Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Diċembru 2006 (*)

"Sitt Direttiva – Eżenzjonijiet – Artikoli 13(A)(1)(e) – Portata ta’ l-eżenzjoni – Manifattura u tiswija ta’ proteżijiet dentali minn intermedjarju li mhuwiex dentista jew tekniku dentali – Subappalt lil tekniku dentali"

Fil-kawża C-401/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2005, fil-proċedura

VDP Dental Laboratory NV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal VDP Dental Laboratory NV, minn R. Oorthuizen, belastingadviseur,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Mol, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Elleniku, minn S. Spyropoulos u K. Boskovits, kif ukoll minn O. Patsopoulou, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u A. Weimar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 13(A)(1)(e), 17(3)(a), u 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta’ l-10 ta’ April 1995 (ĠU L 102, p. 18, iktar ‘il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn VDP Dental Laboratory NV (iktar ‘il quddiem "VDP") u s-Staatssecretaris van Financiën (is-Segretarju ta’ l-Istat għall-Finanzi), għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ din l-impriża li tnaqqas, għas-snin 1996 u 1998, it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem il-"VAT") fuq l-input imposta fuq il-provvista ta’ proteżijiet dentali, imwettqa għal dentisti stabbiliti fl-Olanda u fi Stati Membri oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jissuġġetta għall-VAT "il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali".

4       L-Artikolu 13(A)(1)(e) ta’ din id-direttiva jiddisponi li:

« "Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż

A. Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku

1. Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

e)      servizzi fornuti mit-tekniċi dentali fil-kapaċità tal-professjoni tagħhom u prototeżi [proteżijiet] dentali pprovduti mid-dentisti u tekniċi dentali".

5       L-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva, kif emendata bl-Artikolu 28f(1) ta’ din l-istess direttiva, jipprovdi, taħt it-titolu "Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas":

"2.      Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu [tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha], il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a)      [il-VAT] dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra".

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       Fil-verżjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Diċembru 1997, l-Artikolu 11(1)(g) tal-liġi dwar il-fatturat (Wet op de omzetbelasting), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Stb. 1968 Nru 329, iktar ‘il quddiem il-"liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT"), kienet tipprovdi li jkunu eżenti mill-VAT:

""il-provvisti u s-servizzi mwettqa mid-dentisti u t-tekniċi dentali […]"

7       Wara l-1 ta’ Diċembru 1997, l-Artikolu 11 (1)(g) tal-liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT jiddisponi li huma eżenti mill-VAT:

""is-servizzi mogħtija mill-psikologi u t-tekniċi dentali; il-provvista ta’ proteżijiet dentali […]"

8       L-Artikolu 15(2) ta’ din il-liġi jipprovdi li:

"Sa fejn il-beni u s-servizzi jiġu użati għall-eżiġenzi tal-provvisti msemmija [fl-Artikolu] 11 […], id-dritt għal tnaqqis huwa applikabbli biss għall-provvisti indikati fl-Artikolu [11] (i), (j) u (k), bil-kundizzjoni li d-destinatarju ta’ dawn il-provvisti jkollu indirizz permanenti tiegħu jew ikun stabbilit barra l-Komunità jew li dawn il-provvisti jikkonċernaw direttament l-oġġetti li se jiġu esportati lejn pajjiż li mhuwiex fil-Komunità."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       VDP hija impriża stabbilita fl-Olanda li l-attività tagħha tikkonsisti f’li twettaq, fuq talba tad-dentisti stabbiliti f’dan l-Istat Membru, fi Stati Membri oħra kif ukoll f’pajjiżi terzi, xogħol tekniku dentali, bħall-inkapsular ta’ sinna, mili u bridgework. Wara li tkun ivverifikat jekk il-kisja ta’ ġibs għas-snien magħmula mid-dentisti tkunx tista’ tintuża għall-iffabbrikar ta’ proteżi dentali, VDP tindirizza dawn il-kisjiet lil laboratorju li jinsab barra mill-Komunità, li minnhom jintalab jiffabbrika proteżi dentali fuq din il-bażi. Malli din il-proteżi tkun lesta, il-laboratorju jgħaddiha lil VDP, li tħallas prezzha lilha u, skond il-każ, timportaha fil-Komunità. Wara, VDP tipprovdi l-proteżi bi ħlas lid-dentist li jkun ordnaha. VDP ma timpjegax tekniċi dentali jew dentisti.

10     Fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT għall-perijodu ta’ l-1 ta’ Jannar 1996 sal-31 ta’ Diċembru 1998, VDP stmat li l-provvisti magħmula permezz tagħha lil dentisti stabbiliti fl-Olanda kienu eżenti mill-VAT u, konsegwentement, skond l-Artikolu 15(2) tal-Liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT, hija ma naqqsitx l-input VAT dwar dawn il-provvisti, ħlief għal dik dwar il-provvisti magħmula lil dentisti stabbiliti barra mill-Olanda.

11     Intbagħat avviż ta’ aġġustament tal-VAT lil VDP għal dak li jikkonċerna dan il-perijodu. Fil-fatt, skond l-ispettur tad-Dipartiment tat-Taxxi, billi VDP twettaq biss provvisti elenkati fl-Artikolu 11 tal-Liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT, hija mhijiex awtorizzata tnaqqas din it-taxxa, anki f’dak li jikkonċerna l-provvisti magħmula lil dentisti stabbiliti barra mill-Olanda, ħlief fil-każ fejn in-nuqqas ta’ tnaqqis iwassal għal tassazzjoni doppja, minn naħa, billi l-prodotti huma esportati lejn pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ provvista intrakomunitarja bil-kundizzjoni li VDP issemmi n-numru tal-VAT tax-xerrej u li tagħmel dikjarazzjoni ta’ provvista intrakomunitarja. Dawn l-aħħar kundizzjonijiet ma kinux madankollu ssodisfatti fil-kawża.

12     B’sentenza tat-13 ta’ Jannar 2003, il-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet, kontra dak sostnut mill-ispettur tad-Dipartiment tat-Taxxi, li l-provvisti ta’ VDP għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1996 sat-30 ta’ Novembru 1997 mhumiex eżenti taħt l-Artikolu 11(1)(g) tal-Liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Diċembru 1997, b’mod li l-aġġustament li VDP wettqet ma kinitx iġġustifikata għal dan il-perijodu.

13     Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Diċembru 1997 sal-31 ta’ Jannar 1998, il-Gerechtshof te Amsterdam stmat li l-attivitajiet ta’ VDP jissodisfaw il-kundizzjonijiet ipprovduti minn din id-dispożizzjoni fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 1997. Fil-fatt, minkejja li l-attivitajiet ta’ VDP ma jistgħux jitqiesu li huma provvista ta’ proteżi dentali minn tekniku dentali skond l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva, billi l-ebda impjegat ta’ VDP m’għandu diploma ta’ tekniku dentali u li VDP sempliċement tirċievi l-ordni, tevalwa l-kisja ta’ ġibs, tittrażmetti l-ordni ta’ manifattura tal-proteżi dentali lil terz u tipprovdi din ta’ l-aħħar lill-klijent, jibqa’ l-fatt li, skond din il-qorti, l-Artikolu 11(1)(g) tal-Liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT, għall-kuntrarju ta’ din id-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva, ma jimponi l-ebda kundizzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-fornitur li jwettaq il-provvista. Għaldaqstant, il-Gerechtshof te Amsterdam ċaħad it-tnaqqis ta’ VDP għal dan il-perijodu għar-raġuni li peress li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(1)(g) tal-Liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT kienu indissolubbilment marbuta ma’ l-esklużjoni tad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT, VDP ma setgħatx fl-istess ħin tinvoka l-eżenzjoni prevista f’dan l-Artikolu u, bil-għan li tnaqqas il-VAT, id-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva li permezz tagħha l-provvisti tagħha mhumiex eżenti.

14     Fl-appell tagħha fil-Kassazzjoni ppreżentat għand il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema ta’ l-Olanda), VDP sostniet li kellha dritt tnaqqas il-VAT f’dak li jikkonċerna l-provvisti mwettqa fi Franza u fl-Italja. Billi, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri, il-provvisti ta’ xogħol dentali li twettqu minn VDP mhumiex suġġetti għal eżenzjoni, il-prodotti u servizzi mixtrija minnha għall-provvista ta’ proteżi dentali lid-dentisti stabbiliti f’dawn l-Istati Membri huma fil-fatt użati fil-kuntest tal-provvisti taxxabbli skond is-Sitt Direttiva. L-Artikolu 17(2) ta’ din id-Direttiva għalhekk jimplika li VDP tista’, f’dan ir-rigward, tnaqqas il-VAT.

15     Fil-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden tosserva li ma jistax jiġi dedott la mill-ifformular ta’ l-Artikolu 11(1)(g) tal-Liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 1997, la mit-tnissil tiegħu, li l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-fornitur ikollu kwalità speċifika. Din il-qorti tistaqsi madankollu dwar jekk din il-konklużjoni tikkostitwixxix applikazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva. Minn naħa, l-għan tat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż mediċi jista’ jmur favur l-eżenzjoni tal- provvisti kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-76/99, Ġabra p. I-249, punt 23). Min-naħa l-oħra, madankollu, interpretazzjoni aktar stretta tista’ twassal li, taħt it-termini "provvista ta’ proteżi dentali minn tekniċi dentali", jiġu biss inklużi l-provvisti minn tekniku dentali li jaġixxi f’din il-kwalità.

16     Issa, il-Hoge Raad der Nederlanden tistaqsi jekk, meta provvista ta’ proteżi dentali titlaq minn Stat Membru li jeżenta, skond is-Sitt Direttiva, din il-provvista lejn Stati, bħar-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana, fejn il-provvista tiġi intaxxata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva flimkien mal-punt 2 ta’ l-Anness E tagħha, l-Artikolu 17(3)(a) ta’ din id-direttiva jkunx ta’ ostaklu għat-tnaqqis tal-VAT jew jekk il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jimponix fuq l-Istat Membru ta’ dispaċċ li jawtorizza dan it-tnaqqis. F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li jekk l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva ma jagħtix dritt għat-tnaqqis tal-VAT fl-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 13 tagħha, l-Artikolu 17(3)(b) ta’ l-istess direttiva jagħti wkoll dritt għat-tnaqqis favur l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 28ċ f’dak li jikkonċerna l-provvisti intrakomunitarji.

17     Peress illi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet taqta’ din il-kwistjoni fil-kawża Eurodental (C-240/05), li hija pendenti quddiemha, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċediment u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejja:

"1)      L-Artikolu 13(A) initio u (e) tas-[Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretatat fis-sens li, bit-termini "provvista ta’ proteżi dentali minn tekniċi dentali", għandu jinftiehem ukoll il-provvista ta’ proteżi dentali minn persuna taxxabbli li tiddelega l-manifattura lil tekniku dentali?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun pożittiva, l-Artikolu 17(3)(a) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru, li eżenta [mill]-VAT il-provvisti in kwistjoni iktar ‘il fuq, għandu madankollu jagħti dritt għat-tnaqqis dwar dawn il-provvisti sa fejn dawn iseħħu (b’mod partikolari abbażi ta’ l-Artikolu 28b(B)(1) initio u l-ewwel inċiż, tas-Sitt Direttiva) fi Stat Membru ieħor li eskludihom mill-eżenzjoni b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28(3)(a) flimkien mal-punt 2 ta’ l-Anness E tas-Sitt Direttiva?"

 Fuq id-domandi preliminari

18     Bl-ewwel domanda, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk l-eżenzjoni tal-VAT ipprovduta fl-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva hijiex applikabbli għall-provvisti ta’ proteżi dentali mwettqa minn fornitur li jkun iddelega l-manifattura lil tekniċi dentali.

19     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda qed titqiegħed f’dak li jikkonċerna provvisti mwettqa minn fornitriċi, VDP, li hija stess ma timpjegax la dentisti u lanqas tekniċi dentali, iżda li teżerċita attivitajiet kummerċjali intermedjarji li fil-kuntest tagħhom hija tixtri proteżi dentali mingħand tekniċi dentali biex tbigħhom lil dentisti jew lil individwi.

20     Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-il-provvisti ta’ proteżi dentali mwettqa minn intermedjarju kummerċjali bħal dan, li m’għandux il-kwalità ta’ dentist jew ta’ tekniku dentali, jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva.

21     Skond il-Gvern Olandiż, il-provvisti kollha ta’ proteżi dentali mmanifatturati minn tekniċi dentali jaqgħu taħt l-eżenzjoni pprovduta f’din id-dispożizzjoni, kemm jekk dawn il-proteżi jkunu pprovduti direttament minn tekniċi dentali u kemm jekk indirettament permezz ta’ intermedjarju. Min-naħa l-oħra, VDP, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li din l-eżenzjoni mhijiex applikabbli.

22     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-Sitt Direttiva tagħti kamp ta’ applikazzjoni ferm wiesa’ lill-VAT li tinkludi l-attivitajiet kollha ekonomiċi tal-produttur, tal-kummerċjant jew ta’ fornituri ta’ servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stichting Uitvoering Financiële Acties, 348/87, Ġabra p. I-1737, punt 10).

23     L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jeżenta madankollu mill-VAT ċerti attivitajiet. Skond il-ġurisprudenza, it-termini użati biex jiġu indikati dawn l-eżenzjonijiet huma madankollu ta’ interpretazzjoni stretta, billi jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jgħid li l-VAT titħallas fuq kull provvista ta’ beni jew provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Ygeia, C-394/04 u C-395/04, Ġabra p. I-10373, punt 15; tad-9 ta’ Frar 2006, Stichting Kinderopvang Enschede, C-415/04, Ġabra p. I-1385, punt 13, u tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P., C-106/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

24     Barra minn dan, l-Artikolu 13(A) tas-Sitt Direttiva jeżenta mill-VAT mhux l-attivitajiet kollha ta’ interess ġenerali, iżda biss dawk elenkati u deskritti hemmhekk b’mod dettaljat ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 18, u ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, Unterpertinger, C-212/01, Ġabra p. I-13859, punt 36).

25     Għaldaqstant, jekk huwa veru li dawn l-eżenzjonijiet jingħataw favur attivitajiet li għandhom ċerti għanijiet, il-biċċa ‘l kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13(A) tas-Sitt Direttiva tippreċiża wkoll li l-operaturi ekonomiċi li huma awtorizzati jagħtu l-provvisti eżenti u dawn mhumiex għaldaqstant iddefiniti b’riferiment għal kunċetti purament materjali u funzjonali (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 107/84, Ġabra p. 2655, punt 13; Stichting Uitvoering Financiële Acties, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12, u tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg, C-216/97, Ġabra p. I-4947, punt 13).

26     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, l-eżenzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi ta’ dritt Komunitarju u għalhekk għandhom jingħataw definizzjoni Komunitarja. Dan id-dritt għandu jkun il-każ ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet speċifiċi li huma meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jikkonċernaw il-kwalità jew l-identità ta’ l-operatur ekonomiku li jagħti provvisti li huma koperti mill-eżenzjoni. Fil-fatt, jekk, skond il-frażi introduttiva ta’ l-Artikolu 13(A)(1) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet sabiex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara u sabiex jimpedixxu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jaffettwaw id-definizzjoni tal-kontenut ta’ l-eżenzjonijiet ipprovduti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, Ġabra. p. I-4427, punti 22 sa 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27     Fir-rigward ta’ l-eżenzjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva jipprevedi, skond l-istess termini tat-tieni parti tal-frażi tagħha, l-eżenzjoni ta’ "proteżi dentali pprovduti mid-dentisti u tekniċi dentali".

28     Bħal fil-każ tal-parti l-kbira ta’ l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(A) ta’ din id-direttiva, u b’differenza minn numru minnhom previsti fl-Artikolu 13(B) tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, C-305/01, Ġabra p. I-6729, punt 64, u ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra p. I-4027, punt 66), din l-eżenzjoni hija għalhekk mhux biss iddefinita skond in-natura tal-beni pprovduti, iżda wkoll skond il-kwalità tal-fornitur.

29     Din ir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni tirriżulta espliċitament mill-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva (ara, minbarra l-verżjoni Franċiża, bħala eżempju, il-verżjoni Daniża – "tandlaegers og tandteknikeres levering af tandproteser" –, Ġermaniża – "die Lieferungen von Zahnersatz durch Zahnärzte und Zahntechniker" –, Ingliża – "dental prostheses supplied by dentists and dental technicians" –, Taljana – "le forniture di protesi dentarie effettuate dai dentisti e dagli odontotecnici" ,– u Olandiża – "het verschaffen van tandprothesen door tandartsen en tandtechnici").

30     Dan huwa wkoll ikkorroborat bil-fatt li l-ewwel parti tal-frażi ta’ l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva teżenta l-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-istess tekniċi dentali fil-kuntest tal-professjoni tagħhom, b’din l-eżenzjoni applikabbli wkoll għall-attivitajiet kollha li jikkostitwixxu l-għan speċifiku ta’ din il-professjoni.

31     Jirriżulta b’hekk b’mod ċar mill-ifformular ta’ l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva li din id-dispożizzjoni teżenta mill-VAT mhux il-provvisti ta’ proteżi dentali kollha, iżda biss dawk li jitwettqu mill-membri ta’ żewġ professjonijiet speċifiċi, jiġifieri dawk tad-"dentist" u tat-"tekniku dentali".

32     Konsegwentement, il-provvisti ta’ proteżi dentali mwettqa minn intermedjarju li m’għandux il-kwalità ta’ dentist jew dik ta’ tekniku dentali ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni pprovduta minn din id-dispożizzjoni.

33     Għaldaqstant, l-eżenzjoni prevista mil-Liġi ta’ l-1968 dwar il-VAT, li, mill-1 ta’ Diċembru 1997, hija applikabbli minn issa ’l quddiem għall-provvisti kollha ta’ proteżi dentali tkun xi tkun l-kwalità tal-fornitur ta’ dawn ta’ l-aħħar, tmur kontra l-ifformular tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva. L-interpretazzjoni wiesgħa fuq dan il-punt mill-Gvern Olandiż tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari t-termini "dentisti" u "tekniċi dentali", huma ta’ interpretazzjoni stretta.

34     Dan il-Gvern madankollu jsostni li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta ta’ l-eżenzjonijiet mhijiex l-unika rilevanti sabiex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar u li jaqbel ukoll li jiġi kkunsidrat kemm mill-għan tagħhom kif ukoll mill-prinċipju tan-newtralità fiskali. Minn naħa, l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva, bħal fil-każ tal-paragrafu 1(b) u (ċ), ta’ dan l-Artikolu, għandu bħala għan li jevita li l-ispejjeż mediċi, f’dan il-każ l-ispejjeż dentali, isiru inaċċessibbli minħabba ż-żieda ta’ l-ispejjeż tagħhom kieku dawn l-ispejjeż kienu suġġetti għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-76/99, Ġabra p. I-249, punt 23, u ta’ l-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I-6833, punt 29). Dan madankollu jkun ukoll il-każ jekk il-fornituri ta’ proteżi dentali mwettqa mill-intermedjarji ma jkunux eżenti billi d-dentisti, li huma stess iwettqu operazzjonijiet eżenti, ma jkunux jistgħu jnaqqsu l-input VAT u, għaldaqstant, jgħaddu r-riperkussjonijiet ta’ din it-taxxa fuq il-pazjenti tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-intermedjarji u t-tekniċi dentali jwettqu provvisti identiċi billi, għad-dentisti, huwa mingħajr importanza jekk il-fornitur jimmanifattura huwa stess il-proteżi dentali jew li huwa jagħti din l-operazzjoni b’subappalt lil tekniku dentali.

35     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li t-termini "dentisti" u "tekniċi dentali", li jinsabu fl-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva huma nieqsa mill-ambigwità u li taħt piena li jiġi emendat radikalment it-test ta’ din id-dispożizzjoni u li jirrendi bla effett il-kundizzjoni dwar il-kwalità tal-fornitur, dawn it-termini ma jkunux, ċarament, mifhuma bħal li jinkludu l-intermedjarji li mhumiex preċiżament la dentisti u lanqas tekniċi dentali.

36     Konsegwentement, billi l-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni jestendi l-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-provvisti ta’ proteżi dentali li mhumiex mwettqa minn dentisti jew tekniċi dentali, la l-għanijiet imfittxija minn din l-eżenzjoni u lanqas il-prinċipju tan-newtralità fiskali ma jimponu interpretazzjoni estensiva ta’ l-Artikolu 13(A) tas-Sitt Direttiva fuq dan il-punt.

37     Għall-kuntrarju, fid-dawl ta’ l-ifformular preċiż tal-kundizzjonijiet ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva, kull interpretazzjoni li twessa’ t-test ta’ din id-dispożizzjoni għandha titqies li hija inkompatibbli ma’ l-għan tagħha hekk kif intiża mil-leġiżlatur Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stichting Uitvoering Financiële Acties, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

38     Barra minn dan, interpretazzjoni stretta ta’ l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni mhijiex tali li ċċaħħad lilha mill-effetti tagħha billi l-provvisti mwettqa minn tekniku dentali lil intermedjarju bħal dak fil-kawża prinċipali huma eżenti mill-VAT, b’mod li dan ta’ l-aħħar m’għandux iħallas il-VAT fuq provvisti bħal dawn.

39     Isegwi li l-provvista ta’ proteżi dentali mwettqa minn intermedjarju li m’għandux il-kwalità ta’ dentist jew dik ta’ tekniku dentali ma taqax taħt l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva u li, għaldaqstant, hija tibqa’ suġġetta għar-regola ġenerali ta’ impożizzjoni ta’ VAT prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. Skond l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, provvisti bħal dawn għalhekk jagħtu dritt għal tnaqqis ta’ l-input VAT.

40     F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikoli 2 u 13(A)(1)(e) ta’ l-istess direttiva, jagħtu lill-persuni drittijiet li jistgħu jinvokaw fil-konfront ta’ l-Istat Membru kkonċernat quddiem il-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I-1883, punti 35 u 36, u tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C-150/99, Ġabra p. I-493, punti 32, 33 u 35).

41     Għaldaqstant, impriża bħal VDP, li toġġezzjona għal liġi nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, minħabba li hija inkompatibbli mas-Sitt Direttiva, tista’ tinvoka direttament id-dispożizzjonijiet tagħha sabiex tikseb l-issuġġettar ta’ provvisti ta’ proteżi dentali kkonċernati għall-VAT u, għaldaqstant, tnaqqas l-input VAT għal dawn il-provvisti.

42     Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula tkun li l-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li mhuwiex applikabbli għall-provvisti ta’ proteżi dentali mwettqa minn intermedjarju bħal dak fil-kawża prinċipali li m’għandux il-kwalità ta’ dentist jew ta’ tekniku dentali, iżda li kiseb proteżi bħal dawn mingħand tekniku dentali.

43     F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

44     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 13(A)(1)(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta’ l-10 ta’ April 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li mhuwiex applikabbli għall-provvisti ta’ proteżi dentali mwettqa minn intermedjarju bħal dak fil-kawża prinċipali li m’għandux il-kwalità ta’ dentist jew ta’ tekniku dentali, iżda li kiseb proteżi bħal dawn mingħand tekniku dentali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.