Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fl-10 ta’ Ottubru 2007 1(1)

Kawża C-281/06

Hans-Dieter Jundt

Hedwig Jundt

vs

Finanzamt Offenburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja))






1.     Permezz ta’ din it-talba l-Bundesfinanzhof essenzjalment issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, li jiggarantixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-ġustifikazzjonijiet li jista’ jinvoka Stat Membru fil-każijiet fejn id-drittijiet ta’ l-individwu li jeżerċita din il-libertà jissubixxu restrizzjoni minħabba l-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul.

2.     Il-fatti tal-kawża huma pjuttost sempliċi. L-appellant fil-proċedura prinċipali (“H. -D. Jundt”), ċittadin Ġermaniż, jeżerċita l-professjoni ta’ avukat u jgħix u jaħdem fil-Ġermanja. F’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa fuq id-dħul li huwa għandu jħallas, huwa jiġi ntaxxat flimkien ma’ martu, li għalhekk hija parti wkoll f’din il-kawża. Fl-1991 huwa aċċetta ħatra ta’ għalliem għal 16-il siegħa fl-Università ta’ Strasbourg għal ħlas ta’ FRF 5, 760; wara tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali Franċiżi, huwa rċieva ħlas nett ta’ FRF 4 814.79.

I –    Il-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari

3.     Meta l-Finanzamt (awtorità fiskali Ġermaniża) issuġġettat l-ammont gross tal-ħlas għat-taxxa fuq id-dħul, ir-rikorrent ressaq ilment, fejn argumenta li l-Artikolu 3 Nru 26 ta’ l-Einkommensteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul) (‘Paragrafu 3(26) EStG’), iktar ’il quddiem l-“Artikolu 3 Nru 26 EStG”) kellu jiġi applikat. Din id-dispożizzjoni teżenta mit-taxxa kwalunkwe dħul inqas minn DEM 2, 400 DEM (EUR 1, 848) miġbur bħala “allowance għall-ispejjeż” għall-attivitajiet fil-ħin liberu bħala trejner, istruttur jew edukatur jew għal attivitajiet fil-ħin liberu simili, għal attivitajiet artistiċi fil-ħin liberu jew għal kura fil-ħin liberu ta’ nies anzjani, morda jew b’diżabbiltà għal u f’isem persuna ġuridika nazzjonali rregolata mid-dritt pubbliku jew minn istituzzjoni li hija intiża sabiex tippromwovi għanijiet ta’ utilità pubblika, filantropika jew ekkleżjastika.

4.     Dan l-ilment ġie miċħud u l-appellant ressaq rikors quddiem il-Finanzgericht (qorti tal-Finanzi) li ddeċidiet favur l-awtorità fiskali. Il-Bundesfinanzhof (qorti suprema dwar il-finanzi) awtorizzat appell limitat għall-punti ta’ dritt. Il-motiv prinċipali ta’ l-appell kien li r-rifjut ta’ l-awtoritajiet fiskali li jagħtuh eżenzjoni ma kienx kompatibbli mad-dritt Komunitarju u kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni ta’ l-attivitajiet eżerċitati minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku fi Stat Membru ieħor.

5.     Il-Bundesfinanzhof issospendiet il-proċedura u ressqet it-tliet domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1) L-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 49 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi wkoll l-attivitajiet eżerċitati fil-ħin liberu inkwantu tagħlim għas-servizz u f’isem persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku (università) u li f’dan ir-rigward, allowance għall-ispejjeż biss jitħallas inkwantu attività kważi gratwita?

(2) F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba l-fatt li l-kumpensi mhumiex eżentati mit-taxxa ħlief jekk dawn jitħallsu minn persuni ġuridiċi nazzjonali rregolati mid-dritt pubbliku (fil-każ in eżami, l-Artikolu 3 Nru 26 EStG) hija ġġustifikata minħabba l-fatt li l-vantaġġ fiskali nazzjonali għandu l-uniku bażi tiegħu il-fatt li l-attività hija eżerċitata favur persuna ġuridika nazzjonali rregolata mid-dritt pubbliku?

(3) F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: l-Artikolu 126 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 149 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni fiskali li tippermetti li tissupplementa l-organizzazzjoni tat-tagħlim (fil-każ in eżami skond l-Artikolu 3 Nru 2 EStG) hija legali f’dak li jirrigwarda ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li teżisti f’dan il-qasam?”

II – L-ewwel domanda: il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE

6.     Mhuwiex ikkontestat bejn il-partijiet li r-regola nazzjonali in kwistjoni tirrestrinġi l-libertà ta’ l-appellant, hekk kif iggarantita mill-Artikolu 49 tat-Trattat, li jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru ieħor, billi ċċaħħdu minn benefiċċju ta’ taxxa li kien igawdi li kieku offra l-istess servizzi lil klijenti f’pajjiżu stess. Ovvjament, kieku l-appellant kien irċieva l-istess ammont ta’ flus talli kien għalliem part-time f’università pubblika Ġermaniża, kien jiġi applikat il-Paragrafu 3(26) EStG u kien jingħata l-eżenzjoni mit-taxxa.

7.     Il-Bundesfinanzhof għandha dubji dwar jekk l-attività ta’ l-appellant taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, peress li l-Paragrafu 3(26) EStG jirreferi għal “allowance għall-ispejjeż”. Skond l-Artikolu 50 KE tat-Trattat “[s]ervizzi fis-sens ta' dan it-Trattat għandhom jitqiesu li jinkludu servizzi normalment mogħtija bi ħlas …”. Għalhekk, sabiex attività tikkwalifika bħala “servizz” u tgawdi mill-protezzjoni ta’ l-Artikolu 49, l-individwu imqabbad biex jipprovdi dan is-servizz għandu jirċievi ħlas. Jekk min jipprovdi s-servizz ikun imħallas biss allowance biex tkopri l-“ispejjeż” assoċjati ma’ l-attivitajiet tiegħu iżda ma jagħmel ebda profitt, il-Bundesfinanzhof issaqsi, għadna xorta fi ħdan il-kunċett ta’ “servizzi” skond it-Trattat? Jew, fi kliem ieħor, “allowance għall-ispejjeż” tikkostitwixxi “ħlas”, u għalhekk tpoġġi l-attività rilevanti fi ħdan l-Artikoli 49 u 50?

8.     L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet perspettiva wiesgħa ta’ x’jikkostitwixxi “ħlas” għall-iskopijiet tat-Trattat, billi ffokat l-attenzjoni tagħha fuq in-natura ekonomika ta’ l-attività rilevanti. Fis-sentenza Bond van Adverteerders, (2) li kkonċernat ix-xandir transfruntieri ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni, hija ddikjarat li l-fatt li x-xandara fl-Istat li jittrasmetti ma ħallsux lill-operaturi tan-netwerk tal-kejbil fl-Istat li jirċievi sabiex jittrasmetti l-programmi tagħhom ma fissirx li s-servizz ma kienx ipprovdut għal “ħlas” peress li dawn ta’ l-aħħar kienu mħallsa mill-abonati tagħhom u l-Artikolu 60 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 50 KE) ma jirrikjedix li s-servizz ikun imħallas minn dawk li għalihom jitwettaq.

9.     Fis-sentenza Steymann (3) ir-rikorrent wettaq diversi xogħlijiet manwali, bħal xogħol ta’ plumbing u xogħlijiet ġenerali fid-dar, għall-komunità reliġjuża li tagħha huwa kien membru, u li, min-naħa l-oħra, din kopriet il-bżonnijiet materjali tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li x-xogħol tiegħu, li kien parti essenzjali ta’ parteċipazzjoni f’dik il-komunità, jista’ jikkostitwixxi “attività ekonomika” u s-servizzi li rċieva mill-grupp kienu “quid pro quo indiretti” tax-xogħol tiegħu. Din is-sentenza turi b’mod ċar li l-ħlas m’hemmx għalfejn jieħu l-forma ta’ ħlas bi flus, iżda jista’ jkun ħlas mhux bi flus u jkollu biss rabta indiretta mas-servizz ipprovdut.

10.   Iktar reċentement, il-kunċett ta’ ħlas kien diskuss mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Geraets-Smits and Peerbooms (4) fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi mediċi. Numru ta’ Stati Membri argumentaw li m’hemmx ħlas meta pazjent jirċievi kura medika fi sptar mingħajr ma jħallas għaliha huwa stess jew meta jkun irrimborsat skond skema ta’ assigurazzjoni medika. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ċaħdet dan l-argument u ddikjarat li l-fatt li t-trattament jiġi mħallas direttament mill-assiguratur u skond rata fissa ma jfissirx li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Meta spejgat l-approċċ korrett għall-kunċett ta’ ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-prinċipju li “l-karatteristika essenzjali ta’ ħlas hija l-fatt li jikkostitwixxi korrispettiv għas-servizz in kwistjoni” u kkonkludiet li “l-pagamenti magħmula mill-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard … minkejja li stabbiliti fuq rata fissa, huma fil-fatt il-korrispettiv għas-servizzi ta’ l-isptar u mingħajr dubju jirrappreżentaw ħlas għall-isptar li jirċivihom u li huwa involut f’attività ta’ natura ekonomika” (enfasi tiegħi). (5)

11.   Barra minn hekk, m’hemm xejn – la fit-Trattat u lanqas fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – li jimplika li individwu għandu jkun qed jagħmel profitt sabiex jibbenefika mill-garanzija tat-Trattat tal-libertà li jipprovdi servizzi. Il-Kummissjoni tinnota ġustament fl-osservazzjonijiet tagħha li “ħlas” u “profitt” huma żewġ kunċetti differenti u l-Artikolu 50 KE jirreferi biss għal “ħlas” bħala indikatur ta’ l-eżistenza ta’ attività ekonomika. Fil-fatt, ċertu Stati Membri kienu sostnew fil-kawża Geraets-Smits and Peerbooms li servizz jista’ jaqa’ biss fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 50 jekk l-individwu li jipprovdih jagħmel dan bil-għan li jagħmel profitt, iżda dan l-argument ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja. Kif iddikjara l-Avukat Ġenerali Jacobs, “attività mhux neċessarjament tieqaf milli tkun ekonomika sempliċiment għax m’hemmx għan li jsir profitt”. (6) In-nuqqas ta’ intenzjoni li jsir profitt fih innifsu ma jpoġġix attività barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 50.

12.   Il-fattur deċiżiv li jqiegħed attività fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa n-natura ekonomika tagħha: l-attività m’għandhiex tiġi pprovduta gratwitament, iżda m’hemmx bżonn li min jipprovdiha jkun qed isegwi għan li jagħmel profitt.

13.   Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni targumenta li, fil-kawża preżenti, il-pagamenti magħmula mill-Università ta’ Strasbourg lill-appellant ma kienu b’ebda mod limitati għall-ispejjeż tiegħu. Din hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, minħabba d-diskussjoni ta’ qabel dwar il-kunċett ta’ “ħlas”, m’hemmx bżonn li neżaminaw din il-kwistjoni separatament.

14.   Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb l-ewwel domanda kif ġej: “L-Artikolu 49 KE jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu attività ta’ tagħlim fil-ħin liberu għal jew f’isem persuna ġuridika irregolata mid-dritt pubbliku, li għaliha l-għalliem jirċievi allowance għall-ispejjeż”.

III – It-tieni domanda: ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

15.   Huwa possibbli li Stat Membru jadotta miżuri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk dawk il-miżuri jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku u li jkunu proporzjonali għall-għan leġittimu imsegwi. (7) Il-Bundesfinanzhof issaqsi jekk il-fatt li l-eżenzjoni mit-taxxa in kwistjoni tapplika biss meta persuna ġuridika nazzjonali irregolata mid-dritt pubbliku tibbenefika mill-attività huwiex wieħed minn dawn ir-raġunijiet. Il-punt essenzjali ta’ l-analiżi huwa l-bżonn li l-koerenza tas-sistema tat-taxxa tiġi ppreservata. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tista’ tiġi ġġustifikata bħala miżura li tippromwovi l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp fl-universitajiet pubbliċi Ġermaniżi.

A –    L-avvanz ta’ l-edukazzjoni, tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp

16.   L-essenza ta’ l-argument magħmul mill-Gvern Ġermaniż huwa li l-għan tal-Paragrafu 3 (26) EStG huwa li jippromwovi l-edukazzjoni u r-riċerka, ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta' interess ġenerali. (8) Din id-dispożizzjoni tippermetti universitajiet pubbliċi sabiex jiġbdu għalliema li jaqblu li jgħallmu part-time għal ħlas modest li huwa eżenti mit-taxxa fuq id-dħul. Għalhekk, din isservi ta’ inċentiv għall-persuni kkwalifikati sabiex isiru involuti f’attivitajiet, bħal tagħlim u riċerka universitarji, li l-pubbliku ġenerali jibbenefika minnhom, filwaqt li jirċievu bħala korrispettiv għas-servizzi tagħhom ħlas li jkopri l-ispejjeż professjonali tagħhom. B’dan il-mod, l-universitajiet jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom mingħajr ma jkollhom jikkompetu ma’ xulxin għal għalliema kkwalifikati kif jixraq filwaqt li jużaw ir-riżorsi limitati tagħhom sabiex joffrulhom inċentivi finanzjarji. Il-Ġermanja, ikompli l-argument, għandha d-dritt li tuża s-sistema fiskali tagħha sabiex issostni l-universitajiet nazzjonali tagħha iżda m’għandha ebda obbligu li toffri sostenn simili lil universitajiet fi Stati Membri oħra billi teżenta mit-taxxa fuq id-dħul il-ħlas magħmul minn dawn lil għalliema li huma intaxxati fil-Ġermanja. Din hija konsegwenza tal-fatt li kemm it-tassazzjoni diretta kif ukoll l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva huma oqsma li għadhom irregolati primarjament mid-dritt nazzjonali u li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ħafna ta’ diskrezzjoni sabiex jadottaw ir-regoli nazzjonali rilevanti.

17.   Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jadottaw politika u miżuri sabiex jippromwovu l-edukazzjoni u r-riċerka fl-istituzzjonijiet akkademiċi tagħhom, għandhom jagħmlu dan b’mod li jkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 149(1) KE jipprovdi li “Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom …” u l-Artikolu 149(2) KE jiddikjara li “L-azzjoni komunitarja għandha tkun immirata lejn … l-inkoraġġiment tal-mobbiltà fost l-istudenti u l-għalliema”. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni b’mod ċar tmur kontra dawn l-għanijiet peress li tiskoraġġixxi l-għalliema milli jeżerċitaw il-libertà fundamentali tagħhom li joffru s-servizzi tagħhom fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom billi ċċaħħadhom mill-benefiċċju tat-taxxa li kienu jirċievu kieku baqgħu f’pajjiżhom. Ovvjament, meta għalliem intaxxat fil-Ġermanja jkollu jagħżel jekk jibqax l-Ġermanja u jirċievi ħlas mingħajr ma jħallas taxxa jew imurx Franza u jħallas taxxa fuq l-istess ħlas, huwa jew hija jkun imħajjar li jibqa’ fil-Ġermanja. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, (9) kawża li tikkonċerna l-mobbiltà ta’ l-istudenti u l-aċċess għal edukazzjoni għola, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet id-diżapprovazzjoni tagħha rigward din it-tip ta’ miżura nazzjonali b’dawn it-termini: “Il-faċilitajiet maħluqa mit-Trattat fil-qasam ta' moviment liberu mhumiex kompletament effettivi jekk persuna tiġi ppenalizzata bis-sempliċi fatt li hija tkun użathom. Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam ta' l-edukazzjoni fid-dawl ta' l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 3(1)(q) KE, u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 149(2) KE, jiġifieri l-inċentivazzjoni tal-mobbiltà fost l-istudenti u l-għalliema” (paragrafu 44). Fil-kawża in kwistjoni, id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali in kwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss permezz ta’ referenza għal raġunijiet imperattivi ta’ neċessità li jagħmlu din il-miżura partikolari indispensabbli għall-promozzjoni ta’ l-edukazzjoni u r-riċerka fl-universitajiet Ġermaniżi. Madankollu, jidher li huwa possibbli li dan l-għan jintlaħaq permezz ta’ mezzi alternattivi li ma jaffettwawx b’mod artifiċjali l-għażla ta’ għalliema fir-rigward ta’ fejn għandhom joffru s-servizzi tagħhom, u l-Gvern Ġermaniż ma pprovdiex argumenti li juru li l-għan leġittimu imsegwi ma jkunx jista’ jintlaħaq mingħajr il-miżura fiskali in kwistjoni.

18.   Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement kellha l-okkażjoni li tiddiskuti l-effett ta’ din il-ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka fil-kawża Laboratoires Fournier. (10) Il-liġi nazzjonali rilevanti tat kreditu tat-taxxa lil impriżi industrijali u kummerċjali għal infiq fir-riċerka iżda biss jekk ir-riċerka kienet imwettqa fi Franza. Waħda mill-ġustifikazzjonijiet li bbaża fuqhom il-Gvern Franċiż kien il-bżonn li jippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp. Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rrikonoxxiet li din tista’ tkun raġuni leġittima fl-interess pubbliku, iddikjarat li ma setgħetx tiġgustifika l-miżura in kwistjoni peress li kienet inkompatibbli ma’ l-għanijiet tal-politika Komunitarja espressa fl-Artikolu 163 KE, li, bħall-Artikolu 149 KE dwar l-edukazzjoni, tenfasizza l-bżonn għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex ikun jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tas-suq intern. (11) Il-Gvern Ġermaniż issottometta li għandha ssir distinzjoni bejn il-kawża preżenti u l-kawża Laboratoires Fournier peress li f’din l-aħħar kawża, il-liġi nazzjonali affettwat id-deċiżjonijiet ta’ l-impriżi dwar l-investiment filwaqt li hawnhekk l-effett tal-Paragrafu 3(26) huwa li joffri vantaġġ oġġettiv lill-universitajiet Ġermaniżi mingħajr ma jaffettwa b’ebda mod il-funzjonament ta’ l-universitajiet barranin li jistgħu jixtiequ jimpjegaw għalliema Ġermaniżi. Fl-opinjoni tiegħi, dan jirrifletti nuqqas ta’ ftehim dwar il-kwistjoni f’din il-kawża. Kif diġà spjegajt, il-problema tad-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali in kwistjoni hija li għandha għan li bħala prinċipju huwa leġittimu filwaqt li toħloq distorsjoni fl-għażliet ta’ l-għalliema b’tali mod li ma tistax tkun irrikonċiljata mat-Trattat. Billi jeżerċita influwenza simili għal dik tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża Laboratoires Fournier, il-Paragrafu 3(26) EStG jaffettwa d-deċiżjonijiet ta’ l-għalliema fir-rigward tal-prestazzjonijiet ta’ servizzi tagħhom fi ħdan il-Komunità Ewropea.

19.   Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Gvern Ġermaniż huwa korrett meta jiddikjara li ebda Stat Membru ma huwa obbligat li jissussidja l-istituzzjonijiet akkademiċi jew edukattivi ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, din mhix raġuni valida sabiex issir interferenza fl-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Hija ħaġa waħda li Stat Membru m’għandu ebda obbligu li jissussidja ċerti attivitajiet fi Stat Membru ieħor; iżda hija ħaġa differenti totalment li jiġu miċħuda ċerti benefiċċji finanzjarji għaċ­-ċittadini tiegħu stess jew ċittadini ta’ Stat Membru ieħor sempliċement minħabba l-fatt li jkunu eżerċitaw id-drittijiet għal moviment liberu tagħhom. Fi proġett bħall-Unjoni Ewropea, u partikolarment bħala konsegwenza ta’ l-eżerċizzju ta’ drittijiet skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu, huwa inevitabbli li xi riżorsi ta’ Stati Membri jkunu ta’ benefiċċju għall-individwi jew istituzzjonijiet ta’ Stati Membri oħra. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fis-sentenza Grzelczyk, ikun hemm ċertu livell ta’ solidarjetà finanzjarja bejn ċittadini ta’ Stat Membru ospitanti u ċittadini ta’ Stati Membri oħra. (12) L-idea wara dan l-approċċ huwa li għalkemm il-gvernijiet nazzjonali jżommu ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jirregolaw oqsma bħas-sigurtà soċjali jew il-politika ta’ l-edukazzjoni, ma jistgħux jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittjiet iggarantiti mit-Trattat sabiex jassiguraw li l-fondi u r-riżorsi rilevanti jgawduhom biss ċ-ċittadini tagħhom stess. (13)

B –    Il-koerenza tas-sistema fiskali

20.   Fis-sentenza Bachmann (14) il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ta’ liġi nazzjonali li kienet tippermetti t-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet għall-pensjoni u l-assigurazzjoni fuq il-ħajja mid-dħul taxxabbli jekk kienu tħallsu fil-Belġju, iżda mhux jekk kienu tħallsu fi Stat Membru ieħor. Hija ddeċidiet li d-dispożizzjoni setgħet tiġi ġġustifikata minħabba l-bżonn li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali, minħabba li kien hemm rabta diretta bejn it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet u l-obbligu li titħallas it-taxxa fuq somom pagabbli mill-assiguraturi, peress li t-telf tad-dħul li jirriżulta mit-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni mid-dħul tat-taxxa totali kien ikkumpensat mit-tassazzjoni ta’ pensjonijiet, annwalitajiet jew somom kapitali mħallsa mill-assiguraturi.

21.   Kawżi sussegwenti għamluha ċara li l-ħtieġa ta’ rabta diretta bejn il-kreditu tat-taxxa rilevanti u l-ikkumpensar tiegħu permezz ta’ taxxa speċifika hija kundizzjoni pjuttost oneruża li ma tistax tiġi ssodisfatta faċilment. L-Istati Membri invokaw f’diversi okkażjonijiet il-bżonn li tiġi ppreservata l-koerenza fiskali, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-argument peress li sabet li din il-konnessjoni diretta ma kinitx teżisti. (15) Anke fil-veru ftit każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat li tista’ fil-prinċipju teżisti rabta, hija ċaħdet il-ġustifikazzjoni mressqa peress li l-gvernijiet konvenuti ma kinux urew li l-miżura nazzjonali kienet neċessarja. (16)

22.   Fl-ordni għar-referenza f’din il-kawża, il-Bundesfinanzhof tiddikjara li l-għan tal-Paragrafu 3(26) EStG huwa li jserraħ lill-Istat Ġermaniż minn ċertu responsabbiltajiet imposti fuqu permezz ta’ miżura fiskali: minn naħa waħda, l-għalliema huma mogħtija eżenzjoni mit-taxxa jekk jgħallmu f’universitajiet pubbliċi; min-naħa l-oħra, l-Istat Ġermaniż igawdi minn benefiċċju korrispondenti għax jista’ jkopri l-bżonnijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka ta’ dawk l-universitajiet bi prezz mhux għoli. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li teżisti rabta diretta bejn l-eżenzjoni tat-taxxa u l-attività tat-tagħlim għall-benefiċċju ta’ istituzzjoni ta’ l-Istat.

23.   Madankollu ma narax kif dan jista’ jkun il-każ skond il-ġurisprudenza ta’ wara s-sentenza Bachmann. Meta rrevediet leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet interferixxiet fl-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li għandu jkun hemm rabta ċara u mhux ambigwa bejn il-konċessjoni tat-taxxa u kwalunkwe taxxa speċifika li tikkumpensaha. Fil-kawża preżenti, ġie ssuġġerit li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tiġi kkumpensata mill-benefiċċju miksub mill-Istat Ġermaniż mill-attività ta’ tagħlim u riċerka ta’ għalliema part-time. Madankollu, rabta ġenerali, vaga u remota bħal din bejn il-konċessjoni lill-individwu u l-benefiċċju għall-Istat ma’ tissodisfax il-kriterji ta’ Bachmann. (17)

24.   Għaldaqstant, naħseb li l-Paragrafu 3(26) EStG ma jistax jiġi ġġustifikat permezz tar-referenza għall-bżonn li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali.

25.   B’hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda kif ġej: “Il-fatt li l-konċessjoni tat-taxxa ta’ l-Istat tapplika biss meta l-attività hija għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku nazzjonali ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi”.

IV – It-tielet domanda: l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva

26.   L-Artikolu 149(1) KE jipprovdi li “Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”. Il-Bundesfinanzhof issaqsi jekk il-Paragrafu 3(26) EStG jistax ikun miżmum bħala espressjoni tas-setgħa ta’ l-Istati Membri li jiddeċiedu huma stess kif is-sistemi edukattivi tagħhom għandhon jiġu organizzati. Il-Bundesfinanzhof hija ta’ l-opinjoni li din is-setgħa tinvolvi l-libertà li konċessjoni tat-taxxa tiġi limitata għal attivitajiet ipprovduti għal università pubblika nazzjonali. Skond il-Bundesfinanzhof, l-iskop tal-Paragrafu 3(26) EStG mhuwiex li jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi iżda li jinkoraġġixxi lin-nies sabiex jikkontribwixxu fuq bażi onorarja għas-servizzi ta’ l-edukazzjoni offruti minn istituzzjonijiet pubbliċi.

27.   Hemm żewġ punti biss li għandhom isiru fir-rigward ta’ din id-domanda. L-ewwel nett, kif tissottometti b’mod korrett il-Kummissjoni, il-Paragrafu 3(26) EStG mhuwiex miżura relatata mal-kontenut tat-tagħlim jew l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva. Huwa pjuttost miżura fiskali ta’ natura ġenerali li tipprovdi għal konċessjoni mit-taxxa meta individwu jkun involut f’attivitajiet li jkunu ta’ benefiċċju għall-pubbliku ġenerali. Ovvjament, it-tagħlim u r-riċerka, li l-benefiċjarji tagħhom huma l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni pubbliċi, jaqgħu b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha; l-istess jgħodd, madankollu, għal varjetà ta’ attivitajiet (li jvarjaw minn parteċipazzjoni fi proġetti artistiċi għall-kura ta’ l-anzjani) u istituzzjonijiet (li jvarjaw minn karità sa organizzazzjonijiet ekkleżjastiċi) oħra. Ovvjament, din id-dispożizzjoni mhijiex espressjoni tas-setgħa ta’ Stat Membru li jorganizza s-sistema edukattiva tiegħu; inkella, kull liġi nazzjonali li b’xi mod tirrigwarda l-edukazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 149 KE.

28.   Fit-tieni lok, huwa fatt magħruf li anke meta Stat Membru jirregola qasam li jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tiegħu, huwa għandu jagħmel dan b’ mod li jkun konsistenti mat-Trattat u, b’mod speċjali, mal-libertajiet fundamentali. (18) Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement kellha l-opportunità li tafferma mill-ġdid dan il-prinċipju fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni ta’ l-edukazzjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija. (19) Diġà spjegajt fl-analiżi tiegħi tat-tieni domanda li d-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali in kwistjoni timponi ostakoli artifiċjali fir-rigward ta’ l-għażliet disponibbli għal għalliema fir-rigward ta’ fejn joffru s-servizzi tagħhom. Għalhekk, anke jekk din id-dispożizzjoni kinet miżura li tirrigwarda l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, xorta tibqa’ inkompatibbli mat-Trattat.

29.   Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-tielet domanda kif ġej: “L-Artikolu 149 KE, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iżommu r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom, ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li l-Paragrafu 3(26) EStG ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew li jfisser li r-rifjut li tingħata l-konċessjoni tat-taxxa relevanti lill-għalliema li jgħallmu f’universitajiet fi Stati Membri oħra hija legali”.

V –    Konklużjoni

30.   Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof:

(1) L-Artikolu 49 KE jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu attività ta’ tagħlim fil-ħin liberu għal jew f’isem persuna ġuridika irregolata mid-dritt pubbliku, li għaliha l-għalliem jirċievi allowance għall-ispejjeż.

(2) Il-fatt li l-konċessjoni tat-taxxa ta’ l-Istat tapplika biss meta l-attività hija għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku nazzjonali ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

(3) L-Artikolu 149 KE, li jipprovdi li l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom, ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li l-Paragrafu 3(26) EStG huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew li jfisser li r-rifjut li tingħata l-konċessjoni tat-taxxa rilevanti lill-għalliema li jgħallmu f’universitajiet fi Stati Membri oħra hija legali.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Sentenza tas-26 ta’ April 1988 (352/85, Ġabra p. 2085, punt 16). Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ April 2000, Deliège (kawżi magħquda C-51/96 u C-1914/97, Ġabra p. I-2549).


3 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988 (C-196/87, Ġabra p. 6159) .


4 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001 (C-157/99, Ġabra p. I-5473).


5 – Sentenza Geraets-Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58.


6 – Konklużjonijiet ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005 fil-kawża Joustra (Ġabra p. I-11075, punt 84). Jiena kkunsidrajt din il-kwistjoni wkoll fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża FENIN (C-250/03, Ġabra I-6295, li kkonċernat id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “impriża” għall-finijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni. Kif spjegajt hemmhekk, “anke jekk ma tkunx imwettqa attività li tħalli profitt, jista’ jkun hemm parteċipazzjoni fis-suq li tista’ tfixkel l-għanijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni”.


7 – Ara, per eżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-433/04, Ġabra p. I-10653, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Laboratoires Fournier (C-39/04, Ġabra p. I-2057, punt 23).


9 – Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005 (C-147/03, Ġabra p. I-5969).


10 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


11 – L-Artikolu 163(1) KE jiddikjara li “l-Komunità għandha taħdem bil-għan li ssaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi ta’ l-industrija tal-Komunità” u l-Artikolu 163(2) KE jiddikjara li “[g]ħal dan l-iskop il-Komunità għandha tinkoraġġixxi, fil-Komunità kollha, lill-impriżi, …liċ-ċentri ta’ riċerka u lill-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta’ livell għoli; għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tagħhom li jikkoperaw ma’ xulxin, u timmira fuq kollox li tagħti l-opportunità lill-impriżi li jisfruttaw il-potenzjal kollu ta’ suq intern, speċjalment … bit-tneħħija ta' xkiel legali u fiskali għal dik il-kooperazzjoni”.


12 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001 (C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 44). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2003, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 56) kif ukoll il-punt 53 tal-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


13 – Ara S. Giubboni, “Free Movement of Persons and European Solidarity”, European Law Journal, Vol. 13 (2007), it-tielet faxxiklu, pp. 360 sa 379.


14 – Sentenza tat-28 ta’ Jannar 1992 (C-204/90, Ġabra p. 249). Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I-305).


15 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C-347/04, Ġabra p. I-2647, punti 62 sa 64) u ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Sentenzi ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225); tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra P. I-7477), u tad-9 ta’ Settembru 2004, Meilicke et (C-292/04, Ġabra p. I-7905).


17 – Fil-konklużjonijiet tiegħi tas-7 ta’ April 2005 fil-kawża Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837), jiena ssuġġerejt illi t-test ta’ Bachmann huwa strett wisq u għandu jiġi estiż sabiex l-għan tal-liġi nazzjonali jkun il-kriterju għall-aċċettazzjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ koerenza fiskali. L-Avukat Ġenerali Kokott kienet għamlet suġġeriment simili wkoll fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Manninen (iċċitata iktar ’il fuq). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma bidlitx l-opinjoni tagħha adottata f’Bachmann. Fi kwalunkwe każ, il-Paragrafu 3(26) EStG ma jgħaddix lanqas minn dak it-test inqas sever peress illi, anke jekk fil-prinċipju huwa aċċettat li l-iskop u l-loġika tiegħu huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju, ma ntweriex li l-interferenza mad-dritt ta’ l-appellant li jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru ieħor hija neċessarja sabiex jintlaħaq dan il-għan.


18 – Ara, per eżempju, is-sentenzi Manninen, iċċitata iktar ’il fuq (tassazzjoni diretta); tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C-55/00, Ġabra p. I-413) (sigurtà soċjali) u tas-7 ta’ Diċembru 2000, Teleaustria (C-324/98, Ġabra p. I-10745) (kuntratti pubbliċi li jaqgħu barra mill-iskop tad-Direttivi dwar kuntratti pubbliċi).


19 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.