Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

18 ta' Jannar 2007 (*)

“Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Leġiżlazzjoni fiskali – Differiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li jirriżulta miċ-ċessjoni ta' proprjetà residenzjali –Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE – Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea”

Fil-kawża C-104/06

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fit-22 ta' Frar 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Ström van Lier u R. Lyal, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju ta' l-Iżvezja, irrappreżentat minn A. Kruse, bħala aġent,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Juhász President ta' l-Awla, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li biha d-differiment ta' qligħ kapitali li jirriżulta miċ-ċessjoni ta' proprjetà residenzjali li kien jgħix fiha l-proprjetarju sakemm akkwista residenza ġdida, ma tingħatax ħlief jekk ir-residenza ċeduta u r-residenza ġdida akkwistata jinsabu t-tnejn fit-territorju Żvediż, ir-Renju ta’ l-Iżvezja naqas milli jwettaq l-obbligu li huwa għandu skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 56(1), KE kif ukoll 28, 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta' Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1 p. 3, iktar 'il quddiem il-"Ftehim ŻEE").

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-Ftehim ŻEE

2       L-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE jiddisponi li:

“1. Moviment liberu ta’ ħaddiema jkun assigurat fost l-Istati Membri tal-KE [Komunità Ewropea] u l-Istati ta’ l-EFTA [Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Liberu].

2.      Din il-libertà ta' moviment tikkonsisti fl-abolizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-KE u l-Istati ta’ l-EFTA għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u impjieg.

3.      Trid tinkludi d-dritt, suġġett għal-limitazzjonijiet iġġustifikati abbażi [ta’ l-ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika:

a)      li taċċetta offerti ta' impjieg attwalment magħmula;

b)      li tiċċaqlaq liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri tal-KE u l-Istati ta’ l-EFTA għal dan il-għan;

ċ)      li toqgħod fit-territorju ta' Stati Membri tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA għal fini ta' l-impjieg skond id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-impjieg ta' ċittadini li jinsabu fil-liġi, [regolamenti jew] azzjoni […] amministrativa;

d)      li tibqa' fit-territorju ta’ Stat Membru tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA wara li tkun ġiet impjegata hemmhekk.

4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għal impieg fl-amministrazzjoni pubblika.

5. Id-dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-moviment liberu tal-ħaddiema jidhru fl-Anness V.

[…]"

3       L-Artikolu 31(1) tal-Ftehim ŻEE jaqra kif ġej:

“Fl-Istruttura tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, ma jistax ikun hemm l-ebda restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA fit-territorju ta’ [...] kwalunkwe [wieħed ieħor] minn dawn l-Istati. Dan japplika wkoll għat-twaqqif ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji minn ċittadini ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA stabbilit fit-territorju ta’ kwalunkwe minn dawn l-Istati.

Libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt li jagħmlu u jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u li jitwaqq[fu] u jiġu operati impriżi, partikolarment kumpanniji jew ditti li jaqgħu fit-tifsira ta’ l-Artikolu 34, it-tieni paragrafu, taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti […] mil-liġi tal-pajjiż fejn tali stabbiliment jiġi effettwat għaċ-ċittadini tiegħu stess bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 4.

2. Id-dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-moviment liberu tal-ħaddiema jidhru fl-Annessi VIII sa XI."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       Il-Kapitolu 47 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul [inkomstskattelagen (1999:1229), iktar 'il quddiem il-"IL"], intitolat "Differiment tat-taxxa" fih xi dispożizzjonijiet fir-rigward tad-differiment fejn iċ-ċessjoni ta' immobbli residenzjali privat jew dritt ta' abitazzjoni fuq immobbli kooperattiv privat kif ukoll għat-trattament ta' dan id-differiment fil-każ ta' ċessjoni ulterjuri.

5       L-Artikolu 2 tal-Kapitolu 47 ta' l-IL, li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tad-differiment tat-taxxa jiddisponi:

"Persuna taxxabbli tista' tibbenifika minn differiment tat-taxxa jekk hija:

1)      tiddikjara qligħ kapitali miċ-ċessjoni ta' residenza oriġinali,

2)      xtrat jew għandha l-intenzjoni li tixtri residenza sostituttiva; u

3)      tgħix jew għandha l-intenzjoni li tgħix fir-residenza sostituttiva".

6       Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 47 ta' l-IL, residenza oriġinali tfisser ir-residenza privata fl-Iżvezja li tikkonsisti, fiż-żmien taċ-ċessjoni, fir-residenza permanenti tal-persuna taxxabbli.

7       L-Artikolu 5 tal-Kapitolu 47 ta' l-IL, kif emendat mil-liġi 2003:1206 (lagen om ändring i inkomstskattelagen 1999:1229), jidher fil-parti ta' dan l-istess Kapitolu u huwa intitolat "Residenza sostituttiva" u jipprevedi dan li ġej:

"Residenza sostituttiva tfisser assi li qegħda fl-Iżvezja u li, fiż-żmien ta' l-akkwist tagħha tikkonsisti:

1)      f'dar bl-art li tifforma unità residenziali;

2)      f'dar fuq l-art ta' xi ħadd ieħor;

3)      f'dar immodifikata għal familja waħda jew żewġ familji bl-art tagħha f'unità agrikola;

4)      f'art li fuqha qegħda tinbena dar bħal dawk previsti fil-punt 1 jew 3; jew

5)      f'abitazzjoni f'assoċjazzjoni ta' abitazzjonijiet privati."

 Il-proċedura prekontenzjuża

8       Billi d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 47 ta' l-IL u, b'mod partikolari dawk ta' l-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Kapitolu, li jissuġġettaw id-differiment tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżultaw miċ-ċessjoni ta' immobbli residenzjali privat jew minn dritt ta' abitazzjoni fuq immobbli kooperattiv privat għall-kundizzjoni ta' akkwist ta' residenza ġdida msemmija "residenza sostituttiva", li tinsab fit-territorju Żvediz, jiksru l-obbligi imposti fuq ir-Renju ta' l-Iżvezja skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 56(1), KE kif ukoll 28, 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE, il-Kummissjoni, b'ittra ta' l-1 ta' April 2004, intimat lil dan l-Istat Membru biex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

9       L-awtoritajiet Żvediżi rrikonoxxew essenzjalment li s-sistema ta' differiment ta' tassazzjoni, bħalma jirriżulta b'mod partikolari mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli 2 sa 5 tal-Kapitolu 47 ta' l-IL, tikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-persuni u tal-kapitali. Madankollu, huma qiesu li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma motivati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, iktar preċiżament mill-bżonn li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.

10     Billi l-argumenti ta’ l-awtoritajiet Żvediżi ma kkonvinċewhiex, fid-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha, minn naħa, hija reġgħet sostniet l-ilment tagħha bbażat fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Kapitolu 47 ta' l-IL jippreġudikaw il-moviment liberu tal-persuni kif ukoll tal-kapitali u, min-naħa l-oħra, stiednet lir-Renju ta' l-Iżvezja jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

11     Peress li, fir-risposta tagħhom għall-imsemmija opinjoni motivata, l-awtoritajiet Żvediżi żammew il-pożizzjoni tagħhom li kienet tgħid li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Kapitolu 47 huma motivati mill-bżonn li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-preżenti rikors.

 Fuq ir-rikors

12     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk it-tassazzjoni diretta taqa' taħt l-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza b'rispett tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C 334/02, Ġabra p. I 2229, punt 21, kif ukoll tat-13 ta' Diċembru 2005, Marks & Spencer, C 446/03, Ġabra. p. I 10837, punt 29).

13     GħanduGħandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 47 ta' l-IL u b'mod partikolari ta' l-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Kapitoli, jikkostitwixxux restrizzjonijiet għal-libertà ta' moviment tal-persuni u tal-kapitali stabbiliti mill-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 56(1) KE kif ukoll 28, 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE.

 Fuq il-moviment liberu tal-persuni

14     Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li r-Renju ta' l-Iżvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE.

15     L-Artikolu 18 KE, li jsemmi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 43 KE fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment u fl-Artikolu 39 KE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tas-26 ta' Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, C-345/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13).

16     Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik ikkostitwita mid-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Kapitolu 47 ta' l-IL.

17     Id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat KE dwar il-moviment ħieles tan-nies għandhom il-għan li jtejbu, għaċ-ċittadini Ewropej, l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet professjonali ta' kull natura fuq it-territorju kollu tal-Komunità u ma jippermettux miżuri li jistgħu jiżvantaġġaw liċ-ċittadini meta huma jkollhom l-intenzjoni li jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta' Stat Membru ieħor (ara s-sentenza tal-15 ta' Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, Ġabra p. I-7929, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.)

18     Dispożizzjonijiet li jipprekludu jew jiddisswadu lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jħalli l-Istat tiegħu ta’ oriġini biex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu jikkostitwixxu għaldaqstant, minnhom infushom, xkiel għal din il-libertà, anki jekk dawn huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 25, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

19     Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, anki jekk, skond il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet relattivi għall-moviment liberu tal-ħaddiema huma intiżi, b’mod partikolari, biex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, huma jipprekludu wkoll lill-Istat ta' oriġini milli jfixkel il-libertà ta' xi wieħed miċ-ċittadini tiegħu li jaċċetta u jeżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, De Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 79).

20     Dan huwa applikabbli wkoll għad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, skond l-imsemmija ġurisprudenza, anki jekk mill-kliem tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jassiguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprojbixxu wkoll li l-Istat ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija mwaqqfa skond il-leġiżlazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor (sentenzi tal-11 ta' Marzu, 2004, Lasteyrie du Saillant, C 9/02, Ġabra. p. I 2409, punt 42, u tat-23 ta' Frar 2006, Keller Holding, C 471/04, Ġabra p. I 2107, punt 30).

21     Fil-kawża preżenti, anki jekk id-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Kapitolu 47 ta' l-IL ma jipprojbixxux lil persuna taxxabbli suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fl-Iżvezja milli teżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor jew, b’mod ġenerali, milli teżerċita d-dritt tagħha ta’ stabbiliment, dawn id-dispożizzjonijiet huma madankollu tali li jirrestrinġu l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet billi għandhom, ta’ l-inqas, effett dissważiv fir-rigward tal-persuni taxxabbli li jixtiequ jbiegħu l-proprjetà immobbli tagħhom biex imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor barra mir-Renju ta' l-Iżvezja.

22     Fil-fatt, huwa manifest li l-persuna taxxabbli li tiddeċiedi li tbiegħ il-proprjetà immobbli li tippossjedi fl-Iżvezja u li tużaha għall-abitazzjoni bil-għan li tittrasferixxi r-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li takkwista proprjetà immobbli ġdida hemmhekk biex tużaha bħala r-residenza tagħha, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 39 KE u 43 KE, hija suġġetta għal trattament fiskali żvantaġġuż meta mqabbla ma' dak li minnu tibbenefika persuna li żżomm ir-residenza tagħha fl-Iżvezja.

23     Din id-differenza fit-trattament fir-rigward tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali, li jista' jkollha riperkussjonijiet fuq l-assi tal-persuna taxxabbli li tixtieq tittrasferixxi r-residenza tagħha barra mill-Iżvezja, hija għaldaqstant tali li tista' tiddisswadih milli jagħmel tali trasferiment.

24     Minn dan isegwi li, bil-fatt li jissuġġettaw il-benefiċċju tad-differiment mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżulta miċ-ċessjoni ta’ residenza privata jew ta' apparament kooperattiv privat għall-kundizzjoni li r-residenza ġdida tinsab fit-territorju Żvediż, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Kapitolu 47 ta' l-IL, u b’mod partikolari, l-Artikoli 2 sa 5 ta' l-imsemmi Kapitolu, jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment, kif iggarantiti mill-Artikoli 39 KE u 43 KE.

25     Jirriżulta madankollu minn ġurisprudenza ferm stabbilita li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jkunu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta' interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi de Lasteyrie du Saillant, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49, u tas-7 ta' Settembru 2006, N, C-470/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

26     Barra minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-bżonn li tiġi mħarsa l-koerenza ta’ sistema fiskali tista' tiġġustifika restrizzjoni ta’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, għandha, madankollu, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista' jirnexxi, tiġi pprovata l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta' ġbir determinat ta' taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Keller Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27     Madankollu, fil-kawża preżenti, mhux biss ir-Renju ta' l-Iżvezja ma ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ebda argument konkret sabiex jistabilixxi li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni ta' l-IL huma ġġustifikati minħabba l-bżonn li tiġi assigurata l-koerenza ta' sistema fiskali fir-rigward tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali, iżda, barra minn hekk, fir-risposta tiegħu, huwa jirrikonoxxi l-eżistenza tan-nuqqas li huwa ġie akkużat bih. F'dan ir-rigward, huwa jsostni li sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, huwa qiegħed iwettaq studju tar-riforma tar-regoli kumplessi fir-rigward tad-differiment tat-tassazzjoni.

28     Għandu jiġi rrilevat li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru f'għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-388/02, Ġabra p. I-12173, punt 6).

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Kapitolu 47 ta' l-IL imorru kontra l-Artikoli 39 KE u 43 KE.

30     Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-persuni li mhumiex ekonomikament attivi, din l-aħħar konklużjoni hija neċessarja minħabba l-istess motivi fir-rigward ta’ l-ilment relatat ma’ l-Artikolu 18 KE.

31     Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Żvediż naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, relattivi rispettivament għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment.

32     Għandu jiġi rrilevat, fil-kawża preżenti, li r-regoli li jipprojbixxu r-restrizzjonjiet għal-libertà tal-moviment u għal-libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim taż-ŻEE huma identiċi għal dawk stabbiliti bl-Artikoli 39 KE u 43 KE.

33     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-konklużjoni li tidher fil-punt 29 tal-kawża preżenti, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Kapitolu 47 ta' l-IL ukoll imorru kontra l-Artikoli 28 u 31 ta' dan il-Ftehim.

34     F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat fir-rigward ta’ l-ilment relattiv għall-ksur tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-persuni msemmija fil-Ftehim ŻEE.

35     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi żamm fis-seħħ dispożizzjonijiet fiskali bħall-Artikolu 47 ta' l-IL, li jissuġġettaw il-benefiċċju tad-differiment mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżulta miċ-ċessjoni ta' immobbli residenzjali privat jew ta' dritt ta' abitazzjoni f'immobbli kooperattiv privat għall-kundizzjoni li l-qligħ li jinkiseb jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Żvediż, ir-Renju ta' l-Iżvezja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE kif ukoll skond l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE.

 Fuq il-moviment liberu tal-kapital

36     Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju ta' l-Iżveżja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 56(1) KE u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

37     Billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-Ftehim ŻEE relattivi għall-moviment liberu tal-persuni jipprekludu l-leġiżlazzjoni in kwistjoni, m’hemmx bżonn li l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi eżaminata separatament fid-dawl ta’ l-Artikolu 56(1) KE u ta' l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45).

 Fuq l-ispejjeż

38     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' l-Iżvezja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta' u tiddeċiedi

1)      BBilli żamm fis-seħħ dispożizzjonijiet fiskali bħall-Artikolu 47 ta' l-IL, li jissuġġettaw il-benefiċċju tad-differiment mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali (1999:1229) [inkomstskattelagen (1999:1229)] li jirriżulta miċ-ċessjoni ta' immobbli residenzjali privat jew ta' dritt ta' abitazzjoni f'immobbli kooperattiv privat għall-kundizzjoni li l-qligħ li jinkiseb jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Żvediż, ir-Renju ta' l-Iżvezja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE kif ukoll skond l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

2)      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja huwa ordnat ibati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.