Kawża C-451/06
Gabriele Walderdorff
vs
Finanzamt Waldviertel
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien (l-Awstrija)
“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 13B(b) — Eżenzjoni — Tranżazzjonijiet ta’ kiri u ta’ lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli — Lokazzjoni ta’ drittijiet tas-sajd”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2007
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Eżenzjoni tal-kiri u tal-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(b))
L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konċessjoni ta’ drittijiet tas-sajd, bi ħlas, permezz ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni konkluż għal perijodu ta’ għaxar snin, mis-sid tal-medda ta’ ilma li fir-rigward tagħha ngħataw dawn id-drittijiet, kif ukoll mid-detentur tad-drittijiet tas-sajd f’medda ta’ ilma li tinsab fi proprjetà pubblika, la tikkostitwixxi kiri u lanqas lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, billi din il-konċessjoni ma tagħtix id-dritt li wieħed jokkupa l-proprjetà immobbli kkonċernata u li jeskludi lil kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ dan id-dritt.
(ara l-punt 23 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
6 ta’ Diċembru 2007 (*)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 13B(b) – Eżenzjoni – Tranżazzjonijiet ta’ kiri u ta’ lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli – Lokazzjoni ta’ drittijiet tas-sajd”
Fil-kawża C-451/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2006, fil-kawża
Gabriele Walderdorff
vs
Finanzamt Waldviertel,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Walderdorff u l-Finanzamt Waldviertel (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”), dwar is-soġġezzjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ta’ tranżazzjonijiet ta’ lokazzjoni ta’ drittijiet tas-sajd.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali għandha tkun suġġetta għall-VAT.
4 Skond l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva:
“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe [evażjoni], evitar u abbuż [possibbli]:
[…]
(b) il-kiri jew [il-lok]azzjoni ta’ proprjeta immobbli esklużi:
1. il-prov[vista] ta’ akkom[o]dazzjoni, kif definita fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, fis-settur tal-lukandi jew fis-setturi b’funzjoni simili, inkluż[a] l-prov[vista] ta’ akkomodazzjoni f’kampijiet tal-vaganzi jew f’siti żviluppati għall-użu bħala siti ta’ kkampjar;
2. [il-lok]azzjoni ta’ fondi u si[t]i għall-ipparkjar tal-karozzi;
3. [il-lok]azzjoni ta’ tagħmir u makkinarju installat [b’mod] permanenti;
4. il-kiri ta’ kaxxiforti.
L-Istati Membri jistgħu japplikaw iżjed esklużjonijet għall-iskop ta’ din l-eżenzjoni;
[…]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Skond l-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ l-1994 (Umsatzsteuergesetz, BGBl, 663/1994, iktar ’il quddiem l-“UStG”), il-provvisti u servizzi oħra li operatur iwettaq bi ħlas fl-Awstrija fil-kuntest tan-negozju tiegħu huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ..
6 L-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-UStG jipprovdi l-eżenzjonijiet li ġejjin:
“il-lokazzjoni u l-kiri ta’ proprjetà immobbli, drittijiet li għalihom japplikaw ir-regoli tad-dritt ċivili dwar il-proprjetà immobbli, u drittijiet ta’ l-Istat dwar l-użu tal-proprjetà immobbli; il-konċessjoni ta’ l-użu ta’ fondi kummerċjali jew ta’ fondi oħra permezz ta’ kuntratti ta’ tgawdija hija kkunsidrata lokazzjoni jew kiri ta’ proprjetà immobbli. L-użu privat huwa wkoll eżenti. Mhumiex eżenti:
– il-lokazzjoni (konċessjoni ta’ l-użu) ta’ proprjetà immobbli għall-finijiet ta’ abitazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ l-użu privat;
– il-lokazzjoni u l-kiri ta’ makkinarju u tagħmir ieħor ta’ kull xorta, li jifformaw parti mill-impjant ta’ impriża, anki jekk jikkostitwixxu elementi essenzjali ta’ immobbli;
– l-akkomodazzjoni f’fondi għall-abitazzjoni jew fi kmamar tas-sodda immobbiljati;
– il-lokazzjoni (konċessjoni ta’ l-użu) ta’ fondi jew ta’ siti intiżi għall-ipparkjar ta’ vetturi ta’ kull xorta;
– il-lokazzjoni (konċessjoni ta’ l-użu) ta’ siti żviluppati għall-użu bħala siti ta’ kkampjar”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 G. Walderdorff tiġġestixxi impriża agrikola u tal-forestrija fl-Awstrija. It-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuna kkonċernata fil-kuntest ta’ attività ekonomika tagħha huma suġġetti għas-sistema ġenerali tal-VAT.
8 Fil-21 ta’ Novembru 1995, G. Walderdorff ikkonkludiet kuntratt għal perijodu ta’ għaxar snin ma’ l-iSportfischereiverein Zwettl (assoċjazzjoni tas-sajd sportiv ta’ Zwettl, iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni tas-sajd”). Skond dan il-kuntratt, l-assoċjazzjoni tas-sajd kienet tgawdi, bi ħlas, id-dritt li tistad, minn naħa, f’żewġ għadajjar li jinsabu fil-proprjetà ta’ l-impriża ta’ G. Walderdorff, li fir-rigward tagħhom hija għandha drittijiet tas-sajd bħala sid ta’ l-art u, min-naħa l-oħra, f’żona għas-sajd li tinsab fi proprjetà pubblika li fir-rigward tagħha G. Walderdorff għandha drittijiet tas-sajd irreġistrati fir-Reġistru tas-Sajd (żona “Zwettl I/3”). L-imsemmi kuntratt ta’ lokazzjoni ġie konkluż għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2005. G. Walderdorff ma ħallsitx VAT għal dawn it-tranżazzjonijiet ta’ lokazzjoni. Lanqas ma nħarġu fatturi għal din it-taxxa lill-kerrej.
9 Wara spezzjoni magħmula fir-rigward tas-snin 1998 sa 2000, il-Finanzamt ikkonstata li dawn it-tranżazzjonijiet ta’ lokazzjoni kellhom ikunu suġġetti għall-VAT bir-rata normali, billi d-dħul magħmul mil-lokazzjoni in kwistjoni ma ddaħħalx abbażi ta’ lokazzjoni ta’ dritt reali fuq l-immobbli eżenti taħt l-UStG. Fil-fatt, skond il-Finanzamt, id-drittijiet tas-sajd kienu drittijiet indipendenti mill-art.
10 Għalhekk, fl-24 ta’ Marzu 2003, il-Finanzamt ħareġ avviżi ta’ stima kontra G. Walderdorff fir-rigward ta’ l-imsemmija snin, li fihom inkluda l-lokazzjoni tad-drittijiet tas-sajd fost it-tranżazzjonijiet suġġetti għar-rata normali ta’ 20%. B’ittra ta’ l-24 ta’ April 2003, G. Walderdorff ressqet oġġezzjoni kontra dawn l-avviżi, li fiha talbet l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ lokazzjoni tad-drittijiet tas-sajd abbażi ta’ l-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-UStG.
11 Il-Finanzamt ċaħad din l-oġġezzjoni u sussegwentement, fuq talba ta’ G. Walderdorff, ressaq il-każ quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien.
12 Il-kawża pendenti quddiem din il-qorti tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-kera mħallsa skond il-kuntratt konkluż bejn G. Walderdorff u l-assoċjazzjoni tas-sajd kinitx taxxabbli bir-rata normali tal-VAT taħt is-sistema ġenerali jew jekk kinitx tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-UStG.
13 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konċessjoni tad-drittijiet tas-sajd bi ħlas, fil-forma ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni konkluż għal perijodu ta’ għaxar snin
1. mis-sid tal-proprjetà li fuqha tinsab il-medda ta’ ilma li fir-rigward tagħha ngħataw id-drittijiet,
2. mid-detentur tad-drittijiet tas-sajd fir-rigward ta’ medda ta’ ilma li tinsab fi proprjetà pubblika,
tikkostitwixxi ‘il-kiri jew [il-lok]azzjoni ta’ proprjetà immobbli’?”
Fuq id-domanda preliminari
14 Permezz tad-domanda preliminari mressqa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konċessjoni, bi ħlas, permezz ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni konkluż għal perijodu ta’ għaxar snin, ta’ drittijiet tas-sajd f’meded ta’ ilma, mis-sid ta’ dawn ta’ l-aħħar, u f’medda ta’ ilma li tinsab fi proprjetà pubblika, mid-detentur tad-drittijiet tas-sajd, tikkostitwixxix “kiri jew [lok]azzjoni ta’ proprjetà immobbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
15 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntratt konkluż bejn G. Walderdorff u l-assoċjazzjoni tas-sajd jirrigwarda l-konċessjoni tad-drittijiet tas-sajd f’meded ta’ ilma. Għaldaqstant, it-tranżazzjonijiet ta’ lokazzjoni skond l-imsemmi kuntratt huma, bħala regola, suġġetti għall-VAT skond is-Sitt Direttiva. Dak li fadal biex jiġi stabbilit huwa jekk dawn jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva.
16 Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li għalhekk għandhom jingħataw definizzjoni Komunitarja (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-358/97, Ġabra p. I-6301, punt 51; tas-16 ta’ Jannar 2003, Maierhofer, C-315/00, Ġabra p. I-563, punt 25; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Sinclair Collis, C-275/01, Ġabra p. I-5965, punt 22; tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe, C-284/03, Ġabra p. I-11237, punt 16; tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn, C-428/02, Ġabra p. I-1527, punt 27; u tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien, C-455/05, Ġabra p. I-3225, punt 15).
17 Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċetti ta’ “kiri” jew “[lok]azzjoni ta’ proprjetà immobbli” fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala l-għoti mis-sid ta’ proprjetà immobbli lil-lokatarju, bi ħlas u għal perijodu miftiehem, tad-dritt li jokkupa dik il-proprjetà immobbli u li jeskludi kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen”, C-326/99, p. I-6831, punt 55; tad-9 ta’ Ottubru 2001, Mirror Group, C-409/98, Ġabra p. I-7175, punt 31, u Cantor Fitzgerald International, C-108/99, Ġabra p. I-7257, punt 21; kif ukoll is-sentenżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punti 52 sa 57; Sinclair Collis, punt 25; Temco Europe, punt 19; u Fonden Marselisborg Lystbådehavn, punt 30).
18 Skond il-ġurisprudenza, it-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet previsti f-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, inkluż il-kunċetti ta’ “kiri” jew “[lok]azzjoni ta’ proprjetà immobbli”, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C-150/99, Ġabra p. I-493, punt 25, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punti 52 u 55; Sinclair Collis, punt 23; Temco Europe, punt 17; u Fonden Marselisborg Lystbådehavn, punt 29).
19 Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li G. Walderdorff ikkonkludiet kuntratt ma’ l-assoċjazzjoni tas-sajd li permezz tiegħu hija kkonċediet, bi ħlas, drittijiet tas-sajd f’diversi meded ta’ ilma għal perijodu ta’ għaxar snin. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li art li hija totalment jew parzjalment taħt l-ilma tista’, hija stess, tiġi kklassifikata bħala proprjetà immobbli li tista’ tingħata b’lokazzjoni jew b’kiri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fonden Marselisborg Lystbådehavn, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Heger, C-166/05, Ġabra p. I-7749, punt 20).
20 Kif irrilevat ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kriterji kollha tad-definizzjoni ta’ kiri jew lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, imfakkra fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu ssodisfati. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-kriterju li l-kiri jew lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli għandu jagħti d-dritt li wieħed jokkupa l-imsemmija proprjetà u jeskludi lil kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ dan id-dritt. Issa dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali.
21 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skond il-kuntratt konkluż bejn G. Walderdorff u l-assoċjazzjoni tas-sajd, din ta’ l-aħħar għandha biss id-dritt li tistad fil-meded ta’ ilma kkonċernati. Jirriżulta wkoll mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-termini tal-kuntratt ta’ lokazzjoni jipprovdu li G. Walderdorff tirriżerva d-dritt li tistad f’dawn il-meded ta’ ilma u li tawtorizza lil mistieden wieħed kuljum sabiex jistad fihom. Għaldaqstant, skond il-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-assoċjazzjoni tas-sajd m’għandhiex id-dritt li teskludi kull persuna oħra mit-tgawdija tad-dritt li tokkupa l-meded ta’ ilma li tagħhom G. Walderdorff hija l-proprjetarja u l-medda ta’ ilma li tinsab fi proprjetà pubblika, li fir-rigward tagħha din ta’ l-aħħar għandha drittijiet tas-sajd irreġistrati fir-Reġistru tas-Sajd.
22 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr mhuwa neċessarju li tiġi deċiża l-kwistjoni jekk kuntratt ta’ konċessjoni ta’ drittijiet tas-sajd, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrigwardax proprjetà immobbli, li wieħed mill-kriterji tad-definizzjoni tal-kunċetti Komunitarji ta’ kiri jew lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, użati fil-kuntest tas-sistema Komunitarja tal-VAT, ma ġiex issodisfat f’dan il-każ, billi l-kuntratt ta’ konċessjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jagħtix lill-assoċjazzjoni tas-sajd id-dritt li tokkupa l-proprjetà immobbli u li teskludi lil kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ dan id-dritt.
23 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konċessjoni ta’ drittijiet tas-sajd, bi ħlas, permezz ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni konkluż għal perijodu ta’ għaxar snin, mis-sid tal-medda ta’ ilma li fir-rigward tagħha ngħataw dawn id-drittijiet, kif ukoll mid-detentur tad-drittijiet tas-sajd f’medda ta’ ilma li tinsab fi proprjetà pubblika, la tikkostitwixxi kiri u lanqas lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, billi din il-konċessjoni ma tagħtix id-dritt li wieħed jokkupa l-proprjetà immobbli kkonċernata u li jeskludi lil kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ dan id-dritt.
Fuq l-ispejjeż
24 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konċessjoni ta’ drittijiet tas-sajd, bi ħlas, permezz ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni konkluż għal perijodu ta’ għaxar snin, mis-sid tal-medda ta’ ilma li fir-rigward tagħha ngħataw dawn id-drittijiet, kif ukoll mid-detentur tad-drittijiet tas-sajd f’medda ta’ ilma li tinsab fi proprjetà pubblika, la tikkostitwixxi kiri u lanqas lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, billi din il-konċessjoni ma tagħtix id-dritt li wieħed jokkupa l-proprjetà immobbli kkonċernata u li jeskludi lil kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ dan id-dritt.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.