Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-132/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 10 KE — Sitt Direttiva tal-VAT — Obbligi taħt is-sistema interna — Verifika tat-tranżazzjonijiet taxxabbli — Amnestija”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Obbligi tal-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa

(Artikolu 10 KE; Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 2 u 22)

Stat Membru li l-liġi tiegħu tipprovdi sabiex b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni ma jiġux ivverifikati t-tranżazzjonijiet taxxabbli li saru matul ċertu perijodi taxxabbli jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, u taħt l-Artikolu 10 KE, sa fejn

- persuna taxxabbli li ma tkunx osservat l-obbligi tagħha fir-rigward tas-snin ta’ stima inklużi bejn l-ewwel u r-raba’ sena qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi - jew, f’ċertu każijiet, sena biss qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi – tista’ taħrab minn kull verifika, fil-limitu ta’ ammont ekwivalenti għad-doppju tal-ammont tat-taxxa li tinsab fid-dikjarazzjoni addizzjonali ppreżentata bħala rettifika għad-dikjarazzjonijiet diġà ppreżentati, u

- persuna taxxabbli li ma tkunx ippreżentat dikjarazzjoni fir-rigward tas-snin ta’ stima inklużi bejn l-ewwel u r-raba’ sena qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi tista’ taħrab minn kull verifika billi tħallas somma li tammonta għal 2 % tat-taxxa dovuta fuq il-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi pprovduti minnha kif ukoll ammont ta’ 2 % tat-taxxa mnaqqsa matul l-istess perijodu, fejn din il-perċentwali hija ffissata għal 1.5 % għal taxxa tal-input jew tal-output li taqbeż EUR 200 000 u għal 1 % għal kull ammont li jaqbeż EUR 300 000.

Billi ssostitwixxew, ftit taż-żmien wara l-iskadenza tat-termini mogħtija lill-persuni taxxabbli sabiex iħallsu l-ammonti ta’ taxxa normalment dovuti, l-obbligi tal-persuni kkonċernati li jirriżultaw mill-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva permezz ta’ obbligi oħra li ma jirrikjedux il-ħlas ta’ dawn l-ammonti, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni tirrendi bla effett dawn l-artikoli, li madankollu huma l-bażi tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u tolqot, għaldaqstant, l-istruttura nnifisha ta’ din it-taxxa. L-iżbilanċ sinjifikattiv li jeżisti bejn l-ammonti effettivament dovuti u dawk li jitħallsu mill-persuni taxxabbli li jixtiequ jibbenefikaw mill-amnestija fiskali inkwistjoni jagħti lok għal kważi eżenzjoni fiskali.

Jirriżulta b’hekk li tali leġiżlazzjoni tolqot b’mod gravi t-tħaddim korrett tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud. Id-dispożizzjonijiet tagħha joħolqu distorsjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali billi jintroduċu varjazzjonijiet sinjifikattivi ta’ trattament bejn il-persuni taxxabbli fit-territorju inkwistjoni. Għall-istess raġuni, dawn id-dispożizzjonijiet jikkawżaw ħsara għall-obbligu li jiġi żgurat ġbir ekwivalenti tat-taxxa fl-Istati Membri kollha.

Sa fejn, kif tindika r-raba’ premessa tas-Sitt Direttiva, il-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa huwa intiż sabiex jippermetti t-twettiq ta’ suq komuni li jinkludi kompetizzjoni b’saħħitha, it-tħaddim stess tas-suq komuni jiġi affettwat mill-imsemmija leġiżlazzjoni peress li, fl-Istat Membru kkonċernat, il-persuni taxxabbli jistgħu jittamaw li ma jkollhomx iħallsu parti kbira mill-piż ta’ taxxa tagħhom.

Il-ġlieda kontra l-frodi hija għan rikonoxxut u inkoraġġut mis-Sitt Direttiva. B’hekk, l-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu, jekk ikun il-każ, għal obbligi supplimentari sabiex tiġi evitata l-frodi. Issa, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha effett kuntrarju sa fejn il-persuni taxxabbli li jinstabu ħatja ta’ frodi jsibu ruħhom avvantaġġati minnha

Billi introduċiet miżura ta’ amnestija ftit taż-żmien biss wara l-iskadenza tat-termini li fihom il-persuni taxxabbli kellhom iħallsu t-taxxa fuq il-valur miżjud u billi talbet il-ħlas ta’ ammont żgħir ħafna meta mqabbel mat-taxxa effettivament dovuta, l-imsemmija leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni taxxabbli kkonċernati sabiex jaħarbu definittivament mill-obbligi imposti fuqhom fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, minkejja li l-awtoritajiet fiskali nazzjonali setgħu jsibu mill-inqas parti minn dawn il-persuni taxxabbli matul l-erba’ snin li ppreċedew id-data tal-preskrizzjoni tat-taxxa normalment dovuta. F’dan is-sens, l-imsemmija leġiżlazzjoni tmur kontra r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiżgura l-impożizzjoni ġusta u l-ġbir korretti tat-taxxa

(ara l-punti 9, 40-47, 52-53 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Lulju 2008 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 10 KE – Sitt Direttiva tal-VAT – Obbligi taħt is-sistema interna – Verifika tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Amnestija”

Fil-kawża C-132/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u M. Afonso, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti tal-awla, E. Juhász, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, J. Malenovský, J. Klučka u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi pprovdiet b’mod espliċitu u ġenerali, fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289, dwar dispożizzjonijiet għat-tfassil tal-baġit annwali u pluriennali tal-Istat (liġi tal-finanzi għall-2003) [legge n. 289, disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2003)], tas-27 ta’ Diċembru 2002, (suppliment ordinarju Nru 240/L tal-ĠURI Nru 305, tal-31 ta’ Diċembru 2002, iktar’il quddiem il-“Liġi Nru 289/2002”), sabiex ma jiġux ivverifikati t-tranżazzjonijiet taxxabbli li saru matul ċertu perijodi ta’ tassazzjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p.1, iktar’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif ukoll skont l-Artikolu 10 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

2        Skont l-Artikolu 10 KE:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta' l-obbligi li jirrizultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

Huma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ dan it-Trattat.”

3        It-tieni premessa tas-Sitt Direttiva tgħid li ġej:

“Billi […] l-baġit tal-Komunità, irrispettivament minn dħul ieħor, għandu jkun iffinanzjat kompletament mir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom; billi dawn ir-riżorsi għandhom jinkludu dawk li jidħlu mit-taxxa fuq il-valur miżjud [(iktar’il quddiem il-“VAT”)] u miksuba bl-applikazzjoni ta’ rata komuni ta’ taxxa msejsa fuq stima stabbilita b’mod uniformi skond regoli tal-Komunità”.

4        Ir-raba’ premessa ta’ din id-direttiva hija miktuba kif ġej:

“Billi għandu jitqies l-iskop li titneħħa l-imposizzjoni tat-taxxa fuq l-importazzjoni u l-ħelsien mit-taxxa fuq l-esportazzjoni fil-kummerċ bejn Stati Membri; billi għandu jkun assigurat li s-sistema komuni ta’ taxxi fuq il-bejgħ hija non-diskriminatorja għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-oriġini ta’ oġġetti u servizzi, sabiex fl-aħħar jintlaħaq suq komuni li jippermetti kompetizzjoni ġusta u li jkun tassew jixbaħ suq intern”.

5        L-erbatax il-premessa ta’ din id-direttiva tinqara kif ġej:

“Billi l-obbligi ta’ min iħallas it-taxxa għandhom ikunu armonizzati kemm jista’ jkun biex ikun assigurat il-ħarsien meħtieġ tal-ġbir tat-taxxi b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha; billi min iħallas it-taxxa għandu, b’mod partikolari, jibgħat kull tant żmien prospett li jkun jiġbor fih l-operazzjonijiet tiegħu kollha, li jkollhom x’jaqsmu kemm għal dħul u kemm għal ħruġ jekk jidher li dan ikun meħtieġ biex tkun stabbilita u sorveljata l-bażi ta’ l-istima tar-riżorsi ta’ dak li jkun”.

6        Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, kif ukoll l-importazzjoni ta’ oġġetti.

7        L-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“[...]

4.      Kull persuna taxxabbli għandha tissottometti prospett f’intervall li għandu jkun stabbilit minn kull Stat Membru. […]

         [...]

5.      Kull persuna taxxabbli għandha tħallas l-ammont net ta[’ VAT] meta [t]issottometti l-prospett. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jiffissaw data differenti għall-ħlas ta’ l-ammont u jistgħu jitolbu ħlas temporanju.

[...]

8.      […] l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligazzjonijet oħrajn li huma jqisu neċessarji għall-impo[ż]izzjoni ġusta u l-ġbir tat-taxxa u għall-prevenzjoni ta’ frodi.

[...]”

 Id-dritt nazzjonali

8        L’Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002, li jirregolaw rispettivament id-“Dikjarazzjonijiet addizzjonali tal-elementi taxxabbli għas-snin preċedenti” u r-“Regolarizzazzjoni awtomatika għas-snin preċedenti”, jikkonċernaw kemm il-VAT kif ukoll it-taxxi l-oħra u kontribuzzjonijiet obbligatorji.

 L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 289/2002

9        Essenzjalment, l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 289/2002 jipprovdi l-possibbiltà għall-persuni taxxabbli li jippreżentaw dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT bħala rettifika għad-dikjarazzjonijiet diġà ppreżentati għas-snin ta’ stima bejn is-snin 1998 u 2001. Skont l-imsemmi Artikolu 8(3), din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi l-ħlas tal-ammont addizzjonali tal-VAT dovut qabel is-16 ta’ April 2003, li hija kkalkolata “billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet fis-seħħ matul kull waħda mis-snin ta’ stima”. Din id-dikjarazzjoni hija valida biss jekk turi somom addizzjonali dovuti ta’ mill-inqas EUR 300 għal kull sena ta’ stima. Il-ħlasijiet jistgħu jsiru f’żewġ pagamenti ndaqs jekk jaqbżu EUR 3 000 għal persuni fiżiċi jew EUR 6 000 għal persuni ġuridiċi.

10      L-Artikolu 8(4) tal-Liġi Nru 289/2002 jipprovdi l-possibbiltà li tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT skont proċedura kunfidenzjali. Madankollu, il-persuna taxxabli li ma tkun iffirmat l-ebda dikjarazzjoni għas-snin ta’ stima kkonċernati ma tistax tibbenefika minn din il-possibbiltà.

11      Skont l-Artikolu 8(6) ta’ din il-liġi, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT tinkludi, f’dak li jikkonċerna l-ammonti ekwivalenti għall-VAT miżjuda, ġejjin minn din id-dikjarazzjoni miżjuda b’100 %, jew ammont ta’ VAT dovut korrispondenti għad-doppju ta’ dak iddikjarat mill-persuna taxxabbli, it-tneħħija tas-sanzjonijiet amministrattivi fiskali, l-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet penali fuq il-persuna taxxabbli kkonċernata għal ċertu ksur fiskali u ta’ dritt komuni kif ukoll l-esklużjoni ta’ kull verifika ta’ taxxa.

12      L-Artikolu 8(9) ta’ din il-liġi jippermetti lill-persuni taxxabbli li użaw il-proċedura kunfidenzjali prevista taħt l-Artikolu 8(4) ta’ din l-istess liġi sabiex jiġu eżentati minn kwalunkwe verifika minbarra dik dwar il-koerenza tad-dikjarazzjonijiet addizzjonali tagħhom.

13      L-Artikolu 8(10) tal-Liġi Nru 289/2002 jipprovdi li ma jistgħux madankollu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8:

–        il-persuni taxxabbli, li, meta daħlet fis-seħħ din il-liġi, ikunu ġew innotifikati b’rapport ta’ verifika li jinkludi riżultat pożittiv, avviż ta’ rettifika jew stedina sabiex tipparteċipa fil-kontradittorju;

–        il-persuni taxxabbli li fil-konfronti tagħhom jinbdew proċeduri penali għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 8(6)(ċ) ta’ din il-liġi u li dwarhom kienu formalment informati qabel id-data li ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT.

14      Skont l-Artikolu 8(12) tal-Liġi Nru 289/2002, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT ma tistax tikkostitwixxi informazzjoni ta’ ksur penali.

 L-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 289/2002

15      L-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 289/2002 jikkonċerna r-“Regolarizzazzjoni awtomatika għas-snin preċedenti”. Skont iċ-ċirkulari Nru 12/2003 tal-agenzia delle Entrate – Direzione centrale normativa e contenzioso (Aġenzija tat-taxxi – Direttorat Ċentrali ta’ leġiżlazzjoni u tal-kontenzjuż), tal-21 ta’ Frar 2003, id-dikjarazzjoni għall-finijiet ta’din ir-regolarizzazzjoni awtomatika, prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 289/2002, għandha bħala għan, b’differenza mid-dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT prevista fl-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, mhux id-dikjarazzjoni tal-ammonti taxxabbli addizzjonali, iżda l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li tippermetti li jiġu ddeterminati l-ammonti li għandhom jitħallsu sabiex tingħata l-amnestija.

16      Filwaqt li s-snin ta’ stima koperti minn din ir-regolarizzazzjoni awtomatika huma l-istess li jissemmew fl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 289/2002, id-dikjarazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi għandha min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 9(1), tikkonċerna, “taħt piena ta’ nullità, is-snin ta’ stima kollha”.

17      Skont l-Artikolu 9(2)(b) tal-Liġi Nru 289/2002, ir-regolarizzazzjoni awtomatika għall-finijiet tal-VAT issir permezz tal-ħlas, għal kull wieħed mis-snin ta’ stima, “ta’ ammont ekwivalenti għal 2 % tat-taxxa fuq il-provvista ta’ oġġetti u servizzi min-naħa tal-persuna taxxabbli, li għalihom kienet dovuta t-taxxa matul is-sena ta’ stima”, u ta’ ammont ekwivalenti għal 2 % tal-VAT fuq il-provvista ta’ oġġetti u servizzi “imnaqqas matul l-istess perijodu”, fejn dawn l-ammonti għandhom ikunu akkumulati. Din il-perċentwali hija ffissata għal 1.5 % għal taxxa mħallsa fuq ix-xiri jew fuq il-bejgħ li taqbeż EUR 200 000 u għal 1 % għal kull ammont li jaqbeż EUR 300 000. Meta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkollha bħala konsegwenza l-ħlas ta’ ammont li jaqbeż EUR 11 600 000, il-parti li taqbeż din is-somma titnaqqas bi 80 %. L-Artikolu 9(6) ta’ din il-liġi madankollu jintroduċi l-ħlas ta’ somma minima għal kull sena fiskali, jiġifieri EUR 500 meta d-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli kkonċernata ma jaqbiżx EUR 50 000, EUR 600 meta dan ikun bejn EUR 50 000 u 180 000 u EUR 700 meta dan id-dħul mill-bejgħ jaqbeż EUR 180 000.

18      Għal kull sena fiskali li għaliha ma tkunx ġiet ippreżentata dikjarazzjoni, l-Artikolu 9(8) tal-Liġi Nru 289/2002 jeħtieġ il-ħlas ta’ somma fissa ta’ EUR 1 500 mill-persuni fiżiċi kkonċernati u ta’ EUR 3 000 mill-kumpanniji u mill-assoċjazzjonijiet.

19      Skont l-Artikolu 9(10)(b) u (ċ) ta’ din il-liġi, ir-regolarizzazzjoni awtomatika għall-finijiet tal-VAT tagħti lok, għall-persuna taxxabbli kkonċernata, għat-tneħħija tas-sanzjonijiet amministrattivi fiskali, l-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet penali għal ċertu ksur fiskali u mhux fiskali konness, kif ukoll l-esklużjoni ta’ kull verifika fiskali.

20      Skont l-Artikolu 9(14) tal-Liġi Nru 289/2002, huma esklużi mill-benefiċċju ta’ din ir-regolarizzazzjoni awtomatika:

–        il-persuni taxxabbli, li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, ġew innotifikati b’rapport ta’ verifika li jkollu riżultat pożittiv, avviż ta’ rettifika jew ittra ta’ intimazzjoni/stedina sabiex tipparteċipa fil-kontradittorju;

–        il-persuni taxxabbli li kontra tagħhom jinbdew proċeduri penali għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 9(10)(ċ) ta’ din il-liġi u li dwarhom kienu formalment informati qabel id-data li ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni addizzjonali.

–        il-persuni taxxabbli li naqsu milli jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet kollha dwar il-kontribuzzjonijiet kollha msemmija f’dan l-Artikolu 9(2) u għas-snin ta’ stima kollha msemmija fl-Artikolu 9(1).

 Il-proċedura prekontenzjuża

21      Billi qieset li d-dispożizzjonijiet tal-artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002 huma inkompatibbli mal-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva kif ukoll mal-Artikoli 10 KE u 249 KE, il-Kummissjoni, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana fis-16 ta’ Diċembru 2003. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2004, dan l-Istat Membru kkontesta l-inkompatibbiltà invokata mill-Kummissjoni. Peress li ma kinitx sodisfatta mit-tweġiba tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru b’ittra tat-18 ta’ Ottubru 2004 fejn talbitha tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha. Fit-tweġiba tal-31 ta’ Jannar 2005 għal din l-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana kkontestat mill-ġdid l-eżistenza ta’ din l-inkompatibbiltà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

22      Il-Kummissjoni ssostni li, billi pprovdiet b’mod espliċitu u ġenerali, fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002, li ma jiġux ivverifikati t-tranżazzjonijiet taxxabbli li saru matul ċertu perijodi ta’ tassazzjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva, kif ukoll tal-Artikolu 10 KE.

23      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 10 KE jimponu obbligu doppju fuq l-Istati Membri, li għandhom jadottaw, minn naħa, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi taħt id-dritt nazzjonali kollha li huma neċessarji sabiex is-Sitt Direttiva jkollha effett u, min-naħa l-oħra, il-miżuri kollha ta’ natura amministrattiva neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-osservanza, mill-persuni suġġetti għall-VAT, tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, u b’mod partikolari dak li sa ċertu terminu titħallas it-taxxa dovuta wara l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet taxxabbli.

24      Skont il-Kummissjoni, l-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002 jikkostitwixxu deroga mil-leġiżlazzjoni ġenerali li tirregola l-VAT u li tittrasponi, fid-dritt Taljan, id-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-VAT. Il-Kummissjoni tqis li din id-deroga tmur kontra l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva.

25      Fir-rigward tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva li tiġi suġġetta għall-VAT il-kunsinna ta’ oġġetti kollha kif ukoll il-provvista ta’ servizzi, il-Kummissjoni ssostni li mhuwiex possibbli li Stat Membru unilateralment jevita l-obbligu li jissuġġetta l-VAT fuq ċerti kategoriji ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, kemm billi jintroduċi eżenzjonijiet ta’ taxxa mhux previsti mil-leġiżlatur Komunitarju, kemm billi jeskludi tranżazzjonijiet taxxabbli mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li bil-kontra għandhom ikunu ġejjin minnha.

26      Fir-rigward tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva, il-Kummissjoni ssostni li, peress li dawn l-obbligi ġew ifformolati bi kliem inekwivoċi u imperattivi, l-Istat Membri jistgħu jeżentaw il-persuni suġġetti għaliha minn obbligu jew minn ieħor biss jekk dispożizzjoni speċifika ta’ dan l-Artikolu 22 tagħtihom espliċitament id-dritt li jidderogaw minn dawn l-obbligi. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 22(8) ta’ din id-direttiva huwa intiż sabiex l-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali jkollhom il-mezzi ta’ verifika meħtieġa filwaqt li jissuġġettaw il-persuni taxxabbli għall-obbligi li jikkorrispondu ma’ dawn il-ħtiġijiet ta’ verifika, kif ukoll li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li “jassiguraw il-ġbir tat-taxxa dovuta” permezz ta’ azzjoni effettiva ta’ verifika u ta’ ġlieda kontra l-frodi. Skont il-Kummissjoni, dan l-Artikolu 22 ma jagħti l-ebda segħa ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex dawn ikunu jistgħu jeżentaw il-persuni taxxabbli kollha mill-obbligu tagħhom li jżommu kontabbiltà, li joħorġu rċevuti u li jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ ħlas tal-VAT.

27      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li meta jivverifikaw l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT u tal-ħlasijiet korrispondenti magħmula mill-persuni taxxabbli, l-Istati Membri jibbenefikaw minn ċertu marġini ta’ diskrezzjoni li tippermettilhom jadattaw l-azzjoni tagħhom ta’ verifika skont ir-riżorsi umani u l-mezzi tekniċi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom għal dan il-għan. Madankollu, hija ssostni li l-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002 imorru lil hinn mill-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mil-leġiżlatur Komunitarju, peress illi r-Repubblika Taljana introduċiet minn qabel rinunzja ġenerali u mingħajr distinzjoni għad-dritt ta’ verifika u implementazzjoni permezz ta’ verifiki fir-rigward tal-VAT.

28      Billi kkonstatat barra minn hekk in-nuqqas ta’ kull rabta bejn id-dejn fiskali kkalkulat skont ir-regoli komuni li jirregolaw il-VAT u l-ammonti li għandhom jitħallsu mill-persuni taxxabbli li jixtiequ jibbenefikaw mill-iskemi ta’ amnestija previsti rispettivament fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli huma ta’ natura li jfixklu serjament it-tħaddim korrett tas-sistema komuni ta’ VAT, jikkawżaw distorsjoni tal-prinċipju tan-newtralità fiskali li hija parti minn din is-sistema u jippreġudikaw l-obbligu li t-taxxa tinġabar bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.

29      Ir-Repubblika Taljana, li tirrikonoxxi li l-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-VAT timponi fuq l-Istati Membri li japplikaw it-taxxa fuq il-persuni taxxabbli kollha u li jwettqu verifika bħala konsegwenza għal dan l-obbligu, issostni li l-mekkaniżmu previst fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002 m’għandux effett la fuq l-obbligi tal-persuni taxxabbli u lanqas fuq l-elementi li jikkostitwixxu t-taxxa. Bil-kontra, dan il-mekkaniżmu jidħol fl-oqsma tal-verifika u tal-irkupru tat-taxxa, li fihom l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali.

30      Skont dan l-Istat Membru, l-ilment tal-Kummissjoni, intiż sabiex jikkwalifika l-mekkaniżmu previst fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002 bħala rinunzja “ġenerali, mingħajr distinzjoni u minn qabel tad-dritt ta’ verifika u ta’ verifika fil-qasam tal-VAT”, huwa tali li jipprekludi b’mod ġenerali lill-Istati Membri milli jirrikorru għal strumenti ta’ konċiljazzjoni jew ta’ soluzzjoni tal-kawżi pendenti sabiex jiġu evitati kwistjonijiet kontenzjużi u sabiex ikun hemm ġbir immedjat ta’ taxxa permezz ta’ tnaqqis miftiehem ta’ taxxi.

31      Ir-Repubblika Taljana ssostni b’mod partikolari li l-amministrazzjoni fiskali tagħha mhijiex f’pożizzjoni li tivverifika l-persuni taxxabbli kollha, b’mod li s-sistema prevista fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002 tippermetti l-ġbir immedjat ta’ parti mdaqqsa mit-taxxa u li tiffoka l-attivitajiet tagħha ta’ verifika fuq il-persuni taxxabbli li ma rrikorrewx għall-proċedura ta’ amnestija inkwistjoni.

32      Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li l-fatt li jinġabru ammonti ta’ taxxa li huma, fil-fehma tiegħu, kunsiderevolment ogħla minn dawk li setgħu nġabru taħt il-proċedura ordinarja ta’ verifika u ta’ kontroll jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-obbligi li jirriżultaw mis-Sitt Direttiva ġew osservati u li ma jistax jiġi sostnut l-oppost minħabba s-sempliċi raġuni li l-irkupru sar taħt il-forma ta’ ħlasijiet spontanji effettwati mill-persuni taxxabbli pjuttost milli wara talba vinkolanti tal-amministrazzjoni fiskali.

33      Dan l-Istat Membru jsostni li l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 289/2002 għandu bħala għan li jippermetti lill-persuni taxxabbli li ma jkunux għadhom meqjusa bħala persuni frawdolenti mill-amministrazzjoni fiskali li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom bil-kundizzjoni li jiddikjaraw minn rajhom l-ammonti taxxabbli involuti fil-frodi u li huma jħallsu somma li tikkorrispondi mill-inqas għal 50 % tat-taxxa evaża (jew żewġ terzi tagħha jekk hija taxxa minn ras il-għajn). Permezz tal-ħlas li jkun sar, l-amministrazzjoni fiskali ma tkunx tista’ twettaq verifiki fuq is-somom li ma jaqbżux mill-inqas 100 % tas-somom iddikjarati addizzjonalment (jew 50 % jekk dan ikun jirrigwarda taxxa minn ras il-għajn addizzjonali).

34      Permezz tal-artikolu 8(10) tal-Liġi Nru 289/2002, li d-dispożizzjonijiet tagħha jissemmew fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-persuni taxxabbli diġà magħrufa bħala persuni frawdolenti huma esklużi milli jibbenefikaw mill-iskema prevista f’dan l-Artikolu 8.

35      Fir-rigward tal-artikolu 9 tal-Liġi Nru 289/2002, ir-Repubblika Taljana tindika li l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni jiġi miċħud fiż-żewġ ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 8(10) ta’ din il-liġi, esposti fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, kif ukoll, skont l-Artikolu 9(14) tal-imsemmija liġi, ladarba l-persuna kkonċernata tkun naqset milli tippreżenta dikjarazzjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 9(2) u għas-snin ta’ stima kollha msemmija fl-Artikolu 9(1).

36      Dan l-Istat Membru jippreċiża li r-riferiment, fl-Artikolu 9(14) tal-Liġi Nru 289/2002 għall-“kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2” dejjem ġie interpretat fis-sens li l-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(a) ta’ din il-liġi u l-VAT imsemmija fl-Artikolu 9(2)(b) għandhom jiġu kkunsidrati separatament. B’hekk, ġie stabbilit li l-fatt li wieħed ikun naqas milli jiddikjara l-VAT matul is-snin kollha kkonċernati jostakola l-benefiċċju ta’ regolarizzazzjoni awtomatika prevista fl-imsemmi Artikolu 9, anki jekk, għall-istess snin, id-dikjarazzjonijiet relatati ma’ taxxi oħra jkunu ġew ippreżentati. Dan l-Istat Membru jżid li, skont l-Artikolu 9(9) tal-Liġi Nru 289/2002, l-amministrazzjoni fiskali tibqa’ bid-dritt li tirkupra t-taxxa dovuta abbażi ta’ informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-VAT u li, f’kull każ, il-verifika tat-taxxa hija dejjem possibbli meta tirrigwarda l-verifika tad-dritt (jew in-nuqqas ta’ dritt) għar-rifużjoni tat-taxxa li għandha tirriżulta minn din id-dikjarazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Jirriżulta mill-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva, kif ukoll mill-Artikolu 10 KE, li kull Stat Membru għandu l-obbligu li jadotta l-liġijiet u l-miżuri amministrattivi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollu dovut fit-territorju tiegħu. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet, il-kontijiet tagħhom u dokumenti rilevanti oħra u għandhom jikkalkolaw u jiġbru t-taxxa dovuta.

38      Fil-kuntest tas-sistema komuni ta’ VAT, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligi li għalihom huma suġġetti l-persuni taxxabbli filwaqt li jibbenefikaw, f’dan ir-rigward, minn ċertu flessibbiltà fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ kif għandhom jagħmlu użu mill-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom.

39      Din il-flessibbiltà hija madankollu limitata mill-obbligu li jiġi żgurat il-ġbir effettiv tar-riżorsi tal-Komunità u f’dan is-sens li ma jinħolqux differenzi sinjifikattivi fil-mod ta’ kif jiġu ttrattati l-persuni taxxabbli, kemm fi ħdan wieħed mill-Istati Membri partikolari kif ukoll fl-Istati Membri kollha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata skont il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, li jgħid li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti matul il-ġbir tal-VAT (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Cimber Air, C-382/02, Ġabra p. I-8379, punt 24). Kull azzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġbir tal-VAT għandha tosserva dan il-prinċipju.

40      Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 289/2002, il-persuni taxxabbli li ma jkunux osservaw l-obbligi tagħhom matul is-snin ta’ stima inklużi bejn is-snin 1998 u 2001 – jew, f’ċertu każijiet, sena biss qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi – jistgħu jaħarbu minn kull kontrol, kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli, fil-limitu ta’ ammont ekwivalenti għad-doppju tal-ammont ta’ VAT li jinsab fid-dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT. Fil-fatt, l-awtoritajiet Taljani m’għandhom l-ebda bażi sabiex jivverifikaw it-tranżazzjonijiet taxxabbli magħmula matul l-erba’ snin qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, fil-limitu, madankollu, tal-ammonti ffissati fl-Artikolu 8(6) ta’ din l-istess liġi. Din ir-rinunzja hija applikabbli, bħala prinċipju, meta l-persuna taxxabbli tiddikjara u tħallas l-ammont li kellha tħallas inizjalment. Madankollu, peress li verifika tista’ ssir biss għall-ammonti li jaqbżu d-doppju ta’ dawk li l-persuna taxxabbli ddikjarat fid-dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT, il-Liġi Nru 289/2002 hija ta’ natura li tħeġġeġ kunsiderevolment lill-persuni taxxabbli sabiex jiddikjaraw parti biss mid-dejn effettivament dovut. B’hekk il-persuni taxxabbli li jibbenefikaw minn dan l-artikolu jaħarbu definittivament l-obbligi tagħhom li jiddikjaraw u jħallsu l-ammont ta’ VAT normalment dovut għas-snin ta’ stima inklużi bejn is-snin 1998 u 2001.

41      Fir-rigward tal-ammont ta’ VAT dovut skont l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 289/2002, dan huwa differenti minn dak li l-persuna taxxabbli kellha tħallas. Fil-fatt, skont dan l-artikolu, persuna taxxabbli li ma tkunx ippreżentat dikjarazzjoni għas-snin ta’ stima inklużi bejn is-snin 1998 u 2001 tista’ taħrab minn kull verifika kif ukoll minn kull sanzjoni amministrattiva fiskali u penali, billi tħallas somma li tammonta għal 2 % tal-VAT dovut fuq il-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi pprovduti minnha kif ukoll 2 % tal-VAT imnaqqas matul l-istess perijodu. Din il-perċentwali hija ffissata għal 1.5 % għal taxxa mħallsa fuq ix-xiri jew fuq il-bejgħ li taqbeż EUR 200 000 u għal 1 % għal kull ammont li jaqbeż EUR 300 000. Meta l-ammont dovut skont l-Artikolu 9 jaqbeż ċertu livell, il-parti li taqbeż dan il-livell titnaqqas bi 80 %. L-ammonti li għandhom jitħallsu ma jistgħux ikunu inqas minn EUR 500.

42      Isegwi li l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 289/2002 jippermetti lill-persuni taxxabbli li ma jkunux osservaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-VAT, għas-snin ta’ stima inklużi bejn is-snin 1998 u 2001, li jaħarbu definittivament minnhom kif ukoll mis-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi, billi jħallsu somma fissa minflok ammont proporzjonali għad-dħul magħmul mill-bejgħ. Madankollu, dawn is-somom fissi mhumiex proporzjonati meta pparagunati mal-ammont li l-persuna taxxabbli jmissha ħallset abbażi tad-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet magħmula minnha iżda li ma ddikjaratx.

43      Billi ssostitwixxew, ftit taż-żmien wara l-iskadenza tat-termini mogħtija lill-persuni taxxabbli sabiex iħallsu l-ammonti ta’ VAT normalment dovuti, l-obbligi tal-persuni kkonċernati li jirriżultaw mill-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva permezz ta’ obbligi oħra li ma jirrikjedux il-ħlas ta’ dawn l-ammonti, l-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002 jirrendu bla effett dawn l-artikoli tas-Sitt Direttiva, li madankollu huma l-bażi tas-sistema komuni ta’ VAT, u jolqtu, għaldaqstant, l-istruttura nnifisha ta’ din it-taxxa. L-iżbilanċ sinjifikattiv li jeżisti bejn l-ammonti effettivament dovuti u dawk li jitħallsu mill-persuni taxxabbli li jixtiequ jibbenefikaw mill-amnestija fiskali inkwistjoni tagħti lok għal kważi eżenzjoni fiskali.

44      Jirriżulta b’hekk li l-Liġi Nru 289/2002 tolqot serjament it-tħaddim korrett tas-sistema komuni tal-VAT. Id-dispożizzjonijiet tagħha jikkawżaw distorsjoni tal-prinċipju tan-newtralità fiskali billi jintroduċu varjazzjonijiet sinjifikattivi ta’ trattament bejn il-persuni taxxabbli fit-territorju Taljan. Għall-istess raġuni, dawn id-dispożizzjonijiet jikkawżaw ħsara għall-obbligu li jiġi żgurat ġbir ekwivalenti tat-taxxa fl-Istati Membri kollha.

45      Safejn, kif tindika r-raba’ premessa tas-Sitt Direttiva, il-prinċipju tan-newtralità tat-taxxa huwa intiż sabiex jippermetti t-twettiq ta’ suq komuni li jikkomporta kompetizzjoni ġusta, it-tħaddim stess tas-suq komuni jsib ruħu affettwat mil-leġiżlazzjoni Taljana peress li, fl-Italja, il-persuni taxxabbli jistgħu jittamaw li ma jkollhomx iħallsu parti kbira mill-piż tagħhom ta’ taxxa.

46      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan il-kuntest, li l-ġlieda kontra l-frodi hija għan rikonoxxut u inkoraġġut mis-Sitt Direttiva (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 71, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Ampliscientifica u Amplifin, C-162/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29). B’hekk, l-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu, jekk ikun il-każ, għal obbligi supplimentari sabiex tiġi evitata l-frodi.

47      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Taljana għandha effett kuntrarju safejn il-persuni taxxabbli ħatja ta’ frodi jsibu ruħhom avvantaġġati mil-Liġi Nru 289/2002.

48      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-każijiet ta’ esklużjoni mill-benefiċċju tal-miżura ta’ amnestija fiskali inkwistjoni jwasslu sabiex jiġi mnaqqas l-impatt reali tagħha. Hija ssostni b’mod partikolari li l-persuni taxxabbli li ma ppreżentawx dikjarazzjonijiet tal-VAT għal ebda waħda mis-snin ta’ stima kkonċernati kif ukoll dawk li ma osservawx l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-VAT u fil-konfronti tagħhom ikunu diġà ingħalqu proċeduri favur l-awtoritajiet tat-taxxa huma esklużi mill-benefiċċju ta’ din il-miżura.

49      Madankollu, iċ-ċifri pprovduti għad-difiża tagħha mir-Repubblika Taljana, li jgħidu li madwar 15 % tal-persuni taxxabbli, jew madwar 800 000 fosthom, kienu talbu l-benefiċċju ta’ amnestija fiskali matul is-sena 2001, juru l-portata ta’ miżura li ma tistax titqies li għandha portata limitata, minkejja l-każijiet ta’ esklużjoni mressqa mill-Istat Membru kkonċernat.

50      Peress li l-każijiet ta’ esklużjoni huma limitati ħafna, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkwalifikat il-miżura ta’ amnestija kkontestata bħala rinunzja ġenerali u mingħajr distinzjoni għas-setgħa ta’ verifika u ta’ stima bl-għan ta’ rkupru eżerċitata mill-amministrazzjoni tat-taxxa.

51      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Liġi Nru 289/2002 ippermettiet lit-Teżor pubbliku jirkupra b’mod immedjat mingħajr ma kellu jibda’ proċeduri ġudizzjarji twal parti mill-VAT li ma ġietx iddikjarata inizjalment.

52      Minbarra dan, billi introduċiet miżura ta’ amnestija ftit żmien wara l-iskadenza tat-termini li fihom il-persuni taxxabbli kellhom iħallsu l-VAT u billi talbet il-ħlas ta’ ammont żgħir ħafna meta mqabbel mat-taxxa effettivament dovuta, il-miżura inkwistjoni tippermetti lill-persuni taxxabbli kkonċernati jaħarbu definittivament mill-obbligi imposti fuqhom fil-qasam tal-VAT meta l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa setgħu jsibu mill-inqas parti minn dawn il-persuni taxxabbli matul l-erba’ snin li ppreċedew id-data tal-preskrizzjoni tat-taxxa normalment dovuta. F’dan is-sens, il-Liġi Nru 289/2002 tmur kontra r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiżgura l-ġbir tat-taxxa dovuta.

53      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni huwa fondat u għandu jiġi kkonstatat li, billi pprovdiet fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289/2002 sabiex b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni ma jiġux ivverifikati t-tranżazzjonijiet taxxabbli li saru matul ċertu perijodi ta’ tassazzjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva kif ukoll taħt l-Artikolu 10 KE.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi pprovdiet fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 289 tas-27 ta’ Diċembru 2002, dwar dispożizzjonijiet għat-tfassil tal-baġit annwali u pluriennali tal-Istat (liġi tal-finanzi għall-2003) [legge n. 289, disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2003)], tas-27 ta’ Diċembru 2002, għar-rinunzja ġenerali u mingħajr distinzjoni għall-verifika tat-tranżazzjonijiet taxxabbli li saru matul ċertu perijodi ta’ tassazzjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif ukoll taħt l-Artikolu 10 KE.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.