Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ Frar 20071(1)

Kawża C-464/05

Maria Geurts

Dennis Vogten

vs

l-Istat tal-Belġju

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Rechtbank van eerste aanleg te Hasselt [il-Belġju])

“ Tassazzjoni – Taxxa tas-suċċessjoni – Eżenzjoni ta’ ishma f’kumpanniji tal-familja li jimpjegaw mill-inqas ħames impjegati fir-Reġjun Fjamming”

I –    Introduzzjoni






1.     L-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ suċċessjoni fuq interessi ta’ kontroll f’kumpanniji tal-familja tista’ tipperikola l-eżistenza fit-tul ta’ dawk l-impriżi wara l-mewt tad-direttur, f’każijiet fejn ikun hemm bżonn jittieħdu fondi mill-impriża sabiex titħallas it-taxxa dovuta. Ir-Reġjun Fjamming tal-Belġju għalhekk jeżenta dawn il-kapitali azzjonarji mit-taxxa tas-suċċessjoni. Bil-kundizzjoni, madankollu, li matul it-tliet snin ta’ qabel il-mewt l-impriża tkun impjegat mill-inqas ħames impjegati fil-Fjandra u li l-werrieta jkomplu jimpjegaw lil dawk l-impjegati fl-impriża matul il-ħames snin wara l-mewt.

2.     Il-Rechtbank van eerste aanleg te Hasselt (Qorti Ċivili tal-Prim’Istanza, Hasselt, il-Belġju) għandha dubji dwar jekk din it-tip ta’ regola hijiex kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, minħabba li tittratta kaptial azzjonarju f’impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor b’mod inqas favorevoli minn kapital azzjonarju f’kumpanniji lokali.

II – Il-Kuntest Legali

3.     L-Artikolu 60a tal-Wetboek van Successierechten (il-Kodiċi tat-Taxxa tas-Suċċessjoni), fil-verżjoni introdotta b’digriet tal-Parlament Fjamming u applikabbli fid-data tal-mewt tad-de cujus, jgħid dan li ġej:

“1. B’deroga mill-Artikoli 48 u 48/2 il-valur nett ta’ dan li ġej għandu jkun eżenti mit-taxxa tas-suċċessjoni:

a)      assi investiti mill-mejjet jew mill-mara jew ir-raġel tiegħu jew tagħha f’impriża tal-familja fil-kors tan-negozju; u

b)      ishma f’kumpannija tal-familja jew krediti kontra kumpannija bħal din, bil-kundizzjoni li fit-tliet snin ta’ qabel il-mewt mill-inqas 50 % ta’ l-impriża jew l-ishma fil-kumpannija kienu jappartjenu b’mod kontinwu lill-mejjet u/jew lill-mara jew ir-raġel tiegħu jew tagħha, u li dawn l-ishma huma msemmijin volontarjament fid-dikjarazzjoni tal-wirt.

...

3. ‘Kumpannija tal-familja’ tfisser kumpannija li l-post ta’ ġestjoni reali tagħha jkun jinsab f’wieħed mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u li:

–       jew hi nifisha tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 5 u 8;

–       jew iżżomm dawk l-ishma u, jekk ikun xieraq, krediti ta’ sussidjarji li jikkonformaw ma’ dawk il-kundizzjonijiet.

F’dan l-aħħar każ il-kundizzjoni ta’ kapital azzjonarju għandha tkun ikkalkulata fuq bażi konsolidata; il-kundizzjoni ta’ l-impjieg imsemmija fil-paragrafu 5 għandha, madankollu, tkun ikkalkulata għal kull kumpannija.

4. ...

5. L-eżenzjoni għandha tkun mogħtija biss bil-kundizzjoni li l-impriża jew il-kumpannija tkun impjegat mill-inqas ħames ħaddiema li jaħdmu full-time fir-Reġjun Fjamming fit-tliet snin ta’ qabel il-mewt.

... Dik l-eżenzjoni għandha tkun mogħtija u miżmuma biss jekk l-ishma jew krediti jibqgħu jappartjenu fil-ħames snin wara l-mewt lill-werrieta li jgawdu mill-eżenzjoni. Jekk eredi jmut f’dan il-perjodu ta’ ħames snin, l-eżenzjoni għandha tkun miżmuma biss jekk is-sehem tiegħu jew tagħha jintiret fil-linja diretta jew bejn il-miżżewġin.

...

10. Taħt piena ta’ nullità, l-Artikolu 60a għandu jkun applikabbli biss jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

1.      id-dikjarazzjoni tirrikjedi b’mod espliċitu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 60a;

2.      iċ-ċertifikat maħruġ mir-Reġjun Fjamming li juri li l-kundizzjonijiet rigward l-impjieg u l-kapital stabbiliti f’dan l-Artikolu ġew sodisfatti huwa anness mad-dikjarazzjoni.

Jekk dan iċ-ċertifikat ma jingħatax qabel ma tkun dovuta t-taxxa tas-suċċessjoni, din ta’ l-aħħar, ikkalkolata bir-rata standard, għandha, tkun imħallsa fil-perjodu statutorju, bl-eċċezzjoni ta’ ħlas lura skond il-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 135(8);

3.      Id-dikjarazzjoni għandha tistabbilixxi, taħt intestatura separata, l-assi jew ishma li fir-rigward tagħhom tkun qed tiġi mitluba l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 60a.

...”

4.     Skond l-Artikoli 3(4) u 4(2) tal-Liġi Speċjali tas-16 ta’ Jannar 1989 rigward l-iffinanzjar tal-Komunitajiet u r-Reġjuni,(2) u peress illi l-wirt tal-mejjet infetaħ fir-Reġjun Fjamming, l-Artikolu 60a tal-Wetboek van Successierechten, li huwa applikabbli għal wirt li joriġina mir-Reġjun Fjamming, huwa applikabbli għall-kawża prinċipali.

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

5.     Ir-rikorrenti huma l-werrieta tal-mejjet Joseph Vogten, li miet fis-6 ta’ Jannar 2003. Maria Geurts kienet martu, u Dennis Vogten ibnu. Meta miet, il-mejjet kien ilu residenti fil-Belġju tlettax-il sena, speċifikament fir-Reġjun Fjamming. Ġidu hemmhekk huwa suġġett għat-taxxa tas-suċċessjoni skond il-Wetboek van Successierechten der Erbschaftsteuer.

6.     Matul il-ħajja tal-mejjet, l-assi tagħhom kollha kienu miżmuma komunement mill-ewwel rikorrenti u mill-mejjet. L-ishma kollha f’Jos Vogten Beheer B.V. kienu jappartjenu għall-assi komuni tagħhom. Dik il-kumpannija għandha 100 % ta’ l-ishma f’Vogten Staal B.V. Iż-żewġ impriżi huma stabbiliti f’Maastricht, l-Olanda, u għal iktar minn tliet snin qabel il-mewt huma kienu impjegaw hemmhekk iktar minn ħames impjegati fuq bażi kontinwa. Barra minn hekk, l-assi komuni tagħhom kienu jinkludu krediti li jammontaw għal EUR 1 043 691 u kreditu fuq il-kont kurrenti li tammonta għal EUR 66 877 kontra Jos Vogten Beheer B.V. Il-kapital azzjonarju ta’ Jos Vogten Beheer B.V. f’Vogten Staal B.V. huwa vvalutat għal EUR 4 833 004 u jikkonsisti f’62,1 % tal-valur totali ta’ l-assi ta’ Jos Vogten Beheer B.V.

7.     Fl-4 ta’ Awwissu 2003 ir-rikorrenti ħallsu taxxa tas-suċċessjoni għall-ammont ta’ EUR 839 485.60. Huma ħallsu dak l-ammont sabiex jevitaw domanda finali skond il-liġi Belġjana tas-suċċessjoni kif ukoll multi, żieda fit-taxxa u interessi, iżda komplew fil-prinċipju jikkontestaw l-ammont ta’ taxxa tas-suċċessjoni li kellhom iħallsu.

8.     Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni tagħhom tad-9 ta’ Frar 2004 huma ddikjaraw illi l-assi tal-wirt kienu jammontaw għal EUR 3 666 483.13. Wara tnaqqis ta’ dak li kien dovut, il-wirt taxxabbli kien jammonta għal EUR 3 598 717.33. Dan l-ammont jikkonsisti prinċipalment fil-valur tal-kapital azzjonarju fil-kumpanniji u l-krediti kontrihom, sa fejn kienu dovuti lill-mejjet fil-kuntest tal-komunjoni tal-beni bejn il-miżżewġin. L-ammont tal-bażi ta’ stima tat-taxxa tas-suċċessjoni mhuwiex qiegħed jiġi kkontestat.

9.     Id-diskussjoni hija biss dwar jekk ir-rikorrenti jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 60a tal-Wetboek van Successierechten, u għalhekk igawdu mir-rata ta’ 0 % li tkun applikabbli fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tal-wirt. Il-konvenut ċaħad talba għal dan il-għan permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Ottubru 2003 u tat-13 ta’ Frar 2004 minħabba li r-rikorrenti ma kinux ipproduċew ċertifikat maħruġ mir-Reġjun Fjamming li juri li l-kundizzjonijiet rigward l-impjieg u l-kapital huma ssodisfati.

10.   Ir-rikorrenti jikkontestaw dawk id-deċiżjonijiet diskussi fil-proċedimenti ewlenin u jargumentaw li huma ma rċevewx iċ-ċertifikat biss minħabba l-fatt li l-ħaddiema ta’ Jos Vogten Beheer B.V. u Vogten Staal B.V. huma impjegati fl-Olanda u mhux fir-Reġjun Fjamming. Skond dawn, din ir-regola tikser l-Artikoli 43 u 56 KE.

11.   Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2005 ir-Rechtbank van eerste aanleg te Hasselt għamlet is-sussegwenti domanda preliminari taħt l-Artikolu 234 KE:

Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 56 KE, għandu jkun interpretat bħala li jfisser li restrizzjoni li tirriżulta minn dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni ta’ reġjun ta’ Stat Membru dwar is-suċċessjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 60a tal-Wetboek van Successierechten tal-Belġju kif applikabbli għal wirt li joriġina minn Reġjun Fjamming, li jeżenta l-ishma f’kumpannija tal-familja jew il-krediti tas-suċċessur legali tal-mejjet, l-eredi tiegħu, kontra kumpannija bħal dik mit-taxxa tas-suċċessjoni jekk il-kumpannija tkun impjegat mill-inqas ħames ħaddiema fit-tliet snin qabel il-mewt, iżda tillimita dik l-eżenzjoni għal każijiet li fihom mill-inqas ħames ħaddiema kienu impjegati f’reġjun partikolari ta’ dak l-Istat Membru (per eżempju r-Reġjun Fjamming), hija inkompatibbli ma’ dawk l-Artikoli?

12.   Fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja saru sottomissjonijiet mir-rikorrenti, mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

IV – Id-Dritt

13.   Il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 u 56 KE fir-rigward ta’ regola tal-liġi tat-taxxa tas-suċċessjoni.

14.   Għandu jkun l-ewwel nett imfakkar illi, għalkemm it-tassazzjoni diretta, inkluża t-taxxa tas-suċċessjoni, taqa’ fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw dik il-kompetenza b’mod li huwa konsistenti mad-Dritt Komunitarju.(3)

A –    Il-libertà fundamentali applikabbli

15.   Peress li l-qorti tar-rinviju qed teżamina l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet kemm dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll dwar il-moviment liberu tal-kapital, għandu l-ewwel nett jiġi deċiż liema mid-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija huma relevanti f’każ bħal m’huwa dak preżenti.

–       Il-libertà ta’ stabbiliment

16.   Il-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens ta’ l-Artikolu 43 KE huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ oriġini tiegħu. (4) Iktar partikolarment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sehem ta’ 100 % tal-kapital ta’ kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak ta’ residenza tal-proprjetarju ta’ dan is-sehem bla dubju jdaħħal lil din il-persuna taxxabbli fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment. (5)

17.   Jista’ wkoll igawdi mil-libertà ta’ stabbiliment ċittadin Komunitarju li jgħix fi Stat Membru u li jkollu kapital azzjonarju fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li jagħtih influwenza kbira fid-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija tant li jippermettilu li jiddeċiedi l-attivitatjiet tagħha, kif huwa dejjem il-każ meta jżomm 100 % ta’ l-ishma.(6)

18.   Il-mejjet kien jirrisjedi fil-Belġju u flimkien ma’ martu – in pati direttament, u in parti indirettament – żamm l-ishma kollha f’kumpanniji stabbiliti fl-Olanda. Permezz tas-suċċessjoni skond il-liġi dawk l-interessi ta’ kontroll għaddew għand ir-rikorrenti, li wkoll qed jgħixu fil-Belġju. Għalhekk din is-sitwazzjoni taqa’ fl-ambitu tal-libertà ta’ stabbiliment.

–       Il-moviment liberu tal-kapital

19.   It-Trattat ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ “movimenti ta’ kapital”. Madankollu, safejn l-Artikolu 56 KE sostanzjalment jirrepeti l-kontenut ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat,(7) u għalkemm dik id-Direttiva kienet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 KEE sa 73 KEE ġew sostitwiti mill-Artikoli 73 b sa 73 g tat-Trattat KE, li saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE), in-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital annessa mad-Direttiva 88/361 għad għandha, skond ġurisprudenza stabbilita, l-istess valur indikattiv għall-għanijiet ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ movimenti ta’ kapital.(8)

20.   Il-wirt u l-legati huma mniżżla taħt D fl-intestatura XI “Movimenti ta’ kapital personali” ta’ l-Anness I tad-Direttiva 88/361. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat f’Barbier u Van Hilten-van der Heijden illi wirt huwa moviment ta’ kapital fit-tifsira ta’ l-Artikolu 56 KE, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet fejn l-elementi kostitutivi tiegħu jkunu konfinati għal Stat Membru wieħed.(9) Barra minn hekk, self u krediti finanzjarji mogħtija minn ċittadini li mhumiex residenti lil dawk li huma residenti huma msemmija taħt l-intestatura VIII ta’ l-Anness I tad-Direttiva 88/361.

21.   Il-moviment liberu tal-kapital huwa għalhekk influwenzat mir-regoli nazzjonali diskussi, l-ewwel nett, għaliex ir-rikorrenti wirtu assi li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Fit-tieni lok, jistgħu possibilment jiddependu fuq l-Artikolu 56 KE fil-kapaċità tagħhom bħala selliefa lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

–       Ir-relazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment mal-moviment liberu tal-kapital

22.   Fil-Konklużjonijiet tiegħi f’Oy AA reċentement esprimejt l-opinjoni li l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital jistgħu fil-prinċipju jkunu applikati flimkien.(10)

23.    Iżda, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat kawżi, li jaqgħu taħt iż-żewġ libertajiet fundamentali, li jagħtu prijorità, f’xi okkażjonijiet, lill-kriterju tal-moviment liberu tal-kapital(11) u, f’oħrajn, lill-kriterju tal-libertà ta’ stabbiliment.(12) Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk osservat f’X u Y illi l-moviment liberu tal-kapital mhuwiex indipendentement relevanti, safejn regola diġà taqa’ fl-iskop tal-libertà ta’ stabbiliment, peress li jikkonċerna l-akkwist ta’ ishma b’influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ l-impriża kkonċernata.(13) F’Fidium Finanz il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet illi l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, li kienet il-kunsiderazzjoni predominanti skond iċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ, tirbaħ fuq l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital anke jekk il-persuna kkonċernata, bħala ċittadina ta’ pajjiż li mhux membru, tista’, f’każ speċifiku, tiddependi biss fuq il-moviment liberu tal-kapital u mhux fuq il-libertà ta’ stabbiliment.(14)

24.   Għalhekk, għandha tkun applikata biss dik il-libertà fundamentali li hija prinċipalment ikkonċernata mil-lat ta’ l-għan tal-kwistjoni.

25.   Ir-regola tat-taxxa tas-suċċessjoni applikabbli fil-kwistjoni fil-proċedimenti ewlenin hija diretta lejn l-eżistenza kontinwa ta’ kumpanniji tal-familja wara l-mewt. Il-kumpanniji tal-familja huma mfissra bħala impriżi kkontrollati minn persuna fiżika, fejn ikun jgħodd, flimkien mal-mara jew raġel ta’ dik il-persuna. Self tal-kumpannija huwa ttrattat bl-istess mod bħal kapital azzjonarju taħt l-Artikolu 60a(1)(b) tal-Wetboek van Successierechten. Fil-fatt self bħal dan jintuża spiss sabiex jieħu l-post tal-kapital ta’ ishma ta’ kumpannija.(15) Ir-regola ma tapplikax, madankollu, għall-interessi ta’ natura ta’ investiment.

26.   Għalhekk ir-regoli meħuda flimkien essenzjalment jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment u għandhom ikunu evalwati skond dak il-kriterju biss.

27.   Il-fatt illi l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjonijiet li jirregolaw it-taxxa tas-suċċessjoni f’Barbier u Van Hilten van der Heijden fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital ma jipprekludix din il-konklużjoni. Li jiddistingwi l-każ preżenti hu li l-legati f’dawk il-każijiet kienu jikkonsistu essenzjalment kemm fi proprjetà kif ukoll f’investimenti kapitali u mhux ishma ta’ kumpannija li jagħtu poter deċiżiv fuq impriża. L-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment għalhekk ma kinitx relevanti f’dawk il-każijiet.

B –    Ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment

28.   Anke jekk, skond il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi sabiex jassiguraw li ċittadini u kumpanniji barranin ikunu ttrattati fl-Istat Membru ospitanti bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, dawn jipprojbixxu wkoll lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija mwaqqfa skond il-leġiżlazzjoni tiegħu.(16)

29.   Il-Gvern tal-Belġju huwa korrett meta josserva illi r-regola kkontestata ma tiddiskriminax bejn il-werrieta fuq il-bażi tan-nazzjonalità tagħhom.

30.   Madankollu, tista’ tinħoloq restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment meta Stat Membru jittratta azzjonijisti f’kumpannija b’responsabbiltà limitata b’mod differenti skond jekk il-kumpannija li fiha għandhom interess ta’ kontroll hijiex stabbilita f’dak l-Istat Membru jew f’ieħor.(17) Din id-differenza fit-trattament tista’ twaqqaf, tostakola jew tagħmel inqas interessanti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment garantit mit-Trattat KE.(18)

31.   Id-dispożizzjoni kkontestata rigward it-taxxa tas-suċċessjoni tiffavorixxi biss interessi f’kumpanniji li kontinwament jimpjegaw ħames impjegati fir-Reġjun Fjamming, u tittrattahom b’mod iktar favorevoli minn interessi f’impriżi li ma jissodisfawx dan il-kriterju.

32.   Il-Gvern tal-Belġju għalhekk jikkontendi illi r-regola mhijiex konnessa ma’ l-istabbiliment fir-Reġjun Fjamming iżda ma’ l-impjieg ta’ ħaddiema f’dak ir-reġjun. Impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor ikunu ttrattati bl-istess mod favorevoli jekk jimpjegaw ħames ħaddiema fir-Reġjun Fjamming.

33.   Joħroġ ċar mill-ġurisprudenza li r-regoli dwar trattament ugwali jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità jew, fil-każ ta’ kumpannija, is-sede tagħha, iżda wkoll kull forma ta’ diskriminazzjoni moħbija li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat.(19) Għalhekk, trattament li mhux ugwali huwa kuntrarju wkoll għal-libertà ta’ stabbiliment, fejn mhuwiex konness direttament mal-post ta’ stabbiliment tal-kumpannija li fiha l-persuna taxxabbli għandha l-interess tagħha, iżda ma’ kriterji oħra li fil-prattika jikkonċernaw l-ewwel nett l-interessi f’kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

34.   Fil-fatt, f’ħafna mill-każijiet, huma dawk l-impriżi li huma stabbiliti fir-Reġjun Fjamming biss li jissodisfaw ukoll il-kundizzjoni rigward l-impjieg ta’ ħaddiema f’dak ir-reġjun. Kif ikkonċeda r-rappreżentant tal-Gvern tal-Belġju waqt l-udjenza, huma ftit il-każijiet previsti li fihom impriża kontinwament timpjega ħames ħaddiema fir-Reġjun Fjamming, mingħajr ma jkollha sussidjarja hemmhekk – għall-inqas f’forma ta’ impjant jew fabbrika.

35.   Regola bħad-dispożizzjoni kkontestata dwar it-taxxa tas-suċċessjoni għalhekk tammonta għal restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, billi teżenta persuni li jirtu ishma f’kumpannija tal-familja minn taxxa tas-suċċessjoni fuq dawk l-ishma biss jekk l-impriża tkun impjegat mill-inqas ħames ħaddiema fir-Reġjun Fjamming fit-tliet snin ta’ qabel il-mewt u dan l-impjieg jinżamm għal ħames snin wara.

C –    Ġustifikazzjoni

36.   Madankollu, sabiex regola bħar-regola kkontestata dwar it-taxxa tas-suċċessjoni tkun tista’ titqies kumpatibbli ma’ l-Artikolu 43 KE, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament kumparabbli jew tkun ġustifikata minn raġunijiet importanti fl-interess pubbliku.(20) Sabiex tkun ġustifikata skond raġunijiet importanti fl-interess pubbliku, ir-regola għandha wkoll tkun adatta sabiex tassigura l-kisba tal-għan mixtieq u m’għandhiex tmur oltre dak neċessarju sabiex dan jintlaħaq.(21)

–       Kunsiderazzjonijiet ta’ politika ta’ l-impjiegi

37.   Il-Gvern Belġjan jissottometti illi r-regola diskussa sservi sabiex tippreserva l-impjiegi fir-Reġjun Fjamming u hi ġġustifikata fuq il-bażi tal-politika ta’ l-impjiegi. Ir-regola tista’ għalhekk tirrelata biss ma’ impjiegi nazzjonali peress li r-Reġjun Fjamming m’għandux poter sabiex jadotta miżuri rigward il-politika ta’ l-impjiegi li jaffettwaw Stati Membri oħra.

38.   Skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw xkiel għal-libertajiet fundamentali.(22) Għalkemm il-ħarsien ta’ l-impjiegi nazzjonali jista’ jservi l-interess pubbliku, ma jistax jiġġustifika xkiel fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment. Inkella, din il-garanzija tkun kompletament megħluba mill-fatt li t-trattament preferenzjali ta’ impriżi nazzjonali jista’ kważi f’kull każ ikun iġġustifikat bl-għan li jkunu vantaġġjati l-impjiegi nazzjonali.

39.   Anke jekk l-għanijiet tal-politika ta’ l-impjiegi kellhom ikunu kkunsidrati bħala raġunijiet importanti għall-interess pubbliku, mhuwiex neċessarju għall-kisba ta’ dan il-għan li jkun riżervat trattament preferenzjali esklużivament għal dawk l-impriżi li sa ċertu punt joħolqu impjiegi fil-pajjiż.

40.   L-argument illi r-Reġjun Fjamming m’għandux il-poter li jadotta miżuri relevanti fir-rigward tal-politika ta’ l-impjiegi favur impriżi stabbiliti barra l-Belġju mhuwiex konvinċenti. Dan hu prinċipalment minħabba l-fatt illi l-każ preżenti jirrigwarda regola ta’ taxxa tas-suċċessjoni li tidher li taqa’ fil-kompetenza tar-reġjun. It-taxxa hija mħallsa mhux biss fuq il-proprjetà nazzjonali ta’ persuni mejta li kienu jgħixu fir-reġjun, iżda wkoll fuq proprjetà li tinsab fi Stati Membri oħra. Għalhekk, peress illi huwa jista’ jiddeċiedi fuq l-impożizzjoni tat-taxxa, ma jidhirx ċar għaliex ir-Reġjun ma jistax jeżenta wkoll impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra mit-tassazzjoni fuq il-kapital azzjonarju.

41.   Il-bażi tal-piż finanzjarju fuq il-werrieta, li jista’ jostakola l-eżistenza kontinwa ta’ kumpanniji nazzjonali kif ukoll barranin, hija t-taxxa tas-suċċessjoni imposta mir-Reġjun Fjamming. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għan tal-miżura nazzjonali li ma tkunx ostakolata l-eżistenza kontinwa ta’ kumpanniji tal-familja bil-piż tat-taxxa tas-suċċessjoni, impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor huma f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ impriżi nazzjonali. Għalhekk ir-Reġjun Fjamming għandu dmir li jipprovdi l-istess eżenzjoni fir-rigward ta’ kapital azzjonarju f’kumpanniji tal-familja, irrispettivament minn fejn hi stabbilita l-impriża jew in-numru ta’ ħaddiema impjegati fir-reġjun.

42.   Dan l-approċċ huwa konsistenti mas-sentenzi mogħtija f’Laboratoires Fournier(23) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall(24).

43.   Fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu kreditu ta’ taxxa għal skopijiet ta’ riċerka biss fejn l-attività ta’ riċerka relevanti tkun imwettqa f’dak il-pajjiż imorru kontra l-libertà ta’ stabbiliment. B’rabta ma’ dan, ċaħdet b’mod partikolari l-argument li Stat Membru m’għandux id-dmir li jippromwovi r-riċerka fi Stat Membru ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll f’dan ir-rigward għall-fatt li, skond l-Artikolu 163(2) KE, il-politika tal-Komunità dwar ir-riċerka hija speċifikament intiża sabiex tneħħi ostakoli fiskali għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka.(25)

44.   Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall kienet tikkonċerna regola li tistabbilixxi li profitti minn bejgħ ta’ proprjetà residenzjali okkupata mill-persuna kkonċernata stess huma eżenti mit-taxxa bil-kundizzjoni li l-qligħ kien investit mill-ġdid fi proprjetà domestika. Il-fatt li l-kreditu ta’ taxxa ma kienx disponibbli fejn proprjetà ġdida kienet akkwistata fi Stat Membru ieħor, fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja , imur kontra l-libertajiet fundamentali dwar il-moviment liberu tal-persuni (Artikoli 18KE, 39KE u 43KE). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sabiex tiġi promossa l-politika ta’ djar domestiki, ma kienx neċessarju li l-akkwist ta’ proprjetà barranija jkun eskluż mill-benefiċċju tal-kreditu ta’ taxxa u għalhekk li jiġi ostakolat il- moviment liberu.(26)

–       L-influwenza tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat

45.   Fl-udjenza kienet saret id-domanda jekk regola nazzjonali partikolari, li tittratta favorevolment interessi f’impriżi domestiċi biss bl-iskop li jkunu mħarsa l-impjiegi, tistax, f’ċerti ċirkostanzi, tkun meqjusa bħala għajnuna mill-Istat permissibbli.

46.   Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, minħabba li jinkludi mhux biss il-benefiċċji pożittivi, bħal mhuma sussidji stess, imma wkoll miżuri li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jaqgħu fuq l-estimi ta’ impriża u li, b’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma ta’ l-istess natura u għandhom effetti identiċi.(27)

47.   Jirriżulta illi miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni mit-taxxa li, għalkemm ma tinkludix trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat, tqiegħed il-persuni li għalihom tapplika l-eżenzjoni tat-taxxa f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn min iħallas it-taxxa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.(28)

48.   Peress illi r-regola diskussa fil-każ preżenti ma tapplikax għall-operaturi ekonomiċi kollha, iżda biss għall-kumpanniji tal-familja, ma tistax tkun meqjusa bħala miżura ġenerali ta’ taxxa jew politika ekonomika.(29) Għall-ewwel, il-miżura tidher ukoll li tista’ tinfluwenza kummerċ fil-Komunità u li tostakola l-kompetizzjoni. Anke jekk ir-regola tiffavorixxi kumpanniji tal-familja, ma tpoġġix limiti partikolari fuq il-qies massimu ta’ impriżi jew limitu massimu fuq il-kreditu ta’ taxxa, bir-riżultat li ma tista’ b’ebda mod tkun meqjusa bħala għajnuna de-minimis.(30)

49.   Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Wetboek van Successierechten essenzjalment jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) KE.

50.   Huwa ċar mill-iskema tat-Trattat KE, madankollu, illi l-proċedura skond l-Artikolu 88 KE qatt ma tista’ twassal għal riżultat li fih dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattat imorru kontra xulxin. Għalhekk, għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat – f’dan il-każ, il-libertà ta’ stabbiliment – ma tistax tkun iddikjarata mill-Kummissjoni bħala kumpatibbli mas-suq komuni.(31)

–       Effettività ta’ sorveljanza fiskali

51.   Bħala raġuni oħra għal ġustifikazzjoni, il-Gvern Belġjan jinvoka l-effettività tas-sorveljanza fiskali.

52.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddikjarat illi l-effettività tas-sorveljanza fiskali tikkostitwixxi rekwiżit importanti ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat. (32)

53.   Madankollu, iċ-ċaħda milli jingħata kreditu ta’ taxxa lil kumpanniji tal-familja, li kontinwament jimpjegaw ħames ħaddiema biss fi Stat Membru ieħor, minħabba raġunijiet ta’ sorveljanza fiskali biss tmur oltre dak li hu neċessarju. F’kull każ, safejn il-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-suċċessjoni tkompli tirrisjedi fil-Belġju, l-awtoritajiet jistgħu mingħajr riżerva jitolbuha, perjodikament, tipprovdi provi tan-numru ta’ persuni mpjegati mill-kumpannija tal-familja, anke jekk il-kumpannija hija stabbilita fi Stat Membru ieħor.(33) Għal dan il-għan, jistgħu jinkisbu affarijiet bħal listi tas-salarji jew dokumenti fuq il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru l-ieħor.

54.   Għalhekk, ġustifikazzjoni fuq il-bażi ta’ l-effettività tas-sorveljanza fiskali tfalli, irrispettivament mill-possibbiltajiet ta’ assistenza amministrattiva disponibbli lill-awtoritajiet fiskali Belġjani sabiex jivverifikaw is-sitwazzjoni ta’ l-impjiegi tal-kumpannija tal-familja stabbilita fi Stat Membru ieħor. (34)

–       Allokazzjoni ta’ poteri fiskali

55.   Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan jargumenta, sostanzjalment, illi r-regola sservi l-allokazzjoni ta’ poteri fiskali bejn Stati Membri.

56.   Dan il-Gvern jispjega f’dan ir-rigward, filwaqt li jirreferi għall-fatti tal-każ Van Hilten-van der Heijden(35), illi l-Olanda għadha tirrikjedi li ċ-ċittadini tagħha li jmutu sa għaxar snin minn meta jitilqu mill-Olanda jħallsu taxxa tas-suċċessjoni. F’dik il-konnessjoni, madankollu, kreditu hu mogħti għal taxxa tas-suċċessjoni mħallsa fi Stat Membru ieħor. Kieku, f’din is-sitwazzjoni, il-ħlas ta’ taxxa tas-suċċessjoni fuq ishma ta’ kumpanniji fl-Olanda kien eżenti taħt l-Artikolu 60a Wetboek van Successierechten, ma kienx jingħata kreditu fl-Olanda għat-taxxa tas-suċċessjoni Belġjana. Madankollu, it-taxxa ta’ l-Olanda, li tneħħi l-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni, tibqa’ fis-seħħ. Bħala riżultat ta’ dan, l-eżenzjoni għalhekk twassal biss għal żieda fis-sehem fl-Olanda tat-taxxa tas-suċċessjoni li għandha titħallas fuq il-mewt.

57.   Għandu jkun osservat, l-ewwel nett, illi din il-kunsiderazzjoni hija pjuttost ipotetika fid-dawl tal-fatti tal-kwistjoni fil-proċedimenti ewlenin. Ir-rikorrenti spjegaw fl-udjenza illi l-mejjet kien emigra lejn il-Belġju mill-Olanda tlettax-il sena ilu.

58.   Il-punt sa fejn il-limitazzjoni ta’ l-eżenzjoni għal interessi f’kumpanniji tal-familja li jimpjegaw mill-inqas ħames ħaddiema fir-Reġjun Fjamming tikseb il-għan li jiġi evitat li jitneħħa vantaġġ ta’ taxxa minn Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, l-Olanda, huwa wkoll dubjuż. Il-Gvern Belġjan għalhekk jassumi li, f’każ ta’ mewt ta’ ċittadin ta’ l-Olanda fl-għaxar snin minn meta jkun ħalla l-pajjiż, l-Olanda tirrikjedi ħlas ta’ taxxa tas-suċċessjoni fuq dawk l-ishma f’impriża stabbilita fl-Olanda. Dan l-argument, madankollu, mhuwiex konvinċenti. Huwa wkoll konċepibbli li kapital azzjonarju jista’ jkun taxxabbli, wara tluq mill-pajjiż, biss fuq il-bażi ta’ kontroll sovran fuq iċ-ċittadini tiegħu u irrispettivament minn fejn l-impriża li fiha l-mejjet kellu interess hija stabbilita. F’dan il-każ, l-eżenzjoni innifisha tkun għalhekk “ikkanċellata” skond it-taxxa tas-suċċessjoni ta’ l-Olanda, fejn l-impriża kkonċernata hija stabbilita fir-Reġjun Fjamming u hemmhekk timpjega ħames ħaddiema jew iktar.

59.   Totalment apparti mill-fatti speċifiċi tal-kwistjoni fil-proċedimenti ewlenin, ir-raġunament tal-Gvern tal-Belġju huwa bbażat fuq l-assunzjoni li kreditu għandu jingħata fl-Olanda għat-taxxa tas-suċċessjoni tal-Belġju. Fis-sentenza Kerckhaert u Morres, reċentement mogħtija, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara, madankollu, illi, f’kull każ, ebda projbizzjoni fuq tassazzjoni doppja minn żewġ Stati ma tista’ tkun idderivata mil-libertajiet fundamentali. (36)

60.   Jekk il-kriterju rispettiv akkużabbli kien sodisfatt, it-tassazzjoni tal-wirt tar-rikorrenti kemm mill-awtoritajiet Belġjani kif ukoll dawk Olandiżi tista’ għalhekk tkun bla limitu.(37) L-eżenzjoni mit-taxxa għal ishma f’kumpannija tal-familja mill-awtoritajiet fiskali Belġjani għalhekk twassal, fil-każ ta’ tassazzjoni parallela minn żewġ Stati, għal riduzzjoni ġenerali fil-piż fiskali. Għalhekk, il-fatt dwar jekk u sa liema punt ir-regoli Olandiżi dwar it-taxxa tas-suċċessjoni jipprovdu għal kreditu għal taxxa mħallsa barra mill-Olanda ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-għoti ta’ benefiċċju fil-Belġju.

V –    Konklużjoni

61.   Fid-dawl ta’ dak li ntqal nipproponi r-risposta segwenti għad-domanda magħmula mill-Rechtbank van eerste aanleg te Hasselt:

L-Artikolu 43 KE jipprekludi dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni ta’ reġjun ta’ Stat Membru, dwar is-suċċessjoni li teżenta ishma f’kumpannija tal-familja jew pretenzjonijiet kontra dik il-kumpannija mit-taxxa tas-suċċessjoni jekk il-kumpannija tkun impjegat mill-inqas ħames ħaddiema fit-tliet snin ta’ qabel il-mewt u l-werrieta komplew jimpjegaw dawk il-ħaddiema għal ħames snin sussegwenti, iżda tillimita dik l-eżenzjoni għal każijiet li fihom il-ħaddiema kienu mpjegati fir-reġjun ikkonċernat.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Belgisch Staatsblad 17 ta’ Jannar 1989.


3 – Ara, fost oħrajn is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995 Wielockx (C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16) u b’mod partikolari fir-rigward tat-taxxa tas-suċċessjoni: is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Barbier (C-364/01, Ġabra p. I-15013, punt 56), u tat-23 ta’ Frar 2006 Van Hilten-van der Heijden (C-513/03), Ġabra p. I-1957, punt 36).


4 – Sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 25) u tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).


5 – Sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars (C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 21), u N (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 26)


6 – Sentenza N (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 27), li għamel referenza għas-sentenza Baars (iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 26).


7 – ĠU L 178, p. 5. Id-Direttiva 88/361 kienet revokata mit-Trattat ta’ Amsterdam.


8 – Ara għal dan il-għan, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer und Mayer (C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 21); tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157, punt 30), Van Hilten-van der Heijden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 39), u tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C-452/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).


9 – Sentenzi Barbier (iċcitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 58) u Van Hilten-van der Heijden (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 42)


10 – Konklużjonijiet ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2006 (C-231/05 li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16 u n-noti). Ara wkoll il-Konklużjonijiet li jiena preċedentement ippreżentajt fl-14 ta’ Lulju 2005 fil-kawża Bouanich (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 71).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs il-Portugal (C-367/98, Ġabra 2002 p. I-4731); ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-483/99, Ġabra 2002 p. I-4781), u ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs il-Belġju (C-503/99, Ġabra 2002 p. I-4809), kif ukoll is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-463/00, Ġabra 2003 p. I-4581, u tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-98/01, Ġabra 2003 p. I-4641). Ara wkoll il-Konklużjonijiet ippreżentati fis-6 ta’ April 2008 mill-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-282/04 u C-283/04, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 41)..


12 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars (C-251/98, Ġabra 2000 p. I-2787), tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C-436/00, Ġabra 2002 p. I-10829); tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding (C-471/04, Ġabra 2006 p. I-2107), u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.


13 – Sentenza X u Y (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 37 u 66).


14 – Sentenza Fidium Finanz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 47 et seq.


15 – Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2002, Lankhorst-Hohorst (C-324/00, Ġabra p. I-11779), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjoni rigward ir-regoli Ġermaniżi dwar l-imsemmi kapital misluf mill-azzjonisti wkoll fuq il-bażi tal-libertà ta’ stabbiliment biss. Huwa biss fir-rigward tal-pretensjoni fuq il-kont kurrenti li jista’ jkun xieraq li din tkun ittrattata bl-istess mod bħal kapital azzjonarju. Madankollu, il-liġi Belġjan b’mod ċar ma tiddistingwix bejn tip ta’ pretensjoni u oħra.


16 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Ici (C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 21); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03. Ġabra p. I-10837, punt 31), u Keller Holding (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 30)..


17 – Ara, f’dan ir-rigward, fil-każ ta’ kumpanniji li għandhom sussidjarja fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari s-sentenzi X u Y (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 36 u 37); Marks & Spencer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 34), u Keller Holding (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 35).


18 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi,Gebhard (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 37) u tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32).


19 – Sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974, Sotgiu (152/73, Ġabra p. 1974 p. 153) tat-13 ta’ Lulju 1993, Commerzbank (C-330/91, Ġabra 1993 p. I-4017, punt 14) u tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-156/98, Ġabra 2000 p. I-6857, punt 83).


20 – Ara, f’dan ir-rigward, fuq il-moviment ħieles tal-kapital, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43) u tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 29).


21 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant (C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 49); Marks & Spencer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 35) u N (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 40).


22 – Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 10), u tat-28 ta’ April 1998, Kohl (C-158/96, Ġabra p. I-1931, punt 48).


23 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 2005 (C-39/04, Ġabra p. I-2057).


24 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006 (C-345/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


25 – Sentenza Laboratoires Fournier (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 23).


26 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 35).


27 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline und Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, Ġabra 2001 p. I-8365, punt 38); tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-501/00, Ġabra 2004 p. I=6717, punt 90_; tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-66/02, Ġabra 2005 p. I-10901, punt 77); ta’l-10 ta’ Jannar 2006 Cassa di Rsiparmio di Firenze (C-222/04, Ġabra 2006 p. I-289, punt 131), u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C-393/04, Ġabra p. I-5293, punt 29).


28 – Sentenzi L-Italja vsIl-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 78); Cassa di Risparmio di Firenze (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 123), u Air Liquide Industries Belgium (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 30)


29 – Ara s-sentenza Air Liquide Industries Belgium (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 32).


30 – Ara, f’dan ir-rigward, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna de minimis (ĠU L 10 tat-13.1.2001, p.30), li ma baqax fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2006.


31 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 78), b’referenza għas-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Il- Kummissjoni vs L-Italja (73/79, Ġabra 1980 p. 1533, punt 11), u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C-25/91, Ġabra 1993 p. I-3203, punt 41).


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C-250/95, Ġabra 1997 p. I-2471, punt 31), u ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).


33 – F’dan ir-rigward, il-fatti tal-każ preżenti jistgħu jkunu distinti minn dawk tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper (C-406/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) li rrefera għaliha l-Gvern tal-Belġju waqt l-udjenza. Is-Sur De Cuyper preċiżament ma kienx jirrisjedi fl-Istat li kellu l-kompetenza li jagħti benefiċċju ta’ qgħad. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hu deċiżiv li min jirċievi l-benefiċċji jkun jirrisjedi fl-Istat kompetenti, sabiex l-Istat ikun jista’ jissorvelja l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-benefiċċju (ara, b’mod partikolari, il-punt 47).


34 – Il-Gvern tal-Belġju korrettament jargumenta illi d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar l-assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ tassazzjoni diretta, ċerti excise duties u tassazzjoni ta’ premiums ta’ assigurazzjoni, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/106/KE tas-16 ta’ Novembru 2004 (ĠU 2004 L 359, p. 30) mhijiex applikabbli għat-taxxa tas-suċċessjoni. Waqt l-udjenza, madankollu, ir-rikorrenti rreferew għal ftehim bejn il-Belġju u l-Olanda rigward assistenza amministrattiva tal-25 ta’ Jannar 1988, li japplika wkoll għat-taxxa tas-suċċezzjoni.


35 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


36 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 2006 (C-513/04, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra punt 20 et seq).


37 – Madankollu wieħed għadu jrid jara jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċettax din il-konsegwenza anke fil-każ ta’ taxxa tas-suċċessjoni ta’ piż kbir, skond il-konstatazzjonijiet f’Kerckhaert u Morres. .