Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

J. KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 20081(1)

Kawżi magħquda C-428/06, C-429/06, C-430/06, C-431/06, C-432/06, C-433/06 u C-434/06

Unión General de Trabajadores de la Rioja UGT-RIOJA

vs

Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco, Spanja)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri fiskali adottati minn awtorità reġjonali jew lokali – Rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-kumpanniji – Tnaqqis tal-ispejjeż ta’ investiment – Natura selettiva”





I –    Introduzzjoni

1.        It-tliet Territorji Storiċi Vizcaya (Bizkaia), Álava u Guipúzcoa (Gipuzkoa) huma fil-fatt awtoritajiet awtonomi u flimkien jifformaw il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski. Skont l-iskema fiskali partikolari tradizzjonali (Fueros), dawn għandhom kompetenzi leġiżlattivi proprji fil-qasam tad-dritt fiskali. Filwaqt li bbażaw fuq il-kompetenzi tagħhom, huma ffissaw ir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji għal 32.5 % fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fit-territorju rispettiv tagħhom. Min-naħa l-oħra, fi Spanja, ir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija ffissata b’mod inġenerali għal 35 %. Barra minn hekk, it-Territorji Storiċi adottaw regolamenti partikolari għat-trattament fiskali ta’ ċerti investimenti li ma jeżistux fid-dritt fiskali Spanjol.

2.        Ir-reġjuni viċini ta’ La Rioja u ta’ Castilla y Léon kif ukoll it-trade union Unión General de Trabajadores de la Rioja UGT-RIOJA jsostnu li dawn ir-regoli fiskali imorru kontra dispożizzjonijiet nazzjonali superjuri u jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment fis-sens tal-Artikoli 87 u 88 KE. Konsegwentement, huma ppreżentaw rikors quddiem it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco li għamel seba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari(2) lill-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-parti l-kbira tagħhom huma identiċi.

3.        L-ewwel nett jeħtieġ li jiġi ppreċiżat jekk il-miżuri fiskali adottati mit-Territorji Storiċi jiffavorixxux lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fil-konfront ta’ oħrajn u għaldaqstant jekk humiex ta’ natura selettiva. Jekk bħala qafas ta’ referenza wieħed jieħu t-territorju Spanjol kollu, allura hemm selettività reġjonali. Fil-fatt, huma biss l-impriżi stabbiliti f’ċerti partijiet ta’ Spanja, jiġifieri fit-Territorji Storiċi, li jibbenefikaw mir-regolamenti fiskali inkwistjoni.

4.        Madankollu, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni(3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’kawża dwar id-dispożizzjonijiet fiskali tar-Reġjun Awtonomu tal-Azores (Portugall), (iktar’il quddiem is-“sentenza Azores”), f’dak li jikkonċerna l-miżuri fiskali adottati minn awtorità reġjonali jew lokali, li l-qafas ta’ referenza m’għandux neċessarjament jiġi definit mit-territorju nazzjonali kollu tal-Istat Membru kkonċernat. Meta awtorità bħal din ikollha awtonomija biżżejjed, huwa biss it-territorju tagħha li jista’ jikkostitwixxi l-qafas ġeografiku ta’ referenza. F’dak il-każ, regolament li jiffavorixxi bl-istess mod l-impriżi kollha li jinsabu fir-reġjun tal-Azores jikkostitwixxi miżura ġenerali li mhijiex selettiva u li ma tissodisfax il-kriterji ta’ għajnuna mill-Istat.

5.        F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġutstizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminaw jew qegħdin jeżaminaw iktar minn erbgħin kawża li jirrigwardaw il-miżuri fiskali tat-Territorji Storiċi ta’ Vizcaya, Álava u Guipúzcoa(4). Madankollu, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ għadhom ma kinux is-suġġett ta’ kawża Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza sabu li l-miżuri eżaminati minnhom kienu ta’ natura selettiva mhux biss minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom imma wkoll fid-dawl ta’ kundizzjonijiet oħra li kienu jillimitaw iċ-ċirku ta’ benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri, bħal ma huma d-daqs tal-impriżi jew il-fatt li l-impriżi jridu jkunu għadhom kif ġew stabbiliti.(5)

6.        Min-naħa l-oħra, f’dawn il-kawżi, dak li huwa determinanti huwa biss il-fatt li r-regolamenti fiskali għandhom il-karatteristika ta’ miżuri reġjonali. Din toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha mibdija bis-sentenza Azores. Hija għandha tippreċiża, b’mod iktar partikolari, liema huma r-rekwiżiti li għandhom ikunu marbuta mal-awtonomija tal-awtoritajiet reġjonali u lokali b’mod li r-regolamenti fiskali tagħhom jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala li huma miżuri tagħhom proprji li ma jaqgħux taħt il-kuntest globali tal-Istat.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-kostituzzjoni Spanjola

7.        L-Artikoli li ġejjin tal-Kostituzzjoni Spanjola huma rilevanti għal dan il-kuntest:

“Artikolu 2 – Il-Kostituzzjoni hija bbażata fuq l-unità indissolubbli tan-nazzjon Spanjol, li huwa l-patrija komuni u indiviżibbli tal-Ispanjoli kollha. Hija tirrikonoxxi u tiggarantixxi d-dritt għall-awtonomija tan-nazzjonalitajiet u r-reġjuni li jifformawha u s-solidarjetà bejniethom.

Artikolu 31 – (1) Kull persuna għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż pubbliċi, skont il-kapaċità ekonomika tagħha, permezz ta’ sistema fiskali ġusta bbażata fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza u tal-progressività, li fl-ebda każ, m’għandha tieħu n-natura ta’ konfiska.

(...)”

8.        It-titolu VIII tal-Kostituzzjoni jikkonċerna l-organizzazzjoni territorjali tal-Istat u fiha d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 137 – Fl-organizzazzjoni territorjali tiegħu, l-Istat huwa kompost minn bliet, minn provinċji u mill-Komunitajiet awtonomi li jiġu fformati. Dawn l-entitajiet kollha jgawdu awtonomija fil-ġestjoni tal-interessi rispettivi tagħhom.

Artikolu 138 – (1) L-Istat għandu jiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ solidarjetà stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni, filwaqt li jieħu ħsieb il-bilanċ ekonomiku xieraq u ġust bejn id-diversi partijiet tat-territorju Spanjol, u dan fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi proprji għall-insularità.

(2) Id-differenzi bejn l-istatuti tad-diversi Komunitajiet awtonomi, fl-ebda każ ma jistgħu jinvolvu privileġġi ekonomiċi jew soċjali.

Artikolu 139 – (1) Iċ-ċittadini Spanjoli kollha għandhom l-istess drittijiet u l-istess obbligi fi kwalunkwe parti tat-territorju tal-Istat.

(2) Ebda awtorità ma tista’ tadotta miżuri li, direttament jew indirettament, jostakolaw il-libertà tal-moviment u tal-istabbiliment tal-persuni u l-moviment liberu ta’ merkanzija fit-territorju kollu Spanjol.

Artikolu 143 – (1) B’applikazzjoni tad-dritt għall-awtonomija rikonoxxut fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni, il-provinċji konfinanti li għandhom karatteristiċi storiċi, kulturali u ekonomiċi komuni, it-territorji insulari u l-provinċji li għandhom entità reġjonali storika jistgħu jiggvernaw lilhom infushom u jifformaw ruħhom f’Komunitajiet awtonomi, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu u l-istatuti rispettivi tagħhom.

[...]”

9.        L-Artikoli 148 u 149 jiddeskrivu l-oqsma li fihom il-Komunitajiet awtonomi jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom jew li fihom l-Istat ikollu kompetenza esklużiva. Fost il-kompetenzi potenzjali tal-Komunitajiet awtonomi hemm, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-attività ekonomika tal-Komunità Awtonoma fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti mill-politika ekonomika nazzjonali (Artikolu 148(1)(13)).

10.      L-Artikoli 156 sa 158 fihom dispożizzjonijiet iktar preċiżi relattivi għall-finanzi pubbliċi:

Artikolu 156 – (1) Il-Komunitajiet awtonomi għandu jkollhom l-awtonomija finanzjarja sabiex jiżviluppaw u jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom, skont il-prinċipji ta’ koordinazzjoni mal-finanzi tal-Istat u s-solidarjetà bejn l-Ispanjoli kollha.

(2) Il-Komunitajiet awtonomi jistgħu jaġixxu bħala delegati jew kollaboraturi tal-Istat għall-irkupru, il-ġestjoni u l-likwidazzjoni tar-riżorsi fiskali tiegħu, skont il-liġijiet u l-istatuti.

Artikolu 157 – (1) Ir-riżorsi tal-Komunitajiet awtonomi għandhom ikunu magħmula:

a)       mit-taxxi totalment jew parzjalment ċeduti mill-Istat; it-taxxi addizzjonali tal-Istat u l-kontribuzzjonijiet l-oħra għad-dħul tal-istess Stat.

b)       mid-dazji, mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet speċjali proprji tagħhom.

ċ)       mit-trasferimenti minn fond ta’ kumpens interterritorjali u allokazzjonijiet oħra a karigu tal-baġit ġenerali tal-Istat.

d)       mid-dħul provenjenti mill-patrimonju tagħhom u mid-dħul tad-dritt privat.

e)       mid-dħul mit-tranżazzjonijiet ta’ kreditu.

(2) Il-Komunitajiet awtonomi fl-ebda każ ma jistgħu jadottaw miżuri fiskali fil-konfront ta’ oġġetti li jkunu jinsabu barra mit-territorju tagħhom jew li jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija jew tas-servizzi.

(...)

Artikolu 158 – (1) Fil-baġits ġenerali tal-Istat, tista’ tiġi stabbilita allokazzjoni għall-Komunitajiet awtonomi skont l-importanza tas-servizzi u l-attivitajiet Statali li huma jkunu assumew u l-prestazzjonijiet minimi li huma jintrabtu li jagħmlu f’dak li jikkonċerna s-servizzi pubbliċi fundamentali fit-territorju kollu Spanjol.

(2) Sabiex jiġu rranġati l-iżbilanċi ekonomiċi interterritorjali u sabiex il-prinċipju ta’ solidarjetà jiġi applikat fil-prattika, għandu jitwaqqaf fond ta’ kumpens intiż għall-ispejjeż ta’ investiment, li l-fondi tiegħu jitqassmu mill-Cortes generales bejn il-Komunitajiet awtonomi u l-provinċji, skont il-każ.”

B –    L-Istatut ta’ Awtonomija

11.      Il-bażi legali kostituzzjonali tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask tinsab fl-Istatut ta’ Awtonomija tal-1979(6), li l-Artikolu 40 tiegħu jipprovdi li hija għandu jkollha l-amministrazzjoni finanzjarja awtonoma proprja tagħha.

12.      Barra minn hekk, l-Artikolu 41(1) tal-Istatut ta’ Awtonomija jipprovdi li r-relazzjonijiet fiskali bejn l-Istat Spanjol u l-Pajjiż Bask huma rregolati mis-sistema tradizzjonali tal-‘Concierto Económico’ (Ftehim Ekonomiku). L-Artikolu 41(2) jiddefenixxi l-prinċipji li ġejjin:

“a)      L-istituzzjonijiet kompetenti tat-Territorji Storiċi [provinċji Baski li fihom hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni partikolari) jistgħu jżommu, jistabbilixxu u jirregolaw is-sistema fiskali fit-territorju tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali tat-taxxa tal-Istat, ir-regoli stipulati mis-sistema ta’ Ftehim Ekonomiku għall-koordinazzjoni, l-armonizzazzjoni fiskali u l-kollaborazzjoni mal-Istat u dawk li l-Parlament Bask jadotta għal finijiet identiċi fil-Komunità Awtonoma.

b)      L-impożizzjoni, il-ġestjoni, il-likwidazzjoni, il-ġbir u l-verifika tat-taxxi kollha, ħlief għal dawk doganali ... f’kull Territorju Storiku, għandhom ikunu żgurati mid-Diputaciónes Forales rispettivi, u dan bla ħsara għall-kollaborazzjoni mal-Istat u l-ispezzjonijiet min-naħa tal-istess Stat.

ċ)      L-istituzzjonijiet kompetenti tat-Territorji Storiċi għandhom jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti sabiex japplikaw, fit-territorji rispettivi tagħhom, ir-regoli fiskali ta’ natura eċċezzjonali u provviżorji li l-Istat jiddeċiedi li għandu japplika fit-territorju komuni. Il-perijodu ta’ validità tagħhom għandu jkun identiku għal dak previst għall-imsemmija regoli.

d)      Il-kontribuzzjoni tal-Pajjiż Bask lill-Istat għandha tikkonsisti fi kwota globali fformata mill-kwoti li kull Territorju Storiku jkollu jħallas bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż kollha tal-Istat li l-Komunità Awtonoma ma tieħux fuqha.

e)      Għall-iffissar tal-kwoti ta’ kull Territorju Storiku li jifformaw parti mill-kwota globali msemmija iktar’il fuq, għandu jitwaqqaf Kumitat Konġunt kompost, minn naħa, minn rappreżentant ta’ kull Diputación Foral u numru ekwivalenti ta’ rappreżentanti tal-Gvern Bask u, min-naħa l-oħra, minn numru ekwivalenti ta’ rappreżentanti tal-Amministrazzjoni tal-Istat. Il-kwota hekk stabbilita għandha tiġi approvata b’liġi, bi frekwenza stabbilita mill-Ftehim Ekonomiku, u dan bla ħsara għall-aġġornament annwali permezz tal-proċedura prevista wkoll fil-Ftehim Ekonomiku.

f)      Is-sistema tal-ftehim għandha tiġi applikata skont il-prinċipju ta’ solidarjetà, li jirreferu għalih l-Artikoli 138 u 156 tal-Kostituzzjoni.”

C –    Il-Ftehim Ekonomiku

13.      Il-Ftehim Ekonomiku bejn il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u Spanja tal-2002(7) jissostitwixxi l-ftehim preċedenti tal-1981. L-Artikoli 2 sa 4 tal-Ftehim jiddefinixxu l-prinċipji li t-Territorji Storiċi għandhom josservaw fit-twaqqif tas-sistema fiskali:

“Artikolu 2 Prinċipji ġenerali

Wieħed – Is-sistema fiskali stabbilita mit-Territorji Storiċi għandha tosserva l-prinċipji li ġejjin:

L-ewwel – Rispett tas-solidarjetà fit-termini previsti mill-Kostituzzjoni u mill-Istatut ta’ Awtonomija.

It-tieni – Osservanza tal-istruttura ġenerali tat-taxxa tal-Istat.

It-tielet – Koordinazzjoni, armonizzazzjoni fiskali u kollaborazzjoni mal-Istat, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim Ekonomiku.

Ir-raba’ – Koordinazzjoni, armonizzazzjoni fiskali u kollaborazzjoni reċiproka bejn l-istituzzjonijiet tat-Territorji Storiċi skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti għal dan il-għan mill-Parlament Bask.

Il-ħames – Sottomissjoni għat-Trattati jew Konvenzjonijiet internazzjonali ffirmati u ratifikati mill-Istat Spanjol jew dawk li l-istess Stat Spanjol jaderixxi għalihom.

Huma għandhom jirrispettaw, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali ffirmati minn Spanja sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja kif ukoll ir-regoli għall-armonizzazzjoni fiskali tal-Unjoni Ewropea, u għandhom jieħdu ħsieb jagħtu r-rimborsi li għandhom isiru skont dawn il-konvenzjonijiet u regolamenti.

Tnejn – Ir-regoli ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu interpretati skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi ġenerali tat-taxxa fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regoli fiskali.

Artikolu 3  Armonizzazzjoni fiskali

Waqt l-elaborazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali, it-Territorji Storiċi:

a)      Għandhom jikkonformaw mal-liġi ġenerali tat-taxxa għal dak li jikkonċerna t-terminoloġija u l-kunċetti, u dan bla ħsara għall-karatteristiċi ppreċiżati f’dan il-Ftehim Ekonomiku.

b)      Għandhom jeżerċitaw pressjoni fiskali effettiva globali li tkun ekwivalenti għal dik li tapplika fil-bqija tal-Istat.

ċ)      Għandhom jirrispettaw u jiggarantixxu l-libertà tal-moviment u tal-istabbiliment tal-persuni, kif ukoll il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tas-servizzi fit-territorju Spanjol kollu, mingħajr ma jkun hemm la effetti diskriminatorji, la ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-impriżi, u lanqas distorsjoni fit-tqassim tar-riżorsi.

d)      Għandhom jużaw l-istess klassifikazzjoni ta’ attivitajiet industrijali, fil-minjieri, kummerċjali, ta’ servizzi, professjonali, agrikoli, artistiċi, ta’ attivitajiet ta’ sajd u trobbija ta’ annimali, bħal fit-territorju komuni, u dan bla ħsara għall-elaborazzjoni eventwali ta’ klassifikazzjoni iktar dettaljata tal-istess attivitajiet.

Artikolu 4 Prinċipju ta’ kollaborazzjoni

Wieħed – L-istituzzjonijiet kompetenti tat-Territorji Storiċi għandhom jikkomunikaw l-abbozzi tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam fiskali lill-Amministrazzjoni tal-Istat, qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ.

L-Amministrazzjoni tal-Istat għandha tagħmel l-istess mal-imsemmija Istituzzjonijiet.

Tnejn – L-Istat għandu jimplimenta l-mekkaniżmi li jippermettu l-kollaborazzjoni tal-Istituzzjonijiet tal-Pajjiż Bask fil-ftehim internazzjonali li jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim Ekonomiku.

Tlieta – L-Istat u t-Territorji Storiċi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet li huma għandhom fil-qasam tal-ġestjoni, ta’ verifika u ta’ ġbir tat-taxxi tagħhom, għandhom jagħtu lil xulxin id-data u l-informazzjoni kollha li huma jidhrilhom neċessarji sabiex itejbu l-ġbir tagħhom, u dan fil-mument u fil-forma mixtieqa.

B’mod partikolari, iż-żewġ Amministrazzjonijiet:

a)      Għandhom, permezz taċ-ċentri tagħhom għall-ipproċessar tad-data, jagħtu lil xulxin l-informazzjoni kollha li jqisu li jkollhom bżonn. Għal dan il-għan, għandha tiġi stabbilita bejniethom il-komunikazzjoni teknika neċessarja. Kull sena għandu jsir pjan komuni u kkoordinat għall-ipproċessar tad-data fiskali.

b)      Is-servizzi tal-ispezzjoni għandhom jippreparaw pjanijiet ta’ spezzjoni komuni dwar għanijiet, setturi u proċeduri selettivi kkoordinati, kif ukoll dwar il-persuni taxxabbli li jkunu biddlu r-residenza tagħhom, il-kumpanniji taħt is-sistema ta’ trasparenza fiskali u l-kumpanniji suġġetti għat-taxxa, u dan proporzjonalment għal volum ta’ tranżazzjonijiet imwettqa, fil-kuntest tat-taxxa fuq il-kumpanniji.”

14.      L-Artikolu 14(1) jirregola d-diviżjoni tal-kompetenza fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji bil-mod kif ġej:

“Wieħed – It-taxxa fuq il-kumpanniji hija taxxa stabbilita, b’liġi awtonoma, għall-persuni taxxabbli li jkollhom id-domiċilju fiskali tagħhom fil-Pajjiż Bask.

Madankollu, il-persuni taxxabbli li l-volum tat-tranżazzjonijiet tagħhom jaqbeż, matul is-sena preċedenti, is-6 miljun euro u li fl-istess sena jkunu għamlu, fit-territorju komuni, iktar minn 75 fil-mija tal-volum ta’ tranżazzjonijiet tagħhom, għandhom ikunu suġġetti għal-liġi ta’ dan it-territorju.

Bl-istess mod, il-liġi awtonoma għandha tapplika għall-persuni taxxabbli li jkollhom id-domiċilju fiskali tagħhom fit-territorju komuni, li l-volum ta’ tranżazzjonijiet tagħhom matul is-sena preċedenti jkun qabeż is-6 miljun euro u li jkunu għamlu t-total tal-volum tat-tranżazzjonijiet tagħhom fil-Pajjiż Bask.”

15.      L-Artikoli 48 sa 60 tal-Ftehim Ekonomiku jirrigwardaw ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u l-Pajjiż Bask. L-Artikoli 48 sa 50 huma redatti skont kif ġej:

“Artikolu 48 Prinċipji ġenerali

Ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u l-Pajjiż Bask għandhom ikunu regolati mill-prinċipji li ġejjin:

L-ewwel – Awtonomija fiskali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet tal-Pajjiż Bask fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kompetenzi tiegħu.

It-tieni – Rispett tas-solidarjetà fit-termini previsti mill-Kostituzzjoni u mill-Istatut ta’ Awtonomija.

It-tielet – Koordinazzjoni u kollaborazzjoni mal-Istat fil-qasam tal-istabbiltà tal-baġit.

Ir-raba’ – Kontribuzzjoni tal-Pajjiż Bask għall-piżijiet tal-Istat li ma jiġux assunti mill-Komunità Awtonoma, fil-forma stabbilita f’dan il-Ftehim Ekonomiku.

Il-ħames – Is-setgħat ta’ superviżjoni finanzjarja mwettqa f’kull mument mill-Istat fil-qasam tal-awtoritajiet lokali tispetta lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Pajjiż Bask, mingħajr ma dan jimplika livell ta’ awtonomija tal-awtoritajiet lokali Baski inferjuri għal dak li jgawdu minnu dawk tas-sistema komuni.

Artikolu 49  Kunċett ta’ kwota

Il-kontribuzzjoni tal-Pajjiż Bask lill-Istat għandha tikkonsisti fi kwota globali, li tkun magħmula minn dawk il-kwoti ta’ kull Territorju Storiku bħala kontribuzzjoni għall-piżijiet kollha tal-Istat li mhumiex assunti mill-Komunità Awtonoma Baska.

Artikolu 50 Frekwenza u aġġornament tal-kwota

Wieħed – Kull ħames snin, skont liġi adottata mill-Cortes generales (il-Parlament Spanjol), dwar il-kunsens meħtieġ minn qabel tal-Kumitat Konġunt tal-Ftehim Ekonomiku, għandha tiġi ddeterminata l-metodoloġija ta’ allokazzjoni tal-kwota li għandha tkun fis-seħħ matul il-ħames snin ta’ wara, u dan skont il-prinċipji ġenerali li jissemmew f’dan il-Ftehim Ekonomiku, u l-kwota tal-ewwel sena minn dawk il-ħames snin għandha tiġi approvata.

Tnejn – Matul kull waħda mis-snin ta’ wara l-ewwel sena, il-Kumitat Konġunt tal-Ftehim Ekonomiku għandu jaġġorna l-kwota billi japplika l-metodoloġija approvata bil-liġi li jirreferi għaliha l-paragrafu preċedenti.

Tlieta – Il-prinċipji li jifformaw il-metodoloġija li tiddetermina l-kwota u li jinsabu f’dan il-Ftehim jistgħu jitbiddlu bil-Liġi Kwinkwennjali dwar il-kwota, meta ċ-ċirkustanzi u l-esperjenza tal-applikazzjoni tagħhom jirrakkomandaw dan.”

16.      Skont l-Artikoli 63 u 64, l-evalwazzjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni fiskali mal-Ftehim Ekonomiku tista’ ssir qabel il-pubblikazzjoni tagħha minn organu kolleġjali li jkun kompost minn numru ekwivalenti ta’ rappreżentanti, il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa. Fuq talba ta’ wieħed mill-membri tagħha, dan il-Kumitat għandu jeżamina l-ilmenti li jsiru kontra dawn ir-regolamenti u għandu jipprova jsib soluzzjoni amikabbli.

D –    Il-liġi kwinkwennjali tal-kwota 2002-2006

17.      Permezz tal-Liġi tat-23 ta’ Mejju 2002(8) ġiet approvata l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-kwota tal-Pajjiż Bask għas-snin 2002-2006.

“Artikolu 3 Determinazzjoni tal-kwota tas-sena ta’ bażi

Il-kwota likwida tas-sena ta’ bażi tal-ħames snin bejn l-2002 u l-2006 għandha tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ imputazzjoni għall-ammont totali tal-piżijiet li ma jkunux ġew assunti mill-Komunità Awtonoma u bit-twettiq tal-aġġustamenti u ta’ kumpensi korrispondenti, u dan kollu skont it-termini previsti fl-artikoli li ġejjin.

Artikolu 4 Piżijiet tal-Istat li ma jiġux assunti mill-Komunità Awtonoma

Wieħed – Il-piżijiet tal-Istat mhux assunti mill-Komunità Awtonoma huma dawk li jikkorrispondu għall-kompetenzi li l-eżerċizzju tagħhom għadu ma ġiex assunt effettivament mill-istess Komunità Awtonoma.

Tnejn – Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont totali ta’ piżijiet inkwistjoni, mit-total ta’ spejjeż tal-baġit tal-Istat għandha titnaqqas l-allokazzjoni kollha tal-baġit li, fuq livell ta’ Stat, tikkorrispondi għall-kompetenzi assunti mill-Komunità Awtonoma, u dan mid-data effettiva tat-trasferiment iffissata fid-Digrieti Rjali korrispondenti. […]

Artikolu 5 Aġġustamenti

Wieħed – Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 15 iktar’il quddiem, iċ-ċifri li jirriżultaw mill-imputazzjoni li jirreferi għaliha r-raba’ paragrafu tal-Artikolu preċedenti għandhom jiġu aġġustati b’mod li tiġi ppreċiżata l-istima tad-dħul provenjenti mit-taxxi diretti imputabbli lill-Pajjiż Bask u lill-bqija tal-Istat, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55 tal-Ftehim Ekonomiku. […]

Artikolu 6 Ammonti kumpensatorji

Wieħed – Mill-kwota li tapplika għall kull Territorju Storiku, għandhom jitnaqqsu dawn li ġejjin:

a)      Il-parti imputabbli tat-taxxi li ma jkunx hemm ftehim dwarhom.

b)      Il-parti imputabbli tad-dħul tal-baġit ta’ natura mhux fiskali.

ċ)      Il-parti imputabbli mid-defiċit ippreżentat mill-Baġit ġenerali tal-Istat. [...]

Artikolu 7 Koeffiċjent ta’ imputazzjoni

Il-koeffiċjent ta’ imputazzjoni li għalih jirreferu l-Artikoli 4 u 6 preċedenti, iddeterminat essenzjalment skont id-dħul tat-Territorji Storiċi fil-konfront tal-Istat, huwa ta’ 6.24 fil-mija għall-ħames snin kurrenti.”

18.      Hemm dispożizzjonijiet oħra tal-liġi li jirregolaw l-aġġustamenti tal-kwota li, filwaqt li huma bbażati fuq is-sena ta’ bażi 2002, għandhom isiru għas-snin sussegwenti.

E –    Dispożizzjonijiet legali Baski

19.      Is-sistema finanzjarja u fiskali eżistenti hija kkompletata bil-Liġi Baska Nru 27/1983, tal-25 ta’ Novembru 1983. Hija tiddetermina dik il-parti tar-riżorsi fiskali li t-Territorji Storiċi għandhom iħallsu lill-Pajjiż Bask wara li tnaqqas tal-kwota li għandha titħallas lill-Istat.

20.      Barra minn hekk, il-Liġi Baska Nru 3/1989 tat-30 ta’ Mejju 1989 ħolqot organu ta’ koordinazzjoni fiskali tal-Pajjiż Bask. Dan l-organu ta’ koordinazzjoni jagħti pariri fuq l-abbozzi tad-dispożizzjonijiet fiskali tat-Territorji Storiċi.

F –    Ir-regoli fiskali kkontestati tat-Territorji Storiċi

21.      Id-dispożizzjoni li qed jintalab l-annullament tagħha fil-kawżi C-428/06, C 429/06 u C 434/06 hija n-Norma Foral Nru 7/2005, tat-23 ta’ Ġunju 2005, tal-Juntas Generales von Vizcaya, li fl-Artikolu 2 tagħha temenda n-Norma Foral Nru 3/1996, tas-26 ta’ Ġunju 1996, dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (del Impuesto sobre Siciedades)(9):

–        L-Artikolu 2(4) ta’ din il-liġi jemenda l-Artikolu 29 tan-Norma Foral Nru 3/1996 u jistabbilixxi r-rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji għal 32.5 %;

–        L-Artikolu 2(6) tal-liġi kkontestata jemenda l-Artikolu 37 tan-Norma Foral Nru 3/1996 u jipprovdi għal tnaqqis ta’ 10 % mill-ammont tal-investimenti magħmulin f’assi tanġibbli ġodda u allokati għall-iżvilupp tan-negozju ekonomiku ta’ kumpannija;

–        L-Artikolu 2(7) tal-liġi kkontestata jemenda l-Artikolu 39 tan-Norma Foral Nru 3/1996 u jipprovdi għal tnaqqis ta’ 10 % mill-profitti għas-sena finanzjarja u li jistgħu jiġu allokati għal riżerva għall-investimenti produttivi u/jew attivitajiet ta’ konservazzjoni u titjib tal-ambjent jew ekonomija fl-enerġija.

22.      It-taxxa fuq il-kumpanniji fis-seħħ f’Vizcaya hija b’hekk differenti mir-rata ġenerali ta’ 35 %(10) li tapplika fi Spanja. It-tnaqqis fiskali skont l-Artikoli 37 u 39 tan-Norma Foral Nru 3/1995 ma jeżistix fil-liġi Spanjola dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji.

23.      Id-dispożizzjoni li qiegħed jintalab l-annullament tagħha fil-kawżi C-430/06 u C-433/06 hija d-Decreto Foral Normativo de Urgencia Fiscal Nru 2/2005, tal-24 ta’ Mejju 2005, tal-Consejo de Diputados de Álava, li l-uniku artikolu tiegħu, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu, jemenda l-Artikoli 29 u 37 tan-Norma Foral Nru 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996, dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji. Il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jikkorrispondi għal dak tar-regoli kkontestati ta’ Vizcaya.

24.      Fl-aħħar nett, il-kawżi C-431/06 u C-432/06 jirrigwardaw id-Decreto Foral Nru 32/2005, tal-24 ta’ Mejju 2005, tad-Diputación Foral ta’ Gipúzkoa, li jemenda l-Artikoli 29 u 37 tan-Norma Foral Nru 7/1996, tal-4 ta’ Lulju 1996, dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu għar-regoli kkontestati tat-Territorji Storiċi l-oħra.

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

25.      Diġà qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, kienu jeżistu liġijiet f’dan il-qasam fit-tliet Territorji Storiċi. Madankollu, b’sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, it-Tribunal Supremo annulla dawn id-dispożizzjonijiet qodma (appell fil-Qorti tal-Kassazzjoni Nru 7893/1999)(11). Din il-qorti eżaminat b’mod partikolari in-Normas Forales fid-dawl tal-prinċipji kostituzzjonali tal-awtonomija, it-trattament ugwali, l-unità tal-Istat, is-solidarjetà kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji tal-kompetizzjoni u tal-libertà tal-istabbiliment. F’dan ir-rigward, it-Tribunal Supremo enfasizza li l-prinċipji ċċitati iktar’il fuq ma kinux jeskludu l-miżuri fiskali kollha tat-Territorji Storiċi li jmorru lil hinn mis-sistema fiskali ġenerali tal-Istat. Fil-fatt, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-awtonomija tat-Territorji Storiċi garantita mill-Kostituzzjoni. Barra minn hekk, il-limiti permessi fid-dritt kostituzzjonali jinqabżu jekk id-differenzi jkunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

26.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-Tribunal Supremo analizza sussegwentement id-diversi dispożizzjonijiet u kkonkluda li, fir-rigward tar-rati mnaqqsa tat-taxxa, id-dispożizzjonijiet relattivi għat-tnaqqis ta’ ċerti investimenti f’assi tanġibbli u r-riżervi speċjali, kienet teżisti għajnuna mill-Istat. It-Tribunal Supremo annulla din id-dispożizzjoni kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet oħra peress li din l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) KE, u dan mingħajr ma għamel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

27.      Sussegwentement, wara li t-Territorji Storiċi adottaw liġijiet b’kontenut identiku, ir-reġjuni viċini tar-Rioja u ta’ Castilla y Léon kif ukoll l-UGT-RIOJA, min-naħa tagħhom, ikkontestaw l-istess liġijiet quddiem it-Tribunal Superior de Justicia del Pais Vasco. Wara li sadanittant il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha Azores(12), it-Tribunal Superior ħass il-ħtieġa li jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u, b’digriet tal-20 ta’ Settembru 2006, għamlilha d-domanda li ġejja fil-kawżi C-428/06, C-429/06 u C-434/06:

“L-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri fiskali adottati mill-Juntas Generales du Territorio Histórico ta’ Vizcaya, li jemendaw l-Artikoli 29(1)(a), 37 u 39 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, għandhom jitqiesu bħala selettivi u, għaldaqstant, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar’il fuq, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) KE, peress li jiffissaw rata ta’ taxxa iktar baxxa mir-rata ġenerali stabbilita mil-liġi tal-Istat Spanjol u jistabbilixxu tnaqqis fiskali li ma jeżistix fl-ordni ġuridiku fiskali Statali u li japplikaw fit-territorju ta’ din il-lokalità infrastatali awtonoma?”

28.      Id-domandi preliminari magħmula fil-kawżi l-oħra kienu jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tat-Territorji Storiċi ta’ Álava (C-430/06 u C-433/06) u ta’ Guipúzcoa (C-431/06 u C-432/06), li huma simili.

29.      B’digriet tat-30 ta’ Novembru 2006, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi.

30.      Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Unión General de Trabajadores de la Rioja UGT-RIOJA, il-Comunidad Autónoma de La Rioja, il-Comunidad de Castilla y León, id-Diputación Foral de Guipúzcoa, il-Confederación Empresarial Vasca (Confebask), il-Gvern Spanjol u dak Taljan, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya, id-Diputación Foral d’Álava, id-Diputación Foral de Vizcaya u l-Cámara de Comercio, Industria y Navegación de Bilbao ppreżentaw osservazzjonijiet komuni.

IV – Analiżi

A –    Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

31.      UGT-RIOJA u l-Comunidad Autónoma de La Rioja kienu inizjalment qajmu l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward, UGT-RIOJA kienet sostniet li n-Norma Foral Nru 7/2005 tal-Juntas Generales de Viscaya kienet diġà ġiet annullata u/jew sospiża. Il-Comunidad Autónoma de la Rioja kienet sostniet, min-naħa tagħha, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tat-tliet Territorji Storiċi kienu ġew annullati b’deċiżjoni tat-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco tal-14 ta’ Novembru 2005 (ikkonfermata b’deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2006) b’applikazzjoni tas-sentenza tat-Tribunal Supremo tad-9 ta’ Diċembru 2004.

32.      Madankollu, ftit qabel il-ftuħ tal-proċeduri orali, dawn iż-żewġ partijiet irtiraw l-eċċezzjoni tagħhom ta’ inammissibbiltà. L-informazzjoni mogħtija minnhom wara domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta fir-rigward tal-istat tal-proċeduri msemmija iktar’il fuq ma taw ebda dawl fuq dan il-fatt. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati mit-talbiet għal miżuri provviżorji jidhru li ġew parzjalment sospiżi minkejja li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar ċerti Normas Forales mhumiex definittivi.

33.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-irtirar ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija irrilevanti peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata l-inammissibbiltà ex officio. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-regolamenti inkwistjoni ġew eventwalment annullati jew sospiżi jista’ jqajjem xi dubji dwar il-ħtieġa tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

34.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif prevista fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li jkollha tagħti deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża pendenti quddiemha, il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha(13).

35.      Peress li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jkunx ċar li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun, fil-verità, intiża li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ kawża fittizzja jew sabiex tipprovdi opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma jkollha ebda rapport mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża, jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha(14).

36.      Fil-kawża prinċipali li għadha pendenti, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-regoli tat-Territorji Storiċi. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87 KE. Ma teżisti ebda prova li tindika li l-kawża ġiet solvuta jew li hija ta’ natura ipotetika peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu diġà ġew annullati fi proċeduri oħra. Fi kwalunkwe każ, it-Tribunal Superior de Jusiticia del Pais Vasco adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, u din l-analiżi tispetta lilha l-ewwel, minkejja li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet, il-qorti kien diġà wriet id-dubji tagħha dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċizjoni dwar il-validità tad-deċiżjonijiet mogħtija f’dan il-kuntest fid-dawl tar-regoli tal-proċedura nazzjonali(15).

37.      Barra minn hekk, Confebask issostni li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari mhuwiex neċessarju peress li r-risposta tirriżulta diġà b’mod ċar mis-sentenza Azores. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tippronunzja ruħha wkoll permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Madankollu, f’dan il-każ mhijiex kwistjoni ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-sens proprju tagħha. Fil-fatt, fil-każijiet fejn tiġi applikata l-proċedura skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tkunx inammissibbli iżda tkun tista’ tiġi ttrattata fi proċedura ssimplifikata. Madankollu, ma jeżisti ebda element li jippermetti li wieħed jirrikorri għal din il-proċedura peress li r-risposta għal din id-domanda ma tistax tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza u r-risposta mhijiex waħda li ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli.

38.      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

B –    Fuq id-domanda preliminari

39.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf f’liema kundizzjonijiet il-miżuri fiskali adottati mill-awtoritajiet lokali li huma iktar vantaġġjużi mid-dispożizzjonijiet fiskali li japplikaw fil-bqija tat-territorju tal-Istat Membru, huma ta’ natura selettiva u b’hekk jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) KE.

40.      Qabel ma neżaminaw f’iktar dettall f’liema ċirkustanzi r-regolamenti fiskali għandhom jitqiesu bħala selettivi fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, jiena nixtieq infakkar l-elementi prinċipali tas-sentenza Azores.

1.      Is-sentenza Azores

41.      Fis-sentenza Azores, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tittratta għall-ewwel darba dak li jissejjaħ is-selettività reġjonali tad-dispożizzjonijiet fiskali. F’dan ir-rigward, il-punt tat-tluq hija l-ġurisprudenza stabbilita dwar il-karatteristiċi tas-selettività. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 87(1) KE jirrikjedi li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali tkunx ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan tal-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili(16).

42.      Huwa minnu li bħala prinċipju, it-taxxi ma jikkostitwixxux vantaġġi imma biss piżijiet. Madankollu, il-miżuri fiskali jistgħu jikkostitwixxu għajnuna meta f’każijiet partikolari, l-Istat jipprovdi għal taxxa iktar baxxa min-normal jew jirrinunzja għat-taxxa. inkwantu l-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, huwa jinkludi mhux biss l-għotjiet pożittivi bħalma huma s-sussidji stess, imma wkoll għotjiet li jttaffu l-piżijiet li normalment jinċidu fuq il-baġit ta’ impriża(17) Konsegwentement, sabiex wieħed jevalwa n-natura ta’ għajnuna li jkollha l-miżura fiskali, jeħtieġ li bħala qafas ta’ referenza huwa jieħu t-taxxa “normali” li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiddifferenzja ruħha minnha b’mod selettiv(18). Taxxa differenti hija ġġustifikata meta din id-differenza tirriżulta min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema fiskali(19).

43.      In-novità deċiżiva tas-sentenza Azores qegħda fil-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li l-qafas ta’ referenza kellu assolutament ikun l-Istat Membru fit-totalità tiegħu. Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat li kien possibbli li l-qafas ta’ referenza ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ awtorità lokali jew reġjonali jkun jinvolvi biss lit-territorju tal-istess awtorità meta din tkun suffiċjentement awtonoma mill-Gvern ċentrali ta’ dak l-Istat Membru(20).

44.      Fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha dwar għajnuna mill-Istat lill-awtoritajiet territorjali, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tenfasizza b’mod partikolari li din l-għajnuna kellha tiġi attribwita lill-Istat(21). Filwaqt li bbażat ruħha fuq dan l-approċċ, il-Kummissjoni, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ikkunsidrat li l-liġijiet li ma kinux applikabbli fit-territorju nazzjonali kollu kienu jikkostitwixxu miżuri selettivi, anki jekk huma jkunu ġew adottati minn awtoritajiet territorjali(22).

45.      Wara li ddefinixxiet il-qafas ta’ referenza sabiex tiġi analizzata r-rata mnaqqsa ta’ taxxa f’reġjun ta’ Stat Membru, fis-sentenza Azores il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed(23), iddistingwiet bejn tliet sitwazzjonijiet:

–        il-Gvern ċentrali jiddeċiedi unilateralment li, f’żona ġeografika partikolari, japplika rata ta’ taxxa iktar baxxa minn dik applikabbli fuq livell nazzjonali (l-ewwel sitwazzjoni).

–        l-Istat ċentrali jgħaddi l-kompetenza fiskali lill-awtoritajiet lokali kollha fl-istess pożizzjoni li, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu liberament dwar ir-rata tat-taxxa applikabbli fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom (it-tieni sitwazzjoni).

–        awtorità reġjonali jew lokali tadotta, fl-eżerċizzju ta’ setgħat suffiċjentement awtonomi mis-setgħa ċentrali u li l-awtoritajiet l-oħra m’għandhomx (asimetrija), rata tat-taxxa li hija inqas mir-rata nazzjonali u li hija applikabbli biss għall-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha (it-tielet sitwazzjoni).

46.      Fl-ewwel sitwazzjoni, huwa ċar li teżisti miżura selettiva. inkwantu f’dan il-każ, huwa l-livell nazzjonali li jistabbilixxi kemm is-sistema ġenerali u d-derogi reġjonali, l-uniku qafas ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-Istat kollu.

47.      Fit-tieni sitwazzjoni, ma jeżistix livell ta’ tassazzjoni “normali” għat-territorju nazzjonali kollu, li l-liġijiet differenti tad-diversi awtoritajiet territorjali jistgħu jidderogaw minnu b’mod vantaġġjuż. Konsegwentement, id-diversi liġijiet lokali jinsabu iżolati mill-oħrajn u mhumiex selettivi(24).

48.      Dan jikkorrispondi għar-rapport eżistenti bejn is-sistemi fiskali tal-Istati Membri. inkwantu t-taxxi diretti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri(25), ir-rati tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhumiex armonizzati imma jvarjaw kunsiderevolment bejn id-diversi Stati Membri. Għalkemm fil-Bulgarija u f’Ċipru ir-rata hija biss ta’ 10 %, il-medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 25 %.(26) Anki jekk id-diversi rati tat-taxxa għandhom influwenza evidenti fuq il-kompetizzjoni, rati partikolarment baxxi li japplikaw għall-impriżi kollha ta’ Stat Membru m’għandhomx in-natura ta’ għajnuna peress li ma teżistix sistema globali fil-Komunità.

49.      It-tielet sitwazzjoni hija kkaratterizzata minn diviżjoni asimetrika tal-kompetenzi. F’ċerti territorji, l-awtoritajiet lokali jew reġjonali għandhom ċerti kompetenzi leġiżlattivi filwaqt li l-istess kompetenzi huma mogħtija lill-Istat ċentrali f’ċerti territorji oħra tal-Istat. Dak li huwa importanti hawnhekk huwa l-grad ta’ awtonomija li għandhom l-awtoritajiet territorjali fl-attività leġiżlattiva tagħhom.

50.      Għalkemm, effettivament, huwa l-Istat ċentrali li jiddefinixxi l-kontenut tal-liġijiet lokali u/jew iġarrab il-konsegwenzi ekonomiċi, fil-verità ma teżisti l-ebda awtonomija. Il-leġiżlazzjoni lokali għandha tiġi attribwita lill-Istat ċentrali. Ir-regolamenti ġenerali tal-istess Stat ċentrali jikkostitwixxu l-istrument ta’ paragun li jippermetti li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni lokali toffrix vantaġġ selettiv. Jekk wieħed jikkunsidra li t-territorju tal-awtorità għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala qafas ta’ referenza għall-unika raġuni li l-leġiżlazzjoni ġiet formalment adottata minn din l-istess awtorità, ikun faċli għall-Istati Membri li jevitaw il-projbizzjoni fuq l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ikun hemm biss bżonn li l-kompetenzi tal-adozzjoni tar-regolamenti inkwistjoni jiġu ttrasferiti b’mod formali lill-awtoritajiet lokali(27).

51.      Min-naħa l-oħra, jekk il-miżura inkwistjoni tal-awtorità lokali tkun ġiet adottata minn din l-istess awtorità fl-eżerċizzju tal-kompetenzi suffiċjentement awtonomi, allura t-tielet sitwazzjoni hija paragunabbli għat-tieni waħda: ir-regolamenti li jiġu adottati minn diversi leġiżlaturi abbażi tal-kompetenzi proprji tagħhom – f’dan il-każ l-Istat ċentrali u l-awtoritajiet lokali – jikkoeżistu mingħajr ma jkun hemm qafas ta’ referenza komuni.

52.      Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ grad ta’ awtonomija suffiċjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Avukat Ġenerali Geelhoed(28) iddefinixxew tliet kriterji li għandhom ikunu ssodisfati b’mod kumulattiv:

–        L-awtorità lokali li tkun adottat ir-regola għandu jkollha statut kostituzzjonali, politiku u amministrattiv differenti minn dak tal-Gvern ċentrali – awtonomija istituzzjonali.

–        Ir-regolamenti jkunu ġew adottati mingħajr ma l-Gvern ċentrali jkollu l-possibbiltà li jinfluwenza direttament il-kontenut tagħhom – awtonomija proċedurali.

–        Il-konsegwenzi ekonomiċi tat-tnaqqis tar-rati tat-taxxa nazzjonali għall-impriżi fir-reġjun ikkonċernat ma jistgħux jiġu kkumpensati b’sussidji jew kontribuzzjonijiet provenjenti minn reġjuni oħra jew mill-Gvern ċentrali – awtonomija finanzjarja.

2.      Applikazzjoni b’analoġija tas-sentenza Azores għall-miżuri adottati mit-Territorji Storiċi.

53.      L-istess bħal fil-kawża Azores, il-każijiet tat-Territorji Storiċi jikkorrispondu għal diviżjoni asimetrika tal-kompetenzi fis-sens tat-tielet sitwazzjoni. Fil-fatt, fi Spanja, il-liġi fiskali, bħala prinċipju taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat ċentrali. B’differenza mill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-oħra, huma biss it-Territorji Storiċi li għandhom setgħat proprji f’dan il-qasam.(29) Konsegwentement, sabiex f’din il-kawża prinċipali jiġi ddeterminat jekk ir-regolamenti fiskali inkwistjoni għandhomx jitqabblu mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-bqija ta’ Spanja jew jekk dawn għandhomx jiġu evalwati bħala regolamenti indipendenti, jiddependi prinċipalment mill-awtonomija li għandhom it-territorji fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom.

a)      Rimarki preliminari

54.      Fl-ewwel lok jiena nixtieq infakkar li skont l-Artikolu 6(3) UE, l-Unjoni Ewropea tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri. Dan ifisser li l-Unjoni ma tippreġudikax l-ordni kostituzzjonali ta’ Stat Membru, kemm jekk dan huwa ċentralizzat kif ukoll jekk huwa federali u ma tinfluwenzax id-diviżjoni tal-kompetenzi fi ħdan Stat Membru. Il-verżjoni l-ġdida ta’ din id-dispożizzjoni adottata mit-Trattat ta’ Lisbona tenfasizza espressament ir-rispett mill-Unjoni tal-istrutturi kostituzzjonali tal-Istati Membri(30).

55.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet mis-sistema legali interna tiegħu, inklużi dawk li jirriżultaw mill-organizzazzjoni kostituzzjonali ta’ dan l-Istat, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju(31).

56.      Fis-sentenza Azores, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet il-bilanċ ġust bejn dawn iż-żewġ prinċipji. Minn naħa, hija tirrispetta l-awtonomija li l-Kostituzzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni tagħti lill-awtoritajiet territorjali. Fil-fatt, jekk il-kamp limitat ta’ applikazzjoni territorjali ta’ leġiżlazzjoni fiskali lokali kien diġà jiġġustifika s-selettività tal-miżura, l-awtonomija mogħtija mill-Kostituzzjoni nazzjonali lil din l-awtorità territorjali tiġi imminata. Kull leġiżlazzjoni lokali iktar vantaġġjuża meta mqabbla mad-dritt fiskali tal-Istat ċentrali u li tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra kollha sabiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna filwaqt li teċċedi l-limitu de minimis għandha tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tawtorizzaha biss jekk ikun hemm ġustifikazzjoni bħalma hija l-promozzjoni tar-reġjuni ekonomikament sottożviluppati skont l-Artikolu 87(3)(a) KE.

57.      Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti dwar l-awtonomija tal-leġiżlaturi lokali huma intiżi sabiex jiżguraw li l-Istati Membri ma jinħbewx wara l-ordni ġuridiku kostituzzjonali tagħhom u li l-projbizzjoni tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 87 KE ma tiġix evitata bit-trasferiment purament formali tal-kompetenzi leġiżlattivi.

58.      Jeħtieġ li dan il-bilanċ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sentenza Azores għal dawn il-kawżi.

59.      Madankollu, hemm żewġ elementi li jiddistingwu dawn il-kawżi mis-sentenza Azores. Fl-ewwel lok, il-proċeduri f’din il-kawża huma ta’ tip differenti: is-sentenza Azores ingħatat wara rikors tal-Portugall skont l-Artikolu 230(1) KE għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi hija stess jekk il-Kummissjoni setgħetx tistabbilixxi li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

60.      Min-naħa l-oħra, f’dawn il-kawżi ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, xogħol il-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat li tinterpreta l-Artikolu 87(1) KE. Anki jekk, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha elementi speċifiċi tal-kawża prinċipali, madankollu hija l-qorti tar-rinviju li fl-aħħar mill-aħħar għandha tiddeċiedi jekk il-liġijiet inkwistjoni tat-Territorji Storiċi għandhomx jiġu kklassifikati bħala miżuri selettivi, u għaldaqstant, għajnuna mill-Istat(32). Konsegwentement, id-domanda preliminari li hija intiża sabiex tinkiseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ta’ miżuri konkreti għandha tinftiehem fis-sens indikat fil-punt 39 iktar’il fuq.

61.      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Azores kellhom is-setgħa li jnaqqsu r-rata tat-taxxa nazzjonali sabiex jgħelbu l-mankamenti strutturali li jaffettwaw l-impriżi tar-reġjun minħabba n-natura insulari tagħhom(33). Sabiex jevita li t-tnaqqis fir-rata tat-taxxa ma jwassalx sabiex ir-reġjun jiddgħajjef finanzjarjament, l-Istat ċentrali kien jikkumpensa t-tnaqqis fid-dħul fiskali li kien jirriżulta minn dak l-eżerċizzju. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, fl-aħħar mill-aħħar, ir-responsabbiltà finanzjarja tar-regolamenti fiskali reġjonali ma tinġarrx mir-reġjun innifsu iżda mill-Istat ċentrali u din hija r-raġuni għaliex hija kkunsidrat li l-livell ġenerali ta’ tassazzjoni tal-Istat jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza sabiex tiġi evalwata s-selettività tar-rata tat-taxxa reġjonali(34).

62.      Ma jidhirx li r-regolamenti fiskali tat-Territorji Storiċi tal-Pajjiż Bask huma intiżi wkoll sabiex jikkumpensaw għal dghjufijiet ġeografiċi jew strutturali simili. Min-naħa l-oħra, is-sistemi fiskali iktar vantaġġjużi meta mqabbla mar-regolamenti ġenerali għandhom l-għan li jħajru t-twaqqif tal-impriżi. Barra minn hekk, kuntrarjament għas-sentenza Azores, il-loġika tas-sistema mhijiex li l-Istat ċentrali jikkumpensa għal tnaqqis fid-dħul fiskali li jirriżulta mill-vantaġġi fiskali mogħtija mit-Territorji Storiċi.

63.      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-regolamenti inkwistjoni kienu effettivament japplikaw bl-istess mod għall-operaturi ekonomiċi kollha suġġetti għas-sistema fiskali tat-Territorji Storiċi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li minn naħa, it-Territorji Storiċi jintaxxaw ukoll dħul li jkun perċepit barra mit-territorju tagħhom u min-naħa l-oħra, ċerti dħul magħmul fit-Territorji ma jiġix intaxxat.

64.      Dan jiġi spjegat mill-fatt li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-Ftehim Ekonomiku, id-diviżjoni tal-kompetenza fiskali bejn l-Istat ċentrali u l-Pajjiż Bask hija marbuta mal-post fejn l-impriża jkollha s-sede tagħha. Għaldaqstant, sa ċertu punt, dħul li ma jiġix perċepit fil-post fejn l-impriża jkollha s-sede tagħha xorta waħda jiġi ntaxxat minħabba l-kriterju ta’ rabta mas-sede skont il-liġi. Min-naħa l-oħra, mhijiex prevista t-tassazzjoni ġenerali inkwantu non-residenti, ta’ stabbilimenti permanenti fil-post tal-attività tagħhom, marbuta ma’ imputazzjoni tat-taxxa u/jew l-eżenzjoni ta’ dak id-dħul fis-sede prinċipali tal-impriża. F’dan ir-rigward, id-diviżjoni tal-kompetenza fiskali tiddistingwi ruħha mir-regoli normali tad-dritt fiskali internazzjonali. Madankollu, ma jirriżultax li t-tassazzjoni fil-Pajjiż Bask hija selettiva. Anzi għall-kuntrarju, it-tassazzjoni tapplika bl-istess mod għall-impriżi suġġetti għas-sistema tagħha ta’ tassazzjoni skont it-diviżjoni tal-kompetenza fiskali.

b)      Portata materjali tal-awtonomija politika u finanzjarja

65.      Skont il-Kummissjoni, fis-sentenza Azores, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa meħtieġ li ssir evalwazzjoni doppja sabiex tiġi ddeterminata l-awtonomija ta’ awtorità lokali. L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtorità għandhiex “rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi”(35). Huwa biss f’każ li dan jiġi stabbilit, li mbagħad japplikaw it-tliet kriterji ta’ awtonomija previsti fil-punt 67 tal-istess sentenza.

66.      Fir-realtà, it-Territorji Storiċi għandhom biss setgħat limitati ħafna fid-determinazzjoni tas-sistema ekonomika. Għalkemm huwa minnu li skont l-Artikolu 41 tal-Istatut ta’ Awtonomija, huma jistgħu jirregolaw id-dritt fiskali, madankollu huma m’għandhom ebda influwenza fuq l-użu tad-dħul fiskali. Għall-kuntrarju, id-dħul fiskali jiġi, fil-parti l-kbira tiegħu, ittrasferit lill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u lill-Istat. Għaldaqstant, għal din ir-raġuni, ma hemmx awtonomija suffiċjenti.

67.      Bħalma ssostni l-Kummissjoni, huwa minnu li s-sitwazzjoni kompetittiva tal-impriżi mhijiex biss influwenzata mis-sistema fiskali imma wkoll minn diversi fatturi oħra lokali bħalma huma l-preżenza ta’ persunal ikkwalifikat, il-kontenut tad-dritt tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali jew ukoll il-kwalità tal-infrastrutturi. Madankollu, dan ma jwassalx bilfors sabiex “awtonomija suffiċjenti” tiġi rikonoxxuta biss meta l-entità infrastatali jkollha biżżejjed kompetenzi li jippermettulha tinfluwenza dawn il-fatturi.

68.      Illum, anki l-Istati Membri m’għadx għandhom awtonomija sħiħa fil-qasam tal-politika ekonomika. Fil-fatt, huma għandhom jorjentaw il-politika ekonomika tagħhom skont il-prinċipji tal-Artikolu 98 KE u jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill skont l-Artikolu 99 KE. Diversi liġijiet li huma rilevanti fir-rigward ta’ kemm ikun attraenti post għall-istabbiliment ta’ impriża, bħalma huma r-regoli tad-dritt tax-xogħol, tal-protezzjoni tal-ambjent, tal-kuntratti pubbliċi jew tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ġew armonizzati fuq livell Komunitarju. Barra minn hekk, f’ċerti oqsma bħal per eżempju l-agrikultura, il-kummerċ estern jew it-trasport, il-politika nazzjonali tkun suġġetta għall-politika Komunitarja.

69.      Jekk wieħed janalizza b’mod preċiż ħafna l-partijiet rilevanti tas-sentenza Azores li l-Kummissjoni tikkwota fil-qosor, jidher ċar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-awtonomija fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri konkreti u mhux f’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ azzjoni ġenerali fil-qasam tal-politika ekonomika. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li kien possibbli “li entità infrastatali(36) għandha status fid-dritt u fil-fatt li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fil-konfront tal-Gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri li hija tadotta, tkun din l-entità, u mhux il-Gvern ċentrali, li jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku ...”(37) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażat ruħha manifestament fuq ir-regolamenti fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-sentenza Azores.

70.      Li kieku l-interpretazzjoni tas-sentenza Azores mogħtija mill-Kummissjoni kellha tkun eżatta, wieħed ma jifhimx għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik il-kawża, lanqas ma nnegat l-awtonomija minħabba l-fatt li l-kompetenzi reġjonali huma limitati fir-rigward tal-aġġustament tar-rata tat-taxxa. Flok dan, hija eżaminat fid-dettall jekk ir-reġjun, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, aġixxiex b’mod awtonomu mill-perspettiva istituzzjonali, proċedurali u finanzjarja.

71.      Konsegwentement, jeħtieġ li dan l-argument tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

c)      ċ)     Liema huwa l-qafas ta’ referenza xieraq: kull wieħed mit-Territorji Storiċi jew il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask?

72.      Waqt l-analiżi tas-selettività tal-miżuri inkwistjoni u l-eżami tal-awtonomija tad-diversi awtoritajiet lokali, il-kwistjoni li tqum qabel xejn hija dwar jekk hijiex il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask kollu jew it-tliet Territorji Storiċi li għandhom jiġu mqabbla mal-Istat ċentrali.

73.      L-adozzjoni tar-regolamenti fiskali, li tikkostitwixxi qabel xejn il-vertenza ta’ din il-kawża, hija bbażata fuq l-Artikolu 41(1) tal-Istatut ta’ Awtonomija tat-Territorji Storiċi u dan kif spjegajt iktar’il fuq. Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 u 4 tal-Ftehim Ekonomiku jirreferu għalih. It-Territorji Storiċi jibgħatu l-informazzjoni dwar il-liġi fiskali direttament lill-Ministru tal-Finanzi tal-Istat ċentrali u jibgħatu lir-rappreżentant tagħhom fil-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa skont l-Artikoli 63 u 64 tal-Ftehim. Dan juri li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-awtonomija ta’ kull wieħed mit-Territorji Storiċi.

74.      Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ josserva li l-koordinazzjoni interna fil-Pajjiż Bask twassal manifestament sabiex in-Normas Forales tat-tliet Territorji Storiċi ikunu kważi identiċi. Għaldaqstant, wieħed jista’ jiddubita mill-awtonomija tal-proċess leġiżlattiv ta’ kull territorju. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ ipoteżijiet:

–        it-Territorji Storiċi huma marbuta, fil-fatt u fid-dritt, mill-koordinazzjoni ġewwa l-Pajjiż Bask sabiex jadottaw regoli uniformi iżda l-koordinazzjoni tar-regoli hija indipendenti mill-Istat ċentrali.

–        fil-kuntest tal-koordinazzjoni, it-territorju huma marbuta bir-regoli tal-Komunità Awtonoma li, min-naħa tagħhom, huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Istat ċentrali.

75.      Fl-ewwel każ, is-sovranità fiskali hija eżerċitata mit-tliet Territorji Storiċi b’mod konġunt u eventwalment mill-Komunità Awtonoma. F’każ bħal dan, jista’ jkun li l-koordinazzjoni ġewwa l-Pajjiż Bask fil-qasam leġiżlattiv tillimita l-awtonomija tat-Territorji fir-rapport tagħhom wieħed mal-ieħor, imma mhux l-awtonomija (komuni) fil-konfront tal-Istat ċentrali. Fl-evalwazzjoni tas-selettività tal-leġiżlazzjoni fiskali li tapplika bl-istess mod għall-impriżi kollha taħt dik l-awtorità, huwa biss ir-rapport eżistenti bejn l-Istat ċentrali u l-awtoritajiet lokali jew reġjonali li huwa rilevanti. Għaldaqstant, jeħtieġ li wieħed jeżamina jekk it-Territorji Storiċi, meta jaġixxu b’mod konġunt u/jew flimkien mal-Komunità Awtonoma għandhomx awtonomija suffiċjenti fil-konfront tal-Istat ċentrali.

76.      Min-naħa l-oħra, fit-tieni ipoteżi, l-awtonomija tat-Territorji Storiċi titqiegħed indiskussjoni b’mod indirett mir-regoli tal-Istat ċentrali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk teżistix waħda miż-żewġ ipoteżijiet u tinferixxi l-konklużjonijiet minnha.

77.      Fl-aħħar nett, wieħed jista’ wkoll jikkontempla l-possibbiltà li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask tkun tista’ tinfluwenza l-leġiżlazzjoni tat-Territorji Storiċi b’mod li f’parti mill-Pajjiż Bask, ikunu japplikaw kundizzjonijiet iktar favorevoli milli jkunu japplikaw f’partijiet oħra. F’każ bħal dan, il-miżura selettiva tista’ tkun teżisti anki jekk huwa l-Pajjiż Bask u mhux l-Istat ċentrali li jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza. Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeżisti ebda element li jippermetti li wieħed jasal għal konklużjoni f’dan is-sens.

d)      ċ)     L-applikazzjoni ta’ kull wieħed mill-kriterji

78.      Il-qorti tar-rinviju u l-partijiet kollha fil-proċeduri m’għandhom ebda dubju dwar tal-awtonomija istituzzjonali tat-Territorji Storiċi u tal-istituzzjonijiet tagħhom. Konsegwentement, mhuwiex meħtieġ li dawn il-kriterji jiġu approfonditi. L-ilmenti esposti mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni fil-proċeduri fil-kawża prinċipali huma diretti biss kontra l-awtonomija proċedurali u finanzjarja tat-Territorji Storiċi.

79.      Dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni ġustament tidentifika żewġ aspetti fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali. L-ewwel aspett li wieħed jista’ wkoll jikklassifikah bħala ta’ awtonomija proċedurali fis-sens strett jikkonċerna l-libertà tal-awtoritajiet lokali li jadottaw dispożizzjonijiet fiskali fil-kuntest ta’ proċedura li fiha l-Istat ċentrali m’għandu ebda influwenza jew tal-inqas ebda influwenza deċiżiva. L-aspett l-ieħor jirrigwarda l-marġni ta’ diskrezzjoni materjali li hija mogħtija lill-awtoritajiet lokali skont l-ordni ġuridiku intern. Sabiex dan it-tieni aspett jiġi spjegat aħjar, iktar’l quddiem nixtieq nuża l-kunċett ta’ awtonomija kostituttiva, jiġifieri l-awtonomija kostituttiva formali u materjali flok il-kunċett ta’ awtonomija proċedurali.

i)      L-awtonomija kostituttiva

80.      Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 67 tas-sentenza Azores, ir-regola lokali għandha tiġi adottata “mingħajr ma l-Gvern ċentrali seta’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha”.

81.      Madankollu, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-punt 54 tal-konklużjonijiet fejn l-Avukat Ġenerali uża kunċett iktar wiesa’: “id-deċiżjoni għandha tittieħed skont proċedura li fiha l-Gvern ċentrali ma jkollux is-setgħa li jintervjeni direttament fl-iffissar tar-rata tat-taxxa, u l-awtorità lokali ma tkun bl-ebda mod obbligata li tiffissa r-rata tat-taxxa skont l-interessi nazzjonali”(38).

82.      Finalment, fil-punt 68 tas-sentenza, hemm miktub li awtonomija politika u fiskali suffiċjenti fil-konfront tal-Gvern ċentrali tippresupponi li l-awtorità lokali tkun kompetenti sabiex tadotta miżuri ta’ tnaqqis tar-rata tat-taxxa indipendentement minn kull kunsiderazzjoni marbuta mal-aġir tal-Istat ċentrali.

83.      Fid-dawl ta’ dawn il-formulazzjonijiet, il-partijiet fil-proċeduri ma jaqblux dwar safejn l-awtonomija tqiegħed indiskussjoni l-fatt li t-Territorji Storiċi huma marbuta b’ċerti regoli legali meta jadottaw il-liġi fiskali. L-osservanza ta’ dawn ir-regoli hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju u finalment għall-istħarriġ mit-Tribunal Supremo u għaldaqstant minn qorti stabbilita fil-livell tal-Istat ċentrali. Ċerti partijiet jaraw dan ukoll bħala limitazzjoni għall-awtonomija tat-Territorji Storiċi.

84.      Ir-regoli tad-dritt kostituzzjonali inklużi d-dispożizzjonijiet previsti fl-Istatut ta’ Awtonomija u fil-Ftehim Ekonomiku jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tat-Territorji. Konsegwentement, jiena ser nanalizza dan l-aspett fil-kuntest tal-awtonomija kostituttiva materjali. F’dan il-kuntest, jiena nixtieq nanalizza wkoll l-istħarriġ a posteriori tar-regoli tad-dritt fiskali li jsir mill-qrati. Peress li dan l-istħarriġ m’għandux effett dirett fuq it-teħid tad-deċiżjoni waqt il-proċess leġiżlattiv, huwa ma jaffettwax l-awtonomija kostituttiva fis-sens formali imma jservi pjuttost sabiex jiggarantixxi l-limiti tal-awtonomija kostituttiva fis-sens materjali.

–       Awtonomija kostituttiva formali

85.      L-awtonomija tkun kostituttiva formali meta l-Istat ċentrali ma jkollux il-possibbiltà li jintervjeni direttament fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali, kemm jekk dan isir qabel jiġu approvati dawn id-dispożizzjonijiet, fejn ikollu dritt għall-veto kontra l-adozzjoni tagħhom kif ukoll meta jiddikjara ruħu kompetenti sabiex jadottahom.

86.      Min-naħa l-oħra, l-awtonomija kostituttiva formali ma tiġix ippreġudikata meta l-Istat ċentrali u l-awtoritajiet lokali jinformaw ruħhom jew jikkonsultaw ma’ xulxin dwar l-abbozzi leġiżlattivi, u dan kif ġustament jesponi r-Renju Unit. Fi kwalunkwe każ, dan japplika meta l-awtoritajiet lokali, fl-aħħar mill-aħħar, jibqgħu liberi li jżommu l-abbozz tagħhom, anki f’każ ta’ opinjoni negattiva tal-Gvern ċentrali.

87.      Bla ħsara għad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju, ir-regoli tal-Kostituzzjoni, tal-Istatut ta’ Awtonomija u tal-Ftehim Ekonomiku ma jidhrux li jagħtu lill-Gvern ċentrali d-dritt li jkollu l-aħħar kelma. Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 4 tal-Ftehim Ekonomiku jipprovdi għal koordinazzjoni u kollaborazzjoni tal-awtoritajiet fiskali, li l-qafas istituzzjonali tagħha huwa l-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normattiva skont l-Artikoli 63 u 64 tal-ftehim, l-effett ta’ din il-koordinazzjoni u din il-kollaborazzjoni jidher li huwa biss li t-Territorji Storiċi jkunu marbutin mid-deċiżjonijiet tal-Istat ċentrali kontra l-volontà tagħhom.

–       Awtonomija kostituttiva materjali

88.      L-awtonomija kostituttiva materjali tfisser li l-leġiżlatur lokali jista’ jiddeċiedi liberament dwar il-kontenut tar-regoli fiskali. Madankollu, fl-ebda ordni ġuridiku demokratiku jew Stat irregolat mid-dritt, ma teżisti l-libertà assoluta tal-leġiżlatur. Għall-kuntrarju, dan huwa dejjem marbut bid-dispożizzjonijiet tad-dritt kostituzzjonali u b’mod partikolari bl-obbligu li jiġu osservati d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem. Bl-istess mod, id-dritt Komunitarju jimponi ċerti limiti fuq il-liġi nazzjonali.

89.      Din hija r-raġuni għaliex il-fatt li t-Territorji Storiċi huma obbligati li jirrispettaw il-limitazzjonijiet kostituzzjonali waqt l-adozzjoni tal-liġi fiskali ma jeskludix a priori li huma jkollhom awtonomija kostituttiva materjali. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jirrestrinġu l-marġni ta’ diskrezzjoni b’mod li t-Territorji, prattikament, ma jkunux jistgħu isegwu l-għanijiet tagħhom tal-politika finanzjarja permezz tal-liġi fiskali tagħhom.

90.      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li ssir riferiment għall-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni li, minn naħa, jiggarantixxi d-dritt għall-awtonomija tan-nazzjonalità u tar-reġjuni iżda li, min-naħa l-oħra, jobbligahom ikunu solidari bejniethom. Il-prinċipju tas-solidarjetà jmur lil hinn mill-Artikoli 138 u 156 tal-Kostituzzjoni. L-awtonomija hija daqshekk wiesgħa li r-reġjuni jidħlu f’kompetizzjoni fiskali bejniethom jew tali kompetizzjoni tmur kontra l-prinċipju tas-solidarjetà? Din hija l-kwistjoni ċentrali ta’ din il-kawża li r-risposta għaliha għandha tingħata mill-qrati nazzjonali u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja.

91.      Barra minn hekk, l-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni jipprovdi għat-tassazzjoni skont il-kapaċità ekonomika permezz ta’ sistema fiskali ġusta bbażata fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza u tal-progressività. Jekk wieħed jiddeduċi li fi Spanja tista’ teżisti biss sistema fiskali waħda li għaliha jikkontribwixxu l-persuni taxxabbli kollha skont il-kapaċità ekonomika tagħhom, allura l-leġiżlaturi lokali ma jkunux jistgħu jadottaw rata tat-taxxa iktar baxxa. Fil-fatt, dan iwassal sabiex il-piż fiskali ma jkunx jiddependi biss mill-kapaċità ekonomika tal-persuni taxxabbli imma wkoll mill-post tar-residenza tagħhom. Madankollu, huwa possibbli li l-Artikolu 31 ma jeskludix li jkunu jeżistu diversi sistemi fiskali fi Spanja li fihom ikollhom jiġu implimentati l-prinċipji msemmija iktar’il fuq.

92.      Fir-rigward tal-Kostituzzjoni, jeħtieġ li jiġi ċċitat ukoll l-Artikolu 139 li jistabbilixxi t-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha u jipprojbixxi kull miżura li, direttament jew indirettament, tostakola l-libertà tal-moviment u tal-istabbiliment tal-persuni. L-Artikolu 3(ċ) tal-Ftehim Ekonomiku jżid li r-regolamenti fiskali tat-Territorji ma jistgħux jipproduċu effetti diskriminatorji u lanqas jippreġudikaw l-kompetizzjoni bejn l-impriżi.

93.      Huwa minnu li r-rati tat-taxxa differenti jew il-possibbiltà tat-tnaqqis fiskali differenti jistgħu jinfluwenzaw il-persuni taxxabbli fl-għażla tar-residenza tagħhom. Madankollu, fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-Trattat KE ma jiggarantixxix li t-trasferiment tal-attivitajiet fi Stat Membru ieħor huwa newtrali fil-qasam tat-tassazzjoni(39). Fid-dawl tad-differenzi fil-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam fiskali, tali trasferiment jista’, skont il-każ, ikun vantaġġjuż jew żvantaġġjuż għall-ħaddiem fuq il-livell tat-tassazzjoni. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-fatt li ma teżisti ebda sistema fiskali uniformi li tapplika għall-Komunità kollha(40). Konsegwentement, l-applikazzjoni permezz ta’ analoġija ta’ dawn il-prinċipji għas-sitwazzjonijiet eżistenti fi Spanja tiddependi wkoll fuq il-kwistjoni dwar safejn wieħed jista’ jikklassifika s-sistema fiskali tat-Territorji Storiċi bħala sistema awtonoma fil-konfront tal-ordni ġuridiku ċċentralizzat.

94.      Mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Istatut ta’ Awtonomija jirriżultaw obbligi oħra li jirrikjedu lit-Territorji jieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali tat-tassazzjoni tal-Istat kif ukoll ir-regoli stipulati fil-Ftehim Ekonomiku dwar il-koordinazzjoni, l-armonizzazzjoni fiskali u l-kollaborazzjoni mal-Istat.

95.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(a) tal-Ftehim Ekonomiku jippreċiżaw li t-Territorji Storiċi għandhom josservaw l-istruttura ġenerali ta’ tassazzjoni tal-Istat u għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Ley General Tributaria f’dak li jikkonċerna t-terminoloġija u l-kunċetti. Min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-istrutturi fiskali u tat-terminoloġija uniformi mhux bilfors twaqqafhom milli jilħqu l-għanijiet tal-politika fiskali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-element li huwa determinanti huwa jekk ir-rata tat-taxxa u l-bażi ta’ stima jistgħux jiġu definiti b’deroga mid-dritt nazzjonali.

96.      Limitazzjoni oħra tinsab fl-obbligu impost fuq it-Territorji Storiċi li jagħmlu pressjoni fiskali globali effettiva fuq il-persuni taxxabbli ekwivalenti għal dik li tapplika fil-bqija tal-Istat [Artikolu 3(b) tal-Ftehim]. Madankollu, din id-dispożizzjoni tista’ tippermetti lit-Territorji Storiċi jċaqilqu l-bilanċ bejn, minn naħa, it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi jew taxxi oħra u, minn naħa, it-taxxa fuq il-kumpanniji, b’mod li r-rata tat-taxxa medja fuq kull abitant ma tinbidilx. Wieħed jista’ jimmaġina wkoll li t-tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji jiġi kkumpensat b’estensjoni tal-bażi ta’ stima.

97.      Fil-qosor, jiena nqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata jekk it-Territorji Storiċi għandhomx marġni ta’ diskrezzjoni li huma jistgħu jużaw fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fiskali bis-saħħa tar-regoli previsti fil-Kostituzzjoni, fl-Istatut ta’ Awtonomija jew fil-Ftehim, li jippermettilhom li jilħqu l-għanijiet proprji tagħhom fil-politika finanzjarja. Dan ikun il-każ kieku jkollhom id-dritt li jiddefinixxu l-parametri deċiżivi bħalma huma r-rata tat-taxxa jew il-bażi ta’ stima b’mod li jippermettulhom jidderogaw b’mod sinjifikattiv mil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali.

98.      Ċerti partijiet fil-proċeduri jsostnu li mill-ġurisprudenza tal-qrati superjuri Spanjoli jirriżulta li tali marġni ta’ diskrezzjoni ma jeżistix. Jiena mhiniex f’pożizzjoni li nevalwa dan b’mod definittiv iżda nixtieq nanalizza ż-żewġ sentenzi li ġew iċċitati f’dan il-kuntest.

99.      In kwantu sar riferiment għas-sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali 96/2002 tal-25 ta’ April 2002(41), jeħtieġ li jiġi osservat li din id-deċiżjoni ma kinitx eżattament tirrigwarda direttament l-kompetenzi leġiżlattivi tat-Territorji Storiċi. Min-naħa l-oħra, hija kienet tirrigwarda r-regolamenti tal-Istat ċentrali li kienu jipprovdu vantaġġi simili għar-regoli fiskali tan-Normes Forales. Fil-fatt ingħata vantaġġ lill-impriżi li minħabba s-sede tagħhom fi Stat membru ieħor kienu suġġetti għall-kompetenza fiskali tal-Istat ċentrali u għal din ir-raġuni, ma setgħux jibbenefikaw mill-vantaġġi fiskali previsti min-Normas Forales għall-kostituzzjoni ta’ stabbiliment fit-Territorji Storiċi. Skont id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Istat ċentrali, dawn irċevew lura t-taxxa safejn din kienet qabżet l-ammont li huma kien ikollhom iħallsu f’każ ta’ applikazzjoni tad-dritt fiskali tan-Normes Forales.

100. It-Tribunal Kostituzzjonali kkonkluda li din id-differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ impriżi kienet antikostituzzjonali – l-impriżi li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor u l-impriżi stabbiliti fi Spanja iżda barra l-Pajjiż Bask – li, fir-rigward tat-twaqqif ta’ stabbiliment permanenti fil-Pajjiż Bask, isibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni.(42) Madankollu, din id-differenza fit-trattament dehret fi ħdan l-istess ordni ġuridiku. Madankollu, huwa ċar li t-Tribunal Kostituzzjonali ma qabbilx is-sitwazzjoni tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-Territorji Storiċi u suġġetti għad-dritt fiskali tan-Normes Forales ma’ dawk tal-impriżi li għandhom is-sede tagħhom f’parti oħra tal-Istat u li huma suġġetti għas-sistema fiskali ġenerali.

101. Bl-istess mod, is-sentenza tat-Tribunal Supremo tad-9 ta’ Diċembru 2004(43) ma tagħtix, b’mod ċar, risposta definittiva għall-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern jagħtux awtonomija kostituttiva materjali suffiċjenti għat-Territorji Storiċi. Apparentement, it-Tribunal stabbilixxa l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali fil-punt fejn id-dispożizzjonijiet fiskali tan-Normes Forales kienu jeċċedu l-limitu tal-għajnuna mill-Istat. Dwar dan is-suġġett, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li f’dak iż-żmien, wieħed ma setax jieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza Azores tal-Qorti tal-Ġustizzja li fil-fatt ingħatat wara.

102. Ikkunsidrata fid-dawl tal-prinċipji ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tat-Tribunal Supremo tista’ tiġi interpretata b’żewġ modi. It-Tribunal, jew qies impliċitament li fin-nuqqas ta’ awtonomija suffiċjenti tat-Territorji Storiċi, hija biss is-sistema fiskali nazzjonali li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala qafas ta’ referenza sabiex tiġi evalwata n-natura selettiva tad-dispożizzjonijiet fiskali tan-Normes Forales. Inkella, huwa ried li l-portata tal-awtonomija tkun tiddependi mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat taħt id-dritt Komunitarju.

103. Madankollu, fid-dawl tas-sentenza Azores, dan l-approċċ iwassal għal ċirku vizzjuż. Fil-fatt, għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja torbot l-eżistenza ta’ għajnuna man-nuqqas ta’ awtonomija tal-leġiżlatur lokali fid-dritt intern. Sabiex jiġi evitat ċirku vizzjuż bħal dan, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni tal-poteri tal-leġiżlatur fiskali lokali tikkostitwixxi prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat tal-Artikolu 87(1) KE. Lill-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tneħħilhom l-inkarigu li jinterpretaw id-dritt intern f’dan il-qasam.

104. Finalment, jeħtieġ li jiġi analizzat l-argument li t-Territorji Storiċi m’għandhomx awtonomija biżżejjed peress li r-regoli tagħhom huma suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qrati tal-Istat ċentrali sal-aħħar istanza.

105. Meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jistabbilixxu limitazzjonijiet fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur fiskali lokali, mhuwiex anormali li fi Stat rregolat mid-dritt l-osservanza ta’ dawn il-limiti tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Inkwantu l-istħarriġ ġudizzjarju ikun limitat għal daqshekk u ma jestendix neċessarjament għal-liġijiet fiskali lokali, dan l-istħarriġ ġudizzjarju ma jikkostitwixxix limitazzjoni addizzjonali għall-awtonomija tal-awtoritajiet lokali. Il-fatt li fl-aħħar istanza hija l-qorti tal-Istat ċentrali li tkun kompetenti, ma jbiddel xejn. Lanqas m’huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-azzjoni kontra r-regoli lokali sussidjarji tinfetaħ quddiem il-qrati ordinarji filwaqt li l-liġijiet reġjonali u nazzjonali jistgħu jiġu kkontestati biss quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali.

e)      Awtonomija finanzjarja

106. L-awtorità lokali għandha awtonomija finanzjarja meta jkollha tbati l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dawn il-liġijiet fiskali u ma tirċevix kumpens mill-Istat ċentrali għat-tnaqqis fid-dħul fiskali li jirriżulta mid-differenza eżistenti bejn il-liġijiet lokali u nazzjonali.

107. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jqajjem diffikultajiet prattiċi sinjifikattivi meta t-tnaqqis fir-rata tat-taxxa jew l-għoti ta’ vantaġġi oħra ma jieħdux il-forma – bħalma huwa l-każ fil-kawża tal-Azores – ta’ element li juri karatteristika indiretta ta’ għajnuna reġjonali provenjenti mill-Istat ċentrali. Fil-fatt, ma teżisti ebda loġika interna bejn it-tnaqqis tat-taxxi u t-trasferimenti finanzjarji kumpensatorji bejn l-Istat ċentrali u l-awtoritajiet lokali jew reġjonali. Barra minn hekk, f’sitwazzjonijiet bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, jeħtieġ li wieħed jagħmel evalwazzjoni globali tar-relazzjonijiet finanzjarji eżistenti bejn l-Istat ċentrali u l-komponenti deċentralizzati tiegħu.

108. Barra minn hekk, din l-analiżi ssir iktar diffiċli bil-fatt li apparti l-baġit ġenerali tal-Istat, tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali l-oħra, jeżistu patrimonji partikolari pubbliċi trażversali bħalma huma, b’mod partikolari, l-iskemi tas-sigurtà soċjali li għandhom l-effett li jippermettu trasferimenti finanzjarji bejn ir-reġjuni differenti u l-livell nazzjonali.

109. F’dan ir-rigward, wieħed għadu ma jistax jiċħad l-eżistenza ta’ ċerta awtonomija finanzjarja tal-awtoritajiet deċentralizzati peress li fl-aħħar mill-aħħar, ikun hemm trasferiment finanzjarju mill-Istat ċentralizzat lill-awtoritajiet lokali jew reġjonali. Fil-fatt, dan it-trasferiment jista’ jiġi spjegat permezz ta’ serje sħiħa ta’ raġunijiet li ma juru ebda rabta mal-leġiżlazzjoni fiskali lokali jew reġjonali.

110. Konsegwentement, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn it-trasferimenti finanzjarji u l-liġijiet fiskali lokali, jeħtieġ li jkunu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, it-total tad-dħul fiskali lokali għandu, fi kwalunkwe każ, jittieħed bħala parametru fid-determinazzjoni ta’ trasferimenti finanzjarji futuri. Fit-tieni lok, it-tnaqqis fid-dħul fiskali għandu jwassal ukoll għal aġġustament kompensatorju li jikkorrispondi għall-ammonti ttrasferiti bejn id-diversi entitajiet tal-Istat.

111. Għall-finijiet ta’ eżami iktar approfondit, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-rata tat-taxxa iktar baxxa u t-tnaqqis partikolari previsti fin-Normes Forales li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali jwasslu fi kwalunkwe każ għal dħul fiskali iktar baxx, u dan matul perijodu partikolari ta’ tassazzjoni. L-affermazzjoni tat-Territorji Storiċi li l-politika fiskali tagħhom effettivament iżżid id-dħul fiskali fuq perijodu fit-tul peress li hija tattira t-twaqqif ta’ numru ikbar ta’ impriżi, m’għandiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Kieku wieħed kellu jaċċetta dawn l-argumenti tad-difiża fil-kuntest tal-analiżi tas-sistema ta’ għajnuna, il-projbizzjoni tal-għajnuna tiġi mxejna. Fil-fatt, l-għajnuna mill-Istat spiss tkun marbuta mal-għan ta’ promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku pożittiv tal-impriżi vantaġġjati b’mod li l-“investiment” fl-aħħar mill-aħħar isir vijabbli bil-ħolqien ta’ impjiegi, it-taffija tal-iskema tas-sigurtà soċjali u l-ġbir mill-Istat tad-dħul fiskali(44).

112. L-istrument determinanti tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat ċentrali u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u indirettament ukoll tat-Territorji Storiċi li jikkunsidraw il-qorti tar-rinviju u l-partijiet f’dawn il-proċeduri huwa dak li ġie msejjaħ il-kwota (Cupo).

113. Is-sistema tal-kwota hija bbażata fuq l-Artikolu 42(2)(d) sa (f) tal-Istatut ta’ Awtonomija, l-Artikoli 48 et seq tal-Ftehim Ekonomiku kif ukoll il-Liġi dwar il-kwota għal perijodu ta’ ħames snin bejn l-2002 u l-2006. Fl-aħħar nett, din tirrigwarda t-trasferiment tal-parti l-kbira tar-riżorsi fiskali tat-Territorji Storiċi lejn il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u l-Istat ċentrali. Dan it-trasferiment huwa meħtieġ peress li l-parti l-kbira tar-riżorsi fiskali titħallas lit-Territorji Storiċi filwaqt li l-parti l-kbira tal-benefiċċji pubbliċi jingħataw mill-Istat ċentrali u mill-Komunità Awtonoma.

114. B’mod iktar sempliċi, wieħed jista’ jgħid li l-ammont tal-kwota globali tal-Pajjiż Bask fil-baġit tal-Istat li huwa kompost minn ammonti parzjali provenjenti mit-Territorji Storiċi huwa stabbilit mill-fażijiet li ġejjin. L-ewwel tiġi kkalkolata l-ispiża marbuta mal-benefiċċji tal-Istat li ma jingħatawx direttament mir-reġjuni nnifishom u f’dan ir-rigward, huwa preżunt b’mod fittizzju li r-reġjuni Spanjoli kollha għandhom l-istess xogħol bħall-Pajjiż Bask. Imbagħad, jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ imputazzjoni li jikkorrispondi għall-parti tad-dħul tat-Territorji Storiċi meta mqabbla ma’ dak tal-Istat. Mill-1981, dan il-koeffiċjent żdied dejjem b’6.24 %. Imbagħad isiru diversi aġġustamenti u korrezzjonijiet li m’għandhom ebda rabta diretta mal-ammont tad-dħul fiskali. Fl-aħħar nett joħroġ ir-riżultat bl-ammont li l-Pajjiż għandu jħallas lill-Istat. Għas-sena ta’ referenza 2002, dan tela’ għal madwar EUR 1 biljun u jista’ jkun is-suġġett ta’ iktar aġġustamenti fis-snin sussegwenti.

115. Huwa diffiċli li jiġi ppreċiżat safejn id-dħul fiskali tat-Territorji Storiċi u l-aġġustamenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom effett fuq l-ammont tat-trasferimenti finanzjarji eżistenti bejn dawn it-Territorji u/jew il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u l-Istat. Ikkunsidrati b’mod globali, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom u b’risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta jagħtu l-impressjoni li fl-aħħar mill-aħħar il-kalkolu tal-ammont finanzjarju jikkostitwixxi pjuttost kompromess politiku u mhuwiex il-konsegwenza diretta tat-tibdil ta’ ċerti parametri ekonomiċi bħalma huwa l-ammont tad-dħul fiskali. Dan jintwera biċ-ċar mill-fatt li l-koeffiċjent ta’ imputazzjoni li huwa intiż joħloq rabta mill-ġdid mal-partijiet rispettivi tad-dħul fiskali tat-Territorji Storiċi, ma ġiex mibdul minn ħamsa u għoxrin sena’l hawn, minkejja li d-dħul fiskali żgur li ra xi varjazzjonijiet.

116. Fi kwalukwe każ, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li t-tibdil fid-dħul fiskali tat-Territorji Storiċi m’għandux effett fuq l-ammont tal-kwota. Li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tkun tal-istess fehma u ma kellu jitħaddem ebda mekkaniżmu ieħor ta’ kumpens, jista’ jiġi kkunsidrat li t-Territorji Storiċi għandhom awtonomija finanzjarja suffiċjenti.

V –    Konklużjoni

117. Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata r-risposta li ġejja għad-domanda magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco:

L-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri fiskali adottati minn awtorità lokali ta’ Stat Membru li japplikaw bl-istess mod għall-impriżi kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza fiskali tagħha u li huma iktar favorevoli mid-dispożizzjonijiet fiskali ġenerali ta’ dak l-Istat Membru ma jikkostitwixxux vantaġġ mogħti lil ċerti impriżi u fergħat ta’ produzzjoni jekk l-awtoritajiet lokali ikollhom awtonomija suffiċjenti fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva tagħhom fil-qasam fiskali. Il-kundizzjonijiet li japplikaw għal din l-awtonomija jeħtieġu li:

–        l-awtorità lokali jkollha indipendenza istituzzjonali,

–        l-Istat ċentrali ma jkunx jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fil-proċedura tal-adozzjoni tar-regoli fiskali lokali (awtonomija kostituttiva formali),

–        l-awtorità lokali jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biżżejjed fl-elaborazzjoni ta’ dawn ir-regoli fiskali li jippermettilha tilħaq l-għanijiet proprji tal-politika finanzjarja tagħha (awtonomija kostituttiva materjali) u

–        l-awtorità lokali ġġorr hija stess ir-responsabbiltà finanzjarja tat-tnaqqis fid-dħul fiskali li jirriżulta minn regolamenti iktar favorevoli meta mqabbla mad-dritt fiskali ġenerali (awtonomija finanzjarja).


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – C-428/06, Unión General de Trabajadores de la Rioja UGT-RIOJA vs Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya.


C–429/06, Comunidad Autónoma de la Rioja vs Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya.


C–430/06, Comunidad Autónoma de la Rioja vs Diputación Foral de Álava.


C–431/06, Comunidad Autónoma de la Rioja vs Diputación Foral de Guipúzcoa.


C–432/06, Comunidad Autónoma de Castilla y León vs Juntas Generales de Guipúzcoa und Diputación Foral de Guipúzcoa.


C–433/06, Comunidad Autónoma de Castilla y León vs Juntas Generales del Territorio Histórico de Álava und Diputación Foral de Álava.


C–434/06, Comunidad Autónoma de Castilla y León vs Diputación Foral de Vizcaya und Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya.


3 – C-88/03, Ġabra p. I-7115.


4 – Sal-ġurnata tal-lum, il-Qorti tal-Prim’Istanza għad għandha quddiemha l-kawżi magħquda T-30/01, T-31/01, T-32/01, T-86/02, T-87/02 u T-88/02 kif ukoll il-kawżi magħquda T-227/01, T-228/01, T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01.


5 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T-227/99, T-129/99 u T-148/99, Ġabra p. II-1275, punt 146); Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, punt 27) u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T-346/99, T-347/99 u T-348/99, Ġabra p. II-4529, punt 52).


6 – Adottat mil-Ley Orgánica der Cortes Generales Españolas (il-Parlament Spanjol) Nru 3/1979 tat-18 ta’ Diċembru 1979. Il-verżjoni Franċiża hija disponibbli fuq is-sit Internet www.lehendakaritza.ejgv.euskadi.net/r48-2312/fr/contenidos/informacion/estatuto_guernica/fr_455/estatu_com_f.html


7 – Approvat bil-Liġi Nru 12/2002, tat-23 ta’ Mejju 2002 (Ley por la que se aprueba el Concierto Económico con la Comunidad Autónoma del Paìs Vasco, ippubblikata fil-BOE tal-24 ta’ Mejju 2002). Il-verżjoni Franċiża hija disponibbli fuq is-sit http://www.lehendakaritza.ejgv.euskadi.net/r48-2312/fr/contenidos/informacion/estatuto_guernica/fr_455/estatu_com_f.html


8 – Liġi 13/2002 tat-23 ta’ Mejju 2002 (Ley por la que se aprueba la metodología de señalamiento del cupo del País Vasco para el quinquenio 2002-2006 (BOE Nru 124 tal-24 ta’ Mejju 2002).


Il-verżjoni Franċiża hija disponibbli fuq is-sit http://www.lehendakaritza.ejgv.euskadi.net/r48-2312/fr/contenidos/informacion/estatuto_guernica/fr_455/estatu_com_f.html


9 – Ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-kawżi C-428/06 u C-429/06 huma intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2(4), (6) u (7) tan-Norma Foral, filwaqt li r-rikors fil-kawża C-434/06 huwa intiż biss għall-annullament tal-Artikolu 2(4) u (6).


10 – Ara l-Artikolu 28(1) tal-verżjoni l-ġdida tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji maħluqa bir-Real Decreto Legislativo Nru 4/2004 tal-5 ta’ Marzu 2004.


11 – Anness 8 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


12 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


13 – Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra, p. I-4921 punt 59), tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C-28/95, Ġabra, p. I-4161, punt 24), u tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 36).


14 – Sentenza Promusicae (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 37).


15 – F’dan is-sens ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra, p. I-5257, punt 42), tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s (C-28/04, Ġabra, p. I-5781, punt 14), u tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn u Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra, p. I-589, punt 21).


16 – Sentenza Azores (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 54) u r-riferiment għas-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, Ġabra, p. I-8365, punt 41); tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et (C-308/01, Ġabra, p. I-4777, punt 68), u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser (C-172/03, Ġabra, p. I-1627, punt 40).


17 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijene in Limburg vs Hohe Behörde (30/59, Ġabra, p. 1, punt 43); tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de Espana, (C-387/92, Ġabra, p. I-877, punt 13), u tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C-200/97, Ġabra, p. I-7907, punt 34).


18 – Sentenza Azores (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 56).


19 – Sentenza Azores (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 52) b’riferiment għas-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, Ġabra p. 709, punt 33), u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C-148/04, Ġabra p. I-11137, punt 51).


20 – Sentenza Azores (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 58).


21 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (248/84, Ġabra p. 4013, punt 17); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio tal-1 ta’ Lulju 1999, Juntas Generales de Guipúzcoa et (C-400/97, C-401/97 u C-402/97, Ġabra p. I-1073, punt 31). Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet ma’ dawn il-prinċipji fis-sentenza Azores (ara l-punt 55 ta’ din is-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


22 – Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/442/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2002, dwar il-parti tas-sistema li tadatta s-sistema fiskali nazzjonali għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjun awtonomu tal-Azores li tikkonċerna t-tnaqqis tar-rati tat-taxxa fuq id-dħul (ĠU 2003, L 150, p. 52, punti 26 sa 32), li kienet is-suġġett tas-sentenza Azores u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/261/KE, tat-30 ta’ Marzu 2004, dwar is-sistemi ta’ għajnuna li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplementa fir-rigward tar-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Gvern ta’ Ġibiltà (ĠU 2005, L 85, p. 1, punti 102 sa 109), li fil-konfront tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet adita b’rikorsi għal annullament ippreżentati minn Ġibiltà u mir-Renju Unit (Kawżi T-211/04 u T-215/04).


23 – Konklużjonijiet tal-20 ta’ Ottubru 2005 fil-kawża Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-88/03, Ġabra p. I-7115, punti 50 sa 54).


24 – Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Azores (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 53). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni (Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett tal-1998, ĠU C 384, p. 3, punt 16 u r-rapport tad-9 ta’ Frar 2004 dwar it-traspożizzjoni ta’ dan l-Avviż, C 434, punt 33). Konsegwentement, id-dutrina tikkunsidra li s-sistema Ġermaniża tat-taxxa fuq il-kummerċ, fejn huma l-awtoritajiet lokali li jistabbilixxu r-rata tat-taxxa, mhijiex selettiva (R.M. Stein, Bestimmtheit von Regionalbeihilfen, 2007, p. 167 et seq.).


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Mark & Spencer (C-446/03, Ġabra, p. I-10837, punt 29); tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra, p. I-7995, punt 40), u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra, p. I-11673, punt 36).


26 – Dawn iċ-ċifri ġejjin mill-istudju tal-Eurostat, Taxation trends in the European Union, 2007, p. 32, Tabella I-6, li huwa disponibbli fuq is-sit www.ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/taxation/gen_info/economic_analysis/tax_structures/Structures2007.pdf.


27 – F’dan is-sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio, Juntas Generales de Guipúzcoa et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 37).


28 – Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Azores (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 54).


29 – Apparti Vizcaya, Álava u Guipúzcoa, il-Komunità Awtonoma ta’ Navarra għandha setgħa fiskali proprja tagħha bbażata fuq sistema fiskali storika partikolari (Fueros).


30 – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3a(2) UE (li sar l-Artikolu 4 UE skont in-numerazzjoni l-ġdida) fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 306, p. 1) tipprovdi li:


“L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali.”


31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Vallonja (C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 58 u r-referenzi ċċitati).


32 – Ara f’dan is-sens il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


33 – Il-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess u kkunsidrat li t-tnaqqis tat-taxxi bbażat fuq l-Artikolu 87(3)(a) KE kien partikolarment iġġustifikat. Hija tikkritika biss il-fatt li r-rata tat-taxxa mnaqqsa kienet tapplika wkoll għas-settur finanzjarju li ma kienx affettwat min-natura insulari tal-Azores (ara s-sentenza Azores, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 27 et seq).


34 – Sentenza Azores (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 71 et seq).


35 – Sentenza Azores (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 58).


36 – Enfasi tiegħi.


37 – Sentenza Azores (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 58).


38 – Enfasi tiegħi.


39 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra, p. I-4981, punt 55).


40 – Dwar dan is-suġġett ara t-tieni sitwazzjoni fil-punt 45 iktar ’il fuq.


41 – Anness 7 mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni


42 – Fl-aħħar nett, it-Tribunal Kostituzzjonali qies li tali diskriminazzjoni taċ-ċittadini kienet illegali.


43 – Ara iktar ’il fuq fil-punt 25.


44 – F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li skont il-ġurisprudenza, dak li huwa importanti huwa l-effett fih innifsu ta’ għajnuna favur impriża u mhux l-għanijiet tagħha (ara s-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-56/93, Ġabra, p. I-723, punt 79); tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni (C-241/94, Ġabra, p. I-4551, punt 20), u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-75/97, Ġabra, p. I-3671, punt 25).