SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla)
8 ta' Frar 2007 (*)
“Sitt Direttiva VAT – Artikolu 17(2) – Dritt għal tnaqqis – Spejjeż marbuta ma' servizzi ta' konsulenza miksuba fil-kuntest tal-proċedura ta' arbitraġġ dwar id-determinazzjoni ta' l-ammont ta' kreditu li jagħmel parti mill-assi ta' l-impriża, iżda maħluq qabel ma sar suġġett għall-VAT il-proprjetarju tiegħu”
Fil-kawża C-435/05
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċedura
Investrand BV
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta' l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ dipartiment,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' 22 ta' Novembru 2006,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal Investrand BV, minn H. Konijnenberg, R. van der Paardt u J. Streefland, advocaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn S. Spyropoulos u I. Bakopoulos, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u D. Triantafyllou, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ‘il quddiem is-"Sitt Direttiva").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Investrand BV (aktar 'il quddiem "Investrand"), kumpannija taħt id-dritt Olandiż, u s-Staatssecretaris van Financiën, wara r-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jawtorizza lil Investrand li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT") imħallsa fuq il-prezz ta' servizzi ta' konsulenza li għalihom hija rrikorriet fil-kuntest ta' proċedura ta' arbitraġġ dwar id-determinazzjoni ta' l-ammont ta' kreditu li jagħmel parti mill-assi tagħha, iżda li nħoloq qabel ma kienet suġġetta għall-VAT.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jgħid:
"1. Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta' dik l-attività.
2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta' proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta' dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.
[…]"
4 L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas", jiddisponi fil-paragrafi tiegħu (1) u 2):
"1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard ta' oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;
[…]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 2 tal-liġi ta' l-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul min-negozju (Wet op de omzetbelasting 1968) tat-28 ta' Ġunju 1968 (Staatsblad 1968, Nru 329, iktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-1968"), huwa fformulat kif ġej:
"It-taxxa mħallsa fuq il-beni u s-servizzi pprovduti lin-negozjant, ix-xiri minnu ta' beni minn ġewwa l-Komunità kif ukoll l-importazzjoni ta' merkanzija li kienu ddestinati għalih huma mnaqqsa mit-taxxa mħallsa fuq il-beni u s-servizzi pprovduti."
6 L-Artikolu 15(1) tal-liġi ta' l-1968 jiddisponi:
"1. It-taxxa msemmija fl-Artikolu 2, li titnaqqas mill-operatur hija:
a) it-taxxa illi, għaż-żmien imsemmi fid-dikjarazzjoni, titniżżel fil-kont fuq fattura stabbilita skond il-metodi preskritti minn operaturi oħrajn bħala kunsinni ta' l-oġġetti u l-prestazzjoni ta' servizzi li jitwettqu favur l-operatur;
[…]
dan kollu sakemm l-oġġetti u s-servizzi jiġu użati mill-operatur għall-bżonnijiet ta' l-impriża tiegħu."
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari
7 Investrand inħolqot fit-22 ta' Awwissu 1986. Hija kellha 43.57 % ta' l-ishma ta' Cofex BV (aktar 'il quddiem "Cofex"), impriża ta' ħwejjeġ ta' lbies.
8 Fit-3 ta' Awwissu 1989, Investrand biegħet l-ishma tagħha f’Cofex lill-kumpannija Hi-Tec Sports plc (aktar 'il quddiem "Hi-Tec Sports"). Waqt dan il-bejgħ, ġie miftiehem illi hija tirċievi, barra ħlas fiss, ħlas li l-ammont tiegħu jiddependi mill-iżvilupp tal-profitti ta' Cofex waqt is-snin 1989 sa 1992.
9 Sa l-1 ta' Jannar 1993, l-attività ta' Investrand kienet dik ta' kumpannija holding passiva, li żammet ishma f'kumpanniji oħrajn, iżda qatt ma ndaħlet fit-tmexxija tagħhom.
10 Qabel l-1 ta' Jannar 1993, Investrand ma tat l-ebda prestazzjoni taħt ħlas. Minn din id-data, skond il-ftehim konkluż ma' Cofex, hija eżerċitat, taħt ħlas, attivitajiet ta' amministrazzjoni għal din ta' l-aħħar.
11 Waqt il-kalkolu tal-ħlas dovut lil Investrand abbażi tal-profitti ta' Cofex li jirrigwardaw l-eżerċizzju 1992, inħolqot kwistjoni bejn Investrand u Hi-Tec Sports. Din il-kwistjoni tat lok, fl-1996, għal proċedura ta' arbitraġġ li fil-kuntest tagħha spejjeż marbuta ma' servizzi ta' konsulenza legali kienu ġew iffatturati lil Investrand.
12 Investrand naqqset il-VAT imħallsa għal dawn l-ispejjeż, għal ammont ta' NLK 8495.5, skond l-eżerċizzju 1996.
13 Peress li qieset illi Investrand ma kellhiex dritt li tgħaddi għal dan it-tnaqqis, l-amministrazzjoni Olandiża tat-taxxi bagħtitilha l-avviż ta' korrezzjoni. Wara kontestazzjoni ta’ Investrand, din l-amministrazzjoni ħadet deċiżjoni li tikkonferma dan l-avviż ta’ korrezzjoni.
14 Investrand ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam. Huwa ddeċieda li Investrand ma kellhiex dritt tnaqqas il-VAT dovuta fuq l-ispejjeż in kwistjoni, peress li s-servizzi ta' konsulenza ngħataw lilha fil-kuntest ta' attività li hija ma kinitx teżerċita dak iż-żmien bħala imprenditur u li dan ma kellux rabta diretta u immedjata ma' attività eżerċitata f'din il-kwalità.
15 Investrand ressqet appell fil-kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Gerechtshof te Amsterdam quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.
16 L-ewwel motiv ta' dan l-appell huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Gerechtshof te Amsterdam, li tgħid li l-bejgħ ta' ishma ma jikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens tas-Sitt Direttiva. Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu illi dan il-motiv m'għandux jintlaqa' peress illi din l-evalwazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tad-29 ta' April 2004, EDM, C-77/01, Ġabra p. I-4295, u tas-26 ta' Mejju 2005, Kretztechnik, C-465/03, Ġabra p. I-4357).
17 Bit-tieni motiv ta' appell, Investrand issostni li, meta rabtet l-ispejjeż marbuta mas-servizzi ta' konsulenza li għaliha rrikorriet fl-1996, mhux għall-attivitajiet li hija kienet eżerċitat, fil-kwalità ta' imprenditur, waqt l-eżerċizzju korrispondenti għal dik is-sena, iżda għall-perijodu li fiha seħħ il-bejgħ ta' l-ishma u li waqt dawn hija ma kienx għad kellha din il-kwalità, il-Gerechtshof te Amsterdam għamlet interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Ġunju 2000, Midland Bank (C-98/98, Ġabra p. I-4177).
18 F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva illi, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna taxxabbli li l-attivitajiet tagħha jkunu suġġetti għall-VAT għandha, skond l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, dritt tnaqqashom meta teżisti rabta diretta u immedjata bejn l-oġġetti u s-servizzi utilizzati, minn naħa, u meta l-operazzjonijiet li għandhom isiru għalihom jeżisti dritt għal tnaqqis, min-naħa l-oħra.
19 Hija ssaqsi jekk l-eżistenza ta' rabta bħal din tiġix ammessa meta persuna taxxabbli tista' tirrikorri għal servizzi bil-għan li tiddefinixxi l-ammont ta' kreditu li jagħmel parti mill-assi ta' l-impriża tiegħu, iżda li nħolqu waqt il-perijodu li jiġi qabel dak ta' meta kien suġġett għall-VAT.
20 Skond din il-qorti, il-fatt illi, f'din il-kawża, l-ispejjeż magħmula jirrigwardaw operazzjoni mwettqa waqt perijodu li fiha Investrand ma kellhiex il-kwalità ta' persuna taxxabbli fis-sens tas-Sitt Direttiva tipprekludi illi tiġi aċċettata l-eżistenza ta' rabta diretta u immedjata ma' l-attività li hija teżerċita bħal impriża u, għalhekk, huwa argument favur ċaħda tad-dritt għal tnaqqis. Min-naħa l-oħra, il-fatt illi l-kreditu jikkorrispondi għal ħlas dovut lil Investrand jagħmel parti mill-assi ta' din il-kumpannija u dan jesponi l-ispejjeż sabiex jitħallsu minn dawn l-assi sabiex dan ta' l-aħħar ikun jista' jwassal li wieħed jikkonkludi li l-imsemmija spejjeż huma parti mill-ispejjeż ġenerali ta' l-interessat u jippreżentaw, konsegwentement, ma' l-attività hemmhekk eżerċitata, rabta diretta u immedjata ta’ natura li tiġġustifika dritt għal tnaqqis.
21 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"Għandha, rigward id-dritt għal tnaqqis stabbilit bl-Artikolu 17(2) tas-sitt direttiva, tiġi aċċettata li hemm rabta diretta u immedjata bejn ċerti servizzi li persuna taxxabbli tirrikorri għalihom u operazzjonijiet taxxabbli li l-istess persuna taxxabbli għad għandha tagħmel meta dawn is-servizzi jkunu nxtraw sabiex jiddefinixxu l-valur ta' kreditu ta' flus li jagħmlu parti mill-assi tiegħu, iżda li nħolqu waqt il-perijodu preċedenti għaliha li matulu kellha l-kwalità ta' persuna taxxabbli għall-għanijiet tal-VAT? "
Fuq id-domanda preliminari
22 Preliminarjament, għandu jitfakkar illi l-iskema tat-tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi għal kollox għall-imprenditur il-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest ta' l-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, għaldaqstant, in-newtralità perfetta f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispiża fiskali ta' l-attivitajiet ekonomiċi kollha, indipendentement mill-għanijiet jew ir-riżultati ta' dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma nfushom suġġetti għall-VAT (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1985, Rompelman, 268/83, Ġabra p. 655, punt 19; tal-15 ta' Jannar 1998, Ghent Coal Terminal, C-37/95, Ġabra p. I-1, punt 15, u tat-22 ta' Frar 2001, Abbey National, C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 24).
23 Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari input u tranżazzjoni waħda jew bosta tranżazzjonijiet output li jagħtu d-dritt għal tnaqqis hija neċessarja sabiex dritt għal tnaqqis ta’ l-input VAT imħallsa jiġi rrikonoxxut għall-persuna taxxabbli u sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ dritt bħal dan (ara s-sentenzi Midland Bank, punt 24, u Abbey National, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24; Abbey National, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26, kif ukoll tat-3 ta' Marzu 2005, Fini H, C-32/03, Ġabra p. I-1599, punt 26). Id-dritt għal tnaqqis tal-VAT imposta fuq oġġetti jew servizzi input jippresupponi li l-ispejjeż minfuqa għall-akkwist tagħhom huwa parti mill-elementi kostituttivi tal-prezz ta' operazzjonijiet taxxabbli output li jagħtu dritt għal tnaqqis (ara s-sentenzi Midland Bank, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30; Abbey National, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28, kif ukoll tas-27 ta' Settembru 2001, Cibo Participations, C-16/00, Ġabra p. I-6663, punt 31).
24 Dritt għal tnaqqis huwa madankollu wkoll ammess favur persuna taxxabbli, anki fin-nuqqas ta' rabta diretta u immedjata bejn l-operazzjoni partikolari input u operazzjoni waħda jew aktar output li jagħtu dritt għal tnaqqis, meta l-ispejjeż tas-servizzi in kwistjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali ta' dan ta' l-aħħar u jkunu, bħala tali, elementi kostituttivi tal-prezz ta' l-oġġetti jew tas-servizzi li huma jagħtu. Dawn l-ispejjeż, għandhom, fil-fatt, rabta diretta u immedjata ma' l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Midland Bank, punti 23 u 31, kif ukoll Kretztechnik, punt 36).
25 Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-qorti tar-rinviju, illi, skond ġurisprudenza kostanti, il-bejgħ ta' l-ishma ma jikkostitwixxix hu stess attività ekonomika fis-sens tas-Sitt Direttiva u ma jaqax għalhekk fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-20 ta' Ġunju 1996, Wellcome Trust, C-155/94, Ġabra p. I-3013, punti 33 sa 37; EDM, iċċitata iktar 'il fuq, punti 57 sa 62, kif ukoll Kretztechnik, iċċitata iktar 'il fuq; point 19).
26 Kuntrarjament għal dak li sostniet Investrand, ma jistax isir xebh ma’ din l-attività tal-metodi użati minn persuna taxxabbli, għaliha nnifisha, li tirkupra kreditu jew tiddeterminalha l-valur. Fil-fatt, dawn il-metodi ma jikkostitwixxux użu ta' l-oġġetti intiżi sabiex jipproduċu dħul li għandhom natura permanenti, peress li l-frott eventwali ta' dawn il-metodi jirriżulta mill-kwalità sempliċi tal-proprjetarju tal-kreditu in kwistjoni u mhuwa l-ħlas ta' ebda attività ekonomika fis-sens tas-Sitt Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Kretztechnik, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).
27 Kif ukoll irrileva l-Gvern Olandiż fis-seduta, Investrand ma tistax issib sostenn f'dan ir-rigward fis-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring (C-305/01, Ġabra p. I-6729). Fil-fatt, hija kienet tikkonċerna, fil-kawża li tat lok għal din l-imsemmija sentenza, fl-attività li tikkonsisti, fil-kuntest ta' kuntratt ta' fatturi taħt ħlas, fix-xiri lura ta' krediti u fit-teħid tar-riskju ta' falliment tad-debituri, bħala kontroparti ta' kummissjoni mħallsa mill-klijent b'hekk meħlus min dan ir-riskju. Sakemm il-metodi użati minn Investrand huwa akkont tagħha, l-attività ta' rkupru ta' krediti in kwistjoni fl-imsemmija kawża jkunu eżerċitati bi profitt minn terzi u bi ħlas. Huwa minħabba dawn il-karatteristiċi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet din bħala attività ekonomika fis-sens tas-Sitt Direttiva, li jista' jagħti dritt għal tnaqqis.
28 Peress li la l-bejgħ ta' l-ishma, u lanqas il-metodi meħuda minn Investrand b'konnessjoni mal-kreditu illi hija żżomm f'Hi-Tec Sports m'huma operazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, l-ispejjeż marbuta mas-servizzi ta' konsulenza in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx iktar jitqiesu li għandhom rabta diretta u immedjata ma' waħda mill-operazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis.
29 Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta' din is-sentenza, għad għandu jiġi determinat jekk, kif ukoll sostniet Investrand meta invokat is-sentenza Midland Bank, iċċitata iktar 'il fuq, l-ispejjeż in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux spejjeż ġenerali li għandhom rabta diretta u immedjata ma' l-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli, minħabba li l-kreditu li magħha hemm konnessjoni jagħmel parti mill-assi ta' l-impriża illi hija tuża.
30 Il-Gvernijiet Olandiż, Grieg u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li din ir-rabta hija vvizzjata peress illi l-imsemmija spejjeż għandhom rabta biss mal-bejgħ ta' l-ishma ta' Cofex li seħħ bejn Investrand u Hi-Tec Sports. L-imsemmija Gvernijiet isostnu li din l-operazzjoni, seħħet, wara kollox, f'data meta Investrand ma kinitx għada suġġetta għall-VAT.
31 F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, kif għamlu l-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, illi ċ-ċirkustanza li l-kreditu marbut mal-bejgħ ta' l-ishma ta' Cofex seħħ bejn Investrand u Hi-Tec Sports jikkostitwixxi, skond l-indikazzjonijiet li hemm fid-deċiżjoni tar-rinviju, element ta' l-assi ta' l-impriża rilevanti, użata minn Investrand mhijiex biżżejjed sabiex tikkonstata li hemm rabta diretta u immedjata bejn l-ispejjeż tal-konsulenza konnessa ma' dan il-kreditu, magħmula minn Investrand, u l-attivitajiet ekonomiċi minn din ta' l-aħħar.
32 Fil-fatt, ebda element ta’ l-inkartament ma jippermetti li jiġi sostnut illi, jekk hija ma kinitx eżerċitat attivitajiet ekonomiċi li huma suġġetti għall-VAT li jibda jgħodd mill-1 ta' Jannar 1993, Investrand ser tkun naqset li tirrikorri għal dawn is-servizzi ta' konsulenza in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Jidher għalhekk, illi kemm jekk hija eżerċitat jew le dawn l-attivitajiet minn din id-data, Investrand kien ikollha rikors għall-imsemmija servizzi bil-għan li tippreżerva l-kontroparti ta' flus tal-bejgħ ta' l-ishma ta' Hi-Tec Sports li seħħet fl-1989.
33 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ispejjeż marbuta ma' dawn is-servizzi saru għall-bżonnijiet u minħabba l-attivitajiet taxxabbli ta' Investrand. Peress li m'għandhomx il-kawża tagħha esklużivament f'dawn l-attivitajiet, l-imsemmija spejjeż m'għandhomx rabta diretta u immedjata magħhom.
34 Kif ukoll sostniet il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni f'din il-kawża mhijiex differenti minn dak li għandu privatament ishma illi, wara li jbigħhom, ikun talab konsulenza legali u jbati l-ispejjeż marbuta ma' dan fil-kuntest ta' kawża kontra x-xerrej f'dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-kreditu tal-prezz ta' dan il-bejgħ. Issa, dan ta' l-aħħar ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tas-Sitt Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza EDM, iċċitata iktar 'il fuq, punti 60 u 61).
35 Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li din il-kawża hija distinta minn dik li tat lok għad-sentenza Kretztechnik, iċċitata aktar 'il fuq. Fil-fatt, l-ispejjeż tal-konsulenza kkonċernati li wasslu għall-imsemmija sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-punt 36 tagħha, li huma jikkostitwixxu rabta diretta u immedjata ma' l-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli, li kienet tirrigwarda ħruġ ta' ishma ddestinati li jsaħħu l-kapital ta' dan ta' l-aħħar favur l-attività ekonomika tiegħu.
36 Filwaqt li ebda element ta’ inkartament ma jippermetti li jiġi affermat, f'din il-kawża, illi Investrand ma kellhiex tirrikorri għas-servizzi ta' konsulenza in kwistjoni jekk hija ma kinitx eżerċitat attività ekonomika suġġetta għall-VAT, is-servizzi ta' konsulenza kkonċernati li wasslu għas-sentenza Kretztechnik, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżultaw esklużivament mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli u fiż-żjieda tal-kaptial deċiż minnha sabiex iżżid il-mezzi finanzjarji favur din l-attività.
37 B’differenza mill-ispejjeż tal-konsulenza in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ispejjeż tal-konsulenza kkonċernata fis-sentenza Kretztechnik, iċċitata iktar 'il fuq, għandhom għalhekk rabta diretta u immedjata ma' l-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli.
38 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden li l-Artikolu 17( 2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż ta' servizzi ta' konsulenza li għalihom persuna taxxabbli tkun irrikorriet sabiex tiddetermina l-ammont ta' kreditu li jagħmel parti mill-assi ta' l-impriża tagħha u marbuta mal-bejgħ ta' ishma qabel ma kienet suġġetta għall-VAT ma tippreżentax, fin-nuqqas ta' elementi ta’ natura li jistabbilixxu li l-imsemmija servizzi jirriżultaw eklużivament fl-attività ekonomika, fis-sens ta' l-imsemmija Direttiva, eżerċitata mill-persuna taxxabbli, rabta diretta u immedjata ma' l-attività u ma tagħtix, għalhekk, dritt għal tnaqqis tal-VAT imposta fuqha.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Raba' Awla taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikolu 17( 2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandha tiġi interpretata fis-sens illi l-ispejjeż ta' servizzi ta' konsulenza li għalihom persuna taxxabbli tkun irrikorriet sabiex tiddetermina l-ammont ta' kreditu li jagħmel parti mill-assi ta' l-impriża tagħha u marbuta mal-bejgħ ta' ishma qabel ma kienet suġġetta għal taxxa fuq il-valur miżjud ma tippreżentax, fin-nuqqas ta' elementi ta’ natura li jistabbilixxu illi l-imsemmija servizzi jirriżultaw esklużivament fl-attività ekonomika, fis-sens ta' l-imsemmija Direttiva, eżerċitata mill-persuna taxxabbli, rabta diretta u immedjata ma’ l-attività u ma tagħtix, għalhekk, dritt għal tnaqqis tal-VAT.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.