun sar fi żmien it-12-il xahar preċedenti;

ċ)      għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu a), il-persuna taxxabbli għandha turi l-intenzjoni tagħha li tinvesti mill-ġdid, anki jekk parzjalment, billi ssemmi, fid-dikjarazzjoni tad-dħul relattiva għas-sena tat-trasferiment, l-ammont li għandha l-intenzjoni li tinvesti mill-ġdid;

d)      fil-każ ta’ investiment mill-ġdid ta’ ammont differenti minn dak li jkun ġie ddikjarat skond is-subparagrafu preċedenti, il-persuna taxxabbli hija marbuta li tipprovdi dikjarazzjoni sostituttiva, li tindika l-ammonti li effettivament ġew investiti mill-ġdid, kemm jista' jkun malajr wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 24 xahar imsemmi fis-subparagrafu a).

6.      Il-benefiċċju msemmi fil-paragrafu preċedenti ma jingħatax meta:

a)      fir-rigward ta’ investiment mill-ġdid fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli oħra, ix-xerrej ma jużahiex bħala l-abitazzjoni tiegħu jew tal-membri tal-familja tiegħu sitt xhur wara l-iskadenza taż-żmien li fih għandu jseħħ l-investiment mill-ġdid;

[…]”

 Il-proċedura prekontenzjuża

6       Peress li l-Kummissjoni qieset li d-dispożizzjonijiet tas-sistema Portugiża ta’ tassazzjoni tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b'titolu oneruż ta’ proprjetà immobbli u, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(5) taċ-CIRS jiksru l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Portugiża skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 56(1) KE, kif ukoll skond l-Artikoli 28, 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE, hija intimat lil dan l-Istat Membru, b’ittra ta’ l-20 ta’ Frar 2003, biex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

7       L-awtoritajiet Portugiżi kkontestaw l-allegazzjoni tal-Kummissjoni billi sostnew li d-dispożizzjonijiet taċ-CIRS in kwistjoni ma jikkostitwixxux restrizzjoni għall-libertajiet fundamentali, li dawn mhumiex ta' natura diskriminatorja u li, f’kull każ, huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, b’mod iżjed partikolari, mill-għan tal-protezzjoni tad-dritt għall-akkomodazzjoni jew minħabba raġunijiet ta’ koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.

8       Billi l-argumenti ta’ l-awtoritajiet Portugiżi ma kkonvinċewhiex, fid-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha, minn naħa, hija reġgħet sostniet l-argument tagħha li l-leġiżlazzjoni fiskali Portugiża li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni mill-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b’titolu oneruż ta’ proprjetà immobbli tmur kontra l-moviment liberu tal-persuni kif ukoll tal-kapital u, min-naħa l-oħra, stiednet lir-Repubblika Portuġiża biex tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha ma’ l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

9       Billi fir-risposta tagħhom għall-imsemmija opinjoni motivata, l-awtoritajiet Portugiżi żammew il-pożizzjoni tagħhom li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija ġġustifikata minħabba għanijiet ta’ politika soċjali, ma tmurx kontra d-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-preżenti rikors.

 Fuq ir-rikors

10     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza b'rispett għad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 21, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29).

11     Għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Portugiża dwar it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b'titolu oneruż ta’ proprjetà immobbli u, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(5) taċ-CIRS, jikkostitwixxux restrizzjonijiet għall-moviment ħieles tal-persuni u tal-kapital, stabbilit bl-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 56(1) KE, kif ukoll bl-Artikoli 28, 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE.

 Fuq il-moviment liberu tal-persuni

12     Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE.

13     L-Artikolu 18 KE, li jsemmi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 43 KE fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22) u fl-Artikolu 39 KE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

14     Għaldaqstant, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 10(5) taċ-CIRS, li jissuġġetta l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b’titolu oneruż ta' proprjetà immobbli intiża sabiex isservi bħala abitazzjoni personali u permanenti għal-persuna taxxabbli jew għall-membri tal-familja tagħha għall-kundizzjoni li l-qligħ li jinkiseb jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Portugiż.

15     Id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-persuni għandhom il-għan li jtejbu, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta' xogħol ta’ kull tip fit-territorju kollu tal-Komunità u jipprekludu miżuri li jistgħu jiżvantaġġaw lil dawn iċ-ċittadini meta huma jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, Ġabra p. I-7929, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16     Dispożizzjonijiet li jipprekludu jew jiddisswadu lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jħalli l-Istat tiegħu ta’ oriġini biex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu jikkostitwixxu minnhom infushom xkiel għal din il-libertà, anki jekk dawn japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 25, kif ukoll il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

17     Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, anki jekk, skond il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet relattivi għall-moviment liberu tal-ħaddiema huma intiżi, b’mod partikolari, biex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, huma jipprekludu wkoll lill-Istat ta' oriġini milli jxekkel il-libertà ta' xi wieħed miċ-ċittadini tiegħu li jaċċetta u jeżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor (is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, De Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 79).

18     Dan japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet relattivi għal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, skond l-imsemmija ġurisprudenza, anki jekk, skond dak li jingħad fihom, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi biex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, huma jipprekludu wkoll lill-Istat ta' oriġini milli jxekkel l-istabbiliment ta’ xi wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija kkostitwita skond il-leġiżlazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor (is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 42, u tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 30).

19     F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Artikolu 10(5) taċ-CIRS ma jikkostitwixxix żvantaġġ għall-persuni taxxabbli li jixtiequ jittrasferixxu r-residenza tagħhom barra mit-territorju Portugiż. Skondha, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eżenzjoni mit-taxxa ad hoc, billi tidderoga mir-regola ġenerali tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tali dispożizzjoni tikser l-Artikoli 39 KE u 43 KE mhijiex fondata.

20     Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Anki jekk l-Artikolu 10(5) taċ-CIRS ma jipprojbixxix lil persuna taxxabbli suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-Portugall milli teżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor jew, b’mod ġenerali, milli teżerċita d-dritt tagħha ta’ stabbiliment, din id-dispożizzjoni hija madankollu tali li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet billi għandha, ta’ l-inqas, effett dissważiv fir-rigward tal-persuni taxxabbli li jixtiequ jbigħu l-proprjetà immobbli tagħhom biex imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor barra mir-Repubblika Portugiża.

21     Fil-fatt, huwa manifest li l-persuna taxxabbli li tiddeċiedi li tbigħ il-proprjetà immobbli li tippossiedi fil-Portugall u li tużaha għall-abitazzjoni bil-għan li tittrasferixxi r-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li takkwista proprjetà immobbli ġdida hemmhekk biex tużaha bħala r-residenza tagħha, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 39 KE u 43 KE, hija suġġetta għal trattament fiskali żvantaġġuż meta mqabbla ma' dak li minnu tibbenefika persuna li żżomm ir-residenza tagħha fil-Portugall.

22     Din id-differenza fit-trattament fir-rigward tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali, li jista' jkollha riperkussjonijiet fuq l-assi tal-persuna taxxabbli li tixtieq tittrasferixxi r-residenza tagħha barra mill-Portugall, hija għaldaqstant tali li tista' tiddisswadih milli jagħmel tali trasferiment.

23     Minn dan isegwi li, bil-fatt li jissuġġettaw il-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b'titolu oneruż ta’ proprjetà immobli intiża sabiex isservi bħala abitazzjoni personali u permanenti għall-persuna taxxabbli jew għall-membri tal-familja tagħha għall-kundizzjoni li l-qligħ li jinkiseb jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Portugiż, id-dispożizzjonijiet taċ-CIRS, u b’mod partikolari, l-Artikolu 10(5) tiegħu jistgħu jxekklu l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment, kif iggarantiti mill-Artikoli 39 KE u 43 KE.

24     Jirriżulta madankollu minn ġurisprudenza stabbilita sew, li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jxekklu jew li jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fondamentali ggarantiti mit-Trattat, jistgħu madankollu jkunu ammessi bil-kundizzjoni li jfittxu li jilħqu għan ta’ interess ġenerali, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jitlaħaq dan l-għan u li ma jeċċedux dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex (is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq De Lasteyrie du Saillant, punt 49, u N, punt 40).

25     F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-fatt li teżisti rabta assoluta ta’ identità funzjonali bejn il-proprjetà immobbli trasferita u l-proprjetà immobbli mixtrija permezz ta’ l-investiment mill-ġdid ta’ l-ammont tal-bejgħ ta’ l-ewwel proprjetà jfisser li l-Artikolu 10(5) taċ-CIRS huwa ġġustifikat b’raġunijiet ta’ koerenza tas-sistema fiskali. Fil-fatt, teżisti korrelazzjoni diretta bejn il-vantaġġ fiskali u t-tassazzjoni fil-kuntest ta’ l-istess taxxa, li tolqot lill-istess persuna taxxabbli waħdanija.

26     Għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-allegazzjoni tar-Repubblika Portugiża ma tistax teskludi l-fatt li proprjetà immobbli akkwistata fi Stat Membru li mhuwiex l-imsemmija Repubblika tista' daqstant ieħor isservi bħala l-abitazzjoni personali u permanenti ta’ persuna taxxabbli li preċedentement kienet residenti fil-Portugall. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostnu l-awtoritajiet Portugiżi, fl-ipoteżi li din il-proprjetà immobbli tiġi akkwistata bid-dħul mill-bejgħ fil-Portugall tal-proprjetà immobbli li sservi bħala l-abitazzjoni tal-persuna taxxabbli, dan l-akkwist jissostitwixxi l-proprjetà immobbli trasferita u jaqdi, f'dak li jirrigwarda l-assi ta’ din ta' l-aħħar, funzjoni identika għal dik tal-proprjetà li hija kienet tippossiedi inizjalment.

27     Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-eżami ta’ l-Artikolu 10(5) taċ-CIRS li, kuntrarjament għal dak li ssostni f’dan il-każ ir-Repubblika Portugiża, l-allegata rabta bejn il-vantaġġ mogħti lill-persuna taxxabbli u t-tassazzjoni ta' din ta' l-aħħar mhijiex ċerta. Fil-fatt, it-tassazjoni futura tal-qligħ kapitali tista' sseħħ biss fl-eventwali ipoteżi li dan il-qligħ kapitali jsir. Barra minn hekk, safejn il-persuna kkonċernata takkwista residenza ġdida għall-finijiet ta' abitazzjoni fit-territorju Portugiż, din tista' dejjem tibbenefika mill-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 10(5) taċ-CIRS.

28     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet Portugiżi ma jistgħux isostnu li teżisti rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali previst fl-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta' ġbir determinat ta' taxxa.

29     Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-bżonn li tiġi mħarsa l-koerenza ta’ sistema fiskali tista' tiġġustifika restrizzjoni ta’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fondamentali ggarantiti mit-Trattat. Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jista' jirnexxi, jeħtieġ li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta' ġbir determinat ta' taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Keller Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), ħaġa li, f'dan il-każ, ma seħħitx.

30     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-argument li l-leġiżlazzjoni nazzjonali relattiva għat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali fuq proprjetà immobbli hija oġġettivament iġġustifikata bil-bżonn li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali ma jistax jiġi aċċettat.

31     Ir-Repubblika Portugiża ssostni wkoll li l-Artikolu 10(5) taċ-CIRS huwa intiż sabiex jiżgura l-protezzjoni u ż-żamma ta’ l-abitazzjoni privata tal-persuna taxxabbli u tal-membri tal-familja tagħha u li, għaldaqstant, hija tiggarantilha dritt għall-akkomodazzjoni, li jikkostitwixxi rekwiżit kostituzzjonali.

32     Anki li kieku kellu jitqies li t-tali argument jista jiġi invokat biex jiġġustifika xkiel għall-moviment liberu tal-persuni, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ investiment mill-ġdid fit-territorju Portugiż imposta mill-Artikolu 10(5) taċ-CIRS, f’kull każ, tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

33     Fil-fatt, jekk l-għan ta’ l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali huwa li jiġi ggarantit id-dritt għall-akkomodazzjoni, dan il-għan jista' jintlaħaq mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi prevista kundizzjoni ta’ investiment mill-ġdid fit-territorju nazzjonali.

34     F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża ssostni madankollu li t-tneħħija tal-kundizzjoni ta’ investiment mill-ġdid tal-qligħ kapitali fit-territorju nazzjonali jkollha bħala konsegwenza l-finanzjament indirett tal-politika tad-djar ta’ l-Istati Membri l-oħra.

35     Issa, dan l-argument, anki li kieku kellu jitqies li huwa fondat, mhuwiex ta' natura li jipprova li d-dispożizzjoni in kwistjoni hija meħtieġa biex jintlaħaq l-għan imfittex. Għall-kuntrarju, l-għan li jiġi ggarantit dritt għall-akkomodazzjoni mfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza xorta waħda jitlaħaq jekk il-persuna taxxabbli tagħżel li tittrasferixxi r-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minflok fit-territorju Portugiż. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ l-imsemmi għan, il-fatt ta’ l-allegat finanzjament indirett tal-politika tad-djar ta’ l-Istati Membri l-oħra huwa rrilevanti.

36     Fin-nuqqas ta' prova li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, f’dan il-każ l-Artikolu 10(5) taċ-CIRS, hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, għandu jiġi konkluż li tali leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikoli 39 KE u 43 KE.

37     Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-persuni li mhumiex ekonomikament attivi, din l-aħħar konklużjoni tingħata minħabba l-istess motivi fir-rigward ta’ l-ilment relatata ma’ l-Artikolu 18 KE.

38     Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, relattivi għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment.

39     Kif jispeċifika l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar, safejn dawn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli korrispondenti tat-Trattat u ta’ l-atti adottati b'applikazzjoni ta' dan it-Trattat, iridu, fl-implementazzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom, ikunu interpretati b'konformità mas-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija qabel id-data tal-firma ta’ l-imsemmi Ftehim.

40     Barra minn hekk, kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti ta’ l-EFTA rrikonoxxew il-ħtieġa li jissiguraw li r-regoli tal-Ftehim ŻEE, li huma fis-sustanza identiċi għal dawk tat-Trattat, ikunu interpretati b’mod uniformi (is-sentenza Keller Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41     Issa, għandu jiġi rilevat li r-regoli li jipprojbixxu r-restrizzjonjiet għal-libertà tal-moviment u għal-libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim taż-ŻEE huma identiċi għal dawk stabbiliti bl-Artikoli 39 KE u 43 KE.

42     F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat fir-rigward ta’ l-ilment relattiv għall-ksur tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-persuni msemmija fil-Ftehim ŻEE.

43     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet fiskali bħall-Artikolu 10(5) taċ-CIRS, li jissuġġett aw il-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b’titolu oneruż ta’ proprjetà immobbli intiża sabiex isservi bħala abitazzjoni personali u permanenti għall-persuna taxxabbli jew għall-membri tal-familja tagħha għall-kundizzjoni li l-qligħ li jinkiseb jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE.

 Fuq il-moviment liberu tal-kapital

44     Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikol 56(1) KE u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

45     Billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-Ftehim ŻEE relattivi għall-moviment liberu tal-persuni jipprekludu l-leġiżlazzjoni in kwistjoni, m’hemmx bżonn li l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi eżaminata separatament fid-dawl ta’ l-Artikolu 56(1) KE u ta' l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99, Ġabra p. I-4781, punt 56).

 Fuq l-ispejjeż

46     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet fiskali, bħall-Artikolu 10(5) tal-Kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, li jissuġġettaw il-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment b’titolu oneruż ta’ proprjetà immobbli intiza sabiex isservi bħala abitazzjoni personali u permanenti għall-persuna taxxabbli jew għall-membri tal-familja tagħha għall-kundizzjoni li l-qligħ li jinkiseb jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.

2)      Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.