Kawża C-464/05
Maria Geurts u Dennis Vogten
vs
Administratie van de BTW, registratie en domeinen, Belgische Staat
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mir-
rechtbank van eerste aanleg te Hasselt)
“Artikoli 43 KE u 56 KE — Leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali — Taxxa tas-suċċessjoni — Kumpannija tal-familja — Eżenzjoni — Kundizzjonijiet — Impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema f’reġjun ta’ Stat Membru”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-15 ta’ Frar 2007
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta' Ottubru 2007
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni
(Artikolu 43 KE, 56 KE sa 58 KE)
2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali
(Artikolu 43 KE)
1. Leġiżlazzjoni fiskali dwar it-taxxa tas-suċċessjoni li timponi bħala kundizzjoni għall-eżenzjoni minn din it-taxxa, prevista għall-impriżi tal-familja, l-impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema f’reġjun ta’ l-Istat Membru kkonċernat, taffettwa primarjament il-libertà ta’ stabbiliment u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE. Jekk jitqies li tali miżura nazzjonali għandha effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-konsegwenza inevitabbli ta’ eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami ta’ l-imsemmija miżura fid-dawl ta’ l-Artikoli 56 KE sa 58 KE.
(ara l-punti 12, 16, 18)
2. Fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 43 KE jipprekludi leġislazzjoni fiskali ta’ Stat Membru dwar it-taxxa tas-suċċessjoni li teskludi mill-eżenzjoni minn din it-taxxa prevista għall-impriżi tal-familja, dawk l-impriżi li impjegaw, matul it-tliet snin ta’ qabel id-data tal-mewt tad-de cujus, mill-inqas ħames ħaddiema fi Stat Membru ieħor, meta hija tagħti tali eżenzjoni l-ħaddiema jkunu impjegati f’reġjun ta’ l-ewwel Stat Membru.
Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni bħala regola tmur kontra l-Artikolu 43 KE safejn tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli skond il-post fejn il-kumpannija li tagħha l-persuni taxxabbli huma proprjetarji timpjega, għal ċertu perijodu, numru partikolari ta’ ħaddiema. B’hekk hija tintroduċi diskriminazzjoni indiretta bejn il-persuni taxxabbli skond il-post ta’ impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema matul ċertu perijodu, billi din il-kundizzjoni tista’, bla dubju, tiġi ssodisfatta iktar faċilment minn kumpannija li hija diġà stabbilita fl-imsemmi Stat Membru.
Tali leġiżlazzjoni ma tistax tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet relattivi għas-sopravivenza ta’ l-impriżi żgħar u medji u għaż-żamma ta’ l-impjiegi fihom, billi, fir-rigward ta’ l-għan li jiġi evitat li l-piż ta’ taxxa fuq is-suċċessjoni ma jqiegħedx fil-perikolu l-kontinwazzjoni ta’ l-impriżi tal-familja u għaldaqstant ta’ l-impjiegi li dawn jiġġeneraw, l-impriżi li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ l-impriżi li huma stabbiliti fl-ewwel Stat Membru.
Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma tistax tkun iġġustifikata mill-bżonn li titħares l-effikaċja tal-verifiki fiskali billi l-awtoritajiet fiskali jistgħu jitolbu lill-persuni taxxabbli kkonċernati nfushom li jipprovdu l-elementi ta’ prova li huma jqisu neċessarji sabiex jassiguraw totalment li l-imsemmija benefiċċji fiskali ma jingħatawx biss fil-każ fejn l-impjiegi kkonċernati jissodisfaw il-kriterji definiti mid-dritt nazzjonali.
(ara l-punti 19, 21-22, 27-29 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
25 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Artikoli 43 KE u 56 KE – Leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali – Taxxa tas-suċċessjoni – Kumpannija tal-familja – Eżenzjoni – Kundizzjonijiet – Impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema f’reġjun ta’ Stat Membru”
Fil-kawża C-464/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Hasselt (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-21 ta’ Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2005, fil-kawża
Maria Geurts,
Dennis Vogten
vs
Administratie van de BTW, registratie en domeinen,
Belgische Staat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– Għal M. Geurts u għal D. Vogten, minn A. van Zantbeek, A. Nijs u A. Verbeke, advocaten,
– għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn R. Deblauwe, C. Docclo u N. Labeeuw, advocaten,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u A. Weimar, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 u 56 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, rispettivament.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, M. Geurts u D. Vogten, fil-kwalità tagħhom ta’ eredi legali ta’ J. Vogten, u, min-naħa l-oħra, l-Administratie van de BTW, registratie en domeinen (Awtorità tal-VAT, tar-Reġistrazzjoni u ta’ l-Artijiet, iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet tat-taxxa Belġjani”), dwar ir-rifjut ta’ dawn ta’ l-aħħar li jagħtuhom eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
3 Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3 tal-Kostituzzjoni Belġjana, il-Belġju fih tliet reġjuni: ir-Reġjun tal-Vallonja, ir-Reġjun Fjamming u r-Reġjun ta’ Brussell.
4 Skond l-Artikolu 3(4) tal-Liġi Speċjali rigward l-iffinanzjar tal-Komunitajiet u r-Reġjuni, tas-16 ta’ Jannar 1989 (Moniteur belge tas-17 ta’ Jannar 1989, p. 850), kif emendata mil-Liġi Speċjali dwar l-iffinanzjar mill-ġdid tal-Komunitajiet u l-estensjoni tal-kompetenzi fiskali tar-Reġjuni, tat-13 ta’ Lulju 2001 (Moniteur belge tat-3 ta’ Awwissu 2001, p. 26646), it-taxxa tas-suċċessjoni tar-residenti tar-Renju tal-Bejġju huma taxxi reġjunali. Skond l-Artikolu 4(2) ta’ din il-Liġi Speċjali tas-16 ta’ Jannar 1989, ir-reġjuni huma kompetenti sabiex jiddeterminaw ir-rata tat-taxxa u l-eżenżjonijiet mit-taxxa tas-suċċessjoni.
5 L-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni stabbilit bid-Digriet Irjali Nru 308 tal-31 ta’ Marzu 1936 (Moniteur belge tas-7 ta’ April 1936, p. 2403), ikkonfermat bil-Liġi ta’ l-4 ta’ Mejju 1936 (Moniteur belge tas-7 ta’ Mejju 1936, p. 3426, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni”) jipprovdi li taxxa tas-suċċessjoni hija dovuta fuq dak kollu li jkunu rċevew l-eredi mis-suċċessjoni tal-mejjet, wara li jitnaqqas id-dejn.
6 L-Artikolu 60a ta’ l-istess Kodiċi, kif applikabbli għas-suċċessjonijiet miftuħa fir-Reġjun Fjamming, li ddaħħal bid-Digriet tal-Parlament Fjamming li fih diversi miżuri konnessi mal-baġit 1997 (decreet houdende bepalingen tot begeleiding van de begroting 1997), ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996 (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1996, p. 32555), kif emendat bid- Digriet tal-Parlament Fjamming li fih diversi miżuri konnessi mal-baġit 2000 (decreet houdende bepalingen tot begeleiding van de begroting 2000) tat-22 ta’ Diċembru 1999 (Moniteur belge tat-30 ta’ Diċembru 1999, p. 50232), jipprovdi:
“1. B’deroga mill-Artikoli 48 u 48/2 il-valur nett ta’ dan li ġej għandu jkun eżenti mit-taxxa tas-suċċessjoni:
a) assi investiti mill-mejjet jew mill-mara jew ir-raġel tiegħu jew tagħha f’impriża tal-familja fil-kors tan-negozju; u
b) ishma f’kumpannija tal-familja jew krediti kontra kumpannija bħal din, bil-kundizzjoni li fit-tliet snin ta’ qabel il-mewt mill-inqas 50 % ta’ l-impriża jew l-ishma fil-kumpannija kienu jappartjenu b’mod kontinwu lill-mejjet u/jew lill-mara jew ir-raġel tiegħu jew tagħha, u li dawn l-ishma jew krediti huma msemmijin volontarjament fid-dikjarazzjoni tal-wirt.
[…]
2. ‘Impriża tal-familja’ tfisser impriża industrijali, kummerċjali, artiġjanali jew agrikola jew professjoni libera, ġestita jew eżerċitata personalment mill-mejjet u/jew mill-mara/raġel tiegħu/tagħha, waħedhom jew flimkien ma’ persuni oħra.
3. ‘Kumpannija tal-familja’ tfisser kumpannija li l-post ta’ ġestjoni reali tagħha jkun jinsab f’wieħed mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u li:
– jew hi nfisha tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 5 u 8;
– jew iżżomm dawk l-ishma u, jekk ikun xieraq, krediti ta’ sussidjarji li jikkonformaw ma’ dawk il-kundizzjonijiet.
[…]
5. L-eżenzjoni għandha tkun mogħtija biss bil-kundizzjoni li l-impriża jew il-kumpannija tkun impjegat mill-inqas ħames ħaddiema li jaħdmu full-time fir-Reġjun Fjamming fit-tliet snin ta’ qabel il-mewt.
B’deroga mill-ewwel paragrafu, l-eżenzjoni tapplika rispettivament għal 20 %, 40 %, 60 % jew 80 % tal-valur nett definit fil-paragrafu 9, meta l-impriża jew il-kumpannija tkun impjegat 1, 2, 3 jew 4 ħaddiema li jaħdmu full-time fir-Reġjun Fjamming matul it-tliet snin qabel il-mewt. Dik l-eżenzjoni għandha tkun mogħtija u miżmuma biss jekk l-ishma jew krediti jibqgħu jappartjenu fil-ħames snin wara l-mewt lill-werrieta li jgawdu mill-eżenzjoni. [...]
In-numru ta’ ħaddiema impjegati huwa ddeterminat mid-dikjarazzjonijiet meħtieġa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni soċjali. […]
L-eżenzjoni għandha tinżamm biss jekk in-numru ta’ membri tal-persunal impjegati full-time fir-Reġjun Fjamming jinżamm kull sena fl-istess livell matul il-ħames snin wara l-mewt. […]
[…]
8. L-impriża jew il-kumpannija tista’ tkun intitolata għal eżenzjoni biss jekk, matul perijodu bejn tliet qabel u ħames snin wara l-mewt u skond id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1976 dwar il-kontijiet annwali ta’ l-impriżi, hija tħejji kontijiet annwali li huma użati wkoll biex jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul.
L-impriżi jew il-kumpanniji li m’għandhomx l-uffiċċju reġistrat tagħhom fit-territorju tar-Reġjun Fjamming għandhom iħejju l-kontijiet annwali tagħhom skond il-liġi applikabbli f’dan ir-rigward fil-post fejn huwa stabbilit l-uffiċċju reġistrat tagħhom.
[…]
10. Taħt piena ta’ nullità, l-Artikolu 60a għandu jkun applikabbli biss jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
1. id-dikjarazzjoni tirrikjedi b’mod espliċitu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 60a;
2. iċ-ċertifikat maħruġ mir-Reġjun Fjamming li juri li l-kundizzjonijiet rigward l-impjieg u l-kapital stabbiliti f’dan l-Artikolu ġew sodisfatti huwa anness mad-dikjarazzjoni.
[…]
11. L-eredi li jixtiequ jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 60a għandhom jibgħatu talba bil-posta reġistrata lill-Gvern Fjamming sabiex jingħataw iċ-ċertifikat previst fil-paragrafu 10.
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li M. Geurts u D. Vogten huma, rispettivament, l-armla u t-tifel ta’ J. Vogten, ċittadin Olandiż li twieled fil-25 ta’ Ġunju 1959 fl-Olanda u li miet fis-6 ta’ Jannar 2003. Fil-mument tal-mewt tiegħu, u matul, mill-inqas, il-ħames snin ta’ qabel, J. Vogten kien residenti fir-Reġjun Fjamming. Mhuwiex ikkontestat li d-domiċilju fiskali tiegħu kien fit-territorju ta’ dan ir-reġjun u li, għaldaqstant, l-Artikolu 60(a) tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni huwa applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu.
8 L-assi komuni tal-mejjet J. Vogten u tal-mara tiegħu kienu jinkludu, fost l-oħrajn, 100 % ta’ l-ishma ta’ Jos Vogten Beheer BV u Vogten Staal BV, kumpanniji rregolati bid-dritt Olandiż li kellhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’Maastricht (l-Olanda). Mhuwiex ikkontestat li dawn iż-żewġ impriżi kienu kumpanniji tal-familja fis-sens ta’ l-Artikolu 60a(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni. L-attiv ta’ l-assi komuni kien jinkludi wkoll kreditu, fis-sens ta’ l-Artikolu 60a(1)(b) ta’ l-istess Kodiċi, ta’ EUR 1 110 568 fil-konfront tal-kumpannija Jos Vogten Beheer.
9 Huwa paċifiku wkoll li sa minn iktar minn tliet snin qabel il-mewt ta’ J. Vogten, kull waħda miż-żewġ kumpanniji in kwistjoni kienu jimpjegaw b’mod mhux interrott iktar minn ħames ħaddiema fl-Olanda. Iktar preċiżament, jirriżulta mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li Vogten Staal BV kienet timpjega disa’ ħaddiema u Jos Vogten Beheer BV tmintax-il ħaddiem.
10 L-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani rrifjutaw li jagħtu l-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 60a tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni lill-eredi ta’ J. Vogten minħabba li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma ġietx issodisfata, jiġifieri li l-ħaddiema tal-kumpanniji Vogten Staal u Jos Vogten Beher ma kinux impjegati fir-Reġjun Fjamming. L-ammont ta’ taxxa tas-suċċessjoni dovuta f’dan il-każ kienet ta’ EUR 839 485,60.
11 Wara li tressaq appell quddiemu mill-eredi ta’ J. Vogten kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut, u peress li kellu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 60a(5)tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, u peress li kkunsidra li r-risposta għad-domanda mqajma ma kinitx tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rechtbank van eerste aanleg te Hasselt ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 56 KE, għandu jkun interpretat bħala li jfisser li restrizzjoni li tirriżulta minn dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar is-suċċessjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 60a tal-Kodiċi [...] tat-Taxxa tas-Suċċessjoni [...], li teżenta l-ishma f’kumpannija tal-familja jew il-krediti tas-suċċessur legali tal-mejjet, l-eredi tiegħu, kontra kumpannija bħal dik mit-taxxa tas-suċċessjoni jekk il-kumpannija tkun impjegat mill-inqas ħames ħaddiema fit-tliet snin ta’ qabel il-mewt, iżda tillimita dik l-eżenzjoni għal każijiet li fihom [dawn il-]ħaddiema kienu impjegati f’reġjun partikolari ta’ dak l-Istat Membru (f’dan il-każ, ir-Reġjun Fjamming), hija inkompatibbli ma’ dawk l-Artikoli?”
Fuq id-domanda preliminari
12 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludux leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru dwar it-taxxa tas-suċċessjoni li teskludi mill-eżenzjoni minn din it-taxxa prevista għall-impriżi tal-familja, dawk l-impriżi li impjegaw, matul it-tliet snin ta’ qabel id-data tal-mewt tad-de cujus, mill-inqas ħames ħaddiema fi Stat Membru ieħor, meta hija tagħti tali eżenzjoni meta tali impjieg iseħħ f’reġjun ta’ l-ewwel Stat Membru.
13 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-eżenzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija applikabbli għall-kumpanniji tal-familja, jiġifieri għal dawk li fihom il-mejjet, possibbilment flimkien mal-membri tal-familja tiegħu, kellu, matul it-tliet snin ta’ qabel il-mewt, mill-inqas 50 % tal-kapital tal-kumpannija, ħaġa li kienet tagħtihom influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkonċernata u kienet tippermettilhom jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha.
14 Sabiex tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali mill-perspettiva tal-libertajiet fundamentali, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Komunitarju li, wara t-trasferiment tar-residenza tiegħu, jirrisjedi fi Stat Membru u jżomm il-maġġoranza ta’ l-ishma ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor taqa’, minn mindu seħħ dan it-trasferiment, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 28).
15 Skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Artikolu 43 KE ifittex b’mod partikolari, skond it-termini tiegħu, li jassigura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, huwa jipprekludi wkoll li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu, kif ukoll taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punti 28 u 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
16 Il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa primarjament il-libertà ta’ stabbiliment u, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, taqa’ biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għal din il-libertà. Jekk jitqies li tali miżura nazzjonali għandha, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-konsegwenza inevitabbli ta’ eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami ta’ l-imsemmija miżura fid-dawl ta’ l-Artikoli 56 KE sa 58 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 33 u 34, kif ukoll id-digriet ta’ l-10 ta’ Mejju 2007, A et B, C-102/05, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 26 u 27).
17 Kif diġa ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti ta’ leġiżlazzjoni fiskali dwar is-suċċessjoni huma fost il-kunsiderazzjonijiet li ċittadin ta’ Stat Membru jista’ validament jieħu in kunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedi jagħmilx użu jew le tal-libertà ta’ moviment stabbilita mit-Trattat (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Barbier, C-364/01, Ġabra p. I-15013, punt 75).
18 Billi timponi bħala kundizzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni, prevista għall-impriżi tal-familja, l-impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema f’reġjun ta’ l-Istat Membru kkonċernat matul it-tliet snin ta’ qabel id-data tal-mewt tad-de cujus, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tittratta lill-proprjetarju ta’ tali impriża, kif ukoll, wara l-mewt tiegħu, lill-eredi tiegħu, b’mod differenti skond jekk din l-impriża timpjegax ħaddiema f’dan l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor.
19 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli skond il-post fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija li tagħha l-persuni taxxabbli huma azzjonisti, bħala regola tmur kontra l-Artikolu 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baars, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 31). Dan jgħodd ukoll għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli skond il-post fejn il-kumpannija li tagħha l-persuni taxxabbli huma proprjetarji timpjega għal ċertu perijodu numru partikolari ta’ ħaddiema.
20 Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, ir-regoli ta’ trattament ugwali jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni ċara bbażata fuq in-nazzjonalità, jew fuq fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Issa l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali timponi bħala kundizzjoni għall-għoti tal-benefiċċju li hija tipprovdi l-impjieg, matul ċertu perijodu, ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema fit-territorju ta’ reġjun ta’ l-Istat Membru kkonċernat, kundizzjoni li, bla dubju, tista’ tiġi ssodisfatta iktar faċilment minn kumpannija li hija diġà stabbilita fl-imsemmi Stat Membru.
22 Konsegwentement, fid-dawl ta’ l-għoti ta’ benefiċċju fiskali, din il-leġiżlazzjoni tintroduċi diskriminazzjoni indiretta bejn il-persuni taxxabbli skond il-post ta’ impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema matul ċertu perijodu, diskriminazzjoni li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment minn dawn il-persuni taxxabbli.
23 Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, ma tistax tiġi eskluża l-eċiżtenza ta’ tali trattament diskriminatorju minħabba l-fatt biss li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma tagħmilx referenza għall-istabbiliment ta’ impriża fit-territorju ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, iżda biss għall-impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema f’dan l-Istat, filwaqt li tippermetti lill-impriżi li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor li jgawdu l-benefiċċji fiskali kkonċernat meta jimpjegaw in-numru meħtieġ ta’ ħaddiema fl-ewwel Stat Membru.
24 Tali trattament ma jistax jiġi aċċettat sakemm ma jkollux għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat jew sakemm ma jkunx ġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li tali trattament ikun adegwat sabiex jiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan in kwistjoni u ma jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 35; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I 7995, punt 47; kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).
25 Sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan iressaq xi kunsiderazzjonijiet relattivi għas-sopravivenza ta’ l-impriżi żgħar u medji u għaż-żamma ta’ l-impjiegi fihom fil-każ ta’ suċċessjoni f’dan l-Istat Membru, kif ukoll għall-eżiġenzi marbuta ma’ l-effikaċja tal-verifiki fiskali.
26 Mhuwiex eskluż li tali kunsiderazzjonijiet, b’mod partikolari dawk relattivi għas-sopravivenza ta’ l-impriżi żgħar u medji u għaż-żamma ta’ l-impjiegi fihom, jistgħu jikkostitwixxu, f’ċerti ċirkustanzi u taħt ċerti kundizzjonijiet, ġustifikazzjonijiet aċċettabbli ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi benefiċċju fiskali favur persuni fiżiċi jew morali.
27 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imressqa mill-Gvern Belġjan, għandu jiġi rrilevat li huwa ma rrnexxilux jipprova l-bżonn li jirriżerva l-eżenzjoni in kwistjoni għall-impriżi msejħa “tal-familja” li jżommu numru determinat ta’ impjiegi fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ l-għan li jiġi evitat li l-piż tat-taxxa fuq is-suċċessjoni ma jqiegħedx fil-perikolu l-kontinwazzjoni ta’ l-impriżi tal-familja u għaldaqstant ta’ l-impjiegi li dawn jiġġeneraw, l-impriżi li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ l-impriżi li huma stabbiliti fl-ewwel Stat Membru.
28 Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-argument li dan il-Gvern jibbaża fuq il-bżonn li titħares l-effikaċja tal-verifiki fiskali, minħabba l-fatt li d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p. 15) ma tapplikax għat-taxxa tas-suċċessjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-diffikultà ma tistax tiġġustifika r-rifjut kategoriku li jingħataw il-benefiċċji fiskali in kwistjoni peress li l-awtoritajiet fiskali jistgħu jitolbu lill-persuni taxxabbli kkonċernati nfushom li jipprovdu l-elementi ta’ prova li huma jqisu neċessarji sabiex jassiguraw totalment li l-imsemmija benefiċċji fiskali ma jingħatawx biss fil-każ fejn l-impjiegi kkonċernati jissodisfaw il-kriterji definiti mid-dritt nazzjonali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Elisa, C-451/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 98).
29 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 43 KE jipprekludi leġislazzjoni fiskali ta’ Stat Membru dwar it-taxxa tas-suċċessjoni li teskludi mill-eżenzjoni minn din it-taxxa prevista għall-impriżi tal-familja, dawk l-impriżi li impjegaw, matul it-tliet snin ta’ qabel id-data tal-mewt tad-de cujus, mill-inqas ħames ħaddiema fi Stat Membru ieħor, meta hija tagħti tali eżenzjoni meta l-ħaddiema jiġu impjegati f’reġjun ta’ l-ewwel Stat Membru.
Fuq l-ispejjeż
30 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru dwar it-taxxa tas-suċċessjoni li teskludi mill-eżenzjoni minn din it-taxxa prevista għall-impriżi tal-familja, dawk l-impriżi li impjegaw, matul it-tliet snin ta’ qabel id-data tal-mewt tad-de cujus, mill-inqas ħames ħaddiema fi Stat Membru ieħor, meta hija tagħti tali eżenzjoni meta l-ħaddiema jiġu impjegati f’reġjun ta’ l-ewwel Stat Membru.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.