Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-451/05

Européenne et Luxembourgeoise d’investissements SA (ELISA)

vs

Directeur général des impôts,

Ministère public

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Cour de cassation (Franza))

“Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq il-valur fis-suq ta’ proprjetà immobbli fi Franza li persuni ġuridiċi għandhom pussess tagħha – Kumpanniji holding irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża – Rifjut ta’ eżenzjoni – Direttiva 77/799/KEE – Elenkar mhux eżawrjenti tat-taxxi u imposti ċċitati – Taxxa ta’ natura analoga – Limiti għall-iskambju ta’ informazzjoni – Konvenzjoni bilaterali – Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE) – Moviment liberu tal-kapital – Ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fis-26 ta’ April 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Approssimazzjoni tal-liġijiet – Assistenza reċiproka ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxi diretti u indiretti – Direttiva 77/799

(Direttiva tal-Kunsill 77/799, Artikolu 1(2) u (3))

2.     Approssimazzjoni tal-liġijiet – Assistenza reċiproka ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxi diretti u indiretti – Direttiva 77/799

(Direttiva tal-Kunsill 77/799, Artikolu 8(1))

3.     Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Taxxa fuq il-valur fis-suq ta’ proprjetà immobbli fi Franza li persuni ġuridiċi għandhom pussess tagħha

(Trattat KE, Artikolu 73 B (li sar l-Artikolu 56 KE))

1.     Tikkostitwixxi taxxa ta’ natura analoga għal dik tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta jew indiretta, li tinġabar fuq il-kapital skond l-Artikolu 1(2) ta’ din id-Direttiva, taxxa stabbilita minn Stat Membru fuq il-valur fis-suq tal-proprjetà immobbli li persuni ġuridiċi għandhom pussess tagħha f’dan l-Istat Membru.

(ara l-punt 37 u d-dispożittiv 1)

2.     Id-Direttiva 77/799, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta jew indiretti, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) tagħha, ma tipprekludix li żewġ Stati Membri jkunu marbuta minn konvenzjoni internazzjonali, bil-għan li jiġu evitati t-taxxi doppji u li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għal Stat Membru, kategorija ta’ persuni taxxabbli li huma suġġetti għal taxxa li taqa’ taħt l-imsemmija Direttiva, safejn il-leġiżlazzjoni jew il-prassi amministrattiva ta’ l-Istat Membru li għandu jipprovdi l-informazzjoni ma tawtorizzax l-awtorità kompetenti li tirċievi jew tutilizza din l-informazzjoni għall-bżonnijiet partikolari ta’ l-imsemmi Stat Membru, ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni li twettaq verifika dwarha.

(ara l-punt 55 u d-dispożittiv 2)

3.     L-Artikolu 73 B tat-Trattat (li sar l-Artikolu 56 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta mit-taxxa fuq il-valur fis-suq tal-proprjetà immobbli li persuni ġuridiċi għandhom pussess tagħha f’dan l-Istat Membru l-kumpanniji stabbiliti fih, filwaqt li tissuġġetta din l-eżenzjoni, għall-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva konkluża bejn l-Istat Membru kkonċernat u dan l-Istat ieħor sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jew għall-kundizzjoni li, b’applikazzjoni ta’ trattat li jinkludi klawżola ta’ non-diskriminazzjoni skond in-nazzjonalità, dawn il-kumpanniji m’għandhomx ikunu suġġetti għal taxxa ikbar minn dik li għaliha huma suġġetti l-kumpanniji stabbiliti fl-ewwel Stat Membru u li ma tippermettix lill-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li tipprovdi elementi ta’ prova li jippermettu li tiġi stabbilita l-identità ta’ l-azzjonisti tagħha li huma persuni fiżiċi.

(ara l-punt 102 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Ottubru 2007(*)

“Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq il-valur fis-suq ta’ proprjetà immobbli fi Franza li persuni ġuridiċi għandhom pussess tagħha – Kumpanniji holding irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża – Rifjut ta’ eżenzjoni – Direttiva 77/799/KEE– Elenkar mhux eżawrjenti tat-taxxi u imposti ċċitati – Taxxa ta’ natura analoga – Limiti għall-iskambju ta’ informazzjoni – Konvenzjoni bilaterali -Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE) – Moviment liberu tal-kapital – Ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa”

Fil-kawża C-451/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura

Européenne et Luxembourgeoise d’investissements SA (ELISA)

vs

Directeur général des impôts,

Ministère public,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, E. Juhász, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Jannar 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Européenne u l-Luxembourgeoise d’investissements SA, minn J.-J. Gatineau, avukat,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-C. Gracia, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Elleniku, minn S. Spyropoulos, Z. Chatzipavlou u K. Boskovits, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

–       wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara emendi, l-Artikolu 43 KE) u l-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE) kif ukoll ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p. 15), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992 (ĠU L 76, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/799”).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Européenne u Luxembourgeoise d’investissements SA (iktar ’il quddiem “ELISA”) kontra d-Direttur Ġenerali tat-taxxi dwar l-issuġġettar ta’ din il-kumpannija għat-taxxa fuq il-valur fis-suq tal-proprjetà immobbli li persuni ġuridiċi jkollhom pussess tagħha fi Franza (iktar ’il quddiem it-“taxxa kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt komunitarju

3       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/799, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jistabbilixxi:

“1.      B’mod koformi mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jibdlu [jiskambjaw] kull informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital […]

2.      Għandhom ikunu kkunsidrati bħala taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, irrispettivament mil-mod li bih dawn ikunu mitluba, it-taxxi kollha imposti fuq id-dħul kollu, fuq il-kapital kollu, jew fuq l-elementi ta’ dħul jew ta’ kapital, inklużi taxxi fuq qliegħ mill-bejgħ ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, taxxi fuq l-ammonti ta’ pagi jew salarji mħallsa minn impriżi, kif ukoll taxxi fuq apprezzament tal-kapital.

3.      It-taxxi msemmija fil-paragrafu 2 huma fil-preżent, b’mod partikolari:

[…]

fi Franza:

impôt sur le revenu,

impôt sur les sociétés,

taxe professionnelle,

taxe foncière sur les propriétés bâties,

taxe foncière sur les propriétés non bâties;

[…]

4.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal kull taxxi identiċi jew simili imposti sussegwentement, kemm jekk biż-żieda ma’ jew minflok it-taxxi elenkati fil-paragrafu 3 […]

[…]”

4       L-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva 77/799 jipprovdu rispettivament dispożizzjonijiet dwar l-iskambju fuq talba, skambju awtomatiku ta’ informazzjoni u skambju spontanju ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva.

5       L-Artikolu 8 ta’ l-imsemmija id-Direttiva, intitolat “Limiti għal bdil [għall-iskambju] ta’ informazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva m’għandha timponi l-ebda obbligazzjoni sabiex isiru inkjesti jew li tingħata informazzjoni jekk l-Istat Membru, li għandu jagħti l-informazzjoni, ikun miżmum mil-liġijiet tiegħu jew mill-prassi amministrattivi milli jagħmel dawn l-inkjesti jew milli jiġbor jew juża din l-informazzjoni għall-għanijiet tiegħu.

2.      L-għoti ta’ informazzjoni jista’ jkun irrifjutat meta dan jista’ jwassal għall-iżvelar ta’ xi sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ xi proċess kummerċjali, jew ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun kontra l-politika pubblika.

3.      L-awtorità kompetenti ta’ xi Stat Membru tista’ tirrifjuta li tagħti informazzjoni meta l-Istat interessat ma jkunx kapaċi, għal raġunijiet prattiċi jew legali, li jipprovdi informazzjoni simili.”

6       L-Artikolu 11 tad-Direttiva 77/799, intitolat “Applikabbilità ta’ disposizzjonijiet ta’ għajnuna aktar wiesgħa", jipprovdi li "[i]d-disposizzjonijiet t’hawn aktar qabel m’għandhomx jimpedixxu l-osservanza ta’ xi obbligazzjonijiet aktar wesgħin biex ikun hemm bdil [skambju] ta’ informazzjoni li tista’ toħroġ minn atti legali oħrajn”.

 Id-dritt nazzjonali

7       L-Artikoli 990 D u 990 E tal-Code general des impôts (iktar ’il quddiem “CGI”), fil-verżjoni tagħhom li toħroġ mil-liġi nru 92-1376, tat-30 ta’ Diċembru 1992, dwar il-liġi dwar il-finanzi għall-1993 (JORF Nru 304 tal-31 ta’ Diċembru 1992) jipprovdu:

“Artikolu 990 D

Il-persuni ġuridiċi li, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, jippossjedu proprjetà immobbli waħda jew aktar li jkunu jinsabu fi Franza jew li jkollhom drittijiet in rem fuq din il-proprjetà għandhom iħallsu taxxa annwali għal 3% fuq il-valur fis-suq ta’ dawn il-proprjetàjiet jew drittijiet.

Hija kkunsidrata li għandha pussess ta’ beni jew drittijiet fuq immobbli fi Franza permezz ta’ intermedjarju, kull persuna ġuridika li għandha sehem, irrispettivament mill-forma u l-ammont, f’persuna ġuridika li hija proprjetarja ta’ dawn il-beni jew drittijiet jew għandhom sehem f’persuna ġuridika terza, hi stess proprjetarja tal-beni jew drittijiet jew li tkun involuta fil-proċess ta’ interessi. Din id-dispożizzjoni tapplika jkun xi jkun in-numru tal-persuni ġuridiċi involuti.

Artikolu 990 E

It-taxxa prevista fl-Artikolu 990 D mhijiex applikabbli:

1°      Għall-persuni ġuridiċi fejn l-assi immobbli, skond l-Artikolu 990 D, li jinsabu fi Franza, jirrappreżentaw inqas minn 50 % ta’ l-assi Franċiżi. Għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mhumiex inklużi fl-assi immobbli l-assi li l-persuni ġuridiċi previsti fl-Artikolu 990 D jew il-persuni involuti japplikaw fl-attività professjonali tagħhom minbarra l-proprjetà immobbli.

2°      Għall-persuni ġuridiċi li, f’każ li għandhom li s-sede tagħhom f’ pajjiż jew territorju li jkun ikkonkluda konvenzjoni dwar għajnuna amministrattiva ma’ Franza bl-għan li jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, jiddikjaraw kull sena, mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju, fil-post stabbilit mid-digriet li jirreferi għalih l-Artikolu 990F, il-post, id-deskrizzjoni u l-valur tal-proprjetà immobbli fil-pussess tagħhom fl-1 ta’ Jannar, l-identità u l-indirizz tas-soċji tagħhom fl-istess data u n-numru ta’ azzjonijiet jew ishma miżmuma minn kull wieħed minnhom;

3°      Il-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza jew kull persuna ġurdika li, skond trattat, m’għandhomx jiġu soġġetti għal taxxa akbar, meta kull sena huma jikkomunikaw, jew jieħdu u jirrispettaw l-impenn li jikkomunikaw lill-awtorità fiskali, fuq talba tagħha, il-post u d-deskrizzjoni ta’ l-immobbli li jkunu jippossjedu fl-1 ta’ Jannar, l-identità u l-indirizz ta’ l-azzjonisti, soċji u membri oħra tagħhom, in-numru ta’ azzjonijiet, ishma jew drittijiet oħra miżmuma minn kull wieħed minnhom u evidenza tar-residenza tagħhom għal skopijiet ta’ taxxa […]”

 Id-dritt internazzjonali

8       L-Artikolu 21(1) tal-Konvenzjoni konkluża bejn Franza u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu hija intiża sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u li jiġu stabbiliti regoli għal għajnuna amministrattiva reċiproka f’materja ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, iffirmata f’Pariġi fl-1 ta’ April 1958, kif emendata permezz ta’ ftehim sussegwenti ffirmat f’Pariġi fit-8 ta’ Settembru 1970 (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958”), jistabbilixxi:

“Iċ-ċittadini, kumpanniji jew gruppi oħra ta’ wieħed miż-żewġ Stati kontraenti m’għanhomx ikunu suġġetti, fl-Istat l-ieħor, għal taxxi oħra jew taxxi ogħla minn dawk imposti fuq iċ-ċittadini, kumpanniji jew gruppi oħra ta’ l-Istat imsemmi l-aħħar.”

9       L-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958 jistabbilixxi:

“L-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati jistgħu, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba, taħt il-kundizzjoni tar-reċiproċità, jibdlu informazzjoni li l-leġiżlazzjonijiet fiskali taż-żewġ Stati jippermettu li tinkiseb, fil-kuntest tal-prassi amministrattiva normali, li hija neċessarja għal applikazzjoni regolari tal-konvenzjoni preżenti […]”

10     Skond skambju ta’ ittri tat-8 ta’ Settembru 1970, dwar il-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Lussemburgiż kkunsidraw li, “sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, hija ma kellhiex tapplika għal kumpanniji holding skond il-leġiżlazzjoni partikolari Lussemburgiża (attwalment il-liġi tal-31 ta’ Lulju 1929 u d-Digriet leġiżlattiv tas-27 ta’ Diċembru 1937) la għal dħul li persuna li għall-finijiet ta’ taxxa tkun residenti fi Franza tikseb minn dawn il-kumpanniji jew għal interessi li hija għandha f’dawn il-kumpanniji holding”.

11     Il-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-ftehim bejn ir-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, iffirmata f’Pariġi fil-31 ta’ Marzu 1930, tipprovdi l-klawżola tal-pajjiż li għandu l-akbar vantaġġ speċjali.

12     Skond l-Artikolu 9 ta’ din l-aħħar konvenzjoni, “iż-żewġ Partijiet Kontraenti Għolja jintrabtu li jikkonkludu, fl-iqsar żmien possibbli, konvenzjoni speċjali dwar id-dazji, taxxi, imposti u kontribuzzjonijiet li huma suġġetti għalihom iċ-ċittadini u l-kumpanniji u sabiex jiġu rregolati l-kwistjonijiet ta’ tassazzjoni doppja”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     ELISA hija kumpannija holding taħt il-liġi Lussemburgiża, maħluqa skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-31 ta’ Lulju 1929 fuq is-sistema fiskali tal-kumpanniji ta’ sehem finanzjarju (Holding companies) (Mém. 1929, p. 685), kif emendata permezz tar-regolament Gran Dukali ta’ l-24 ta’ Marzu 1989 (Mém. A 1989, p. 181).

14     Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1, ta’ din il-liġi, il-kumpannija holding hija eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, taxxa addizzjonali, taxxa supplementari kif ukoll tal-taxxa minn ras il-għajn u din hija wkoll eżentata minn taxxi lokali tal-komuni. Skond is-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija liġi, id-dritt ta’ verifika u ta’ investigazzjoni jappartjeni lill-amministrazzjoni tar-reġistrazzjoni u huwa limitat għar-riċerka u għall-eżami tal-fatti u informazzjoni li tikkonċerna l-istatus fiskali tal-kumpannija kif ukoll ta’ l-elementi magħqudin sabiex jassiguraw u jivverifikaw il-ġbir ġust u eżatt tat-taxxi u dazji imposti fuq il-kumpannija.

15     Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, ELISA tippossjedi proprjetà immobbli fit-territorju Franċiż u, għal din ir-raġuni, hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 990 D et seq ta’ CGI li jistabbilixxi t-taxxa kkontestata.

16     Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li ELISA kienet irrispettat id-dikjarazzjonijiet stabbiliti mil-liġi mingħajr madankollu ma ħallset it-taxxi korrispondenti. Wara li nnotifikat lil dik il-kumpannija bil-penali tat-taxxa relatati ma’ dawn it-taxxi fit-18 ta’ Diċembru 1997, l-amministrazzjoni tat-taxxi pproċediet bl-irkupru tagħhom. Wara li t-talba tagħha ġiet irrifjutata, ELISA fittxet id-Direttur Ġenerali tat-taxxi quddiem it-tribunal de grande instance de Paris sabiex tikseb ir-rilaxx ta’ l-imsemmija taxxi.

17     Wara ż-żewġ deċiżjonijiet sfavorevoli fir-rigward tagħha, mogħtija rispettivament mit-tribunal de grande instance de Paris fit-28 ta’ Ottubru 1999 u mill-cour d’appel de Paris fil-5 ta’ Lulju 2001, ELISA appellat fil-qorti ta’ kassazzjoni.

18     Il-Cour de cassation ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 52 et seq u 73 B et seq tat-Trattat KE jipprekludu liġi bħal dik stabbilita mill-Artikolu 990D et seq ta’ [CGI] li tagħti lil persuni ġuridiċi li jkollhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza d-dritt għal eżenzjoni mit-taxxa [kkontestata] u li, fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi li jkollhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fit-territorju ta’ pajjiż ieħor, anke jekk ikun Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropeja, tissuġġetta dak id-dritt għal kundizzjoni li jkun hemm konvenzjoni dwar għajnuna amministrattiva sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa konkluża bejn Franza u dak l-Istat jew għall-kundizzjoni li jkun meħtieġ, fi trattat li jkun fih klawżola li tipprekludi diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, li dawk il-persuni ġuridiċi ma jkunux ser jiġu ntaxxati b’mod aktar qawwi minn persuni ġuridiċi li jkollhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza?

2)       Taxxa bħal dik in eżami tikkostitwixxi taxxa fuq il-kapital skond it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [77/799]?

3)       Fil-każ affermattiv, l-obbligi imposti fuq Stati Membri rigward għajnuna reċiproka fil-qasam tat-tassazzjoni bid-Direttiva [77/799] iċċitata hawn fuq, jipprekludu lill-Istati Membri milli, taħt konvenzjoni bilaterali dwar għajnuna amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, jimplementaw obbligi ta’ l-istess tip li jeskludu kategorija ta’ persuni taxxabbli bħall-kumpanniji holding tal-Lussemburgu?

4)       L-Artikoli 52 et seq u 73b et seq tat-Trattat KE jobbligaw Stat Membru, li jkun ikkonkluda ma’ pajjiż ieħor, sew jekk membru ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk mhuwiex, konvenzjoni li tinkludi klawżola li tipprekludi d-diskriminazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, li jagħti lil persuna ġuridika li jkollha s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor l-istess benefiċċji bħal dawk li jirriżultaw minn dik il-klawżola, meta l-persuna ġuridika tkun tippossjedi proprjetà waħda jew iżjed fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru u t-tieni Stat Membru ma jkunx marbut ma’ l-ewwel wieħed bi klawżola simili?”

 Fuq id-domandi preliminari

19     L-ewwel nett, għandu jingħad li l-kawża prinċipali tirrigwarda fatti li jikkonċernaw Stati Membri, bl-esklużjoni ta’ kull Stat terz. Konsegwentement, ir-risposti għad-domandi preliminari jikkonċernaw biss relazzjonijiet bejn Stati Membri.

 Fuq it-tieni domanda

20     Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-taxxa kkontestata hijiex taxxa fuq il-kapital skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/799.

21     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 77/799 li għandhom jiġu kkunsidrati bħala taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, irrispettivament mil-mod li bih dawn ikunu mitluba [miġbura], it-taxxi kollha imposti fuq id-dħul kollu, fuq il-kapital kollu, jew fuq l-elementi ta’ dħul jew ta’ kapital, inklużi taxxi fuq qliegħ mill-bejgħ ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, taxxi fuq l-ammonti ta’ pagi jew salarji mħallsa minn impriżi, kif ukoll taxxi fuq apprezzament tal-kapital.

22     Jirriżulta b’mod ċar minn din id-dispożizzjoni li, minbarra t-taxxi fuq id-dħul totali u fuq il-kapital totali, id-Direttiva 77/799 tikkonċerna wkoll it-taxxi miġbura fuq id-dħul jew il-kapital. Isegwi li taxxi bħal dawn, indipendentement mid-denominazzjoni tagħhom, jifformaw ukoll parti mit-taxxi li għalihom b’mod koformi mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 77/799. l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jibdlu kull informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta’ dawn it-taxxi.

23     Fit-tieni lok, skond l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799, għal dak li jikkonċerna Franza, it-taxxi u l-imposti previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu huma, b’mod partikolari, it-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-kumpanniji, it-taxxa professjonali, it-taxxa fuq l-art fuq il-proprjetà mibnija u t-taxxa fuq l-art fuq il-proprjetà mhux mibnija.

24     Jirriżulta mingħajr ekwivoku mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799 li l-elenkar tat-taxxi u imposti ċċitati f’dan l-Artikolu mhuwiex eżawrjenti.

25     F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mwarrab mill-bidu l-argument skond liema, peress li t-taxxa kkontestata ma tidhirx fost it-taxxi u l-imposti li jinsabu fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799, din ta’ l-aħħar ma tistax tkun applikabbli għall-kawża prinċipali.

26     In-natura mhux eżawrjenti ta’ l-elenkar tat-taxxi u imposti li jinsabu fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799 hija kkorroborata mill-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu li jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom ukoll jibdlu kull informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jagħmlu stima korretta tat-taxxi identiċi jew simili imposti sussegwentement, kemm jekk biż-żieda ma’ jew minflok it-taxxi elenkati fil-paragrafu 3.

27     Filwaqt li jirrikonoxxi li l-elenkar tat-taxxi u l-imposti li jinsabu fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799 mhuwiex eżawrjenti, il-Gvern Franċiż madankollu jsostni li l-karatteristiċi tat-taxxa kkontestata ma jippermettux li din tiġi assimilata ma’ taxxa fuq il-kapital, skond l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 77/799, u li, b’hekk, din ta’ l-aħħar ma tistax tkun applikabbli għall-kawża prinċipali.

28     F’dan ir-rigward, l-imsemmi Gvern isostni, minn naħa, li t-taxxa kkontestata tolqot mhux lill-persuni fiżiċi, iżda l-persuni ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li l-għan previst minn din it-taxxa huwa li tiġi miġġielda l-evażjoni fiskali.

29     Għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument invokat, għandu jiġi stabbilit mill-bidu nett li jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799 li jagħmlu parti mit-taxxi u imposti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jibdlu kull informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta’ dawn it-taxxi, dawk it-taxxi u imposti li jolqtu wkoll il-persuni ġuridiċi, bħat-taxxa fuq il-professjoni, li għaliha jirreferi espressament l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799.

30     Jirriżulta li l-argument li dawn it-taxxi u imposti msemmija mid-Direttiva 77/799 ma jikkonċernax il-persuni ġuridiċi m’għandux jiġi kkunsidrat.

31     Għal dak li jikkonċerna t-tieni argument imressaq mill-Gvern Franċiż, għandu jiġi rrilevat li, jekk wieħed jippresżzupponi li l-għan previst mit-taxxa kkontestata huwa li tiġi miġġielda l-evażjoni fiskali, din il-kunsiderazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe ipoteżi, ikollha bħala konsegwenza, waħedha, li tpoġġi fid-dubju l-applikabbiltà tad-Direttiva 77/799 għall-kawża prinċipali.

32     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li huwa preċiżament għall-ġlieda kontra l-prattiċi ta’ evażjoni u ta’ evitar tat-taxxa kif ukoll sabiex tkun tista’ ssir l-istima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, li d-Direttiva 77/799 ipprovda mekkaniżmi ddestinati li jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali ġewwa l-Komunità (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, W. N., C-420/98, Ġabra p. I-2847, punt 22, u tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-533/03, Ġabra p. I-1025, punti 70 u 71).

33     Madanollu jidher li, permezz ta’ dan l-argument, il-Gvern Franċiż jipprova juri li t-taxxa kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala taxxa fuq il-kapital skond id-Direttiva 77/799. Din l-allegazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li t-taxxa kkontestata tolqot lill-persuni ġuridiċi.

34     Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi kkunsidrat.

35     Fil-fatt, minbarra l-fatt li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 29 tas-sentenza preżenti, id-Direttiva 77/799 bl-ebda mod ma teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha it-taxxi u l-imposti li jolqtu l-persuni ġuridiċi, għandu jiġi mfakkar li t-taxxa kkontestata għandha titħallas mill-persuni ġuridiċi li huma proprjetarji ta’ immobbli li jinsabu fi Franza u li hija kkalkulata abbażi tal-valur ta’ din il-proprjetà.

36     Għandu jiġi kkonstatat li din it-taxxa tolqot parti mill-attiv tal-persuna ġuridika kkonċernata. Hija b’hekk tagħmel parti mit-taxxi u l-imposti li, indipendentement mid-denominazzjoni tagħhom, huma miġbura fuq elementi tad-dħul jew tal-kapital skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 77/799.

37     Jirrriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li t-tieni domanda għandha tiġi risposta li t-taxxa kkontestata tikkostitwixxi taxxa ta’ natura analoga għal dik tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799, li tinġabar fuq il-kapital skond l-Artikolu 1(2) ta’ din id-Direttiva.

 Fuq it-tielet domanda

38     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu mfakkra, minn naħa, l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 77/799 u, min-naħa l-oħra, dawk li huma imposti fuq iż-żewġ Stati Membri kkonċernati fil-kawża preżenti skond il-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958.

39     Fir-rigward ta’ l-obbligi imposti mid-Direttiva 77/799, l-ewwel nett għandu jiġi ppreċiżat li, skond id-dispożizzjonijiet magħquda tal-paragrafi 1, 3 u 4, ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jibdlu kull informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital kif ukoll ta’ imposti u taxxi ta’ natura analoga, bħat-taxxa kkontestata.

40     Sussegwentement, skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799, dan l-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri wkoll jibdlu informazzjoni mingħajr ma ssir talba minn qabel, b’mod awtomatiku, għal ċerti kategoriji ta’ każijiet previsti mill-imsemmija Direttiva jew ukoll, skond l-Artikolu 4 ta’ din b’mod spontanju.

41     F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799 jipprovdi li din ta’ l-aħħar m’għandha timponi l-ebda obbligazzjoni sabiex isiru inkjesti jew li tingħata informazzjoni jekk l-Istat Membru, li għandu jagħti l-informazzjoni, ikun miżmum mil-liġijiet tiegħu jew mill-prassi amministrattivi milli jagħmel dawn l-inkjesti jew milli jiġbor jew juża’ din l-informazzjoni għall-għanijiet tiegħu.

42     Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 77/799, id-dispożizzjonijiet ta’ din m’għandhomx jimpedixxu l-osservanza ta’ xi obbligi aktar wesgħin biex ikun hemm skambju ta’ informazzjoni li tista’ toħroġ minn atti legali oħrajn.

43     Fir-rigward ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958, l-Artikolu 22(1) ta’ din l-aħħar imsemmija jistabbilixxi li l-awtoritajiet amministrattivi taż-żewġ Stati kkonċernati – f’dan il-każ ir-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu – jistgħu, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba, taħt il-kundizzjoni tar-reċiproċità, jibdlu l-informazzjoni li l-liġijiet fiskali nazzjonali jippermettu li tinkiseb permezz ta’ prassi amministrattiva normali għal applikazzjoni regolari ta’ din il-Konvenzjoni. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni madankollu ma jikkonċernax il-kumpanniji holding rreġistrati taħt liġi Lussemburgiża.

44     Jirriżulta ċar mill-istipulazzjonijiet ta’ l-imsemmija Konvenzjoni li din tipprovdi għal obbligi ta’ l-istess natura bħal dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 77/799.

45     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ssaqsi dwar dan il-punt dwar jekk l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri permezz tad-Direttiva 77/799, fil-qasam ta’ l-għajnuna reċiproka fil-qasam fiskali, jipprekludux l-applikazzjoni, minn Stati Membri, ta’ dawk li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958.

46     F’dan ir-rigward, huwa sostnut, fl-ewwel lok, li l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija Konvenzjoni m’għandhom l-ebda impatt fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 77/799. Skond il-Gvern Elleniku, dawn l-obbligi huma fi kwalunkwe ipoteżi koperti mill-Artikolu 11 tad-Direttiva li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha m’għandhomx jimpedixxu l-osservanza ta’ xi obbligazzjonijiet aktar wesgħin biex ikun hemm skambju ta’ informazzjoni li tista’ toħroġ minn atti legali oħrajn.

47     Dan l-argument għandu mal-ewwel jiġi miċħud. Fil-fatt, m’hemmx dubju li, għal dak li jikkonċerna l-kumpanniji holding irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża, l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958 m’għandhomx portata akbar fir-rigward ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni. Min-naħa l-oħra, huma għandhom l-għan li jirrestrinġu, saħansitra jeskludu l-imsemmi skambju meta dan jirrigwarda l-informazzjoni li tikkonċerna l-imsemmija kumpanniji holding.

48     Isegwi li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 77/799 ma jistax validament jiġi invokat fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

49     Fit-tieni lok, il-Gvern Franċiż isostni li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799 li din ma tipprekludix l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958, li teskludi mis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali kkonċernati l-kumpanniji holding irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża.

50     F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799 li din id-Direttiva ma timponi l-ebda obbligazzjoni sabiex isiru inkjesti jew li tingħata informazzjoni jekk l-Istat Membru, li għandu jagħti l-informazzjoni, ikun miżmum mil-liġijiet tiegħu jew mill-prassi amministrattivi milli jagħmel dawn l-inkjesti jew milli jiġbor jew juża din l-informazzjoni għall-għanijiet tiegħu.

51     Skond il-Gvern Franċiż, il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża rilevanti tillimta ruħha li teżiġi li l-kumpanniji holdings irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża jipprovdu informazzjoni dwar l-istatus legali tagħhom u tipprovdi li l-ebda informazzjoni ma tista’ tiġi mistoqsija lilhom għall-finijiet ta’ tassazzjoni.

52     Konsegwentement, jekk dan huwa l-każ skond il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża rilevanti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha l-kompetenza li tivverifika, is-sitwazzjoni tal-kumpanniji holding taħt il-liġi Lussemburgiża, għal dak li jirrigwarda l-għajnuna reċiproka ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxi diretti u indiretti, taqa’ taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799.

53     L-istess japplika għall-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958 minn fejn jirriżulta li l-partijiet kontraenti tagħha eskludew l-imsemmija kumpanniji holding mis-sistema ta’ informazzjoni prevista minnha.

54     Fil-fatt, il-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958 kull ma tagħmel huwa li tirrefletti l-istat tal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża fil-qasam, b’mod li din il-Konvenzjoni tirrifletti wkoll, għal dak li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ristretta tagħha, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799.

55     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet domanda għandha tiġi risposta li d-Direttiva 77/799 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) tagħha ma tipprekludix li żewġ Stati Membri jkunu marbuta minn konvenzjoni internazzjonali, bil-għan li jiġu evitati t-taxxi doppji u li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għal Stat Membru, kategorija ta’ persuni taxxabbli li huma suġġetti għal taxxa li taqa’ taħt l-imsemmija Direttiva, safejn il-leġiżlazzjoni jew il-prassi amministrattiva ta’ l-Istat Membru li għandu jipprovdi l-informazzjoni ma tawatorizzax l-awtorità kompetenti li tirċievi jew tutilizza din l-informazzjoni għall-bżonnijiet partikolari ta’ l-imsemmi Stat Membru, ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha kompetenza li twettaq verifika dwarha.

 Fuq l-ewwel domanda

56     Permezz ta’ l-ewwel domanda ,magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tal-kawża prinċipali, li teżenta l-kumpanniji stabbiliti fi Franza mit-taxxa kkontestata, filwaqt li tissuġġetta l-imsemmija eżenzjoni, għall-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva konkluża bejn ir-Repubblika Franċiża u dan l-Istat sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jew għall-kundizzjoni li, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ trattat li jinkludi klawżola ta’ non diskriminazzjoni skond in-nazzjonalità, dawn il-kumpanniji m’għandhomx ikunu suġġetti għal impożizzjoni akbar minn dik li l-kumpanniji stabbiliti fi Franza huma suġġetti għaliha.

57     F’każ fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġusitzzja sabiex tagħtiha interpretazzjoni kemm dwar l-Artikolu 52 tat-Trattat dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment kif ukoll dwar l-Artikolu 73 B tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapitali, għandu jiġi stabbilit jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali hijiex koperta minn dawn il-libertajiet.

58     Fir-rigward ta’ l-Artikolu 73 B tat-Trattat, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li wieħed jakkwista, li juża’ u jneħħi proprjetà immobbli fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li huwa parti neċessarja tal-libertà ta’ l-istabbiliment, kif jirriżulta mill-Artikolu 54(3)(e) tat-Trattat KE [li sar, wara emenda, l-Artikolu 44(2)(e) KE] jiġġenera, meta dan jintuża, movimenti ta’ kapital (sentenza tal-25 Jannar 2007, Festersen, C-370/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-moviment ta’ kapital jinkludi l-operazzjonijiet li bihom persuni li mhumiex residenti jidħlu għal investimenti immobbiljari fit-territorju ta’ Stat Membru, kif jirriżulta min-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5), fejn din in-nomenklatura għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta’ movimenti tal-kapital (ara s-sentenza Festersen, iċċitata, punt 23 u ġurisprudenza iċċitata).

60     Huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala kumpannija holding taħt il-liġi Lussemburgiża, ipproċediet għal xiri ta’ proprejtà immobbli fi Franza. M’hemmx dubju li investiment transkonfinali bħal dan huwa moviment tal-kapital skond l-imsemmija nomenklatura (ara, s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2005, D., C-376/03, Ġabra p. I-5821, punt 24).

61     Jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital.

62     Fir-rigward ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat, jirriżulta minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-libertà ta’ l-istabbiliment, li dan l-Artikolu jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi d-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess, għall-kumpanniji mwaqqfa skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, it-tmexxija ċentrali tagħhom jew l-uffiċċju prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 29, u ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63     Minbarra dan, il-kunċett ta’ stabbiliment skond it-Trattat huwa kunċett miftuħ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, billi jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità fil-qasam ta’ l-attivitajiet mhux imħallsa (ara, b’mod partikolari s-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Madankollu, sabiex id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ stabbiliment jistgħu japplikaw, huwa bħala regola ġenerali neċessarju li tkun assigurata preżenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti u, fil-każ ta’ xiri u ta’ pussess ta’ beni immobbli, li l-ġestjoni ta’ dawn il-beni tkun attiva (sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata,iktar ’il fuq, punt 19).

65     Fil-kawża preżenti, għalkemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tippossjedi proprjetà immobbli fi Franza, ma jirriżultax la mid-deskrizzjoni tal-fatti pprovduti mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġusitzzja li hi tippossjedi din il-proprjetà fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħha jew inkella li tmexxi hija stess l-attiv immobbli tagħha.

66     Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ l-istabbiliment bħala prinċipju ma japplikawx fiċ-ċirkustanzi bħal dawk esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju.

67     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet hawn fuq li għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital.

68     F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, madankollu, dawn ta’ l-aħħar iridu jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19; tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C-292/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19, u ta’ l-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).

69     Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 73 B, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu wkoll dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu dawk li mhumiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu r-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stat Membru ieħor (sentenza Festersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70     Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza, dawn huma, skond l-Artikolu 990 E, punt 3, ta’ CGI, eżenti mit-taxxa kkontestata, meta kull sena huma jikkomunikaw, jew jieħdu u jirrispettaw l-impenn li jikkomunikaw lill-awtorità fiskali, fuq talba tagħha, il-post u d-deskrizzjoni ta’ l-immobbli li kienu fil-pussess tagħhom fl-1 ta’ Jannar, l-identità u l-indirizz ta’ l-azzjonisti, soċji u membri oħra tagħhom, in-numru ta’ azzjonijiet, ishma jew drittijiet oħra miżmuma minn kull wieħed minnhom u evidenza tar-residenza tagħhom għal skopijiet fiskali.

71     Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede tagħhom fi Stat ieħor barra Franza, l-Artikolu 990 E(2) CGI jipprovdi li dawn huma eżenti mit-taxxa kkontestata – bħal persuni ġuridiċi kollha li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza – meta huma jiddikjaraw kull sena l-post, id-deskrizzjoni u l-valur tal-proprjetà immobbli li jippossjedu fl-1 ta’ Jannar, l-identità u l-indirizz tas-soċji tagħhom fl-istess data kif ukoll in-numru ta’ azzjonijiet jew ishma miżmuma minn kull wieħed minnhom.

72     Madankollu, skond din l-istess dispożizzjoni ta’ CGI, huwa minbarra dan neċessarju li jkunu kkonkludew konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva favur il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jew, skond l-Artikolu 990 E(3) CGI, trattat li skond dan il-persuni ġuridiċi kkonċernati m’għandhomx ikunu suġġetti għal tassazzjoni akbar minn dik tal-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza.

73     Għal dak li jikkonċerna l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 990 E(2) ta’ CGI, il-konvenzjoni li għaliha jirreferi dan l-Artikolu ġiet konkluża, iżda l-kumpanniji holding irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, b’hekk, ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata.

74     Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi li m’għandhomx is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza u li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 990 E(3) ta’ CGI, għandu jiġi indikat li, f’dak il-jum l-ebda konvenzjoni speċjali intiża sabiex tirregola l-kwistjonijiet ta’ tassazzjoni doppja ma ġiet konkluża bejn ir-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif huwa indikat b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju, li, fil-kawża prinċipali, l-amministrazzjoni fiskali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 990 E(3) CGI, ċaħdet it-talba ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata ppreżentata mir-rikorrenti.

75     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet hawn fuq li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata skond l-Artikoli 990 D u 990 E(2) u (3) CGI, il-persuni ġuridiċi li m’għandhomx is-sede ta’ tmexxija tagħhom fi Franza huma, bid-differenza ta’ persuni taxxabbli oħra, suġġetti għal kundizzjoni supplementari, jiġifieri dik marbuta ma’ l-eżistenza ta’ konvenzjoni konkluża bejn ir-Repubblika Franċiża u l-Istat ikkonċernat.

76     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fin-nuqqas ta’ konvenzjoni bħal din, persuna ġuridika li m’għandhiex is-sede ta’ tmexxija tagħha fi Franza, issib lilha nfisha mċaħda mill-possibbiltà li titlob b’mod effettiv l-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata skond l-Artikoli 990 D u 990 E(2) u (3) CGI. Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li huma biss l-Istati kkonċernati li għandhom kompetenza li jiddeċiedu li jintrabtu permezz ta’ konvenzjoni, jirriżulta li l-kundizzjoni marbuta ma’ l-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva jew ta’ trattat tista’ tinvolvi de facto, għal din il-kategorija ta’ persuni ġuridiċi, sistema permanenti ta’ nuqqas ta’ eżenzjoni mit-taxxa kkontestata.

77     Jirriżulta li l-ħtiġijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali sabiex ikun hemm benefiċċju mill-eżenzjoni tat-taxxa kkontestata jagħmlu l-investiment immobbli fi Franza inqas attraenti għall-kumpanniji mhux residenti, bħall-kumpanniji holding irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża.

78     B’hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxi għall-persuni ġuridiċi in kwistjoni restrizzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital li hija, bħala prinċipju, projbita mill-Artikolu 73 B tat-Trattat.

79     F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet u l-aħħar lok, jekk ir-restrizzjoni li tirriżulta mit-taxxa kkontestata hijiex iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

80     B’dan il-għan, il-Gvern Franċiż isostni li t-taxxa kkontestata tagħmel parti mid-dispożittiv tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, fejn l-għan huwa li tħeġġeġ il-persuni ġuridiċi li jżommu direttament jew indirettament immobbli fi Franza li jiżvelaw l-identità tal-persuni fiżiċi jew morali li huma s-soċji.

81     Ċertament, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa tammonta għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal libertà ta’ moviment (ara s-sentenzi Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-150/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82     Madankollu, ir-restrizzjoni in kwistjoni għandha tkun iktar adattata għall-għan imsegwi u m’għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-522/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

83     B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk it-taxxa kkontestata hijiex adattata għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u jekk hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jitwettaq.

84     Skond il-Gvern Franċiż, it-taxxa kkontestata hija intiża sabiex tiddiswadi l-persuni li jħallsu t-taxxa li huma suġġetti għat-taxxa Franċiża fuq il-kapital li jevadu taxxa bħal din billi joħolqu kumpanniji, li jsiru proprjetarji tal-proprejtà immobbli li tinsab fi Franza, fi Stati li ma kkonkludewx fir-Repubblika Franċiża konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva jew trattat li jinkludi klawżola ta’ non diskriminazzjoni skond in-nazzjonalità li skond din dawn il-kumpanniji m’għandhomx ikunu suġġetti għal taxxa akbar minn dik li għaliha huma suġġetti l-kumpanniji stabbiliti fi Franza.

85     It-taxxa kkontestata hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tikkumbatti l-prassi li jikkonsistu fil-ħolqien, minn persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fi Franza u fejn il-proprjetà immobbli tkun normalment suġġetta għat-taxxa fuq il-kapital, ta’ kumpanniji li għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fi Stat Membru ieħor fejn ir-Repubblika Franċiża ma tistax tikseb l-informazzjoni xierqa fuq il-persuni fiżiċi li jkollhom sehem f’dawn il-kumpanniji.

86     Konsegwentement, peress li l-kriterju essenzjali ta’ eżenzjoni huwa, fil-fatt, magħmul minn garanzija li l-amministrazzjoni fiskali Franċiża tista’ titlob direttament lil awtoritajiet fiskali barranin l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tikkorrabora d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-kumpanniji li jżommu drittijiet fuq proprjetà jew drittijiet reali oħra fuq immobbli li jinsabu fi Franza skond l-Artikolu 990 E CGI, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fi Franza dwar il-proprjetà immobbli tagħhom suġġetti għat-taxxa fuq il-kapital.

87     Billi tintaxxa lill-kumpanniji kollha li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni, il-leġiżlazzjoni Franċiża in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala effett li tintaxxa l-proprejtà immobbli miżmuma mill-kumpanniji użati bħala “faċċata” minn presuni fiżiċi li fin-nuqqas ta’ kumpanniji bħal dawn, ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-kapital.

88     It-taxxa kkontestata b’hekk tippermeti li jiġu miġġielda l-prassi li jeżentaw lil persuni fiżiċi minn ħlas tat-taxxa fuq il-kapital fi Franza jew għall-inqas li, tagħmel dawn il-prassi inqas attraenti. B’hekk hija adatta għall-għan li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.

89     Madankollu, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk it-taxxa kkontestata ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jitwettaq.

90     Għal dan l-iskop, il-Gvern Franċiż jafferma li approċċ restrittiv ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata huwa neċessarju minħabba d-diffikultà li għandhom l-awtoritajiet fiskali Franċiżi sabiex iressqu l-prova ta’ l-evażjoni tat-taxxa fin-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ min jorbot fuqha li tippermetti li żżid ma’ l-informazzjoni pprovduta minn persuni li jħallsu t-taxxa fid-dikjarazzjonijiet tagħhom.

91     Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skond ġurisprudenza stabbilita, ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tirrigwarda skemi purament artifiċjali li għandhom l-għan li tiġi evitata l-liġi fiskali, fejn tiġi eskluża kull preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni. B’hekk, preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa ma tkunx suffiċjenti sabiex tiġġustifika miżura fiskali li tista’ tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 45; ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 27, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas,C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92     Skond ġurisprudenza stabbilta wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 77/799 tista’ tiġi invokata minn Stat Membru sabiex jikseb, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, l-informazzjoni neċessarja kollha li peremzz tagħha jkun jista’ jistabbilixxi l-ammont tat-taxxi koperti mill-imsemmija Direttiva b’mod korrett (ara s-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71, u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Minn barra dan jirriżulta mit-tweġiba mogħtija għat-tieni domanda preliminari li t-taxxa kkontestata hija koperta mid-Direttiva 77/799.

93     Ċertament, jirriżulta mit-tweġiba mogħtija għat-tielet domanda magħmula li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tal-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ April 1958 jaqa’ taħt il-limitu ta’ skambju ta’ informzzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799, b’mod li, jista’ jkun impossibbli għall-awtoritajiet fiskali Franċiżi li jiġġieldu b’mod effettiv l-evażjoni fiskali fil-każ tal-kumpanniji holding irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża.

94     Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li, għalkemm l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799 ma jobbligax lill-awtoritajiet fiskali ta’ l-Istati Membri sabiex jikkollaboraw meta l-liġijiet tagħhom jew il-prassi amministrattivi ta’ dawn l-aħħar imsemmija ma jawtorizzawx lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jagħmlu dawn l-inkjesti jew milli jiġbru jew jużaw din l-informazzjoni għall-għanijiet ta’ dawn l-Istati, l-impossibbiltà li tiġi mitluba din il-kollaborazzjoni ma tistax tiġġustifika r-rifjut ta’ vantaġġ fiskali.

95     Fil-fatt, xejn ma jwaqqaf lill-awtoritajiet fiskali kkonċernati milli jeżiġu mill-persuni li jħallsu t-taxxi l-provi li huma jikkunsidraw neċessarji sabiex jiġu stabbiliti l-imposti u t-taxxi kkonċernati b’mod korrett u, skond il-każ, li tiġi rrifjutata l-eżenzjoni mitluba jekk dawn il-provi mhumiex ipprovduti (ara, s-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96     B’hekk, ma tistax tiġi eskluża a priori li l-persuna suġġetta għat-taxxa tkun fil-pożizzjoni li tipprovdi dokumenti rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali ta’ l-Istat Membru ta’ tassazzjoni, li jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, li hija mhux qed tipprova tevita jew taħrab il-ħlas tat-taxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Baxter et, C-254/97, Ġabra p. I-4809, punti 19 u 20, u ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Laboratoires Fournier, C-39/04, Ġabra p. I-2057, punt 25).

97     Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-impossibbiltà eventwali li tiġi mitluba direttament il-kooperazzjoni ta’ l-awtoritajiet fiskali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu tista’ tagħmel il-verifika ta’ l-informazzjoni aktar diffiċli.

98     Madankollu, din id-diffikultà ma tistax tiġġustifika rifjut kategoriku li jingħata vantaġġ fiskali abbażi għall-investimenti magħmula mill-investituri li ġejjin minn dan l-Istat Membru. Fil-fatt, meta l-kumpanniji holding irreġistrati taħt il-liġi Lussemburgiża jitolbu l-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata, l-awtoritajiet fiskali Franċiżi jistgħu jitolbu lil dawn il-kumpanniji li jfornu l-elementi ta’ prova li huma jqisu neċessarji sabiex jassiguraw totalment it-trasparenza tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom u ta’ l-istruttura tas-sehem azzjonarju ta’ dawn l-aħħar imsemmija, u dan indipendentement minn l-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva jew ta’ trattat li jipprovdi klawżola ta’ non diskriminazzjoni fil-qasam fiskali.

99     Il-leġiżlazzjoni Franċiża in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix lill-kumpanniji li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva u li ma jaqgħux taħt it-trattat li jipprovdi klawżola ta’ non diskriminazzjoni fil-qasam fiskali, iżda li jinvestu fi proprjetà immobbli fi Franza, li jipprovdu dokumenti rilevanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-identità ta’ l-azzjonisti tagħhom u kull informazzjoni oħra li l-awtoritajiet fiskali Franċiżi jqisu bħala neċessarja. Konsegwentment, din il-leġiżlazzjoni tostakola, f’kull każ, li dawn il-kumpanniji jressqu l-prova li huma ma jsegwux għan ta’ evażjoni.

100   Jirriżulta li l-gvern Franċiż seta’ jadotta miżuri inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

101   B’hekk, it-taxxa kkontestata ma tistax tiġi ġġustifikata mill-ġlieda kontra din l-evażjoni.

102   Konsegwentment, l-ewwel domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 73 B tat-Trattat għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li teżenta lill-kumpanniji stabbiliti fi Franza mit-taxxa kkontestata, filwaqt li tissuġġetta din l-eżenzjoni, għall-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva konkluża bejn ir-Repubblika Franċiża u dan l-Istat sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jew għall-kundizzjoni li, b’applikazzjoni ta’ trattat li jinkludi klawżola ta’ non diskriminazzjoni skond in-nazzjonalità, dawn il-kumpanniji m’għandhomx ikunu suġġetti għal taxxa akbar minn dik li għaliha huma suġġetti l-kumpanniji stabbiliti fi Franza u li ma tippermettix lill-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li tipprovdi elementi ta’ prova li jippermettu li tiġi stabbilita l-identità ta’ l-azzjonisti tagħha li huma persuni fiżiċi.

 Fuq ir-raba’ domanda

103   Fir-rigward tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel tliet domandi, mhux neċessarju li tingħata tweġiba għar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

104   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Raba’ Awla taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-taxxa fuq il-valur fis-suq tal-proprjetà immobbli pposseduta fi Franza minn persuni ġuridiċi tikkostitwixxi taxxa ta’ natura analoga għal dik tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li hija miġbura fuq il-kapital, skond l-Artikolu 1(2) ta’ din id-Direttiva.

2)      Id-Direttiva 77/799, kif emendata permezz tad-Direttiva 92/12, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) tagħha ma tipprekludix li żewġ Stati Membri jiġu marbuta minn konvenzjoni internazzjonali, bil-għan li jiġu evitati t-taxxi doppji u sabiex jiġu stabbiliti r-regoli ta’ għajuna amministrattiva reċiproka fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għal Stat Membru, kategorija ta’ persuni taxxabbli li huma suġġetti għal taxxa li taqa’ taħt l-imsemmija Direttiva, b’mod tali li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li għandha tipprovdi l-informazzjoni ma tkunx awtorizzata mil-leġiżlazzjoni jew prassi amministrattiva tagħha milli tirċievi jew tutilizza din l-informazzjoni għall-bżonnijiet partikolari ta’ l-imsemmi Stat Membru, sitwazzjoni li l-qorti tar-rinviju għandha kompetenza li twettaq verifika dwarha.

3)      L-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li teżenta lill-kumpanniji stabbiliti fi Franza mit-taxxa fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li persuni ġuridiċi jkollhom pussess tagħha fi Franza, filwaqt li tissuġġetta din l-eżenzjoni, għall-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ għajnuna amministrattiva konkluża bejn ir-Repubblika Franċiża u dan l-Istat sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jew għall-kundizzjoni li, b’applikazzjoni ta’ trattat li jinkludi klawżola ta’ non diskriminazzjoni skond in-nazzjonalità, dawn il-kumpanniji m’għandhomx ikunu suġġetti għal taxxa akbar minn dik li għaliha huma suġġetti l-kumpanniji stabbiliti fi Franza u li ma tippermettix lill-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li tipprovdi elementi ta’ prova li jippermettu li tiġi stabbilita l-identità ta’ l-azzjonisti tagħha tal-persuni fiżiċi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.