Kawża C-462/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Portugiża
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ammissibbiltà — Res judicata — Sitt Direttiva tal-VAT — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5), Artikoli 12(3)(a) u 28(2)(e)”
Sommarju tas-sentenza
1. Proċedura — Res judicata — Portata — Inammissibbiltà ta’ tieni rikors — Kundizzjonijiet — Suġġett identiku
2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa b’mod tranżitorju
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 12 u 28)
1. Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra Stat Membru, ir-res judicata ma tistax tiġi validament eċċepita minn dan l-Istat fid-dawl ta’ sentenza preċedenti meta s-suġġett tal-kawża inkwistjoni u dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza preċedenti jkunu differenti, u dan preċiżament minħabba l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmi Stat Membru lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni.
(ara l-punt 27)
2. Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, Stat Membru li jżomm fis-seħħ rata mnaqqsa ta’ 5 % tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq operat minn terz indipendenti, filwaqt li l-imsemmi Stat kien applika għal dawn is-servizzi r-rata normali tat-taxxa bejn l-1992 u l-1994. Fil-fatt, ir-rata mnaqqsa li tista’ tiġi applikata ma tistax tkun inqas minn 12 % skont l-Artikolu 28(2)(e) tal-imsemmija direttiva. Barra minn dan, Stat Membru li kkonforma ruħu, fir-rigward ta’ servizzi oħra li mhumiex dawk imsemmija fl-Anness H tas-Sitt Direttiva, mad-dispożizzjonijiet armonizzati ta’ din id-direttiva, ma jistax jeżenta ruħu mill-obbligi tiegħu billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 28(2)(e) ta’ din tal-aħħar inkwantu din id-dispożizzjoni għandha preċiżament għan kuntrarju, jiġifieri l-adattazzjoni progressiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma’ dawk tas-Sitt Direttiva u, għaldaqstant, ma jistax jiġi awtorizzat jintroduċi mill-ġdid rata mnaqqsa fir-rigward tal-imsemmija servizzi
(ara l-punti 49, 55-56, 59 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Ġunju 2008(*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà – Res judicata– Sitt Direttiva tal-VAT – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5), Artikoli 12(3)(a) u 28(2)(e)”
Fil-kawża C-462/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-22 ta’ Diċembru 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, Â. Seiça Neves u R. Laires, bħala aġenti,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ 13 ta’ Marzu 2008,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li skonthom rata mnaqqsa ta’ 5 % tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar’il quddiem il-“VAT”) hija applikabbli għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/41/KE, tad-19 ta’ Jannar 2001 (ĠU L 22, p. 17, iktar’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
Il-kuntest ġuridiku
Is-Sitt Direttiva
2 Id-dsatax-il premessa tas-Sitt Direttiva tistipula:
“billi jeħtieġ li jkun hemm perjodu transitorju biex liġijiet nazzjonali f’oqsma partikolari jiġu adattati gradwalment”.
3 Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.
4 Skont l-Artikolu 4(1) u (5) tas-Sitt Direttiva:
“Persuna taxxabbli” tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
[...]
Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.
Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.
F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.
[…]”
5 Fir-rigward tar-rati tal-VAT, l-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jistipulaw:
“Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi ffissata minn kull wieħed mill-Istati Membri bħala perċentaġġ fuq l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi. Mill-1 ta’ Jannar, 2001 sal-31 ta’ Diċembru, 2005, dan il-perċentaġġ ma jistax ikun inqas minn 15 %.
Fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li kkonsultaw mall-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’mod unanimu dwar il-livell tar-rata standard stabbilit li għandha tiġi applikata wara l-31 ta’ Diċembru, 2005.
L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsin. Dawn ir-rati għandhom jiġu ffissati bħala perċentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli, li ma jistax ikun inqas minn 5 %, u għandu japplika biss għall-provvisti tal-kategoriji ta’ l-oġġetti u tas-servizzi speċifikati fl-Anness H.”
6 Is-servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ infrastruttura ta’ toroq kontra ħlas ta’ pedaġġ mhumiex inklużi la fil-lista tal-Anness D tas-Sitt Direttiva u lanqas f’dik tal-Anness H tal-istess direttiva.
7 L-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva jistipula kif ġej:
“Minkejja l-Artikolu 12(3), id-disposizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw matul il-perjodu transizzjonali msemmi fl-Artikolu 281.
[...]
d) L-Istati Membri li fl-1 ta’ Jannar 1991 applikaw rata mnaqqsa lil servizzi ta’ ristoranti, ħwejjeġ tat-tfal, żraben tat-tfal u sistemazzjoni fid-djar, jistgħu jkomplu japplikaw din ir-rata lil dawn il-provvisti.
e) L-Istati Membri li fl-1 ta’ Jannar 1991 applikaw rata mnaqqsa lill-provvisti ta’ oġġetti u servizzi li mhumiex dawk speċifikati fl-Anness H jistgħu japplikaw ir-rata l-imnaqqsa jew waħda miż-żewġ rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 12(3) lil dawn il-provvisti, iżda r-rata m’għandhiex tkun inqas minn 12 %.”
Id-dritt nazzjonali
8 Il-Kodiċi Portugiż tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar’il quddiem is-“CIVA”) jipprevedi, fl-Artikolu 18(1)(a) tiegħu, li l-importazzjonijiet, il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi msemmija fil-lista I annessa mas-CIVA huma suġġetti għal rata mnaqqsa tal-VAT li hija ta’ 5 %. Il-punt 2.19 tal-imsemmija lista jsemmi l-“[p]edaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona”.
9 L-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni Portugiża dwar ir-rata tal-VAT applikabbli għal dan it-tip ta’ pedaġġi kien is-segwenti:
– fl-1 ta’ Jannar 1991, kienet fis-seħħ rata mnaqqsa ta’ 8 %, identika għal dik applikata għall-pedaġġi awtostradali;
– mill-24 ta’ Marzu 1992 u sal-31 ta’ Diċembru 1994, ir-rata normali tal-VAT kienet applikata, skont il-Liġi Nru 2/92, tad-9 ta’ Marzu 1992;
– mill-1 ta’ Jannar 1995, tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 5 % għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, skont il-Liġi Nru 39-B/94, tas-27 ta’ Diċembru 1994, filwaqt illi r-rata normali hija applikata għall-pedaġġi l-oħra.
Il-fatti tal-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
Il-fatti li wasslu għal din il-kawża
10 L-applikazzjoni mir-Repubblika Portugiża ta’ rata ta’ VAT ta’ 5 % għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona kienet is-suġġett ta’ proċeduri preċedenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni matul ix-xahar ta’ April tal-1996. Dawn il-proċeduri wasslu għas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-276/98, Ġabra p. I-1699).
11 Il-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda mhux biss is-servizzi relatati mal-qsim tat-Tage permezz ta’ ponti fejn jitħallas il-pedaġġ, iżda wkoll tranżazzjonijiet relatati ma’ ċerta merkanzija. Il-Kummissjoni sostniet li, billi applikat rata ta’ VAT ta’ 5 % fuq dawn is-servizzi u fuq dawn it-tranżazzjonijiet, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 28(2) tas-Sitt Direttiva.
12 Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors tal-Kummissjoni inkwantu dan kien jirrigwarda l-merkanzija, iżda ċaħditu inkwantu dan kien jikkonċerna l-pedaġġi. L-imsemmija sentenza hija mmotivata bil-mod li ġej:
“22 Il-Kummissjoni tikkontesta lir-Repubblika Portugiża li tikser l-Artikoli 12(3) u 28(2) tas-Sitt Direttiva billi tissuġġetta l-pedaġġi miġbura fuq il-qsim tal-pont b’pedaġġ fuq it-Tage f’Lisbona għal rata mnaqqsa tal-VAT ta’ 5 % minflok ir-rata normali fil-Portugall ta’ 17 %.
23 Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma resqitx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li jippermettu lil din tal-aħħar tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li mhuwiex stabbilit li l-provvista tas-servizz inkwistjoni kienet suġġetta għall-VAT.
24 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT biss il-provvisti ta’ servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.
25 Skont l-Artikolu 4(5) tal-istess direttiva, korpi rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu li huma persuni taxxabbli fir-rigward tal-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jaġixxu taħt titolu ta’ ħlas. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ okkażjonijiet, l-analiżi ta’ dan it-test, fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, turi biċ-ċar il-fatt li għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tapplika r-regola tal-eżenzjoni mit-taxxa, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet minn korp pubbliku u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet mwettqa bħala awtorità pubblika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, C-260/98, [Ġabra p. I-6537], punt 34; Il-Kummissjoni vs Franza, C-276/97, [Ġabra p. I-6251], punt 39; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-358/97, [Ġabra p. I-6301], punt 37; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-359/97, [Ġabra p. I-6355], punt 49, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-408/97, [Ġabra p. I-6417], punt 34, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra).
26 Il-Kummissjoni ma kkontestatx il-fatt li, kif ippreċiża l-Gvern Portugiż fis-seduta, huwa korp irregolat mid-dritt pubbliku, li jaġixxi bħala awtorità pubblika, li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti l-pont b’pedaġġ fuq it-Tage f’Lisbona.
27 Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, billi l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huma sodisfatti f’dan il-każ, il-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-korp irregolat mid-dritt pubbliku mhumiex taxxabbli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tallega b’mod żbaljat li din id-dispożizzjoni toffri biss possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju ġenerali stipulat fl-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li l-Istati Membri m’għandhomx id-dritt jikkunsidraw korpi rregolati mid-dritt pubbliku bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ attività mwettqa bħala awtorità pubblika li mhijiex inkluża, bħal f’dan il-każ, fl-Anness D tas-Sitt Direttiva u li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5). Għaldaqstant, skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma ma jistgħux, jintaxxaw l-operazzjonijiet imwettqa mill-imsemmija korpijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, 231/87 u 129/88, Ġabra p. 3233, punt 33).
28 Tabilħaqq, jekk l-eżenzjoni tal-attività inkwistjoni mill-VAT twassal għal distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmi pont permezz ta’ ħlas ta’ pedaġġ ikun taxxabbli skont din l-istess dispożizzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, f’ebda mument waqt il-proċedura prekontenzjuża, ma invokat l-eżistenza ta’ tali distorsjoni.
29 Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tisħaq il-Kummissjoni, ir-Repubblika Portugiża, billi introduċiet jew żammet fis-seħħ ir-rata mnaqqsa tal-VAT fuq il-pedaġġi mħallsa matul il-qsim tal-pont fuq it-Tage, ma kisritx l-Artikoli 12(3) u 28(2) tas-Sitt Direttiva. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-imsemmi Stat Membru kisirx dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva. Fil-fatt, matul il-proċedura prekontenzjuża, ebda lment ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet differenti minn dawk tal-Artikoli 12(3) u 28(2) tas-Sitt Direttiva ma ġie invokat mill-Kummissjoni, b’mod li ksur tali ma jikkostitwixxix is-suġġett tal-kawża.
30 Għalhekk ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud inkwantu dan jirrigwarda l-pedaġġi relatati mal-qsim tal-pont fuq it-Tage f’Lisbona.”
Il-fażi prekontenzjuża relatata ma’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
13 Wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ġdida għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fl-ittra ta’ intimazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2003 issemmew żewġ ilmenti kontra r-Repubblika Portugiża:
– prinċipalment, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jirriżulta mill-inkompatibbiltà eventwali tas-CIVA mal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, billi s-servizzi inkwistjoni, minħabba li huma kienu pprovduti minn entità li ma kinitx suġġetta għall-VAT, ma kellhomx jiġu suġġetti għat-taxxa.
– sussidjarjament, fis-sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet Portugiżi jikkunsidraw is-servizzi kkonċernati bħala taxxabbli, l-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ikun ikkostitwit mill-inkompatibbiltà eventwali tas-CIVA mal-Artikoli 12 u 28 tal-istess direttiva, billi għandha tiġi applikata f’dan il-każ ir-rata normali tal-VAT u mhux rata mnaqqsa.
14 Fid-dawl tar-risposta tal-awtoritajiet Portugiżi għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Lulju 2004, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża fejn tenniet l-argument prinċipali tagħha kif ukoll dak sussidjarju u fejn stiednitha tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċieviha. Billi dan l-Istat Membru ma adottax fit-terminu stipulat il-miżuri intiżi sabiex jemendaw il-leġiżlazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
15 Il-Kummissjoni tinvoka biss in sostenn tar-rikors tagħha t-tieni miż-żewġ ilmenti msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, jiġifieri dak ibbażat fuq il-fatt li mhijiex ir-rata normali tal-VAT li hija applikata għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, iżda r-rata ta’ 5 %.
Fuq ir-rikors
16 B’att separat, ir-Repubblika Portugiża qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 91(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar, b’deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2007, iddeċidiet li tinkludi din l-eċċezzjoni mal-mertu tal-kawża u li teżaminaha fl-istess ħin ma’ dawn tal-aħħar.
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
17 Ir-Repubblika Portugiża tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-awtorità eventwali tar-res judicata. Skontha, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet fuq l-istess kwistjoni bħal dik imqajma f’dan ir-rikors. Billi la ċ-ċirkustanzi ta’ fatt u lanqas id-dritt nazzjonali jew Komunitarju applikabbli ma ġew emendati, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tal-imsemmija sentenza, relatata man-nuqqas ta’ ksur tal-Artikoli 12(3) u 28(2) tas-Sitt Direttiva, għandha s-saħħa ta’ res judicata u għandha twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.
18 L-imsemmi Stat Membru jirrileva li, anki jekk l-ittra ta’ intimazzjoni jew l-opinjoni mmotivata relatati ma’ dawn il-proċeduri jirrigwardaw nuqqasijiet oħra tal-leġiżlazzjoni Portugiża fir-rigward tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari l-ksur tal-Artikolu 4(5) ta’ din tal-aħħar, is-suġġett tar-rikors huwa finalment limitat għall-Artikoli 12 u 28 tal-istess direttiva, li kienu diġà ġew invokati fil-kawża li wasslet għas-sentenza, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq.
19 Il-Kummissjoni tikkontesta l-inammissibbiltà eċċepita għar-rikors tagħha mir-Repubblika Portugiża.
20 Minn naħa, hija tikkunsidra li r-res judicata hija relatata biss mal-punti ta’ fatt u ta’ dritt effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, mingħajr ma tista’ tiġi dedotta mill-qari tal-punti 23 sa 28 tagħha konstatazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Portugiża mal-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva. Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sempliċiment ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx ippruvat in-natura privata tal-operatur tas-servizzi inkwistjoni.
21 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala evidenti l-eżistenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi ta’ fatt li kienu ġew ikkunsidrati bħala stabbiliti fl-2001, li jimpedixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, milli tikseb ir-res judicata fir-rigward ta’ proċeduri ġodda bejn l-istess partijiet u li għandhom l-istess suġġett bħar-rikors li wassal għall-imsemmija sentenza.
22 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqajjem in-natura ambigwa u manifestament kuntradittorja tad-diversi pożizzjonijiet meħuda suċċessivament mill-awtoritajiet Portugiżi fir-rigward tal-istatus ġuridiku tal-entità responsabbli mill-ġestjoni tal-ponti b’pedaġġ fuq it-Tage f’Lisbona. Filwaqt li, matul is-seduta relatata mal-kawża li waslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, l-imsemmija awtoritajiet sostnew li l-operatur għandu natura pubblika, minn naħa l-oħra, matul il-fażi prekontenzjuża ta’ dawn il-proċeduri, huma kienu invokaw in-natura ta’ kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt privat ta’ dan l-operatur, billi ppreċiżaw li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza kienet tirriżulta minn nuqqas ta’ ftehim fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet bil-miktub u orali tar-rappreżentanti tar-Repubblika Portugiża.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li r-res judicata tirrigwarda biss il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li kienu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (sentenza tad-19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-281/89, Ġabra p. I-347, punt 14; digriet tat-28 ta’ Novembru 1996, Lenz vs Il-Kummissjoni, C-277/95 P, Ġabra p. I-6109, punt 50, u s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C 252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 44).
24 F’dan il-każ, għalkemm l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxi, tabilħaqq, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, ksur tal-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva, għandu madankollu jiġi rrilevat li, fl-imsemmija kawża, ma jsir ebda riferiment għan-natura ta’ konċessjonarju tal-operatur tas-servizzi inkwistjoni mir-Repubblika Portugiża la fil-fażi prekontenzjuża u lanqas matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-unika riferenza għan-natura ġuridika tal-operatur saret matul is-seduta, li matulha r-rappreżentant ta’ dan l-Istat Membru sempliċement qajjem in-natura ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika tal-imsemmi operatur (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, punt 26).
25 Madankollu, matul il-proċedura prekontenzjuża li tirrigwarda din il-kawża, ir-Repubblika Portugiża ammettiet għall-ewwel darba li l-operatur tal-pontijiet fuq it-Tage f’Lisoba huwa Lusoponte – Concessionária para a travessia do Tejo SA (iktar’il quddiem “Lusoponte”), konsorzju ta’ impriżi li, wara sejħa għal offerti internazzjonali, kien mogħti konċessjoni li tiskadi fl-24 ta’ Marzu 2030 u li tkopri d-disinn tal-proġett, il-kostruzzjoni, il-finanzjament, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-pont attwali Vasco de Gama, kif ukoll il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-pont preżistenti, jiġifieri l-pont tal-25 ta’ April.
26 Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, anki jekk fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat minnha, l-Istati Membri huma madankollu obbligati, skont l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari skont l-Artikolu 211 KE, fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tiegħu. Fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta, fil-prattika, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva ta’ direttiva, il-Kummissjoni tiddependi ħafna fuq l-elementi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat u, għalhekk, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka n-nuqqas ta’ natura konkreta tal-elementi ta’ dritt u ta’ prattika nazzjonali mressqa mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, l-inammissibbiltà tar-rikors (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar’il fuq, punti 15 sa 17 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha, kif ukoll, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-248/05, Ġabra p. I-9261, punti 67 u 68 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).
27 Għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjoni ġdida tar-Repubblika Portugiża dwar in-natura ġuridika tal-operatur tas-servizzi inkwistjoni, tikkostitwixxi bdil fundamentali tal-premessa fattwali li fid-dawl tagħha, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet favur l-applikabbiltà tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u ċ-ċaħda konsekuttiva tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 12 u 28 tagħha fir-rigward tal-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-res judicata ma tistax tiġi validament eċċepita mir-Repubblika Portugiża peress li s-suġġett ta’ din il-kawża u dak tal-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, huma differenti, u dan, preċiżament minħabba l-indikazzjonijiet pprovduti minn dan l-Istat Membru lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża.
28 Jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mir-Repubblika Portugiża kontra r-rikors tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq il-mertu
29 Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li nuqqas eventwali bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-rati taxxabbli skont l-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva jippreżumi jew l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jew, jekk ikun il-każ, l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni flimkien mat-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu.
30 Fil-fatt, kieku l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva kien applikabbli, il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas ġewwa l-pajjiż ma jkunux jistgħu jiġu ntaxxati inkwantu dawn jkunu mwettqa minn entità li mhijiex suġġetta għall-VAT. Huwa biss fil-każ fejn in-nuqqas ta’ obbligu ta’ taxxa previst mill-imsemmi l-ewwel subparagrafu jirriżulta f’distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni li t-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu 5 jirrikjedi li s-servizzi inkwistjoni jkunu suġġetti għall-VAT.
Fuq l-applikabbiltà tal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva
– L-argumenti tal-partijiet dwar dan l-ewwel subparagrafu
31 Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva mhuwiex applikabbli f’dan il-każ. L-awtoritajiet Portugiżi kienu kkonfermaw, fir-risposti li huma indirizzawlha matul il-fażi prekontenzjuża, in-natura ta’ operatur irregolat mid-dritt privat, konċessjonarja ta’ xogħlijiet pubbliċi, ta’ Lusoponte, li hija responsabbli mill-ġestjoni tal-ponti fuq it-Tage f’Lisbona u mill-ġbir tal-pedaġġi relatati mal-qsim ta’ dawn il-ponti mill-1 ta’ Jannar 1996 fir-rigward tal-pont tal-25 ta’ April u mid-29 ta’ Marzu 1998 fir-rigward tal-pont Vasco de Gama. Għaldaqstant, l-ewwel miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri n-natura ta’ korp pubbliku tal-operatur, mhijiex sodisfata.
32 Ir-Repubblika Portugiża tammetti li l-operatur tal-imsemmija ponti b’pedaġġ huwa konsorzju kompost minn impriżi Portugiżi, impriża Ingliża u impriża Franċiża. Madankollu, dan il-konsorzju huwa korp irregolat mid-dritt pubbliku, minħabba l-għan u l-iskop tal-ġestjoni f’data lilu, il-fatt li dan għandu setgħat ta’ awtorità pubblika u minħabba li huwa suġġett għad-dritt amministrattiv.
33 Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva ma tippermettix li jkun magħruf jekk in-nuqqas ta’ suġġettar għall-VAT tal-entitajiet li din id-dispożizzjoni tkopri jirrigwarda biss il-“korpijiet pubbliċi”, jiġifieri dawk li jikkostitwixxu entitajiet li huma parti integrali mill-amministrazzjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, il-“korpijiet irregolati mid-dritt pubbliku” jidħlux ukoll fl-iskop ta’ dispożizzjoni tali. Dan l-Istat Membru jikkonkludi li kemm il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni u kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jeħtieġu li l-“korpijiet rregolati mid-dritt pubbliku” bħal Lusoponte jiġu inklużi fl-arranġament għal persuni mhux taxxabbli.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura ta’ toroq permezz tal-ħlas ta’ pedaġġ tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva (sentenzi ċċitati iktar’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 36; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 34; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 46; Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 30; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 31, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-83/99, Ġabra. p. I-445, punt 11).
35 Bl-istess mod, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi, l-analiżi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva fid-dawl tal-għanijiet ta’ din tal-aħħar turi biċ-ċar il-fatt li għandhom jiġu sodisfatti kumulattivament żewġ kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tapplika ir-regola tal-eżenzjoni, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet minn korp regolat mid-dritt pubbliku u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet imwettqa bħala awtorità pubblika (sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 235/85, Ġabra p. 1471, punt 21; Comune di Carpaneto Piacentino et, iċċitata iktar’il fuq, punt 12, u tal-25 ta’ Lulju 1991, Ayuntamiento de Sevilla, C-202/90, Ġabra p. I-4247, punt 18; ara wkoll is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 39; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 37; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 49; tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 34; Il-Kummissjoni vs Greċja, punt 34; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 11, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Götz, C-408/06, Ġabra p. I-11295, punt 41).
36 F’din il-kawża, ir-Repubblika Portugiża tiżviluppa argumenti dettaljati sabiex issostni li Lusoponte hija korp irregolat mid-dritt pubbliku, għalkemm tali argumenti ma jinkludu madankollu ebda analiżi tal-istruttura, korporattiva jew istituzzjonali ta’ din l-entità. Biss l-għan u l-iskop tal-attività tagħha jippermetti li Lusoponte tiġi kkwalifikata bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku. Id-dipendenza diretta jew indiretta ta’ din l-entità fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika jew anki l-integrazzjoni tagħha f’din tal-aħħar m’għandha ebda rwol f’dan ir-rigward.
37 It-teżi tar-Repubblika Portugiża ma tistax tiġi milqugħa.
38 Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri dik relatata man-natura ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku tal-operatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività eżerċitata minn individwu mhijiex eżenta mill-VAT sempliċiment minħabba li din tikkonsisti fit-twettiq ta’ atti li jaqaw taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika (sentenzi ċċitati iktar’il fuq tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 21, u Ayuntamiento de Sevilla, punt 19).
39 Fil-fatt, meta attività li tikkonsisti fit-twettiq ta’ atti li jaqaw taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika hija fdata lil terza parti indipendenti jew hija eżerċitata minn entitajiet li mhumiex integrati fl-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, taħt il-forma ta’ attività ekonomika indipendenti, l-esklużjoni prevista mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva mhijiex applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 22, tas-26 ta’ Marzu 1987, u Ayuntamiento de Sevilla, punt 20).
40 F’dan il-każ, huwa stabbilit li Lusoponte hija terza parti li mhijiex integrata fl-amministrazzjoni pubblika u m’għandha ebda relazzjoni ta’ dipendenza ma’ din tal-aħħar. B’mod iktar preċiż, kif intqal fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, dan huwa konsorzju taħt il-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kkontrollata minn impriżi Portugiżi kif ukoll minn impriża Franċiża u impriża tar-Renju Unit u, wara sejħa għal offerti, dan il-konsorzju ngħata konċessjoni mill-amministrazzjoni Portugiża.
41 F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li Lusoponte ma tistax tiġi kkunsidrata bħala entità rregolata mid-dritt pubbliku fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għal din il-kawża.
42 Billi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva mhuwiex applikabbli f’dan il-każ, l-istess japplika għat-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 5, inkwantu din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-entitajiet koperti mill-ewwel subparagrafu.
Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 12(3)(a) u l-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva
– L-argumenti tal-partijiet
43 Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Portugiża tikser l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva inkwantu, peress illi s-servizzi kkonċernati ma kinux fost dawk li huma nnumerati fl-Anness H ta’ din id-direttiva, ir-rata mnaqqsa tal-VAT mhijiex applikabbli.
44 Fir-rigward tal-Artikolu 28(2)(e) tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-dispożizzjoni lanqas ma tawtorizza l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa prevista mis-CIVA. Anki jekk rata mnaqqsa kienet ġiet applikata fl-1 ta’ Jannar 1991, press illi s-servizzi inkwistjoni kienu ġew intaxxati b’rata normali, jiġifieri f’dan il-każ mill-24 ta’ Marzu 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1994, ma tistax tiġi introdotta mill-ġdid rata mnaqqsa. Dan l-approċċ għandu l-bażi tiegħu fl-għan intiż sabiex tissaħħaħ l-approssimazzjoni tal-livelli tar-rati tal-VAT, kif huwa ppreċiżat fit-tieni premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992 li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE(ĠU L 316, p. 1), kif ukoll fin-natura derogatorja u tranżitorja tal-imsemmija dispożizzjoni, li timponi interpretazzjoni stretta ta’ din tal-aħħar.
45 F’kull każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta tali interpretazzjoni stretta, il-Kummissjoni tirrileva li għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Portugiża, billi tipprevedi rata inqas minn 12 % għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, tikser l-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva.
46 Ir-Repubblika Portugiża ssostni li r-rata applikata f’dan il-każ hija bbażata fuq l-Artikolu 28(2)(e) tal-imsemmija direttiva, peress li, kuntrarjament għal dak li huwa previst fl-istess paragrafu, inċiż (d), l-unika kundizzjoni espliċitament msemmija fl-ewwel minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija dik li rata mnaqqsa kellha tiġi applikata għas-servizzi inkwistjoni fl-1 ta’ Jannar 1991.
47 Ir-Repubblika Portugiża tikkonkludi li, fis-sentenza tagħha li għandha tingħata, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tmur oltrè l-konstatazzjoni ta’ inapplikabbiltà eventwali tar-rata ta’ 5 %, billi tiffissa rata li għandha tkun applikata minflok dik prevista mis-CIVA. F’kull każ, skont dan l-Istat Membru, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva, jeżistu raġunijiet sabiex tiġi applikata rata intermedjarja ta’ 12 % minflok ir-rata normali ta’ 21 %.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
48 L-applikazzjoni tal-arranġament tranżizzjonali kif prevista fl-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva issib, f’dan il-każ, ostakolu ġuridiku dopju.
49 Minn naħa, jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li r-rata mnaqqsa li tista’ tiġi applikata ma tistax tkun inqas minn 12 %. F’dan il-każ, għalkemm huwa stabbilit li r-Repubblika Portugiża applikat fl-1 ta’ Jannar 1991 rata mnaqqsa għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, jibqa’ l-fatt li din ir-rata, wara din id-data sa’ dan il-jum, kienet dejjem inqas minn 12 %.
50 Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, billi r-rata normali tal-VAT kienet ġiet applikata għas-servizzi inkwistjoni bejn l-24 ta’ Marzu 1992 u l-31 ta’ Diċembru 1994, ir-Repubblika Portugiża ma kellhiex id-dritt tintroduċi mill-ġdid rata mnaqqsa.
51 Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja tal-VAT hija r-riżultat ta’ armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest tal-Artikoli 93 KE u 94 KE. Kif ikkonstatat diversi drabi l-Qorti tal-Ġusttizja, din l-armonizzazzjoni, hekk kif ġiet imwettqa minn direttivi suċċessivi, u, b’mod partikolari, mis-Sitt Direttiva, għadha biss armonizzazzjoni parzjali (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1989, ORO Amsterdam Beheer u Concerto, C-165/88, Ġabra p. I-4081, punt 21, u tas-7 ta’ Diċembru 2006, Eurodental, C-240/05, Ġabra p. I-11479, punt 50).
52 Għalhekk, din l-armonizzazzjoni prevista għadha ma twettqitx inkwantu s-Sitt Direttiva, bis-saħħa tal-Artikolu 28 tagħha, awtorizzat lill-Istati Membri jkomplu jżommu jew jadottaw ċerti dispożizzjonijiet li, mingħajr l-imsemmija awtorizzazzjoni, jkunu inkompatibbli ma’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 38, u Eurodental, iċċitata iktar’il fuq, punt 51).
53 Madankollu, kif jirrilevaw l-intestatura tat-Titolu XVI tas-Sitt Direttiva u d-dsatax-il premessa ta’ din tal-aħħar, dan l-Artikolu 28 għandu bħala għan li jippermetti, matul perijodu tranżitorju, adattazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’oqsma determinati.
54 Għalhekk fir-rigward ta’ sistema derogatorja u tranżitorja, l-Artikolu 28 tas-Sitt Direttiva għandu jingħata interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-169/00, Ġabra p. I-2433, punt 34, u Eurodental, iċċitata iktar’il fuq, punt 54) u konformi mal-għan tiegħu.
55 F’dan il-każ, billi huwa stabbilit li r-rata normali tal-VAT ġiet applikata għas-servizzi kkonċernati matul il-perijodu bejn l-24 ta’ Marzu 1992 u l-31 ta’ Diċembru 1994, ir-Repubblika Portugiża ma tistax tiġi awtorizzata tintroduċi mill-ġdid rata mnaqqsa fir-rigward tal-imsemmija servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-35/90, Ġabra p. I-5073, punt 7; tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-74/91, Ġabra p. I-5437, punt 15; tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-414/97, Ġabra p. I-5585, punt 29, kif ukoll Eurodental, iċċitata iktar’il fuq, punt 55).
56 Fil-fatt, billi r-Repubblika Portugiża kkonformat ruħha, fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, mad-dispożizzjonijiet armonizzati tas-Sitt Direttiva, hija ma tistax teżenta ruħha mill-obbligi tagħha billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 28(2)(e) ta’ din tal-aħħar inkwantu din id-dispożizzjoni għandha preċiżament għan kuntrarju, jiġifieri l-adattazzjoni progressiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma’ dawk tas-Sitt Direttiva.
57 Id-differenza, allegata mir-Repubblika Portugiża, bejn il-kliem tal-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva u dak tal-inċiż (d) tal-istess paragrafu 2 ma tistax tiġġustifika soluzzjoni differenti minn dik li tirriżulta miż-żewġ punti preċedenti, peress illi l-għan ta’ adattazzjoni progressiva huwa komuni għal dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji.
58 Billi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva mhumiex sodisfatti f’dan il-każ, jirriżulta li r-rata normali tal-VAT kien messa ġiet applikata għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona.
59 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet fis-seħħ rata mnaqqsa ta’ 5 % tal-VAT applikabbli għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
60 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika Portugiża u din tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi żammet fis-seħħ rata mnaqqsa ta’ 5 % tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva 2001/41/KE tal-Kunsill, tad-19 ta’ Jannar 2001.
2) Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż