Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2007 1(1)

Kawża C-103/06

Philippe Derouin

vs

Union pour le Recouvrement des Cotisations de Sécurité Sociale et d’Allocations Familiales de Paris - Région parisienne (Urssaf)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal des affaires de sécurité sociale ta’ Pariġi (Franza)]

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 8, 14a(2) u 14d(1) – Persuni li jaħdmu għal rashom – Kontribuzzjoni soċjali ġeneralizzata – Kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali – Teħid in kunsiderazzjoni ta’ dħul magħmul fi Stat Membru ieħor u suġġett hemmhekk għat-taxxa skond ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta r-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996(2), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998(3) (iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”)(4), u r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim ta’ natura fiskali, li f’dan il-każ ġie konkluż bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja tad-dħul li tagħmel persuna li taħdem għal rasha li tirrisjedi fi Franza u koperta minn sigurtà soċjali f’dan l-Istat Membru, imma li fl-istess ħin tagħmel xogħol professjonali mhux bħala impjegat f’dawn iż-żewġ Stati Membri.

2.        B’mod iktar preċiż, għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli, f’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża, jirrinunzja, skond il-ftehim fuq imsemmi, li jiġbor fuq parti mid-dħul mill-attivitajiet ta’ l-imsemmija persuna li taħdem għal rasha kontribuzzjonijiet li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3.        Skond l-Artikolu 2(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1408/71 “għandu japplika għal persuni impjegati jew għal persuni li jaħdmu għal rashom li huma jew kienu soġġetti għall-leġiżlazzjoni ta’ Membru wieħed jew iktar u li huma ċ-ċittadini nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni mingħajr Stat jew rifuġjati li jirrisjedu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u s-superstiti tagħhom”.

4.        L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li “Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu”.

5.        Skond l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, bla ħsara għall-Artikoli 14 sa 17 ta’ dan ir-Regolament, persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat anki jekk tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

6.        Skond l-Artikolu 14a tar-Regolament imsemmi, “L-Artikolu 13(2)(b) għandu jgħodd soġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[...]

2)      Persuna li normalment taħdem għal rasha fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija tkun tgħix jekk hija twettaq kwalunkwe parti mill-attività tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”

7.        Skond l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament 1408/71, “Il-persuna li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 14a(2), (3) u (4) [...] għandha tiġi ttrattata, għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni stabbilita bi qbil ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, bħallikieku hija wettqet l-attività jew l-attivitajiet professjonali tagħha kollha fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat”.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit

8.        Il-kontribuzzjoni soċjali ġeneralizzata (iktar’il quddiem is-“CSG”) ġiet introdotta mil-liġi finanzjarja nru 90-1168 tad-29 ta’ Diċembru 1990(5), u d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha kienu ġew ikkodifikati fl-Artikoli L. 136-1 et seq tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali.

9.        Skond l-Artikolu L. 136-1 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, is-CSG tinġabar mid-dħul mix-xogħol u ta’ sostituzzjoni ta’ persuni fiżiċi ddomiċiljati fi Franza għall-finijiet ta’ tassazzjoni u li fl-istess ħin, huma, bi kwalunkwe titolu, koperti minn skema obbligatorja Franċiża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard. Anki d-dħul professjonali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom huwa suġġett għas-CSG. Skond l-Artikolu L.136-5 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, is-CSG fuq id-dħul minn xogħol jinġabar mill-istituzzjonijiet inkarigati mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali skond ir-regoli u bil-garanziji u s-sanzjonijiet applikabbli għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema ġenerali għall-istess kategorija ta’ dħul. Skond l-Artikoli L.136-8 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, ir-rata tas-CSG miġbura minn dħul elenkat fl-Artikolu L. 136-1 tal-Kodiċi hi ta’ 7.5 % ta’ l-ammont gross(6). Is-somma komplessiva tas-CSG miġbura mid-dħul mix-xogħol u ta’ sostituzzjoni titħallas, skond it-tqassim stabbilit fl-Artikolu L. 136-8-IV mill-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, lill-Fond nazzjonali għall-benefiċċji tal-familja, lill-Fond tas-solidarjetà tax-xjuħija(7), lill-iskemi obbligatorji ta’ assigurazzjoni kontra l-mard kif ukoll, mill-1 ta’ Lulju 2004, lill-Fond nazzjonali ta’ solidarjetà għall-awtonomija(8).

10.      Il-kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali (iktar’il quddiem is-“CRDS”) ġiet stabbilita mill-Artikolu 14-I tad-digriet nru 96-50, ta’ l-24 ta’ Jannar 1996, dwar il-ħlas lura tad-dejn soċjali(9). Is-CRDS tinġabar fuq id-dħul imsemmi u bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli L. 136-2 sa L. 136-4 u L. 136-8-III tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali. Ir-rata tagħha ġiet iffissata għal 0.5 % tad-dħul taxxabbli magħmul mill-1 ta’ Frar 1996 sal-31 ta’ Jannar 2009. Skond l-Artikolu 15(III)(1) tad-digriet 96-50, huwa suġġett ukoll għas-CRDS id-dħul minn xogħol u ta’ sostituzzjoni ta’ oriġini barranija li huwa suġġett, fi Franza, għat-taxxa fuq id-dħul, skond il-ftehim fiskali għall-ħelsien mit-taxxa doppja. Skond dan id-digriet is-somom miġburin mis-CRDS għandhom jiġu allokati lill-Fond għall-ħlas lura tad-dejn soċjali (CADES), istituzzjoni pubblika nazzjonali ta’ natura amministrattiva.

11.      Fit-22 ta’ Mejju 1968, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit iffirmaw Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja u ta’ l-evażjoni tat-taxxa fuq id-dħul (iktar’il quddiem il-“Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja”) li daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Ottubru 1969 (10).

12.      Skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, it-taxxi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja huma, fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, it-taxxa fuq il-kumpanniji u kull taxxa f’ras il-għajn, ħlas minn qabel u s-somom akkont ta’ l-ammont dovut fir-rigward ta’ dawn it-taxxi. L-Artikolu 1(2) jippreċiża li l-Ftehim “japplika wkoll għal kull taxxa futura ta’ natura identika jew analoga li wieħed mill-Istati Kontraenti jew il-Gvern ta’ wieħed mit-territorji li għalihom (...) jiġi estiż il-Ftehim (...) jista’ jżid ma’ jew jissostitwixxi għat-taxxi attwali. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Kontraenti għandhom jikkomunikaw reċiprokament l-emendi li jsiru għal-leġiżlazzjonijiet fiskali rispettivi tagħhom”.

13.      Skond l-Artikolu 14(1) tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, id-dħul li resident ta’ Stat Kontraenti jagħmel minn attivitajiet imwettqa għal rasu huwa taxxabbli biss f’dak l-Istat, sakemm huwa ma jkollux abitwalment fl-Istat Kontraenti l-ieħor sede fissa biex iwettaq dak ix-xogħol. F’dan il-każ, id-dħul huwa taxxabbli fl-Istat l-ieħor, iżda biss safejn huwa attribwibbli għall-imsemmija sede fissa. L-Artikolu 14(2) jiddefinixxi “attivitajiet imwettqa għal rasu” bħala l-attivitajiet kollha, minbarra l-attivitajiet kummerċjali, industrijali jew agrikoli, imwettqa minn persuna li tirċievi l-qligħ jew li tbati t-telf li jirriżulta minn dawn l-attivitajiet.

14.      Jirriżulta mill-proċess tal-kawża li l-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ser jiġi ssostitwit, mid-data tar-ratifika relattiva, mill-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja u l-evażjoni tat-taxxi fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-qligħ kapitali, iffirmat fit-28 ta’ Jannar 2004 mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju Unit. Dan l-aħħar ftehim isemmi espressament li s-CSG u s-CRDS jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

III – Il-kawża prinċipali u t-talba preliminari

15.      P. Derouin jirrisjedi fi Franza, fejn jeżerċita għal rasu l-professjoni ta’ avukat u fl-istess ħin huwa soċju f’kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż, Linklaters (iktar’il quddiem “Linklaters”). Linklaters għandha s-sede prinċipali tagħha fir-Renju Unit iżda għandha uffiċċji wkoll fi Stati Membri oħrajn fosthom fi Franza.

16.      P. Derouin huwa rreġistrat bħala avukat fil-Cour d’appel ta’ Pariġi (Franza) u fl-istess ħin bħala registered foreign lawyer mas-Supreme Court of England and Wales (ir-Renju Unit). Huwa jagħti s-servizzi tiegħu ta’ avukat fl-uffiċċju ta’ Linklaters f’Pariġi u r-remunerazzjoni tiegħu tikkonsisti f’sehem mill-qligħ ta’ Linklaters.

17.      Billi P. Derouin għandu d-domiċilju tiegħu, għall-finijiet ta’ taxxa, fi Franza, huwa jiġi intaxxat f’dak l-Istat kif ukoll f’kull Stat Membru fejn Linklaters għandha uffiċċju fuq is-sehem tiegħu mill-qligħ ta’ kull stabbiliment individwali.

18.      P. Derouin hu kopert minn skema obbligatorja ta’ assigurazzjoni kontra l-mard fi Franza u huwa rreġistrat fl-Union pour le recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales de Paris – Région parisienne (Unjoni għall-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u ta’ l-allowances għall-familji ta’ Pariġi, iktar’il quddiem l-“Urssaf”) bħala persuna li taħdem għal rasha.

19.      Mis-sena 2000, l-Urssaf ikkalkulat il-kontribuzzjonijiet għall-allowances tal-familja kif ukoll is-CSG u is-CRDS dovuti minn P. Derouin fuq il-qligħ mix-xogħol magħmul fi ħdan Linklaters fi Franza kif ukoll fuq is-sehem tal-qligħ magħmul minn Linklaters fir-Renju Unit.

20.      P. Derouin ħallas il-kontribuzzjonijiet dovuti għall-allowances tal-familja kkalkulati fuq id-dħul professjonali kollu tiegħu (inkluż dak ta’ oriġini Britannika). Madankollu, huwa jikkontesta l-ħlas tas-CSG u s-CRDS fuq dħul ta’ oriġini Britannika bl-argument li dawk kontribuzzjonijiet mhumiex kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, iżda taxxi. Fil-fehma tiegħu, billi d-dħul ta’ oriġini Britannika jiġi intaxxat fir-Renju Unit skond il-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, huwa biss id-dħul taxxabbli fi Franza li jista’ jiġi suġġett għas-CSG u għas-CRDS.

21.      Bil-kontra, l-Urssaf issostni li dawn huma kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li huma jidħlu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u li għalhekk għandhom jiġu kkalkolati fuq id-dħul kollu, kemm Britanniku kif ukoll Franċiż, magħmul minn P. Derouin.

22.      B’deċiżjoni tat-12 ta’ April 2005, it-Tribunal des affaires de sécurité sociale ta’ Pariġi (Tribunal għall-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali) (Franza), talab lill-Cour de cassation (Qorti ta’ Kassazzjoni) biex tiċċara jekk is-CSG u s-CRDS għandhomx jitqiesu li huma taxxa skond il-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

23.      Skond il-Cour de cassation, “il-kwistjoni jekk ir-Regolament Nru 1408/71 [...] għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li ftehim, bħal dak [għall-ħelsien mit-taxxa doppja], jistabbilixxi li d-dħul mir-Renju Unit ta’ ħaddiema residenti fi Franza u koperti minn skema tas-sigurtà soċjali Franċiża jiġi eskluż mill-bażi tal-kalkolu tas-[CSG] u tas-[CRDS] imposti fi Franza, għandha tiġi riżolta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej […]”.

24.      It-Tribunal des affaires de sécurité sociale ta’ Parigi, billi kkunsidra li l-kwistjoni tan-natura ġuridika tas-CSG u tas-CRDS hija determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u billi kkunsidra li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi minn jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja għas-CSG u s-CRDS tmurx kontra d-dritt Komunitarju, iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“Ir-Regolament Nru 1408/71 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil ftehim, bħall-ftehim [għall-ħelsien mit-taxxa doppja], milli jistabbilixxi li d-dħul magħmul fir-Renju Unit minn ħaddiema residenti fi Franza u li huma koperti minn skema tas-sigurtà soċjali f’dan l-Istat jiġi eskluż mill-bażi ta’ kalkolu tas-[CSG] u tas-[CRDS] applikati fi Franza?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      P. Derouin, l-Urssaf, il-Gvern Franċiż, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqu n-noti ta’ osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-trattazzjoni tagħhom instemgħet ukoll fis-seduta li saret fis-7 ta’ Marzu 2007.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

26.      Ir-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi sistema ta’ koordinazzjoni ta’ l-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri u fih sensiela ta’ dispożizzjonijiet li jiddeterminaw, għal kull każ partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali applikabbli. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi biex jiżguraw li persuna li tkun eżerċitat id-dritt tagħha tal-moviment liberu tkun suġġetta, bħala regola, għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss (l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ l-“uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli)”(11) u li b’hekk, hija tkun trid tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’dak l-Istat Membru biss. Is-sistema tas-soluzzjoni tal-kunflitti ta’ liġijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali, introdotta bir-Regolament Nru 1408/71, hija intiża biex, b’mod korollarju, tevita, b’mod partikolari, li ħaddiem li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jiġi espost, fir-rigward ta’ l-istess dħul, għat-tassazzjoni doppja(12).

27.      L-għanijiet tal-ftehim bilaterali għall-ħelsien mit-taxxa doppja tad-dħul minn xogħol professjonali mhumiex differenti ħafna minn dawk tar-Regolament Nru 1408/71 għal dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, filwaqt li dawk ta’ l-ewwel huma intiżi biex jippermettu lill-Istati Membri Kontraenti, fin-nuqqas ta’ miżuri rilevanti ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju, jaqsmu bejniethom il-kompetenzi fiskali b’mod li tiġi evitata jew titnaqqas it-tassazzjoni doppja ta’ l-istess dħul magħmul fi Stat wieħed jew ieħor(13), dak ta’ l-aħħar jipprojbixxi, bħala regola, li persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiġu suġġetti għall-ħlas doppju ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jirriżulta, fir-rigward ta’ l-istess dħul, jekk jiġu applikati simultanjament żewġ leġiżlazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tas-sigurtà soċjali(14).

28.      Għalhekk jista’ jingħad li r-regoli fuq is-soluzzjoni tal-kunflitti ta’ liġijiet iddefiniti fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ strumenti, wieħed internazzjonali u l-ieħor Komunitarju, japplikaw kull wieħed għas-suġġett li jirrigwardaw mingħajr ma, a priori, teżisti relazzjoni bejniethom u, a fortiori, relazzjoni ta’ kunflitt.

29.      Madankollu, is-sitwazzjoni hi reża iktar ikkumplikata mill-“mixja lejn l-iffinanzjar tas-sigurtà soċjali bit-tassazzjoni”, kif isejħulha xi wħud(15), li hi prattika jew fenomenu li jikkonsisti essenzjalment fl-iffinanzjar ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali permezz ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom, għall-inqas fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-karatteristiċi ta’ taxxi, imma li mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Kif ser nispjega f’dawn il-konklużjonijiet, f’sitwazzjoni bħal din, li hija preċiżament is-sitwazzjoni tal-kawża pinċipali, tinqala’ l-problema dwar ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1408/71 u l-ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja.

30.      Żgur li mhijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’tilwima fuq in-natura, fiskali jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, tas-CSG u/jew tas-CRDS.

31.      Madankollu, bħal fil-każ tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, fejn il-Qorti kkunsidrat li l-klassifikazzjoni bħala taxxa skond id-dritt intern ma kinitx teskludi li ż-żewġ kontribuzzjonijiet in kwistjoni setgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 billi kienu allokati speċifikament u direttament għall-iffinanzjar ta’ l-iskema tas-sigurtà soċjali fi Franza u kellhom b’hekk relazzjoni diretta u biżżejjed rilevanti mal-liġijiet li jirregolaw il-partijiet tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament imsemmi(16), ma nikkunsidrax, kuntrarajment għal dak li tissuġġerixxi l-motivazzjoni tad-digriet tar-rinviju, li f’dan il-każ partikolari l-Qorti għandha tiddefinixxi n-natura ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.

32.      F’dan il-każ huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif fil-fatt il-Gvern Franċiż ammetta fis-seduta, li ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma hi qed serjament tpoġġi fid-dubju, wara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza ċċitati iktar’il fuq kif ukoll, b’riferenza għas-CSG, is-sentenza − iktar riċenti u kemmxejn ambigwa − Perez Naranjo(17), li s-CSG u s-CRDS jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71. Fi kwalunkwe każ, jekk, kif P. Derouin ipprova jsostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-2002 is-CRDS m’għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti indikati fis-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk it-tibdil eventwali magħmul fir-rigward ta’ din il-kontribuzzjoni u introdott mil-leġiżlazzjoni Franċiża jistax iwassal biex is-CRDS ma tibqax tiġi allokata speċifikament u direttament għall-iffinanzjar ta’ l-iskema tas-sigurtà soċjali Franċiża imma, għall-kuntrarju, tkun intiża biex tkopri l-ispejjeż ġenerali ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, u b’hekk toħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Naturalment, jekk dan ikun il-każ, u safejn is-CDRS taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, id-domanda preliminari tispiċċa bla skop in parti. Iżda, il-premessa li fuqha sserraħ id-domanda preliminari hija li s-CDRS, bħas-CSG, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk għandna nitilqu minn din il-premessa biex niżviluppaw l-analiżi preżenti.

33.      Minbarra dan, għandu jiġi speċifikat li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux qed tintalab − u bir-raġun − tinterpreta l-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja u, b’mod partikolari, li tikkonstata jekk is-CSG u s-CRDS jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biss biex tinterpreta d-dritt Komunitarju, anki jekk, biex tagħti interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li tkun utli lill-qorti nazzjonali, hija tista’ eventwalment tikkunsidra d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra parti integrali mill-kuntest leġiżlattiv applikabbli fil-kawża prinċipali(18). F’dan il-każ, biex tingħata risposta utli lid-domanda magħmula mill-qorti a quo, hemm bżonn li wieħed jitlaq mill-premessa li s-CSG u s-CRDS jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, skond l-Artikolu 1(2) tagħha.

34.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, dan il-każ ma jirrigwardax l-applikazzjoni kumulattiva tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tal-ħaddiema u ta’ l-Istat Membru ta’ fejn jaħdmu l-imsemmija ħaddiema, li hija pprojbita mill-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71 billi, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ huwa paċifiku li P. Derouin, bħala persuna li taħdem għal rasha residenti fi Franza u li hi koperta minn skema tas-sigurtà soċjali f’dan l-Istat Mebru, hu suġġett għal-leġiżlazzjoni Franċiża fir-rigward tas-sigurtà soċjali u li, kif ikkonferma fis-seduta l-Gvern tar-Renju Unit, dan il-pajjiż ma jiġbor ebda kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fuq dħul ta’ P. Derouin mill-attività li jeżerċita fir-Renju Unit.

35.      Kif osserva b’mod opportun il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit, il-qorti tar-rinviju ma indikatx b’mod ċar d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li taħthom jaqa’ P. Derouin fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju semmiet, minn naħa, l-Artikolu 13(2)(b) ta’ dan ir-Regolament li, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ l-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, jistabbilixxi li l-persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14a(2) ta’ l-istess Regolament, li b’deroga għall-Artikolu 13(2)(b) jistabbilixxi li persuna li normalment taħdem għal rasha fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi, kemm-il darba hija twettaq xi parti mill-attività tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

36.      L-eżitazzjoni tal-qorti tar-rinviju forsi hi dovuta għall-fatt li P. Derouin jirċievi dħul mir-Renju Unit minħabba s-sehem tiegħu bħala soċju f’Linklaters, filwaqt li jwettaq b’mod konkret l-attività professjonali tiegħu għal rasu fi Franza, fejn jirrisjedi. Iżda tista’ tkun divuta anki għall-fatt li P. Derouin isostni li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Franza biss, b’hekk jidher li hi eskluża l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 minħabba n-nuqqas ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu, f’dan il-każ, id-dritt ta’ l-istabbiliment. Fis-seduta, anki l-Gvern Franċiż staqsa fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 f’każ li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li P. Derouin iwettaq l-attività professjonali tiegħu fi Franza biss u jirċievi biss dħul mir-Renju Unit − sitwazzjoni li tipprivah mill-istat ta’ persuna li taħdem għal rasha f’pajjiż ieħor. Skond dan il-Gvern, f’dan il-każ ma jkunx hemm iktar il-problema tal-kumpatibbiltà tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja mar-Regolament 1408/71.

37.      Ovvjament, fil-kuntest ta’ kawża skond l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha tikkonstata la l-fatti u lanqas ma għandha tapplika r-regoli tad-dritt Komunitarju għal sitwazzjoni konkreta, jew teżamina l-kumpatibbiltà tad-dritt intern jew ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja mad-dritt Komunitarju. Madankollu, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonferma ċ-ċirkustanzi fattwali li pprospettaw P. Derouin u l-Gvern Franċiż, l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għad-domanda preliminari bla dubju tiġi pprovata minn kull effett utli.

38.      Madankollu, dan ir-riskju jidhirli li huwa limitat għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel waħda hija li fid-digriet ta’ rinviju l-qorti diġà stabbiliet li r-Regolament Nru 1408/71 japplika ratione materiae għal P. Derouin, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tpoġġi fid-dubju din l-evalwazzjoni. It-tieni raġuni hija li − kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża − P. Derouin bi ħsiebu juża l-Artikolu 14(1) tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li jistabbilixxi sostanzjalment l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit fil-każ li persuna li tirrisjedi fi Franza jkollha abitwalment sede fissa fl-ewwel Stat Kontraenti biex teżerċita hemmhekk xogħol għal rasha. Għalhekk huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li P. Derouin ma jwettaqx attività professjonali għal rasu anki fir-Renju Unit, Stat Membru fejn, infakkar, huwa rreġistrat mas-Supreme Court of England and Wales bħala registered foreign lawyer. Għaldaqstant, żgur li mhijiex eskluża l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 14a(2) tar-Regolament 1408/71 f’sitwazzjoni bħal dik ta’ P. Derouin u b’hekk huwa minn dan il-punt li wieħed għandu jibda biex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

39.      Id-diskussjoni bejn il-partijiet f’din il-kawża hija finalment fuq ħaġa oħra. Sostanzjalment irid jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru, kompetenti bis-saħħa ta’ l-istess Regolament li jiġbor kontribuzzjonijiet bħas-CSG u s-CRDS fuq dħul li tagħmel persuna li taħdem għal rasha li tkun koperta minn skema tas-sigurtà soċjali f’dan l-Istat Membru, inkluż fuq is-sehem mid-dħul li tagħmel il-persuna msemmija fi Stat Membru ieħor u suġġett għat-taxxa f’dak l-Istat(19), milli jirrinunzja għal tali ġbir ta’ kontribuzzjonijiet fuq dan l-aħħar dħul għaliex dawn il-kontribuzzjonijiet huma koperti mill-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati.

40.      Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija jekk ir-Regolament Nru 1408/71 jimponix fuq l-Istat Membru kompetenti li jinkludi fil-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet bħas-CSG u s-CRDS id-dħul li jiġi minn xogħol professjonali li ma jkunx impjieg li jsir fi Stat Membru ieħor minn persuna li taħdem għal rasha li tkun koperta minn sistema tas-sigurtà soċjali fl-ewwel Stat.

B –    Fuq l-obbligu li jiġi inkluż fil-bażi għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet bħas-CSG u s-CRDS, id-dħul kollu li tagħmel persuna li taħdem għal rasha (Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71)

41.      Biex tingħata risposta għad-domanda magħmula fil-punt preċedenti, jeħtieġ l-ewwel nett jiġi mfakkar li s-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1408/71 hija biss sistema ta’ koordinazzjoni li tirregola, b’mod partikolari, skond it-titolu II tiegħu (li jinkludi l-Artikoli 13 u 14), id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li f’ċirkustanzi differenti, jużaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu(20). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru kkonċernat li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tad-dritt jew ta’ l-obbligu li persuna tkun affiljata ma’ skema tas-sigurtà soċjali, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-persuni affiljati u d-dħul li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet(21).

42.      Huwa skond din il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, fis-sentenza ċċitata iktar’il fuq Nikula, il-prinċipju li Stat Membru ma jkunx jista’ jimponi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq pensjonijiet mħallsin minn Stati Membri oħrajn(22). Fil-fatt, fil-każ fejn istituzzjoni ta’ Stat Membru tħallas pensjoni lil persuna residenti fit-territorju tagħha u istituzzjoni ta’ l-istess Stat Membru tiggarantixxi l-kopertura ta’ l-ispejjeż għall-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ dik il-persuna, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma tipprojbixxi lill-imsemmi Stat milli jikkalkula l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mingħand il-persuna kkonċernata fuq id-dħul komplessiv, indipendentement mill-fatt jekk dan jiġi minn pensjonijiet mogħtijin mill-Istat Membru ta’ residenza jew minn Stati Membri oħrajn(23). L-importanti − fakkret b’mod ġenerali l-Qorti tal-Ġustizzja − huwa li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istat Membru kkonċernat josserva d-dritt Komunitarju(24) u din l-osservanza f’dak il-każ tfisser li s-sistema stabbilita mill-Istat Membru ta’ residenza għandha tikkunsidra l-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni kontra l-mard imħallsin diġà minn min għandu dritt għall-pensjonijiet matul il-perjodi ta’ attività tagħhom fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ residenza(25).

43.      Issa, dak li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprojbixxux fis-sitwazzjoni hawn fuq esposta, għandu jiġi kkunsidrat, bil-kontra, bħala obbligu preċiż fuq l-Istat Membru ta’ residenza, fis-sens li dan ta’ l-aħħar ikun obbligat jikkalkula kontribuzzjonijiet bħas-CSG u s-CRDS fuq id-dħul kumplessiv ta’ persuna li taħdem għal rasha bħal P. Derouin?

44.      P. Derouin u l-Gvern Franċiż qed jipproponu li r-risposta li tingħata għal din id-domanda tkun fin-negattiv. Sostanzjalment jikkunsidraw li l-eżenzjoni mill-ħlas tas-CSG u tal-CRDS li jibbenefika minnha P. Derouin skond il-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ma tpoġġix fid-dubju l-prinċipji tar-Regolament Nru 1408/71, fosthom il-prinċipju ta’ l-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, billi P. Derouin jibqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Franċiża u jkompli jgawdi mill-benefiċċji kollha stabbiliti minnha.

45.      Bil-kontra, b’riferenza partikolari għas-sentenza Allard(26), l-Urssaf u l-Kummissjoni jikkunsidraw li r-Regolament Nru 1408/71 jipprekludu lil Stat Membru milli jirrinunzja milli jiġbor kontribuzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-Gvern tar-Renju Unit, li fin-nota ta’ l-osservazzjonijiet kien għamel l-istess kunsiderazzjonijiet ta’ P. Derouin u tal-Gvern Franċiż, fis-seduta aċċetta l-argument tal-Kummissjoni u sostna, b’mod partikolari, li fl-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tagħhom l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju.

46.      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71, “Il-persuna li hemm referenza għaliha fl-[...] Artikolu 14a(2), (3) u (4) [...] għandha tiġi ttrattata, għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni stabbilita bi qbil ma' dawn id-dispożizzjonijiet, bħallikieku hija wettqet l-attività jew l-attivitajiet professjonali tagħha kollha fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat”(27).

47.      Kif ippreċiżaw tajjeb l-Avukati Ġenerali Jacobs u Ruiz-Jarabo Colomer, l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jirregola l-kompożizzjoni tal-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema tas-sigurtà soċjali nazzjonali tal-persuna li għaliha jirreferi b’mod li l-kontribuzzjonijiet imħallsa fl-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tapplika huma kkalkolati abbażi tad-dħul kumplessiv tal-ħaddiem fl-Istati Membri kollha kkonċernati(28).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-evalwazzjoni fis-sentenza ċċitata iktar’il fuq Allard. F’dik il-kawża s-Sur Allard, residenti fil-Belġju u li kien jirċievi dħul ġej minn attivitajiet professjonali li kien jeżerċita għal rasu f’dak l-Istat Membru kif ukoll fi Franza, ikkontesta l-possibbiltà għar-Renju tal-Belġju li jikkalkula l-bażi għall-kontribuzzjoni msejħa “kontribuzzjoni ta’ tnaqqis”, allokata lill-iskema tal-pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti tal-persuni li jaħdmu għal rashom, fuq id-dħul kollu msemmi, mingħajr ma dik il-kontribuzzjoni tagħti dritt għal benefiċċji bħala korrispettiv(29).

49.      Adita minn qorti Belġjana, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tistabbilixxi sostanzjalment jekk l-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71 kinux jipprekludu l-imposżizzjoni ta’ kontribuzzjoni, bħall-kontribuzzjoni ta’ tnaqqis, fuq id-dħul kumplessiv magħmul minn persuna li taħdem għal rasha li teżerċita attività professjonali għal rasha fl-Istat Membru ta’ residenza u fi Stat Membru ieħor.

50.      Wara li fakkret li l-fatti tal-kawża kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostanti u personali tar-Regolament Nru 1408/71 u, b’mod partikolari, li skond l-Artikolu 14a(2) ta’ dan ir-Regolament is-Sur Allard kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Belġjana fir-rigward tas-sigurtà soċjali(30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fid-dawl ta’ l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament imsemmi li “persuna li tinsab fis-sitwazzjoni deskritta fid-deċiżjoni għar-rinviju u li teżerċita simultanjament attivitajiet għal rasħa fil-Belġju u fi Franza għandha tiġi suġġetta, fir-rigward ta’ din l-aħħar imsemmija attività, għal-liġi Belġjana li tikkorrispondi għall-istess kundizzjonijiet bħalkieku eżerċitat din l-attività għal rasha fil-Belġju”(31). Għalhekk, skond il-Qorti, kontribuzzjoni bħall-kontribuzzjoni ta’ tnaqqis dovuta fil-Belġju mis-Sur Allard “għandha tiġi kkalkulata billi wieħed jieħu in konsiderazzjoni d-dħul riċevut fi Franza”(32). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkonkludiet li “l-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71 jeżiġu li kontribuzzjoni bħalma hija l-kontribuzzjoni ta’ tnaqqis trid tiġi stabbilita billi jiġi inkluż fid-dħul professjonali, dak id-dħul li jkun sar fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat li l-leġiżlazzjoni soċjali tiegħu hija applikabbli”, anki jekk il-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni ma jagħti dritt għal ebda benefiċċju bħala korrispettiv(33).

51.      Jidhirli li huwa pjuttost fatt kurjuż li fil-motivazzjoni tas-sentenza fuq imsemmija l-Qorti tal-Ġustizzja ma fakkritx il-parti ta’ l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 − fil-fehma tiegħi fundamentali − li tgħid huwa li “għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni stabbilita” li x-xogħol ta’ min jaħdem għal rasu magħmul fi Stat Membru ieħor huwa assimilat ma’ dak magħmul fl-Istat Membru kompetenti, skond dan ir-Regolament, għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjalit(34). Referenza bħal din kienet tippermetti artikolazzjoni aħjar bejn il-punti 21 sa 23 tal-motivazzjoni tas-sentenza msemmija u kienet tagħmilha ċara li l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jiggarantixxi lil persuna li taħdem għal rasha, b’mod partikolari, li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiġu kkalkulati skond il-leġiżlazzjoni stipulata fl-Artikolu 14a(2) ta’ l-istess Regolament.

52.      Fi kwalunkwe każ, kif indikat il-Kummissjoni, proprju mill-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li ngħatat fis-sentenza ċċitata Allard jirriżulta li l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħu hi applikabbli skond l-Artikolu 14a(2) ta’ dan ir-Regolament għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fuq id-dħul kumplessiv li persuna li taħdem għal rasha tagħmel meta twettaq attivitajiet professjonali għal rasha fl-Istat li l-leġiżlazzjoni tiegħu hi applikabbli u fi Stat Membru ieħor(35).

53.      Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ partikolari, la P. Derouin u lanqas il-Gvern Franċiż ma jikkontestaw li, għad-differenza kemm tas-CSG kif ukoll tas-CRDS, il-kontribuzzjonijiet għall-allowances tal-familja li jitħallsu minn P. Derouin, kif inhu xieraq, jiġu kkalkolati fuq id-dħul kollu tiegħu bix-xogħol li jagħmel għal rasu fi Franza u fir-Renju Unit. Mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju − u, b’hekk, indipendentement mill-klassifikazzjoni li jagħti d-dritt Franċiż − billi s-CSG u s-CRDS jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, il-bażi għall-kalkolu tagħhom għandha tiġi ddeterminata fuq id-dħul kollu ta’ P. Derouin, skond l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament imsemmi.

54.      L-obbligu li jitnissel mill-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jista’ jiġi spjegat mill-preokkupazzjoni li jiġi żgurat, kemm jista’ jkun possibbli, trattament ugwali fis-sigurtà soċjali, minn naħa, bejn il-ħaddiema migranti u, min-naħa l-oħra, il-ħaddiema kollha attivi fit-territorju ta’ Stat Membru.

55.      Fl-ewwel lok għal dak li jirrigwarda t-trattament ugwali fost il-ħaddiema migranti, fis-sentenza ċċitata iktar’il fuq Hervein et, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li japplika wkoll għall-ħaddiem li jwettaq fl-istess ħin xogħol bħala impjegat u xogħol għal rasu fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14ċ(a) ta’ l-istess Regolament, għandu l-għan li jevita li dan il-ħaddiem “jiskopri li parti mill-attivitajiet tiegħu mhumiex koperti minn kwalunkwe liġi tas-sigurtà soċjali”(36).

56.      Huwa veru li l-kuntest li fiha tinsab din il-preċiżazzjoni huwa differenti minn dak ta’ dan il-każ. Fil-fatt fis-sentenza Hervein et, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi fuq il-validità tad-deroga għall-prinċipju ta’ l-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli stabbilita mill-Artikolu 14ċ(b) u mill-Anness VII tar-Regolament Nru 1408/71, deroga li tippermetti, fir-rigwarda ta’ l-Istati Membri msemmija f’dan l-anness, l-applikazzjoni simultanja tal-liġijiet tas-sigurtà soċjali taż-żewġ Stati Membri li fit-territorju tagħhom persuna twettaq, fl-istess ħin, attività bħala impjegata u attività għal rasha. Kien biss wara li kkonfermat il-validità tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmijin li l-Qorti ddikjarat il-preokkupazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju, espressa b’mod ċar fl-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1480/71, li jiġi ggarantit it-trattament ugwali fost il-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 14ċ(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament biex, għall-kuntrarju ta’ dawk li jaqgħu taħt l-applikazzjoni simultanja ta’ żewġ liġijiet nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali għal kull attività mwettqa minnhom skond l-Artikolu 14ċ(b)(37), il-ħaddiema suġġetti għal liġi waħda skond l-Artikolu 14ċ(a) ma jevitawx l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà sociali fir-rigward ta’ parti mill-attivitajiet tagħhom.

57.      Madankollu, ma naħsibx li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1480/71, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 14a(2) ta’ l-istess Regolament, tista’ tkun sostanzjalment differenti minn dik mogħtija fis-sentenza Hervein et, iċċitata iktar’il fuq. Iktar preċiżament, l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament 1408/71 jidher biżżejjed ċar biex jagħti x’jifhem li l-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiftiehmu fuq bażi bilaterali biex ħaddiem li jwettaq ix-xogħol professjonali tiegħu għal rasu fit-territorji tagħhom jevita, fir-rigward ta’ parti mill-attivitajiet tiegħu, l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali.

58.      Minkejja dan, għandna naqblu li dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, ir-rinunzja tar-Repubblika Franċiża għall-ġbir tas-CSG u tas-CRDS fuq id-dħul mix-xogħol li P. Derouin iwettaq għal rasu fir-Renju Unit ma tinvolvix eżenzjoni totali mil-levies tas-sigurtà soċjali kollha dovuti fi Franza fuq dawn l-attivitajiet u għalhekk lanqas ma tfisser li ma tiġi applikata ebda leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali fil-konfront tagħhom, peress li, kif fakkart fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, P. Derouin għadu jħallas, fost kontribuzzjonijiet oħra, l-allowances tal-familja, skond il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Franċiża, fuq id-dħul kumplessiv li jiġi mix-xogħol professjonali tiegħu mwettaq għal rasu fiż-żewġ Stati Membri.

59.      Fit-tieni lok, meta l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jwettqu xogħol professjonali għal rashom f’diversi Stati Membri jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni waħda dwar is-sigurtà soċjali, għad-dħul kollu tagħhom, l-Artikolu14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 14a(2) ta’ l-istess Regolament, jimmira wkoll biex jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament fost il-ħaddiema kollha li jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru, mingħajr ma jiġu ppenalizzati dawk li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu(38).

60.      Għandu jiġi mfakkar ukoll li ġie deċiż li l-obbligu li l-kontribuzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jiġu kkalkolati fuq il-bażi tad-dħul kollu minn xogħol imwettaq minn ħaddiem għal rasu li qiegħed fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 14a(2) ta’ dan ir-Regolament hu kumpatibbli ma’ l-Artikolu 43 KE(39).

61.      Madankollu, P. Derouin u l-Gvern Franċiż isostnu, essenzjalment, li r-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix lil Stat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli skond dak ir-Regolament, milli jagħti, skond l-obbligi tiegħu taħt ftehim fiskali introdotti fl-ordinament ġuridiku intern, trattament iktar favorevoli lill-ħaddiem li uża d-dritt għall-moviment liberu meta mqabbel ma’ persuna li taħdem għal rasha għal kollox f’dak l-Istat Membru.

62.      Mad-daqqa ta’ għajn, u mingħajr ma jiġi invalidat l-argument li skond il-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja
P. Derouin igawdi minn trattament iktar favorevoli (għall-inqas mill-aspett tad-disponibbiltà tad-dħul nett li jiġi mix-xogħol tiegħu imwettaq għal rasha) milli minn ta’ persuna li taħdem għal rasha li tagħmel xogħol analogu esklużivament fi Franza, din l-analiżi tidher konvinċenti. Iżda hi affaċċjata b’sensiela ta’ ostakoli kif ser nuri iktar’il quddiem.

C –    Fuq l-ostakoli għall-applikazzjoni ta’ deroga inkluża fi ftehim għall-obbligu stabbilit mill-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71

63.      Kif irrilevaw tajjeb il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti lilhom, partikolarment fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, l-Istati Membri huma marbutin li jirrispettaw id-dritt Komunitarju(40). Kif fakkart fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, rigward il-prevenzjoni jew l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja, fin-nuqqas ta’ miżuri rilevanti ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jiddeterminaw il-kriterji tat-tassazzjoni tad-dħul biex tiġi eliminata, jekk ikun il-każ permezz ta’ ftehim, it-tassazzjoni doppja. Kif diġà kelli okkażjoni nosserva(41), il-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwi l-allokazzjoni tal-kompetenza għat-tassazzjoni fost l-Istati Membri mill-eżerċizzju tal-poter ta’ l-impożizzjoni tat-taxxa mill-Istati Membri, li huwa eżerċizzju li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri huma obbligati jikkonformaw mar-regoli Komunitarji anki meta l-poter jirriżulta minn tqassim bilaterali jew unilaterali minn qabel tal-kompetenza tagħhom għat-tassazzjoni(42).

64.      Huwa għalhekk inkontestabbli li, fl-eżerċizzju tal-poter tagħha li tiġbor it-taxxa jew, f’dan il-każ partikolari, fl-għażla tagħha li tirrinunzja li tapplika s-CSG u s-CRDS fuq id-dħul minn attivitajiet ekonomiċi ta’ oriġini Britannika ta, P. Derouin skond il-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, ir-Repubblika Franċiża għandha tirrispetta d-dritt Komunitarju.

65.      F’dan ir-rigward P. Derouin u l-Gvern Franċiż iqisu li “leġiżlazzjoni stabbilita” li tidher fl-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 tfisser il-leġiżlazzjoni kollha ta’ l-Istat Membru kompetenti, inkluż, fejn xieraq u f’dan il-każ partikolari, il-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja introdott fl-ordinament ġuridiku Franċiż. Għalhekk, kulma qed tagħmel ir-Repubblika Franċiża hu li qed tapplika l-leġiżlazzjoni tagħha, skond il-mekkaniżmu biex jiġu riżolti l-kunflitti ta’ liġijiet dwar is-sigurtà soċjali stabbilit mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71.

66.      Dan l-argument mhuwiex konvinċenti, għaliex jinsa li r-Regolament Nru 1408/71 jirriferi biss għal-liġijiet tas-sigurtà soċjali li japplikaw għall-ħaddiema impjegati u għal rashom fi ħdan il-Komunità Ewropea li qegħdin f’sitwazzjoni transkonfini partikolari u mhux għal-liġijiet nazzjonali kollha, li minnhom jagħmlu parti b’mod partikolari d-dritt nazzjonali dwar l-impjieg jew dwar it-taxxi. Issa, skond l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71, u kif irrilevat l-Urssaf, il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali individwata bħala li timplementa din id-dispożizzjoni għandha tiffissa l-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament imsemmi fuq id-dħul kollu minn attivitajiet professjonali li persuna twettaq għal rasha u li tkun fis-sitwazzjoni rregolata mill-Artikolu 14a(2) ta’ dan ir-Regolament.

67.      Anki jekk jiġi aċċettat l-argument, li ddifendiet ġustament il-Kummissjoni, li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sotantiv tar-Regolament Nru 1408/71, b’danakollu dan ma jfissirx li dawn id-dispożizzjonijiet huma inklużi fil-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni stabbilita” imsemmi fl-Artikolu 14d(1) ta’ dan ir-Regolament.

68.      Skond l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni”, għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni tar-Regolament, dan il-kunċett ifisser “il-liġijiet kollha, ir-regolamenti kollha u d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha flimkien mal-miżuri kollha ta’ implementazzjoni eżistenti jew futuri ta’ kull Stat Membru li għandhom x'jaqsmu mal-friegħi u l-iskemi tas-sigurtà soċjali koperti mill-Artikolu 4(1) u (2) jew dawk il-benefiċċji speċjali mhux ta’ kontribuzzjoni koperti mill-Artikolu 4(2a).” Fid-definizzjoni mhumiex inklużi l-ftehim internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali(43) u, a fortiori, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali oħra li jistgħu eventwalment jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament Nru 1408/71.

69.      Bil-kontra, kif osservaw b’mod opportun l-Urssaf u l-Kummissjoni, il-ftehim dwar is-sigurtà soċjali konkluż bejn żewġ Stati Membri jew iktar u d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim li minkejja li formalment m’għandhomx x’jaqsmu mal-qasam tas-sigurtà soċjali, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, huma koperti speċifikament minn dan ir-Regolament fl-Artikoli 6 sa 8.

70.      Kif inhu magħruf, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju li r-Regolament jissostitwixxi kull ftehim rigward is-sigurtà soċjali li jorbot esklużivament żewġ Stati Membri. Fil-fehma tiegħi, dan il-prinċipju għandu jiġi estiż għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali oħra li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Interpretazzjoni differenti tippermetti li l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6 billi tawtorizzhom, ineħħu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoi li jaqgħu taħtu, permezz tas-sempliċi użu ta’ proċedura ta’ klassifikazzjoni.

71.      Ir-regola li tgħid li r-Regolament Nru 1408/71 jissostitwixxi l-ftehim bilaterali stipulati bejn l-Istati Membri għandha diversi eċċezzjonijiet, fosthom ser insemmi biss dawk li jidhru li huma rilevanti għal dan il-każ.

72.      L-ewwel nett, jeħtieġ jiġi mfakkar li, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-applikazzjoni tar-regola prevista mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 għall-każijiet fejn il-ħaddiema kkonċernati ma jkunux jistgħu jsostnu dritt kweżit għaż-żamma fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli ta’ ftehim bejn żewġ Stati Membri konkluża qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi jew qabel l-adeżjoni ta’ wieħed miż-żewġ Stati Membri mal-Komunità, u dejjem jekk il-ħaddiema in kwistjoni jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu f’waħda minn dawn id-dati(44).

73.      Bil-kontra, il-prinċipju previst mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa inderogabbli u jibqa’ konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat meta l-ħaddiema jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, jiġifieri f’mument meta l-ftehim bilaterali dwar is-sigurtà soċjali kien ġie ssostitwit diġà bir-Regolament, anki jekk l-applikazzjoni ta’ dak il-ftehim kienet tkun iktar favorevoli għall-assigurati(45).

74.      Minħabba din id-dikotomija, li ma jidhirlix li għandha titpoġġa fid-dubju, P. Derouin ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, billi huwa paċifiku li huwa eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà ta’ stabbiliment wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, tant huwa hekk li, kif ġie ppreċiżat fis-seduta, il-kontribuzzjonijiet li ntalbulu mill-Urssaf fil-kawża prinċipali jirrigwardaw perjodi differenti bejn is-sena 2000 u l-2005.

75.      Barra minn dan, kif osservat il-Kummissjoni fis-seduta, fil-każ preżenti jista’ japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1408/71, li l-ewwel paragrafu tiegħu, kif nafu, jippermetti, b’deroga mill-Artikolu 6 msemmi, li żewġ Stati Membri jew iktar jistgħu jikkonkludu “konvenzjonijiet [ftehim] ma’ xulxin imsejsa fuq il-prinċipji u l-ispirtu ta’ dan ir-Regolament.”(46).

76.      Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jirrigwarda biss ftehim “ġodda”, jiġifieri konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament(47), ma jidhirlix li huwa irraġonevoli li jiġi permess li l-benefiċċju ta’ din il-fakultà mogħtija lill-Istati Membri jiġi estiż għal dawk il-ftehim internazzjonali li, għalkemm konklużi f’oqsma differenti minn dak tas-sigurtà soċjali u qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, fihom dispożizzjonijiet li, jew minħabba n-novità jew minħabba l-effett ta’ l-emendi li jsirulhom fil-kuntest tar-relazzjonijiet konvenzjonali ta’ l-Istati Membri, jispiċċaw biex jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Minkejja dan, kif irrilevat il-Kummissjoni fis-seduta, dawn id-dispożizzjonijiet dejjem iridu jkunu bbażati fuq il-prinċipji u fuq l-ispirtu tar-Regolament Nru 1408/71. Huma għandhom jirrispettaw ukoll ir-rekwiżiti proċedurali skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament, li jobbliga lill-Istati Membri kontraenti biex jinnotifikaw il-ftehim konklużi bejniethom skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1408/71(48).

77.      Madankollu, m’hemmx dubju li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma kinux ġew innotifikati kif meħtieġ, lanqas wara li ngħataw is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitati iktar’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, infakkar, affermat li s-CSG u s-CRDS kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament minkejja n-natura fiskali tagħhom rikonoxxuta mid-dritt intern Franċiż.

78.      Għalhekk jidher li r-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi li r-Repubblika Franċiża tirrinunzja, billi tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-istess Regolament, li tiffissa l-bażi għall-kalkolu tas-CSG u tas-CRDS, b’deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament imsemmi, fuq il-parti tad-dħul ta’ P. Derouin mill-attivitajiet professjonali li jeżerċita għal rasu fir-Renju Unit.

79.      Fil-fehma tiegħi, mhux veru li din is-soluzzjoni twassal lill-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tirriżulta applikabbli skond ir-Regolament Nru 1408/71 biex jikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, minħabba li l-miżuri nazzjonali li jimplementaw l-obbligu previst fl-Artikolu 14d(1) tar-Regolament imsemmi jostakolaw l-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet ta’ moviment stabbiliti fit-Trattat.

80.      Fil-fatt, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat ma jiggarantix skema ta’ sigurtà soċjali newtrali lil ħaddiem li jestendi l-attivitajiet ta’ xogħol tiegħu f’iktar minn Stat Membru wieħed. Minħabba d-differenzi bejn il-liġijiet tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri, estensjoni bħal din tista’, skond il-każ, tkun kemmxejn favorevoli jew sfavorevoli għal dan il-ħaddiem. Jirriżulta li, anki fil-każ fejn l-applikazzjoni tagħha tkun anqas favorevoli, leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali hija dejjem konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 39 KE u 43 KE jekk: a) ma toħloqx kundizzjonijiet ta’ żvantaġġ għal dan il-ħaddiem meta mqabbel ma’ dawk li jaħdmu għal kollox fl-Istat Membru fejn tapplika din il-leġiżlazzjoni jew meta mqabbel ma’ dawk li diġà kienu suġġetti għaliha qabel u b) hija ma twassalx biss purament u sempliċiment għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li ma jitħallsux lura(49).

81.      F’dan il-każ partikolari, meta implementaw l-obbligu previst mill-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 b’riferenza għad-dħul kumplessiv ta’ P. Derouin, l-awtoritajiet Franċiżi kompetenti ma żvantaġġawxh meta jiġi mqabbel ma’ persuni li jaħdmu għal rashom li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom għal rashom għal kollox fit-territorju Franċiż u jħallsu l-kontribuzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fuq id-dħul kollu professjonali tagħhom li jsir minn dawn l-attivitajiet. Min-naħa l-oħra, il-fatt li P. Derouin jiġi suġġett għas-CSG u s-CRDS fuq il-parti tad-dħul tiegħu ta’ oriġini Britannika lanqas ma jwassal biss għall-fatt pur u sempliċi li dawn il-kontribuzzjonijiet ma jitħallsux lura. Fil-fatt, anki jekk il-ħlas tagħhom ma jagħti lok għal ebda korrispettiv dirett u identifikabbli f’termini ta’ benefiċċji soċjali(50), is-CSG u s-CRDS iservu madankollu biex jipprovdu, skond il-prinċipju ta’ solidarjetà li fuqu huma bbażati, waħda għall-eżiġenzi ta’ finanzjament u l-oħra, għad-dejn tas-sistema tas-sigurtà soċjali Franċiża li, fin-nuqqas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, kien x’aktarx ikun hemm bżonn li wieħed jagħmel tajjeb għalihom jew permezz ta’ żieda tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew tnaqqis jew limitazzjoni tal-benefiċċji soċjali(51).

82.      Fil-fehma tiegħi, jekk tiġi aċċettata soluzzjoni differenti minn dik fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet hemm ir-riskju reali, f’każ bħal dan, li tinkiser ir-regola tat-trattament ugwali, stabbilita fl-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 “għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni [tas-sigurtà soċjali] stabbilita”, fost il-persuni kollha li jaħdmu għal rashom fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Din id-deroga mhijiex fost dawk li huma ammessi espressament bir-Regolament Nru 1408/71 u lanqas ma stabbiliha b’xi mod ieħor il-leġiżlatur Komunitarju. Kif indikajt fil-punti 79 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, lanqas ma hija meħtieġa mill-Artikolu 43 KE.

83.      Jekk tiġi ttollerata deroga bħal din ikun ifisser ukoll li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 tiġi subordinata għall-partikolaritajiet tal-każ li jkollha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja billi tiġi obbligata tistabbilixxi jew, eventwalment, tispeċifika każ b’każ il-kundizzjonijiet meta din id-deroga tkun ammissibbli.

84.      Minbarra l-ostakoli ta’ natura ġuridika msemmijin iktar’il fuq, ma jidhirlix li huwa xieraq li nimxu f’din id-direzzjoni.

85.      Iżda, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma taċċettax l-analiżi tiegħi, ikun xieraq, fil-fehma tiegħi, li l-portata ta’ deroga ta’ oriġini konvenzjonali għall-obbligu stabbilit mill-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 tiġi limitata għas-sitwazzjonijiet li ma jaffettwawx il-prinċipji u l-ispirtu ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, deroga bħal din tista’ tiġi ammessa biss jekk, fl-ewwel lok, iżżomm il-prinċipju ta’ l-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, fit-tieni lok, l-imsemmija deroga ma jkollhiex bħala effett li teskludi mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli lill-individwi li għalihom hija applikabbli din il-leġiżlazzjoni(52) u, fit-tielet lok, ma ċċaħħadx lill-ħaddiem mill-protezzjoni tas-sigurtà soċjali(53) jew ma ddgħajjifx il-protezzjoni li normalment tagħtih il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ddeterminata skond ir-Regolament. Fil-fehma tiegħi huwa daqstant importanti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u tat-trasparenza, li din id-deroga ta’ natura konvenzjonali tirrispondi għar-rekwiżiti formali ta’ notifika stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1408/71.

86.      Wara li ntqal dan, nikkunsidra li l-Artikolu 14d(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-bażi taxxabbli ta’ kontribuzzjonijiet bħas-CSG u s-CRDS, imposti fuq dħul minn xogħol u ta’ sostituzzjoni, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tiġi ddeterminata billi jiġi inkluż fid-dħul li ġej mill-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha dak id-dħul magħmul fi Stat Membru differenti minn dak li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħu hi applikabbli, anki meta l-Istati Membri kkonċernati, f’dan il-każ partikolari r-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit, ikunu marbutin mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul, li madankollu ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1408/71.

VI – Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li twieġeb id-domanda preliminari magħmula mit-tribunal des affaires sociales ta’ Pariġi bil-mod li ġej:

“L-Artikolu 14d(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-siġurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament Nru tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeżiġi li l-bażi taxxabbli ta’ kontribuzzjonijiet bħall-kontribuzzjoni soċjali ġeneralizzata Franċiża u l-kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali Franċiża imposti fuq dħul minn xogħol u ta’ sostituzzjoni, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tiġi ddeterminata billi jiġi inkluż fid-dħul li ġej mill-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha dak id-dħul magħmul fi Stat Membru differenti minn dak li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħu hi applikabbli, anki meta l-Istati Membri kkonċernati jkunu marbutin mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul, bħal dawk tal-ftehim tat-22 ta’ Mejju 1968 għall-ħelsien mit-taxxa doppja u ta’ l-evażjoni tat-taxxa fuq id-dħul konkluża bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, li madankollu ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1408/71”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU 1997, L 28, p. 1.


3 – ĠU L 209, p. 1.


4 – Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1408/71 ġie sostitwit (formalment) bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/04/KE tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, p. 1, corrigendum fil-ĠU L 200, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2004. Skond l-Artikolu 91 tiegħu, ir-regolament imsemmi l-aħħar għandu japplika biss minn meta jidħol fis-seħħ ir-regolament ta’ implementazzjoni. Madankollu, il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004/KE, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, adottata mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Jannar 2006 [(COM) 2006, 16 finali], għadha suġġetta għall-proċedura leġiżlattiva interistituzzjonali. Ir-Regolament Nru 1408/71 huwa għalhekk l-uniku test applikabbli għas-sitwazzjoni li tat lok għal din il-kawża.


5 – JORF tat-30 ta’ Diċembru 1990, p. 16367.


6 – Iżda l-benefiċċji tal-qgħad bħalissa huma suġġetti għal rata ta’ 6.2 % u l-pensjonijiet tax-xjuħija u ta’ l-invalidità għal rata ta’ 6.6 %.


7 – Skond l-Artikolu L. 135-1 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, dan il-Fond, ikkostitwit f’forma ta’ istituzzjoni pubblika nazzjonali ta’ natura amministrattiva, jieħu ħsieb il-benefiċċji tax-xjuħija mhux kontributorji, imma soċjali.


8 – Skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nru 2004-626, tat-30 ta’ Ġunju 2004, dwar is-solidarjetà għall-awtonomija tal-persuni anzjani u b’diżabbiltà (JORF ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, p. 11944). Il-Fond nazzjonali ta’ solidarjetà għall-awtonomija, istituzzjoni pubblika nazzjonali ta’ natura amministrattiva, jieħu ħsieb jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ l-għajnuna għat-telf ta’ awtonomija tal-persuni anzjani u b’diżabbiltà.


9 – JORF tal-25 ta’ Jannar 1996, p. 1226.


10 – JORF 25 ta’ Novembru 1969. It-test tal-Ftehim jinsab fuq l-Internet fl-indirizz li ġej: http://www2.impots.gouv.fr/conventions_fiscales/ru68.htm


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C-493/04, Ġabra p. I-2369, punt 21).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1977, Perenboom (102/76, Ġabra p. 815, punt 13); tad-29 ta’ Ġunju 1994, Aldewereld (C-60/93, Ġabra p. I-2991, punt 26), u tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-68/99, Ġabra p. I-1865, punt 25).


13 – Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, ħlief għal xi atti Komunitarji li mhumiex rilevanti għal dan il-każ partikolari [Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6); il-Ftehim tat-23 ta’ Lulju 1990, 90/436/KEE, dwar it-tneħħija tat-tassazzjoni doppja fil-każ ta’ aġġustament ta’ profitti ta’ impriżi assoċjati (ĠU L 225, p. 10), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU L 157, p. 38)], l-Istati Membri jibqgħu kompetenti fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, speċjalment għal dak li jirrigwarda l-eliminazzjoni jew il-prevenzjoni b’mezzi konvenzjonali tat-tassazzjoni doppja [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C-336/96, Ġabra p. I-2793, punti 24 u 30), u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 52)].


14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Piatkowski, iċċitata iktar ’ fuq, punti 24, 27 u 28.


15 – Skond dak li qal il-Gvern Franċiż kif riprodott fil-motivazzjoni tas-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-34/98, Ġabra p. I-995, punt 25) (CRDS), u Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, Ġabra p. I-1049, punt 23) (CSG).


16 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, C-34/98, Il-Kummissjoni vs Franza, punti 34 sa 36, u C-169/98, Il-Kummissjoni vs Franza, punti 32 sa 34.


17 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2007, (C-265/05, Ġabra p. I-349). F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddikjara jekk allowance supplimentari, li tiżdied ma’ benefiċċju prinċipali tax-xjuħija, imħallsa biss lir-residenti Franċiżi li jkunu għalqu età minima stabbilita mill-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, kellhiex tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju speċjali mhux kontributorji” skond l-Artikolu 4(2)a tar-Regolament imsemmi, f’liema każ persuna mhux residenti ma setgħetx tibbenefika minnha, jew jekk, għall-kuntrarju, ma tistax tiġi hekk ikklassfikata u għalhekk għandha tingħata lill-persuni kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-età, skond l-Artikolu 19(1) ta’ l-istess Regolament, indipendentement mill-Istat Membru ta’ residenza (skond ir-regola hekk imsejħa ta’ l-“esportabbiltà” tal-benefiċċji). Biex jiġi aċċertat jekk dak il-benefiċċju huwiex ta’ natura kontributorja jew le, il-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-ġurisprudenza tagħha, eżaminat il-metodi effettivi ta’ l-iffinanzjar ta’ dan il-benefiċċju, jiġifieri vverifikat jekk kienx iffinanzjat, direttament jew indirettment, minn kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew minn riżorsi pubbliċi. Billi l-benefiċċju in kwistjoni kien iffinanzjat mill-Fond tas-solidarjetà tax-xjuħija, li hu benefiċjarju, kif rajna, tad-dħul tas-CSG ibbażat fuq id-dħul minn attivitajiet ta’ xogħol u d-dħul ta’ sostituzzjoni, kien il-każ, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punt 40 tas-sentenza, li “jiġi ddeterminat” jekk is-CSG kellhiex tiġi kkunsidrata bħala kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali jew riżors pubbliku li m'għandux il-karatteristiċi ta’ din il-kontribuzzjoni. Wara li fakkret is-sustanza tal-motivazzjoni tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, il-Qorti, fid-dawl ta’ numru ta’ kunsiderazzjonijiet rigward, b’mod partikolari, il-fatt li l-benefiċċju tax-xjuħija ma kienx iffinanzjat esklużivament mis-CSG iżda minn levies ta’ natura mingħajr dubju fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 52 ta’ dik is-sentenza li, “anki jekk wieħed kellu jippreżupponi li l-parti tas[-CSG] bbażata fuq id-dħul mill-attività u d-dħul ta’ sostituzzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala kontribuzzjoni pjuttost milli bħala ‘finanzjament li joriġina mir-riżorsi pubbliċi, il-konnessjoni bejn il-kontribuzzjoni msemmija u l-allowance supplementari ma tidhirx biżżejjed identifikabbli sabiex din l-allowance tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala benefiċċju b’karattru kontributorju” (il-korsiv huwa tiegħi). Fid-dawl ta’ dan l-aħħar punt, hu diffiċli li wieħed jikkonkludi definittivament fuq il-kwistjoni jekk is-CSG hijiex kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. Min-naħa l-oħra, din is-sentenza tikkonferma li s-CSG taqa’ perfettament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 1408/71.


18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata) u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, il-punti 46 u 47 tal-Konklużjonijiet li ppreżentajt fid-29 ta’ Marzu 2007 fil-kawża C-298/05 Columbus Container Services (li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


19 – Fil-fatt, il-Gvern Franċiż ma jinnegax li hu kompetenti biex jiġbor dawn il-kontribuzzjonijiet, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq id-dħul ta’ P. Derouin provenjenti mir-Renju Unit, abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, dan il-metodu jidher korrett. Ara wkoll, fil-każ ta’ Stat Membru li jikkalkola l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq id-dħul komplessiv ta’ resident, affiljat ma’ skema tas-sigurtà soċjali f’dan l-Istat Membru, indipendentement miċ-ċirkustanza li dan id-dħul jiġi minn pensjonijiet imħallsin minn dan l-istess Stat jew minn Stati Membri oħrajn, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Nikula (C-50/05, Ġabra p. I-7029, punt 31).


20 – F’dan is-sens, ara b’mod partikolari s-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et (C-393/99 u C-394/99, Ġabra p. I-2829, punt 52), u Piatkowski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20.


21 – Sentenza Piatkowski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk..


22 – Punt 26.


23 – Ibidem, punt 31.


24 – Ibidem, punt 24. Ara wkoll is-sentenza Piatkowski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33.


25 – Sentenza Nikula, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33. F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer (C-302/98, Ġabra p. I-4585, punt 36).


26 – Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005 (C-249/04, Ġabra p. I-4535).


27 – Il-korsiv huwa tiegħi.


28 – Ara l-punt 68 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fit-30 ta’ April 1998 fil-kawża Terhoeve (sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, C-18/95, Ġabra p. I-345); il-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-8 ta’ Frar 2000 fil-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Sehrer, u l-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2000 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq; u l-punt 55 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs, ippreżentati fil-5 ta’ April 2001 fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Hervein et, iċċitata iktar ’il fuq. Ara wkoll il-punt 20 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Gulmann ippreżentati fit-2 ta’ Frar 1994 fil-kawża Van Poucke (sentenza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, C-71/93, Ġabra p. I-1101).


29 – Kif jirriżulta mill-punt 15 tas-sentenza msemmija, in-natura ta’ din il-kontribuzzjoni, bħal fil-każ tas-CSG u tas-CRDS f’din il-kawża, dehret kontroversjali għaliex il-qorti nazzjonali kkunsidrat li dik il-kontribuzzjoni kienet tixbah iktar “tip ta’ taxxa għal kriżi” milli kontribuzzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament Nru 1408/71.


30 – Sentenza Allard, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 20.


31 – Ibidem, punti 21 u 22.


32 – Ibidem, punt 23 (il-korsiv huwa tiegħi).


33 – Ibidem, punt 24 (il-korsiv huwa tiegħi).


34 – Madankollu, għandu jingħad li l-punt 24 tas-sentenza Van Poucke, iċċitata iktar ’il fuq, li jagħmel riferenza għaliha l-punt 21 tas-sentenza Allard, iċċitata iktar ’il fuq, isemmi b’mod ċar il-parti tal-frażi li l-omissjoni tagħha qed tiġi kkritikata hawnhekk.


35 – Għandu jiġi osservat, għal kull buon fini, li din l-interpretazzjoni reġgħet ingħatat fl-Artikolu 13(5) tar-Regolament Nru 883/2004, fejn ħaddiema li jwettqu attività professjonali f’żewġ Stati Membri jew iktar huma assimilati ma’ ħaddiema li jwettqu l-attivitajiet kollha tagħhom, impjegati u le, u jiksbu d-dħul kumplessiv tagħhom fl-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija ddeterminata skond l-Artikolu 13(1) sa (4).


36 – Punt 60 (il-korsiv huwa tiegħi) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


37 – Din il-preċiżazzjoni tingħata fis-sentenza Piatkowski, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 29. Fil-fatt, billi r-Regolament Nru 1408/71 jipprojbixxi t-tassazzjoni doppja ta’ kontribuzzjonijiet fir-rigward ta’ l-istess dħul, fil-każijiet stabbiliti fl-Anness VII tiegħu l-assigurat huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jaħdem bħala impjegat, limitatament għal dak ix-xogħol, u għal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jaħdem għal rasu fir-rigward tax-xogħol li jwettaq għal rasu.


38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Allard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31.


39 – Ibidem, punti 28 sa 32 u l-punt 2 tad-dispożittiv.


40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 21); tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI (C-264/96, Ġabra p. I-4695, point 19); tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32), u tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C-55/00, Ġabra p. I-413, punt 32).


41 – Punt 84 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq Columbus Container Services.


42 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, De Groot (C-385/00, Ġabra p. I-11819, punti 93 u 94) u tat-3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen (C-290/04, Ġabra p. I-9461, punt 55).


43 – Sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Grana-Novoa (C-23/92, Ġabra p. I-4505, punt 15).


44 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1991, Rönfeldt (C-227/89, Ġabra p. I-323, punti 27 sa 29); tal-5 ta’ Frar 2002, Kaske (C-277/99, Ġabra p. I-1261, punti 27 u 28), u ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Martínez Domínguez et (C-471/99, Ġabra p. I-7835, punti 28 sa 30).


45 – Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1995, Thévenon (C-475/93, Ġabra p. I-3813, punti 26 u 28). Il-ftehim bilaterali in kwistjoni f’dik il-kawża kien ġie konkluż fl-1950. Ara wkoll, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1997, Naranjo Arjona et (C-31/96 sa C-33/96, Ġabra p. I-5501, punt 26), u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Grajera Rodríguez (C-153/97, Ġabra p. I-8645, punt 28). Sunt ta’ din il-ġurisprudenza huwa sostanzjalment riprodott fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament 883/2004.


46 – Ir-Regolament Nru 883/2004 jirriproduċi din id-deroga fl-Artikolu 8(2).


47 – Sentenzi Grana-Novoa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, u t-28 ta’ April 1994, Hoorn (C-305/92, Ġabra p. I-1525, punt 19).


48 – Obbligu ta’ notifika bħal dan huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004.


49 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hervein et, punt 51, u Piatkowski, punt 34.


50 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Franza, C-34/98, punt 39, u C-169/98, punt 37.


51 – Ara l-punti 9 u 26 tal-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitati iktar ’il fuq, kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, C-169/98, punt 36.


52 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 1990, Kits van Heijningen (C-2/89, Ġabra p. I-1755, punt 20).


53 – Ara s-sentenzi Kits van Heijningen, iċċitataiktar ’il fuq, punt 12; tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 28), u tas-7 ta’ Lulju 2005, Van Pommeren-Bourgondiën (C-227/03, Ġabra p. I-6101, punt 34).