Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-408/06

Landesanstalt für Landwirtschaft

vs

Franz Götz.

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja))

“Sitt Direttiva tal-VAT — Attività ekonomika — Persuni taxxabbli — Korpi rregolati mid-dritt pubbliku — Uffiċċju ta’ bejgħ tal-kwoti tal-ħalib — Tranżazzjonijiet ta’ l-aġenziji ta’ intervent agrikolu u tal-ħwienet għall-impjegati — Distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni — Suq ġeografiku”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Attivitajiet ekonomiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 4)

2.     Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 4(5))

3.     Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 4(5))

1.     L-attività ta’ trasferiment bi ħlas ta’ kwantitajiet ta’ referenza eżerċitata minn uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib, tikkostitwixxi attività ekonomika skond l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, meta tkun ta’ natura permanenti u ssir kontra ħlas li jinġabar mill-awtur tat-tranżazzjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-attività in kwistjoni tissodisfax dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, kif ukoll li tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, jekk huwiex sabiex jirċievu dan il-ħlas li l-uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib jeżerċitaw din l-attività, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ġbir ta’ ħlas ma jfissirx, fih inniffsu, li jattribwixxi natura ekonomika lil attività partikolari.

(ara l-punti 18, 20, 21)

2.     Uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib mhuwiex aġenzija ta’ intervent agrikolu skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata mid-Direttiva 2001/4, moqri flimkien mal-punt 7 ta’ l-Anness D ta’ l-istess direttiva, u lanqas ma huwa ħanut għall-impjegati fis-sens ta’ l-imsemmi tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) moqri flimkien mal-punt 12 ta’ l-Anness D ta’ l-imsemmija direttiva.

Fil-fatt, ix-xogħol ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib hu kunsiderevolment differenti minn dak ta’ aġenzija ta’ intervent agrikolu, li huwa kkaratterizzat mix-xiri u l-bejgħ sussegwenti tal-prodotti agrikoli nfushom, kif jista’ jagħmel kull operatur ekonomiku, billi dan l-eżerċizzju jitwettaq b’mod partikolari bil-kostituzzjoni ta’ ħażniet, bħal ma hu l-każ, b’mod partikolari, fil-qasam taċ-ċereali. Il-loġika ta’ l-issuġġettar għat-taxxa ipso jure inerenti fl-Anness D tas-Sitt Direttiva teskludi għaldaqstant mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha attività ta’ tqassim ta’ kwoti tal-ħalib bejn il-produtturi, billi ċ-ċentralizzazzjoni tad-diversi pretensjonijiet ta’ dawn il-produtturi ma kinitx ir-riżultat ta’ l-attività ta’ operatur li jixtri u sussegwentement ibigħ prodotti agrikoli fis-suq.

Barra minn hekk, tqabbil tal-verżjonijiet tal-lingwa Ġermaniża, Franċiża, Ingliża, Spanjola u Taljana fil-punt 12 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva, jippermetti li jiġi ddeterminat li l-ħanut għall-impjegati, skond dan il-punt, jirreferi għall-korpi inkarigati mill-bejgħ ta’ diversi prodotti u merkanzija lill-persunal ta’ l-impriża jew ta’ l-amministrazzjoni li jaħdmu għaliha. Dan mhuwiex ix-xogħol ta’ uffiċċju ta’ bejgħ, peress li dan huwa inkarigat milli jikkontribwixxi għall-ibbilanċjar tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna, skond il-limitazzjoni tagħhom, fl-aħjar interessi ta’ kull produttur.

(ara l-punti 26, 31, 33 u d-dispożittiv 1)

3.     Il-fatt li uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib ma jkunx taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet li dan l-uffiċċju jwettaq bħala awtorità pubblika, skond l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/4, ma jistax jikkostitwixxi distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni, safejn mhuwiex ikkonfrontat b’operaturi privati li jipprovdu servizzi li jikkompetu mas-servizzi pubbliċi. Peress li din il-kunsiderazzjoni tgħodd għal kull uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib li jopera f’żona ta’ trasferiment tal-kwantitajiet ta’ referenza, iddefinita mill-Istat Membru kkonċernat, l-imsemmija żona tikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

(ara l-punt 45 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Attività ekonomika – Persuni taxxabbli – Korpi rregolati mid-dritt pubbliku – Uffiċċju ta’ bejgħ tal-kwoti tal-ħalib – Tranżazzjonijiet ta’ l-aġenziji ta’ intervent agrikolu u tal-ħwienet għall-impjegati – Distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni – Suq ġeografiku”

Fil-kawża C-408/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ottubru 2006, fil-proċedura

Landesanstalt für Landwirtschaft

vs

Franz Götz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2007,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–      għall-Landesanstalt für Landwirtschaft, minn P. Gorski u N. Vogl, bħala aġenti,

–      għas-Sur Götz, minn H. Zaisch, Steuerberater,

–      għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–      għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent, assistita minn P. Harris, barrister,

–      għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, li ttieħdet wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/41/KE tad-19 ta’ Jannar 2001 (ĠU L 22, P. 17, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif ukoll tal-punti 7 u 12 ta’ l-anness D ta’ din id-direttiva.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Landesanstalt für Landwirtschaft (uffiċċju reġjonali għall-agrikoltura, iktar ’il quddiem il-“Landesanstalt”) u s-Sur Götz fir-rigward ta’ fattura relattiva għall-bejgħ ta’ kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna ta’ ħalib tal-baqra (iktar ’il quddiem il-“kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna”), maħruġa mill-Landesanstalt mingħajr ma kien hemm indikazzjoni separata tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

 Il-kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultat ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizzi], magħduda [inklużi] attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.

[…]

5.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet [tranżazzjonijiet], billi [fil-każijiet fejn] jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu [iżda sakemm dawn ma jkunux negliġibbli].

Stati Membri jistgħu iqisu attivitajiet ta’ dawn il-korpi li jkunu eżenti bl-Artikolu 13 jew 28 bħala attivitajiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi”

4       It-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti 7 u 12 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva huma, rispettivament, “[i]t-transazzjonijiet ta’ aġenziji ta’ intervenzjoni [intervent] agrikola[u] fir-rigward ta’ prodotti agrikoli mwettqa skond ir-Regolamenti fl-[dwar l-]organizzazzjoni komuni tas-suq f’dawn il-prodotti” u “[i]t-tmexxija tal-ħwienet ta’ l-[għall-]impjegati, koperattivi u kantini industrijali u istituzzjonijiet simili”.

5       Fl-aħħar nett, għandu jiġi indikat li l-kawża prinċipali għandha fl-isfond tagħha r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, tat-28 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi taxxa addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 405, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2028/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 (ĠU L 313, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3950/92”).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-liġi li timplementa l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq

6       Il-liġi li timplementa l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq (Gesetz zur Durchführung der gemeinsamen Marktorganisationen, BGBl. 1995 I, p. 1147), tawtorizza, fl-Artikolu 8(1) tagħha, li jiġu stabbiliti, permezz ta’ regolament, b’mod partikolari l-metodi għat-trasferiment tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna.

 Ir-regolament fuq it-taxxi addizzjonali

7       Ir-regolament fuq it-taxxi addizzjonali (Zusatzabgabenverordnung), tat-12 ta’ Jannar 2000 (BGBl. 2000 I, p. 27, iktar ’il quddiem iż-“ZAV”) jinkludi b’mod partikolari, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 7 – Riforma tas-sistema ta’ trasferiment

(1)      […] Kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna tista’ tiġi ttrasferita indipendentement mill-artijiet skond is-subartikoli 2 u 3 kif ukoll l-Artikoli 8 sa 11 […]

Artikolu 8 – Trasferiment bi ħlas irregolat tal-kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna

(1)      Bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (3), il-każijiet ta’ suċċessjoni taħt it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 7(1) kif ukoll il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 12(3), it-trasferiment tal-kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 7(1) għandu jsir minn uffiċċji ta’ bejgħ skond is-subartikolu 3 u l-Artikoli 9 sa 11, b’effett mill-1 ta’ April, l-1 ta’ Lulju jew it-30 ta’ Ottubru ta’ kull sena kalendarja […]

(2)      Il-Länder għandhom iwaqqfu uffiċċji ta’ bejgħ. Mill-inqas uffiċċju ta’ bejgħ wieħed għandu jkun kompetenti għal kull Land; l-attività ta’ uffiċċju ta’ bejgħ jista’ jkopri t-territorju ta’ numru ta’ Länder. Individwi jistgħu jkunu ammessi, wara li s-sitwazzjoni tkun ġiet debitament evalwata, bħala organizzazzjoni ta’ bejgħ, meta

1.      huma stess jew il-korpi amministrattivi tagħhom ikunu assoċjazzjonijiet sindakali jew organizzazzjonijiet agrikoli rappreżentattivi u meta

2.      ma jeżisti l-ebda dubju dwar l-affidabbiltà u l-kompetenza tagħhom.

[…]

(3)      Kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna tista’ tiġi ttrasferita biss ġewwa żoni ta’ trasferiment iddefiniti mill-anness […]”

 Il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ

8       Il-Liġi ta’ l-1999 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz 1999, BGBl. 1999 I, p. 1270, iktar ’il quddiem l-“UStG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tistipula fl-Artikolu 14(1) tagħha li meta “l-imprenditur jikkonsenja beni jew jipprovdi servizzi taxxabbli skond il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1(1), huwa jista’, u, safejn jagħmel dawn it-tranżazzjonijiet għall-finijiet ta’ impriża ta’ imprenditur ieħor, huwa għandu, fuq talba ta’ dan l-aħħar, joħroġ il-fattura tiegħu billi jindika separatament l-ammont tat-taxxa”. L-Artikolu 2(3) ta’ l-imsemmija liġi jirriżerva l-possibbiltà, għal persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, li jeżerċitaw attività industrijali, kummerċjali jew professjonali, biss għall-impriżi ta’ natura industrijali jew kummerċjali jew lill-operaturi agrikoli u li joperaw fil-qasam tas-silvikoltura li jiddependu minn dawn il-persuni.

 Is-sistema legali tal-Landesanstalt

9       Il-Landesanstalt, aventi kawża tal-Landesanstalt für Ernährung (uffiċċju reġjonali għall-ikel), kien ġie mwaqqaf skond l-Artikolu 8(2) taż-ZAV. Huwa jamministra l-uniku uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib imwaqqaf fil-Land tal-Bavarja, bl-istat ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku ta’ din il-Land.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Il-partijiet fil-kawża prinċipali huma agrikoltur mill-Bavarja, is-Sur Götz, u l-Landesanstalt. Bil-għan li titnaqqas il-provvista żejda tal-ħalib tal-baqra, il-Landesanstalt iċċentralizza l-applikazzjonijiet tal-produtturi differenti, sabiex jiġu ddeterminati dawk fosthom li għandhom l-intenzjoni jbigħu l-kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna u dawk li għandhom l-intenzjoni li jixtru l-imsemmija kwantità ta’ referenza. Din il-politika hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 3950/92, li jistabbilixxi taxxa addizzjonali imposta fuq il-produtturi li l-kwantità ta’ ħalib ipprovdut minnhom jeċċedi ċertu ammont.

11     Il-mekkaniżmu adottat mil-Landesanstalt għas-sena 2001 kien dan li ġej, jiġifieri l-produtturi “offerenti” kienu jindikaw lill-uffiċċju ta’ bejgħ tal-kwoti tal-ħalib, f’ċerti dati, offerta bil-miktub għaċ-ċessjoni ta’ kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna, billi jippreċiżaw il-prezz tagħhom. Fl-istess dati, il-produtturi “xerrejja” kienu jsegwu proċess simetriku, billi jiddepożitaw offerta bil-miktub għax-xiri ta’ kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna determinata bi prezz ta’ l-għażla tagħhom. L-uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib kien inkarigat, fl-ewwel lok, milli jqabbel l-offerti u l-applikazzjonijiet għax-xiri u jiddetermina prezz bilanċjat li jkun approssimativament viċin il-prezzijiet taż-żewġ partijiet. Fejn meħtieġ, l-ammonti kollha kienu jitnaqqsu. Fit-tieni lok, l-uffiċċju kien jassenja 5 % tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna offerti favur ir-riżerva nazzjonali, imbagħad, skond il-metodi deskritti mill-qorti tar-rinviju, li minnhom jirriżulta b’mod partikolari li t-trasferimenti ta’ flus kienu jsiru lill-uffiċċju ta’ bejgħ tal-kwoti tal-ħalib stess, dan l-uffiċċju kien jalloka mill-ġdid u jeffettwa l-ħlas fir-rigward tal-kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna li kienet tifdal.

12     Is-Sur Götz, produttur tal-ħalib u proprjetarju ta’ impriża agrikola fil-Bavarja, xtaq jixtri, fis-sena 2001, kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna ta’ 16 500 kg, għal prezz li ma kienx jaqbeż DEM 2 għal kull kg. Il-Landesanstalt informa lill-persuna kkonċernata, fit-3 ta’ April 2001, li l-offerta ta’ xiri tiegħu ġiet aċċettata b’effett mill-1 ta’ April 2001, fejn il-prezz bilanċjat kien ta’ DEM 1,58 għal kull kg. Hija ħarġet fattura f’isem is-Sur Götz, mingħajr indikazzjoni separata tal-VAT. Is-Sur Götz, li t-tranżazzjonijiet kollha tiegħu kienu ntaxxati skond l-UStG, ressaq rikors amministrattiv quddiem il-Landesanstalt, sabiex jinħareġ kont li juri l-imsemmija taxxa separatament. Il-Landesanstalt ċaħad dan ir-rikors, b’deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2001, minħabba n-natura tiegħu bħala awtorità pubblika u r-rwol tiegħu bħala sempliċi intermedjarja.

13     Is-Sur Götz ressaq il-każ quddiem il-Finanzgericht München, li laqgħet it-talba tiegħu, billi kkunsidrat, abbażi ta’ l-UStG, li l-Landesanstalt kienet imxiet bħala imprenditriċi u f’isimha stess. Il-Landesanstalt appellat quddiem il-Bundesfinanzhof, li ddeċidet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1) ‘Uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib’ (‘Milchquoten-Verkaufsstelle’), imwaqqaf minn Land, li jittrasferixxi bi ħlas kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna lil produtturi huwa:

a)       aġenzija ta’ intervent agrikolu skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) [tas-Sitt Direttiva], u ta[l-punt 7 ta’] l-Anness D [ta’ l-istess direttiva], li jwettaq tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ prodotti agrikoli skond ir-regolamenti dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ dawn il-prodotti, jew

b)       ħanut għall-impjegati (‘Verkaufsstelle’) skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5), [tas-Sitt Direttiva], u [l-punt 12 ta’] l-Anness D [ta’ l-istess direttiva]?

2)       Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

a)       F’ċirkustanzi, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, fi Stat Membru, ‘uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib’ kemm statali kif ukoll privati jittrasferixxu bi ħlas kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna, iż-żona ta’ trasferiment iddefinita mill-Istat Membru tikkostitwixxi s-suq ġeografiku in kwistjoni għall-finijiet ta’ l-eżami tal-kwistjoni jekk il-fatt li ‘uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib’ ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku ma jkunx taxxabbli jagħtix lok għal ‘distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni’ skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva?

b)      Matul l-eżami tal-kwistjoni jekk il-fatt li ‘uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib’ statali li ma jkunx taxxabbli jagħtix lok għal ‘distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni’, għandu jittieħed biss in kunsiderazzjoni l-każ ġenerali ta’ trasferiment – indipendentement mill-artijiet – (minn uffiċċju ta’ bejgħ) jew għandhom jittieħdu wkoll in kunsiderazzjoni tipi oħrajn ta’ trasferiment – indipendentement mill-artijiet – (minn agrikolturi li għaldaqstant huma persuna taxxabbli) minkejja li dawn huma biss każijiet eċċezzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

14     Jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi osservat li ż-żewġ domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof huma bbażati fuq il-premessa li l-attività ta’ trasferiment bi ħlas ta’ kwantitajiet ta’ referenza taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, kemm l-ewwel domanda magħmula, dwar l-eventwali suġġettar ipso jure għat-taxxa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali skond l-Anness D tas-Sitt Direttiva, kif ukoll it-tieni domanda magħmula, fiż-żewġ partijiet tagħha, dwar id-determinazzjoni ta’ “distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni” li tista’ tiġi kkawżata mill-allegat nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa tal-Landesanstalt bħala korp tad-dritt pubbliku, skond l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, jippresupponu li attività eżerċitata minn uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib, kemm jekk l-istat tiegħu huwa wieħed ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku kif ukoll dak ta’ entità rregolata mid-dritt privata, taqa’ taħt is-Sitt Direttiva.

15     Għlkemm l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa ħafna lill-VAT, din id-dispożizzjoni tkopri biss l-attivitajiet li huma ta’ natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Régie dauphinoise, C-306/94, Ġabra p. I-3695, punt 15 u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C-465/03, Ġabra p. I-4357, punt 18). B’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva timplika l-konstatazzjoni preċedenti tan-natura ekonomika ta’ l-attività in kwistjoni (is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, T-Mobile Austria et, C-284/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).

16     Jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġi ddeterminat, qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula, jekk l-attività ta’ trasferiment bi ħlas tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna tikkostitwixxix effettivament attività ekonomika.

17     Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ attività ekonomika hu ta’ natura oġġettiva, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nfisha, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha (is-sentenzi ta-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 235/85, Ġabra, p. 1471, punt 8, u tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield, C-223/03, Ġabra p. I-1751, punt 47).

18     L-attività ekonomika hija ddefinita fl-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva bħala li tinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jipprovdu servizzi, u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Régie dauphinoise, punt 15, u T-Mobile Austria et, punt 33). Dawn l-aħħar kriterji, relattivi għall-kontinwità ta’ l-attività u d-dħul li jinkiseb minnha, ġew ikkunsidrati mill-ġurisprudenza bħala li japplikaw mhux biss għall-użu ta’ proprjetà, iżda għat-tranżazzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva. Attività hija għalhekk, b’mod ġenerali, ikkwalifikata bħala ekonomika meta tkun ta’ natura permanenti u ssir kontra ħlas li jinġabar mill-awtur tat-tranżazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punti 9 u 15).

19     Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-attività in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti mill-ġbir, għal sena partikolari ta’ produzzjoni tal-ħalib, ta’ l-intenzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib, sabiex, dawk fosthom li jixtiequ jipproduċu inqas mil-limitu mogħti lilhom ikunu jistgħu jbigħu l-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna li jaħsbu li mhux ser jużaw, u dawk li jixtiequ, bil-kontra, jeċċedu l-limitu mogħti lilhom, ikunu jistgħu jixtru l-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna korrispondenti mingħajr ma jkunu suġġetti għat-taxxa addizzjonali skond ir-Regolament Nru 3950/92. Din l-attività tinvolvi wkoll il-kisba ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda biex jiġi ffissat prezz bilanċjat, tinvolvi li jiġu rċevuti l-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna li jkunu nbiegħu u li dawn jiġu allokati lix-xerrejja, kif ukoll ir-riċeviment, imbagħad il-ħlas tas-somom miftehma għat-trasferiment ta’ l-imsemmija kwantitajiet ta’ referenza. Minn dan jirriżulta li l-attività kkonċernata għandha tiġi analizzata, għall-finijiet tas-Sitt Direttiva, bħala provvista ta’ servizzi, li permezz tagħha l-provvista u d-domanda tal-produtturi tal-ħalib jiġu mqabbla, ħaġa li tippermetti li jintlaħaq prezz bilanċjat. Għaldaqstant, għad-differenza ta’ l-attività in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza T-Mobile Austria et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43), l-attività li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali ma tidhirx li hi ta’ tali natura li ma tistax tiġi eżerċitata, bħala regola, mill-operaturi ekonomiċi.

20     F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-attività in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-metodi li abbażi tagħhom hija ġiet organizzata fil-Ġermanja matul is-sena 2001, hijiex ta’ natura permanenti u ssirx bi ħlas, kif ġie mfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza.

21     Il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi wkoll, jekk ikun il-każ, jekk huwiex sabiex jirċievu dan il-ħlas li l-uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib jeżerċitaw din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Régie dauphinoise, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15), filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ġbir ta’ ħlas ma jfissirx, fih inniffsu, li jatribwixxi natura ekonomika lil attività partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T-Mobile Austria et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22     F’każ li l-qorti tar-rinviju tikkonsata li ż-żewġ kriterji li jikkostitwixxu attività ekonomika, jiġifieri n-natura permanenti tagħha u l-ġbir ta’ pagament bħala korrospettiv għall-attività, mhumiex sodisfatti, l-attività in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fiċ-ċirkustanzi li fihom hija ġiet eżerċitata fil-Ġermanja matul is-sena 2001, m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika u, għaldaqstant, ma taqax taħt il-kamp ta’ applkazzjoni tas-Sitt Direttiva.

23     Jeħtieġ, madankollu, li tingħata r-risposta li ġejja għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, f’każ li din ta’ l-aħħar tikkonstata li ż-żewġ kriterji msemmija fil-punt preċedenti huma ssodisfatti.

 Fuq l-ewwel domanda

24     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib huwiex aġenzija ta’ intervent agrikolu skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-punt 7 ta’ l-Anness D tagħha, jew ħanut għall-impjegati skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5), moqri flimkien mal-punt 12 ta’ l-Anness D ta’ l-imsemmija direttiva.

 Fuq in-natura ta’ aġenzija ta’ intervent agrikolu

25     Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib huwiex, jew le, aġenzija ta’ intervent agrikolu li twettaq tranżazzjonijiet taxxabbli skond il-punt 7 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi mfakkar li dawn it-tranżazzjonijiet huma dawk ta’ l-aġenziji ta’ intervent agrikolu relattivi għall-prodotti agrikoli, li jsiru skond ir-regolamenti dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ dawn il-prodotti, fejn dawn it-tliet kriterji huma kumulattivi.

26     Filwaqt li m’hemm l-ebda dubju, f’dan il-każ, li l-uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib imwaqqaf mil-Landesanstalt jopera fil-qasam tal-ħalib skond regolament fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-azzjoni tiegħu ma tikkonċernax il-ħalib, iżda l-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna. Għaldaqstant dan ma jirrigwardax prodotti agrikoli skond il-punt 7 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva. Barra minn hekk, ix-xogħol ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib hu kunsiderevolment differenti minn dak ta’ aġenzija ta’ intervent agrikolu, li huwa kkaratterizzat mix-xiri u l-bejgħ sussegwenti tal-prodotti agrikoli nfushom, kif jista’ jagħmel kull operatur ekonomiku. Dan l-eżerċizzju jitwettaq b’mod partikolari bil-kostituzzjoni ta’ ħażniet, bħal ma hu l-każ, b’mod partikolari, fil-qasam taċ-ċereali (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Glencore Grain Rotterdam, C-334/01, Ġabra p. I-6769). Il-loġika ta’ l-issuġġettar għat-taxxa ipso jure inerenti fl-Anness D tas-Sitt Direttiva teskludi għaldaqstant mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha attività ta’ tqassim ta’ kwoti tal-ħalib bejn il-produtturi, billi ċ-ċentralizzazzjoni tad-diversi pretensjonijiet ta’ dawn il-produtturi ma kinitx ir-riżultat ta’ l-attività ta’ operatur li jixtri u sussegwentement ibigħ prodotti agrikoli fis-suq.

27     L-uffiċċju ta’ bejgħ tal-kwoti tal-ħalib amministrat mil-Landesanstalt mhuwiex għaldaqstant aġenzija ta’ intervent agrikolu.

 Fuq in-natura ta’ ħanut għall-impjegati

28     Minħabba l-preżenza tal-kelma “Verkaufsstelle” fl-isem ta’ l-uffiċċju ta’ bejgħ in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni jekk l-imsemmi uffiċċju ta’ bejgħ huwiex ħanut għall-impjegati (“Verkaufsstelle”) fis-sena tal-punt 12 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva.

29     Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, li jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet li jeżistu fil-lingwi kollha tal-Komunità Ewropea (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1995, Rockfon, C-449/93, Ġabra p. I-4291, punt 28; tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C-296/95, Ġabra p. I 1605, point 36, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 31).

30     Skond ġurisprudenza stabbilita, it-terminu li jintuża f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni Komunitarja ma jistax iservi bħala l-uniku bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, natura prioritarja meta mqabbel ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra. Interpretazzjoni bħal din tkun effettivament inkompatibbli ma’ l-eżiġenza ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 16).

31     Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test Komunitarju, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ l-istruttura ġenerali u ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co, C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 42, kif ukoll ta’ l-1 ta’ April 2004, Borgmann, C-1/02, Ġabra p. I-3219, punt 25).

32     Il-ġeneralità tal-kelma Ġermaniża “Verkaufsstelle” (punt ta’ bejgħ) ma tinsabx, per eżempju, fil-verżjoni tal-lingwa Franċiża tal-punt 12 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva, li tuża l-kelma “économat”, bħal fil-verżjoni ta’ dan il-punt fil-lingwa Ingliża (“staff shops”), fil-lingwa Spanjola (“economatos”) jew ukoll fil-lingwa Taljana (“spacci”). Dan it-tqabbil indikattiv jippermetti li jiġi ddeterminat li l-ħanut għall-impjegati, skond il-punt 12 ta’ l-Anness D, jirreferi għall-korpi inkarigati mill-bejgħ ta' diversi prodotti u merkanzija lill-persunal ta’ l-impriża jew ta’ l-amministrazzjoni li jaħdmu għaliha. Dan mhuwiex ix-xogħol ta’ l-uffiċċju ta’ bejgħ in kwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-imsemmi uffiċċju huwa inkarigat milli jikkontribwixxi għall-ibbilanċjar tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna, skond il-limitazzjoni tagħhom, fl-aħjar interessi ta’ kull produttur.

33     Għaldaqstant, jirriżulta mill-kuntest, l-għanijiet u l-istruttura tas-Sitt Direttiva li l-uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib amministrat mil-Landesanstalt ma jistax jitqies bħala ħanut għall-impjegati fis-sens tal-punt 12 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva.

34     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hi li uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib ma hu la aġenzija ta’ intervent agrikolu fis-sens tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-punt 7 ta’ l-Anness D ta’ l-istess direttiva, u lanqas ħanut għall-impjegati fis-sens ta’ l-imsemmi tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5), moqri flimkien mal-punt 12 ta’ l-Anness D ta’ l-imsemmija direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

35     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iż-żona ta’ trasferiment tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna (iktar ’il quddiem iż-“żona ta’ trasferiment”) iddefinita mill-Istat Membru tikkostitwixxix is-suq ġeografiku in kwistjoni għall-finijiet ta’ l-eżami tal-kwistjoni jekk il-fatt li uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib li jaqa’ taħt korp irregolat mid-dritt pubbliku ma jkunx taxxabbli jistax jagħti lok għal “distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u jekk, matul dan l-eżami, għandux jittieħed in kunsiderazzjoni biss il-każ ġenerali ta’ trasferiment tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna, jew jekk għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni l-każijiet l-oħra kollha ta’trasferiment indipendentement mill-artijiet.

 Osservazzjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     Il-Landesanstalt iqis li s-suq ġeografiku rilevanti, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, huwa kkostitwit miż-żona ta’ trasferiment, hekk kif iddefinit mill-Istat Membru. Huwa jqis li huwa biss il-każ ġenerali ta’ trasferiment ta’ kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna, indipendentement mill-artijiet, li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni.

37     Skond is-Sur Götz, is-suq ġeografiku rilevanti mhuwiex iż-żona ta’ trasferiment li taqa’ taħt il-korp irregolat mid-dritt pubbliku in kwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda ż-żoni kollha ta’ trasferiment iddefiniti mill-Istat Membru. Barra minn hekk, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss il-każ ġenerali ta’ trasferiment ta’ kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna, iżda wkoll il-każijiet l-oħra ta’trasferiment, indipendentement mill-artijiet.

38     Il-Gvern Ġermaniż isostni, l-ewwel nett, li l-uffiċċji statali ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib mhumiex suġġetti għal VAT, it-tieni nett, li s-suq ġeografiku rilevanti huwa ż-żona ta’ trasferiment iddefinita mill-Istat Membru u, it-tielet nett, li ma teżisti ebda sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn id-diversi uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib. L-imsemmi Gvern jesprimi pożizzjoni identika għal dik tal-Landesanstalt fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda preliminari.

39     Il-Gvern tar-Renju Unit josserva li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ma jista’ jkun hemm l-ebda talba jew provvista li teċċedi l-limiti ġeografiċi ta’ żona ta’ trasferiment partikolari u li tista’ tħalli effett ġewwa din iż-żona. Għaldaqstant, kull żona ta’ trasferiment hija suq ġeografiku separat. Huwa ma jagħmilx osservazzjonijiet fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda magħmula.

40     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li s-suq ġeografiku rilevanti huwa ż-żona ta’ trasferiment iddefinita mill-Istat Membru. Hija tqis, barra minn hekk, li jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss il-każ ta’ trasferiment tal-kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna, indipendentement mill-artijiet, minn uffiċċju pubbliku ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib, iżda wkoll il-każijiet kollha ta’ trasferiment fid-dawl tal-possibbilità, għax-xerrejja ta’ servizzi kompetitriċi, li jnaqqsu l-input VAT.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

41     Għandu jiġi l-ewwel nett enfasizzat li l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jipprovdi eżenzjoni favur il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi, liema żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 107/84, Ġabra p. 2655, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 u 21).

42     B’hekk huwa biss jekk il-persuna pubblika taġixxi fil-kuntest ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika li jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa huwiex tali li jagħti lok għal “distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni”, sabiex tiġi ppreżervata n-newtralità fiskali tal-VAT.

43     Li kieku kellu jitqies li l-Landesanstalt jaġixxi fil-kuntest ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-inkartament imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati matul is-seduta, li t-trasferimenti tal-kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna jistgħu jsiru biss mill-uffiċċji ta’ bejgħ u mhux minn operaturi oħra.

44     Fil-fatt, jirriżulta mill-provi pprovduti mill-qorti tar-rinviju li, fil-każijiet fejn it-trasferiment huwa trasferiment bi ħlas irregolat, skond l-Artikolu 8 taz-ZAV, dan jista’ jsir biss minn uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib, pubbliku jew privat. Għalkemm l-Artikolu 8(2) taz-ZAV jipprovdi li uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib jista’ jkopri t-territorju ta’ numru ta’ Länder u, għall-kuntrarju, li Land jista’ jinkludi numru ta’ uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib, dan iservi biss biex tittieħed in kunsiderazzjoni d-differenza li teżisti bejn il-Länder kemm fir-rigward tal-wiċċ ta’ l-art tagħhom kif ukoll tan-numru ta’ produtturi tal-ħalib li jeżerċitaw fit-territorju rispettiv tagħhom. Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest ta’ żona ta’ trasferiment partikolari, it-trasferiment ta’ kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna ma jistax isir minn operaturi privati li huma suġġetti għall-VAT. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 8(3) taz-ZAV li l-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna jistgħu jiġu ttrasferiti biss ġewwa ż-żoni ta’ trasferiment. Għaldaqstant, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, ma teżisti l-ebda sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ġewwa żona partikolari ta’ trasferiment u hija għaldaqstant din ta’ l-aħħar li tikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

45     Fir-rigward tal-każijiet l-oħra ta’ trasferiment, elenkati fl-Artikolu 8(1) taż-ZAV, li jsiru mingħajr ma jintużaw l-uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib, għandu jiġi osservat, kif ġie mfakkar fis-seduta, li dawn isiru f’ċirkustanzi partikolari ħafna. Huma jirrigwardaw, b’mod partikoalri, it-trasferimenti li jseħħu minħabba suċċessjoni, żwieġ jew ċessjoni ta’ impriża, li ma jikkorrispondux għal sitwazzjonijiet kummerċjali, iżda jsibu l-oriġini tagħhom f’fatt ġuridiku li jinvolvi t-trasferiment ta’ kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna biss b’mod sekondarju. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li jkun hemm kompetizzjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, bejn l-uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib u l-produtturi li jittrasferixxu kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna li jaqgħu taħt il-każijiet previsti mill-Artikolu 8(1) taż-ZAV, billi dawn huma tant speċifiċi li ftit jidher possibbli li produttur tal-ħalib jiddeċiedi li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal dan it-trasferiment, per eżempju billi jixtri impriża, sempliċement biex jakkwista l-kwantità ta’ referenza ta’ kunsinna mhux mingħand l-uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib.

46     Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-fatt li uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib ma jkunx taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet li dan l-uffiċċju jwettaq bħala awtorità pubblika, skond l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, ma jistax jikkostitwixxi distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni, minħabba l-fatt li mhuwiex ikkonfrontat, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, b’operaturi privati li jipprovdu servizzi li jikkompetu mas-servizzi pubbliċi. Peress li din il-kunsiderazzjoni tgħodd għal kull uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib li jopera f’żona ta’ trasferiment partikolari, iddefinita mill-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi indikat li l-imsemmija żona tikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

47     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)     Uffiċċju ta’bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib ma hu la aġenzija ta’ intervent agrikolu fis-sens tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/41/KE tad-19 ta’ Jannar 2001, moqri flimkien mal-punt 7 ta’ l-Anness D ta’ l-istess direttiva, u lanqas ħanut għall-impjegati fis-sens ta’ l-imsemmi tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) moqri flimkien mal-punt 12 ta’ l-Anness D ta’ l-imsemmija direttiva.

2)     Il-fatt li uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib ma jkunx taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet li dan l-uffiċċju jwettaq bħala awtorità pubblika, skond l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva 77/388 kif emendata mid-Direttiva 2001/41, ma jistax jikkostitwixxi distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni, minħabba l-fatt li mhuwiex ikkonfrontat, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, b’operaturi privati li jipprovdu servizzi li jikkompetu mas-servizzi pubbliċi. Peress li din il-kunsiderazzjoni tgħodd għal kull uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib li jopera f’żona partikolari ta’ trasferiment tal-kwantitajiet ta’ refernza, iddefinita mill-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi indikat li l-imsemmija żona tikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.