Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża T-211/05

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna implementata mill-awtoritajiet Taljani favur impriżi reċentement ikkwotati fil-Borża — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Obbligu ta’ motivazzjoni — Natura selettiva — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Obbligu li l-miżura ta’ għajnuna tiġi diskussa minn qabel mal-Istat Membru kkonċernat u li s-sitwazzjoni tiġi eżaminata fid-dawl tal-elementi mogħtija minnu

(Artikoli 87(1) KE u 88(2) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 4(4))

2.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni — Eżami tal-proġetti ta’ għajnuna

(Artikolu 88(3) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikoli 88(2) KE u 253 KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Miżura ta’ tnaqqis fiskali applikabbli għall-impriżi reċentement ikkwotati fil-Borża — Inklużjoni — Ġustifikazzjoni min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali nazzjonali — Oneru tal-prova fuq l-Istat Membru kkonċernat

(Artikolu 87(1) KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Għajnuna ta’ importanza żgħira f’settur kompetittiv ħafna

(Artikolu 87(1) KE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE

(Artikolu 87(3)(ċ) KE)

1.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, stabbilita fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 88(3) KE, li l-uniku għan tagħha huwa li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari kemm fuq in-natura tal-miżura kkonċernata bħala għajnuna mill-Istat kif ukoll fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE. Huwa biss fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompluta fuq il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jipprevedi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li ssejjaħ il-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, il-Kummissjoni hija marbuta tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE jekk l-ewwel eżami ma ppermettilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-kwistjoni dwar jekk miżura statali suġġetta għall-istħarriġ tagħha tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għall-inqas meta, matul dan l-ewwel eżami, hija ma tkunx konvinta li l-miżura kkonċernata, anki li kieku tikkostitwixxi għajnuna, hija f’kull każ kompatibbli mas-suq komuni.

Fid-dawl tal-konsegwenzi legali ta’ deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li tikklassifika provviżorjament il-miżuri msemmija bħala għajnuna ġdida filwaqt li l-Istat Membru kkonċernat aktarx ma jaqbilx ma’ din il-klassifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha minn qabel tiddiskuti l-miżuri inkwistjoni mal-Istat Membru kkonċernat sabiex huwa jkollu l-opportunità jindikalha, jekk ikun il-każ, li, fl-opinjoni tiegħu, l-imsemmija miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna jew jikkostitwixxu għajnuna eżistenti.

(ara l-punti 35-37)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami preliminari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li effettivament jesponi l-opinjoni tiegħu fuq l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha. Madankollu, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża f’din il-fażi jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni finali, hemm bżonn li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-Istat Membru kkonċernat għaliex kull ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi difett proċedurali li jeżiġi li jiġi invokat, mill-parti kkonċernata, l-effett negattiv partikolari ta’ dan il-ksur fuq id-drittijiet suġġettivi tagħha.

(ara l-punt 45)

3.      Il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u li jifforma, b’mod partikolari, parti mid-drittijiet tad-difiża, jeżiġi li l-parti kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tesponi effettivament l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, tal-oġġezzjonijiet u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat KE. Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, “[i]d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed [tistipula] id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni”. Din id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma sejrin ikollhom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom. Għal dan l-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet ikunu jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni tikkunsidra b’mod provviżorju li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni.

Il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, ladarba l-Istat Membru jkun ġie intimat sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu.

(ara l-punti 53, 54, 58)

4.      Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, lill-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, imma wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni interessati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, mingħajr ma hija marbuta teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, sabiex tivverifika jekk din l-iskema għandhiex elementi ta’ għajnuna.

Għalkemm il-Kummissjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, hija marbuta tirreferi, għall-inqas, għaċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna, meta dawn jippermettulha turi li l-għajnuna tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija mhijiex marbuta tagħmel analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-swieq ikkonċernati, tas-sehem tas-suq tal-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tal-kurrenti kummerċjali bejn Stati Membri. Barra minn hekk, fil-każ ta’ għajnuna mogħtija kontra l-liġi, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li turi l-effett reali li din l-għajnuna kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Li kieku dan kien il-każ, fil-fatt, dan ir-rekwiżit kien ikun ta’ vantaġġ għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna illegali a skapitu ta’ dawk li jinnotifikaw l-għajnuna meta tkun fl-istadju ta’ proposta.

(ara l-punti 68, 69, 87, 158)

5.      L-Artikolu 87(1) KE jimponi l-obbligu li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex tali li tiffavorixxi ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli.

Dan iseħħ fil-każ ta’ vantaġġ fiskali li jiġi rrikonoxxut biss favur l-impriżi li ġew ikkwotati f’suq regolat matul il-perijodu qasir tal-applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, filwaqt li kull impriża oħra hija eskluża minn din l-iskema, indipendentement minn jekk humiex kumpanniji diġà kkwotatati jew inkella kumpanniji li ma jissodisfawx jew ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex ikunu jistgħu jiġu kkwotati matul il-perijodu kopert mill-iskema ta’ għajnuna.

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni eventwali tal-miżuri inkwistjoni minħabba n-natura jew l-istruttura tas-sistema fiskali nazzjonali, għalkemm dan it-trattament differenti huwa bbażat fuq għanijiet differenti minn dawk imfittxija mis-sistema ġenerali, il-miżura inkwistjoni hija, bħala regola, meqjusa li tissodisfa l-kundizzjoni ta’ selettività prevista fl-Artikolu 87(1) KE. Huwa l-Istat Membru li introduċa tali trattament differenti bejn l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż li għandu juri li dan it-trattament differenti huwa effettivament iġġustifikat min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni.

(ara l-punti 119, 120, 125)

6.      L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tistabbilixxi l-effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Anki għajnuna ta’ importanza relattivament żgħira tista’ tkun tali li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta s-setturi li fihom joperaw l-impriżi benefiċjarji jkunu kompetittivi ħafna.

Barra minn hekk, meta awtorità pubblika tiffavorixxi impriża li topera f’settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa billi tagħtiha vantaġġ, ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni jew riskju ta’ tali distorsjoni. Jekk il-vantaġġ huwa minimu, il-kompetizzjoni tkun ġiet distorta b’mod minimu, imma xorta jibqa’ l-fatt li tkun ġiet distorta. Issa, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 87(1) KE tapplika għal kull għajnuna li tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, ikun xi jkun l-ammont tagħha, sa fejn hija taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

(ara l-punti 151, 152, 154, 155)

7.      Huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna ġdida ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fid-dawl ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni.

L-ewwel nett, l-għajnuna għall-operat ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, għaliex din tikkawża distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-setturi fejn hija ngħatat mingħajr ma hija, minħabba n-natura tagħha stess, kapaċi tilħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 170, 173)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Settembru 2009(*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implementata mill-awtoritajiet Taljani favur impriżi reċentement ikkwotati fil-Borża – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Obbligu ta’ motivazzjoni – Natura selettiva – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni”

Fil-kawża T-211/05,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata inizjalment minn I. Braguglia, sussegwentement minn R. Adam u fl-aħħar nett minn I. Bruni, bħala aġenti, assistiti minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci u E. Righini, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/261/KE tas-16 ta’ Marzu 2005, rigward l-iskema ta’ għajnuna C 8/2004 (ex NN 164/2003) implementata mill-Italja favur kumpanniji reċentement ikkwotati fil-borża (ĠU 2006, L 94, p. 42),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Miżuri nazzjonali inkwistjoni

1        L-iskema ta’ għajnuna implementata mir-Repubblika Taljana favur kumpanniji reċentement ikkwotati fil-Borża ġiet stabbilita permezz tal-Artikolu 1(1)(d) u l-Artikolu 11 tad-decreto legge Nru 269 (su) disposizioni urgenti per favorire lo sviluppo e per la correzione dell’andamento dei conti pubblici (digriet leġiżlattiv dwar dispożizzjonijiet urġenti intiżi sabiex jgħinu l-iżvilupp u sabiex jikkorreġu l-evoluzzjoni tal-finanzi pubbliċi, iktar ’il quddiem id-“DL 269/2003”), tat-30 ta’ Settembru 2003, mibdul fil-legge n° 326 (liġi Nru 326), tal-24 ta’ Novembru 2003. L-iskema ta’ għajnuna daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Ottubru 2003, id-data ta’ pubblikazzjoni tad-DL 269/2003 fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana (GURI, Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana), mingħajr ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

2        L-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003 jipprovdi:

“Kull kumpannija li teżerċita l-attività tagħha fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-[DL 269/2003] għandha, b’żieda mat-tnaqqis normali, tibbenefika mill-esklużjoni tal-ispejjeż segwenti mit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji:

[…]

d)       L-ammont tal-ispejjeż għall-kwotazzjoni f’suq regolat, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-[DL 269/2003]”

3        L-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 jipprovdi:

“1. Kull kumpannija li l-ishma tagħha jiġu kkwotati f’suq regolat ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-[DL 269/2003] u sal-31 ta’ Diċembru 2004, tibbenefika minn rata ta’ taxxa fuq id-dħul imnaqqsa għal 20 % għas-sena fiskali li matulha hija ġiet ikkwotata għall-ewwel darba kif ukoll għas-sentejn fiskali segwenti, bil-kundizzjoni li l-ishma tagħha ma jkunux ġew innegozjati qabel f’suq regolat ta’ Stat Membru tal-Unjoni […] u li, sabiex tinkiseb il-kwotazzjoni, hija tkun ippubblikat offerta ta’ sottoskrizzjoni tal-ishma tagħha li tagħti lok għal żieda ta’ mhux inqas minn 15 % tal-patrimonju nett riżultanti mill-karta tal-bilanċ relattiva għas-sena finanzjarja ta’ qabel dik tal-bidu tal-offerta, wara li jitnaqqas il-profitt ta’ dik is-sena finanzjarja.

2. It-total massimu tad-dħul nett iddikjarat li għalih tapplika r-rata mnaqqsa, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huwa limitat għal EUR 30 miljun.

3. Meta l-ishma msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huma esklużi mill-kwotazzjoni u salv is-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 133 tad-Digriet Leġiżlattiv tal-24 ta’ Frar 1998, Nru 58 [jiġifieri, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija li sussegwentament tiġi kkwotata f’Borża Ewropea oħra li tiggarantixxi lill-investituri livell ta’ protezzjoni ugwali għal dak żgurat mill-Borża Taljana], il-benefiċċju ta’ tnaqqis previst minn din id-dispożizzjoni japplika biss għas-snin fiskali li jkunu ntemmu qabel din ir-revoka.

4. It-tnaqqis previst fil-Artikoli 1 et seq tad-Digriet Leġiżlattiv tat-18 ta’ Diċembru 1997, Nru 466, mhuwiex applikabbli għall-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu matul is-snin fiskali li tulhom huma jkunu bbenefikaw mit-tnaqqis previst minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, dawn il-kumpanniji jistgħu jagħżlu t-tnaqqis previst fid-Digriet Leġiżlattiv tat-18 ta’ Diċembru 1997, Nru 466, iċċitat iktar ’il fuq, minflok dak previst fid-[DL 269/2003]”.

4        Id-decreto legislativo Nru 466 (sul) riordino delle imposte personali sul reddito al fine di favorire la capitalizzazione delle imprese, a norma dell’art. 3, comma 162, lettere a), b), c), d) ed f), della legge 23 dicembre 1996, n° 662 [Digriet Leġiżlattiv dwar ir-riorganizzazzjoni tat-taxxi personali fuq id-dħul sabiex tiġi ffaċilitata l-kapitalizzazzjoni tal-impriżi, b’mod konformi mal-Artikolu 3(162)(a), (b), (c), (d) u (f) tal-Liġi Nru 662 tat-23 ta’ Diċembru 2003], tat-18 ta’ Diċembru 1997, ippubblikat fis-suppliment ordinarju tal-GURI Nru 3, tal-5 ta’ Jannar 1998, stabbilixxa mekkaniżmu ta’ tnaqqis ta’ taxxa msejjaħ “Super DIT ” (iktar ’il quddiem, is-“Super DIT”). Is-Super DIT jipprovdi, b’mod partikolari, għall-kumpanniji li l-ishma tagħhom ikunu kkwotati f’suq regolat għal tliet snin fiskali wara dak tal-ewwel kwotazzjoni, tnaqqis addizzjonali ta’ ammont ta’ 7 % mir-rata ta’ taxxa applikabbli għar-redditu ordinarju miż-żieda fil-kapital investit, li ma jistax jirriżulta f’rata medja ta’ taxxa inferjuri għal 20 %. Is-Super DIT tħassar bil-legge n° 383 (su) primi interventi per il rilancio dell’economia (liġi dwar l-ewwel interventi sabiex l-ekonomija tissaħħaħ), tat-18 ta’ Ottubru 2001, ippubblikata fil-GURI Nru 248, tal-24 ta’ Ottubru 2001. Madankollu, il-kumpanniji li, fit-30 ta’ Ġunju 2001, kienu żiedu l-kapital fis-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni baqgħu jibbenefikaw mill-imsemmi tnaqqis.

5        Skont l-Artikolu 11(4) tad-DL 269/2003, il-kumpanniji interessati jistgħu jagħżlu bejn l-inċentivi fiskali mogħtija mill-imsemmi artikolu u t-tnaqqis previst mis-Super DIT.

2.     Il-proċeduri amministrattivi u d-deċiżjoni kkontestata

6        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jipprovdulha informazzjoni dwar il-miżuri adottati fid-DL 269/2003 u meta daħlu fis-seħħ, filwaqt li fakkrithom dwar l-obbligi tagħhom ta’ notifika skont l-Artikolu 88(3) KE.

7        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Novembru 2003, l-awtoritajiet Taljani bagħtu l-informazzjoni mitluba, u ppreċiżaw, minn naħa, li d-DL 269/2003 kien għad irid jinbidel f’liġi, u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma kinux jaffettwaw l-iffissar tal-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq id-dħul għas-sena finanzjarja 2003.

8        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni reġgħet fakkret lill-awtoritajiet Taljani bl-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE u stednithom jinformaw lill-benefiċjarji eventwali dwar il-konsegwenzi previsti mit-Trattat KE u l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 339), fil-każ li jiġi stabbilit li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna implementata b’mod illegali. L-awtoritajiet Taljani ma wieġbux din l-ittra.

9        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-għajnuna fiskali mogħtija skont l-Artikolu 1(1)(d) u l-Artikolu 11 tad-DL 269/2003. L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-21 ta’ April 2004.

10      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-3 ta’ Settembru 2004 (ĠU C 221, p. 7).

11      Id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani żammew laqgħat fis-16 u fis-27 ta’ Settembru 2004 sabiex jeżaminaw ċerti aspetti tal-miżuri inkwistjoni.

12      Fl-4 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn Borsa Italiana SpA. Il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lill-awtoritajiet Taljani li bagħtulha l-kummenti tagħhom fl-ittra tat-30 ta’ Novembru 2004.

13      Fis-16 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/261/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna C 8/2004 (ex NN 164/2003) implementata mill-Italja favur kumpanniji reċentement ikkwotati fil-Borża (ĠU 2006, L 94, p. 42, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

14      L-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjoni tal-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (punt I) u tal-miżuri inkwistjoni (punt II). It-tieni nett, hija tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali (punt III), l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani kif ukoll dawk ta’ terzi interessati (punt IV) u l-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-għajnuna inkwistjoni (punt V).

15      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tindika li l-iskema ta’ għajnuna eżaminata tagħti vantaġġi selettivi ċari, inkwantu hija tidderoga mill-operat normali ta’ sistema fiskali u tiffavorixxi ċerti impriżi (premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      It-tieni nett, hija tosserva li l-vantaġġi mogħtija joriġinaw mill-Istat fil-forma ta’ rinunzja għal dħul fiskali normalment miġbura mit-Teżor Taljan (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li hemm riskju li l-miżuri inkwistjoni jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi, għaliex il-kumpanniji benefiċjarji jkunu jistgħu joperaw fi swieq internazzjonali u jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali u attivitajiet ekonomiċi oħra fi swieq ikkaratterizzati minn kompetizzjoni kbira (premessi 34 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Ir-raba’ nett, il-Kummissjni tenfasizza li l-awtoritajiet Taljani implementaw il-miżuri inkwistjoni mingħajr notifika minn qabel, u b’hekk huma jikkostitwixxu għajnuna illegali (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Il-ħames nett, il-Kummissjoni, fil-premessi 39 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, tanalizza l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna mas-suq kommuni u teskludi li hija tista’ tibbenefika mid-derogi previsti fl-Artikolu 87 (2)(3) KE.

20      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi s-segwenti:

“L-ewwel Artikolu

L-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata mir-[Repubblika Taljana] fil-forma ta’ inċentivi fiskali favur kumpanniji kkwotati f’suq regolat Ewropew, skont l-Artikolu 1(1)(d) u l-Artikolu 11 tad-[DL 269/2003], hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

[Ir-Repubblika Taljana] għandha tħassar l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mis-sena fiskali li matulha d-deċiżjoni preżenti tiġi nnotifikata.

Artikolu 3

1. [Ir-Repubblika Taljana] għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji tagħha l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u li diġà tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom illegalment.

2. L-irkupru għandu jseħħ bla dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni preżenti.

3. L-irkupru għandu jintemm fl-iqsar żmien possibbli. B’mod partikolari, meta l-għajnuna diġà ngħatat fil-forma ta’ tnaqqis tat-taxxa dovuta għas-sena fiskali kurrenti, [ir-Repubblika Taljana] għandha tirkupra t-taxxa kollha dovuta permezz tal-aħħar pagament previst għas-sena 2004. Fil-każijiet l-oħra kollha, [ir-Repubblika Taljana] għandha tirkupra t-taxxa dovuta sa mhux iktar tard minn tmiem l-ewwel sena fiskali li matulha d-deċiżjoni preżenti tiġi nnotifikata.

4. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi li jiddekorru mid-data meta l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tagħha.

5. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

6. Fi żmien xahrejn mid-data meta d-deċiżjoni preżenti tiġi nnotifikata, [ir-Repubblika Taljana] għandha titlob lill-benefiċjarji kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 sabiex iroddu lura l-għajnuna illegali, bl-interessi.

Artikolu 4

Fi żmien xahrejn mid-data meta d-deċiżjoni preżenti tiġi nnotifikata, [Ir-Repubblika Taljana] għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li hija tkun ħadet […] sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. [Ir-Repubblika Taljana] għandha tippreżenta, fl-istess terminu, id-dokumenti kollha li jagħtu prova tal-fatt li jkun effettivament ingħata bidu għall-proċedura ta’ rkupru mill-benefiċjarji tal-għajnuna illegali.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Mejju 2005, ir-Repubblika Taljana ppreżentat dan ir-rikors.

22      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet xi mistoqsijiet lill-partijiet u stednithom iwieġbuhom bil-miktub. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fiż-żmien mogħti.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2008.

24      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Ir-Repubblika Taljana tressaq ħames motivi. L-ewwel motiv, fir-rigward tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq l-Artikolu 253 KE, għaliex il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-eżistenza fl-ordinament ġuridiku Taljan ta’ miżura li għandha karatteristiċi simili għall-miżuri inkwistjoni. It-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 87 KE kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-kuntest tat-tielet motiv, fir-rigward ta’ oġġezzjoni preċiża mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana tallega wkoll ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sejra teżamina, l-ewwel nett, il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, allegat fil-kuntest tal-ewwel motiv kif ukoll fil-kuntest tat-tielet motiv, u sussegwentement, in-nuqqas ta’ motivazzjoni billi tiġbor flimkien l-argumenti hekk kif żviluppati mir-Repubblika Taljana f’dan is-sens, u, fl-aħħar nett, il-ksur tal-Artikolu 87 KE.

1.     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju

27      Ir-Repubblika Taljana tallega, essenzjalment, ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju kemm fl-ewwel motiv tagħha, kif ukoll, flimkien ma’ ksur tal-Artikolu 87(1) KE, fit-tielet motiv tagħha.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju fir-rigward tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

 L-argumenti tal-partijiet

28      Ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kummissjoni talli bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, mingħajr ma stednitha tipprovdi spjegazzjonijiet dwar in-natura u l-effetti tal-miżuri inkwistjoni. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-400/99, Ġabra p. I-3657, punti 29 sa 31). Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-Kummissjoni, qabel ma tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE, għandha tiddiskuti l-miżuri inkwistjoni flimkien mal-Istat Membru sabiex dan ikun jista’ jargumenta li l-imsemmija miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna jew jikkostitwixxu għajnuna eżistenti.

29      Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li kulma għamlet il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2003, kien li għamlet talba ġenerali għal informazzjoni, li rrigwardat il-miżuri kollha, mingħajr ma għamlet referenza għall-Artikoli 1 u 11 tad-DL 269/2003, u b’hekk impediet diskussjoni preliminari fuq il-karaterristiċi speċifiċi tal-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni indikat li ma kellhiex provi li jippermettulha teskludi li l-miżuri previsti fid-DL 269/2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni. Minħabba din il-formulazzjoni, din l-ittra ma ppermettietx lill-awtoritajiet Taljani jifhmu d-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni. Peress illi l-Kummissjoni sostniet fl-istess ittra li hija ma kellhiex informazzjoni li tippermettilha teskludi li tnejn mill-benefiċjarji potenzjali bbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa skont id-DL 269/2003, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani sabiex juru li l-imsemmija miżuri ma kellhom l-ebda effet fuq il-ħlas tat-taxxa bil-quddiem dovuta fl-2003.

30      Barra minn hekk, jirriżulta mill-paragrafu 3 tal-imsemmija ittra li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-inċentivi fiskali stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2006 kienu għajnuna għall-operat. Madankollu, il-Kummissjoni naqset milli tippreċiża r-raġunijiet għaliex hija qieset, jew għall-inqas issuspettat, minn naħa, li kienet involuta għajnuna mill-Istat, u, min-naħa l-oħra, li kienet involuta għajnuna għall-operat u li “normalment” din l-għajnuna ma setgħetx tibbenefika mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Barra minn hekk, peress illi f’dan il-paragrafu fl-ittra ma saret ebda referenza għall-miżura msemmija fl-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003, seta’ jiġi maħsub li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi, skont il-Kummissjoni, għajnuna għall-investiment li tista’ tiġi awtorizzata b’mod konformi mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

31      Fid-dawl tal-impossibbiltà, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li tinbeda l-inqas diskussjoni preliminari, ir-Repubblika Taljana rrinunzjat għall-fatt li twieġeb għall-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2003, peress li, fl-ittra tal-5 ta’ Novembru 2003, kienet diġà pprovdiet l-informazzjoni kollha meħtieġa.

32      Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li ma kienx neċessarju, fil-fażi preliminari, li ssir diskussjoni fuq il-klassifikazzjoni eventwali tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna eżistenti, għaliex il-vantaġġi fiskali stabbiliti mill-miżuri kellhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kontinwità tal-vantaġġi pprovduti preċedentement mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 466 li stabbilixxa s-Super DIT.

33      F’kull każ, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-miżuri inkwistjoni ma setgħux jiġu teknikament sospiżi u li d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura, fid-dawl tal-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, ma pproduċiet l-ebda effett sospensiv. Għaldaqstant, hija tqis illi setgħet ma tirreaġixxix kontra d-deċizjoni li tinfetaħ il-proċedura, u tirriżerva l-possibbiltà li tinvoka l-vizzji eventwali ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali.

34      Il-Kummissjoni tirrespinġi l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, stabbilita fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li l-uniku għan tiegħu huwa li jippermetti lill-Kummissjoni tifformula opinjoni preliminari kemm fuq in-natura tal-miżura kkonċernata bħala għajnuna mill-Istat kif ukoll fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, u min-naħa l-oħra, il-fażi formali ta’ investigazzjoni formali stabbilita mill-paragrafu 3 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompluta fuq il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jipprevedi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li tinnotifika lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T-95/03, Ġabra p. II-4739, punt 133).

36      Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni hija marbuta tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE jekk l-ewwel eżami ma jkunx ippermettielha tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-kwistjoni dwar jekk miżura statali suġġetta għall-istħarriġ tagħha tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għall-inqas meta, matul dan l-ewwel eżami, hija ma tkunx konvinta li l-miżura kkonċernata, anki li kieku tikkostitwixxi għajnuna, hija f’kull każ kompatibbli mas-suq komuni (sentenza Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 134).

37      Fid-dawl tal-konsegwenzi legali ta’ deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li tikklassifika provviżorjament il-miżuri msemmija bħala għajnuna ġdida filwaqt li l-Istat Membru kkonċernat aktarx ma jaqbilx ma’ din il-klassifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha preliminarjament tiddiskuti l-miżuri inkwistjoni mal-Istat Membru kkonċernat sabiex huwa jkollu l-opportunità jindikalha, jekk ikun il-każ, li, fl opinjoni tiegħu, l-imsemmija miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna jew jikkostitwixxu għajnuna eżistenti (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 29).

38      Issa, mill-analiżi tal-korrispondenza skambjata bejn l-awtoritajiet Taljani u d-dipartimenti tal-Kummissjoni, ma jirriżulta l-ebda nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligi tagħha.

39      L-ewwel nett, l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2003 li kienet tikkostitwixxi talba għal informazzjoni ġenerali dwar numra ta’ miżuri li jinsabu fid-DL 269/2003, kienet tinkludi, taħt il-parti bit-titolu “miżura 4”, il-miżuri inkwistjoni.

40      F’din l-ittra li indikat li ċerti miżuri fiskali kienu “jidhru li jinvolvu tnaqqis fit-taxxa għal ċerti kategoriji ta’ impriżi, jew anki għajnuna ad hoc għal ċerti impriżi, fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE]”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jippreċiżawlha n-natura preċiża tal-vantaġġi fiskali previsti, l-identità u n-numru (anki jekk stmat) ta’ benefiċjarji tal-vantaġġi, l-impatt finanzjarju (anki jekk stmat) marbut mal-għoti tal-vantaġġi, il-ġustifikazzjoni eventuali tagħhom fil-kuntest tas-sistema fiskali u kull informazzjoni oħra li tippermettilha tifforma opinjoni.

41      L-awtoritajiet Taljani wieġbu din l-ittra permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Novembru 2003 billi insistew fuq in-natura ġenerali tal-miżuri inkwistjoni, u dan sabiex jikkonfutaw il-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat.

42      It-tieni nett, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni ppeċiżat li ma kellhiex informazzjoni li tippermettilha teskludi li l-inċentivi fiskali eżaminati kienu jikkostitwixxu vantaġġ fiskali limitat għal ċerti impriżi kkwotati f’suq regolat matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-skema ta’ għajnuna u li dan il-vantaġġ iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ Komunitarju. Hija ppeċiżat ukoll li ma kellhiex informazzjoni li tippermettilha teskludi li l-inċentivi fiskali previsti fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 kienu jikkostitwixxu għajnuna għall-operat normalment inkompatibbli mas-suq komuni, għaliex huma ma kinux jirrigwardaw investimenti jew għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 87(3) KE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jinformaw lill-benefiċjarji potenzjali tal-imsemmija inċentivi fiskali dwar il-possibbiltà tal-irkupru tal-għajnuna mingħandhom, fil-każ li l-għajnuna titqies kontra l-liġi.

43      Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani bl-analiżi preliminari tagħha u b’hekk tathom il-possibbiltà jressqu l-oġġezzjonijiet eventwali tagħhom. L-awtoritajiet Taljani ma wieġbux.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-miżuri inkwistjoni ġew diskussi magħha qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

45      F’kull każ, għandu jiġi osservat li, anki jekk ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li effettivament jesponi l-opinjoni tiegħu fuq l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 47), jibqa’ l-fatt li, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-fażi preliminari jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni finali, hemm bżonn li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-288/96, Ġabra p. I-8237, punt 101; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01, Ġabra p. II-2717, punt 201, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-Istat Membru kkonċernat għaliex kull ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi difett proċedurali li jeżiġi li jiġi invokat, mill-parti kkonċernata, l-effett negattiv partikolari ta’ dan il-ksur fuq id-drittijiet suġġettivi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 203).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma pprovdiet l-ebda informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit li, fin-nuqqas tal-allegata irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti, imma sempliċiment indikat li “ħadd ma jista’ ‘jobsor’ x’setgħu jkunu l-effetti ta’ diskussjoni preliminari, li ma seħħ qatt, fuq l-iżviluppi ulterjuri tal-proċedura”.

47      Ir-Repubblika Taljana, b’mod partikolari, ma wrietx l-effett negattiv li jirriżulta mill-allegati vizzji tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura, prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni li huma esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-miżuri inkwistjoni ġew effettivament diskussi mal-awtoritajiet Taljani qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura, u li, f’kull każ, ir-Repubblika Taljana ma wrietx l-eżistenza ta’ irregolarità jew ta’ vizzju fir-rigward tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura, li fin-nuqqas tagħhom il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

49      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-parti tat-tielet motiv ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju

 L-argumenti tal-partijiet

50      Ir-Repubblika Taljana ssostni li huwa biss għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessa 30 tagħha, li l-Kummissjoni qajmet l-oġġezzjoni dwar il-vantaġġ li l-impriżi Taljani jisiltu mill-applikazzjoni tat-tnaqqis fiskali inkwistjoni għall-profitti li huma sejrin jiġġeneraw fil-livell dinji u l-fatt li l-impriżi barranin ma jistgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis ħlief għall-profitti li huma jiġġeneraw fl-Italja. B’hekk il-Kummissjoni kissret il-prinċipju ta’ kontradittorju.

51      Ir-Repubblika Taljana ssostni li, fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura u matul il-proċedura kollha, il-Kummissjoni qajmet biss il-kwistjoni tal-allegat trattament differenti bejn l-impriżi Taljani u l-impriżi barranin, inkwantu tal-ewwel kienu jibbenefikaw mill-iskema favorevoli inkwistjoni, filwaqt li tal-aħħar kienu esklużi mill-imsemmija skema. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qatt ma qajmet il-kwistjoni tal-allegat trattament differenti bejn impriżi Taljani u impriżi barranin, li lkoll huma kollha inklużi fl-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jifforma, b’mod partikolari, parti mid-drittijiet tad-difiża, jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tesponi effettivament l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, tal-oġġezzjonijiet u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 61; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-301/01, Ġabra p. II-1753, punt 169, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, “[i]d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed [tistipula] id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni”. Din id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura għandha tpoġġi lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma sejrin ikollhom il-possibbiltà jsostnu l-argumenti tagħhom. Għal dan l-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet ikunu jafu bir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra b’mod provviżorju li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkostitwixxu għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 u T-207/01, Ġabra p. II-2309, punt 138).

55      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tippermetti li jiġu approfonditi u kkjarifikati l-kwistjonijiet mqajma fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura, b’mod illi diverġenza eventuali bejnha u d-deċiżjoni finali ma tistax titqies fiha nfisha bħala vizzju li jivvizja l-legalità ta’ din tal-aħħar.

56      Fil-każ preżenti, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, preċiżament fil-punt 19 tagħha, il-Kummissjoni indikat li kien jidhrilha li l-miżuri inkwistjoni javvantaġġjaw biss lill-impriżi li għandhom is-sede tagħhom fl-Italja għad-detriment tal-impriżi barranin li joperaw fl-Italja, inwkantu dawn tal-aħħar m’għandhomx dritt għat-tnaqqis fiskali mogħti mill-imsemmija miżuri. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ April 2004, l-awtoritajiet Taljani indikaw li, skont l-Artikolu 11 tad-DL 269/2003, il-kumpanniji barranin li joperaw fl-Italja permezz ta’ stabbiliment fiss u kkwotat f’suq regolat tal-Unjoni, setgħu wkoll jibbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni. Wara din l-ittra, il-Kummissjoni kkonstatat u ppreċiżat, fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li xorta waħda kien għadu qed jingħata trattament differenti bejn impriżi Taljani u impriżi barranin, sa fejn it-tnaqqis fiskali mogħti mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tirrigwarda, għal tal-ewwel, il-profitt iġġenerat fuq livell dinji, u għal tal-aħħar, il-profitt iġġenerat u ntaxxat fl-Italja.

57      B’hekk, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, hemm lok li jiġi osservat li jekk il-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar ċertament ġiet irfinata meta mqabbla mad-dubji espressi fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura, dan huwa preċiżament ir-riżultat tad-djalogu li seħħ mal-awtoritajiet Taljani, liema awtoritajiet kellhom matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-possibbiltà jippreċiżaw il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, l-oġġezzjoni fformulata mill-Kummissjoni fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex differenti, fir-rigward tas-suġġett tagħha, minn dik li kienet indikat fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura, b’mod partikolari fil-punt 19 tagħha. Id-differenza hija biss fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-portata tad-differenza fit-trattament bejn l-impriżi rreġistrati fl-Italja u dawk li mhumiex u, minħabba f’hekk, ukoll tal-portata tan-natura selettiva tal-vantaġġ li jibbenefikaw minnha l-impriżi rreġistrati fl-Italja.

58      Barra minn hekk, ma jirriżulta, la minn dispożizzjoni dwar l-istħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza, li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, ladarba l-Istat Membru jkun ġie intimat sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, kif ġara f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 198).

59      F’kull każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 45 iktar ’il fuq, kull ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi difett proċedurali li jeżiġi li jiġi invokat mill-Istat Membru kkonċernat l-effet negattiv partikolari ta’ dan il-ksur fuq id-drittijiet suġġettivi tiegħu. Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma wrietx li, fin-nuqqas ta’ din l-allegata irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

60      Minn dan isegwi li l-parti tat-tielet motiv ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

61      Ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-Artikolu 253 KE kemm fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha kif ukoll, flimkien ma’ ksur tal-Artikolu 87 KE, fil-kuntest tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi tagħha.

 L-argumenti tal-partijiet

62      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kummissjoni talli ma rrispondietx espressament għall-osservazzjoni ppreżentata fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Novembru 2004 bħala risposta għall-osservazzjonijiet ta’ Borsa Italiana, li biha hija sostniet li kienet diġà teżisti fl-ordinament ġuridiku Taljan, taħt l-isem Super DIT, miżura li kellha karatteristiċi simili għall-miżuri inkwistjoni. Din il-miżura, li hija marbuta mal-inċentivi fiskali previsti mill-Artikolu 11(4) tad-DL 269/2003, kienet diġà s-suġġett ta’ talba għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aspetti diskriminatorji eventwali, liema aspetti kienu, sussegwentament, ġew eliminati mill-awtoritajiet Taljani. Barra minn hekk, din il-miżura tressqet formalment quddiem il-Kunsill “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji”, li qiesha bħala li tikkostitwixxi miżura li ma tikkawżax dannu fis-sens tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mlaqqgħa fi ħdan il-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 1997 fuq kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi (ĠU 1998, C 2, p.2) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

63      B’mod partikolar, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, iktar ’il quddiem is-“sentenza WestLB”, punti 279 sa 281), u l-ġurisprudenza li din is-sentenza tiċċita, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni kellha tipprovdi r-raġunijiet għaliex hija qieset li ma kellhiex tadotta l-istess pożizzjoni bħal dik li kienet adottat fir-rigward tas-Super DIT. Essenzjalment, il-Kummissjoni jmissha spjegat ir-raġunijiet għaliex fid-deċiżjoni kkontestata hija ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni miżura li kienet simili għal oħra li ppreċedietha ftit qabel, f’dan il-kaz is-Super DIT, u li fir-rigward tagħha ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni.

64      Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-Artikolu 253 KE għaliex il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tqis li l-kumpanniji kkwotati matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna bbenefikaw minn vantaġġ selettiv. Il-Kummissjoni sempliċiment sostniet li t-trattament differenti ma jikkorispondi għal ebda distinzjoni rilevanti bejn is-sitwazzjoni ta’ impriżi kkwotati u s-sitwazzjoni ta’ impriżi mhux ikkwotati u lanqas ma ħadet pożizzjoni fuq l-argumenti mqajma f’dan ir-rigward minn Borsa Italiana kif ukoll mill-awtoritajiet Taljani.

65      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju. Il-Kummissjoni jmissha, għall-inqas, indikat l-informazzjoni speċifika li wasslitha sabiex tiddeduċi li l-kompetizzjoni setgħet tiġi modifikata u li l-kummerċ bejn is-swieq tal-Istati Membri seta’ potenzjalment jiġi affettwat. Dan huwa a fortiori iktar verosimili fil-każ preżenti minħabba l-fatt li l-impriżi inkwistjoni joperaw f’diversi setturi ekonomiċi u l-ammont tal-għajnuna huwa żgħir ħafna. Il-Kummissjoni ma wrietx li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għall-operat u hija għamlet affermazzjonijiet ġenerali u approssimattivi. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżamint biss waħda mill-miżuri inkwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis tar-rata tat-taxxa previst fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003, u li hija naqset milli teżamina t-tnaqqis, fuq l-ammont taxxabbli, tal-ispejjeż għall-kwotazzjoni, previst fl-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003.

66      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kummissjoni talli bbażat l-inkompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni biss fuq il-fatt li huma jistabbilixxu għajnuna għall-operat u, f’kull każ, li ma mmotivatx biżżejjed kif trid il-liġi l-konstatazzjoni tagħha dwar l-inkompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni.

67      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

68      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tal-att, b’mod illi jippermetti, minn naħa, lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, lill-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura implementata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, imma wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63; sentenza WestLB, punt 63 iktar ’il fuq, punti 278 u 279, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni interessati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza WestLB, punt 63 iktar ’il fuq, punt 280, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, mingħajr mhija marbuta teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, punt 51, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni, C-278/00, Ġabra p. I-3997, punt 24), sabiex tivverifika jekk din l-iskema għandhiex elementi ta’ għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 91).

70      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex immotivata biżżejjed fir-rigward tal-aspetti differenti tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li huma kkontestati mir-Repubblika Taljana.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-eżistenza fl-ordinament ġuridiku Taljan ta’ miżura li għandha karatteristiċi simili għall-miżuri inkwistjoni

71      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ma ħaditx pożizzjoni fuq l-allegata eżistenza ta’ kontinwità bejn waħda miż-żewġ miżuri inkwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis tat-taxxa previst fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 u s-Super DIT.

72      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-referenza għas-Super DIT, li hija marbuta fiż-żmien u ġuridikament mal-miżuri inkwistjoni, saret formalment, għall-ewwel darba, fl-osservazzjonijiet ippreżentati minn Borsa Italiana fl-4 ta’ Ottubru 2004, l-awtoritajiet Taljani kkummentaw dwarhom fl-ittra tat-30 ta’ Novembru 2004. Skont l-awtoritajiet Taljani u Borsa Italiana, il-miżuri inkwistjoni huma, essenzjalment, iġġustifikati mill-prinċipji ġenerali tas-sistema fiskali Taljana minħabba li s-Super DIT kienet teisti fl-ordinament ġuridiku Taljan minn qabel.

73      Għandu jiġi osservat ukoll, kif issostni r-Repubblika Taljana, li l-Kummissjoni pprovdiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex l-inċentivi fiskali previsti fid-DL 269/2003 jagħtu vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, mingħajr ma rreferiet għas-Super DIT.

74      Ir-raġunament tar-Repubblika Taljana m’għandux, madankollu, jiġi aċċettat.

75      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, kif sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, qatt ma ddeċidiet fuq il-klassifikazzjoni eventwali tas-Super DIT bħala għajnuna mill-Istat u s-Super DIT qatt ma kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 88(3) KE, u peress li hija ġiet abrogata fl-2001; ħaġa li mhijiex ikkontestata mir-Repubblika Taljana, hija ma kinitx inkluża fl-iskema tal-għajnuna inkwistjoni. Is-Super DIT tissemma’ biss fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003, sabiex l-impriżi kkonċernati ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali doppju.

76      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet taf bis-Super DIT fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ kontroll tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-suq intern u tal-eżami tas-Super DIT mill-Kunsill “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji”, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dawn iż-żewġ aspetti ma jaqgħux taħt l-istħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, li kull inazzjoni apparenti tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat hija irrilevanti meta, bħal fil-każ preżenti, l-iskema tal-għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, C-183/02 P u C-187/02 P, Ġabra p. I-10609, punt 52).

77      Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni kienet taf is-Super DIT fid-dettall u li, filwaqt li kellha l-possibbiltà kollha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija qatt ma ddeċidiet fuq il-klassifikazzjoni eventwali tas-Super DIT bħala għajnuna mill-Istat, ma jaffettwax il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u l-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew eżistenti fis-sens tar-Regolament Nru 659/1999.

78      F’kull każ, anki li kieku s-Super DIT u l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jagħmlu parti minn raġunar ta’ kontinwità u ta’ estensjoni, il-fatt li l-Kummissjoni ma intervjenietx fir-rigward tas-Super DIT mhuwiex rilevanti, ladarba l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-każ preżenti, eżaminata separatament mis-Super DIT, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 10, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C-148/04, Ġabra p. I-11137, punt 105).

79      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni interessati. Kien biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijet legali li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma kienet marbuta timmotiva d-deċiżjoni kkontestata b’mod dettaljat sabiex tirrispondi għall-argumenti li hija kienet tqis irrilevanti jew ftit releventi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2005, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C-404/04 P-R, Ġabra p. I-3539, punt 37). Issa, peress li s-Super DIT ma tagħmilx parti mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u l-konformità tagħha mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat qatt ma ġiet evalwata mill-Kummissjoni, hija ma kellhiex importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

80      Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma rrisponditx speċifikament għall-allegazzjoni li l-miżuri inkwistjoni setgħu jagħmlu parti minn allegata kontinwità mas-Super DIT u, minħabba dan il-fatt, li l-miżuri inkwistjoni setgħu jiġu ġġustifikati mill-prinċipji ġenerali tas-sistema fiskali Taljana.

81      B’hekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżuri inkwistjoni

82      Fil-premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni turi l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv.

83      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis, fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri inkwistjoni jintroduċu deroga għall-operat normali tas-sistema fiskali u joħolqu vantaġġ esklużiv għall-kumpanniji li kienu f’pożizzjoni li jiġu kkwotati fil-perijodu qasir tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna u li minnha huma esklużi l-impriżi li huma diġà kkwotati, dawk li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu kkwotati u dawk li ddeċidew li ma jiġux ikkwotati matul il-perijodu kkunsidrat.

84      Fil-premessi 27 sa 29, hija tispjega għaliex din id-deroga mhijiex ġustifikabbli fid-dawl tan-natura tas-sistema fiskali, billi hija ma tindirizza l-ebda distinzjoni fundamentali bejn is-sitwazzjoni ta’ kumpanniji kkwotati f’suq regolat u dik ta’ kumpanniji li mhumiex ikkwotati. Il-Kummissjoni tippreċiża minn naħa, li t-tnaqqis fir-rata tat-taxxa applikabbli għall-profitti futuri ġġenerati mill-benefiċjarji, previst fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 mhuwiex proporzjonat għaliex dawn il-profitti ma għandhom ebda rabta mal-fatt li l-benefiċjarji jiġu kkwotati, mal-istruttura tal-kapital tagħhom u mal-karatteristiċi l-oħra assoċjati mal-kwotazzjoni, u min-naħa l-oħra, li t-tnaqqis tad-dħul taxxabbli, previst fil-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003, jikkostitwixxi għajnuna eċċezzjonali għaliex huwa jiżdied mat-tnaqqis normali tal-ispejjeż. Barra minn hekk, it-terminu qasir ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, li jimplika l-esklużjoni de facto ta’ diversi benefiċjarji potenzjali, imur kontra, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-għan speċifiku tal-promozzjoni tal-kwotazzjonijiet tal-kumpanniji.

85      It-tieni nett, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri inkwistjoni għandhom effett notevoli fuq impriżi ta’ ċertu daqs u li jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni billi titjieb il-pożizzjoni ta’ dawn l-impriżi fir-rigward ta’ dik tal-impriżi kompetituri li mhumiex irreġistrati fl-Italja. Barra minn hekk, hija tosserva li, minħabba l-fatt li l-inċentivi fiskali inkwistjoni jingħataw permezz tas-sistema fiskali, huma jibbenefikaw iktar lill-impriżi Taljani, li fil-konfront tagħhom it-tnaqqis fiskali japplika għall-profitt iġġenerat fuq livell dinji, milli l-impriżi barranin, li fil-konfront tagħhom it-tnaqqis fiskali japplika biss għall-profitt iġġenerat fl-Italja. Il-Kummissjoni teskludi wkoll kull ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura tas-sistema fiskali, għaliex l-iskema ta’ għajnuna tikkostitwixxi għajnuna eċċezzjoniali li mhijiex ġustifikata fil-kuntest tal-amministrazzjoni normali tas-sistema fiskali.

86      Mill-punti msemmija iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, esponiet b’mod ċar kif l-impriżi benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-effett tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intra-Komunitarju

87      Għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, hija marbuta tirreferi, għall-inqas, għaċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna, meta dawn jippermettulha turi li l-għajnuna hija ta’ tali natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal kompetizzjoni, hija mhijiex marbuta tagħmel analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-swieq ikkonċernati, tal-parti mis-suq tal-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tal-kurrenti kummerċjali bejn Stati Membri. Barra minn hekk, fis-sitwazzjoni ta’ għajnuna mogħtija kontra l-liġi, il-Kummissjoni mhijiex marbuta turi l-effett reali li din l-għajnuna kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Li kieku dan kien il-każ, fil-fatt, din in-neċessità kienet tkun ta’ vantaġġ għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna illegali a skapitu ta’ dawk li jinnotifikaw l-għajnuna meta tkun fl-istadju ta’ proposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punti 100 sa 103, u Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 215).

88      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ma jidhirx li l-Kummissjoni naqset, fil-każ preżenti, milli twettaq l-obbligu tagħha li timmotiva b’mod suffiċjenti l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-effett tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarju.

89      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddedika l-premessi 34 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata għal eżami l-effett tal-miżuri inkwistjoni fuq l-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

90      L-ewwel nett, hija tenfasizza li l-miżuri inkwistjoni jistgħu “jgħawġu l-kompetizzjoni bejn l-impriżi u l-kummerċ bejn Stati Membri, peress li l-kumpanniji benefiċjarji jistgħu joperaw fi swieq internazzjonali u jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali u attivitajiet ekonomiċi oħra fi swieq ikkaratterizzati minn kompetizzjoni kbira” (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

91      It-tieni nett, hija telenka l-għanijiet finanzjarji tal-kumpanniji li talbu li jiġu kkwotati, fosthom ż-żieda u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament, iż-żieda tal-kapaċità finanzjarja tagħhom, il-kisba ta’ evalwazzjoni tas-suq, u tistabbilixxi li “permezz tal-għoti ta’ vantaġġ fiskali eċċezzjonali lill-kumpanniji li ddeċidew li jiġu kkwotati fil-Borża, l-iskema kkonċernata ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva u l-kapaċità finanzjarja ta’ dawn il-kumpanniji fil-konfront tal-kompetituri tagħhom”, filwaqt li tippreċiża li l-effetti msemmija “jistgħu jiffavorixxu lill-benefiċjarji Taljani li joperaw fi swieq fejn iseħħ kummerċ intra-Komunitarju” u li, għaldaqstant, “l-iskema taffettwa l-kummerċ u tkkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni” (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

92      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreċiża li “l-għaxar kumpanniji li ġew ikkwotati fil-Boroż Taljani gejjien minn setturi differenti, ilkoll miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali, u jvarjaw mis-settur tal-manifattura sas-servizzi ta’ utilità pubblika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u tqis li l-profitt mit-tnaqqis fiskali mogħti huwa kunsiderevoli, għaliex jista’ jlaħħaq sa EUR 11.7 miljun għal kull benefiċjarju matul it-tliet snin ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

93      Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan, fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li “d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-iskema fis-setturi differenti ta’ attività tal-benefiċjarji hija kunsiderevoli, fid-dawl tal-fatt li huma spiss għandhom rwol ewlieni fl-Italja fid-diversi setturi kkonċernati, u dan jiġġustifika l-evalwazzjoni negattiva li qed issir il-konfront ta’ din l-iskema” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

94      Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’hekk tippermetti lir-Repubblika Taljana u lill-qorti Komunitarja jagħrfu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kienu sodisfatti fil-każ preżenti.

95      M’għandhom jitqajmu dubji dwar din il-konklużjoni minħabba l-allegazzjoni tar-Repubblika Taljana li l-eżami tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn Stati Membri ma ttrattax il-miżura prevista fl-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003. F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li l-premessi 34 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, meta jsemmu l-effetti tal-‘iskema’, juru b’mod ċar u inekwivoku li r-raġunament tal-Kummissjoni japplika għall-iskema ta’ għajnuna kollha, u b’hekk għaż-żewġ miżuri inkwistjoni.

96      Minn dan isegwi li l-parti tar-raba’ motiv ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-effet tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi miċħuda wkoll.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni

97      Il-Kummissjoni tiddedika l-premessi 39 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni.

98      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li din il-kompatibbiltà għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-awtoritajiet Taljani ma kkontestawx espliċitament l-evalwazzjoni tagħha, indikata fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, li tipprovdi li l-ebda waħda minn dawn id-derogi ma kienu applikabbli għal dan il-każ (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, hija tesponi li “l-vantaġġi mogħtija ma huma marbuta mal-ebda spejjeż jew huma marbuta ma’ spejjeż li mhumiex eliġibbli għal għajnuna skont ir-regoli fuq l-eżenzjonijiet skont il-kategorija jew il-linji gwida Komunitarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tippreċiża, barra minn hekk, li d-derogi previsti fl-Artikoli 87(2) u (3)(a), (b) u (d) KE mhumiex applikabbli għal dan il-każ (premessi 42 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fir-rigward b’mod partikolari tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni tenfasizza li “l-vantaġġi fiskali mogħtija mill-iskema mhumiex marbuta ma’ investimenti speċifiċi, mal-ħolqien tax-xogħol jew ma’ proġetti speċifiċi” u li “huma jikkostitwixxu sempliċiment tnaqqis tal-ispejjeż li l-impriżi kkonċernati għandhom normalment ibatu fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u għandhom għalhekk jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat għall-operat li hija inkompatibbli mas-suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata) .

99      Issa, fir-rigward b’mod partikolari tal-allegat obbligu tal-Kummissjoni li timmotiva speċjalment il-konklużjoni tagħha li l-miżuri inkwistjoni mhumiex kompatibbli mas-suq komuni fir-rigward tal-possibbiltà li l-għajnuna, anki jekk għajnuna għall-operat, tista’ tiġi ġġustifikata, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenża ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni mhix obbligata tesprimi ruħha fuq l-argumenti kollha invokati mill-persuni interessati. Huwa biżżejjed li hija tipprovdi l-fatti u l-kunsiderazzjonijet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni lanqas ma hija marbuta timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod dettaljat sabiex tirrispondi għall-argumenti li hija tqis irrilevanti jew ftit releventi.

100    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li l-Kummissjoni uriet biżżejjed kif trid il-liġi, fil-premessi 39 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-motivi essenzjali tal-konstatazzjoni tagħha dwar l-inkompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna mas-suq komuni u indikat, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ebda deroga ma kienet applikabbli għal din l-għajnuna bħala għajnuna għall-operat.

101    Għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti li jinftehmu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni eskludiet l-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 87(2)(3) KE, u preċiżament, ir-raġunijiet għaliex hija kklassifikat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għall-operat eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u mhux għajnuna għall-investiment.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li huma esposti iktar ’il fuq, hemm lok li l-parti tal-ħames motiv ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni tiġi miċħuda.

3.     Fuq il-ksur tal-Artikolu 87 KE

103    Ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-Artikolu 87 KE, fir-rigward tal-aspetti differenti tal-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni mill-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi. Hija tikkontesta, fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lill-kumpanniji reċentement ikkwotati fil-Borża kif ukoll in-natura selettiva ta’ dan il-vantaġġ; fil-kuntest tar-raba’ motiv, hija tikkontesta l-effet tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, u fil-kuntest tal-ħames motiv, hija tikkontesta l-inkompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni.

 Fuq is-selettività tal-vantaġġ mogħti lill-kumpanniji reċentement ikkwotati fil-Borża

 L-argumenti tal-partijiet

104    Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-miżuri eżaminati mhumiex ta’ natura selettiva jew li d-differenzazzjoni li joħolqu hija ġġustifikata min-natura jew mill-istruttura tas-sistema fiskali.

105    Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-osservazzjoni fformulata fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li n-natura selettiva tal-vantaġġ hija bbażata fuq il-fatt li l-miżuri inkwistjoni jidderogaw “mill-operat normali ta’ sistema fiskali u jiffavorixxu ċerti impriżi jew manifatturi, għaliex huma jikkostitwixxu skema speċifika li jistgħu jibbenefikaw minnha biss kumpanniji li jinsabu f’pożizzjoni li jistgħu jiġu kkwotati matul il-perijodu kopert mill-iskema” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tqis li, minħabba l-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkopri kull kumpannija b’responsabbiltà limitata li potenzjalment tinsab f’pożizzjoni li tiġi kkwotata, hija mhijiex selettiva. Fil-fatt, skema ta’ għajnuna ġdida tirrigwarda bilfors lil dawk li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, filwaqt li ma tistax tirrigwarda lil dawk li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet jew li ssodisfawhom preċedentement.

106    Ir-Repubblika Taljana tikkontesta wkoll l-osservazzjoni fformulata fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata min-natura tas-sistema fiskali Taljana u li mhijiex proporzjonata, sa fejn it-tnaqqis tar-rata ta’ taxxa japplika għall-profitti futuri ġġenerati mill-benefiċjarji li ma għandhom ebda rabta la mal-fatt li l-benefiċjarji ġew ikkwotati, la mal-istruttura tal-kapital tagħhom u lanqas mal-karatteristiċi l-oħra assoċjati ma’ kwotazzjoni fil-Borża. Lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata mill-għanijiet speċifiċi tagħha minħabba t-terminu qasir ta’ applikazzjoni tagħha li jrendi t-tnaqqis inaċċessibbli de facto għal numru kbir ta’ benefiċjarji potenzjali. Skont ir-Repubblika Taljana, il-miżuri inkwistjoni jintroduċu differenzazzjoni inerenti fil-loġika tas-sistema fiskali inkwantu jikkorrispondu għal sitwazzjoni, dik tal-kumpanniji kkwotati, li hija oġġettivament differenti mis-sitwazzjoni tal-kumpanniji li mhumiex ikkwotati. Il-kumpanniji kkwotati jaffaċċjaw spejjeż kbar li, parzjalment, jibqgħu jbatuhom huma għaliex jista’ jiġri li ma jkunux jistgħu jitnaqqsu fis-sena fiskali meta jkunu ġew sostnuti, u anki jekk ikunu jistgħu jitnaqqsu, it-tnaqqis tagħhom jinvolvi ffrankar ta’ taxxa li ma jkunx jista’ jaqbeż ir-rata ta’ taxxa applikabbli għad-dħul taxxabbli.

107    Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, Ġabra p. I-8365, punti 41 u 42), u tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 52), jikkonfermaw, skont ir-Repubblika Taljana, li l-applikazzjoni ta’ trattament fiskali differenti għall-kumpanniji kkwotati tidħol fil-loġika tas-sistema u ma tikkostitwixxix miżura selettiva.

108    Ir-Repubblika Taljana, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li t-tnaqqis tat-taxxa previst fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 mhuwiex marbut mal-ispejjeż involuti għall-kwotazzjoni, imma għall-profitti ġġenerati mill-kumpanniji, issostni li jista’ jkun li ma nkisibx benefiċċju, u f’dan il-każ it-tnaqqis tat-taxxa ma kellu l-ebda effett reali, u li, anki jekk kien hemm benefiċċji, dawn ikunu ċertament imnaqqsa ħafna minħabba l-ispejjeż meħtieġa għall-kwotazzjoni nfisha.

109    Għalhekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li t-trattament differenzjat “ma jikkorrispondi għal ebda distinzjoni rilevanti bejn is-sitwazzjoni tal-kumpanniji kkwotati u s-sitwazzjoni ta’ kumpanniji li mhumiex ikkwotati” (premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata) hija legalment żbaljata.

110    Ir-Repubblika Taljana żżid tgħid li, sabiex tiġi evalwata s-selettività tal-miżuri inkwistjoni, hemm bżonn li tiġi mqabbla mhux is-sitwazzjoni tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata kollha, imma s-sitwazzjoni biss tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata li potenzjalment jistgħu jiġu kkwotati. F’dan il-każ, huwa ċar li peress li l-miżuri inkwistjoni japplikaw għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata kollha li potenzjalment jistgħu jiġu kkwotati, ma jagħmlu ebda selezzjoni “suġġettiva”.

111    Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma qisitx il-koerenza taż-żewġ miżuri inkwistjoni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kontinwità mal-miżuri preċedenti fil-qasam tat-tnaqqis fiskali favur kumpanniji kkwotati reċentement, jiġifieri s-Super DIT.

112    Hija ssostni wkoll li n-natura mhux selettiva tal-miżuri tibqa’ hekk minkejja li jkunu temporanji, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-limitazzjoni fiż-żmien tippermetti li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tiġi rrikonċiljata mar-rekwiżiti baġitarji tal-Istat u tista’ tiġi spjegata wkoll min-natura sperimentali tal-miżura.

113    Ir-Repubblika Taljana, fir-rigward tal-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li t-tnaqqis fl-ispejjeż għall-kwotazzjoni, previst fil-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003, ukoll jikkostitwixxi għajnuna eċċezzjonali għaliex jiżdied mat-tnaqqis normali tal-ispejjeż, tenfasizza l-kontradizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni, minn naħa, issostni li l-imsemmija miżura tista’ titqies bħala ġġustifikata minħabba l-għan speċifiku tal-iskema ta’ għajnuna, u min-naħa l-oħra, tinjora din il-ġustifikazzjoni fir-rigward tal-miżura l-oħra inkwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis tat-taxxa stabbilit fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003.

114    Ir-Repubblika Taljana, fir-rigward tal-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-miżuri inkwistjoni jibbenefikaw prinċipalment lill-impriżi Taljani minħabba l-fatt li t-tnaqqis fiskali japplika għall-profitti ġġenerati fuq livell dinji, issostni li n-natura selettiva ta’ miżura għandha tiġi evalwata esklużivament billi jitqabblu, minn naħa, is-sitwazzjonijiet li hija tkopri, u min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet li hija teskludi, filwaqt li mhuwiex rilevanti, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li jitqabblu bejniethom is-sitwazzjonijiet li l-miżura inkwistjoni tkopri, sabiex jiġi evalwat jekk huma jisiltux minn din il-miżura vantaġġi tal-istess importanza jew ta’ importanza differenti.

115    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana tenfasizza li kull riperkussjoni differenti tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kumpanniji benefiċjarji Taljani u l-kumpanniji benefiċjarji barranin ma tistax tiġi pprojbita għaliex huwa normali li sistema fiskali tkun ibbażata fuq ir-regola tal-universalità tat-tassazzjoni u tal-vantaġġi fir-rigward tar-residenti, kif ukoll fuq ir-regola tat-territorjalità tat-taxxa fir-rigward ta’ dawk li mhumiex residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punti 31, 32 u 34, u tal-14 ta’ Settembru 1999, Gschwind, C-391/97, Ġabra p. I-5451, punti 21 sa 24).

116    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

117    L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat li “tiffavorixxi ċerti impirżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 94). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ spejjeż li jagħmlu parti minnha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-159/01, Ġabra p. I-4461, punt 42, u tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, Ġabra p. I-7115, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    L-ewwel nett, għandha għaldqstant tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-miżuri ta’ tnaqqis tar-rata ta’ taxxa inkwistjoni humiex, a priori, ta’ natura selettiva, u, jekk ikun il-każ, sussegwentament, jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-Repubblika Taljana, dawn il-miżuri humiex iġġustifikati min-natura u l-istruttura tas-sistema fiskali Taljana.

–       Fuq in-natura a priori selettiva tal-miżuri inkwistjoni

119    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, li tagħmel parti mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Artikolu 87(1) KE jimponi l-obbligu li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex tali li tiffavorixxi ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli (ara s-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 47, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Issa, fil-kawża preżenti, is-selettività tal-vantaġġ fiskali stabbilit mill-Artikolu 1(1)(d) u l-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 tirriżulta minn elementi differenti. L-ewwel nett, id-dritt għat-tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq id-dħul għall-ewwel tliet snin wara s-sena finanzjarja meta seħħet il-kwotazzjoni, kif ukoll id-dritt għat-tnaqqis mid-dħul taxxabbli ta’ ammont ekwivalenti għall-ispejjeż tal-kwotazzjoni, huwa rrikonoxxut biss favur l-impriżi reċentement ikkwotati f’suq regolat. It-tieni nett, dawn l-impriżi, jiġifieri l-kumpanniji b’responsabbiltà limitata reċentement ikkwotati, għandhom jaraw li jiġu kkwotati f’suq regolat matul il-perijodu bejn it-2 ta’ Ottubru 2003, id-data meta daħal fis-seħħ id-DL 269/2003, u l-31 ta’ Diċembru 2004, l-aħħar jum għall-ewwel kwotazzjoni skont l-Artikolu 11 tad-DL 269/2003. B’hekk, il-miżuri inkwistjoni huma ta’ benefiċċju biss għall-impriżi li jwettqu l-imsemmija tranżazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 97), fil-perijodu qasir ta’ ħmistax-il xahar li matulhom tapplika l-iskema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, punt 49). Fil-fatt, kull impriża oħra hija eskluża mill-benefiċċji tal-iskema ta’ għajnuna, kemm jekk hija kumpannija li hija diġà kkwotata kif ukoll kumpannija li ma tissodisfax jew ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tiġi kkwotata matul il-perijdou kopert mill-iskema ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jiġi ppreċiżat, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata u kif il-Kummissjoni sostniet diversi drabi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Taljana, li l-perijodu qasir stabbilit mill-iskema ta’ għajnuna kien, essenzjalment, paragunabbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kwotazzjoni, liema dispożizzjonijet jimponu kundizzjonijiet rigorużi li l-kumpanniji li jixtiequ jiġu kkwotati għandhom jissodisfaw, maż-żmien meħtieġ sabiex jitfassal il-pjan, tinbeda u tintemm b’suċċess il-kwotazzjoni. Għalhekk, il-vantaġġi mogħtija mill-miżuri inkwistjoni, kif ir-Repubblika Taljana ammettiet matul is-seduta, kienet de facto aċċessibbli biss għall-impriżi li kienu diġà bdew il-proċedura ta’ kwotazzjoni, għal dawk l-impriżi li kienu għall-inqas ħasbu li jibdew il-proċedura jew għal dawk li kienu lesti jibdew il-proċedura fi żmien qasir.

121    Peress li l-kumpanniji kkwotati matul il-perijodu kopert mill-iskema ta’ għajnuna jibbenefikaw minn tnaqqis fiskali – jiġifieri t-tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq id-dħul u t-tnaqqis tad-dħul taxxabbli, li jiżdiedu mat-tnaqqis normali, tal-ispejjeż marbuta mal-kwotazzjoni – liema benefiċċji ma jistgħux igawduhom l-impriżi li ma jwettqux it-tranżazzjonijiet koperti minn dawn il-miżuri, huma jgawdu vantaġġi li fil-kuntest normali tas-sistema fiskali huma mhumiex intitolati għalihom. Minħabba dan il-fatt, il-miżuri inkwistjoni huma selettivi.

122    Barra minn hekk, il-miżuri inkwistjoni huma selettivi għaliex jiffavorixxu de facto kumpanniji rreġistrati l-Italja meta mqabbla ma’ kumpanniji li mhumiex irreġistrati l-Italja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1983, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 203/82, Ġabra p. 2525). Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-inċentivi fiskali, mogħtija b’deroga mit-trattament fiskali normali favur kull impriża taxxabli fl-Italja li tiġi kkwotata f’suq regolat, jibbenefikaw prinċipalment il-kumpanniji rreġistrati l-Italja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, it-tnaqqis fiskali japplika għall-profitti ġġenerati fuq livell dinji filwaqt li għall-kumpanniji barranin l-imsemmi tnaqqis japplika biss għall-profitti ġġenerati l-Italja.

123    Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar din il-konkluzjoni minħabba l-argument tar-Repubblika Taljana li n-natura selettiva ta’ miżura għandha tiġi evalwata esklużivament billi jitqabblu, minn naħa, is-sitwazzjonijiet li hija tkopri, u min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet li hija teskludi, u mhux billi jitqabblu bejniethom is-sitwazzjonijiet koperti mill-miżura inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi kull għajnuna ta’ tali natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” u tiddefinixxi għajnuna abbażi tal-effetti tagħha. Għalhekk, xejn ma jipprekludi, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, li miżura li hija diġà ristretta għal ċerti individwi partikolari – fil-każ preżenti, il-kumpanniji kkwotati fil-Borża – tavvantaġġja iktar lil ċerti benefiċjarji – fil-każ preżenti, il-kumpanniji Taljani li fir-rigward tagħhom it-tnaqqis fiskali japplika għall-profitti ġġenerati fuq livell dinji – milli lil kumpanniji oħra, li huma wkoll benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna, jiġifieri l-kumpanniji barranin li fir-rigward tagħhom it-tnaqqis fiskali japplika biss għall-profitti ġġenerati fl-Italja.

124    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-miżuri inkwistjoni jiffavorixxu “ċerti impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenzazzjoni introdotta mill-imsemmija miżuri hijiex iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali li jagħmlu parti minnha.

–       Fuq il-ġustifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni min-natura jew mill-istruttura tas-sistema fiskali Taljana

125    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, għalkemm din id-differenzazzjoni hija bbażata fuq għanijiet differenti minn dawk imfittxija mis-sistema ġenerali, il-miżura inkwistjoni hija, bħala regola, meqjusa li tissodisfa l-kundizzjoni ta’ selettività prevista fl-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 33, u Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 107 iktar ’il fuq, punt 49). Barra minn hekk, huwa l-Istat Membru li introduċa din id-differenzazzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż li għandu juri li din id-differenzazzjoni hija effettivament iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni (sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 43).

126    Skont ir-Repubblika Taljana, fid-dawl tal-fatt li kull kumpannija li xtaqet tiġi kkwotata fil-Borża jew f’suq regolat ieħor kellha tħallas spejjeż kbar, it-tnaqqis tat-taxxa kien jikkostitwixxi inċentiv fiksali għall-kwotazzjoni tal-kumpaniji koperti mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija miżuri jikkorrispondu għas-sitwazzjoni partikolari tal-kumpanniji li kellhom l-intenzjoni jiġu kkwotati u b’hekk din is-sitwazzjoni hija oġġettivament differenti minn dik tal-kumpanniji l-oħra.

127    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri inkwistjoni ma jindirizzaw l-ebda differenza fundamentali mill-aspett fiskali bejn is-sitwazzjoni ta’ kumpanniji kkwotati fil-Borża jew f’suq regolat ieħor u s-sitwazzjoni ta’ kumpanniji li mhumiex ikkwotati.

128    Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni għamlitx sew li eskludiet l-eżistenza ta’ kwalunkwe rabta bejn il-miżuri inkwistjoni u sitwazzjoni oġġettiva partikolari tal-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni.

129    Hemm lok, minn dan l-angolu, li ż-żewġ miżuri jiġu eżaminati separatament.

130    Minn naħa, kif ġustament osservat il-Kummissjoni fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li t-tnaqqis fiskali stabbilit fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 jingħata mal-kwotazzjoni, huwa japplika għall-profitti futuri ġġenerati mill-impriżi benefiċjarji. Dawn il-profitti futuri la għandhom rabta mal-fatt li l-benefiċjarji ġew ikkwotati, la mal-ispejjeż sostnuti minħabba t-tranżazzjoni sabiex jiġu kkwotati, u lanqas ma’ kull allegat żvantaġġ ieħor li jirriżulta minn din is-sitwazzjoni partikolari. Barra minn hekk, fid-dawl tat-terminu qasir tal-applikazzjoni tagħha, l-iskema ta’ għajnuna lanqas ma hija ġustifikabbli fid-dawl tal-għanijiet speċifiċi tagħha, jiġifieri li tippromwovi l-kwotazzjoni tal-impriżi għaliex hija teskludi de facto numru ta’ benefiċjarji potenzjali.

131    Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma stabbiliet l-ebda rabta bejn il-karatteristiċi partikolari tal-kumpanniji kkwotati – u b’mod partikolari, l-allegati żvantaġġi li jirriżultaw mill-kwotazzjoni, f’termini ta’ aċċess għas-suq tal-kapital u l-ispejjeż organizzattivi – u l-imsemmija miżuri.

132    B’hekk, anki li kieku l-kumpanniji kkwotati jistgħu jkollhom karatteristiċi differenti minn dawk tal-kumpanniji mhux ikkwotati, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-aċċess għas-suq tal-kapital u tal-ispejjeż organizzattivi, għandu jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fiskali stabbilit fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 ma għandu l-ebda rabta mal-imsemmija karatteristiċi.

133    Min-naħa l-oħra, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis tad-dħul taxxabbli stabbilit mill-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003, li jiżdied mat-tnaqqis normali tal-ispejjeż, jikkostitwixxi wkoll għajnuna eċċezzjonali. Issa, anki jekk jitqies li t-tnaqqis jista’ jitqies bħala ġustifikabbli mill-għan speċifiku tal-promozzjoni tal-kwotazzjoni tal-kumpanniji li l-iskema tal-għajnuna tipprova tikseb, xorta jibqa’ l-fatt li, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-perijodu ta’ applikazzjoni qasir tiegħu jikkontradixxi l-imsemmi għan, għaliex huwa jeskludi de facto numru ta’ benefiċjarji potenzjali.

134    Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana, ma hemm l-ebda kontradizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni tidher li eskludiet kull possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura jew l-istruttura tas-sistema fir-rigward tal-inċentivi fiskali stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 (premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li, min-naħa l-oħra, irrikonoxxiet il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward tal-inċentivi fiskali stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003 (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet tajjeb li, fir-rigward tal-ewwel miżura, eskludiet mill-ewwel kull possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni minħabba l-fatt li l-imsemmija miżura ma għandha l-ebda rabta ma’ sitwazzjoni partikolari għall-kumpanniji kkwotati, u, fir-rigward tat-tieni miżura, eskludiet kull ġustifikazzjoni f’dan il-każ, wara li osservat li din il-miżura setgħet eventwalment tiġi ġġustifikata minħabba l-fatt li hija tirrigwarda l-ispejjeż marbuta mal-kwotazzjoni.

136    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 87(1) KE meta qieset li l-miżuri inkwistjoni jiffavorixxu “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, u li, fin-nuqqas ta’ rabta diretta bejn l-imsemmija miżuri u l-għan tal-iskema ta’ għajnuna, huma ma jidħlux fin-natura u l-istruttura tas-sistema fiskali Taljana.

137    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-allegata koerenza, skont ir-Repubblika Taljana, bejn il-miżuri inkwistjoni u miżuri simili preċedenti, jiġifieri s-Super DIT. 

138    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana ma stabbilietx l-eżistenza ta’ din il-koerenza.

139    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li teżisti qasma fil-kontinwità bejn iż-żewġ skemi għaliex is-Super DIT tħassret fl-2001, anki jekk baqgħet applikabbli b’mod trażitorju għall-kumpanniji li, fit-30 ta’ Ġunju 2001, għamlu tranżizzjonijiet ta’ żieda ta’ kapital, filwaqt li l-miżuri inkwistjoni ġew introdotti f’Ottubru 2003.

140    Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ skemi huwa differenti ħafna. Is-Super DIT kienet tipprovdi għal tnaqqis fir-rata ta’ taxxa applikabbli biss għad-dħul normali miż-żieda tal-kapital investit għall-kumpanniji li l-ishma tagħhom kienu kkwotati f’suq regolat għat-tliet snin fiskali wara l-ewwel kwotazzjoni. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, is-Super DIT kienet intiża sabiex tnaqqas il-penalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ġodda ta’ kapital b’riskju waqt it-tranżazzjonijiet tal-kwotazzjoni, li jingħataw trattament fiskali inqas favorevoli mill-finanzjament b’self. Min-naħa l-oħra, il-miżuri inkwistjoni, jistabbilixxu, minn naħa, tnaqqis fir-rata ta’ taxxa applikabbli għad-dħul globali, u, min naħa l-oħra, tnaqqis tal-ispejjeż għall-kwotazzjoni, li jiżdied mat-tnaqqis normali.

141    F’kull każ, anki li kieku ż-żewġ miżuri suċċessivi jagħmlu parti minn raġunar ta’ kontinwità u ta’ estensjoni, dan l-aspett waħdu mhuwiex biżżejjed sabiex jipprova li l-miżuri inkwistjoni jagħmlu parti min-natura u l-istruttura tas-sistema, għaliex, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq fil-punt 75, il-Kummissjoni qatt ma ddeċidiet fuq in-natura eventwali tas-Super DIT bħala għajnuna mill-Istat.

142    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, fil-każ preżenti, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Taljana bbażat, essenzjalment, fuq il-koerenza tat-trattament divrenzjat bejn residenti u mhux residenti mas-sistema fiskali interna, l-effetti tal-miżuri inkwistjoni ma jirriżultawx mid-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli fiha nfisha, u għalhekk mill-modalitajiet divrenzjati ta’ taxxa, li r-Repubblika Taljana enfasizzat il-koerenza tagħhom. Dawn l-effetti jirriżultaw pjuttost, kif ġustament issostni l-Kummissjoni mill-għażla li l-profitti inkwistjoni jintrabtu mal-bażi taxxabbli, ħaġa li tikkostitwixxi għażla stramba fil-loġika ta’ sistema fiskali. Fi kliem ieħor, il-vantaġġi, intiżi bħala regola sabiex jippromwovu l-kwotazzjoni f’suq regolat, japplikaw għall-bażi taxxabbli, li ma għandha ebda rabta mal-kwotazzjoni. B’hekk, għalkemm l-oriġini tal-vantaġġ jinsab fil-kwotazzjoni, l-iskema tal-għajnuna twassal, fil-prattika, għal vantaġġi differenti skont jekk il-benefiċjarju huwiex stabbilit, prinċipalment, fl-Italja jew xi mkien ieħor.

143    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li t-tielet motiv inkwantu huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-effet tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

144    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Taljana tiddubita mill-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward taż-żewġ kundizzjonijiet dwar l-effet ħażin fuq il-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

145    Skont ir-Repubblika Taljana, l-effet ħażin fuq il-kompetizzjoni huwa, minnu nnifsu, bidla fl-ekwilibriju kompetittiv eżistenti, jiġifieri effet li jista’ jiġi evalwat biss fuq perijodu pjuttost twil. Il-Kummissjoni ma ppreċiżatx ir-raġunijiet għaliex, minkejja t-terminu qasir tagħhom u l-ammont żgħir tagħhom, il-miżuri inkwistjoni kellhom madankollu fihom infushom il-potenzjal li jbiddlu l-ekwilibriju kompetittiv b’mod permanenti. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana, sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni kellha tagħmel analiżi, anki jekk ġenerali, kemm tas-setturi li fihom setgħu joperaw il-benefiċjarji differenti tal-miżuri inkwistjoni, kif ukoll tas-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti f’dawn is-setturi, tinvoka l-ġurisprudenza li tipprovdi li għajnuna f’ammonti relativament żgħar jistgħu jkollhom effett fuq il-kummerċ “meta s-settur li fih topera l-impriża li bbenefikat minnha huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni kbira”. Skont ir-Repubblika Taljana, f’dan il-każ, din l-analiżi ma saritx.

146    Il-Kummissjoni, minkejja l-fatt li analiżi ekonomika kienet meħtieġa, ikkuntent ruħha b’affermazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn is-setturi Komunitarji u dawk li huma sempliċiment ta’ interess nazzjonali, għalkemm aċċettat li ċerti benefiċjarji setgħu joperaw fis-setturi msemmija l-aħħar.

147    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wrietx li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għall-operat. Bil-kontra, dawn il-miżuri kienu intiżi, skont ir-Repubblika Taljana, sabiex jiffavorixxu t-tisħiħ tal-patrimonju tal-kumpanniji wara l-kwotazzjoni tagħhom. Għalhekk, minħabba l-fatt li huma involuti miżuri ta’ portata strutturali u mhux għajnuna għall-amministrazzjoni ordinarja, il-Kummissjoni kellha tanalizza l-allegat effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni.

148    F’dak li jikkonċenra b’mod partikolari d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fir-rigward tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-operaturi l-iktar importanti fis-suq, il-vantaġġ fiskali, li jista’ jirrappreżenta tfaddil totali ta’ EUR 11.7 miljun għat-tliet snin ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa, mhuwiex fih innifsu tali li jkollu effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-impriżi, sakemm ma ssirx investigazzjoni iktar fid-dettall li fil-każ preżenti ma saritx.

149    Fl-aħħar nett, peress illi t-tnaqqis tar-rata huwa intiż sabiex ipoġġi fuq livell ugwali l-kumpanniji li għadhom kemm ġew ikkwotati, liema kumpanniji sostnew spejjeż kbar, u l-kumpanniji li mhumiex ikkwotati u li ma ġewx ammessi biex jiġu kkwotati, dan it-tnaqqis ma jinvolvix vantaġġ għall-kumpanniji kkwotati u, minħabba dan il-fatt, ma jwassal għal ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

151    L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.

152    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata, mhux li turi l-effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 111, u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna. Għalhekk, mhuwiex neċessarju li impriża benefiċjarja tipparteċipa hija stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista’ tiġi mantnuta jew tiżdied bil-konsegwenza li jonqsu l-possibbiltajiet għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat. Barra minn hekk, tisħiħ ta’ impriża li, s’issa, ma kinitx tipparteċipa f’kummerċ intra-Komunitarju jista’ jpoġġiha f’pożizzjoni li tippermettilha tippenetra suq ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 115 u 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Anki għajnuna ta’ importanza relativament żgħira tista’ tkun tali li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta s-setturi li fihom joperaw l-impriżi benefiċjarji jkunu kompetittivi ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 49).

155    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni jew riskju ta’ tali distorsjoni meta awtorità pubblika tiffavorixxi lil impriża li topera f’settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa billi tagħtiha vantaġġ. Jekk il-vantaġġ huwa minimu, il-kompetizzjoni tiġi distorta b’mod minimu, imma xorta jibqa’ l-fatt li tkun ġiet distorta. Issa, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 87(1) KE tapplika għal kull għajnuna li tkkawża distorsjoni jew thedded li tkkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, ikun xi jkun l-ammont tagħha, sa fejn hija taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri (sentenza Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 46).

156    Jirriżulta mill-premessi 34 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, eżaminat jekk il-miżuri inkwistjoni jistgħux jgħawġu l-kompetizzjoni u jekk jolqtux il-kummerċ bejn Stati Membri. Skont hija, il-miżuri inkwistjoni jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva u l-kapaċità finanzjarja tal-kumpanniji benefiċjarji li jistgħu joperaw fi swieq internazzjonali u fi swieq ikkaratterizzati minn kompetizzjoni intensa; dan, barra minn hekk, jista’ jiffavorixxi l-benefiċjarji Taljani li joperaw fi swieq fejn isir kummerċ intra-Komunitarju. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li l-kumpanniji benefiċjarji jappartjenu għal setturi differenti, ilkoll miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali, u jvarjaw mis-settur tal-manifattura sas-servizzi ta’ utilità pubblika, u tqis li l-profitt mit-tnaqqis fiskali mogħti huwa kunsiderevoli, għaliex jista’ jlaħħaq EUR 11.7 miljun għal kull benefiċjarju matul it-tliet snin ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna.

157    Issa, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni la kienet marbuta turi effet ħazin “permanenti” fuq il-kompetizzjoni, la tagħmel investigazzjoni iktar dettaljata fuq l-effett sostanziali tal-miżuri inkwistjoni fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji u wisq inqas fir-rigward tad-dħul tagħhom. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma titlobx li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew it-theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, u l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jkunu kunsiderevoli jew notevoli (sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 78). Barra minn hekk, fil-każ preżenti, kif ġie stabbilit fil-punti 155 u 156 iktar ’il fuq, il-fatt, imsemmi mir-Repubblika Taljana, li l-għajnuna mhijiex kbira mhuwiex rilevanti għaliex l-impriżi benefiċjarji joperaw f’setturi miftuħa għall-kompetizzjoni.

158    Barra minn hekk, kif diġà ġie stabbilit fil-punt 87 iktar ’il fuq, peress illi din hija għajnuna li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, id-deċiżjoni li kkonstatat l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni ma għandhiex bilfors tkun ibbażata fuq it-turija tal-effet reali ta’ din l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni jew fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

159    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-fatt li numru mill-impriżi benefiċjarji setgħu joperaw fuq swieq li huma ta’ interess nazzjonali biss, lanqas ma jimponi fuq il-Kummissjoni l-ħtieġa li tagħmel analiżi approfondita.

160    F’kull każ, kif ġie stabbiliti fil-punt 69 iktar ’il fuq, fil-każ ta’ sistema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għal analiżi tal-karatteristiċi ġenerali tas-sistema inkwistjoni mingħajr ma tkun obbligata teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari sabiex tivverifika jekk is-sistema fihiex elementi ta’ għajnuna. Il-fatt li, jekk ikun il-każ, jipprofittaw ukoll benefiċjarji li joperaw biss fuq swieq ta’ interess nazzjonali ma jaffettwax din il-konstatazzjoni, li hija biżżejjed għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE għal sistema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 91 u 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Taljana bbażat fuq il-fatt li t-tnaqqis tar-rata tat-taxxa huwa intiż, essenzjalment, sabiex jinnewtralizza l-iżvantaġġ li l-impriżi benefiċjarji jsofru minħabba l-kwotazzjoni tagħhom, il-fatt li l-miżuri statali inkwistjoni huma intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż żejda li l-impriżi benefiċjarji kellhom jassumu minħabba l-kwotazzjoni tagħhom, ma jfissirx li l-miżuri jistgħu jaħarbu mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza vs Il-Kummissjoni, C-251/97, Ġabra p. I-6639, punt 47).

162    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, id-distinzjoni li r-Repubblika Taljana tipprova tagħmel bejn għajnuna għall-operat u għajnuna ta’ portata strutturali, hija, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 152 sa 155 iktar ’il fuq, irrilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-motiv preżenti. Fil-fatt, kull għotja ta’ għajnuna lill-impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjoni għall-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri (sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 72).

163    B’hekk, ir-raba’ motiv, inkwantu huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għall-operat u l-inkompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni

 L-argumenti tal-partijiet

164    Ir-Repubblika Taljana tkkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna mas-suq komuni.

165    L-ewwel nett, hija ssostni, li anki li kieku l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għall-operat, dan ma jwaqqafhomx milli jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tinvoka wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/410/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-iskema ta’ għajnuna li Franza qed tippjana li timplementa favur is-settur tal-portijiet Franċiż (ĠU 2000, L 155, p. 52), [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fiha l-Kummissjoni aċċettat il-legalità ta’ għajnuna għall-operat fil-każ ta’ ċertu numru ta’ ċirkustanzi – pereżempju l-impatt ekonomiku limitat tal-għajnuna, il-fatt li l-benefiċjarji kienu impriżi żgħar jew ta’ daqs medju, u n-nuqqas ta’ oġġezzjoni mnn terzi interessati. Fil-każ preżenti, skont ir-Repubblika Taljana, dawn iċ-ċirkustanzi huma preżenti wkoll. Il-Kummissjoni għalhekk imissha aċċettat il-legalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jew, għallinqas, imissha mmotivat il-konklużjoni tagħha speċifikament fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-iskema mas-suq komuni, li ma setgħetx tiġi bbażata fuq il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna għall-operat.

166    It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu f’kull każ għajnuna għall-investiment għaliex il-kwotazzjoni f’Borża twassal għal infiq inerenti f’operazzjoni ta’ tisħiħ patrimonjali u strutturali tal-kumpanniji benefiċjarji u għalhekk għal spejjeż b’effet fiż-żmien, jiġifieri investimenti.

167    It-tielet nett, ir-Repubblika Taljana tqis li l-għan tal-miżuri inkwistjoni, jiġifieri li l-kwotazzjonijiet fil-Borża jiżdiedu u jiġi inkoraġġuti, huwa għan speċifiku tal-politika ekonomika li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

168    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

169    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna ġdida ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fid-dawl ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, fl-ipoteżi li din tkun ġiet stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punti 52 u 53, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra p. II-2123, punt 177).

171    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni, fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet li l-miżuri inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna għall-operat li ma taqax taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE, li tikkonċerna l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ċerti reġjunu ekonomiċi, u għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni, billi ppreċiżat li “l-vantaġġi fiskali mogħtija mill-iskema inkwistjoni mhumiex marbuta ma’ investimenti speċifiċi, mal-ħolqien tax-xogħol jew ma’ proġetti speċifiċi”.

172    Issa, din il-konstatazzjoni ma tistax titqies ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-miżuri inkwistjoni mhumiex intiżi sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ attività jew ta’ reġjun ekonomiku, imma sempliċiment li jnaqqsu l-ispejjeż li l-impriżi kkonċernati normalment ibatu fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom.

173    L-ewwel nett, fir-rigward tal-possibbiltà li l-iskema ta’ għajnuna, anki fil-kwalità tagħha ta’ għajnuna għall-operat, tista’, kif issostni r-Repubblika Taljana, titqies kompatibbli mas-suq komuni, għandu jitfakkar li, bħala regola, l-għajnuna għall-operat ma taqax taħt il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, għaliex hija tkkawża distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-setturi fejn hija ngħatat mingħajr ma hija, minħabba n-natura tagħha stess, kapaċi tilħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Din l-għajnuna ma tistax titqies kompatibbli mas-suq komuni ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Issa, kif jirriżulta mill-proċess u mid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-każijiet eċċezzjonali ma kinux possibbli f’dan il-każ u lanqas ma ġew allegati mill-awtoritajiet Taljani li għandhom l-obbligu li jipprovdu l-informazzjoni kollha li tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tad-deroga mitluba humiex sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 170 iktar ’il fuq, punt 129, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 170 iktar ’il fuq, ma jistgħux jitqajmu dubji dwar din il-konstatazzjoni minħabba l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, anki jekk jitqies li hija stabbilita.

175    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegata natura tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għall-investiment, il-Kummissjoni, kif ġie pprovdut fil-punt 171 iktar ’il fuq, ġustament eskludiet din il-klassifikazzjoni fid-dawl tal-fatt li l-vantaġġi fiskali mogħtija ma għandhom l-ebda rabta mal-investimenti speċifiċi, mal-ħolqien tax-xogħol, jew ma’ proġetti partikolari,. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma ressqet l-ebda prova biex issaħħaħ l-allegazzjoni tagħha fir-rigward ta’ din il-klassifikazzjoni.

176    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-miżuri jistgħu jiġu ġġustifikati bħala miżuri intiżi li jżidu u jippromovu l-kwotazzjonijet fil-Borża, għandha ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni dwar it-tnaqqis tat-taxxa, previst fl-Artikolu 11 tad-DL 269/2003 u dik dwar it-tnaqqis mid-dħul taxxabbli tal-ispejjeż tal-kwotazzjoni li jiżdied mat-tnaqqis normali ta’ dawn l-istess spejjeż, previst fil-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003.

177    Peress illi t-tnaqqis tat-taxxa huwa marbut mad-dħul globali tal-benefiċjarji, huwa mhuwiex marbut direttament mal-ispejjeż tal-kwotazzjoni jew ma’ żvantaggi allegati oħra li jirriżultaw mill-kwotazzjoni. Għaldaqstant, huwa qatt ma jista’ jiġi kklassifikat bħala miżura intiża sabiex tippromwovi l-kwotazzjonijiet fil-Borża. B’hekk, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma wettqietx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

178    Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tad-dħul taxxabbli, previst fl-Artikolu 1(1)(d) tad-DL 269/2003, sa fejn huwa marbut mal-ispejjeż inerenti fil-kwotazzjoni, jista’, bħala regola, jitqies li huwa intiż li jippromovi l-kwotazzjoni fil-Borża. B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostniet li l-imsemmija miżura ma kellhiex għan li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

179    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju (ara l-punt 169 iktar ’il fuq).

180    Għandu jitfakkar ukoll li l-għajnuna għall-operat mhijiex ikkunsidrata bħala li hija ta’ tali natura li tikkontribbwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 87(3) KE u, kif ġie ppreċiżat fil-punt 174 iktar ’il fuq, tista’ tiġi awtorizzata biss f’każijiet eċċezzjonali.

181    Issa, il-Kummissjoni, fil-każ preżenti, eskludiet li l-miżuri inkwistjoni jistgħu jiġu ġġustifikati fil-kuntest tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE għaliex huma jikkostitwixxu għajnuna għall-operat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tippreċiża li “l-vantaġġi fiskali mogħtija mill-iskema […] jikkostitwixxu sempliċiment tnaqqis mill-ispejjeż li l-impriżi kkonċernati normalment għandhom ibatu fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u għandhom għalhekk jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat għall-operat li hija inkompatibbli mas-suq komuni” (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

182    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-kwotazzjoni fil-Borża, fiha nnifisha, mhijiex investiment speċifiku għaliex hija la tikkostitwixxi nfiq f’invesitmenti tanġibbli jew intanġibbli u lanqas infiq għar-reklutaġġ ta’ persunal ġdid marbut ma’ investiment ġdid. Hija tikkostitwixxi pjuttost operazzjoni kumplessa li permezz tagħha l-kumpanniji li jridu jiġu kkwotati għandhom għanijiet finanzjarji marbuta mal-aċċess għal sorsi partikolari ta’ kapital.

183    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-miżuri inkwistjoni huma intiżi sabiex iżidu n-numru ta’ kumpanniji kkwotati fil-Borża – ħaġa li, skont ir-Repubblika Taljana, tikkostitwixxi għan tal-politika ekonomika nazzjonali – mhuwiex biżżejjed sabiex il-miżuri inkwistjoni jaqgħu taħt id-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-għajnuna inkwistjoni ma tissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet li jipprovdu li l-għajnuna għandha tkun maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġuni ekonomiċi u li l-għajnuna ma għandhiex tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

184    B’hekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummisjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għall-operat li hija inkompatibbli mas-suq komuni u li ma taqax taħt id-deroga stabbilita mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

185    Għaldaqstant, il-ħames motiv, inkwantu huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, għandu wkoll jiġi miċħud.

186    Peress illi fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha fuq imsemmija, l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-Repubblika Taljana ma jista’ jintlaqa’, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

187    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok illi hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Settembru 2009.

Firem



Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Miżuri nazzjonali inkwistjoni

2.  Il-proċeduri amministrattivi u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju fir-rigward tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-parti tat-tielet motiv ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-eżistenza fl-ordinament ġuridiku Taljan ta’ miżura li għandha karatteristiċi simili għall-miżuri inkwistjoni

Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżuri inkwistjoni

Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-effett tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intra-Komunitarju

Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni

3.  Fuq il-ksur tal-Artikolu 87 KE

Fuq is-selettività tal-vantaġġ mogħti lill-kumpanniji reċentement ikkwotati fil-Borża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Fuq in-natura a priori selettiva tal-miżuri inkwistjoni

–  Fuq il-ġustifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni min-natura jew mill-istruttura tas-sistema fiskali Taljana

Fuq l-effet tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għall-operat u l-inkompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.