Kawża C-27/07
Banque Fédérative du Crédit Mutuel
vs
Ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))
“Taxxa fuq il-kumpanniji — Direttiva 90/435/KEE — Profitti taxxabbli tal-kumpannija parent — Spejjeż li ma jistgħux jitnaqqsu marbuta ma’ l-ishma fil-kumpannija sussidjarja — Iffissar ta’ l-ammont ta’ l-imsemmija spejjeż b’rata fissa — Limitu ta’ 5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja — Inklużjoni tal-krediti tat-taxxa”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti — Direttiva 90/435
(Direttiva tal-Kunsill 90/435, Artikolu 4(2))
Il-kunċett ta’ “profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja”, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/435, dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tinkludi, fl-imsemmija profitti, krediti tat-taxxa li kienu ngħataw bil-għan li tiġi kkumpensata taxxa f’ras il-għajn imposta mill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent.
L-ewwel nett, il-kliem ta’ l-Artikolu 4(2) tad-direttiva ma jipprekludix l-inklużjoni ta’ krediti tat-taxxa fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma tal-kumpannija parent fil-kumpannija sussidjarja. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ krediti tat-taxxa fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, tassigura li huwa effettivament l-ammont totali tal-profitti mqassma, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, li huwa riċevut mill-kumpannija parent u li għalih tiġi applikata t-taxxa ta’ 5 %. It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija krediti huma intiżi sabiex tiġi evitata taxxa doppja ta’ profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, fuq livell ġuridiku. Konsegwentement, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-krediti tat-taxxa mogħtija lill-kumpannija parent għall-kalkolu tal-proporzjon ta’ spejjeż li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma fil-kumpannija sussidjarja jippermetti li jiġi rifless l-ammont ta’ profitti mqassma minnha u l-ammont ekwivalenti tas-somom li minnu tiddisponi finalment u effettivament f’dan ir-rigward il-kumpannija parent, filwaqt li jinnewtralizza l-effett tat-taxxa f’ras il-għajn imposta fir-rigward tal-kumpannija parent mill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja. B’hekk, l-inklużjoni tal-krediti tat-taxxa fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, hija għaldaqstant konformi ma’ l-għan ta’ newtralità, fuq livell ta’ tassazzjoni, tat-tqassim transkonfinali ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor.
Fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-direttiva, meta kumpannija parent għandha ishma ta’ mill-inqas 25 % fil-kapital ta’ kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, it-taxxi f’ras il-għajn f’dan l-Istat ta’ l-aħħar huma fil-prinċipju pprojbiti skond l-Artikolu 5(1) tad-direttiva. Tali taxxi f’ras il-għajn setgħu madankollu kienu ġew imposti minn ċerti Stati Membri matul il-perijodu tranżitorju li huma jibbenefikaw minnu, skond l-Artikolu 5(2) sa (4) tad-direttiva. Issa, id-direttiva ma tobbligax Stat Membru sabiex jipprovdi għat-tpaċija ta’ dawn it-taxxi f’ras il-għajn, meta dan l-Istat Membru, skond l-Artikolu 4(1), tad-direttiva, ikun għażel il-metodu ta’ eżenzjoni. F’dan il-kuntest, Stat Membru li għażel il-metodu ta’ eżenzjoni ma jistax jiġi kkritikat talli jikkumpensa t-taxxa f’ras il-għajn fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja bl-għoti ta’ kreditu tat-taxxa, filwaqt li jillimita t-tpaċija ta’ dan l-imsemmi kreditu tat-taxxa għall-każijiet fejn il-kumpannija parent benefiċjajra tqassam mill-ġdid id-dividendi riċevuti, fi żmien ħames snin, lill-azzjonisti tagħha stess. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tad-direttiva jippermetti lil Stat Membru jiffissa l-ispejjeż ta’ ġestjoni li ma jistgħux jitnaqqsu għal ammont iffissat li ma jistax jaqbeż il-5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija parent, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn dan l-Istat Membru għażel metodu ta’ eżenzjoni u dik fejn huwa għażel metodu ta’ kreditu. Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-kunċett ta’ profitti mqassma, din id-dispożizzjoni ma tiddistingwix skond jekk l-imsemmi Stat Membru huwiex suġġett jew le għall-obbligu li jipprovdi għat-tpaċija tat-taxxi f’ras il-għajn imposti fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja. Għaldaqstant, meta Stat Membru għażel li jimplementa l-għażla prevista fl-Artikolu 4(2) tad-direttiva billi jinkludi l-krediti tat-taxxa fl-ammont tal-profitti mqassma li għalih ser tiġi applikata t-taxxa ta’ 5 %, huwa ma jistax ikun ikkritikat talli ma jiddistingwix skond jekk humiex ikkoncernati jew le krediti tat-taxxa li jistgħu jiġu paċuti mat-taxxa dovuta.
(ara l-punti 36-40, 42-46, 50 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ April 2008 (*)
“Taxxa fuq il-kumpanniji – Direttiva 90/435/KEE – Profitti taxxabbli tal-kumpannija parent – Spejjeż li ma jistgħux jitnaqqsu marbuta ma’ l-ishma fil-kumpannija sussidjarja – Iffissar ta’ l-ammont ta’ l-imsemmija spejjeż b’rata fissa – Limitu ta’ 5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja – Inklużjoni tal-krediti tat-taxxa”
Fil-kawża C-27/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2007, fil-proċeduri
Banque Fédérative du Crédit Mutuel
vs
Ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta’ l-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Banque Fédérative du Crédit Mutuel, minn Y. Mercier u A. Gerardin, avocats,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-Ch. Gracia, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-24 ta’ Jannar 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4(2) u 7(2), tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6, iktar’il quddiem “id-direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Banque Fédérative du Crédit Mutuel (iktar’il quddiem il-“BFCM”) u l-ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie (Ministru ta’ l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta’ l-Industrija).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 4 tad-direttiva jipprovdi:
“1. Meta kumpannija ġenitur [parent], bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur [parent] għandu, għajr meta din ta’ l-aħħar tiġi llikwidata, jew:
– iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew
– jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur [parent] biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u, jekk ikun xieraq, l-ammont tat-taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn] imposta mill-Istat Membru li fih tkun tirresjiedi l-kumpannija sussidjarja, skond id-derogi pprovduti fl-Artikolu 5, sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti.
– 2. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kull impost[a] li jkoll[ha] x’[t]aqsam ma’ l-ishma u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-profitti tal-kumpannija sussidjarja jistgħu ma jitnaqqsux [ma jistgħux jitnaqqsu] mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija ġenitur [parent]. Jekk, f’dan il-każ, l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma huma ffissati bħala rata waħda uniformi, l-ammont iffissat ma jistax jaqbeż il-5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja.
– [...]”
4 L-Artikolu 5 tad-direttiva jipprovdi dan li ġej:
“1. Il-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija ġenitur [parent] tagħha għandhom, għall-inqas fejn din ta’ l-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jiġu eżentati mit-taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn].
2. Minkejja l-paragrafu 1, ir-Repubblika Ellenika tista’, għal sakemm ma tordnax il-ħlas ta’ taxxa fuq il-korporazzjonijiet għall-profitti mqassma, timponi taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn] fuq il-profitti mqassma lill-kumpanniji ġenitur [parent] ta’ Stati Membri oħra. […]
3. Minkejja l-paragrafu 1, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’, għal sakemm timponi t-taxxa tal-korporazzjinijiet fuq il-profitti mqassma b’rata ta’ mill-inqas 11-il punt iktar baxxa mill-profitti miżmuma, u għal mhux iktar tard min-nofs is-sena 1996, timponi taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn] kompensatorja ta’ 5 % fuq il-profitti mqassma mill-kumpanniji sussidjarji tagħha (ir-Repubblika Federali Ġermaniża).
4. Minkejja l-paragrafu 1, ir-Repubblika Portugiża tista’ timponi taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn] fuq il-profitti mqassma mill-kumpanniji sussidjarji tagħha lill-kumpanniji ġenitur [parent] ta’ l-Istati Membri l-oħra sa data mhux iktar tard mit-tmien sena wara d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
[…]”
5 L-Artikolu 7 tad-direttiva jippreċiża:
“1. L-espressjoni “taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn]” kif użata f’din id-Direttiva ma għandhiex tkopri ħlas minn qabel jew ħlas bil-quddiem (“précompte”) tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet lill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja li din tagħmel rigward it-tqassim tal-profitti lill-kumpannija ġenitur [parent] tagħha.
2. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet domestiċi jew imsejsa fuq ftehim bil-ħsieb li telimina jew tnaqqas it-taxxa ekonomika doppja fuq id-dividendi, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-ħlas ta’ krediti tat-taxxa lir-riċevituri ta’ dawn id-dividendi”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 Is-sistema tat-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji parent stabbiliti fi Franża hija rregolata mill-Artikolu 216 tal-Code général des impôts (iktar’il quddiem il-“CGI”), li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti din il-kawża prinċipali , jipprovdi:
“1. Id-dħul nett mill-ishma li jagħti dritt għall-applikazzjoni tas-sistema tat- tassazzjoni għall-kumpanniji parent u msemmija fl-Artikolu 145, riċevut minn kumpannija parent tul sena finanzjarja, jista’ jitnaqqas mit-total nett tal-profitti ta’ dik il-kumpannija, wara tnaqqis ta’ proporzjon ta’ spejjeż.
It-tnaqqis ta’ proporzjon ta’ spejjeż msemmija fl-ewwel subparagrafu huwa ffissat uniformament għal 5 % tad-dħul totali mill-ishma, inklużi krediti tat-taxxa. Madankollu, dan it-tnaqqis ma jistax jeċċedi, għal kull perijodu tat-taxxa, l-ammont totali ta’ l-ispejjeż ta’ kull natura sostnuti mill-kumpannija possedenti tul l-istess perijodu”.
7 L-Artikolu 145 tal-CGI jippreċiża, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li s-sistema tat-tassazzjoni tal-kumpanniji parent hija applikabbli, b’mod partikolari, għall-kumpanniji suġġetti għat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet bir-rata normali li għandhom ishma li jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tal-kapital tal-kumpannija possedenti.
8 L-istruzzjoni Nru 4H1-00, tal-Ministère de l’Économie, des Finances et de l’Industrie (Ministeru ta’ l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta’ l-Industrija), tal-31 ta’ Jannar 2000 (Bulletin officiel des impôts [Bullettin Uffiċjali tat-Taxxi] tas-16 ta’ Frar 2000), tippreċiża, permezz ta’ referenza għall-Istruzzjoni Nru 4H4-99 ta’ l-istess Ministeru, tal-25 ta’ Ġunju 1999 (Bulletin officiel des impôts tal-5 ta’ Lulju 1999), il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-proporzjon ta’ spejjeż, imsemmi fl-Artikolu 216 tal-CGI. B’mod partikolari huwa indikat li l-krediti tat-taxxa in kwistjoni “jinkludu kemm il-kreditu tat-taxxa nazzjonali (avoir fiscal) għad-dħul li jirriżulta fi Franza […] kif ukoll il-kreditu tat-taxxa barranija (credit d’impôt étranger) għad-dħul minn kumpanniji sussidjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f’pajjiż li miegħu Franza għandha ftehim ta’ ħelsien minn taxxa doppja”.
9 Skond il-Conseil d’État, bis-saħħa ta’ trattati tat-taxxa konklużi mir-Repubblika Franċiża ma’ Stati Membri oħrajn, kreditu tat-taxxa huwa attribwit lill-kumpannija parent stabbilita fi Franza mat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor fil-każ fejn dan it-tqassim ta’ profitti kien is-suġġett ta’ taxxa f’ras il-għajn mill-Istat Membru l-ieħor. Dan il-kreditu tat-taxxa huwa ugwali għall-ammont tat-taxxa f’ras il-għajn hekk intaxxata.
10 Skond l-Artikolu 146(2) tal-CGI, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, meta t-tqassim mill-kumpannija parent lill-azzjonisti tagħha stess ta’ dividendi rċevuti jagħti lok għall-applikazzjoni tal-précompte mobilier previst fl-Artikolu 223(e) tal-CGI, il-krediti tat-taxxa marbutin mad-dividendi riċevuti fl-aħħar ħames snin jistgħu jkunu paċuti mal-précompte mobilier. Barra minn hekk, skond il-Conseil d’État, b’applikazzjoni ta’ Istruzzjoni tal-Ministère de l’Économie, des Finances et de l’Industrie, dawn il-krediti tat-taxxa jistgħu jkunu paċuti wkoll mat-taxxa f’ras il-għajn dovuta fuq it-tqassim mill-ġdid ta’ dividendi mill-kumpannija parent lil persuni li mhumiex residenti għal skopijiet ta’ taxxa, jew li m’għandhomx l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, fi Franza.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, b’applikazzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni tal-kumpanniji parent prevista fl-Artikolu 216 tal-CGI, il-BFCM naqqas mill-profitti netti totali tiegħu d-dividendi li kienu ġew mqassma lilu mill-kumpanniji sussidjarji tiegħu, iżda kellu jintegra mill-ġdid fil-bażi tat-taxxa tiegħu proporzjon ta’ spejjeż determinat skond dan l-imsemmi artikolu.
12 Fil-kawża prinċipali, il-BFCM talab lill-Conseil d’État jannulla l-Istruzzjonijiet Nru 4H1-00 u Nru 4H4-99 imsemmija hawn fuq.
13 Huwa jsostni, għal dan il-għan, li l-imsemmija istruzzjonijiet huma kuntrarji għall-Artikolu 4 tad-direttiva, f’dak illi l-ammont tal-proporzjon ta’ spejjeż, stabbilit b’rata fissa ta’ 5 % tad-dħul totali ta’ l-ishma, jinkludi l-krediti tat-taxxa mħallsa skond it-trattati tat-taxxa konklużi mir-Repubblika Franċiża ma’ l-Istati Membri l-oħra, filwaqt li d-direttiva tipprovdi li l-ammont ta’ l-imposti li ma jistgħux jiġu mnaqqsa mid-dħul taxxabbli tal-kumpannija parent, meta stabbilit b’rata fissa, huwa limitat għal 5 % biss tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja.
14 F’dan ir-rigward, il-Conseil d’État jistaqsi dwar jekk l-integrazzjoni mill-ġdid fid-dħul taxxabbli tal-kumpannija parent ta’ proporzjon fiss ta’ spejjeż ta’ 5 % tad-dħul mill-ishma, inklużi l-krediti tat-taxxa, tikkostitwixxix taxxa li teċċedi l-limitu ta’ 5 % tal-profitti mqassma awtorizzat mill-Artikolu 4(2), tad-direttiva u tista’ taffettwa n-newtralità tat-tqassim transkonfinali tal-profitti jew jekk din tikkostitwixxix taxxa li l-uniku effett tagħha huwa li tnaqqas parzjalment il-kreditu tat-taxxa attribwit lill-kumpannija parent meta jiġu mqassma l-profitti u tista’, għalhekk, tiġi kkunsidrata li tagħmel parti minn numru ta’ dispożizzjonijiet dwar il-ħlas ta’ krediti tat-taxxa lill-benefiċjarji tad-dividendi u intiża, bl-istess mod, għat-tnaqqis ta’ taxxa doppja.
15 F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Conseil d’État jirreferi għas-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2003, Océ Van der Grinten (C-58/01, Ġabra p. I-9809), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kreditu tat-taxxa jikkostitwixxi strument fiskali intiż sabiex tiġi evitata tassazzjoni ekonomika doppja tal-profitti mqassma taħt forma ta’ dividendi u mhux dħul minn ishma.
16 Il-Conseil d’État jippreċiża, min-naħa l-oħra, li l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ 5 % tal-profitti netti mqassma u tal-kreditu tat-taxxa fid-dħul taxxabbli tal-kumpannija parent, fir-rigward tal-proporzjon ta’ spejjeż, tpoġġi lill-kumpannija parent f’sitwazzjoni identika għal dik li kienet issib ruħha, kieku ma kien hemm l-ebda taxxa f’ras il-għajn, minħabba l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ proporzjon ta’ spejjeż ta’ 5 % tal-profitti mqassma. Madankollu, dan ikun il-każ biss jekk il-kreditu tat-taxxa jista’ jiġi interament paċut mat-taxxa dovuta mill-kumpannija parent.
17 Skond il-Conseil d’État, mill-Artikolu 146(2) tal-CGI, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, u mill-prattika amministrattiva, kif ippreċiżata fl-istruzzjoni Nru 4K-1121, jirriżulta li l-krediti tat-taxxa attribwiti fl-okkażżjoni tat-tqassim ta’ dividendi lil kumpannija parent mill-kumpannija sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor jistgħu jiġu paċuti mat-taxxa dovuta mill-kumpannija parent biss meta dawn id-dividendi huma s-suġġett ta’ tqassim mill-ġdid fil-ħames snin segwenti. F’dan il-każ, l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ 5 % tal-krediti tat-taxxa fid-dħul taxxabbli tal-kumpannija parent fir-rigward tal-proporzjon ta’ spejjeż ma taffettwax in-newtralità fiskali tat-tqassim transkonfinali ta’ profitti.
18 Min-naħa l-oħra, skond il-Conseil d’État, meta l-kumpannija parent tiddeċiedi li ma tqassamx mill-ġdid dawn id-dividendi f’dan il-perijodu, l-integrazzjoni mill-ġdid fid-dħul taxxabbli tagħha fir-rigward tal-proporzjon ta’ spejjeż ta’ 5 % ta’ krediti tat-taxxa li mhux ser ikunu paċuti mat-taxxa li hija għandha tħallas għandha bħala effett li żżid id-dħul taxxabbli tagħha għal iktar mil-limitu ta’ 5 % tal-profitti mqassma realment riċevuti ffisat fl-Artikolu 4(2) tad-direttiva u li taffettwa, sa dan il-punt, in-newtralità fiskali tat-tqassim transkonfinali tal-profitti.
19 F’dan l-aħħar każ, dejjem skond il-Conseil d’État, tqum il-kwistjoni dwar jekk iż-żieda tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallsa mill-kumpannija parent fi proporzjoni maż-żieda tad-dħul taxxabbli tagħha wara l-integrazzjoni mill-ġdid f’dan id-dħul ta’ 5 % tal-krediti tat-taxxa tikkostitwixxix taxxa li, minħabba l-ammont żgħir tagħha u l-fatt li din kienet ġiet stabbilita b’rabta diretta mal-ħlas ta’ krediti tat-taxxa introdotti sabiex tiġi mnaqqsa t-tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi, tista’ tkun meqjusa bħala li ma kinitx ġiet iffissata għal rata tali li tista’ tannulla l-effetti ta’ dan it-tnaqqis tat-tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi u għaldaqstant bħala permessa taħt l-Artikolu 7(2) tad-direttiva.
20 Għaldaqstant, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-integrazzjoni mill-ġdid fid-dħul taxxabbli ta’ kumpannija parent stabbilita fi Franza ta’ 5 % tal-krediti tat-taxxa attribwiti mat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor […] meta dawk il-profitti mqassma kienu suġġetti f’dak l-Istat ieħor għal taxxa f’ras il-għajn, m’għandha l-ebda effett fuq livell ta’ tassazzjoni tal-kumpannija parent jekk din ta’ l-aħħar tista’ tpaċi l-krediti tat-taxxa kollha mat-taxxa dovuta. Meta l-kumpannija parent ma ddeċidietx li tqassam mill-ġdid dawk il-profitti lill-azzjonisti tagħha stess fi żmien ħames snin, u b’konsegwenza ta’ dan ma tistax tuża aktar il-vantaġġ fiskali rrappreżentat minn dawk il-krediti tat-taxxa, tista’ t-tassazzjoni – addizzjonali mat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet – li tirriżulta mill-integrazzjoni mill-ġdid ta’ 5 % tal-krediti tat-taxxa fid-dħul taxxabbli tagħha tkun meqjusa bħala permessa taħt l-Artikolu 7(2) tad-[direttiva], minħabba l-ammont żgħir ta’ tali taxxa u l-fatt li din kienet stabbilita direttament flimkien mal-ħlas ta’ krediti tat-taxxa, introdotti sabiex tiġi mnaqqsa t-tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi, jew din għandha tkun meqjusa bħala kuntrarja għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 4 tad-[direttiva]?”
Fuq id-domanda preliminari
21 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja”, fis-sens ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, tipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tinkludi krediti tat-taxxa f’dawn l-imsemmija profitti u, jekk ikun il-każ, jekk din l-inklużjoni taqax taħt l-Artikolu 7(2) tad-direttiva.
22 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-kliem tad-dispożizzjoni li tagħha hija mitluba l-interpretazzjoni, kif ukoll l-għanijiet u s-sistema tad-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et, C-283/94, C-291/94 u C-292/94, Ġabra p. I-5063, punti 24 u 26, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe, C-375/98, Ġabra p. I-4243, punti 22 u 24).
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-direttiva, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet premessa tagħha, hija intiża sabiex telimina, billi tiġi stabbilita sistema tat-tassazzjoni komuni, kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u sabiex tiffaċilita b’hekk ir-raggruppament ta’ kumpanniji fuq livell Komunitarju (sentenzi Denkavit et, iċċitata iktar’il quddiem, punt 22; Epson Europe, iċċitata iktar’il fuq, punt 20; ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, Athinaïki Zythopoiia, C-294/99, Ġabra p. I-6797, punt 25; Océ Van der Grinten, iċċitata iktar’il fuq, punt 45, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 103).
24 Id-direttiva hija intiża għaldaqstant sabiex tassigura n-newtralità, fuq livell ta’ tassazzjoni, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor.
25 Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Artikolu 4(1) tad-direttiva jipprovdi, bil-għan li tiġi evitata taxxa doppja, li, meta kumpannija parent, bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija parent għandu jew iżomm luru milli jintaxxa dawn il-profitti, jew jawtorizza lill-kumpannija parent sabiex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dik il-frazzjoni tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallsa mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u, jekk dan ikun il-każ, l-ammont tat-taxxa f’ras il-għajn imposta mill-Istat Membru li fih tkun tirresjedi l-kumpannija sussidjarja, sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar’il fuq, punt 102).
26 Bl-istess mod, l-Artikolu 5(1) tad-direttiva jipprovdi, għall-finijiet li tiġi evitata taxxa doppja, l-eżenzjoni fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja mit-taxxa f’ras il-għajn fuq it-tqassim ta’ profitti lill-kumpannija parent tagħha, għall-inqas fejn din ta’ l-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja (sentenzi ċċitati iktar’il fuq Denkavit et, punt 22; Epson Europe, punt 20; Athinaïki Zythopoiia, punt 25, u Océ Van der Grinten, punt 45).
27 Id-direttiva timmira għaldaqstant li tiġi evitata taxxa doppja ta’ profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, f’termini ekonomiċi, jiġifieri sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma ma jkunux intaxxati, l-ewwel darba, f’idejn il-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, f’idejn il-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Athinaïki Zythopoiia, iċċitata iktar’il fuq, punt 5).
28 Madankollu, skond l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżomm il-għażla li jipprovdi li kull impost li jkollu x’jaqsam ma’ l-ishma fil-kumpannija sussidjarja ma jistax jitnaqqas mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija parent, filwaqt li huwa ppreċiżat li, jekk, f’dan il-każ, l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma huma ffissati bħala rata waħda uniformi, l-ammont iffissat ma jistax jaqbeż il-5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja.
29 Barra minn hekk, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5(2) sa (4) tad-direttiva, ċerti Stati Membri kienu awtorizzati, matul perijodu tranżitorju, jimponu taxxi f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma minn kumpanniji sussidjarji lill-kumpannija parent tagħhom stabbilita fi Stat Membru ieħor.
30 Skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, l-ammont fiss ta’ spejjeż li ma jistgħux jitnaqqsu, li l-Artikolu 4(2) tad-direttiva jikkonċerna, huwa ffissat għal 5 % tal-profitti mqassma, inklużi l-krediti tat-taxxa.
31 Fir-rigward tal-kunċett ta’ kreditu tat-taxxa, għandu jiġi osservat li kemm il-qorti tar-rinviju, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, kif ukoll il-BFCM u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fl-osservazzjonijiet li huma ssottomettew lill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza Océ Van der Grinten, iċċitat iktar’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kreditu tat-taxxa in kwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri avoir fiscal, jikkostitwixxi strument fiskali intiż sabiex tiġi evitata tassazzjoni ekonomika doppja tal-profitti mqassma taħt forma ta’ dividendi u mhux dħul minn ishma (ara s-sentenza Océ Van der Grinten, iċċitata iktar’il fuq, punt 56).
32 Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sentenza Océ Van der Grinten, iċċitata iktar’il fuq, kienet trattat taxxa, imposta fuq l-avoir fiscal, li ma għandhiex il-karatteristiċi ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma (ara s-sentenza Océ Van der Grinten, iċċitata iktar’il fuq, punt 55).
33 Din il-kawża kienet tikkonċerna avoir fiscal bil-għan li tiġi kkumpensata t-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam u mhux kreditu tat-taxxa bil-għan li tiġi kkumpensata taxxa diġà mħallsa mill-azzjonist.
34 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet magħmula matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzjoni mill-BFCM u mill-Gvern Franċiż, li l-krediti tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma krediti tat-taxxa konċessi sabiex jikkumpensaw taxxi f’ras il-għajn li jaffettwaw lill-kumpannija parent fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja.
35 Dawn l-imsemmija krediti tat-taxxa huma intiżi għaldaqstant sabiex jikkumpensaw taxxa diġà mħallsa mill-azzjonist, b’tali mod li s-sentenza Océ Van der Grinten, iċċitata iktar’il fuq, ma tistax tipprovdi risposta għal din id-domanda preliminari.
36 Wara li dan ġie ppreċizzat, jeħtieġ, l-ewwel nett, jiġi osservat li l-kliem ta’ l-Artikolu 4(2) tad-direttiva ma jipprekludix l-inklużjoni ta’ krediti tat-taxxa fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma tal-kumpannija parent fil-kumpannija sussidjarja.
37 Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-Konklużjonijiet tagħha, l-inklużjoni ta’ krediti tat-taxxa fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, tassigura li huwa effettivament l-ammont totali tal-profitti mqassma, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, li huwa riċevut mill-kumpannija parent u li għalih tiġi applikata t-taxxa ta’ 5 %.
38 It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija krediti huma intiżi sabiex tiġi evitata taxxa doppja ta’ profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, fuq livell ġuridiku, jiġifieri sabiex jiġi evitat li dawn il-profitti ma jkunux intaxxati f’idejn il-kumpannija parent, l-ewwel darba, b’taxxi f’ras il-għajn, fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija parent.
39 Konsegwentement, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-krediti tat-taxxa mogħtija lill-kumpannija parent għall-kalkolu tal-proporzjon ta’ spejjeż li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma fil-kumpannija sussidjarja jippermetti li jiġi rifless l-ammont ta’ profitti mqassma minnha u l-ammont ekwivalenti tas-somom li minnu tiddisponi finalment u effettivament f’dan ir-rigward il-kumpannija parent, filwaqt li jinnewtralizza l-effett tat-taxxa f’ras il-għajn imposta fir-rigward tal-kumpannija parent mill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja..
40 Kif sostnew ġustament il-Gvernijiet Franċiż u Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-inklużjoni tal-krediti tat-taxxa fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, hija għaldaqstant konformi ma’ l-għan ta’ newtralità, fuq livell ta’ tassazzjoni, tat-tqassim transkonfinali ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor.
41 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq, madankollu, tkun taf jekk in-newtralità fiskali mhijiex affettwata mill-fatt li dawn l-imsemmija krediti tat-taxxa mhumiex dejjem paċuti mat-taxxa dovuta mill-kumpannija parent, kif jirriżulta mill- punt 17 ta’ din is-sentenza.
42 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, min-naħa waħda, li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-direttiva, meta kumpannija parent għandha ishma ta’ mill-inqas 25 % fil-kapital ta’ kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, it-taxxi f’ras il-għajn f’dan l-Istat ta’ l-aħħar huma fil-prinċipju pprojbiti skond l-Artikolu 5(1) tad-direttiva.
43 F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tali taxxi f’ras il-għajn setgħu madankollu kienu ġew imposti minn ċerti Stati Membri matul il-perijodu tranżitorju li huma jibbenefikaw minnu, skond l-Artikolu 5(2) sa (4) tad-direttiva.
44 Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, id-direttiva ma tobbligax Stat Membru sabiex jipprovdi għat-tpaċija ta’ dawn it-taxxi f’ras il-għajn, meta dan l-Istat Membru, skond l-Artikolu 4(1), tad-direttiva, ikun għażel il-metodu ta’ eżenzjoni. F’dan il-kuntest, Stat Membru li għażel il-metodu ta’ eżenzjoni ma jistax jiġi kkritikat talli jikkumpensa t-taxxa f’ras il-għajn fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja bl-għoti ta’ kreditu tat-taxxa, filwaqt li jillimita t-tpaċija ta’ dan l-imsemmi kreditu tat-taxxa għall-każijiet fejn il-kumpannija parent benefiċjajra tqassam mill-ġdid id-dividendi riċevuti, fi żmien ħames snin, lill-azzjonisti tagħha stess.
45 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(2) tad-direttiva jippermetti lil Stat Membru jiffissa l-ispejjeż ta’ ġestjoni li ma jistgħux jitnaqqsu għal ammont iffissat li ma jistax jaqbeż il-5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija parent, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn dan l-Istat Membru għażel metodu ta’ eżenzjoni u dik fejn huwa għażel metodu ta’ kreditu. Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-kunċett ta’ profitti mqassma, din id-dispożizzjoni ma tiddistingwix skond jekk l-imsemmi Stat Membru huwiex suġġett jew le għall-obbligu li jipprevdi t-tpaċija tat-taxxi f’ras il-għajn imposti fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja.
46 Għaldaqstant, meta Stat Membru għażel li jimplementa l-għażla prevista fl-Artikolu 4(2) tad-direttiva billi jinkludi l-krediti tat-taxxa fl-ammont tal-profitti mqassma li għalih ser tiġi applikata t-taxxa ta’ 5 %, huwa ma jistax ikun ikkritikat talli ma jiddistingwix skond jekk humiex ikkoncernati jew le krediti tat-taxxa li jistgħu jiġu paċuti mat-taxxa dovuta.
47 Fil-fatt, għalkemm, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fin-nuqqas ta’ tqassim mill-ġdid tal-profitti riċevuti mill-kumpannija parent lill-azzjonisti tagħha stess fi żmien ħames snin, l-inklużjoni tal-krediti tat-taxxa fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma, skond l-Artikolu 4(2), tad-direttiva, ċertament tikkontribwixxi għal żieda fil-piż tat-taxxa tal-kumpannija parent, tali effett jirriżulta mit-taxxi f’ras il-għajn imposti mill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja skond l-Artikolu 5(1) u (2) sa (4), tad-direttiva u li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 4(1) tad-direttiva ma jipprevedi, fil-kuntest ta’ metodu ta’ eżenzjoni, ebda obbligu li tiġi żgurata t-tpaċija ta’ l-imsemmija taxxi ma’ l-ammont tat-taxxa dovuta.
48 Għaldaqstant, mhijiex tant l-inklużjoni ta’ krediti tat-taxxa fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma, skond l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, li taffettwa n-newtralità fiskali tat-tqassim transkonfinali tal-profitti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fi Stat Membr ieħor iżda l-possibbiltà, li tħalli d-direttiva, li jiġu imposti, fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja, taxxi f’ras il-għajn li jaffettwaw lill-kumpannija parent.
49 F’kull każ, l-inklużjoni ta’ krediti tat-taxxa, bħala mekkaniżmu intiż sabiex tiġi evitata tassazzjoni legali doppja, fl-ammont fiss ta’ l-ispejjeż ta’ ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma, skond l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 7(2) tad-direttva, li ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew imsejsa fuq ftehim intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu biss it-tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi.
50 Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja”, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tinkludi, fl-imsemmija profitti, krediti tat-taxxa li kienu ġew mogħtija bil-għan li tiġi kkumpensata taxxa f’ras il-għajn imposta mill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent.
Fuq l-ispejjeż
51 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tas-sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja(Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kunċett ta’ “profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja”, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(2), tad-Direttiva tal-Kunsill KEE/90/435, tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tinkludi, f’dawn l-imsemmija profitti, il-krediti tat-taxxa li kienu ġew mogħtija bil-għan li tiġi kkumpensata taxxa f’ras il-għajn imposta mill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.