Kawża C-363/05
JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust plc
u
The Association of Investment Trust Companies
vs
The Commissioners of HM Revenue and Customs
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-VAT and Duties Tribunal, London)
“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 13B(d)(6) — Eżenzjoni — Fondi speċjali ta’ investiment — Kunċett — Definizzjoni mill-Istati Membri — Setgħa ta’ evalwazzjoni — Limiti — Fondi b’kapital fiss”
Sommarju tas-Sentenza
1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(d)(6))
2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(d)(6))
3. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(d)(6))
1. LArtikolu 13B(d)(6), tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” f’din id-dispożizzjoni huwa ta’ natura li jinkludi l-fondi b’kapital fiss bħalma huma l-Kumpanniji ta’ Trust ta’ l-InvestimentITC.
Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva li l-immaniġġjar ta’ fondi b’kapital varjabbli huwa eżenti mill-VAT u mhux l-immaniġġjar ta’ fondi b’kapital fiss, tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali li fuqu, b’mod partikolari, hija bbażata s-sistema komuni tal-VAT stabbilita mis-Sitt Direttiva u li jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-ġbir tal-VAT. Fil-fatt, il-fondi b’kapital fiss m’għandhom l-ebda differenza rilevanti li tipprekludi, a priori, il-klassifikazzjoni tagħhom bħala fondi speċjali ta’ investiment fis-sens ta’ l-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, bħalma huma l-fondi ta’ kapital varjabbli.
Ma jistax isir riferiment b’mod utli għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva UCITS, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), emendata mid-Direttiva 2005/1, sabiex tiġi dedotta minnha interpretazzjoni limitata tal-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” imsemmi fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva. Għalkemm jirriżulta mill-premessi u t-termini tad-Direttiva UCITS li din għandha bħala għan il-koordinazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-impriżi ta’ investiment kollettiv, jibqa’ l-fatt li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tas-Sitt Direttiva, it-terminoloġija Komunitarja fil-qasam tal-fondi speċjali ta’ investiment kienet għadha mhux armonizzata, peress li d-Direttiva UCITS, li l-Artikolu 1(3) tagħha jagħti definizzjoni Komunitarja ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, ġiet adottata biss fl-1985.
(ara l-punti 29-32, 37, disp. 1)
2. L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali sabiex jiddefinixxu l-fondi fit-territorju tagħhom li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” għall-iskop ta’ l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Madankollu fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, l-Istati Membri għandhom iħarsu l-għan imħaddan minn din id-dispożizzjoni, li huwa li jiffaċilita l-investiment ta’ titoli għall-investituri permezz ta’ impriżi ta’ investiment, filwaqt li jiggarantixxi l-prinċipju ta’ newtralità fiskali mil-lat tal-ġbir tal-VAT fuq l-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment li qegħdin f’kompetizzjoni ma’ fondi speċjali ta’ investiment oħra, bħall-fondi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/611, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif emendata mid-Direttiva 2005/1.
(ara l-punt 54, disp. 2)
3. L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ fuq il-valur miżjud, għandu effett dirett, fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna taxxabbli quddiem qorti nazzjonali sabiex topponi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.
L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jindika b’mod suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat li l-immaniġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment għandu jkun eżenti. Il-fatt li din id-dispożizzjoni tikkonferma l-eżistenza ta’ diksrezzjoni ta’ l-Istati Membri mhuwiex ta’ natura li jqiegħed in kwistjoni din l-interpretazzjoni jekk, skond indikazzjonijiet oġġettivi, il-prestazzjoni kkontestata tissodisfa l-kriterji għall-imsemmija eżenzjoni.
(ara l-punti 59-60, 62, disp. 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
28 ta’ Ġunju 2007(*)
“Sitt Direttiva VAT – Artikolu 13B(d)(6) – Eżenzjoni – Fondi speċjali ta’ investiment – Kunċett – Definizzjoni mill-Istati Membri – Setgħa dikrezzjonali – Limiti – Fondi b’kapital fiss”
Fil-kawża C-363/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-19 ta’ Settembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2005, fil-proċedura
JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust plc,
The Association of Investment Trust Companies
vs
The Commisioners of HM Revenue and Customs
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta’ l-Awla, J. Klučka, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: Lynn Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2006,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust plc, minn K. P. E. Lasok, QC u M. Angiolini, barrister, mandatarji ta’ A. Khan, solicitor,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs u R. Hill, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(c) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust plc (aktar ’il quddiem “Claverhouse”) u The Association of Investment Trust Companies, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Commissioners of HM Revenue and Customs (aktar ’il quddiem il-“Commissioners”), dwar is-suġġett tar-rifjut ta’ dawn ta’ l-aħħar li jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar ’il quddiem il-“VAT”) is-servizzi ta’ maniġġjar provduti lil kumpannija ta’ Trust ta’ l-Investiment (Investment Trust Company, aktar ’il quddiem l-“ITC”).
Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 13B(d)(6), tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT, taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu sabiex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet previsti aktar ’il quddiem u l-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni, evitar u abbuż possibbli:
“maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri;”.
4 Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 375, p. 3), kif emendata diversi drabi, b’mod partikolari mid-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2002 (ĠU L 41, p. 35), u l-aħħar darba mid-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2005 (ĠU L 79, p. 9) (aktar ’il quddiem id-“Direttiva UCITS”), tipprevedi fl-Artikolu 1 tagħha:
“1. L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (hawnhekk iżjed ’il quddiem magħrufa bħala UCITS) li jinstabu fit-territorju tagħhom.
2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, u soġġett għall-Artikolu 2, UCITS għandhom ikunu impriżi:
– li l-unika mira hija l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u/jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 19(1) ta’ kapital miġbur mill-pubbliku u li jopera fuq il-prinċipju ta’ tixrid tar-riskju u
– li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi assigurat li l-valur tal-borża ta’ l-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom ta’ l-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew il-fidwa.
[…]
3. Dawn l-impriżi jistgħu jiġu kkostitwiti skond il-liġi, jew taħt it-liġi ta’ kuntratt (bħala fondi komuni amministrati minn kumpanniji ta’ amministrazzjoni) jew il-liġi dwar it-“trusts”; (bħala unitajiet ta’ trust) jew taħt statut (bħala kumpanniji ta’ investiment).”
5 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva UCITS jiddisponi li l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (aktar ’il quddiem l-“impriżi ta’ investiment kollettiv”) tat-tip “magħluqa”, m’għandhomx ikunu suġġetti għal din id-Direttiva.
6 Is-sitt premessa tad-Direttiva UCITS hija fformulata kif ġej:
“Billi l-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandha tkun limitata inizjalment għal impriżi ta’ investiment kollettiv barra minn dawk tat-tip “magħluqa” li jippromwovu l-bejgħ ta’ l-unitajiet tagħhom lill-pubbliku fil-Komunità u li l-uniku l-objettiv tagħhom hu l-investiment f’titoli trasferibbli (li huma essenzjalment titoli trasferibbli uffiċjalment elenkati fil-boroż jew swieq simili rregolati); billi r-regolament ta’ l-impriżi ta’ investiment kollettiv li mhumiex koperti b’din id-Direttiva joħloq varjetà ta’ problemi li għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ dispożizzjonijiet oħrajn, u dawn l-impriżi jkunu għalhekk is-suġġett ta’ koordinazzjoni aktar tard; [...]”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 L-Artikolu 13B(6) tas-Sitt Direttiva ġiet implementata mir-Renju Unit permezz tal-liġi ta’ l-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (Value Added Tax Act 1994, iktar ’il quddiem il-“VATA 1994”).
8 Il-punti 9 u 10 tal-grupp 5 ta’ l-Anness 9 tal-VATA 1994 jeżentaw, ripsettivament, l-immaniġġjar ta’ fondi ta’ investiment awtorizzati (“authorised unit trust”, aktar ’il quddiem l-“AUT”) u l-immaniġġjar ta’ ishma ta’ kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli (“open-ended investment company”, aktar ’il quddiem l-“OEIC”).
9 Il-kunċetti ta’ AUT u ta’ OEIC imsemmija mill-VATA 1994 huma ddefiniti mil-liġi ta’ l-2000 fuq is-Servizzi u Swieq Finanzjarji (Financial Services and Markets Act 2000), li tittrasponi parzjalment fir-Renju Unit id-Direttiva UCITS.
10 Jirriżulta mill-inkartament li l-ITC huma, fil-prinċipju, iddefiniti skond il-kriterji li hemm fl-Artikolu 842 tal-liġi ta’ l-1988 dwar it-taxxa fuq id-dħul u t-taxxa fuq il-kumpanniji (Income and Corporation Taxes Act 1988). Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li kumpannija għandha tissodisfa sabiex ikollha dritt, bħala ITC, għal eżenzjoni fuq it-taxxa fuq id-dħul kapitali.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Claverhouse hija ITC li, sabiex tamministra l-portafolli tagħha, tinqeda bis-servizz ta’ maniġġjar ta’ terz, jiġifieri JP Morgan Fleming Asset Management (UK Limited).
12 Claverhouse hija suġġetta għall-VAT għas-servizzi ta’ maniġġjar li minnhom hija tibbenefika, peress li l-Kummissarji jirrifjutaw li jittrattaw l-għoti ta’ servizzi ta’ maniġġjar lil ITC bħala prestazzjoni eżenti mill-VAT. Għalhekk, Claverhouse ħallset, waqt perijodu ta’ għaxar snin li għalaq fil-31 ta’ Diċembru 2003, ammont ta’ GBP 2,7 miljun ta’ VAT li ma jistax jiġi rkuprat.
13 F’dan il-kuntest, Claverhouse u The Association of Investment Trust Companies, assoċjazzjoni li tirrappreżenta ċertu numru ta’ ITC li jeżerċitaw l-attivtajiet tagħhom fis-suq tar-Renju Unit, kienu ressqu rikors kontra l-Kummissarji quddiem il-qorti tar-rinviju.
14 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-AUT, ikkostitwiti taħt il-liġi tat-trust, u l-OEIC, ikkostitwiti taħt statut, huma fondi speċjali ta’ investiment fejn in-numru rispettiv ta’ l-unitajiet u tal-partijiet, miżmuma mill-investituri, jinbidel skond l-investimenti. Fil-fatt, l-AUT u l-OEIC huma fondi ta’ kapital varjabbli (jew fondi tat-tip miftuħ) li huma obbligati jixtru l-unitajiet tagħhom jew il-partijiet tagħhom għal investituri li jixtiequ jbigħuhom. L-ITC, li għandhom il-forma statutorja, huma, min-naħa l-oħra, fondi ta’ kapital fiss (jew fondi tat-tip magħluq). L-ITC huma skemi ta’ investiment kollettiv, ikkostitwiti bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata kkwotati fil-borża. L-investitur li jixtieq itemm is-sehem tiegħu f’dan l-aħħar tip ta’ fondi jbigħ il-partijiet tiegħu ġeneralment fis-suq sekondarju bħal borża fejn il-prezz jiġi nnegozjat skond l-offerta u d-domanda fis-suq.
15 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, għall-kuntrarju ta’ l-AUT u l-OEIC, l-ITC mhumiex suġġetti għall-approvazzjoni mill-Financial Services Authority (l-Awtorità ta’ Kontroll tas-Servizzi Finanzjarji) skond il-liġi ta’ l-2000 fuq is-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji. Madankollu, bħall-kumpanniji kollha kkwotati fil-borża, dawn huma rregolati mill-Financial Services Authority fil-kapaċità tagħha ta’ Listing Authority (Awtorità ta’ Swieq tal-Borża).
16 Il-qorti ta’ rinviju tirrileva, barra minn dan, li l-immaniġġjar ta’ l-AUT u l-OEIC għandu jiġi fdat lil amministratur estern, filwaqt l-ITC għandhom bord ta’ diretturi li jista’ jmexxi l-investimenti. Mandakollu, 90 % ta’ l-ITC jagħtu l-immaniġġjar ta’ l-investimenti lil amministratur estern tal-fondi.
17 Fl-aħħar nett, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fir-Renju Unit, l-OEIC, li l-kapital tagħhom huwa varjabbli, li jikkostitwixxu impriżi ta’ investiment kollettiv fis-sens tad-Direttiva UCITS u li huma obbligati jirrikorru għal terz għall-immaniġġjar tal-fondi tagħha, jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT għall-prestazzjonijiet li huma mogħtija lilhom mill-amministratur estern tagħhom, filwaqt li l-kumpanniji ta’ investiment ta’ kapital fiss bħall-ITC ma jibbenefikawx minn tali eżenzjoni.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal, London, iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1. It-termini ‘fondi speċjali ta’ investiment’ fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva huma ta’ natura li jinkludu fondi ta’ investiment ta’ kapital fiss bħalma huma l-ITC?
2. Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, il-parti tas-sentenza ‘kif defniti mill-Istati Membri’, fl-Artikolu 13B(d)(6) [tas-Sitt Direttiva]:
(a) tawtorizza lill-Istati Membri li jagħżlu ċerti ‘fondi speċjali ta’ investiment’ li qegħdin fit-territorju tagħhom sabiex jagħtuhom il-benefiċċju ta’ eżenzjoni tal-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ maniġġjar, u li jeskludu fondi oħrajn minn din l-eżenzjoni, jew
(b) tobbliga lill-Istati Membri jidentifikaw, permezz tal-fondi li qegħdin fit-territorju tagħhom, dawk li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ ‘fondi speċjali ta’ investiment’, u li jestendu d-definizzjoni ta’ l-eżenzjoni għal dawn il-fondi kollha?
3. Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħżlu ‘fondi speċjali ta’ investiment’ li jibbenfikaw mill-eżenzjoni, x’effett għandhom il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ trattament ugwali, u ta’ prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali?
4. L-Artikolu 13B(d)(6) [tas-Sitt Direttiva] għandu effett dirett?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
19 Skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li għandhom jingħataw definizzjoni Komunitarja li jkollha bħala għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għall-ieħor (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn, C-428/02, Ġabra p. I-1527, punt 27; tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 22; ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Ygeia, C-394/04 u C-395/04, Ġabra p. I-10373, punt 15; ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra I-4027, punt 38, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, VDP Dental Laboratory, C-401/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).
20 Madankollu, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jiddefinixxu ċerti termini ta’ eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Gemeente Emmen, C-468/93, Ġabra p. I-1721, punt 25, u Abbey National, iċċitata aktar ’il fuq, punt 39).
21 F’dan il-każ, hija kompetenza ta’ l-Istati Membri li jiddefenixxu l-kunċetti in kwistjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C-443/04 u C-444/04, Ġabra p. I-3617, punt 29), filwaqt li jiġu mħarsa t-termini ta’ l-eżenzjoni użati mil-leġiżlatur Komunitarju.
22 Barra dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-VAT, li meta l-Istati Membri huma kompetenti li jiddefinixxu t-termini ta’ eżenzjoni, huma ma jistgħux jiksru l-għanijiet imħaddna mis-Sitt Direttiva jew il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata din id-Direttiva, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Gemeente Emmen, iċċitata aktar ’il fuq. punt 25, u tat-12 Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 31).
Fuq l-ewwel domanda
23 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” li hemm fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jistax jinkludi l-fondi ta’ investiment ta’ kapital fiss bħalma huma l-ITC.
24 Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-gvern tar-Renju Unit, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li t-termini “fondi speċjali ta’ investiment” jistgħu jinkludu fondi ta’ investiment ta’ kapital fiss bħalma huma l-ITC.
25 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma fih l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”.
26 Fil-punt 53 tas-sentenza Abbey National, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13B(d)(d)(6) tas-Sitt Direttiva jirrigwarda l-fondi speċjali ta’ investiment indipendentement mill-forma ġuridika tagħhom. Għaldaqstant, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kemm l-impriżi ta’ investiment kollettiv ikkostitwiti taħt il-liġi tal-kuntratti jew il-liġi dwar it-trusts, kif ukoll dawk ikkostitwiti taħt statut.
27 Għalhekk, għalkemm il-forma ġuridika mhijiex determinanti għall-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” li hemm fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, xorta għandha tiġi eżaminata r-rilevanza tal-forma operattiva f’dan ir-rigward.
28 La jirriżulta mill-formulazzjoni u lanqas mill-kuntest ta’ l-Artikolu 13B(d) (6) tas-Sitt Direttiva li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li jawtorizza lill-Istati Membri, meta huma jiddefinixxu t-termini ta’ l-eżenzjoni, li jistabbilixxu differenzi skond il-forma operattiva adottatta mill-fondi speċjali ta’ investiment.
29 Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva li l-immaniġġjar ta’ fondi b’kapital varjabbli huwa eżenti mill-VAT, u mhux l-immaniġġjar ta’ fondi b’kapital fiss, tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali li fuqu, b’mod partikolari, hija bbażata s-sistema komuni tal-VAT stabbilita mis-Sitt Direttiva u li jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-ġbir tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, Cimber Air, C-382/02, Ġabra p. I-8379, punti 23 u 24; tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 39, u Abbey National, iċċitata aktar ’il fuq, punt 56).
30 Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fondi b’kapital fiss m’għandhom l-ebda differenza rilevanti li tipprekludi, a priori, il-klassifikazzjoni tagħhom bħala fondi speċjali ta’ investiment fis-sens ta’ l-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, bħalma huma l-fondi ta’ kapital varjabbli.
31 Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-gvern tar-Renju Unit, ma jistax isir riferiment b’mod utli għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva UCITS sabiex tiġi dedotta minnha interpretazzjoni limitata tal-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” imsemmi fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.
32 Għalkemm jirriżulta mill-premessi u t-termini tad-Direttiva UCITS li din għandha bħala għan il-koordinazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-impriżi ta’ investiment kollettiv, jibqa’ l-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tas-Sitt Direttiva, it-terminoloġija Komunitarja fil-qasam tal-fondi speċjali ta’ investiment kienet għadha mhux armonizzata, peress li d-Direttiva UCITS, li l-Artikolu 1(3) tagħha jagħti definizzjoni Komunitarja ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, ġiet adottata biss fl-1985 (ara s-sentenza Abbey National, iċċitata aktar ’il fuq, punt 55).
33 Barra minn hekk, anki jekk ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħal, b’mod partikolari, il-verżjonijiet Spanjoli, Franċiżi, Taljani u Portugiżi ta’ l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva UCITS, meta jindikaw l-impriżi ta’ investiment kollettiv li għandhom il-forma kuntrattwali, huma jużaw l-istess espressjoni kif tidher fl-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, sabiex jiddeskrivu l-fondi kuntrattwali b’kapital varjabbli u mhux il-fondi li għandhom il-forma ta’ trust jew il-fondi satutorji, dan mhuwiex il-każ fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari l-verżjonijiet Ingliżi, Daniżi u Ġermaniżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abbey National, iċċitata aktar ’il fuq, punt 55).
34 Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi invokat li l-armonizzazzjoni stabbilita mid-Direttiva UCITS ma testendix għall-fondi ta’ kapital fiss. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif enfasizzat il-Kummissjoni, li l-fondi ta’ kapital fiss m’humiex esklużi b’mod definittiv mill-miżuri ta’ koordinazzjoni msemmija f’din id-Direttiva. Fil-fatt, jirriżulta mis-sitt premessa tagħha li dawn il-fondi huma sempliċement esklużi temporanjament mill-koordinazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, m’huwiex eskluż li l-fondi b’kapital fiss jiġu sussegwentement armonizzati.
35 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal qabel li kumpannija ta’ investiment b’kapital fiss bħalma hija ITC, li tinqeda b’servizzi ta’ maniġġjar ta’ terz, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” li hemm fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.
36 Din l-interpretazzjoni m’hija bl-ebda mod imwaqqa’ mill-fatt li l-fondi ta’ kapital fiss m’għandhomx l-obbligu li jirrikorru għal amministratur estern iżda jistgħu wkoll jagħżlu li jmexxuhom huma stess. Fil-fatt, il-fatt li l-fondi b’kapital fiss bħalma huma l-ITC għandhom, għall-kuntrarju ta’ l-OEIC, il-possibbiltà li jmexxu lilhom infushom u mhux l-obbligu li jirrikorru għal maniġġjar estern m’għandu ebda effett fuq is-sitwazzjoni ta’ ITC li tiddeċiedi li tqabbaq amministratur estern. Safejn tali fondi jagħżlu li jinqdew b’amministratur estern, huma jinsabu oġġettivament fl-istess sitwazzjoni bħal fondi ta’ kapital varjabbli, bħalma OEIC li għandha bil-fors tinqeda b’amministratur estern.
37 Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” f’din id-dispożizzjoni huwa ta’ natura li jinkludi l-fondi b’kapital fiss bħalma huma l-ITC.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
38 Bit-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, x’inhi l-portata tat-termini “kif definiti mill-Istati Membri” li jinsabu fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.
39 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li l-Istati Membri biss huma awtorizzati jidentifikaw, fost il-fondi li qegħdin fit-terrtiorju tagħhom, dawk li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”. Skond il-Kummissjoni, ladarba fondi kienu ġew identifikati bħala fondi speċjali ta’ investiment, dawn għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT prevista mill-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva. Is-setgħa diskrezzjonali ta’ l-Istati Membri ma testendix, għalhekk, għall-applikazzjoni effettiva jew le tas-sistema tal-VAT. Il-Kummissjoni żżid li l-identifikazzjoni ta’ fondi għandha ssir fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva UCITS.
40 Il-gvern tar-Renju Unit, min-naħa tiegħu, isostni li interpetazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” li jinsab fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandha neċessarjament issir flimkien ma’ interpretazzjoni tat-termini “kif definiti mill-Istat Membru” li skond din l-Istati Membri ngħataw setgħa diskrezzjonali kbira sabiex jagħżlu l-fondi li għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni.
41 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li t-trattament li jiddefinixxi l-kontenut ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” ma jawtorizzax l-Istati Membri jagħżlu ċerti fondi li qegħdin fit-territorju tagħhom sabiex jagħtuhom il-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni u li jeskludu fondi oħrajn minn din l-eżenzjoni. Fil-fatt mill-punt 21 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-termini “fondi speċjali ta’ investiment” għandhom ikunu l-punt ta’ tluq tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri.
42 Issa, l-interpretazzjoni li huma l-Istati Membru li għandhom jagħżlu l-fondi ta’ investiment li jibbenefikaw mill-eżenzjoni u li jeskludu oħrajn minnha timplika ċ-ċaħda stess tat-termini ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT għal dawn il-fondi.
43 L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma jagħtix għalhekk lill-Istati Membri s-setgħa li jiddefinixxu, fil-liġi tagħhom nazzjonali, il-fondi li jikkorrispondu għall-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”. Din is-setgħa għandha, kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, tiġi eżerċitata fil-ħarsien ta’ l-għan imħadden mis-Sitt Direttiva u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT.
44 Għandu għalhekk, jiġi eżaminat jekk il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva humiex imħarsa meta persuna taxxabbli titlob li s-servizzi ta’ maniġġjar mogħtija lilha jkunu rrikonoxxuti li jaqgħu taħt l-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni.
45 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-għan ta’ l-eżenzjoni ta’ l-operazzjonijiet konnessi mal-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva huwa, b’mod partikolari, li jiffaċilita għall-investituri żgħar l-investiment f’titoli permezz ta’ impriżi ta’ investiment billi jiġu esklużi l-ispejjeż tal-VAT. Fil-fatt din id-dispożizzjoni hija intiża li tassigura li s-sistema komuni tal-VAT tkun fiskalment newtrali fir-rigward ta’ l-għażla bejn l-investiment dirett f’titoli u dak li jseħħ permezz ta’ l-intermedjarju ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv (sentenza Abbey National, iċċitata aktar ’il fuq, punt 62).
46 Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju tan-newtralità fiskali, li huwa inerenti fis-sistema komuni tal-VAT, jiġi mfakkar li dan il-prinċipju jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti għal dak li jirrigwarda l-ġbir tal-VAT. Issa, dan il-prinċipju ma jeżiġix li l-operazzjonijiet ikunu identiċi. Fil-fatt jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-imsemmi prinċipju jipprekludi li prestazzjonijiet ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mil-lat tal-VAT (ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20; tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 24; Kingscrest, Associates u Montecello, iċċitata aktar ’il fuq, punt 54; tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.p., C-106/05, Ġabra p. I-5123, punt 32; Turn- und Sportunion Waldburg, iċċitata aktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, iċċitata aktar ’il fuq, punt 39).
47 Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jinkludi l-prinċipju tat-tneħħija ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn trattament differenti mil-lat tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-481/98, Ġabra p. I-3369, punt 2). Għalhekk, id-distorsjoni hija stabbilita meta jiġi kkonstatat li prestazzjonijiet ta’ servizzi huma fi stat ta’ kompetizzjoni u huma ttrattati b’mod mhux ugwali mil-lat tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-404/99, Ġabra, p. I-2667, punti 45 sa 47). Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, jekk id-distorsjoni stabbilita hijiex sinjifikattiva jew le.
48 Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li kull applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-immaniġġjar ta’ fondi ta’ investiment b’kapital fiss mill-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tmur kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali safejn dawn il-fondi b’kapital fiss ikunu impriżi ta’ investiment kollettiv li jippermettu lill-investituri l-investiment f’dawn it-titoli, u fejn l-imsemmija fondi jkunu f’kompetizzjoni mal-fondi eżenti mill-VAT.
49 Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverfika jekk l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi ma’ l-għan ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali fid-dawl ta’ l-indikazzjonijiet mogħtija f’din is-sentenza.
50 F’dan ir-rigward, huwa possibbli li jingħataw lill-qorti tar-rinviju ċerti indikazzjonijiet addizzjonali fid-dawl ta’ l-informazzjoni li hija kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, huwa kkonstatat li, f’kull każ, l-immaniġġjar ta’ l-AUT u OEIC li jikkostitwixxu impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fid-Direttiva UCITS, jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT fir-Renju Unit. Għalkemm, bħalissa, l-ITC ma jikkostitwixxux impriżi ta’ investiment kollettiv fis-sens tad-Direttiva UCITS, jibqa’ l-fatt li, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-AUT, OEIC u ITC huma t-tliet forom ta’ investiment speċjali b’riskju maqsum. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ITC, bħall-AUT ut OEIC, jinvolvu investiment ta’ titoli permezz ta’ impriża kollettiva li tippermetti lil investituri privati jinvestu f’portafolli ta’ investimenti differenti u jnaqqsu r-riskju tal-borża.
51 Jirriżulta għalhekk mill-konstatazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-immaniġġjar ta’ ITC jaqa’ fl-għan tas-Sitt Direttiva u li l-ITC jikkostitwixxu fondi ta’ investiment li jixbhu lill-AUT u lill-OEIC, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-esklużjoni ta’ ITC mill-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma tidhirx ġustifikata fid-dawl ta’ l-għan ta’ din id-dispożizzjoni u tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
52 Hekk kif sostniet il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk din l-interpetazzjoni jkollhiex bħala riżultat li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva testendix ukoll għall-fondi oħrajn barra dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, m’hijiex is-suġġett ta’ domandi preliminari sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja.
53 Għandu jingħad ukoll li l-klassifikazzjoni fi dritt nazzjonali ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” ma tistax tiġġustifika l-fatt li huma jibbenefikaw minn eżenzjoni Komunitarja bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Jeħtieġ ukoll li dawn ikunu fondi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens ta’ l-Artikolu 13 B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva u li jistgħu jkunu eżenti fid-dawl ta’ l-għan ta’ din id-Direttiva u tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
54 Fid-dawl tal-premessi li saru qabel, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali sabiex jiddefinixxu l-fondi fit-territorju tagħhom li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” għall-iskop ta’ l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Madankollu fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, l-Istati Membri għandhom iħarsu l-għan imħaddan minn din id-dispożizzjoni, li huwa li jiffaċilita l-investiment ta’ titoli għall-investituri permezz ta’ impriżi ta’ investiment, filwaqt li jiggarantixxiu l-prinċipju ta’ newtralità fiskali mil-lat tal-ġbir tal-VAT fuq l-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment li qegħdin f’kompetizzjoni ma’ fondi speċjali ta’ investiment oħra, bħall-fondi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva UCITS.
Fuq ir-raba’ domanda
55 Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandux effett dirett.
56 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li huma għandhom dritt li jinvokaw din id-dispożizzjoni. Il-fatt biss li din tidher li tħalli lill-Istati Membri ċerta diskrezzjoni fid-definizzjoni li huma jagħtu lill-fondi speċjali ta’ investiment ma jistax ikun ta’ xkiel għall-possibbiltà li tiġi invokata meta l-miżuri nazzjonali li jimplementawha jeċċedu l-limiti ta’ din id-diskrezzjoni meta dawn imorru kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali u/jew kontra l-għan imħadden mill-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni. Il-Kummissjoni hija ta’ l-istess opinjoni u żżid li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jista’ jiġi invokat direttament, safejn il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali ta’ l-Istati Membri jkunu ċari, preċiżi u suffiċjentement inkundizzjonati.
57 Il-gvern tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, jikkunsidra li l-Artikolu 13B(d) (6) tas-Sitt Direttiva m’għandux effett dirett peress li dan jeżiġi trażpożizzjoni addizzjonali mill-Istati Membri.
58 F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru li huma, mil-lat tal-kontenut tagħhom, bla kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fit-termini previsti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li mhijiex konformi mad-Direttiva, jew ukoll safejn huma jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 25; ta’ l-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I-6833, iċċitata aktar ’il fuq, punt 51 ; ta’ l-20 ta’ Mejju 2003 Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I-4989, punt 98, kif ukoll Linneweber u Akriditis, iċċitata aktar ’il fuq, punt 33).
59 Fir-rigward tal-kontenut ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li dan jindika b’mod suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat li l-immaniġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment għandu jkun eżenti.
60 Il-fatt li din id-dispożizzjoni tikkonferma l-eżistenza ta’ diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri mhuwiex ta’ natura li jqiegħed in kwistjoni din l-interpretazzjoni jekk, skond indikazzjonijiet oġġettivi, il-prestazzjoni kkontestata tissodisfa l-kriterji għall-imsemmija eżenzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C-45/01, Ġabra p.I-12911, punt 81).
61 Għalhekk, il-fatt li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali billi jispeċifika li dawn huma kompetenti li jiddefinixxu l-fondi speċjali ta’ investiment, ma jżommx lill-interessati milli jinvokaw direttament din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Dornier, iċċitata aktar ’il fuq, punt 81), meta Stat Membru, li jeżerċita din id-diskrezzjoni, ikun adotta miżuri nazzjonali li mhumiex kompatibbli ma’ din id-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Linneweber u Akriditis, iċċitata aktar ’il fuq, punti 36 u 37).
62 Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu effett dirett, fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna taxxabbli quddiem qorti nazzjonali sabiex topponi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
63 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tielet Awla taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” f’din id-dispożizzjoni huwa ta’ natura li jinkludi l-fondi b’kapital fiss bħalma huma l-Kumpanniji ta’ trust ta’ l-Investiment (Investment Trust Companies).
2) L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali sabiex jiddefinixxu l-fondi fit-territorju tagħhom li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” għall-iskop ta’ l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, l-Istati Membri għandhom iħarsu l-għan imħadden minn din id-dispożizzjoni, li huwa li jiffaċilita l-investiment ta’ titoli għall-investituri permezz ta’ impriżi ta’ investiment filwaqt li jiggarantixxu l-prinċipju ta’ newtralità fiskali mil-lat tal-ġbir tal-VAT fuq l-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment li qegħdin f’kompetizzjoni ma’ fondi speċjali ta’ investiment oħra, bħall-fondi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) emendata mid-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2005.
3) L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu effett dirett, fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna taxxabbli quddiem qorti nazzjonali sabiex topponi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.