Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-103/06

Philippe Derouin

         vs     

Union pour le recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales de Paris − Région parisienne (Urssaf de Paris − Région parisienne)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mit-Tribunal des affaires de sécurité sociale de Paris)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Persuni li jaħdmu għal rashom li jirrisjedu u li jeżerċitaw attività fi Franza — Kontribuzzjoni soċjali ġeneralizzata — Kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali — Teħid in kunsiderazzjoni ta’ dħul magħmul fi Stat Membru ieħor u suġġett hemmhekk għat-taxxa skond ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja”

Sommarju tas-sentenza

Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Kompetenza ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom

(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71)

Ir-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 307/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru, li l-leġiżlazzjoni soċjali tiegħu biss hi applikabbli għal ħaddiem residenti li jaħdem għal rasu, milli jeskludi mill-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet bħall-kontribuzzjoni soċjali ġeneralizzata u l-kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali, id-dħul magħmul mill-imsemmi ħaddiem fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul.

(ara l-punt 32 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ April 2008 (*)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Persuni li jaħdmu għal rashom li jirrisjedu u li jeżerċitaw attività fi Franza – Kontribuzzjoni soċjali ġeneralizzata – Kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali – Teħid in kunsiderazzjoni ta’ dħul magħmul fi Stat Membru ieħor u suġġett hemmhekk għat-taxxa skond ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja”

Fil-kawża C-103/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal des affaires de sécurité sociale de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2006, fil-proċeduri

Philippe Derouin

vs

Union pour le recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales de Paris − Région parisienne (Urssaf de Paris − Région parisienne),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. Derouin, minn P. Langlois u E. Piwnica, avocats,

–        għall-Union pour le recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales de Paris – Région parisienne (Urssaf de Paris – Région parisienne), minn J.-J. Gatineau, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u O. Christmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn S. Moore, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru (KEE) 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999 tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU L 38, p. 1, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Derouin u l-Union pour le recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales de Paris − Région parisienne (Urssaf de Paris − Région parisienne) (iktar’il quddiem il-“Urssaf”) dwar il-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni soċjali ġeneralizzata u tal-kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali (iktar’il quddiem, rispettivament, is-“CSG” u s-“CRDS”) dovuti minn P. Derouin.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond l-Artikolu 2(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1408/71 “għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom”.

4        L-Artikolu 13 ta’ l-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.      Soġġetta għall-Artikoli 14 sa 17:

[…]

b)      persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

5        L-Artikolu 14a ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-Artikolu 13(2)(b) għandu jgħodd soġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

2)      Persuna li normalment taħdem għal rasha fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija tkun tgħix jekk hija twettaq kwalunkwe parti mill-attività tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. […]

[...]”

6        L-Artikolu 14d(1) tar-Regolament 1408/71 jipprovdi:

“Il-persuna li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 14a(2), (3) u (4) [...] għandha tiġi ttrattata, għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni stabbilita bi qbil ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, bħallikieku hija wettqet l-attività jew l-attivitajiet professjonali tagħha kollha fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Is-CSG ġiet introdotta mil-liġi finanzjarja nru 90-1168 tad-29 ta’ Diċembru 1990 (JORF tat-30 ta’ Diċembru 1990, p. 16367), u d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha kienu ġew ikkodifikati fl-Artikoli L. 136-1 et seq tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali.

8         Skond l-Artikolu L. 136-1 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali:

“Din il-liġi tistabbilixxi kontribuzzjoni soċjali fuq id-dħul mix-xogħol u fuq id-dħul ta’ sostituzzjoni li għandha tiġi imposta fuq:

1°       Persuni fiżiċi li huma kkunsidrati bħala ddomiċiljati fi Franza għall-finijiet tat-tat-taxxa fuq id-dħul u li fl-istess ħin, huma, bi kwalunkwe titolu, koperti minn skema obbligatorja Franċiża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard;

2°       L-aġenti ta’ l-Istat, ta’ l-organizzazzjonijiet lokali u ta’ l-istituzzjonijiet pubbliċi tagħhom ta’ natura amministrattiva li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom jew huma responsabbli mill-missjonijiet barra minn Franza, fejn ir-remunerazzjoni tagħhom hija taxxabbli fi Franza u li jkunu koperti, bi kwalunkwe titolu, minn skema obbligatorja Franċiża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard”.

9        Is-CRDS ġiet stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 14-1 tad-digriet nru 96-50, ta’ l-24 ta’ Jannar 1996, dwar il-ħlas lura tad-dejn soċjali (JORF tal-25 ta’ Jannar 1996, p. 1226), li jipprovdi:

“Din il-liġi tistabbilixxi kontribuzzjoni fuq id-dħul mix-xogħol u ta’ sostituzzjoni msemmija fl-Artikoli L. 136-2 sa L. 136-4 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, bl-eċċezzjoni tad-dħul minn sors barrani previst fl-Artikolu 15-III(1) ta’ iktar’il quddiem, magħmul mill-1 ta’ Frar 1996 sat-tmiem tal-missjonijiet previsti fl-Artikolu 2 mill-persuni fiżiċi indikati fl-Artikolu L. 136-1 ta’ l-istess kodiċi.

Din il-kontribuzzjoni hi imposta fuq id-dħul imsemmi u fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli L. 136-2 sa L. 136-4 u fl-Artikolu L. 136-8-III tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali”.

10      Il-Ftehim bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u Franza għall-ħelsien mit-taxxa doppja u ta’ l-evażjoni tat-taxxa fuq id-dħul, iffirmat f’Londra fit-22 ta’ Mejju 1968 (iktar’il quddiem il-“ftehim bilaterali”), tiddisponi fl-Artikolu 1 tagħha:

“1.       It-taxxi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim huma:

[…]

b)       Fir-rigward ta’ Franza, it-taxxa fuq id-dħul […], it-taxxa fuq il-kumpanniji u kull taxxa f’ras il-għajn, ħlas minn qabel u s-somom akkont ta’ l-ammont dovut fir-rigward ta’ dawn it-taxxi,

[…]

2.       Dan il-Ftehim japplika wkoll għal kull taxxa futura ta’ natura identika jew analoga li wieħed mill-Istati Kontraenti jew il-[g]vern ta’ wieħed mit-territorji li għalihom jiġi estiż il-Ftehim [...] jista’ jżid ma’ jew jissostitwixxi għat-taxxi attwali. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Kontraenti għandhom jikkomunikaw reċiprokament l-emendi li jsiru għal-leġiżlazzjonijiet fiskali rispettivi tagħhom”.

11      Mill-osservazzjonjiet ippreżentati mill-Gvern Franċiż jirriżulta li l-ftehim bilaterali se jiġi abrogat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Ftehim ġdid għall-ħelsien mit-taxxa doppja konkluż fit-28 ta’ Jannar 2004 bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati. Dan l-aħħar Ftehim isemmi espressament li s-CSG u s-CRDS fost it-“taxxi li għalihom japplika [dan il-Ftehim]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li P. Derouin:

–        jirrisjedi fi Franza, fejn jeżerċita għal rasu l-professjoni ta’ avukat u fl-istess ħin huwa soċju f’kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż, Linklaters (iktar’il quddiem il-“kumpannija”). Din ta’ l-aħħar għandha s-sede prinċipali tagħha fir-Renju Unit, iżda għandha uffiċċji wkoll fi Stati Membri oħrajn fosthom fi Franza, b’uffiċċju f’Pariġi (iktar’il quddiem l-“uffiċċju ta’ Pariġi”);

–        huwa rreġistrat bħala avukat fil-Cour d’appel ta’ Pariġi u fl-istess ħin bħala Registered Foreign Lawyer mas-Supreme Court of England and Wales;

–        jagħti s-servizzi tiegħu ta’ avukat fl-uffiċċju ta’ Pariġi;

–        jitħallas billi jingħata sehem mill-qligħ ta’ din il-kumpannija;

–        għandu d-domiċilju tiegħu, għall-finijiet ta’ taxxa, fi Franza, u jiġi intaxxat f’dak l-Istat Membru kif ukoll f’kull Stat Membru fejn il-kumpannija għandha uffiċċju, fuq is-sehem tiegħu mill-qligħ ta’ kull stabbiliment individwali;

–        hu kopert minn skema obbligatorja ta’ assigurazzjoni kontra l-mard fi Franza u huwa rreġistrat fl-Urssaf bħala persuna li taħdem għal rasha.

13      L-Urssaf ikkalkulat il-kontribuzzjonijiet għall-allowances tal-familja kif ukoll is-CSG u s-CRDS dovuti minn P. Derouin fuq il-qligħ mix-xogħol magħmul fi ħdan l-uffiċċju ta’ Pariġi kif ukoll fuq is-sehem tiegħu mill-qligħ magħmul mill-uffiċċji l-oħra tal-kumpannija. Mill-informazzjoni mogħtija matul il-proċedura orali jirriżulta li l-Urssaf talbet il-ħlas tas-CSG u tas-CRDS mingħand P. Derouin għal perijodi differenti relattivi għas-snin 2000 sa 2005.

14      P. Derouin ħallas il-kontribuzzjonijiet għall-allowances tal-familja hekk kif ikkalkulati fuq id-dħul kollu tiegħu mix-xogħol (b’hekk, inkluż dak provenjenti mir-Renju Unit), iżda huwa qed jikkontesta quddiem it-tribunal des affaires de sécurité sociale de Paris il-ħlas tas-CSG u tas-CRDS ikkalkulati fuq id-dħul mir-Renju Unit, għaliex dawn il-kontribuzzjonijiet mhumiex kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, iżda taxxi, u għaliex, billi d-dħul mir-Renju Unit jiġi ntaxxat f’dan l-Istat Membru skond il-ftehim bilaterali, huwa biss id-dħul taxxabbli fi Franza li jista’ jiġi suġġett għas-CSG u għas-CRDS.

15      Min-naħa l-oħra, l-Urssaf issostni li dawn huma kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u li għalhekk għandhom jiġu kkalkolati fuq id-dħul kollu ta’ P. Derouin, kemm mir-Renju Unit kif ukoll minn Franża.

16      B’deċiżjoni tat-12 ta’ April 2005, it-Tribunal des affaires de sécurité sociale ta’ Pariġi, talab lill-Cour de cassation sabiex tiċċara jekk is-CSG u s-CRDS għandhomx jiġu kkunsidrati bħala taxxi skond il-ftehim bilaterali.

17      Skond l-opinjoni tal-Cour de cassation tat-2 ta’ Settembru 2005, “il-kwistjoni jekk ir-Regolament Nru 1408/71 […] għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li ftehim , bħal dak [bilaterali] […], jistabbilixxi li d-dħul mir-Renju Unit ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom residenti fi Franza u koperti minn skema tas-sigurtà soċjali Franċiża jiġi eskluż mill-bażi tal-kalkolu tas-[CSG] u tas-[CRDS] imposti fi Franza, għandha tiġi riżolta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-Artikolu 234 [...] KE […]”.

18      Billi l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi minn jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim għas-CSG u s-CRDS tmurx kontra d-dritt Komunitarju, it-Tribunal des affaires de sécurité sociale ta’ Pariġi ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“Ir-Regolament Nru 1408/71 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil ftehim, bħall-ftehim [bilaterali], milli jistabbilixxi li d-dħul magħmul fir-Renju Unit minn ħaddiema residenti fi Franza u li huma koperti minn skema tas-sigurtà soċjali f’dan l-Istat jiġi eskluż mill-bażi ta’ kalkolu tas-[CSG] u tas-[CRDS] applikati fi Franza?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Id-domanda magħmula, essenzjalment, għandha l-għan li tistabbilixxi jekk Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija applikabbli skond ir-Regolament Nru 1408/71 huwiex liberu li jistabbilixxi l-bażi tal-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet bħas-CSG u s-CRDS jew jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmi regolament jimponi fuq dan l-Istat Membru l-obbligu li jinkludi fil-bażi tal-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet bħal dawn id-dħul minn Stat Membru ieħor, mingħajr ma jista’ jirrinunzja għall-impożizzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet fuq l-imsemmi dħul.

20      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-għan tar-Regolament Nru 1408/71 huwa li jiġi assigurat, hekk kif jgħidu t-tieni u r-raba’ premessi tiegħu, il-moviment ħieles ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom fil-Komunità Ewropea, b’rispett sħiħ għall-karatteristiċi proprji għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali. F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ħames, sitt u għaxar premessi tiegħu, dan ir-regolament iħaddan il-prinċipju tat-trattament ugwali tal-ħaddiema skond il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali varji u għandu l-għan li jiggaratixxi bl-aħjar mod it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll li ma jiġux ippenalizzati dawk fosthom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu. Is-sistema implementata bir-Regolament Nru 1408/71 hija biss sistema ta’ koordinazzjoni, li tirregola b’mod partikolari l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni jew leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li f’ċirkustanzi differenti, jużaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C-493/04, Ġabra p. I-2369, punti 19 u 20, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2006, Nikula, C-50/05, Ġabra p. I-7029, punt 20).

21      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 għal persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ P. Derouin, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li P. Derouin għandu l-kwalità ta’ persuna migranti li taħdem għal rasha, residenti fi Franza u li taħdem għal rasha fi Franza u fir-Renju Unit, b’mod li huwa jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Regolament skond l-Artikolu 14a (2) tiegħu. Minn dan isegwi li l-persuna kkonċernata, skond din id-dispożizzjoni, hija esklużivament suġġetta għal-leġiżlazzjoni Franċiża. Il-Gvern tar-Renju Unit barra minn hekk ikkonferma fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali li dan l-aħħar imsemmi Stat Membru ma jiġbor l-ebda kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali fuq id-dħul miksub mill-parti kkonċernata fit-territorju tiegħu.

22      Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 għas-CSG u għas-CRDS, il-Qorti ddeċidiet li dawn il-kontribuzzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li ma jistax jiġi aċċettat l-argument li s-CSG u s-CRDS, safejn dawn ikunu kklassifikati bħala taxxi, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi regolament. Hija żżid li l-fatt li kontribuzzjoni tkun ikklassifikata bħala taxxa minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma jfissirx li, fir-rigward ta’ dan ir-regolament, din l-istess kontribuzzjoni ma tistax tiġi meqjusa bħala li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-34/98, Ġabra p. I-995, punti 33 u 34, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Franza, C-169/98, Ġabra p. I-1049, punti 31 u 32). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tassumi li l-kontribuzzjonijiet in kwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

23      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt Komunitarju ma jaffettwax is-setgħa ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema tagħhom tas-sigurtà soċjali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet, C-385/99, Ġabra p. I-4509, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      B’mod aktar partikolari, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet soċjali, skond ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru kkonċernat li għandha tiddetermina d-dħul li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nikula, iċċitata iktar’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Ċertament huwa importanti li fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat jirrispetta d-dritt Komunitarju (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, punt 34, u tas-7 ta’ Lulju 2005, van Pommeren-Bourgondiën, C-227/03, Ġabra p. I-6101, punt 39). Is-setgħa ta’ l-Istati Membri b’hekk mhijiex illimitata, peress li dawn ta’ l-aħħar huma b’mod partikolari marbuta li josservaw l-ispirtu u l-prinċipji tar-Regolament Nru 1408/71, fosthom dak ta’ l-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li jiżguraw li persuna ma tkunx penalizzata fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha tal-moviment liberu u li jiżguraw li l-iskema żviluppata b’dan il-mod ma ċċaħadx lil din il-persuna mill-protezzjoni soċjali.

26      B’hekk jirriżulta mill-ġurisprudenza kollha ċċitata fil-punti 23 sa 25 ta’ din is-sentenza li, peress li r-Regolament Nru 1408/71 huwa strument ta’ koordinazzjoni, u mhux ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa jiddeterminaw il-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet bħas-CGS u s-CRDS.

27      Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju jirriżulta li Stat Membru huwa ġustifikat li jirrinunzja, unilateralment jew fil-kuntest ta’ ftehim fiskali bħall-ftehim bilaterali, li jinkludi, fil-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet bħas-CSG u s-CRDS, id-dħul miksub fi Stat Membru ieħor minn persuna residenti li taħdem għal rasha li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għalkemm huwa paċifiku li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma tipprojbixxi lil Stat Membru li jikkalkola l-ammont tal-kontribuzzjonijiet soċjali ta’ resident fuq id-dħul kollu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nikula, iċċitata iktar’il fuq, punt 31), għandu jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni ta’ l-istess regolament ma tobbligah jagħmel dan.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-argument sostnut fil-proċedura orali mill-Urssaf, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li d-duttrina li tirriżulta mis-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Allard (C-249/04, Ġabra p. I-4535), bħala prinċipju tobbliga lill-Istati Membri jinkludu fil-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet soċjali d-dħul kollu tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ P. Derouin, l-imsemmija duttrina mhijiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal din.

29      Fil-fatt, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Allard, iċċitata iktar’il fuq, l-Istat Membru ta’ residenza tal-parti kkonċernata kien għażel li jinkludi fil-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali d-dħul kollu ta’ dan ta’ l-aħħar miksub kemm fit-territorju tiegħu kif ukoll f’dak ta’ Stat Membru ieħor, hekk kif awtorizzat bir-Regolament Nru 1408/71. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli skond ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet ta’ dan ir-regolament, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-parti kkonċernata kellhom jiġu kkalkulati billi jiġi kkunsidrat id-dħul kollu tagħha.

30      Konsegwentement, is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Allard, iċċitata iktar’il fuq, ma tistax tiġi applikata f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali f’dan il-każ, fejn l-esklużjoni tad-dħul minn sors barrani mill-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet soċjali kkonċernati tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali applikabbli.

31      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-esklużjoni mill-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tad-dħul minn sors barrani ta’ ħaddiem ma jistax ikollha bħala konsegwenza li jiġi affettwat id-dritt ta’ l-imsemmi ħaddiem li jirċievi l-benefiċċji kollha previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa effettivament il-każ fis-sitwazzjoni in kwistjoni f’dan il-każ.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hi li r-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru, li l-leġiżlazzjoni soċjali tiegħu biss hi applikabbli għal ħaddiem residenti li jaħdem għal rasu, milli jeskludi mill-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet bħas-CSG u s-CRDS id-dħul magħmul mill-imsemmi ħaddiem fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999 tat-8 ta’ Frar 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru, li l-leġiżlazzjoni soċjali tiegħu biss hi applikabbli għal ħaddiem residenti li jaħdem għal rasu, milli jeskludi mill-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet bħall-kontribuzzjoni soċjali ġeneralizzata u l-kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali, id-dħul magħmul mill-imsemmi ħaddiem fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.