Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2007 1(1)

Kawża C-256/06

Theodor Jäger

vs

Finanzamt Kusel-Landstuhl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja))

“Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 56 KE u 58 KE – Restrizzjonijiet – Taxxa tas-suċċessjoni – Artijiet agrikoli u patrimonju forestali fit-territorju nazzjonali u fi Stat Membru ieħor – Metodi differenti ta’ stima tal-patrimonju u l-kalkolu tat-taxxa dovuta”





1.     Fil-każ preżenti, il-Bundesfinanzhof titlob interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-kapital. B’mod partikolari, il-kwistjoni prinċipali hija l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq il-proprjetà fil-forma ta’ artijiet agrikoli u forestali, li tagħmel distinzjoni bejn proprjetà domestika u dik miżmuma fi Stat Membru ieħor.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

2.     L-Artikolu 56(1) KE (li qabel kien l-Artikolu 73b(1) KE) jipprovdi: “Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f'dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita”.

3.     Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 58 KE (li qabel kien l-Artikolu 73d KE) jistipula: “1. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 [KE] m'għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:a) li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit …3. Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56 [KE].”

4.     Fis-7 ta’ Frar 1992, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Memebri adottat, fost affarijiet oħra, dikjarazzjoni fuq l-Artikolu 73d KE(2) (iktar ’il-quddiem “id-Dikjarazzjoni”) li tipprovdi kif ġej:

“Il-konferenza tafferma li d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw id-disposizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 73D(1)(a) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet li kienu jeżistu fl-aħħar ta’ l-1993. Madanakollu, il-preżenti dikjarazzjoni mhijiex applikabbli ħlief għall-movimenti ta’ kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri.”

5.     Wirt u legati huma elenkati taħt D tat-Titolu XI “Movimenti ta’ kapital personali” ta’ l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE(3).

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Applikazzjoni ta’ taxxa tas-suċċessjoni għal beni li jinsabu fi Stat Membru ieħor

6.     Skond l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel punt tal-Paragrafu 2(1) ta’ l-Erbschaftsteuer- und Schenkungsteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq wirt u legati; l-ErbStG’), fil-verżjoni applikabbli fl-1998, jekk il-post finali ta’ residenza tat-testator kien fil-Ġermanja, il-werriet huwa responsabbli għal ħlas tat-taxxa tas-suċċessjoni fil-Ġermanja fir-rigward tal-patrimonju kollu li jintiret (domestika u barranija).

7.     Skond l-ewwel sentenza tal-Paragrafu 21(1) flimkien mal-punt (a) ta’ l-ewwel punt tal-Paragrafu 2(1) ta’ l-ErbStG – safejn rilevanti għal dan il-każ –fil-każ ta’ werriet li jgħix barra mit-territorju nazzjonali li l-beni tiegħu li jinsabu f’pajjiż ieħor ġew suġġetti għal taxxa ekwivalenti għat-taxxa tas-suċċessjoni Ġermaniża, jekk il-post ta’ residenza tat-testatur, fil-mument tal-mewt tiegħu, kien il-Ġermanja, it-taxxa barranija għandha tpatti, fuq applikazzjoni, it-taxxa tas-suċċessjoni Ġermaniża safejn il-beni li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali huma wkoll suġġetti għat-taxxa tas-suċċessjoni Ġermaniża, bil-kundizzjoni li ftehim dwar tassazzjoni doppja mhuwiex applikabbli. Skond it-tieni sentenza tal-Paragrafu 21(1) ta’ l-ErbStG, jekk l-akkwist jikkonsisti biss parzjalment minn beni miżmuma barra mit-territorju nazzjonali, il-ħlas parzjali tat-taxxa tas-suċċessjoni Ġermaniża li tkun applikabbli għandha tiġi ddeterminata b’tali mod li t-taxxa tas-suċċessjoni fuq l-ammont totali tal-beni taxxabbli li jinkludu l-beni taxxabbli li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali tinqasam b’mod proporzjonali bejn il-beni taxxabbli li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali u l-ammont totali tal-beni taxxabbli.

2.      Regoli għal stima ta’ beni agrikoli u forestali

8.     Skond il-Paragrafu 12(6) ta’ l-ErbStG flimkien mal-Paragrafi 31 u 9 tal-Bewertungsgesetz (Liġi dwar stima; il-BewG’), il-beni li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali u beni li jikkonsistu f’artijiet jew beni kummerċjali li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali għandhom jiġu stmati skond il-valur tas-suq ekwu tagħhom li, skond il-Paragrafu 9(2) tal-BewG, hu ddeterminat skond il-prezz li jista’ jinkiseb fil-kuntest ta’ transazzjonijiet kummerċjali normali għal beni fil-kundizzjoni tagħhom kieku kellhom jinbiegħu.

9.     Bil-kontra, skond il-Paragrafu 12(3) ta’ l-ErbStG, beni domestiċi li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali akkwistati wara l-31 ta’ Diċembru 1995 għandhom jiġu stmati skond il-proċedura speċjali stipulata fil-Paragrafi 140 sa 144 tal-BewG, li r-riżultati tagħhom jammontaw għal medja biss ta’ 10 % tal-valur tas-suq preżenti.

3.      Regoli għall-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq artijiet agrikoli u forestali

10.   L-ErbStG jipprovdi wkoll għal ammonti mingħajr taxxa fir-rigward ta’ għanijiet speċifiċi. B’dan il-mod, fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ artijiet agrikoli u forestali li jirriżultaw minn mewt, l-ewwel punt tal-Paragrafu 13a(1) ta’ l-ErbStG fil-verżjoni applikabbli fl-1998 jipprovdi għal ammont mingħajr taxxa ta’ DEM 500 000 (EUR 256 000).

11.   Skond il-Paragrafu 13a(2) ta’ l-ErbStG fil-verżjoni applikabbli fl-1998, il-valur tal-beni li jikkonsisti f’artijiet agrikoli u forestali, li huwa l-ammont li jifdal wara t-tnaqqis ta’ l-ammont mingħajr taxxa (b’għan speċifiku) skond l-imsemmi paragrafu, għandu jiġi intaxxat biss b’60 %. Fl-aħħar nett, il-Paragrafu 13a(4) ta’ din il-liġi jirrestrinġi ż-żewġ vantaġġi fuq imsemmija għal każijiet speċifiċi, jiġifieri li l-vantaġġi ma japplikawx, fost oħrajn, għal artijiet agrikoli u forestali li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali.

C –    Id-dritt internazzjonali

12.   M’hemm ebda ftehim bejn il-Ġermanja u Franza sabiex it-taxxa tas-suċċessjoni doppja tiġi evitata.

II – Il-kuntest fattwali u proċedurali u d-domanda preliminari

13.   T. Jäger (‛ir-rikorrent’), residenti fi Franza, huwa l-uniku werriet tal-patrimonju ta’ ommu. Ommu mietet fl-1998 u kienet l-aħħar qed tgħix f’Landau/Pfalz (il-Ġermanja). Il-patrimonju kkonsista f’art fi Franza li kienet intużat bi skop agrikolu u forestali, u skond il-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul, din l-art kienet parti mill-beni ta’ żewġ kumpanniji agrikoli u forestali fiż-żmien meta l-art kienet tappartjeni lill-mejta.

14.   L-akkwist ta’ din l-art fi Franza, mogħtija valur ta’ FRF 5 444 666 (DEM 1 618 152), kienet suġġetta għal taxxa tas-suċċessjoni fi Franza ta’ FRF 1 192 148. B’deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2000 il-Finanzamt Kusel-Landstuhl (’il-Finanzamt’) stabbilixxa t-taxxa tas-suċċessjoni dovuta mir-rikorrent għal DEM 17 405. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq patrimonju nett ta’ DEM 1 737 167, li minnu l-patrimonju barra mit-territorju nazzjonali ammonta għal DEM 1 618 152. Il-kumplament ta’ DEM 119 015 kien kompost minn beni domestiċi.

15.   Wara tnaqqis ta’ l-ammont mingħajr taxxa personali ta’ DEM 400 000, kienet baqgħet is-somma ttondjata ’l isfel ta’ DEM 1 337 100. L-ammont ta’ taxxa ta’ DEM 254 049 kien, wara l-applikazzjoni tar-rikorrent taħt il-Paragrafu 21 ta’ l-ErbStG, ikkreditat kontra t-taxxa tas-suċċessjoni Franċiża ta’ DEM 354 306.38 (FRF 1 192 148 x 0.2972) għal ammont ta’ DEM 236 644.

16.   L-ilment tar-rikorrent għal stima tat-taxxa tal-Finanzamt u l-appell tiegħu quddiem il-Finanzgericht (il-qorti finanzjarja) kienu għalxejn. Sussegwentement huwa appella fuq punti ta’ dritt kontra d-deċiżjoni tal-Finanzgericht quddiem il-Bundesfinanzhof (qorti federali dwar il-finanzi), li hija ta’ l-opinjoni li, għallinqas mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Barbierr(4) jidher dubjuż jekk id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi(5), safejn jagħmlu distinzjoni abbażi tal-post li fih il-patrimonju jew parti minnu jinsab fil-ħin tal-mewt tat-testatur, humiex kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital. B’digriet tal-11 ta’ April 2006, il-Bundesfinanzhof għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u tistaqsi s-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 73b(1) [KE] (li llum sar l-Artikolu 56(1) KE) li għall-finijiet tat-taxxa tas-suċċessjoni:

(a)      beni (li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali) li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali li jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġu skond skond il-valur tas-suq ekwu tagħhom (valur tas-suq preżenti), filwaqt li proċedura ta’ stima speċjali teżisti għal beni domestiċi li jinkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali, li r-riżultati tagħhom jammontaw għal medja ta’ 10 % biss tal-valur ekwu tas-suq, u

(b)      l-istima ta’ l-akkwist ta’ beni domestiċi li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali hija eskluża sa massimu ta’ ammont bla taxxa speċjali u l-kumplament tal-valur jiġi intaxxat biss bis-60 %,

jekk, fil-każ ta’ eredi li jiret patrimonju kompost kemm minn beni domestiċi u beni barranin li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali, dan jirriżulta f’sitwazzjoni fejn, bħala riżultat tal-fatt li l-beni li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali jinsabu barra mit-territorju nazzjonali, l-akkwist ta’ assi domestiċi huwa suġġett għat-taxxa tas-suċċessjoni ogħla minn dik li tkun applikabbli jekk il-beni li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali kienu wkoll beni domestiċi? ’

17.   Ir-rikorrent, il-Finanzamt, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. Ebda seduta ma kienet mitluba mill-partijiet, u ebda waħda ma saret.

III – Analiżi

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

18.   Ir-rikorrent essenzjalment isostni li minħabba t-tpattija parzjali tat-taxxa fuq il-beni miżmuma barra mit-territorju nazzjonali, is-suċċessjoni domestika kienet intaxxata aktar(6) u li dan jikkostitwixxi tassazzjoni doppja bi ksur ta’ l-Artikolu 293 KE. Huwa jsostni li t-taxxa tas-suċċessjoni fil-Ġermanja fuq beni domestiċi hija ogħla milli kieku l-artijiet in kwistjoni kienu attwalment jinsabu fil-Ġermanja u għaldaqstant tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital(7). Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni ma jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 58 KE peress li huma ġew introdotti wara l-1993 u, f’kull każ, huma jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija fl-ambitu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. M’hemm ebda kunsiderazzjoni li tiġġustifika trattament li huwa komparattivament inqas favorevoli ta’ artijiet agrikoli u forestali li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

19.   Il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż isostnu, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni ma jikkostitwixxux ksur tal-moviment liberu tal-kapital u ma jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-impatt tad-differenza fl-istima huwa wisq indirett biex ikollu effett fuq id-deċiżjoni ta’ xiri. L-effett tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni jkun f’kull każ konsegwenza inevitabbli tal-koeżistenza legali tas-sistemi fiskali nazzjonali. Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-valur li kien iddeterminat permezz tal-liġi Ġermaniża għall-artijiet li jinsabu fi Franza jikkorrispondi għal dak iddeterminat mid-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa Franċiża fuq is-suċċessjoni.

20.   Il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-moviment liberu tal-kapital huwa ristrett in kwantu proprjetà li tinsab fi Stat Membru ieħor hija milquta b’taxxa tas-suċċessjoni ogħla minn dik imposta fuq proprjetà li tinsab f’territorju nazzjonali. Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li d-deroga pprovduta fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija limitata bl-Artikolu 58(3) KE, skond liema d-dispożizzjonijiet nazzjonali m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital.

21.   F’risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-data preċiża ta’ l-akkwist oriġinali in kwistjoni, ir-rikorrent ikkonferma li missieru kien xtara l-ewwel proprjetà kkonċernata fid-9 ta’ Awwissu 1988 u t-tieni proprjetà kkonċernata fis-26 ta’ Jannar 1990.

B –    Kunsiderazzjonijiet

22.   Bħala osservazzjoni preliminari, ninnota li d-domanda preliminari tal-Bundesfinanzhof ma tirrigwardax id-dispożizzjoni nazzjonali fil-Paragrafu 21 ta’ l-ErbStG dwar it-tpattija tat-taxxa tas-suċċessjoni barranija (Franċiża) kontra t-taxxa tas-suċċessjoni nazzjonali (Ġermaniża). Għaldaqstant, anki jekk ir-rikorrent isostni li din id-dispożizzjoni tikser l-Artikolu 293 KE, fil-każ preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mitluba tevalwa jekk din it-tpattija tat-taxxa hijiex kumpatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

1.      Il-wirt in kwistjoni bħala moviment tal-kapital

23.   Għandu jiġi nnotat li, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza fir-rispett għad-dritt Komunitarju(8), inklużi d-dispożizzjonijiet li jistipulaw il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital.

24.   Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 73b(1) KE (li llum huwa l-Artikolu 56(1) KE) tat-Trattat jimplementa l-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi. Għal dan il-għan, fil-kapitolu tat-Trattat intitolat “Il-Kapital u l-Pagament”, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istat Membri u pajjiżi terzi tkun projbita(9).

25.   Rigward il-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, dan mhuwiex iddefinit mit-Trattat. Hija ġurisprudenza stabbilita li, safejn l-Artikolu 56 KE jirripproduċi, essenzjalment il-kontenut ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 88/361, u għalkemm din id-Direttiva ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikoli 69 u 70 (1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KEE ġew mibdula mill-Artikoli 73b sa 73g tat-Trattat KE, li llum saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE), in-nomenklatura tal-“moviment ta’ kapital” annessa ma’ din id-Direttiva għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ movimenti ta’ kapital(10).

26.   Kif semmejt fil-punt 5 iktar ’il fuq, wirt u legati huma elenkati taħt D tat-Titolu XI “Movimenti ta’ kapital personali” ta’ l-Anness I tad-Direttiva 88/361. Minbarra dan, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja(11), mhemmx dubju dwar jekk wirt jikkostitwixxix movimenti ta’ kapital fil-kuntest ta’ l-Artikolu 56 KE, ħlief fil-każijiet fejn l-elementi prinċipali tas-suċċessjoni huma limitati għal Stat Membru wieħed.

27.   Jidher ukoll ċar mill-fatti tal-kawża prinċipali, kif indikat iktar ’il fuq, li l-wirt in kwistjoni mhuwiex limitat għal Stat Membru wieħed(12).

28.   Għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ l-akkwist u l-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniż li l-proprjetà in kwistjoni kienet oriġinarjament akkwistata (jiġifieri, mixtrija) qabel id-data ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 88/361 (l-1 ta’ Lulju 1990), li għaldaqstant ir-rikorrent huwa prekluż milli jibbenefika minn drittijiet taħt din id-Direttiva u mit-Trattat, fl-opinjoni tiegħi, hemm fil-fatt tliet akkwisti distinti fil-kuntest tal-kawża prinċipali. L-ewwel wieħed huwa x-xiri tal-proprjetà minn missier ir-rikorrent; it-tieni huwa l-akkwist tal-proprjetà permezz ta’ wirt minn omm ir-rikorrent u t-tielet huwa l-akkwist permezz ta’ wirt in kwistjoni mir-rikorrent innifsu.

29.   Għall-għanijiet ta’ l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatti kritiċi tal-każ, jiġifieri l-mewt tat-testatur tar-rikorrent, għalhekk ġraw fl-1998. Għaldaqstant, iż-żmien deċiżiv għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-wirt fil-kawża prinċipali kien tabilħaqq id-data ta’ l-akkwist ta’ proprjetà, jiġifieri l-akkwist mir-rikorrent stess, li kienet il-ġurnata meta mietet ommu.

30.   Il-Kummissjoni għandha raġun li tindika li l-analiżi skond liema t-teħid tal-wirt mir-rikorrent huwa l-moviment tal-kapital rilevanti hija kkonfermata mhux biss permezz tal-motivi fis-sentenza Barbier iżda anki bil-fatti ta’ dan il-każ: li l-wirt seħħ fl-1993, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 83/361, madankollu, it-tranżazzjonijiet ta’ l-akkwist li d-defunt għamel matul ħajtu kellhom lok bejn 1970 u 1988, jiġifieri qabel l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva.

31.   Isegwi li s-sitwazzjoni in kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital u li r-rikorrent jista’ jibbenefika minn drittijiet abbażi tad-Direttiva 88/361 u mit-Trattat.

2.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital

32.   Hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal ma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital.

33.   F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE bħala restrizzjonijiet ta’ moviment ta’ kapital, jinkludu dawk ta’ natura tali li jiddisswadu dawk il-persuni li mhumiex residenti milli jagħmlu investimenti fi Stat Membru jew li jiddiswadu r-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu investimenti fi Stati Membri oħrajn, jew, fil-każ ta’ suċċessjoni, dawk il-miżuri li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tal-wirt ta’ resident ta’ Stat li mhuwiex l-Stat Membru fejn jinsabu l-beni kkonċernati u li jintaxxa l-wirt fuq l-imsemmija beni .(13)

34.   Kif l-Avukat Ġenerali Mischo indika fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Barbier(14), għalkemm, naturalment, l-effetti fuq it-taxxa tas-suċċessjoni ta’ l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu tal-kapital mhumiex, bħala definizzjoni, aktar ta’ interess dirett għad-defunt ikkonċernat, il-fatt jibqa’, madankollu, li dawn l-effetti x’aktarx jikkostitwixxu ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt fuq imsemmi. Dawn l-effetti huma fost il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni minn kull persuna kkonċernata meta tiddeċiedi jekk teżerċitax jew le d-dritt tagħha għall-moviment liberu tal-kapital.

35.   L-ErbStG (Liġi dwar it-taxxa fuq wirt u rigali) flimkien mal-BewG, (Liġi dwar stima) kif ġew applikati f’dan il-każ, jiddistingwu skond jekk il-proprjetà li ntirtet tinsabx fit-territorju nazzjonali jew barra mit-territorju nazzjonali. Ir-riżultat ta’ din id-distinzjoni, li tikkonsisti primarjament f’metodi differenti ta’ stima tal-proprjetà in kwistjoni, huwa li taxxa tas-suċċessjoni ogħla tiġi imposta fuq ir-rikorrent għar-raġuni biss li parti mill-proprjetà li ntirtet tinsab fi Stat Membru ieħor. Minbarra dan, il-liġijiet in kwistjoni jipprekludu r-rikorrent milli jibbenefika mir-rata ta’ stima mnaqqsa fir-rigward tal-parti tal-wirt li tinsab fi Franza. Kif spjegat il-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju, il-fatt stess ta’ ċaħda tal-vantaġġi tad-diversi dispożizzjonijiet Ġermaniżi diskussi hawnhekk, li għandhom x’jaqsmu ma’ l-artijiet agrikoli u forestali li jinsabu fit-territorju nazzjonali, iwassal għal intaxxar ogħla ta’ proprjetà li tinsab fi Stat Membru ieħor.

36.   Minbarra dan, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ wirt li jinsab barra mill-Ġermanja, il-valur tal-proprjetà li ntirtet in kwistjoni jitnaqqas, fil-konfront ta’ sitwazzjoni li tinvolvi biss wirt domestiku. Dan huwa riżultat ta’ taxxa ogħla li tirriżulta minn dispożizzjonijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali(15).

37.   Isegwi mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dak li għandu jiġi prekluż huwa t-tnaqqis tal-valur ekonomiku ta’ dawn it-trasferimenti ta’ proprjetà permezz ta’ wirt li jinvolvu element ta’ qsim tal-fruntiera, kif imqabbel ma’ trasferimenti limitati għal Stat Membru wieħed.

38.   Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandhom l-effett li jagħmlu l-investimenti fi proprjetà li tinsab fi Stat Membru ieħor minn persuni li jirrisjedu fil-Ġermanja anqas attraenti minn investimenti ta’ natura simili fit-territorju nazzjonali.

39.   Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ stima tal-proprjetà, l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni b’għan speċifiku u l-ammont mingħajr taxxa skond il-Paragrafu 13a ta’ l-ErbStG.

40.   Isegwi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-effett li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital.

3.      Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

41.   Filwaqt li l-Artikolu 56 KE fih projbizzjoni ġenerali għar-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital, l-Artikolu 58(1)(a) KE jagħmilha ċar li din il-projbizzjoni hija bla ħsara għad-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit. Madankollu dan id-dritt huwa limitat bl-Artikolu 58(3) KE, li jispeċifika li d-distinzjonijiet li l-Istati Membri jagħmlu bejn persuni li jħallsu t-taxxa rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew il-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit ma jistgħux jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital(16).

42.   Sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tagħmel distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa, skond il-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma hija l-ħtieġa li tkun mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali u l-effikaċità tal-kontrolli fiskali.(17)

43.   Minbarra dan, sabiex tkun iġġustifikata, id-differenza fit-trattament bejn, persuni li jħallsu t-taxxa rigward il-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit m’għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni(18)

44.   Kif semmejt fil-punt 4 iktar ’il fuq, skond id-Dikjarazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw fuq l-Artikolu 58(1)(a) KE biss fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet rilevanti li eżistew fl-aħħar ta’ l-1993.

45.   F’dan il-każ, rikors għal eċċezzjoni pprovduta mill-Artikolu 58(1)(a) KE huwa diġà eskluż fuq il-bażi li, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, kemm il-Paragrafu 13a ta’ l-ErbStG u l-Paragrafu 31 tal-BewG kienu emendati fl-1996. Rigward l-ewwel Artikolu msemmi, il-qorti tar-rinviju tiddikjara b'mod ċar li kien biss wara l-1993 li l-vantaġġi fiskali pprovduti fih ġew estiżi għal beni agrikoli u forestali u estiżi aktar minn hekk, li jfisser li l-Artikolu 58(1)(a) KE m’għandu ebda rwol.

46.   Fir-rigward tal-Paragrafu 31 tal-BewG, il-qorti tar-rinviju ssostni li billi l-stima ta’ beni agrikoli li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali għall-finijiet tat- taxxa fuq is-suċċessjoni permezz tal-punt 36 ta’ l-Artikolu 1 tal-Jahressteuergesetz (Att dwar it-taxxa annwali)(19) hija issa rregolata, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 1996, x’imkien ieħor, jiġifieri fil-Paragrafu 140 et seq. tal-BewG, huwa dubjuż jekk wieħed jistax jibbaża l-azzjoni tiegħu fuq l-Artikolu 58(1)(a) KE. Għalkemm il-kontenut tad-dispożizzjoni l-ġdida għandu konnessjoni parzjali mad-dispożizzjoni regolatorja preċedenti fil-Paragrafu 36 et seq. tal-BewG, din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata li ġiet introdotta biss wara l-1993.

47.   Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, dan fih innifsu jipprekludi li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jiġu ġġustifikati skond l-Artikolu 58 KE.

48.   F’kull każ, rigward il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-ewwel, kif imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi stabbilit jekk id-differenza fi trattament jirrigwardax sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew jekk dan it-trattament jistax jiġi oġġettivament iġġustifikat permezz ta’ raġuni imperattivi fl-interess ġenerali.

49.   Il-werrieta ta’ proprjetà li tinsab fit-territorju nazzjonali u l-werrieta ta’ proprjetà li tinsab fi Stat Membru ieħor huma f’sitwazzjoni paragunabbli. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż ma deherx li qed jikkontesta din l-opinjoni. Jekk il-post finali ta’ residenza ta’ testatur kien il-Ġermanja, il-werriet għandu jħallas it-taxxa tas-suċċessjoni Ġermaniża fir-rigward tal-patrimonju li ntiret kollu (domestiku u barrani). Jidher ċar mid-digriet tar-rinviju li l-werrieta ta’ proprjetà li tinsab fi Stat Membru ieħor huma intaxxati aktar bħala riżultat tal-metodi differenti ta’ stima milli l-werrieta ta’ proprjetà li tinsab fil-Ġermanja.

50.   Rigward il-kundizzjoni relatata ma’ l-objettiv imsegwi fl-interess ġenerali, il-Gvern Ġermaniż, u sa ċertu punt il-Finanzamt, essenzjalment isostnu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-għan, l-ewwel, li tipprovdi kumpens għall-iżvantaġġi li jirriżultaw direttament għall-impriża li hija suġġetta għat-taxxa fuq is-suċċessjoni – jiġifieri, li tieħu in kunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-kapaċità finanzjarja ta’ werriet li ma jkunx wiret fondi likwidi iżda proprjetà li hija konnessa ma’ kumpannija agrikola u li m’għandux ikun kostrett ibigħ jew jieqaf mill-attività in kwistjoni sabiex ikun jista’ jħallas it-taxxa fuq is-suċċessjoni(20) – u, t-tieni, li tipprekludi x-xoljiment ta’ kumpanniji agrikoli u forestali, li jiggarantixxu produttività u impiegi u għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mis-sistema legali nazzjonali. Jidher li dan il-vantaġġ huwa intiż sabiex jiġi rriżervat għal kumpanniji li jinsabu fit-territorju nazzjonali għall-esklużjoni ta’ dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra.

51.   Minbarra dan, il-Gvern Ġermaniż u l-Finanzamt jirreferu għall-istess affermazzjonijiet indikati mill-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju tagħha bħala kunsiderazzjoni fformulata mill-Finanzgericht: minn naħa, “ir-responsabbiltà soċjali fuq imsemmija ta’ negozju agrikolu u forestali msemmija aktar ’il fuq m’għandhiex l-istess portata fi Stat Membru ieħor ta’ l-UE” u, min-naħa l-oħra, “l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kellhomx l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni, fl-istess miżura, kunsiderazzjonijiet ta’ politika pubblika paragunabbli li tista’ teżisti fi Stati Membri oħra”.

52.   Rigward l-allegazzjoni skond liema l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kellhomx l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni politika pubblika paragunabbli oħra fi Stati Membri oħrajn, jiena ta’ l-istess opinjoni tal-Kummissjoni li hija bbażata fuq il-premessa li l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital, speċifikament jippromwovu l-ekonomija tagħhom. Fl-opinjoni tiegħi, il-promozzjoni ta’ artijiet agrikoli u forestali li jinsabu fit-territorju nazzjonali mhijiex ġustifikazzjoni għal restrizzjoni fuq il-movimenti tal-kapital. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenza Verkooijen(21) li, skond ġurisprudenza stabbilita, għanijiet ta’ natura purament ekonomiċi ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni imperattiva fl-interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjoni tal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat. Għalkemm il-ħarsien ta’ l-impiegi, il-produttività u l-prevenzjoni tax-xoljiment ta’ kumpanniji jistgħu tabilħaqq ikunu fl-interess ġenerali, huma ma jiġġustifikawx restrizzjoni tal-moviment tal-kapital.

53.   F’kull każ, fir-rigward tal-fatt li l-Gvern Ġermaniż iqabbel l-għan li jipprovdi kumpens għall-iżvantaġġi li jirriżultaw direttament għall-impriża li hija suġġetta għat-taxxa tas-suċċessjoni mal-bżonn li jħares il-koerenza tas-sistema fiskali, mhux ċar mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja kif din il-koerenza tista’ tiġi mdgħajjfa f’sitwazzjoni fejn artijiet agrikoli u proprjetà forestali domestiċi u barranin huma suġġetti għal kriterji uniformi. Dan ma jheddidx il-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża u jammonta għal miżura inqas restrittiva għall-moviment liberu tal-kapital minn dik prevista fid-dispożizzjonijiet in kwistjoni(22).

54.   L-argument li l-amministrazzjoni nazzjonali Ġermaniża m’għandhiex data disponibbli dwar proprjetà li tinsab fi Stati Membri oħra wkoll ma jikkonvinċinix. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà ta’ diffikultajiet jew żvantaġġi ta’ natura purament amministrattiva fid-determinazzjoni tat-taxxa mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital(23). F’kull każ, il-persuni taxxabbli normalment huma obbligati li jippreżentaw informazzjoni rilevanti u dokumenti biex jagħtu prova, fost oħrajn, dwar l-allegat valur, li jidher li hu biżżejjed prima facie biex ikun ta’ rimedju għal din id-diffikultà. Minbarra dan, id-Direttiva 77/799/KEE dwar għajnuna amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta(24) tikkostitwixxi wkoll mezz xieraq sabiex jintgħelbu dawn id-diffikultajiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skond din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu dejjem jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li jipprovduhom l-informazzjoni kollha li tippermettilhom li jevalwaw, rigward il-leġiżlazzjoni li huma għandhom japplikaw, l-ammont korrett ta’ taxxa dovuta (25).

55.   Minbarra dan, inżid ngħid ukoll li l-Gvern Ġermaniż ma urix li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma meħtieġa u xierqa sabiex jintlaħqu raġunijiet imperattivi fl-interess ġenerali.

56.   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq li l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż in sostenn ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni in kwistjoni mhumiex konvinċenti.

IV – Konklużjoni

57.   Għaldaqstant jiena ta’ l-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta segwenti għad-domanda magħmula mill-Bundesfinanzhof:

Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, l-Artikolu 56(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (li qabel kien l-Artikolu 73b(1) KE) jipprekludi, għall-finijiet ta’ taxxa fuq is-suċċessjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali skond liema:

(a)      beni agrikoli u forestali li jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġu stmati skond il-valur ekwu tagħhom tas-suq (valur tas-suq preżenti), filwaqt li proċedura ta’ stima speċjali teżisti għal beni domestiċi li jikkonsistu f’art agrikola u forestali, li r-riżultati tagħhom jammontaw għal medja ta’ 10 % biss tal-valur ekwu tagħhom tas-suq, u

(b)      l-intaxxar fuq l-akkwist ta’ beni domestiċi li jikkonsistu f’artijiet agrikoli u forestali hu eskluż sa’ massimu ta’ ammont speċifiku bla taxxa u l-kumplament tal-valur jiġi intaxxat biss b’60 %.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Dan kien fl-okkażjoni ta’ l-iffirmar ta’ l-Att Finali u tad-Dikjarazzjonijiet tal-Konferenzi Intergovernattivi dwar l-Unjoni Ewropea, ĠU C 191, 29.7.1992 p. 99.


3 – Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam], ĠU L 178, 8.7.1988 p. 5.


4 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru2003, Barbier, C-364/01 Ġabra 2003 p. I-15013.


5 – Jiġifieri l-konsegwenzi legali ta’ l-applikazzjoni tal-Paragrafu 31 tal-BewG u n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Paragrafu 13a ta’ l-ErbStG għal artijiet li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali għat-tassazzjoni ta’ beni domestiċi.


6 – Dan ma kienx ikun il-każ kieku parti mill-wirt ma kinitx tinkludi la artijiet barra mit-territorju nazzjonali u lanqas artijiet li jikkorrispondu fil-Ġermanja.


7 – Il-qorti tar-rinviju tispjega li, jekk tieħu l-istess kuntest fattwali ta’ dan il-każ bħala eżempju, iżda tissostitwixxi Franza għall-Ġermanja bħala l-post fejn jinsabu l-artijiet, l-effett ta’ tassazzjoni akbar fuq beni domestiċi jidher b’mod ċar.


8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu Wielockx, C-80/94 Ġabra 1995 p. I 2493, punt 16; is-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 2005 Laboratoires Fournier C-39/04 Ġabra 2005, I-2057, punt 14, u, aktar reċenti, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006 Van Hilten-van der Heijden C-513/03 Ġabra 2006 p. I-1957, punt 36.


9 – Sentenza Van Hilten-van der Heijden, ibid., punt 37.


10 – Ara, għal dan il-għan, fost oħrajn, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999 Trummer and Mayer, C-222/97 Ġabra 1999 I-1661, punt 21; sentenzi magħquda tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et, C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99 Ġabra 2002 p. I-2157, punt 30; is-sentenza Van Hilten-van der Heijden, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 8, punt 39, u s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra 2006 p. I-9521, punt 41.


11 – Sentenzi Barbier, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 4, u Van Hilten-van der Heijden, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 8.


12 – Ara f’dan il-kuntest is-sentenza Barbier, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 4, punt 58, u s-sentenza Van Hilten-van der Heijden, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 8, punt 42.


13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van Hilten-van der Heijden, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 8, punt 44.


14 – Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Barbier sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegh il-paġna 4, punti 30 u 31.


15 – Fi kliem ieħor, ir-rikorrent kien jirċievi bħala wirt mingħand ommu proprjetà ta’ valur ogħla, li kieku din il-proprjetà kienet suġġetta għal inqas tassazzjoni – jiġifieri, li kieku d-dispożizzjonijiet vantaġġużi li japplikaw għall-proprjetà domestika kienu applikabbli wkoll għall-proprjetà barra mit-territorju nazzjonali.


16 – Rigward taxxa diretta, dawn il-prinċipji ġew ripetuti, fost l-oħrajn, fis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02 Ġabra 2004 p. I-7477, punt 28, u s-sentenza ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra 2006 p. I-8203, punt 31.


17 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra 2000 p. I-4071, punt 43; is-sentenza Manninen, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 16, punt 29; u s-sentenza Centro di Musicologia Stauffer, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 16, punt 32.


18 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Verkooijen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43; is-sentenza Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; u s-sentenza Centro di Musicologia Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32.


19 – Jahressteuergesetz (Att dwar it-Taxxa Annwali; JStG) 1997 ta’ 20. 12. 1996 (BGBl. 1996 I, p. 2049).


20 – Għalkemm il-preservazzjoni tal-koerenza ta’ sistema fiskali ma tidhirx li qed tiġi diskussa per se, il-Gvern Ġermaniż jikkunsidraha paragunabbli ma’ l-għan ġenerali li jfittex “li jikkumpensa għall-iżvantaġġi li jirriżultaw direttament għall-impriża li hija suġġetta għat-taxxa tas-suċċessjoni”.


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 17, punt 48. Ara ukoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991 Collectieve Antennevoorziening Gouda et, C-288/89, Ġabra 1991 p. I-4007, punt 10, u s-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C-158/96 Ġabra 1998 p. I-1931, punt 41.


22 – Ara, f’dan is-sens is-sentenza Manninen, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 16, punt 46.


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 2004 Il-Kummissjoni vs Franza C-334/02 Ġabra 2004 p. I-2229, punt 29; kif ukoll il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’dik il-kawża, punti 29 u 30; is-sentenza Manninen, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 16, punt 54, u s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue, C-446/04 Ġabra 2006 p. I-11753, punt 70.


24 – Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE (li ġiet emendata f'diversi okkażjonijiet) tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, 1977 p. 15).


25 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C-250/95 Ġabra 1997 p. I-2471, punt 41; is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 23, punt 31; is-sentenza Centro di Musicologia Stauffer, iċċitata fin-nota ta’ qiegh il-paġna 16, punt 50; is-sentenza tat-22 ta’ Marzo 2007 Talotta C-383/05 Ġabra p. I-2555, punt 29, u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-522/04, Ġabra p. I-5701, punt 52.