Kawża C-11/07
Hans Eckelkamp et
vs
Belgische Staat
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Gent)
“Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 56 KE u 58 KE — Taxxa tas-suċċessjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà immobbli li ma tippermettix it-tnaqqis, mill-valur ta’ proprjetà immobbli, ta’ dejn iggarantit b’ipoteka fuq din il-proprjetà minħabba li, fil-mument tal-mewt tagħha, il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet residenti fi Stat Membru ieħor — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Assenza”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali
(Artikolu 234 KE)
2. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli
(Artikolu 234 KE)
3. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Taxxa tas-suċċessjoni
(Artikoli 56 KE u 58 KE)
1. Fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi.
(ara l-punti 27 u 52)
2. Fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha.
(ara l-punt 28)
3. Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, dwar il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru, li ma tipprevedix il-possibbiltà li jitnaqqas id-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli meta l-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha ma kinitx, fil-mument tal-mewt tagħha, residenti f’dan l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dan it-tnaqqis ikun previst meta din il-persuna kienet, f’dan l-istess mument, residenti fl-Istat fejn tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tas-suċċessjoni.
Fil-fatt, sa fejn skont din il-leġiżlazzjoni t-tnaqqis ta’ ċertu dejn marbut mal-proprjetà immobbli kkonċernata jiddependi mill-post ta’ residenza, fil-mument tal-mewt tagħha, tal-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha, il-piż fiskali ikbar li għalih hija għaldaqstant suġġetta s-suċċessjoni ta’ persuni mhux residenti jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.
Din id-differenza fit-trattament ma tistax tkun ġustifikata bir-raġuni li din tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli. Sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tqiegħed fuq l-istess livell, għall-finijiet tat-tassazzjoni ta’ proprjetà immobbli akkwistata b’wirt u li tinsab fl-Istat Membru kkonċernat, l-eredi ta’ persuna li, fil-mument tal-mewt tagħha, kellha l-istatus ta’ residenti u dawk ta’ persuna li, f’dan l-istess mument, kellha l-istatus ta’ persuna mhux residenti, din l-istess leġiżlazzjoni ma tistax, mingħajr ma toħloq diskriminazzjoni, tittratta lil dawn l-eredi b’mod differenti, fil-kuntest tal-istess tassazzjoni, fir-rigward tat-tnaqqis tad-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli. Billi jittratta b’mod identiku, ħlief fir-rigward tat-tnaqqis tad-dejn, is-suċċessjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni għall-finijiet tat-taxxa tas-suċċessjoni, il-leġiżlatur nazzjonali fil-fatt aċċetta li bejn dawn tal-aħħar, fid-dawl tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet ta’ din it-tassazzjoni, ma teżisti ebda differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni li tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament.
Barra minn hekk, l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli li tkun is-suġġett tas-suċċessjoni ma jistax, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu, jinvoka l-eżistenza ta’ possibbiltà, indipendenti mir-rieda tiegħu, li jingħata kreditu fiskali minn Stat Membru ieħor, bħall-Istat Membru fejn il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet residenti fil-mument tal-mewt tagħha, li jista’ jikkumpensa, kompletament jew parzjalment, il-preġudizzju mġarrab mill-eredi ta’ din tal-aħħar minħabba li fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli mogħtija b’wirt, meta jsir il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment, ma jitnaqqasx id-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli.
(ara l-punti 46, 60, 63, 68, 71 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Settembru 2008 (*)
“Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 56 KE u 58 KE – Taxxa tas-suċċessjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà immobbli li ma tippermettix it-tnaqqis, mill-valur ta’ proprjetà immobbli, ta’ dejn iggarantit b’ipoteka fuq din il-proprjetà minħabba li, fil-mument tal-mewt tagħha, il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet residenti fi Stat Membru ieħor – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Assenza”
Fil-kawża C-11/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van beroep te Gent (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2007, fil-proċedura
Hans Eckelkamp,
Natalie Eckelkamp,
Monica Eckelkamp,
Saskia Eckelkamp,
Thomas Eckelkamp,
Jessica Eckelkamp,
Joris Eckelkamp
vs
Belgische Staat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal H. Eckelkamp, N. Eckelkamp, M. Eckelkamp, S. Eckelkamp, T. Eckelkamp, J. Eckelkamp u J. Eckelkamp, minn B. Coopman u M. Van Daele, advocaten,
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn A. Haelterman, advocaat,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, A. Weimar u R. Troosters, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE, 17 KE, 18 KE, 56 KE u 58 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-eredi ta’ ċittadina Ġermaniża, H. Eckelkamp, li mietet fil-Ġermanja, u l-FOD Financiën, Administratie van de BTW, registratie en domeinen (Dipartiment pubbliku tal-Finanzi, Amministrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tar-reġistrazzjoni u tal-proprjetà) dwar ir-rifjut minn dan tal-aħħar li, fil-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuta fuq proprjetà immobbli li H. Eckelkamp kellha fil-Belġju, inaqqas id-dejn marbut ma’ din il-proprjetà minħabba li ma kinitx residenti fit-territorju Belġjan fil-mument tal-mewt tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [li sar l-Artikolu 67 tat-Trattat KE (imħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam)] (ĠU L 178, p. 5):
“1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.
2. Trasferimenti fir-rigward ta’ movimenti ta’ kapital għandhom isiru fuq il-kondizzjonijiet ta’ l-istess rata ta’ kambju bħal dawk li jirregolaw pagamenti relatanti għal transazzjonijiet kurrenti.”
4 Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 huma inklużi, taħt it-Titolu XI, il-“Movimenti ta’ kapital personali”, li jinkludu l-wirt u l-legati.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Fil-Belġju, id-diversi reġjuni għandhom il-kompetenza sabiex jistabbilixxu r-rata tat-taxxa, l-ammont taxxabbli, l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis fejn tidħol it-taxxa tas-suċċessjoni.
6 L-Artikolu 1 tal-Kodiċi tat-taxxi tas-suċċessjoni tar-Reġjun Fjamming (iktar’il quddiem il-“Kodiċi”) jipprovdi:
“Bil-preżenti qed jiġu stabbiliti t-taxxi li ġejjin:
(1) taxxa tas-suċċessjoni fuq il-valur, wara li jitnaqqas id-dejn, tal-intier tal-patrimonju miġbur ta’ persuna li tkun toqgħod fir-Renju tal-Belġju;
(2) taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà causa mortis fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li tkun tinsab fil-Belġju u li tkun tappartjeni għall-patrimonju miġbur ta’ persuna li ma tkunx toqgħod fir-Renju tal-Belġju.
Persuna għandha titqies li toqgħod fir-Renju tal-Belġju jekk, fil-mument tal-mewt tagħha, din tkun domiċiljata fir-Renju tal-Belġju jew jekk l-assi tagħha jkunu bbażati hemm.”
7 Taħt l-Artikolu 15 tal-Kodiċi, it-taxxa tas-suċċessjoni titħallas, wara li jitnaqqas id-dejn, fuq il-proprjetà kollha, tkun fejn tkun tinsab, li tappartjeni lill-mejjet jew lill-persuna li tkun nieqsa.
8 L-Artikolu 18 tal-Kodiċi, dwar persuni li mhumiex residenti, jipprovdi li ġej:
“Taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà causa mortis għandha titħallas fuq il-proprjetà immobbli kollha li tkun tinsab fil-Belġju u li tappartjeni lill-mejjet jew lill-persuna li tkun nieqsa mingħajr ma jitqies id-dejn u l-passiv tal-patrimonju.”
9 Taħt l-Artikolu 29 tal-Kodiċi, sabiex dejn jiġi aċċettat bħala passiv, huwa meħtieġ li jkun għadu jeżisti fil-jum tal-mewt u dan jista’ jiġi ppruvat bi kwalunkwe forma ta’ prova ammissibbli fir-rigward ta’ att li jagħti kreditu u joħloq dejn.
10 L-Artikolu 40 tal-Kodiċi jipprovdi li l-perijodu li fih dikjarazzjoni tal-beni għandha tiġi ppreżentata huwa ta’ ħames xhur mid-data tal-mewt, meta l-mewt isseħħ fir-Renju tal-Belġju, u ta’ sitt xhur mid-data tal-mewt meta l-mewt isseħħ f’pajjiż ieħor fl-Ewropa.
11 Taħt l-Artikolu 41 tal-Kodiċi:
“Il-perijodu li fih dikjarazzjoni tal-beni għandha tiġi ppreżentata jista’ jiġi estiż mid-Direttur Ġenerali tar-Reġistrazzjoni u l-Proprjetà Pubblika.
Dikjarazzjoni ppreżentata fil-perijodu previst mil-liġi jew estiż mid-Direttur Ġenerali tista’ tiġi rrettifikata kemm-il darba dan il-perijodu ma jkunx skada, sakemm il-partijiet interessati ma jkunux espressament irrinunzjaw għal dan id-dritt f’dikjarazzjoni debitament ippreżentata skont l-eżiġenzi legali.”
12 Fl-Artikolu 48(1) tal-Kodiċi jinsabu tabelli li juru r-rati li japplikaw għat-taxxa tas-suċċessjoni u għat-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà causa mortis. Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 48(2) jipprovdi dan li ġej:
“Id-djun u l-ispejjeż tal-funeral għandhom jitnaqqsu bħala prijorità mill-proprjetà mobbli u l-assi msemmija fl-Artikolu 60a, sakemm il-persuni li jagħmlu d-dikjarazzjoni ma jippruvawx li dejn sar speċifikament bil-għan li tiġi akkwistata jew ippreżervata proprjetà immobbli.”
13 Ma teżisti ebda konvenzjoni bilaterali bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ħelsien minn taxxa doppja fejn tidħol it-taxxa tas-suċċessjoni.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma l-eredi ta’ H. Eckelkamp, li mietet f’Düsseldorf (il-Ġermanja) fit-30 ta’ Diċembru 2003.
15 Fit-13 ta’ Diċembru 2002, H. Eckelkamp iffirmat dokument fejn irrikonoxxiet li hija kellha dejn fil-konfront ta’ wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-Sur H. Eckelkamp. B’att notarili tal-5 ta’ Ġunju 2003, hija tat mandat lil dan tal-aħħar sabiex tiġi rreġistrata ipoteka fuq proprjetà immobbli li tinsab f’Knokke-Heist (il-Belġju), bħala garanzija għall-ħlas lura ta’ dan id-dejn.
16 Fid-29 ta’ Ġunju 2004, fit-terminu legali ta’ sitt xhur mid-data tal-mewt ta’ H. Eckelkamp, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw dikjarazzjoni tal-beni fil-Belġju fejn, taħt l-attiv, ġiet indikata din il-proprjetà b’valur ta’ EUR 200 000. Taħt il-passiv, id-dikjarazzjoni wriet “nihil”.
17 Mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u minn dawk tal-Gvern Belġjan jirriżulta li, qabel ma ġiet ippreżentata din id-dikjarazzjoni, kien hemm skambju ta’ ittri elettroniċi bejn wieħed minn dawn ir-rikorrenti u l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam fiskali. F’dawn l-ittri, din l-awtorità tal-aħħar indikat li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Fjamminga, it-taxxa fuq it-trasferiment causa mortis hija dovuta fuq il-beni kollha tal-mejjet li jkunu jinsabu fil-Belġju fil-mument tal-mewt tiegħu, u dan mingħajr ma jitnaqqas id-dejn. Peress li H. Eckelkamp ma kinitx residenti fil-Belġju fil-mument tal-mewt tagħha, id-dejn tagħha ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment.
18 It-taxxa fuq it-trasferiment causa mortis inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni ppreżentata fid-29 ta’ Ġunju 2004.
19 Wara li ħallsu din it-taxxa, ħlas li, skont l-osservazzjonijiet tagħhom, kien “bla ħsara għad-drittijiet kollha tagħhom”, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu, fil-31 ta’ Diċembru 2004, quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brugge (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Bruges), rikors kontradittorju intiż sabiex it-taxxa mħallsa tkun is-suġġett ta’ kalkolu ġdid u, b’mod partikolari, sabiex id-dejn ta’ H. Eckelkamp jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.
20 Dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors fit-30 ta’ Mejju 2005 minħabba li, fid-data ta’ meta tressaq, it-terminu previst mill-Kodiċi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda fil-bażi tal-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni jew tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuti kien skada.
21 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li sostnew li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment causa mortis imorru kontra d-dritt Komunitarju. Huma jqisu li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq iċ-ċittadinanza u ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital.
22 Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Belgische Staat invoka l-iskadenza tat-terminu previst mill-Kodiċi għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ġodda fil-bażi tal-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment u sostna li, fi kwalunkwe każ, ma kienx ġie pprovat li d-dejn inkwistjoni kien għadu jeżisti fid-data tal-mewt ta’ H. Eckelkamp. Peress li l-persuna kkonċernata ma kinitx residenti fil-Belġju fil-mument tal-mewt tagħha, l-ammont taxxabbli taħt it-taxxa fuq it-trasferiment ma setax ikun is-suġġett ta’ tnaqqis ta’ xi passiv. L-Artikolu 58 KE ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom.
23 Skont il-qorti tar-rinviju, minn att privat tat-13 ta’ Novembru 2002 u minn att notarili tal-5 ta’ Ġunju 2003 jirriżulta b’mod ċar li H. Eckelkamp kienet daħlet f’dejn ta’ EUR 220 000.
24 Peress li kkunsidra li l-kontroversja fil-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Hof van beroep te Gent iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 17 KE u 18 KE, u l-Artikolu 56 KE, moqri flimkien mal-Artikolu [58] KE, jipprekludu regoli nazzjonali ta’ Stat Membru li permezz tagħhom, fil-kuntest tal-akkwist b’wirt ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fi Stat Membru (l-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà), dan l-Istat Membru jimponi taxxa fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li tkun tinsab f’dan l-Istat, li fir-rigward tagħha dan l-Istat jippermetti tnaqqis li jikkorrispondi għall-valur tal-passiv fuq din il-proprjetà immobbli (bħal dejn iggarantit bid-dritt mogħti lil kreditur li jirreġistra ipoteka fuq din il-proprjetà immobbli) jekk it-testatur, fil-mument tal-mewt tiegħu, kien residenti fl-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà, iżda mhux jekk it-testatur, fil-mument tal-mewt tiegħu, kien qed jgħix fi Stat Membru differenti (l-Istat tar-residenza)?”
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
25 Il-Gvern Belġjan iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Huwa jsostni, minn naħa, li, minħabba n-natura tardiva tal-introduzzjoni tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkalkulata mill-ġdid it-taxxa fuq it-trasferiment inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju ma tistax, fi kwalunkwe każ, tilqa’ t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. It-terminu li huma kellhom, skont ir-regoli tal-proċedura Belġjani, sabiex jibdlu l-informazzjoni li fuq il-bażi tagħha ġiet ikkalkulata t-taxxa fuq it-trasferiment diġà ilu diversi xhur li skada. Għaldaqstant, risposta għad-domanda magħmula mhux biss mhijiex meħtieġa iżda tkun manifestament irrelevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tagħti l-qorti tar-rinviju.
26 Min-naħa l-oħra, huwa jqis li, fl-istadju li fih tinsab il-proċedura fil-kawża prinċipali, id-domanda magħmula hija purament ipotetika. F’dan l-istadju, il-qorti tar-rinviju għadha ma tat ebda risposta għall-kwistjonijiet deċiżivi sabiex tinstab soluzzjoni għall-kontroversja fil-kawża prinċipali dwar, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk kinitx teżisti, bejn id-dejn u l-proprjetà immobbli kkonċernata, rabta ta’ natura li twassal għall-eżistenza ta’ piż fuq din il-proprjetà. F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan enfasizza, matul is-seduta, li, f’din il-kawża, ma teżistix ipoteka fuq din il-proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju iżda sempliċement mandat sabiex tiġi rreġistrata ipoteka mogħti minn H. Eckelkamp lil ħuha qabel il-mewt tagħha. Skont dan il-gvern, sa fejn mandat sabiex tiġi rreġistrata ipoteka huwa biss dritt mogħti lil persuna terza għall-finijiet tal-eventwali reġistrazzjoni ta’ ipoteka fuq kwalunkwe proprjetà immobbli u sa fejn tali reġistrazzjoni ma tkunx saret, ma jkun jeżisti ebda piż fuq l-imsemmija proprjetà immobbli, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-domanda magħmula hija, għalhekk, ta’ natura ipotetika.
27 F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tal-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43).
28 Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19, u Lucchini, iċċitata iktar’il fuq, punt 44).
29 Għandu jiġi rrilevat li dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti.
30 Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża jekk il-qrati nazzjonali humiex marbuta, taħt id-dritt Komunitarju, iwarrbu l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment causa mortis li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital. Għaldaqstant, jidher li d-domanda magħmula hija marbuta mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, kif iddefinita mill-qorti tar-rinviju, u li r-risposta għal din id-domanda tista’ tkun utli għal dik il-qorti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kodiċi humiex konformi mad-dritt Komunitarju.
31 Huwa minnu li l-Gvern Belġjan jikkontesta, minn naħa, il-preżenza, bejn id-dejn ta’ H. Eckelkamp fil-konfront ta’ ħuha u l-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tas-suċċessjoni, ta’ rabta ta’ natura li tirriżulta fl-eżistenza ta’ piż fuq din il-proprjetà u li huwa jenfasizza, min-naħa l-oħra, li t-termini previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Belġjan li jippermettu ż-żieda ta’ elementi ġodda fil-bażi tal-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuta kienu skadew fid-data ta’ meta tressaq ir-rikors fil-kawża prinċipali.
32 Madankollu, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C-262/96, Ġabra p. I-2685, punt 95). Hija dik il-qorti u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina l-portata u l-effett, fid-dritt Belġjan, ta’ mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka kif ukoll il-konsegwenzi ta’ tali mandat fir-rigward ta’ proprjetà immobbli mogħtija b’wirt u li tinsab fil-Belġju.
33 Barra minn hekk, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ indikazzjoni tad-dejn inkwistjoni fid-dikjarazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi li ma jipprevedux l-inklużjoni ta’ tali dejn meta l-persuna li tagħha tkun infetħet is-suċċessjoni ma kinitx residenti fil-Belġju fil-mument tal-mewt tagħha – dispożizzjonijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. It-tieni nett, qabel ma ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni tal-beni inkwistjoni, l-awtoritajiet kompetenti kienu informaw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li d-dejn ta’ H. Eckelkamp ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment causa mortis peress li hija ma kinitx residenti fil-Belġju fid-data tal-mewt tagħha. It-tielet nett, kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija dikjarazzjoni jidher li kienet ippreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bla ħsara għad-drittijiet kollha tagħhom.
34 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li r-rinviju preliminari huwa bbażat fuq djalogu bejn qorti u oħra u li l-ftuħ ta’ dan id-djalogu jiddependi kompletament fuq l-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u tal-ħtieġa ta’ dan ir-rinviju (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 42). Għalkemm huwa minnu li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li d-dikjarazzjoni magħmula mill-eredi saret definittiva fid-data tal-iskadenza tat-terminu legali għall-preżentazzjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li d-domanda magħmula tippermetti li jiġu identifikati l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarji kkunsidrati mill-qorti tar-rinviju bħala li jistgħu jiġu applikati b’mod utli sabiex tinstab soluzzjoni, skont dan id-dritt, għall-kawża quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1982, Vlaeminck, 132/81, Ġabra p. 2953, punti 13 u 14).
35 Minn dan isegwi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.
Fuq id-domanda preliminari
36 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Aritkoli 12 KE, 17 KE u 18 KE, minn naħa, u dawk tal-Artikoli 56 KE u 58 KE, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment u tat-taxxa tas-suċċessjoni dovuti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-Istat Membru, li ma tipprevedix il-possibbiltà li jitnaqqas dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli meta l-persuna li tinfetaħ is-suċċessjoni tagħha, fil-mument tal-mewt tagħha, ma kinitx residenti fl-Istat fejn tinsab din il-proprjetà immobbli iżda fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dan it-tnaqqis huwa previst meta l-persuna kkonċernata, fil-mument tal-mewt tagħha, kienet residenti fl-Istat fejn tinsab l-imsemmija proprjetà immobbli.
37 L-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Federconsumatori et, C-463/04 u C-464/04, Ġabra p. I-10419, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 Fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat KE, tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement irrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361, minkejja li din kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (li saru l-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KE, imħassra bit-Trattat ta’ Amsterdam), u dan minħabba li, skont l-introduzzjoni tagħha, il-lista inkluża fiha mhijiex ta’ natura eżawrjenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C-513/03, Ġabra p. I-1957, punt 39; tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I-9521, punt 41; Federconsumatori et, iċċitata iktar’il fuq, punt 20, u tas-17 ta’ Jannar 2008, Jäger, C-256/06, Ġabra p. I-123, punt 24).
39 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li fakkret b’mod partikolari li s-suċċessjonijiet, li jikkonsistu fi trasferiment lil persuna jew lil diversi persuni tal-patrimonju li jitħalla minn persuna mejta jew, fi kliem ieħor, fi trasferiment lill-eredi tal-proprjetà f’diversi beni, drittijiet, etc. li jiffurmaw dan il-patrimonju, jaqgħu taħt it-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361, intitolat “Movimenti ta’ kapital personali”, iddeċidiet li s-suċċessjonijiet jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE, ħlief f’dawk il-każijiet fejn l-elementi kostitwenti tagħhom ikunu limitati għal Stat Membru wieħed biss (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Barbier, C-364/01, Ġabra p. I-15013, punt 58; van Hilten-van der Heijden, iċċitata iktar’il fuq, punt 42, u Jäger, iċċitata iktar’il fuq, punt 25).
40 Sitwazzjoni fejn persuna residenti fil-Ġermanja fil-mument tal-mewt tagħha tħalli b’wirt lil persuni oħra residenti fil-Ġermanja u fl-Olanda proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju u li hija s-suġġett ta’ kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment fil-Belġju b’ebda mod ma tikkostitwixxi sitwazzjoni purament interna.
41 Għaldaqstant, is-suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.
42 Għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment tal-kapital.
43 F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw il-valur ta’ proprjetà immobbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta fil-każ ta’ akkwist b’wirt jistgħu mhux biss ikunu ta’ natura li jiskoraġġixxu x-xiri ta’ proprjetà immobbli fl-Istat Membru kkonċernat, iżda jista’ jkollhom l-effett ukoll li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni ta’ resident ta’ Stat Membru li ma jkunx dak fejn tinsab l-imsemmija proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Barbier, punt 62, u Jäger, punt 30).
44 Fejn jidħlu s-suċċessjonijiet, il-ġurisprudenza kkonfermat li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE, bħala miżuri li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni ta’ resident ta’ Stat li ma jkunx l-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà kkonċernata u li jintaxxa s-suċċessjoni ta’ din il-proprjetà (sentenzi ċċitati iktar’il fuq van Hilten van der Heijden, punt 44, u Jäger, punt 31).
45 F’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn iwasslu biex suċċessjoni li tinkludi proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tar-Renju tal-Belġju tkun suġġetta għal taxxa fuq it-trasferiment iktar għolja mit-taxxa tas-suċċessjoni li kienet tkun dovuta li kieku l-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet, fil-mument tal-mewt tagħha, residenti f’dan l-Istat Membru, għandhom l-effett li jillimitaw il-moviment tal-kapital billi jnaqqsu l-valur ta’ suċċessjoni li tinkludi tali proprjetà.
46 Fil-fatt, sa fejn skont din il-leġiżlazzjoni t-tnaqqis ta’ ċertu dejn marbut mal-proprjetà immobbli kkonċernata jiddependi mill-post ta’ residenza, fil-mument tal-mewt tagħha, tal-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha, il-piż fiskali ikbar li għalih hija għaldaqstant suġġetta s-suċċessjoni ta’ persuni mhux residenti jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.
47 Din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni bl-argument tal-Gvern Belġjan li l-Kodiċi ma jikkostitwixxix restrizzjoni sa fejn teżisti differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni ta’ residenti u dik ta’ persuni mhux residenti meta jiġu kkalkulati t-taxxa tas-suċċessjoni u t-taxxa fuq it-trasferiment peress li huwa biss l-Istat Membru fejn kienet tirrisjedi l-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha li, loġikament, ikun f’pożizzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni, l-elementi kollha tas-suċċessjoni, komposti minn assi u passiv, proprjetà mobbli u immobbli. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi huma irrilevanti fid-dawl tal-kriterji li joħorġu mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Jäger, iċċitata iktar’il fuq, punt 34).
48 Madankollu, il-Gvern Belġjan isostni li l-kawża prinċipali, b’differenza minn dik li wasslet għas-sentenza Barbier, iċċitata iktar’il fuq, hija kkaratterizzata minn assenza ta’ obbligu mingħajr ebda kundizzjoni li jingħata t-titolu legali tal-proprjetà immobbli inkwistjoni, kif ukoll minn assenza kemm ta’ trasferiment preċedenti tat-titolu ekonomiku ta’ din il-proprjetà u kif ukoll ta’ piż fuq din tal-aħħar, peress li l-mandat biex tiġi rreġistrata ipoteka invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’ebda mod ma jikkostitwixxi dejn marbut mal-imsemmija proprjetà immobbli fis-sens ta’ din is-sentenza.
49 Għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Barbier, iċċitata iktar’il fuq, id-domanda magħmula kienet tikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta fil-każ ta’ akkwist b’wirt ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru u t-teħid inkunsiderazzjoni, fl-istima tal-valur ta’ din il-proprjetà, tal-obbligu mingħajr ebda kundizzjoni li kellu d-detentur tad-dritt reali li jgħaddi dan id-dritt lil persuna terza li kellha t-titolu ekonomiku tal-imsemmija proprjetà. Dan id-dejn kien għalhekk direttament marbut mal-proprjetà immobbli li kienet is-suġġett tas-suċċessjoni.
50 Bl-istess mod, fil-kuntest tal-Artikoli 49 KE u 50 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta lill-persuni mhux residenti, fejn tidħol tassazzjoni, it-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali li jkunu marbuta direttament mal-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli fl-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li, għall-kuntrarju, tagħti dan it-tnaqqis lir-residenti, aktarx taħdem prinċipalment għad-detriment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u hija kuntrarja għall-imsemmija artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I-5933, punti 27 u 28).
51 Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u kemm il-Kummissjoni sostnew li, bis-saħħa tal-mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka inkwistjoni, kienet teżisti rabta suffiċjenti bejn il-proprjetà immobbli akkwistata b’wirt u d-dejn ikkonċernat. Il-Kummissjoni ammettiet, madankollu, li, peress li l-mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka ma jinkombix il-proprjetà immobbli kkonċernata, li tinsab fil-Belġju, iżda jista’ eventwalment jinkombi proprjetà immobbli oħra, ir-rabta bejn id-dejn u l-imsemmija proprjetà immobbli tista’ tiddaħħal inkwistjoni.
52 Madankollu, skont il-formulazzjoni tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, id-dejn iggarantit b’mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka fir-rigward ta’ proprjetà immobbli jikkostitwixxi piż fuq din tal-aħħar. Fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Dumon u Froment, C-235/95, Ġabra p. I-4531, punt 25).
53 Kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika n-natura u l-effett, taħt id-dritt Belġjan, ta’ mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li għandha tiddetermina jekk fir-realtà teżistix rabta diretta bejn id-dejn invokat u l-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tal-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
54 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-fatt li t-tnaqqis tad-dejn li jinkombi proprjetà immobbli huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet, fil-mument tal-mewt tagħha, residenti fl-Istat Membru fejn tinsab din il-proprjetà immobbli, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment libertu ta’ kapital ipprojbita, bħala regola ġenerali, mill-Artikolu 56(1) KE.
55 It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital kif ikkonstatata tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.
56 F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, “[i]d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 56 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt tal-Istati Membri […] li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.
57 Din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 58 KE, sa fejn tidderoga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (ara s-sentenza Jäger, iċċitata iktar’il fuq, punt 40).
58 Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija hija stess limitata bl-Artikolu 58(3) KE li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 58(1) “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56” (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 44; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 28, u Jäger, iċċitata iktar’il fuq, punt 41). Barra minn hekk, sabiex tkun ġustifikata, id-differenza fit-trattament stabbilita fil-qasam tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tar-Renju tal-Belġju bejn il-persuna li, fil-mument tal-mewt tagħha, kienet residenti f’dan l-Istat Membru u dik li, f’dak l-istess mument, kienet residenti fi Stat Membru ieħor m’għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.
59 Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn it-trattamenti inugwali permessi taħt l-Artikolu 58(1)(a) KE u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji pprojbiti taħt l-Artikolu 58(3) KE. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni, tagħmel distinzjoni fejn jidħol it-tnaqqis tad-dejn fuq proprjetà immobbli li tinsab fl-Istat Membru kkonċernat skont jekk il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kinitx residenti, fil-mument tal-mewt tagħha, f’dan l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor, tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa meħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi ċċitati iktar’il fuq, Verkooijen, punt 43; Manninen, punt 29, u Jäger, punt 43).
60 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan u mfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, din id-differenza fit-trattament ma tistax tkun ġustifikata bir-raġuni li din tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli.
61 Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju dwar in-natura u l-effett ta’ mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka u dwar il-kwistjoni jekk il-mandat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkombix il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tas-suċċessjoni, kif jidher li jirriżulta mill-proċess, il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq it-trasferiment huwa, b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, direttament marbut mal-valur ta’ din il-proprjetà. F’dan il-każ, oġġettivament ma tista’ teżisti ebda differenza fis-sitwazzjoni ta’ natura li tiġġustifika trattament fiskali inugwali fir-rigward tal-livell tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuti fir-rigward, rispettivament, ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju u li tappartjeni lil persuna residenti f’dan l-Istat Membru fil-mument tal-mewt tagħha u ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor f’dan l-istess mument. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tal-eredi ta’ H. Eckelkamp hija paragunabbli ma’ dik ta’ kull eredi ieħor li s-suċċessjoni tiegħu tinkludi proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju u mogħtija b’wirt minn persuna residenti f’dan l-istess Stat fil-mument tal-mewt tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jäger, iċċitata iktar’il fuq, punt 44).
62 Kif sostnew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni Belġjana tikkunsidra, bħala regola ġenerali, kemm l-eredi ta’ persuni residenti u kemm dawk ta’ persuni mhux residenti fil-mument tal-mewt tagħhom, bħala persuni taxxabbli għall-finijiet tal-impożizzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni u/jew tat-taxxa fuq it-trasferiment fir-rigward tal-proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju. Huwa biss meta jsir it-tnaqqis tad-dejn tas-suċċessjoni ta’ persuni mhux residenti li jkun hemm trattament differenti bejn dawn tal-aħħar u r-residenti.
63 Sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tqiegħed fuq l-istess livell, għall-finijiet tat-tassazzjoni ta’ proprjetà immobbli akkwistata b’wirt u li tinsab fl-Istat Membru kkonċernat, l-eredi ta’ persuna li, fil-mument tal-mewt tagħha, kellha l-istatus ta’ residenti u dawk ta’ persuna li, f’dan l-istess mument, kellha l-istatus ta’ persuna mhux residenti, din l-istess leġiżlazzjoni ma tistax, mingħajr ma toħloq diskriminazzjoni, tittratta lil dawn l-eredi b’mod differenti, fil-kuntest tal-istess tassazzjoni, fir-rigward tat-tnaqqis tad-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli. Billi jittratta b’mod identiku, ħlief fir-rigward tat-tnaqqis tad-dejn, is-suċċessjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni għall-finijiet tat-taxxa tas-suċċessjoni, il-leġiżlatur nazzjonali fil-fatt aċċetta li bejn dawn tal-aħħar, fid-dawl tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet ta’ din it-tassazzjoni, ma teżisti ebda differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni li tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament (ara, bħala analoġija, fil-kuntest tad-dritt ta’ stabbiliment, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 20, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit International u Denkavit France, C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 35; fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital u tat-taxxa tas-suċċessjoni, is-sentenza tal-istess jum, Arens-Sikken, C-43/07, Ġabra I-0000, punt 57).
64 L-aħħar nett, għandu jiġi mistħarreġ jekk ir-restrizzjoni għall-moviment tal-kapital li tirriżulta minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tkun oġġettivament ġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.
65 Il-Gvern Belġjan isostni li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli għall-patrimonju tad-de cujus, id-dejn li tiegħu r-rikorrenti qed jitolbu t-tnaqqis fil-Belġju huwa s-suġġett, fil-prattika, ta’ tnaqqis doppju, ħaġa din li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837) għandha tiġi evitata.
66 F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-moviment liberu tal-kapital u dwar it-taxxa tas-suċċessjoni, li ċittadin ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jinvoka d-dispożizzjonijiet tat-Trattat minħabba li jibbenefika minn vantaġġi fiskali mogħtija mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak fejn ikun residenti (sentenza Barbier, iċċitata iktar’il fuq, punt 71).
67 It-tieni nett, kif ġie mfakkar fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, ma teżisti ebda konvenzjoni bilaterali bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ħelsien minn taxxa doppja fejn tidħol it-taxxa tas-suċċessjoni.
68 L-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli li tkun is-suġġett tas-suċċessjoni ma jistax, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu, jinvoka l-eżistenza ta’ possibbiltà, indipendenti mir-rieda tiegħu, li jingħata kreditu fiskali minn Stat Membru ieħor, bħall-Istat Membru fejn il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet residenti fil-mument tal-mewt tagħha, li jista’ jikkumpensa, kompletament jew parzjalment, il-preġudizzju mġarrab mill-eredi ta’ din tal-aħħar minħabba li fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli mogħtija b’wirt, meta jsir il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment, ma jitnaqqasx id-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arens-Sikken, iċċitata iktar’il fuq, punt 65).
69 Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ benefiċċju mogħti b’mod unilaterali minn Stat Membru, f’dan il-każ l-Istat Membru fejn kienet residenti l-persuna kkonċernata fil-mument tal-mewt tagħha, sabiex jevita l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, b’mod partikolari dawk li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 78).
70 Fl-aħħar nett, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi b’mod ċar u sempliċi t-tnaqqis tad-dejn marbut mal-proprjetà immobbli mogħtija b’wirt meta l-persuna kkonċernata ma kinitx residenti, fil-mument tal-mewt tagħha, fl-Istat fejn tinsab il-proprjetà li tkun is-suġġett tas-suċċessjoni mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni t-trattament tal-imsemmi dejn u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kreditu fiskali fi Stat Membru ieħor, bħall-Istat Membru fejn kienet residenti l-persuna mejta.
71 Għaldaqstant, għad-domanda preliminari magħmula għandha tingħata r-risposta li d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru, li ma tipprevedix il-possibbiltà li jitnaqqas id-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli meta l-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha ma kinitx, fil-mument tal-mewt tagħha, residenti f’dan l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dan it-tnaqqis ikun previst meta din il-persuna kienet, f’dan l-istess mument, residenti fl-Istat fejn tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tas-suċċessjoni.
72 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għad-domandad preliminari sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE.
Fuq l-ispejjeż
73 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru, li ma tipprevedix il-possibbiltà li jitnaqqas id-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli meta l-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha ma kinitx, fil-mument tal-mewt tagħha, residenti f’dan l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dan it-tnaqqis ikun previst meta din il-persuna kienet, f’dan l-istess mument, residenti fl-Istat fejn tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tas-suċċessjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.