Kawża C-174/06
Ministero delle Finanze – Ufficio IVA di Milano
vs
CO.GE.P. Srl
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Corte suprema di cassazione)
“Sitt Direttiva – VAT – Tranżazzjonijiet eżenti – Kiri ta’ beni immobbli – Proprjetà ta’ l-Istat”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2007
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva
(Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, Artikolu 13B(b))
L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni ġuridika bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha persuna tiġi mogħtija d-dritt li tuża u tokkupa, ukoll b’mod esklużiv, proprjetà pubblika, jiġifieri żoni marittimi, għal żmien definit u bil-kundizzjoni ta’ renumerazzjoni, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kera ta’ proprjetà immobbli” fis-sens ta’ l-imsemmi artikolu. Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li l-karatteristika fondamentali ta’ l-imsemmija relazzjoni, li hija applikabbli wkoll fil-każ ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, tikkonsisti fiċ-ċessjoni ta’ żona, jiġifieri parti minn proprjetà marittima, fuq ħlas, flimkien mad-dritt mogħti liċ-ċessjonarju li jokkupa l-immobbli bħallikieku kien il-proprjetarju u li jeskludi kull persuna oħra mill-benefiċċju ta’ tali dritt. B’ konsegwenza ta’ dan, ir-rispett tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, kif ukoll il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva jiġu applikati b’mod koerenti, speċjalment dawk relattivi għall-eżenzjonijiet, iwasslu biex relazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi assimilata mal-kera ta’ proprjetà immobbli fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(b) ta’ l-imsemmija direttiva.
(ara l-punti 34-36 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
25 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Sitt Direttiva – VAT – Tranżazzjonijiet eżenti – Kiri ta’ beni immobbli – Proprjetà ta’ l-Istat”
Fil-kawża C-174/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ Deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-3 ta’ April 2006, fil-proċedura
Ministero delle Finanze – Ufficio IVA di Milano
vs
CO.GE.P. Srl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur), J.-C. Bonichot u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għar-Repubblika Taljana, minn S. Fiorentino, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u M. Afonso, bħala aġenti,
wara li ħadet id-deċiżjoni, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva” ).
2 Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ministero delle Finanze – Ufficio IVA di Milano (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) u l-kumpannija b’responsabbilità limitata CO.GE.P, li n-negożju tagħha jinkludi l-preparazzjoni u t-taħlit ta’ prodotti derivati miż-żejt mhux raffinat (iktar ’il quddiem “CO.GE.P”) dwar il-legalità fiskali tal-kontijiet li jkopru t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) maħruga fil-konfront tagħha mill-Consorzio Autonomo del Porto di Genova (Konsorzju Awtonomu tal-Port ta’ Ġenova, iktar ’il quddiem il-“konsorzju”), fir-rigward tal-konċessjoni ta’ żoni marittimi pubbliċi intiżi għall-ħażna, il-manifattura u l-immaniġġjar ta’ żjut minerali
Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond il-ħdax-il premessa tagħha, is-Sitt Direttiva hija intiża, b’mod speċjali, li tħejji lista komuni ta’ eżenzjonijiet mill-VAT sabiex ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet ikunu jistgħu jinġabru b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.
4 Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” huma suġġetti għall-VAT.
5 L-Artikolu 4(1), (2) u (5) ta’ l-imsemmija Direttiva tipprovdi:
“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [persuni li jipprovdu servizzi], magħduda [inklużi wkoll] attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-[tal-] professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.
[…]
5. Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-[mid-] dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.
Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu [persuni] taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet [...] [meta, li kieku] jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.
F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala [persuni] taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, [...] [sakemm dawn ma jkunux fuq skala tant żgħira li jkunu negliġibbli.]
Stati Membri jistgħu iqisu attivitajiet ta’ dawn il-korpi li jkunu eżenti bl-Artikolu 13 jew 28 bħala attivitajiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi.”
6 L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva li tinsab taħt it-titolu X ta’ l-imsemmija Direttiva, intitolata “Eżenzjonijiet” tipprovdi :
“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw [...] [l-affarjiet li ġejjin] taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u [...] [l-] prevenzjoni ta’ kwalunkwe [...] [evażjoni,] evitar u abbuż:
[...]
b) il-kiri [...] [jew il-lokazzjoni] ta’ proprjeta immobbli esklużi:
1. il-proviżjoni ta’ akkomadazzjoni, kif definita fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, fis-settur tal-lukandi jew fis-setturi b’funzjoni simili, inklużi l-proviżjoni ta’ akkomodazzjoni f’kampijiet tal-vaganzi jew f’siti żviluppati għall-użu bħala siti ta’ kkampjar;
2. [...] il-lokazzjoni ta’ fondi u sisi [siti] għall-ipparkjar tal-karozzi;
3. [...] il-lokazzjoni ta’ tagħmir u makkinarju installat [b’mod] permanenti;
4. il-kiri ta’ kaxxiforti
L-Istati Membri jistgħu japplikaw iżjed esklużjonijet [...] [fil-kuntest tal-portata] ta’ din l-eżenzjoni .”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 L-Artikolu 1 tad-digriet Nru 633 tal-President tar-Repubblika, tas-26 ta’ Ottubru 1972, li jistitwixxi u jirregola t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“DPR Nru 633/72”) jipprovdi kif ġej :
“It-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi imposta fuq il-kunsinna ta’ oġġetti u fuq il-provvista ta’ servizzi mwettqa fit-territorju ta’ l-Italja, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju ta’ attività, negozju jew professjoni, kif ukoll fuq l-importazzjonijiet imwettqa minn kull persuna.”
8 Skond l-Artikolu 10(8) ta’ l-imsemmi digriet, il-kirjiet mhux finanzjarji u l-kirjiet agrikoli, kif ukoll l-assenjazzjoni, it-terminazzjoni u l-prorogi ta’ dawn ta’ l-aħħar, li jikkonċernaw l-artijiet u l-ażjendi agrikoli, l-artijiet oħra barra dawk intiżi għall-ipparjkar tal-vetturi, [...] il-bini, inklużi wkoll l-estensjonijiet, il-bhejjem, u b’mod ġenerali l-beni mobbli intiżi li jintużaw għal żmien twil fis-servizz ta’ proprjetà immobbli, mikrija jew mogħtija b' titolu ta' lokazzjoni, salv dawk l-istumenti li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, ma jistgħux jintużaw għal ħaġa oħra mingħajr bdil radikali u dawk intiżi għall-użu ta’ ġewwa d-dar mikrija mill-impriżi li bnewhom bil-għan li jinbiegħu, huma eżenti mit-taxxa.
9 L-Artikolu 36 tal-Kodiċi Marittimu Taljan, appruvat mid-Digriet Irjali Nru 327 (Codice della navigazione approvato con Regio decreto n. 327), tat-30 ta’ Marzu 1942 (Gazzetta Ufficiale Nro 93, tat-18 ta’ April 1942, Ħarġa Speċjali), jipprovdi li, bla ħsara għal-bżonnijiet ta’ użu pubbliku, l-amministrazzjoni marittima tista’ tagħti, għal żmien definit, l-okkupazzjoni u l-użu ta’ proprjetà ta’ l-Istat u partijiet mill-ibħra territorjali, inkluż id-dritt esklużiv.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 Wara li kklassifika l-għotja taż-żoni Marittimi bħala tranżazzjonijiet li ma kinux suġġetti għall-VAT, il-konsorzju ħareġ fil-konfront ta’ CO. GE.P kontijiet li ma kinux jinkludu l-VAT. Min-naħa tagħha, l-amministrazzjoni fiskali nnotifikat lil CO. GE.P b’avviżi ta’ aġġustament tal-VAT għas-snin 1991 sa l-1993.
11 B’rikors imressaq fit-30 ta’ Mejju 1996 quddiem il-Commissione tributaria di primo grado di Milano (qorti fiskali ta’ l-ewwel istanza ta’ Milan), CO.GE.P. oġġezzjonat għall-avviżi ta’ aġġustament imsemmija iktar ’il fuq, filwaqt li kkuntesta li l-VAT tiġi imposta fuq servizzi pprovduti mill-konsorzju, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-VAT.
12 Il-qorti adita laqgħet ir-rikors imsemmi b’sentenza tad-19 ta’ Novembru 1996.
13 Fit-2 ta’ Frar 1996, l-Uffiċċju appella minn din is-sentenza minħabba li l-tranżazzjonijiet imwettqa kellhom jiġu suġġetti għall-VAT peress li kienu provvisti ta’ servizzi mogħtija fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.
14 B’sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru u ta’ l-20 ta’ Ottubru 1999, il-Commissione tributaria regionale della Lombardia (il-qorti fiskali reġjonali) caħdet l-appell tiegħu waqt li laqgħet l-argumenti ta’ CO. GE.P. li kienu jsostnu li l-għotja ta’ beni li jagħmlu parti mid-dominju pubbliku, kuntrarjament għal-kiri ta’ beni immobbli fis-sens strett tal-kelma, ma tistax titqies li hija la ċessjoni ta’ beni u lanqas prestazzjoni ta’ servizzi fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT, u, b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tiġi suġġetta għall-VAT.
15 Permezz ta’ att imressaq fit-14 ta’ Marzu 2000, l-Uffiċċju ressaq appell quddiem il-qorti tar-rinviju.
16 Quddiem din il-qorti, l-Uffiċċju sostna li l-konsorzju huwa, mingħajr dubju, stabbiliment pubbliku ta’ natura ekonomika.
17 L-Uffiċċju sostna wkoll li għalkemm l-att li bih ingħataw il-beni kien jinvolvi setgħa ta’ diskrezzjoni li taqa’ taħt id-dritt pubbliku, madankollu, l-att sar fit-twettiq ta’ attività ekonomika u kummerċjali intiża biex tagħti lok għal dħul fil-forma ta’ kera, li hija intiża għal twettiq ta’ l-attività ekonomika ta’ l-impriża pubblika. Barra minn hekk, l-għotja ta’ konċessjoni ta’ depożitu fil-kosta għal-ħażna ta’ zjut minerali bħal dak fil-kawża prinċipali, ma saritx fl-interess ġenerali jew ta’ użu pubbliku, imma għall skopijiet purament ekonomiċi.
18 F’dan ir-rigward, il-Qorti tar-rinviju tirrileva li skond l-amministrazzjoni fiskali Taljana, meta għotja, bħal dik fil-kawża prinċipali, tingħata minn stabbiliment tal-port u mhux mill-awtorità marittima, tali att jitqies li jkun parti mit-twettiq ta’ attività ekonomika u kummerċjali minħabba n-natura industrijali u kummerċjali ta’ l-imsemmi stabbiliment.
19 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispiega xi aspetti tad-dritt nazzjonali.
20 B’hekk, hija tenfasizza li anki jekk ir-relazzjoni bejn l-entità li tagħmel iċ-ċessjoni u ċ-ċessjonarju hija maħluqa b’att amministrattiv autorevoli, ta’ natura unilaterali u diskrezzjonali, huwa neċessarjament jippreżupponi espressjoni ta’ rieda minn naħa tal-parti kkonċernata biex tikseb l-għotja. Il-leġiżlazzjoni li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-awtorità li tagħmel iċ-ċessjoni u ċ-ċessjonarju tinsab fi ftehim bilaterali.
21 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju teskludi li taħt id-dritt nazzjonali l-għotja ta’ beni li jagħmlu parti minn port jistgħu jiġu kklassifikati bħala “servizzi portwali”.
22 Fl-aħħar nett, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skond il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (sentenzi tas-26 ta’ Mejju 1992, Nru 6281, u tal-25 ta’ Lulju 2001, Nru 10097), minkejja n-natura amministrativa tagħhom, l-atti li jikkonċedu proprjetà ta’ l-Istat magħmula minn entitajiet pubbliċi ta’ portijiet, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għotja ta’ proprjetà li tikkonferixxi dritt esklużiv ta’ l-użu ta’ dik il-propjeta magħmula fil-kuntest tad-dritt pubbliku. Fil-fatt, sakemm l-imsemmija atti jiffurmaw parti mill-kuntest ta’ attività ekonomika mwettqa mill-imsemmija entitajiet, huma espressament ikklassifikati bħala kuntratti ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, minkejja r-reġim ġuridiku distint tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-għotja ta’ proprjetà ta’ l-Istat għandha tiġi kkunsidrata bħala tranżazzjoni suġġetta għall-VAT.
23 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Is-sitwazzjoni ta’ persuna li tingħata d-dritt ta’ użu, inkluż dak esklużiv, ta’ proprjetà pubblika, mingħajr il-provvista ta’ servizzi li huma ta’ natura predominati meta mqabbla ma’ l-awtorizzazzjoni għal dak l-użu, għal żmien definit u bil-kundizzjoni ta’ renumerazzjoni li hija ferm anqas mill-valur tal-proprjetà, liema dritt jinħoloq, fuq talba tal-persuna kkonċernata, permezz ta’ att amministattiv ta’ entità pubblika li teżerċità attività industrijali jew kummerċjali, bħal fil-każ ta’ għotja ta’ proprjetà ta’ l-Istat irregolata mid-dritt nazzjonali pjuttost milli minn kuntratt, għandha tiġi kklassifikata bħala kiri ta’ proprjetà immobbli eżenti mill-VAT fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva?”
Fuq id-domanda preliminari
24 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konsorzju huwa entità pubblika ta’ natura ekonomika li, fir-rigward ta’ l-amministazzjoni tal-proprjetà ta’ l-Istat mogħti lilu, ma jaġixxix f’isem u min-naħa ta’ l-Istat li jibqa’ l-propjetarju ta’ dik il-proprjetà, iżda f’ismu proprju, sakemm jamministra l-imsemmija proprjetà, b’mod partikolari permezz ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet awtonomi.
25 B’hekk, il-kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa sabiex tista’ tiġi applikata r-regola ta’ trattament bħala persuna mhux taxxabbli li tinsab fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet minn entità pubblika u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet magħmula fil-kwalità ta’ awtorità pubblika, mhumiex sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública, C 446/98, Ġabra p. I 11435, punt 15).
26 Fir-rigward tar-risposta għad-domanda dwar jekk ir-relazzjoni ġuridika in kwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmilx parti mill-kunċett ta’ “kiri ta’ prop[r]jetà immobbli” fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, hemm lok li jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li skond ġurisprudenza kostanti, l-eżenzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju u għalhekk għandhom jingħataw definizzjoni Komunitarja (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Sinclair Collis, C-275/01, Ġabra p. I 5965, punt 22; u tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe, C-284/03, Ġabra p. I 11237, punt 16, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn, C-428/02, Ġabra p. I 1527, punt 27).
27 It-tieni nett, it-termini użati sabiex jiġu speċifikati l-eżenzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, peress illi dawn l-eżenzjonijiet jikkonstitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-358/97 Ġabra p. I-6301, punt 52; tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C-150/99, Ġabra p. I-493, punt 25, u Sinclair Collis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).
28 Din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx, madankollu, li t-termini użati biex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod li ċċaħħadhom mill-effetti tagħhom (ara s-sentenza Temco Europe, iċċitata iktar ’il fuq).
29 It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “kiri” u lanqas ma jirreferi għad-definizzjonijiet rispettivi adottati f’dan ir-rigward mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri (ara s-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen”, C-326/99, Ġabra p. I-6831, punt 44).
30 Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest tagħha, l-għanijiet u l-istruttura tas-Sitt Direttiva, waqt li għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, ir-ratio legis ta’ l-eżenzjoni li tipprovdi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq “Goed Wonen”, punt 50 u Fonden Marselisborg Lystbådehavn, punt 28).
31 Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kiri ta’ proprjetà immobbli fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva sostanzjalment jikkonsisti fil-fatt li sid jagħti lill-kerrej, għal żmien stabbilit u fuq ħlas, id-dritt li jokkupa immobbli bħallikieku kien il-proprjetarju u li jeskludi kull persuna oħra mill-benefiċċju ta’ tali dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi “Goed Wonen”, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55; tad-9 ta’ Ottubru 2001, Mirror Group,C-409/98, Ġabra p. I-7175, punt 31; tat-8 ta’ Mejju 2003, Seeling, C-269/00, Ġabra p. I-4101, punt 49, u Temco Europe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).
32 Fil-kawża prinċipali, ir-relazzjoni legali in kwistjoni titqajjem fil-kuntest ta’ kumpannija li ġiet konċessa d-dritt li tuża u tokkupa, ukoll b’mod esklużiv, żoni marittimi, jiġifieri maħżen li jinsab fil-kosta intiż għal ħażna, il-manifattura u l-immaniġġjar taż-żjut minerali, għal żmien definit u bil-kundizzjoni ta’ renumerazzjoni li hija ferm anqas mill-valur tal-proprjetà.
33 Inkwantu is-sustanza ta’ din ir-relazzjoni, din hija simili għal miżura kuntrattwali li tifforma parti mill-attività industrijali u kummerċjali eżerċitata mill-konsorzju.
34 Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li l-karatteristika fondamentali ta’ l-imsemmija relazzjoni, li hija applikabbli wkoll fil-każ ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, tikkonsisti fiċ-ċessjoni ta’ żona, jiġifieri parti minn proprjetà marittima, fuq ħlas, flimkien ma’ d-dritt mogħti liċ-ċessjonarju li jokkupa l-immobbli bħallikieku kien il-proprjetarju u li jeskludi kull persuna oħra mill-benefiċċju ta’ tali dritt.
35 B’ konsegwenza ta’ dan, ir-rispett tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, kif ukoll il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva jiġu applikati b’mod koerenti, speċjalment dawk relattivi għall-eżenzjonijiet, iwasslu biex relazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi assimilata mal-kera ta’ proprjetà immobbli fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(b) ta’ l-imsemmija Direttiva.
36 Fid-dawl ta’ dak kollu li intqal, hemm lok li r-risposta għad-domanda mqajma għandha tkun li l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni legali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha persuna tiġi mogħtija d-dritt li tuża u tokkupa, ukoll b’mod esklużiv, proprjetà pubblika, jiġifieri żoni marittimi, għal żmien definit u bil-kundizzjoni ta’ renumerazzjoni, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kera ta’ proprjetà immobbli” fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni ġuridika bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha persuna tiġi mogħtija d-dritt li tuża u tokkupa, ukoll b’mod esklużiv, proprjetà pubblika, jiġifieri żoni marittimi, għal żmien definit u bil-kundizzjoni ta’ renumerazzjoni, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kera ta’ proprjetà immobbli” fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.