Kawża C-124/07
J.C.M. Beheer BV
vs
Staatssecretaris van Financiën
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)
“Sitt Direttiva tal-VAT — Provvista ta’ servizzi marbuta ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni — Brokers u aġenti ta’ l-assigurazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(a))
L-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li broker jew aġent ta’ l-assigurazzjoni ma jkollux relazzjoni diretta mal-partijiet fuq kuntratt ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni li għal konklużjoni tiegħu huwa jagħti kontribut, iżda jkollu biss relazzjoni indiretta ma’ dawn ta’ l-aħħar permezz ta’ l-involviment ta’ persuna taxxabbli oħra, li tkun hija stess f’relazzjoni diretta ma’ waħda minn dawn il-partijiet u li magħha dan il-broker jew dan l-aġent ta’ l-assigurazzjoni jkun marbut kuntrattwalment, ma jipprekludix l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tas-servizz mogħti minn dan ta’ l-aħħar fuq il-bażi ta’ l-istess dispożizzjoni.
(ara l-punt 29 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
3 ta’ April 2008 (*)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Provvista ta’ servizzi marbuta ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni – Brokers u aġenti ta’ l-assigurazzjoni”
Fil-kawża C-124/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-9 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2007, fil-proċedura
J.C.M. Beheer BV
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-10 ta’ Jannar 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Mol, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Bryanston-Cross u P. Harris, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, A. Weimar u W. Roels, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn J.C.M. Beheer BV, kumpannija rreġistrata l-Olanda, u l-iStaatssecretaris van Financiën dwar aġġustament ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ li hija kienet suġġetta għalih, dovuta għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998, fl-ammont ta’ NLG 55 561 (EUR 25 244).
Il-kuntest ġuridiku
Is-Sitt Direttiva
3 Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar’il quddiem il-“VAT”).
4 L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, bl-intestatura “Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż”, jipprovdi:
“[…]
B. Eżenzjonjiet oħrajn
“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:
a) assigurazzjoni u tranżazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni[,] [inklużi servizzi marbuta magħhom] [i]mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;
[...]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 1 tal-liġi ta’ l-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting 1968, iktar’il quddiem il-“Wet OB 1968”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi dan li ġej:
“Taxxa msejħa ‛taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ’ għandha titħallas fuq:
a. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula fl-Olanda minn operaturi fl-ambitu tan-negozju tagħhom;
[…]”
6 Skond l-Artikolu 11(1)(k) tal-Wet OB 1968, li jittrasponi l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva fis-sistema legali ta’ l-Olanda:
“1. Bla ħsara għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ digriet, huma eżentati mit-taxxa:
[…]
k. l-assigurazzjoni u s-servizzi mogħtija mill-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taġixxi kemm bħala subaġent ta’ VDL Polisassuradeuren BV (iktar’il quddiem “VDL”), li hija kumpannija rreġistrata l-Olanda li teżerċita hija stess il-funzjonijiet ta’ broker u ta’ aġent ta’ l-assigurazzjoni.
8 VDL tintervjeni, minn naħa, bħala aġent fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ l-assigurazzjoni u, min-naħa l-oħra, bħala “aġent mandatarju” għal ċerti kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni. B’dan il-mod, VDL tikkonkludi kuntratti ta’ assigurazzjoni b’mod awtonomu għan-nom ta’ dawn ta’ l-aħħar.
9 L-attivitajiet li twettaq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għan-nom u in rappreżentanza ta’ VDL jinvolvu l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, l-ipproċessar ta’ trasferimenti ta’ poloz ta’ l-assigurazzjoni, il-ħruġ ta’ dawn il-poloz, il-ħlas ta’ kummissjonijiet, il-provvista ta’ informazzjoni lill-kumpannija ta’ l-assigurazzjoni u lill-proprjetarji tal-poloz ta’ l-assigurazzjoni. Barra minn hekk, hija tipproponi u tikkonkludi, bl-inizjattiva tagħha stess u b’mod indipendenti, assigurazzjonjiet ġodda.
10 Skond il-ftehim li jorbot lill-VDL mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din ta’ l-aħħar tirċievi mingħand VDL, għas-servizzi li hija tipprovdilha, remunerazzjoni ugwali għal 80 % tal-kummissjoni mħallsa lil din il-kumpannija ta’ l-aħħar għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ l-assigurazzjoni. Fil-każ ta’ tħassir ta’ dan il-kuntratt, hija obbligata tħallas lura dik il-parti mir-remunerazzjoni mħallsa lilha b’mod proporzjonali għall-perijodu li jkun għad irid jiddekorri sa tmiem il-kuntratt.
11 Għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet suġġetta għal aġġustament ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fl-ammont ta’ NLG 55 561 (EUR 25 244).
12 Wara li ressqet ilment mingħajr suċċess u ċ-ċaħda ta’ l-appell li hija għamlet quddiem il-Gerechtshof te’s-Hertogenbosch, minħabba li ma setgħetx tistrieħ fuq l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(k) tal-Wet OB 1968, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat fl-istanza tal-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
13 Peress li qies li s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda għal deċiżjoni preliminari li ġejja:
“Id-dispożizzjoni tas-sentenza introduttiva ta’ l-Artikolu 13B u ta’ l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva tapplika għal attivitajiet ta’ persuna (ġuridika) li teżerċita attivitajiet tipiċi u essenzjali ta’ broker jew aġent ta’ l-assigurazzjoni, li fl-ambitu tagħhom hija tintervjeni għan-nom ta’ broker jew aġent ta’ l-assigurazzjoni ieħor bil-għan li tikkonkludi kuntratti ta’ l-assigurazzjoni?”
Fuq id-domanda għal deċiżjoni preliminari
14 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, peress illi dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jipprevedi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenzi ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, Ġabra p. I-13711, punt 36; tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen, C-472/03, Ġabra p. I-1719, punt 24, u tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig, C-453/05, Ġabra p. I-5083, punt 21).
15 Hija wkoll ġurisprudenza kostanti li l-imsemmija eżenzjonijiet jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li huma intiżi sabiex jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor u li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C-240/99, Ġabra p. I-1951, punt 23; Arthur Andersen, iċċitata iktar’il fuq, punt 25, u Ludwig, iċċitata iktar’il fuq, punt 22).
16 Sabiex id-domanda għal deċiżjoni preliminari tiġi mwieġba b’mod utli, għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja l-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha biss relazzjoni indiretta ma’ parti waħda fuq kuntratt ta’ l-assigurazzjoni li għall-konklużjoni tiegħu hija tikkontribwixxi, permezz ta’ persuna taxxabbli oħra li tkun hija stess f’relazzjoni diretta ma’ dik il-parti, u li magħha l-istess rikorrenti hija marbuta kuntrattwalment, il-provvista ta’ servizzi tagħha għal dan il-għan jappartjenux xorta waħda għall-provvista ta’ servizzi marbuta mat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva.
17 Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li diġà ġie deċiż li r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ broker jew aġent ta’ l-assigurazzjoni tiddependi mill-kontenut ta’ l-attivitajiet in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arthur Andersen, iċċitata iktar’il fuq, punt 32).
18 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, in-natura ta’ l-attivitajiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif deskritti fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, hija mingħajr dubju karatteristika ta’ attivitajiet ta’ broker jew ta’ aġent ta’ l-assigurazzjoni.
19 Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabta bejn il-broker jew l-aġent ta’ l-assigurazzjoni mal-partijiet fuq kuntratt ta’ l-assigurazzjoni li għall-konklużjoni tiegħi jkun ikkontribwixxa, għandu jiġi kkonstatat li la s-Sitt Direttiva u lanqas id-Direttiva tal-Kunsill 77/92/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ aġenti u brokers fl-assigurazzjoni (ex ISIC Grupp 630) u, b’mod partikolari, miżuri tranżitorji fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet (ĠU 1977, L 26, p. 14), ma għandhom indikazzjoni f’dan ir-rigward.
20 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza Taksatorringen, iċċitata iktar’il fuq, li għaliha l-qorti nazzjonali tirreferi fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-espressjoni “[servizzi marbuta magħhom] [i]mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”, li tinsab fl-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva, tkopri biss is-servizzi mogħtija minn professjonisti li jirrelataw ma’ l-assiguratur u ma’ l-assigurat fl-istess ħin.
21 F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż jenfasizza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandha ebda relazzjoni ma’ l-assiguraturi u taġixxi għan-nom u in rappreżentanza ta’ VDL, li hija fil-fatt il-broker u l-aġent ta’ l-assigurazzjoni. Minn dan, dan il-gvern jikkonkludi li r-rikorrenti ma tistax tippretendi l-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva għas-servizzi li hija tipprovdi bħala broker u aġent ta’ l-assigurazzjoni. Dan huwa dak li joħroġ, b’mod iktar partikolari, mill-punti 44 u 33 tas-sentenzi Taksatorringen u Arthur Andersen rispettivament, iċċitati iktar’il fuq.
22 Madankollu, l-argument tal-Gvern Olandiż dwar ir-rabta li s-subaġent kif ukoll il-broker u l-aġent ta’ l-assigurazzjoni għandu jkollhom mal-partijiet fuq il-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni ma jistax jintlaqa’.
23 Fil-fatt, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali m’hijiex formalment marbuta ma’ l-assiguraturi li għalihom taġixxi VDL, hija madankollu għandha relazzjoni indiretta magħhom. B’hekk, permezz tal-ftehim li jorbotha ma’ VDL, li hija hi stess involuta f’relazzjoni kuntrattwali ma’ l-assiguraturi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta taġixxi għan-nom u in rappreżentanza ta’ VDL, tkun indirettament marbuta magħhom.
24 Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza li fuqha l-Gvern Olandiż jibbaża l-interpretazzjoni tiegħu, ma indikatx in-natura tar-relazzjoni li torbot lill-aġent jew lill-broker ta’ l-assigurazzjoni mal-partijiet fuq il-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni u, għaldaqstant, hija ma limitatx in-natura ta’ din ir-relazzjoni għal għamla speċifika.
25 Barra minn hekk, jekk stess il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-attività tal-persuni taxxabbli in kwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Taksatorringen u Arthur Andersen, min-natura tagħha, ma kinitx tappartjeni għal attivitajiet marbuta ma’ tranżazzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni mwettqa minn broker jew aġent ta’ l-assigurazzjoni, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva, hija madankollu ma għażlitx li tevalwa r-relazzjoni li dawn il-persuni taxxabbli kellhom ma’ l-assiguraturi u l-assigurati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq, Taksatorringen, punti 44 sa 46, u Arthur Andersen, punt 36).
26 Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi mċaħħda mill-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva għas-sempliċi raġuni li hija m’għandhiex relazzjoni diretta ma’ l-assiguraturi, li għan-nom tagħhom hija taġixxi indirettament max-xerrejja ta’ l-assigurazzjoni, bħala subaġent ta’ VDL.
27 Min-naħa l-oħra, il-kliem ta’ l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva ma jeskludix, fil-prinċipju, li l-attività ta’ broker u ta’ aġent ta’ l-assigurazzjoni tinqasam f’diversi servizzi distinti li jistgħu jiġu kkunsidrati, bħala tali, li huma inklużi fil-kunċett ta’ “[servizzi marbuta] [mat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ri-assigurazzjoni] [i]mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni” [ara f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, Ġabra. p. I-3017, punt 64; f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(6) ta’ din id-direttiva, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra p. I-4027, punt 67, u, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(1) ta’ l-istess direttiva, is-sentenza Ludwig iċċitata iktar’il fuq, punt 34].
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-prinċipju tan-newtralità fiskali jirriżulta li l-operaturi għandu jkollhom is-setgħa li jagħżlu l-mudell ta’ organizzazzjoni li, minn perspettiva strettament ekonomika, jaqblilhom l-iktar, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li t-tranżazzjonijiet tagħhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva [ara f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, is-sentenza Abbey National, iċċitata iktar’il fuq, punt 68, u, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(1) ta’ din l-istess direttiva, is-sentenza Ludwig, iċċitata iktar’il fuq, punt 35].
29 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda mressqa għandha tiġi mwieġba billi jingħad li l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li broker jew aġent ta’ l-assigurazzjoni ma jkollux relazzjoni diretta mal-partijiet fuq kuntratt ta’ assigurazzjoni jew ta’ ri-assigurazzjoni li għal konklużjoni tiegħu huwa jagħti kontribut, iżda jkollu biss relazzjoni indiretta ma’ dawn ta’ l-aħħar permezz ta’ l-involviment ta’ persuna taxxabbli oħra, li tkun hija stess f’relazzjoni diretta ma’ waħda minn dawn il-partijiet u li magħha dan il-broker jew dan l-aġent ta’ l-assigurazzjoni jkun marbut kuntrattwalment, ma jipprekludix l-eżenzjoni mill-VAT tas-servizz mogħti minn dan ta’ l-aħħar fuq il-bażi ta’ l-istess dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
30 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema Komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li broker jew aġent ta’ l-assigurazzjoni ma jkollux relazzjoni diretta mal-partijiet fuq kuntratt ta’ assigurazzjoni jew ta’ ri-assigurazzjoni li għal konklużjoni tiegħu huwa jagħti kontribut, iżda jkollu biss relazzjoni indiretta ma’ dawn ta’ l-aħħar permezz ta’ l-involviment ta’ persuna taxxabbli oħra, li tkun hija stess f’relazzjoni diretta ma’ waħda minn dawn il-partijiet u li magħha dan il-broker jew dan l-aġent ta’ l-assigurazzjoni jkun marbut kuntrattwalment, ma jipprekludix l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-bażi ta’ din l-imsemmija dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.