Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-31 ta’ Marzu 2009 1(1)

Kawża C-269/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tal-Artikoli 12 KE, 18 KE u 39 KE, u tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna inċentivi pekunjarji għal pensjonijiet ta’ tfaddil”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża mressqa skont l-Artikolu 226 KE tikkonċerna ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kienu adottati għall-promozzjoni tal-istabbiliment ta’ pensjonijiet privati, magħrufin komunement bħala pensjonijiet Riester jew Riesterrente. (2) Id-deċiżjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tippromwovi l-istabbiliment ta’ dawn il-pensjonijiet volontarji, billi jiġu pprovduti inċentivi pekunjarji, kienet motivata minn bidla demografika u pressjoni dejjem tiżdied fuq l-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Għaldaqstant il-pensjonijiet Riester huma maħsuba biex jikkumplimentaw il-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali.

2.        Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta tliet aspetti tal-leġiżlazzjoni dwar il-pensjoni Riester li huma inklużi fl-Artikoli 79 sa 99 tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-“EStG”). (3) Għaldaqstant il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex “[t]iddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 39 KE, l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, [(4)] l-Artikolu 18 KE u l-Artikolu 12 KE billi introduċiet u żammet id-dispożizzjonijiet dwar pensjonijiet tat-tieni pilastru fil-Paragrafi 79 sa 99 tal-[EStG], sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet:

(a)      iċaħħdu lil ħaddiema transkonfinali (u l-konjuġi tagħhom) mid-dritt għal allowance, sakemm ma jkunux kompletament suġġetti għat-taxxa;

(b)      jipprekludu li l-kapital mogħti jintuża għal appartament li jservi bħala residenza tal-persuna li tirċievi l-kapital fid-dar ta’ din l-istess persuna, sakemm din id-dar ma tinsabx fil-Ġermanja;

(ċ)      jirrikjedu l-ħlas lura tal-għajnuna finanzjarja mat-terminazzjoni tal-obbligu ta’ tassazzjoni mhux limitata.”

3.        Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

4.        Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud u li l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

II – Kuntest ġuridiku

A –    Leġiżlazzjoni Komunitarja

5.        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li ġej:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid;

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

B –    Leġiżlazzjoni nazzjonali

6.        Il-Paragrafu 1 tal-EStG jipprovdi li:

“(1) Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma kompletament suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul […]

(2)      […]

(3)      Fuq talba tagħhom, il-persuni fiżiċi li ma għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja, jistgħu ikunu ukoll kompletament suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul sa fejn huma jirċievu dħul li joriġina fil-Ġermanja […] Din l-għażla tapplika biss jekk mill-inqas 90 % tad-dħul tagħhom matul is-sena kalendarja jkun suġġett għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul jew jekk id-dħul tagħhom li ma jkunx suġġett għat-taxxa Ġermaniża ma jaqbiżx EUR 6, 136 għal kull sena kalendarja […]” 

7.        Il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG jipprovdi li persuni assigurati taħt l-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali jistgħu jnaqqsu ta’ kull sena bħala spejjeż speċjali, sa ċertu limitu, ħlasijiet li jsiru fit-tfaddil għall-pensjoni tagħhom flimkien mal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni mogħti skont il-Paragrafu 79 et seq. Il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG jipprovdi wkoll li, minbarra dawk il-persuni assigurati taħt l-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, kategoriji oħra ta’ persuni jistgħu jiġu ttrattati bħala persuni assigurati taħt din l-iskema. Il-Paragrafu 10(a)(2) tal-EStG jirregola r-relazzjoni bejn it-tnaqqis ta’ ħlasijiet ta’ tfaddil għall-pensjoni u l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni u jipprovdi li għandha tiġi applikata l-iskema li hi l-iktar vantaġġjuża għall-persuni taxxabbli

8.        L-Artikolu 79 tal-EStG, intitolat “Benefiċjarji ta’ vantaġġ pekunjarju”, jipprovdi li:

“Persuni taxxabbli li huma kompletament suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul u huma benefiċjarji skont il-Paragrafu 10(a)(1) huma intitolati għal bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni (bonus). Fil-każ ta’ koppji miżżewġin li ssodisfaw il-kundizzjonijiet ipprovduti fil-Paragrafu 26(1) u fejn wieħed mill-konjuġi huwa benefiċjarju taħt l-ewwel inċiż, il-konjuġi l-ieħor jista’ ukoll jikseb il-bonus jekk jeżisti kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni f’isimhom.”

9.        Il-Paragrafu 26 tal-EStG jeżiġi li, bħala prinċipju, il-konjuġi tal-benefiċjarju għandu wkoll ikun kompletament suġġett għal taxxa fuq id-dħul personali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

10.      Il-Paragrafu 83 tal-EStG, intitolat “Bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni”, jipprovdi li:

“Bonus li jikkonsisti f’għotja bażika (Paragrafu 84) u suppliment għat-tfal (Paragrafu 85) għandu jingħata skont il-ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni.”

11.      Il-Paragrafu 92(a) tal-EStG essenzjalment jipprovdi li l-benefiċjarju tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jista’ juża mill-inqas EUR 10 000 mill-kapital issussidjat akkumulat taħt il-kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni għax-xiri jew il-kostruzzjoni ta’ dar għall-abitazzjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-għanijiet ta’ abitazzjoni personali. L-ammont massimu li jista’ jintuża huwa ta’ EUR 50 000.

12.      L-Artikolu 93 tal-EStG, intitolat “Użu li jikkawża preġudizzju”, jipprovdi li fl-eventwalità ta’ użu li jikkawża preġudizzju għall-kapital issussidjat tat-tfaddil għall-pensjoni, il-benefiċjarju għandu jirrifondi l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni li jkun irċieva flimkien mal-ammonti mnaqqsa bħala spejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10a tal-EStG. Il-Paragrafu 94 tal-EStG jistabbilixxi l-proċedura applikabbli għall-eventwalità ta’ użu li jikkawża preġudizzju.

13.      Il-Paragrafu 95(1) tal-EStG essenzjalment jipprovdi li l-Paragrafi 93 u 94 tal-EStG għandhom japplikaw mutatis mutandis meta l-benfiċjarju ma jibqax iktar domiċiljat jew residenti b’mod abitwali fil-Ġermanja u għaldaqstant ma jibqax iktar suġġett għal kollox għat-taxxa, jew ma tkunx saret talba skont il-Paragrafu 1(3) tal-EStG. Il-Paragrafu 95(2) tal-EStG jipprovdi li fuq talba tal-benefiċjarju r-rimbors tas-somma inkwistjoni jista’ jiġi posposta għall-bidu tal-istadju tal-ħlas. Il-moratorju jiġi estiż bil-kundizzjoni li mill-inqas 15 % tal-ħlasijiet taħt il-kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni jintużaw għall-għanijiet ta’ rimbors.

III – Il-proċedura prekontenzjuża

14.      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar id-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ tliet aspetti tal-leġiżlazzjoni dwar il-pensjonijiet Riester mad-dritt Komunitarju. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tad-19 Frar 2004 billi ddikjarat li ma kinitx tqis li l-leġislazzjoni inkwistjoni kienet tikser id-dritt Komunitarju.

15.      Fid-19 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn stqarret mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha kif imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni u stiednet lil dan l-Istat Membru biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata sa mhux iktar minn xahrejn minn meta rċevieha. Billi ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba tal-awtoritajiet Ġermaniżi għal din l-opinjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-kawża preżenti li kienet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2007.

IV – Il-kawża

A –    L-ewwel ilment

1.      L-argumenti tal-partijiet

16.      Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu skont il-Paragrafu 79 tal-EStG li persuna tkun kompletament suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja sabiex tibbenefika mill-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jikkostitwixxi diskriminazzjoni moħbija abbażi ta’ nazzjonalità u għaldaqstant imur kontra l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Il-Kummissjoni tenfasizza l-isfond għall-introduzzjoni tal-bonus u l-fatt li kien introdott biex jiġu ssussidjati ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni u għalhekk biex tingħata għajnuna lil individwi fit-tfassil ta’ pensjoni kumplementari sabiex tiġi ssupplimentata l-pensjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali.

17.      Il-Kummissjoni essenzjalment tqis li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni hu “vantaġġ soċjali” skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni inkwistjoni, skont il-Kummissjoni jingħata ‘ġeneralment’ lil individwi abbażi tal-istatus oġġettiv tagħhom bħala ħaddiema. L-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tħejjija għall-irtirar hija parti integrali mill-ħajja professjonali. Hija l-attività professjonali li tipprovdi l-bażi ekonomika għal dik it-tħejjija. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni huwa maħsub, inter alia, biex jissupplimenta din il-bażi ekonomika.

18.      Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federal tal-Ġermanja ma tikkontestax il-fatt li huma qabel kollox l-individwi li huma suġġetti għal kuntratt ta’ impjieg li jibbenefikaw minn pensjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali u li għaldaqstant huma l-benefiċjarji prinċipali tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni. Il-fatt li jeżistu benefiċjarji addizzjonali tal-bonus sempliċement juri li l-għan soċjali mfittex fir-rigward tal-ħaddiema ġie estiż għal oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni simili fir-rigward tal-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Il-Kummissjoni ssostni li l-bonus, li jidher f’parti tal-EStG separata mid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-possibbiltà li jitnaqqsu bħala spejjeż speċjali ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni sa ċertu limitu, jikkostitwixxi għajnuna minima li mhijiex progressiva fir-rigward ta’ dħul u ġiet adottata sabiex jiġu protetti dawk l-individwi li huma partikolarment affettwati bir-riforma tal-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari dawk li għandhom dħul modest jew li għandhom familji kbar. Din l-istruttura mhux monolitika tiżgura li konjuġi li ma jeżerċitawx xi attività għandhom dritt awtonomu għal bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni skont il-Paragrafu 79(2) tal-EStG.

19.      Il-Kummissjoni tqis li f’kull każ il-kunċett ta’ vantaġġ soċjali jinkludi, skont il-ġurisprudenza dwar is-suġġett, vantaġġi mogħtija bħala konsegwenza tar-residenza tal-benefiċjarju fit-territorju nazzjonali. Din il-ġurisprudenza tapplika għal din il-kawża. Barra minn hekk, il-fatt li l-għoti tal-bonus huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jikkonkludi kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni ma jfissirx li l-vantaġġ mhuwiex marbut mal-istatus oġġettiv tagħhom bħala ħaddiema jew residenti. Vantaġġi soċjali huma suġġetti b’mod regolari għal kundizzjonijiet li jirriflettu l-għan soċjali tagħhom. Dan l-approċċ jikkorrispondi ukoll għall-għan tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/1968 li huwa li jiffaċilita l-moviment ħieles ta’ ħaddiema fi ħdan il-Komunità. Ħaddiema minn Stati Membri oħra huma ġeneralment fl-istess pożizzjoni bħal ħaddiema Ġermaniżi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw tħejjija għall-irtirar u huma bl-istess mod ikkonċernati bit-tnaqqis fil-livell tal-iskema tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali Ġermaniża li għaliha jħallsu kontribuzzjonijiet. Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, (5) jipprovdi li minn perspettiva ta’ sigurtà soċjali, persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat anki jekk tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Din ir-regola tinkludi l-każ ta’ ħaddiema transkonfinali li huma suġġetti għall-ħlas tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru fejn huma impjegati sakemm ma jkunux ukoll impjegati fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-Paragrafu 79 tal-EStG jagħmel distinzjoni bejn ħaddiema li huma residenti fil-Ġermanja u ħaddiema transkonfinali billi jissuġġetta l-għoti tal-bonus għall-kundizzjoni li benefiċjarju jkun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja. B’konsegwenza tat-termini tal-Paragrafu 1 tal-EStG, din il-kundizzjoni hi sinonima mal-obbligu ta’ residenza fil-Ġermanja u għalhekk teskludi ħaddiema transkonfinali. Peress li l-maġġoranza tal-persuni mhux residenti huma persuni li mhumiex ċittadini ta’ dan l-Istat Membru din il-kundizzjoni għaldaqstant tikkostitwixxi diskriminazzjoni moħbija minħabba ċittadinanza. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ħaddiema inkwistjoni mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux jagħżlu li jiġu ntaxxati fil-Ġermanja skont il-Paragrafu 1(3) tal-EStG b’riżultat ta’ ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn dawn l-Istati Membri u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

20.      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tikkonċerna n-natura volontarja tal-pensjonijiet ta’ tfaddil, il-Kummissjoni tosserva li l-klassifikazzjoni ta’ vantaġġ bħala ‘vantaġġ soċjali’ mhijiex dipendenti fuq l-eżistenza ta’ elementi li jikkaratterizzaw ħlasijiet tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari, l-aspett obbligatorju tiegħu li hu ġeneralment assenti fil-kuntest ta’ vantaġġi soċjali. Madankollu, sistema volontarja tista’ tikkomplementa sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja bħal fil-każ preżenti meta l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jkun intiż sabiex tiġi stabbilita pensjoni li tissupplimenta l-pensjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali.

21.      Il-Kummissjoni tqis li b’kuntrast mal-pożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni mhuwiex vantaġġ ta’ taxxa skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-bonus ma jaffettwax in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-Istat iżda pjuttost in-naħa tan-nefqa. Il-Kummissjoni tikkunsidra li f’kull każ mhuwiex rilevanti jekk il-bonus jiġix ikklassifikat bħala vantaġġ ‘soċjali’ jew ‘ta’ taxxa’ peress li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jiżgura li l-vantaġġi ta’ taxxa għandhom jingħataw ukoll lill-ħaddiema transkonfinali.

22.      Il-Kummissjoni tqis li skont is-sentenza Schumacker, (6) ħaddiema transkonfinali għandhom jiġu assimilati, iktar milli jiġu distinti fil-konfront ta’ ħaddiema residenti peress li l-ħaddiema transkonfinali inkwistjoni huma affiljati mas-sistema ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża u għaldaqstant huma fl-istess pożizzjoni ta’ ħaddiema residenti fil-Ġermanja fir-rigward tad-drittijiet tal-pensjoni futura tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-ħaddiema transkonfinali inkwistjoni jirċievu b’mod ġenerali d-dħul kollu tagħhom fil-Ġermanja. Barra dan, il-Kummissjoni tinnota li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-fatt li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jifforma parti intergrali mir-riforma tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali.

23.      Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jikkonċernaw il-koeżjoni fiskali, (7) il-Kummissjoni tosserva li dawn l-argumenti mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Il-fatt li titħallas pensjoni minn Stat Membru partikolari lil residenti ta’ Stat Membru ieħor u li din il-pensjoni tista’ tiġi ntaxxata mill-Istat Membru ta’ residenza joriġina mid-diviżjoni tal-kompetenza tal-impożizzjoni ta’ taxxi miftiehma bejn iż-żewġ Stati skont ftehim dwar it-tassazzjoni doppja. Il-ftehim bejn l-Istati Membri għaldaqstant jiżgura koeżjoni fiskali. Barra minn hekk, meta Stati Membri jkunu kkonkludew ftehim dwar it-tassazzjoni doppja fir-rigward tat-tassazzjoni tal-pensjonijiet, joħroġ ċar mis-sentenza Wielockx (8) li “il-koeżjoni fiskali ma għandhiex tiġi stabbilita fir-rigward tal-istess persuna permezz ta’ korrelazzjoni stretta bejn it-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet u t-tassazzjoni ta’ pensjonijiet iżda titqiegħed fuq livell differenti, dak tar-reċiproċità tar-regoli applikabbli fl-Istati Kontraenti”. (9)

24.      Il-Kummissjoni ssostni li skont il-Paragrafu 85 tal-EStG l-ammont tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jiddependi fuq in-numru ta’ tfal dipendenti tal-individwu inkwistjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu li dan l-individwu jkun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja sabiex jikseb il-benefiċċju inkwistjoni jikser l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Barra minn hekk, il-Paragrafu 79(2) tal-EStG jipprovdi għal dritt derivat għall-konjuġi ta’ benefiċjarji tal-bonus sakemm il-konjuġi jkun ukoll kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni tqis li skont il-ġurisprudenza stabbilita dwar il-materja, (10) il-ħtieġa li l-konjuġi tal-ħaddiem ikun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja wkoll jikser l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

25.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-obbligu li wieħed ikun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja skont il-Paragrafu 79(1) tal-EStG ma jikkostitwix ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jew tal-Artikolu 39(2) KE.

26.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva li l-EStG tipprovdi għal żewġ strumenti li jagħtu inċentivi ta’ taxxa biex tiġi stabbilita pensjoni komplimentari, b’mod partikolari l-possibbiltà li jitnaqqsu spejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG u d-dritt għal bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni skont il-Paragrafu 79 et seq tal-EStG. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li, bil-kontra ta’ dak li qed issostni l-Kummissjoni, il-bonus inkwistjoni mhuwiex vantaġġ soċjali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 iżda pjuttost vantaġġ ta’ taxxa.

27.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li l-għoti tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni mhuwiex marbut mal-istatus oġġettiv tal-benefiċjarju bħala ħaddiem jew residenti.

28.      Għaldaqstant ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li b’konformità mal-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG, li għalih jagħmel riferiment l-Paragrafu 79 tal-EStG, id-dritt għall-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni ma jiddependix fuq il-każ fejn il-benefiċjarju jkun ħaddiem mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju peress li dan id-dritt jingħata wkoll lil persuni li mhumiex ħaddiema b’salarju. Barra minn hekk, grupp mhux negliġibbli ta’ ħaddiema huma mitluba jaderixxu għal skemi ta’ assigurazzjoni professjonali li huma speċifiċi għall-professjoni tagħhom (pereżempju tobba u dentisti) u dawn ma jistgħux inaqqsu ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni bħala spejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG u b’konsegwenza ta’ dan ma jibbenefikawx mill-bonus. Barra minn dan, l-għoti tal-bonus ma jiddependix fuq li wieħed ikun komunement residenti fil-Ġermanja. L-obbligi taħt il-Paragrafi 10(a) u 79 tal-EStG li wieħed ikun assigurat taħt l-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali u li wieħed ikun kompletament taxxabbli fil-Ġermanja mhumiex marbuta mal-ħtieġa ta’ domiċilju. F’dan ir-rigward, il-ħtieġa li wieħed ikun assigurat taħt l-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali skont il-Paragrafu 10(a) tal-EStG hija marbuta mal-post tal-impjieg u mhux mar-residenza kif wieħed jista’ jara mill-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Fir-rigward tal-ħtieġa li wieħed ikun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja, din mhijiex marbuta mar-residenza hemmhekk, peress li skont il-Paragrafu 1(3) tal-EStG, il-ħaddiema transkonfinali jistgħu jagħżlu li jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja. Barra minn hekk, sabiex tibbenefika mill-bonus, persuna għandha, b’kuntrast ma’ ħlasijiet obbligatorji għall-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali, tikkonkludi b’mod volontarju kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni ma’ assiguratur privat u tagħmel il-ħlasijiet meħtieġa. Din il-ħtieġa mhijiex marbuta mal-istatus oġġettiv tal-benefiċjarju bħala ħaddiem jew bħala resident. Barra minn hekk, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-għan imfittex mil-leġiżlatur meta adotta l-miżura inkwistjoni jista’ ma jiddeterminax il-kwalifika legali tagħha. Sabiex tipprovdi inċentivi biex jiġu stabbiliti pensjonijiet privati kumplimentari, il-leġiżlatur Ġermaniż għażel soluzzjoni li hi bbażata fuq il-liġi tat-taxxa, minkejja l-fatt li kien iggwidat minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali.

29.      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-bonus inkwistjoni huwa vantaġġ tat-taxxa skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru  1612/68. Il-Paragrafu 79 et seq. tal-EStG jipprovdi li sabiex tibbenefika mill-bonus inkwistjoni wieħed għandu jkun f’pożizzjoni li jnaqqas spejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-Paragrafu 10(1)(a) tal-EStG huwa l-iktar dispożizzjoni importanti tal-inċentivi tat-taxxa biex tiġi stabbilita pensjoni kumplimentari. Dan hu evidenti mit-titolu uffiċjali ta’ din id-dispożizzjoni (tfaddil “għall-pensjoni” kumplimentari’) kif ukoll mill-fatt li l-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG, li għalih jirreferi l-Paragrafu 79 tal-EStG, fir-rigward tad-dritt għall-bonus, jiddefinixxi l-grupp ta’ persuni li huma intitolati għall-inċentivi fiskali inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Paragrafu 10(a) tal-EStG jipprovdi għall-hekk imsejħa “l-iskema l-iktar vantaġġjuża” li tiddetermina jekk persuna li tħallas it-taxxa tistax tkun intitolata għal tnaqqis ta’ taxxa fir-rigward ta’ ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni minbarra l-ammont tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza r-rabta mill-qrib bejn it-tnaqqis ta’ spejjeż speċjali u l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni li hi evidenti mhux biss mir-referenzi reċiproċi li hemm fil-leġiżlazzjoni nnifisha iżda anki mill-fatt li l-bonus huwa ħlas bil-quddiem tat-tnaqqis fit-taxxa li jirriżulta mit-tnaqqis ta’ spejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG. Għaldaqstant il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jippermetti li l-benefiċjarji jiksbu, qabel mhuma jippreżentaw id-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom, parti mit-tnaqqis fit-taxxa li għaliha huma intitolati b’riżultat tal-ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jaffettwa n-naħa tad-dħul tal-baġit tal-Istat peress li ġaladarba l-ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni huma eżenti mit-taxxa, id-dħul mit-taxxa jonqos.

30.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li fil-każ preżenti ma hemmx trattament diskriminatorju fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva li skont ġurisprudenza stabbilita d-diskriminazzjoni tista’ tirriżulta biss mill-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew mill-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti. (11) Barra minn hekk, fis-sentenza Meindl il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “[f]ir-rigward ta’ taxxi diretti, is-sitwazzjoni tar-residenti u dik tal-persuni li mhumiex residenti fi Stat mhumiex, bħala prinċipju, komparabbli għaliex id-dħul irċevut fit-territorju ta’ Stat minn persuna li mhijiex residenti jikkostitwixxi biss, fil-biċċa l-kbira, parti mid-dħul globali tagħha, li jkun ikkonċentrat fil-post tar-residenza tagħha, u għaliex il-kapaċità personali tal-persuna li mhijiex residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata bl-iktar mod faċli fil-post fejn hija għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha, li normalment ikun il-post tar-residenza abitwali tagħha”. (12)

31.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaldaqstant tqis li skont is-sentenza Schumacker (13) bħala prinċipju huwa l-Istat ta’ residenza u mhux l-Istat ta’ impjieg li għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali ta’ ħaddiema mhux residenti. F’dan ir-rigward, fid-dawl tas-sentenza Gschwind, (14) jekk ħaddiem transkonfinali jirċievi ’l fuq minn 90 % tad-dħul tiegħu fil-Ġermanja, huwa jista’ jagħżel li jkun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja u b’hekk inaqqas l-ispejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG u jikseb il-bonus skont il-Paragrafu 79 et seq tal-EStG. Barra minn hekk, sa fejn skont il-ftehim dwar it-tassazzjoni doppja konkluż bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mar-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Awstrija, ħaddiema transkonfinali huma taxxabbli fl-Istat ta’ residenza tagħhom, huwa dak l-Istat li għandu jiieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali ta’ dawn il-ħaddiema u li hu kompetenti biex jagħti vantaġġi fiskali. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dritt li timponi taxxa, hija mhijiex meħtieġa li tagħti vantaġġ fiskali intiż sabiex jinċentiva l-istabbiliment ta’ pensjoni komplementari indipendentement minn jekk jingħatawx vantaġġi analogi fi Franza u fl-Awstrija. F’kull każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermamnja tinnota li kemm Franza kif ukoll l-Awstrija jipprovdu inċentivi pekunjarji biex jiġu stabbiliti pensjonijiet tat-tfaddil bħal dawn.

32.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li ma hemm ebda diskriminazzjoni pprojbita, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Geven qalet li vantaġġ soċjali jista’ jiġi limitat għal dawk li għandhom konnessjoni biżżejjed mill-qrib mas-soċjetà Ġermaniża mingħajr ma rriżervat din l-allowance esklużivament għal persuni li jirrisjedu fil-Ġermanja. (15) B’hekk il-leġiżlatur Ġermaniż kellu l-intenzjoni li jipprovdi inċentivi biex jiġi stabbilita tfaddil għall-pensjoni għal dawk il-persuni li għandhom rabta biżżejjed mill-qrib mas-soċjetà Ġermaniża mingħajr ma jirrikjedi strettament li dawn l-inċentivi jkunu suġġetti għal ħtieġa ta’ residenza fit-territorju nazzjonali. In-nuqqas ta’ din il-ħtieġa jista’ jiġi osservat mill-kliem tal-Paragrafu 1(3) tal-EStG li jipprovdi l-possibbiltà lill-ħaddiem transkonfinali li jagħżel li jkun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja u għalhekk jibbenefika mill-bonus inkwistjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li dawk il-ħaddiema transkonfinali li s-sitwazzjoni tagħhom hija rregolata permezz ta’ ftehim dwar it-tassazzjoni doppja ma għandhomx dawn ir-rabtiet biżżejjed mill-qrib ma’ dan l-Istat Membru u għaldaqstant minn perspettiva legali huma marbutin integralment mal-Istat ta’ residenza tagħhom.

33.      Fir-rigward tal-bonus mogħti lill-konjuġi, (16) ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li Paragrafu 79(2) tal-EStG ma jiksirx l-Artikolu 39(2) KE jew l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 peress li konjuġi li mhuwiex residenti fil-Ġermanja jista’ jikseb il-bonus inkwistjoni li hu riżervat għal dawk li huma kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja jekk iż-żewġ konjuġi jagħżlu li jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa f’dan l-Istat Membru u sakemm 90 % tad-dħul komuni tal-konjuġi jiġi ntaxxat fil-Ġermanja u d-dħul tagħhom intaxxat barra l-pajjiż ma jaqbiżx EUR 12, 272.

34.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll, alternattivament, li f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li teżisti diskriminazzjoni indiretta, din id-diskriminazzjoni hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ koeżjoni fiskali. Il-bonus mogħti skont il-Paragrafu 79 tal-EStG, u l-possibbiltà li jitnaqqsu spejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(1)(a) tal-EStG, jikkorrispondu għal tnaqqis jew vantaġġ fiskali fir-rigward ta’ ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni. Dan il-vantaġġ hu kontrobilanċjat mill-possibbiltà għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tintaxxa fi stadju ulterjuri l-ħlasijiet kollha mill-kuntratti tal-pensjonijiet ta’ tfaddil skont il-Paragrafu 22(5) tal-EStG.

2.      Evalwazzjoni

35.      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tqis li l-Paragrafu 79 tal-EStG jikser l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 minħabba li dan jirrikjedi li l-ħaddiema transkonfinali u l-konjuġi tagħhom ikunu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni previst f’din id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali.

36.      L-argumenti tal-partijiet fir-rigward ta’ dan l-ilment l-ewwel nett jiffukaw fuq jekk il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni għandux jiġi kklassifikat bħala vantaġġ soċjali jew fiskali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u t-tieni nett, jekk l-esklużjoni ta’ ħaddiema transkonfinali li mhumiex għal kollox suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja milli jibbenefikaw minn dan il-bonus tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità kontra dawn il-ħaddiema, bil-partijiet fil-proċeduri legali jaqblu li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 hu tabilħaqq applikabbli għall-bonus inkwistjoni.

37.      Fl-ewwel lok ser neżamina jekk inqisx li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni għandux jiġi kklassifikat bħala vantaġġ soċjali jew fiskali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 qabel ma neżamina jekk l-obbligu impost mill-Paragrafu 79 tal-EStG li wieħed ikun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja sabiex jibbenefika mill-bonus huwiex ta’ natura diskriminatorja jew le.

38.      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2008 li dan l-ilment jikkonċerna biss ħaddiema transkonfinali li huma taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Il-Kummissjoni osservat waqt is-seduta li l-“ewwel ilment hu limitat għal dawk il-każijiet fejn dan id-dritt ta’ taxxa jingħata esklussivament lill-Istat ta’ residenza ġar”. Madankollu l-Kummissjoni enfasizzat li dan l-ilment mhuwiex limitat għal ħaddiema transkonfinali mir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Awstrija li ma jistgħux jagħżlu li jiġu ntaxxati fil-Ġermanja skont il-Paragrafu 1(3) tal-EStG. Barra minn hekk, f’din il-kawża l-Kummissjoni qed titlob li tingħata dikjarazzjoni li jeżisti ksur biss fir-rigward tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni u tal-possibbiltà li jitnaqqsu ċerti ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG.

39.      Sa fejn naf jien il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx speċifikament dwar id-differenza jew xort’oħra bejn il-vantaġġi pprovduti mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “vantaġġi soċjali” għandhom ikopru “il-vantaġġi kollha li, kemm jekk huma jew mhumiex marbuta ma’ kuntratt ta’ impjieg, jinagħtaw ġeneralment lill-ħaddiema nazzjonali minħabba l-istatus oġġettiv tagħhom bħala ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali u l-estensjoni ta’ dawn il-vantaġġi għal ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher, għaldaqstant, li tiffaċilita ċ-ċaqliq tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea” (17) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-riferiment għal “vantaġġi soċjali” f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi interpretata b’mod restrittiv. (18)

40.      Sabiex jiġi aċċertat jekk il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni huwiex vantaġġ soċjali jew fiskali huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-għan tiegħu kif ukoll il-kundizzjonijiet li fuqhom jingħata, u mhux sempliċement il-klassifikazzjoni tiegħu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-fatt li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-għoti tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni huma inklużi fil-liġi tat-taxxa tad-dħul Ġermaniża mhuwiex deċiżiv, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi ddeterminata n-natura jew il-kwalifika legali tiegħu u għaldaqstant jekk għandux jiġi kklassifikat bħala vantaġġ soċjali jew fiskali għall-iskopijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

41.      Huwa ċar mid-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-għan li tinċentiva l-istabbiliment ta’ pensjonijiet Riester permezz ta’ bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni u l-possibbiltà li jitnaqqsu bħala spejjeż speċjali ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni mid-dħul taxxabbli. Barra minn hekk, huwa magħruf li l-istabbiliment ta’ skema ta’ pensjoni Riester kienet motivata minn bidla demografika fil-Ġermanja kif ukoll mill-bżonn ta’ riforma fis-sistema tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali. Għaldaqstant il-pensjoni Riester hija maħsuba sabiex tissupplimenta s-sistema tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali, fejn il-livell ta’ ħlasijiet jitnaqqas minnha fil-futur. L-iskema ta’ pensjoni Riester hija għaldaqstant direttament immirata lejn dawk l-individwi li huma milquta mir-riforma tal-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali.

42.      Fil-fehma tiegħi, huwa evidenti mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u tabilħaqq dan ma ġiex ikkontestat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li r-raġunijiet li mmotivaw l-għoti tal-inċentivi ta’ flus inkwistjoni (19) kienu li jiġi żgurat li persuni rtirati jkollhom pensjoni adegwata fi tmiem il-ħajja professjonali tagħhom. Għaldaqstant inqis li l-għoti tal-inċentivi pekunjarji inkwistjoni huwa mmotivat minn kunsiderazzjonijiet soċjali.

43.      Filwaqt li naqbel mal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-għan soċjali ta’ vantaġġ nazzjonali mhuwiex biżżejjed fih innifsu biex jikkwalifika dan il-vantaġġ bħala ‘vantaġġ soċjali’ skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, inqis, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-għan imfittex mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-għoti tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jiffavorixxi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala vantaġġ soċjali. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-frażi ‘vantaġġ soċjali’ fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jinkludi dħul iggarantit lil persuni anzjani bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. (20)

44.      Il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni Riester u ħlasijiet f’din l-iskema huma kjarament ta’ natura volontarja. Madankollu, fil-fehma tieghi, b’kuntrast mal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, in-natura volontarja tal-iskema ta’ pensjoni Riester ma tnaqqas xejn mill-fatt li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni mogħti skont il-Paragrafu 79 tal-EStG huwa inċentiv pekunjarju pprovdut taħt il-liġi Ġermaniża biex jiżgura li l-benefiċjarji, anki jekk fuq kollox b’inizjattiva tagħhom, jiġu ggarantiti dħul suffiċjenti fl-età anzjana tagħhom. Fil-fehma tiegħi, bħala prinċipju, huwa kontra l-għan u l-ispirtu tar-regoli Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jekk vantaġġ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ soċjali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 sempliċement minħabba n-natura volontarja tal-iskema li tagħti dan il-vantaġġ. (21)

45.      Huwa paċifiku f’din il-kawża li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jingħata, inter alia, lil persuni li jistgħu ma jiġux ikklassifikati bħala ħaddiema skont l-Artikolu 39 KE u li xi ħaddiema jistgħu fil-fatt ma jibbenefikawx mill-bonus peress li huma koperti minn sistemi ta’ pensjoni differenti mill-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-siġurtà soċjali u għalhekk mhumiex milquta mir-riformi għal din l-aħħar skema. Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huma qabel kollox ħaddiema li jirċievu salarju li jibbenefikaw mill-pensjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali u għaldaqstant huma l-mira prinċipali tal-iskema ta’ pensjoni Riester u fl-aħħar mill-aħħar il-benefiċjarji prinċipali tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni. (22) In-nuqqas ta’ korrelazzjoni perfetta bejn il-benefiċjarji potenzjali tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni u t-tifsira ta’ ħaddiem skont l-Artikolu 39 KE, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi ma jippreġudikawx il-fatt li l-bonus, fi kliem il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jingħata ‘ġeneralment’ lil ħaddiema nazzjonali minħabba l-istatus oġġettiv tagħhom ta’ ħaddiema u hu mmirat biex jiżgura li jiġi ggarantit li dawn il-ħaddiema jkollhom dħul biżżejjed fl-età anzjana tagħhom, fid-dawl tar-riforma tal-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. (23) Għalhekk inqis li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni, kif ġie sostnut mill-Kummissjoni, ġeneralment jingħata lil individwi abbażi tal-istatus oġġettiv tagħhom ta’ ħaddiema.

46.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppruvat turi fis-sottomissjonijiet tagħha li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni huwa vantaġġ fiskali iktar milli vantaġġ soċjali peress li dan il-bonus huwa irrimedjabbilment marbut mal-possibbiltà li jitnaqqsu l-ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni sa ċertu limitu bħala spejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG. Fil-fatt, dan l-Istat Membru jsostni li l-bonus huwa sempliċement ħlas bil-quddiem ta’ tnaqqis sussegwenti ta’ taxxa li tiġi stmata skont il-Paragrafu 10(a)(2) tal-EStG. Madankollu nqis li filwaqt li jeżistu rabtiet ovvji bejn il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni u l-possibbiltà li jitnaqqsu ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni, mhux inqas minħabba li t-tnejn li huma kienu mmotivati mir-riforma tal-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, il-bonus huwa għajnuna minima li jitħallas mat-tfaddil għall-pensjoni tal-benefiċjarju (24) irrispettivament mid-dħul ta’ din il-persuna. Il-possibbiltà li jitnaqqsu ħlasijiet magħmula abbażi tat-tfaddil għall-pensjoni sa ċertu limitu bħala spejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG hija, fil-fehma tiegħi, vantaġġ separat u addizzjonali li jista’ jinkiseb skont il-livell tad-dħul tal-persuna u huwa diviżibbli ekonomikament mill-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni.

47.      Għaldaqstant inqis li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni inkwistjoni f’din il-kawża huwa vantaġġ soċjali skont il-kliem tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

48.      Ġaldarba nqis li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni huwa vantaġġ soċjali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, sejjer neżamina l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni minn din il-perspettiva u mhux minn perspettiva fiskali.

49.      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni, għandu jitfakkar li r-regola tat-trattament ugwali li tinsab kemm fl-Artikolu 39 tat-Trattat KE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 tipprekludi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara bbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat. Sakemm tkun oġġettivament ġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex, dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja jekk intrinsikament tista’ taffettwa ħaddiema li jimmigraw iktar minn ħaddiema nazzjonali u jekk ikun hemm riskju konsegwenti tal-ewwel jitqiegħed fi żvantaġġ partikolari. (25)

50.      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, ħaddiem li jimmigra jgawdi l-istess vantaġġi soċjali bħal dawk mogħtija lil ħaddiema nazzjonali. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ ħaddiem imsemmi minn din id-dispożizzjoni jkopri l-ħaddiema li jgħixu mal-fruntiera li huma intitolati li jinvokawha bl-istess mod bħall-ħaddiema msemmija minn din id-dispożizzjoni. (26)

51.      Fis-sottomissjonijiet tagħha l-Kummissjoni sostniet li skont il-Paragrafu 1 tal-EStG, l-obbligu li wieħed ikun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja huwa sinonimu mar-residenza f’dan l-Istat Membru, fejn b’hekk ħaddiema transkonfinali jiġu effettivament esklużi milli jibbenefikaw mill-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni. Filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat din l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, dan l-Istat Membru effettivament ammetta fis-sottomissjonijiet tiegħu li ssir distinzjoni bejn ħaddiema residenti u ħaddiema transkonfinali mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tal-għoti tal-bonus peress li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jagħżlu li jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja. Fir-rigward ta’ ħaddiema transkonfinali oħrajn huwa ċar mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dawn il-ħaddiema li mhumiex residenti jew domiċiljati fil-Ġermanja ma jistgħux jibbenefikaw mill-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni sakemm ma jagħżlux, skont il-Paragrafu 1(3) tal-EStG, li jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja.

52.      Għaldaqstant inqis li, bħala prinċipju, persuni mhux residenti huma esklużi milli jibbenefikaw mill-bonus. Barra minn hekk, bil-kontra tal-pretensjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma nqisx li l-faċilità għal ċerti ħaddiema transkonfinali li jagħżlu li jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja skont il-Paragrafu 1(3) tal-EStG tbiddel din il-konstatazzjoni. F’kull każ, l-għażla li wieħed ikun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja mhijiex possibbli sakemm 90 % tad-dħul tal-ħaddiem inkwistjoni ma jkunx taxxabbli fil-Ġermanja u d-dħul tagħhom li mhuwiex taxxabbli fil-Ġermanja ma jaqbiżx EUR 6, 136. (27) Fil-fehma tiegħi, meta wieħed iqis l-obbligi onerużi imposti fuq il-ħaddiema transkonfinali inkwistjoni sabiex jiksbu l-istatus li jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja, inqis li minn tal-inqas uħud minn dawn il-ħaddiema huma effettivament esklużi milli jibbenefikaw mill-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni minħabba l-Istat ta’ residenza tagħhom. Peress li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja persuni mhux residenti huma ħafna drabi persuni li mhumiex ċittadini ta’ dak il-pajjiż, (28) għaldaqstant inqis li f’din il-kawża ġie stabbilit mill-Kummissjoni li l-kundizzjoni li wieħed ikun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja imposta mill-Paragrafu 79 tal-EStG sabiex jibbenefika minn vantaġġ soċjali, tista’ tintlaħaq iktar faċilment minn ħaddiema Ġermaniżi milli minn ħaddiema transkonfinali minn Stati Membri oħra u għaldaqstant tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta pprojbita mill-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

53.      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jien ma nqisx li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-nuqqas ta’ konnessjoni suffiċjentement mill-qrib mas-soċjetà tal-Istat Membru li jagħti l-vantaġġ soċjali fil-każ Geven (29) hi applikabbli f’din il-kawża.

54.      Il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni huwa vantaġġ soċjali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 li jingħata bħala parti mir-riformi għall-iskema ta’ pensjoni tas-sigurtà soċjali Ġermaniża. Huwa ċar mill-kliem tal-Paragrafi 10(a)(1) u 79 tal-EStG li ħaddiem transkonfinali għandu, inter alia, jkun assigurat taħt l-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali fil-Ġermanja sabiex jikseb il-bonus. Din il-kundizzjoni, li bl-ebda mod mhija kkontestata mill-Kummissjoni f’din il-kawża, tiżgura li l-ħaddiema transkonfinali inkwistjoni jkollhom l-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet għas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża. Barra dan, jien nixtieq nenfasizza l-fatt li ħaddiema trasnkonfinali huma xorta waħda affettwati bir-riformi fis-sistema tas-sigurtà soċjali bħala ħaddiema li huma residenti/kompletament suġġetti għat-taxxa fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. (30) Fil-fehma tiegħi, il-ħaddiema transkonfinali inkwistjoni f’din il-kawża għaldaqstant għandhom rabta biżżejjed mill-qrib mas-soċjetà Ġermaniża sabiex jibbenefikaw mill-vantaġġ soċjali inkwistjoni. (31)

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, inqis ukoll li l-ħtieġa li ħaddiem transkonfinali jkun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja sabiex jibbenefika mis-suppliment għall-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni skont il-Paragrafu 85 tal-EStG ibbażat fuq in-numru ta’ tfal dipendenti tal-ħaddiem hija ta’ natura diskriminatorja u tikser l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

56.      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (32) li vantaġġ soċjali jista’ jiġi pretiż mill-konjuġi ta’ ħaddiem li jaqa’ fl-ambitu tal-portata tar-Regolament Nru 1612/68. Fil-fatt il-konjuġi ta’ ħaddiem huwa benefiċjarju indirett tat-trattament ugwali mogħti lill-ħaddiem migrant. (33) Peress li l-ħtieġa li wieħed ikun kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja hija ġeneralament ekwivalenti għal kundizzjoni ta’ residenza li naturalment tista’ tiġi sodisfatta iktar faċilment mill-ħaddiema Ġermaniżi jew mill-konjuġi tagħhom, li normalment jirrisjedu fil-Ġermanja, milli mill-ħaddiema minn Stati Membri oħra jew mill-konjuġi tagħhom, li x’aktarx jirrisjedu, fil-parti l-kbira tagħhom, fi Stat Membru ieħor, (34) inqis li l-ħtieġa li ħaddiem transkonfinali u l-konjuġi tiegħu jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja skont il-Paragrafu 79 tal-EStG flimkien mal-Paragrafu 26 tal-EStG sabiex il-konjuġi jikseb il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni ukoll tikser l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

57.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċidi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 billi introduċiet u żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet dwar pensjonijiet tat-tieni pilastru fil-Paragrafi 79 sa 99 tal-EStG, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet iċaħħdu lil ħaddiema transkonfinali u l-konjuġi tagħhom mid-dritt ta’ bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni, sakemm ma jkunux kompletament suġġetti għat-taxxa f’dan l-Istat Membru.

B –    It-tieni lment

1.      L-argumenti tal-partijiet

58.      Skont il-Kummissjoni, taħt il-Paragrafu 92(a) tal-EStG, il-benefiċjarju ta’ bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jista’, fl-ambitu ta’ ċerti limiti, juża l-kapital issussidjat fit-tfaddil għall-pensjoni tiegħu sabiex jixtri jew jibni dar għall-abitazzjoni personali tiegħu sakemm il-proprjetà tkun tinsab fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni tillimita l-portata tal-użu ta’ vantaġġ soċjali peress li jista’ jkun li ħaddiema transkonfinali ma jużawx il-kapital inkwistjoni għal dar għall-abitazzjoni fi Stat Membru ieħor. Skont il-Kummissjoni, it-trattament sfavorevoli ta’ ħaddiema transkonfinali jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ nazzjonalità u jikser l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni inkwistjoni mhijiex suġġetta għal regola de minimis. F’kull każ, il-Kummissjoni ssostni li l-użu temporanju ta’ somma sa EUR 50, 000 jista’ f’ċerti każijiet jirrappreżenta vantaġġ mhux neliġibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ammettiet li l-vantaġġ inkwistjoni jiffaċilita x-xiri ta’ dar għall-abitazzjoni.

59.      Bil-kontra ta’ dak li qed issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-kundizzjoni taffettwa ħaddiema migranti u ħaddiema Ġermaniżi bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li ħaddiema transkonfinali fil-parti l-kbira minnhom ma jmorrux joqogħdu l-Ġermanja. Barra minn hekk, ħaddiema Ġermaniżi b’każijiet eċċezzjonali biss jixtru dar għall-abitazzjoni barra mill-Istat Membru tagħhom. Fis-sentenza Ritter-Coulais (35) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li persuni mhux residenti x’aktarx ikunu proprjetarji ta’ dar barra mill-Ġermanja iktar minn ċittadini residenti. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Hartmann, (36) peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza stabbilita li ħaddiema transkonfinali huma intitolati għal vantaġġi soċjali.

60.      Il-Kummissjoni tqis li l-estensjoni tal-vantaġġ inkwistjoni għal ħaddiema transkonfinali ma għandhiex, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, effetti negattivi fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża.

61.      Il-Kummissjoni tqis li bil-kontra ta’ dak li tgħid ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma hemm xejn li jindika li l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni huwa miżura li tinkoraġġixxi l-bini ta’ djar. F’kull każ, l-Istat Membru ma jiċħadx il-fatt li x-xiri ta’ dar għall-abitazzjoni barra l-pajjiż f’reġjun ta’ fruntiera inġenerali għandu effett pożittiv fuq is-sitwazzjoni tad-djar fil-Ġermanja. Barra minn hekk ma hemm ebda riskju ta’ kunflitt bejn il-politika tad-djar tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Istati Membri ġirien tagħha. Il-possibbiltà skont il-Paragrafu 92(a) tal-EStG li parti mill-kapital inkwistjoni jintuża għal dar għall-abitazzjoni hi possibbli mhux biss fir-rigward ta’ bini iżda wkoll għax-xiri ta’din id-dar. Fl-eventwalità ta’ eċċess ta’ djar f’reġjun ta’ fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, il-ħaddiem ikun iktar interessat li jixtri milli jibni dar għall-abitazzjoni u b’hekk jassisti lill-Istat Membru fl-eliminazzjoni ta’ dan l-eċċess.

62.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-possibbiltà skont il-Paragrafu 92(a) tal-EStG li f’ċertu limitu, il-kapital issussidjat fit-tfaddil għall-pensjoni jintuża għax-xiri ta’ dar għall-abitazzjoni li tinsab biss fit-territorju nazzjonali, ma tiksirx l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jew l-Artikolu 39(2) KE.

63.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-limitazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni manifesta abbażi ta’ nazzjonalità. Il-post fejn tinsab id-dar hi newtrali min-naħa tax-xerrej. Barra minn hekk, il-limitazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta peress li taffettwa bl-istess mod lill-ħaddiema Ġermaniżi u l-ħaddiema minn Stati Membri oħra. Kemm ħaddiema Ġermaniżi kif ukoll ħaddiema minn Stati Membri oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom barra mill-pajjiż ma jistgħux jużaw il-kapital biex jixtru jew jibnu dar għall-abitazzjoni barra l-pajjiż. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li d-deċiżjoni f’Ritter-Coulais, fis-sens li huwa iktar komuni li persuni mhux residenti jkunu proprjetarji ta’ djar barra l-Ġermanja meta mqabbla ma’ persuni residenti, tindika fil-fatt li ma hemm ebda diskriminazzjoni indiretta f’dan il-każ. F’dan il-każ id-djar għadhom ma ġewx mibnija jew mixtrija filwaqt li fil-każ Ritter-Coulais, (37) il-miżuri fiskali inkwistjoni kienu jikkonċernaw djar eżistenti. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwa fl-interess fit-tul tal-ħaddiema minn Stati Membri oħra li jaħdmu fil-Ġermanja li jixtru dar għall-abitazzjoni f’dak l-Istat Membru għas-sempliċi raġuni li huma diġà proprjetarji ta’ dar għall-abitazzjoni barra l-pajjiż u għalhekk mhumiex iktar interessati f’dawn l-inċentivi. Barra minn hekk, skont il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Hartmann, (38) l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandu l-għan li jiżgura li l-ħaddiema barranin ikollhom l-istess vantaġġ “fit-territorju nazzjonali tal-istat fejn huma impjegati”. Miżura ma tikkostitwixxix ksur meta din tipprovdi għal vantaġġ kemm għal ħaddiema Ġermaniżi u għal ħaddiema barranin fit-territorju nazzjonali.

64.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema peress li hija ma tinfluwenzax l-għażla tal-post tax-xogħol. Li kieku kellu jiġi konkluż mod ieħor, ikun qed jiġi żgurat li l-vantaġġi kollha mogħtija fl-Istat Membru ta’ impjieg u mhux fl-Istat Membru ta’ residenza jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema. F’kull każ, l-effetti tal-Paragrafu 92(a) tal-EStG fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema huma wisq remoti u indiretti.

65.      Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-restrizzjoni jew il-miżura diskriminatorja tista’ tkun ġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Fil-Konklużjonijiet tiegħu għall-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (39) l-Avukat Ġenerali Bot ikkunsidra li x-xewqa li tiżdied il-provvista ta’ djar fil-Ġermanja tista’ titqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. (40) L-użu tal-kapital tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jiffaċilita t-twettiq ta’ dan l-interess pubbliku.

66.      Barra minn hekk, il-fatt li persuni jkunu proprjetarji tad-dar fejn joqogħdu jiggarantixxi l-kwalità tal-ħajja tagħhom għal meta jsiru anzjani u jnaqqas il-livell ta’ ħlasijiet supplimentari mis-sistema ta’ sigurtà soċjali li tirriżulta minn bidla demografika. Jekk il-benefiċjarji jkunu proprjetarji tad-dar fejn joqogħdu huma ma jkollhomx għalfejn iħallsu kirjiet għoljin, u b’hekk inaqqsu l-piż minn fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali. Il-protezzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali hi għan leġittimu konformi mas-sentenza ITC. (41) Bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, dawn l-għanijiet ma jistgħux jinkisbu permezz tax-xiri ta’ dar għall-abitazzjoni f’reġjun ta’ fruntiera ta’ Stat Membru ieħor.

67.      Fir-rigward tal-politika tal-bini ta’ djar ta’ abitazzjoni, skont ir-Repubblika Federal tal-Ġermanja, id-dritt Komunitarju ma jobbligax Stat Membru sabiex jestendi l-vantaġġi fir-rigward tax-xiri u tal-bini ta’ proprjetà immobbli għal Stati Membri oħra. L-għajnuna għall-bini ma taqax fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Komunità. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-estensjoni tal-Paragrafu 92(a) tal-EStG tista’ taffettwa jew saħansitra tħarbat il-politika dwar id-djar ta’ Stat Membru ieħor.

2.      Analiżi

68.      Fit-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Paragrafu 92(a) tal-EStG li jipprekludi lill-benefiċjarju tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni milli juża l-kapital issussidjat tat-tfaddil għall-pensjoni tiegħu biex jixtri jew jibni dar għall-abitazzjoni personali tiegħu sakemm il-proprjetà ma tkunx tinstab fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkostitwixxi diskriminazzjoni moħbija abbażi ta’ nazzjonalità u tikser l-Artikolu 39(2) KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li dan l-ilment jirrigwarda lill-ħaddiema transkonfinali kollha u mhux biss lil dawk li huma intaxxati fl-Istat Membru ta’ residenza.

69.      Huwa paċifiku li l-Paragrafu 92(a) tal-EStG ma jippermettix li ħaddiema transkonfinali jużaw, sa ċertu limitu, il-kapital tat-tfaddil għall-pensjoni tagħhom biex jibnu jew jixtru dar għall-abitazzjoni tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru apparti l-Ġermanja. Madankollu l-kapital issussidjat jista’ jintuża għall-bini jew għax-xiri ta’ dar għall-abitazzjoni fil-Ġermanja.

70.      Fil-fehma tiegħi, il-Paragrafu 92(a) tal-EStG effettivament jillimita l-possibbiltà li ħaddiema transkonfinali jgawdu minn vantaġġ soċjali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 peress li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jużaw il-kapital issussidjat inkwistjoni sabiex jibnu jew jixtru dar għall-abitazzjoni tagħhom fit-territorju ta’ residenza tagħhom. Filwaqt li huwa minnu, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li kemm ħaddiema Ġermaniżi kif ukoll ħaddiema minn Stati Membri oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom barra l-pajjiż ma jistgħux jużaw il-kapital biex jixtru jew jibnu dar hemmhekk u għalhekk il-Paragrafu 92(a) tal-EStG mhuwiex speċifikament indirizzat għal persuni mhux residenti, fil-fehma tiegħi hu iktar probabbli li dawn tal-aħħar ikunu jixtiequ jixtru jew jibnu dar barra l-Ġermanja milli ċittadini residenti. (42)

71.      Għaldaqstant inqis li l-limitazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq nazzjonalità. Fil-fehma tiegħi, il-Paragrafu 92(a) tal-EStG jqiegħed fi żvantaġġ lill-ħaddiema transkonfinali fil-Ġermanja li jixtiequ jibnu jew jixtru dar għall-abitazzjoni taghhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u hija għaldaqstant, bħala regola, kontra l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Barra minn hekk, jien ma nqisx li d-diskriminazzjoni inkwistjoni ma għandhiex riperkussjonijiet partikolari fuq ħaddiema transkonfinali minħabba li din effettivament iċċaħħadhom mill-possibbiltà li jissellfu (43) sa EUR 50 000 mill-kapital fil-pensjonijiet ta’ tfaddil tagħhom mingħajr interessi sabiex jibnu jew jixtru dar għall-abitazzjoni fi Stat Membru minbarra fil-Ġermanja. (44)

72.      B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk il-ħtieġa inkwistjoni tistax tiġi ġustifikata u jekk hijiex proporzjonali mal-għan imfittex.

73.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja effettivament issostni li l-ħtieġa skont il-Paragrafu 92(a) tal-EStG li d-dar għall-abitazzjoni għandha tkun tinsab fit-territorju nazzjonali hija ġġustifikata permezz tal-għan li tiġi żgurata provvista adegwata ta’ djar. Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (45) filwaqt li l-għan li tiġi sodisfatta d-domanda għad-djar huwa għan fl-interess pubbliku, meta wieħed iqis li l-għan jista’ jintlaħaq ukoll jekk ħaddiema transkonfinali jibqgħu jżommu r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor minbarra l-Ġermanja, il-ħtieġa imposta mill-Paragrafu 92(a) tal-EStG fir-rigward tal-lok tad-dar fil-Ġermanja hija ta’ natura sproporzjonata. (46) Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jekk il-possibbiltà li jintuża l-kapital tat-tfaddil għall-pensjoni għax-xiri jew għall-bini ta’ dar għall-abitazzjoni tiġi estiża għat-territorju ta’ Stat Membru ieħor, din tħarbat il-politika dwar id-djar ta’ dan l-aħħar Stat, jien inqis li r-riskju inkwistjoni għandu jiġi ttrattat bħala wieħed ipotetiku peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tipprovdi xi prova ta’ tali possibbiltà ta’ kunflitt jew tħarbit.

74.      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-preżervazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali, huwa ċar mis-sentenza ITC (47) li r-riskju li jiġi ppreġudikat serjament il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva fl-interess ġenerali. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali riskju ta’ instabbiltà finanzjarja ma ġiex ikkonstatat f’din il-kawża. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma indikatx kif l-użu tal-kapital issussidjat minn tfaddil għall-pensjoni sabiex tinxtara jew tinbena dar għall-abitazzjoni barra t-territorju Ġermaniż jista’ jipperikola l-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża. In-nuqqas ta’ tali spejgazzjoni hija partikolarment indikattiva, meta wieħed iqis li huwa ċar mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ħaddiema transkonfinali jistgħu jibbenefikaw mill-bonus tal-pensjoni ta’ tfaddil biss jekk ikunu assigurati taħt l-iskema tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali Ġermaniza.

75.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti għandha tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 billi ċaħdet lill-ħaddiema transkonfinali mid-dritt li jużaw il-kapital issussidjat fit-tfaddil għall-pensjoni tagħhom għax-xiri jew għall-bini ta’ dar għall-abitazzjoni personali tagħhom sakemm il-proprjetà ma tkunx tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

C –    It-tielet ilment

1.      Argumenti tal-partijiet

76.      Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu li tirrifondi l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni skont il-Paragrafu 95 tal-EStG, flimkien mal-Paragrafi 93 u 94 tal-EStG, jikser l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll l-Artikoli 12 KE u 18 KE.

77.      Fir-rigward tal-ħaddiema, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali inkwistjoni indirettament jiddiskriminaw kontra ħaddiema transkonfinali u ħaddiema migranti. Skont il-Kummissjoni, huwa iktar probabbli li ħaddiema transkonfinali u ħaddiema migranti ma jibqgħux kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja, billi jitilqu l-impjieg tagħhom fil-Ġermanja sabiex jaħdmu fi Stat Membru ieħor, milli ħaddiema Ġermaniżi. Id-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni jistgħu jagħtu lok għas-sitwazzjoni fejn ħaddiema transkonfinali jew ħaddiema migranti sempliċement ma jitolbux il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni sabiex jevitaw kull ħlas lura.

78.      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema. Hija ssostni, b’analoġija mas-sentenza Lasteyrie du Saillant, (48) li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jqiegħdu fi żvantaġġ liċ-ċittadini Ġermaniżi li jitilqu minn pajjiżhom sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu meta mqabbla ma’ dawk li jibqgħu il-Ġermanja. Il-Kummissjoni tqis li fl-eventwalità ta’ tluq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tapproprja ruħha minn ċerti assi tal-persuna kkonċernata. Dan ma kienx jiġri li kieku l-persuna kellha tibqa’ l-Ġermanja.

79.      Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-ħlas lura tal-bonus jistgħu jtaffu mis-severità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, dawn il-kundizzjonijiet ma jbiddlux il-fatt li dan l-bonus għandu jitħallas lura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis bi tweġiba għall-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (49) li s-sentenza N (50) mhijiex applikabbli għal din il-kawża. Il-kawża N kienet tikkonċerna żidiet moħbija fil-valur ta’ ishma ta’ kumpanija, li f’każ ta’ tluq mit-territorju nazzjonali qabel ma ġew realizzati, ġew intaxxati fin-nuqqas ta’ provvista ta’ garanzija. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprova turi li s-sospensjoni tal-ħlas f’dan il-każ mingħajr l-obbligazzjoni li tiġi pprovduta garanzija telimina n-natura restrittiva ta’ obbligu ta’ ħlas konness mat-tluq. Madankollu l-Kummissjoni tosserva li s-sospensjoni tal-ħlas, mingħajr l-obbligu li tiġi pprovduta garanzija, sar-realizzazzjoni taż-żieda, kienet tagħti lok għat-tassazzjoni tagħhom daqs li kieku l-persuna baqgħet fit-territorju nazzjonali. Għalhekk din it-tassazzjoni hija perfettament normali anki meta l-persuna tibqa’ fit-territorju nazzjonali. Madankollu f’dan il-każ ma hemmx għalfejn jingħata rimbors tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jekk il-persuna kkonċernata tibqa’ fit-territorju nazzjonali.

80.      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tikkonċerna n-nuqqas ta’ kompetenza li jiġu ntaxxati dawk il-persuni li jitilqu mill-Ġermanja, (51) il-Kummissjoni tosserva li dan l-Istat Membru jinvoka din l-allegazzjoni l-ewwel nett sabiex jipprova li ma hemm ebda diskriminazzjoni u t-tieni nett sabiex jagħti ġustifikazzjoni bbażata fuq koerenza fiskali.

81.      Il-Kummissjoni tqis li skont is-sentenza Wielockx (52) u fid-dawl tan-natura reċiproka ta’ ftehim dwar tassazzjoni doppja, il-fatt li persuni li jitlqu mill-Ġermanja fil-futur ma jistgħux jiġu ntaxxati f’dan l-Istat Membru ma jikkostitwixxix differenza deċiżiva fir-rigward ta’ dawk li jibqgħu hemmhekk. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-persuni li jibqgħu fil-Ġermanja ma jiġux intaxxati għal ħafna għexieren ta’ snin. Dan ma jistax jiġi pparagunat mal-effett dissważiv tal-obbligu ta’ rimbors.

82.      Il-Kummissjoni tqis ukoll li n-nuqqas ta’ kompetenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tintaxxa lil dawk il-persuni li jitilqu mill-Ġermanja ma tistax tiġi invokata bħala ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet ta’ koerenza fiskali. Il-koerenza fiskali tinżamm permezz tad-diviżjoni tal-poter li jiġu imposti taxxi bi qbil bejn Stati fi ftehim ta’ tassazzjoni doppja.

83.      Il-Kummissjoni tqis ukoll li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiksru l-Artikoli 12 KE u 18 KE fir-rigward ta’ persuni rtirati u dawk li qatt ma kienu suġġetti għal kuntratt ta’ impjieg.

84.      Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu ta’ rimbors inkwistjoni jikser l-Artikolu 12 KE minħabba li jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta peress li jaffettwa b’mod prinċipali persuni li mhumiex ċittadini. In-numru ta’ persuni mhux ċittadini li jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom meta jirtiraw ħafna drabi huwa akbar min-numru ta’ Ġermaniżi li jirtiraw barra l-pajjiż. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ rimbors jikser l-Artikolu 18 KE peress li jiddiswadi liċ-ċittadini tal-Unjoni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, milli jittrasferixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor.

85.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni osservat ukoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinjora x’inhu l-għan tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni kif ukoll il-fatt li mingħajr ir-riformi fis-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża, ħaddiema li ma għadhomx kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja jkunu rċevew pensjoni tas-sigurtà soċjali sħiħa li ma tiġix intaxxata f’dak l-Istat Membru.

86.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Paragrafu 95 tal-EStG ma jiksirx il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema jew l-Artikoli 12 KE u 18 KE.

87.      L-ewwel nett, l-obbligu ta’ rimbors tal-bonus fl-eventwalità li persuna ma tibqax iktar kompletament suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja mhuwiex ostakolu reali għall-moviment liberu tal-ħaddiema peress li dan ma għandux l-effett li jiskoraġġixxi lil dawk ikkonċernati milli jaċċettaw xogħol barra l-pajjiż jew li jbiddlu d-domiċilju tagħhom għal Stat Membru ieħor.

88.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza l-fatt li skont il-Paragrafu 95(2) tal-EStG ir-rimbors tal-bonus jista’, fuq talba, jiġi pospost sakemm isiru l-ħlasijiet abbażi tal-kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni (mhux qabel għeluq is-sittin sena tal-benefiċjarju). Barra minn hekk, anki fiż-żmien li jsir il-ħlas mit-tfaddil għall-pensjoni, il-moratorju mingħajr interessi jiġi estiż sakemm minn tal-inqas 15 % tal-ammonti mħallsa taħt il-kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni jintużaw għall-għanijiet ta’ rimbors. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata tinħeles mill-obbligu li tirrifondi hekk kif għal darb’oħra ssir kompletament suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja.

89.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-benefiċjarju tal-bonus huwa biss meħtieġ li jirrifondi l-bonus stipulat fil-Paragrafu 79 et seq tal-EStG u t-tnaqqis fit-taxxa li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ispejjeż speċjali skont il-Paragrafu 10(a) tal-EStG. Għaldaqstant, bil-kontra tas-sitwazzjoni fil-kawżi Lasteyrie du Saillant (53) u N (54) l-ebda “taxxa oħra mat-tluq” ma tiġi imposta. Barra minn hekk, fil-kawża N, (55) il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li s-sospensjoni tal-ħlas, li mhijiex suġġetta għall-provvista ta’ garanzija, tista’ telimina l-karattru restrittiv ta’ obbligu ta’ ħlas marbut mat-tluq.

90.      Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-Kummissjoni, billi ssemmi b’mod kostanti l-“effett dissważiv” teżaġera l-effett psikoloġiku tar-rimbors fuq persuni li jiddeċiedu li jbiddlu l-post tax-xogħol jew id-domiċilju tagħhom.

91.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis ukoll li min ma għadux iktar kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja ma jinsabx fi żvantaġġ finanzjarju meta mqabbel ma’ min iżomm dan l-istatus. Għaldaqstant ma hemm ebda trattament mhux ugwali. Skont il-Paragrafu 22(5) tal-EStG, jekk persuna tkun kompletament suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja, ħlasijiet minn kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul hemmhekk. Jekk persuna ma tkunx kompletament suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja, ħlasijiet mit-tfaddil għall-pensjoni ma jiġux intaxxati hemmhekk, li effettivament jikkumpensa għall-obbligu ta’ rimbors inkwistjoni. Bl-għajnuna ta’ numru ta’ ċifri bħala eżempju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li persuna li tħalli t-territorju nazzjonali mhijiex żvantaġġata iżda pjuttost tibbenefika minħabba l-fatt li ħlasijiet mill-pensjoni mhumiex intaxxati f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, il-vantaġġ inkwistjoni ma jiġix eliminat bil-fatt li l-ħlasijiet mit-tfaddil għall-pensjoni huma suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru ta’ domiċilju skont il-ftehim dwar tassazzjoni doppja. B’mod ġenerali, fl-Istat Membru tad-domiċilju, il-ħlasijiet mill-pensjonijiet ta’ tfaddil mhumiex intaxxati jew mhumiex kompletament intaxxati.

92.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll, barra minn hekk, li l-obbligu ta’ rimbors skont il-Paragrafu 95 tal-EStG huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ koerenza fiskali.

2.      Evalwazzjoni

93.      Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-obbligu li tirrifondi l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni ġaladarba persuna ma tibqax iktar kompletament suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja kif previst mill-Paragrafu 95 tal-EStG, kif ukoll mill-Paragrafi 93 u 94 tal-EStG, jikser l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll l-Artikoli 12 KE u 18 KE.

94.      Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni qabel kollox taffettwa ħaddiema mhux Ġermaniżi u b’hekk tikser l-Artikolu 39 KE, peress li n-numru ta’ ħaddiema mhux Ġermaniżi li jħallu x-xogħol tagħhom sabiex imorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor huwa akbar min-numru ta’ ħaddiema Ġermaniżi li jagħmlu hekk.

95.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikser l-Artikolu 12 KE peress li n-numru ta’ persuni li mhumiex ċittadini li jmorru lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom wara li jkunu temmew il-ħajja tax-xogħol tagħhom hu ferm akbar min-numru ta’ pensjonanti Ġermaniżi li jirtiraw barra l-pajjiż.

96.      Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija indirettament diskriminatorja fir-rigward ta’ ħaddiema transkonfinali u migranti. Dawn il-ħaddiema li ġeneralment mhumiex ħaddiema Ġermaniżi, għandhom iktar it-tendenza li jħallu x-xogħol tagħhom fil-Ġermanja sabiex imorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor, u b’hekk ma jibqgħux iktar kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja, meta mqabbla ma’ ħaddiema Ġermaniżi. Għaldaqstant hemm ir-riskju li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tqiegħed lil ħaddiema mhux Ġermaniżi fi żvantaġġ partikolari. (56)

97.      Barra minn hekk, inqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija indirettament diskriminatorja fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni minn Stati Membri apparti l-Ġermanja. Ċittadini mhux Ġermaniżi għandhom iktar it-tendenza li jmorru lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom wara li jkunu temmew il-ħajja tax-xogħol tagħhom u b’hekk ma jibqgħux kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja, meta mqabbla mat-tendenza li ċittadini Ġermaniżi jirtiraw barra l-pajjiż.

98.      Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-obbligu li jsir rimbors ifixkel il-moviment liberu tal-ħaddiema.

99.      Fis-sentenza ITC (57), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet nazzjonali li jfixklu jew jiddiswadu ċittadin ta’ Stat Membru milli joħroġ mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jikkostitwixxu ostakolu għal din il-libertà anki jekk dawn huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati.

100. Jien inqis li l-obbligu ta’ rimbors inkwistjoni jillimita l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu skont l-Artikolu 39 KE tal-ħaddiema Ġermaniżi peress li dan għandu effett dissważiv fuq dawk li jixtiequ jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Dan it-tip ta’ ħaddiem, li għaldaqstant jista’ ma jkunx iktar kompletament suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja, hu suġġett għal trattament żvantaġġjuż meta pparagunat ma’ persuna li tibqa’ taħdem fil-Ġermanja u li hi kompletament suġġetta għat-taxxa hemmhekk. Il-ħaddiem Ġermaniż li jixtieq jaħdem barra mill-pajjiż se jkollu l-ħtieġa, jekk minħabba li jkun qed jaħdem barra ma jkunx iktar kompletament suġġett għall-ħlas tat-taxxa fil-Ġermanja, li jirrifondi l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni, filwaqt li, jekk ma jagħmilx użu mill-opportunità li jeżerċita l-moviment liberu tiegħu skont l-Artikolu 39 KE u jibqa’ jaħdem fil-Ġermanja, dan l-obbligu ma jirriżultax. Fil-fehma tiegħi, dan it-trattament differenti jista’ jiddisswadi lil ħaddiema Ġermaniżi milli jaħdmu barra minn pajjiżhom.

101. Fir-rigward tal-ksur tad-drittjiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 18 KE, inqis ukoll li r-raġunament imsemmi hawn fuq (58) japplika għal ċittadini Ġermaniżi li jixtiequ jirtiraw barra minn pajjiżhom fi tmiem il-ħajja tax-xogħol tagħhom. Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment u residenza libera fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni. (59)

102. Fil-fehma tiegħi, l-effetti diskriminatorji u restrittivi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li bla dubju ttejbu jew tnaqqsu mit-termini u mill-kundizzjonijiet tar-rimbors stipulati mill-legiżlazzjoni inkwistjoni, madankollu jippersistu fir-rigward ta’ ħaddiema jew ċittadini tal-Unjoni li ma għadhomx iktar kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja minħabba li ttrasferixxew ix-xogħol jew ir-residenza tagħhom mill-Ġermanja għal Stat Membru ieħor. (60) Barra minn hekk, il-fatt li dawn il-ħaddiema jew ċittadini tal-Unjoni ma għandhomx għalfejn iħallsu taxxa fil-Ġermanja fuq ħlasijiet mit-tfaddil għall-pensjoni meta din timmatura ma jeliminax, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-diskriminazzjoni jew ir-restrizzjoni inkwistjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnifisha tosserva fis-sottomissjonijiet tagħha li l-kompetenza li għat-tassazzjoni ta’ dawn il-ħlasijiet ingħatat lil Stati Membri oħra skont ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn dawn l-Istati Membri u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-ħlasijiet mit-tfaddil għall-pensjoni ma jistgħux jiġu ntaxxati jew jiġu ntaxxati b’rata iktar baxxa fi Stati Membri oħra sabiex tipprova li d-diskriminazzjoni jew restrizzjoni inkwistjoni ġiet eliminata. Dawn iċ-ċirkustanzi ma jeliminawx id-diskriminazzjoni jew ir-restrizzjoni iżda jistgħu sempliċement, b’mod aċċidentali, inaqqsu l-impatt tagħhom.

103. Barra minn hekk, ma nqisx li l-prinċipju ta’ koeżjoni fiskali (61) jista’ jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-obbligu ta’ rimbors inkwistjoni. Jidher li l-koeżjoni fiskali hija żgurata permezz tal-ftehim dwar tassazzjoni doppja konkluż mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq bażi reċiproka ma’ Stati Membri oħra. (62)

104. Jien nosserva wkoll li fil-fehma tiegħi ma hemm ebda korrelazzjoni jew rabta stretta bejn l-għoti tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni u l-possibbiltà li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tintaxxa ħlasijiet futuri mill-pensjonijiet ta’ tfaddil meta jimmaturaw. (63)

105. Il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni huwa pjuttost vantaġġ soċjali milli wieħed ta’ taxxa skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 li jitħallas taħt ċerti kundizzjonijiet lil persuni li huma assigurati taħt l-iskema nazzjonali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali fil-Ġermanja sabiex jiġu pprovduti inċentivi pekunjarji għalihom sabiex ikollhom il-pensjoni privata tagħhom fid-dawl tar-riformi fl-iskema preċedenti. Għalhekk jien ma narax għalfejn dawn il-ħaddiema jew ċittadini tal-Unjoni li ma għadhomx iktar kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja, iżda li huma xorta waħda affettwati bir-riformi fis-sistema Ġermaniża tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali (64), għandhom jiġu obbligati jħallsu lura l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni skont il-Paragrafu 95 tal-EStG.

106. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 u l-Artikoli 12 KE u 18 KE billi, skont il-Paragrafu 95 tal-EStG, flimkien mal-Paragrafi 93 u 94 tal-EStG, tirrikjedi li jitħallas lura l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni malli l-persuna kkonċernata ma tibqax iktar kompletament suġġetta għat-taxxa f’dan l-Istat Membru.

V –    Spejjeż

107. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VI – Konklużjoni

108. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi:

(1)      li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 39 KE, l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, l-Artikoli 18 KE u 12 KE meta introduċiet u żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet għal pensjonijiet tat-tieni pilastru fil-Paragrafi 79 sa 99 tal-Einkommensteuergesetz, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet:

–        li jċaħħdu lil ħaddiema transkonfinali u l-konjuġi tagħhom mid-dritt għal bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni, sakemm ma jkunux suġġetti għal kollox għat-taxxa f’dan l-Istat Membru;

–        li jċaħħdu lil ħaddiema transkonfinali mid-dritt li jużaw il-kapital issussidjat fit-tfaddil għall-pensjoni tagħhom għax-xiri jew il-bini ta’ dar għall-abitazzjoni għall-użu personali tagħhom, sakemm il-proprjetà ma tkunx fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru;

–        li jeħtieġu l-ħlas lura tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni malli l-persuna kkonċernata ma tibqax iktar kompletament suġġetta għat-taxxa f’dan l-Istat Membru;

(2)      li tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tagħha u għall-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Il-pensjonijiet Riester xi kultant jissejħu wkoll pensjonijiet tat-tieni/tielet pilastru.


3 – Id-dispożizzjonijiet tal-EStG inkwistjoni f’din il-kawża huma dawk li jinsabu fl-‘Alterseinkünftegesetz’ tal-5 ta’ Lulju 2004, Gesetz zur Neuordnung der einkommensteuerrechtlichen Behandlung von Altersvorsorgeeinkünften und Altersbezügen (liġi dwar regoli ġodda li jikkonċernaw it-trattament fiskali ta’ dħul minn kuntratti ta’ pensjonijiet ta’ tfaddil u pensjonijiet tal-anzjanità) Bundesgesetzblatt 2004 I, p. 1427.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15, kif emendata ulterjorment.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15, kif emendtata ulterjorment.


6 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995 (C-279/93, Ġabra I-225).


7 – Ara l-punt 34 iktar ’il quddiem.


8 – Sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995 (C-80/94, Ġabra p. I-2493).


9 – Ara l-punt 24.


10 – Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1975, Cristini (32/75, Ġabra p. 1085); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Inzirillo (63/76, Ġabra p. 2057); tat-12 ta’ Lulju 1984, Castelli (261/83, Ġabra p. 3199); tal-20 ta’ Ġunju 1985, Deak (94/84, Ġabra p. 1873); tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon (316/85 Ġabra p. 2811); tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C-3/90, Ġabra p. I-1071); tas-27 ta’ Mejju 1993, Schmid, (C-310/91, Ġabra p. I-3011); u tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, (C-337/97, Ġabra p. I-3289).


11 – Ara s-sentenza Schumacker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 30, u s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Frans Gschwind (C-391/97, Ġabra p. I-5451, punt 21).


12 – Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Meindl (C-329/05, Ġabra p. I-1107, punt 23).


13 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


14 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


15 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007 (C-213/05, Ġabra p. I-6347).


16 – Meta l-konjuġi nnifsu ma jikkwalifikax għall-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni skont il-Paragrafu 10(a)(1) tal-EStG.


17 – Ara s-sentenza Geven, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 12; ara wkoll is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1982, Reina (65/81, Ġabra p. 33, punt 12); tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, (249/83, Ġabra p. 973, punt 20); tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints (C-57/96, Ġabra p. I-6689, punt 39), u tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 25).


18 – Sentenza Meints, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 39.


19 – Fil-forma tal-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni u t-tnaqqis bħala spejjeż speċjali mill-ħlasijiet ta’ dħul taxxabbli għat-tfaddil għall-pensjoni


20 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Castelli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, u s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1985, Frascogna (157/84, Ġabra p. 1739).


21 – Barra minn hekk, inqis li f’dan il-każ fejn il-bonus jingħata abbażi ta’ skema volontarja li parzjalment tieħu post skema tas-siġurtà soċjali obbligatorja, ma jagħmilx sens li ħaddiem jiċċaħħad minn vantaġġ skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 sempliċement fuq il-bażi li jingħata taħt skema volontarja.


22 – Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ċċitat statistika mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ġermaniż (Statistisches Bundesamt) biex isostni li 75 sa 80 % tal-persuni li huma attivi fuq il-post tax-xogħol huma ħaddiema salarjati li huma suġġetti għal assigurazzjoni soċjali obbligatorja.


23 – Għandu jiġi osservat li dan l-ilment jikkonċerna biss lill-ħaddiema transkonfinali u indirettament lill-konjuġi tagħhom. Il-Kummissjoni ma eċċepietx li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha testendi l-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni għal xi kategorija oħra ta’ persuni.


24 – Għaldaqstant jidher li, b’kuntrast mat-tnaqqis ta’ spejjeż speċjali, il-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni jsir parti mill-kapital ta’ tfaddil għall-pensjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja osservat fis-sottomissjonijiet tagħha li skont il-Paragrafu 88 tal-EStG id-dritt għall-bonus joriġina sempliċement meta tintemm is-sena kalendarja li matulha kienu saru l-ħlasijiet għall-kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni.


25 – Sentenza Meints, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 44 u 45.


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Meints, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 50; Meeusen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 21, u s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C-212/05, Ġabra p. I-6303, punt 24).


27 – Dan l-ammont jiġi rduppjat fir-rigward ta’ koppji miżżewġa.


28 – Sentenza Schumacker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 28; sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C-107/94, Ġabra p. I-3089, punt 38); Hartmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 31, u Meeusen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 23 u 24.


29 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


30 – Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja osserva li ħaddiema transkonfinali mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Awstrija li huma taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jistgħu jiksbu inċentivi pekunjarji simili fl-Istat ta’ domiċilju tagħhom. Ma nqisx li l-fatt li inċentivi pekunjarji simili jew iktar vantaġġjużi jistgħu jkunu disponibbli għal tali ħaddiema fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jista’ jiġi invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex jiġi pprovat li ma hemm ebda diskriminazzjoni fir-rigward tal-għoti ta’ vantaġġ soċjali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Għandu jerġa’ jittenna f’dan ir-rigward li ħaddiema transkonfinali mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Awstrija li jħallsu kontribuzzjonijiet għas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża huma direttament affettwati bl-istess mod bħall-ħaddiema residenti mir-riforma ta’ din is-sistema. Dawn il-ħaddiema transkonfinali għandhom b’hekk ikollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-bonus ta’ tfaddil għall-pensjoni. Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi osservat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Hartmann fis-sens li “fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-ħaddiema fuq il-fruntiera huma intitolati għal trattament ugwali fl-Istat Membru ta’ l-impjieg fir-rigward ta’ l-għoti ta’ benefiċji soċjali biss safejn tali vantaġġi huma direttament u esklużivament relatati ma’ l-impjieg”. Ipparaguna l-punt 55 tal-Konklużjonijiet mal-punt 27 tas-sentenza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hartmann ma indirizzatx il-kwistjoni mqajma mill-Gvernijiet Ġermaniża u tar-Renju Unit fis-sens li “huwa inġust li ħaddiem fuq il-fruntiera, li għandu r-residenza tiegħu u l-post ta’ xogħol tiegħu fi Stati Membri differenti, jitħalla jgawdi mill-istess benefiċċji soċjali fiż-żewġt Istati Membri u jikkumbinahom. Biex jiġi kkumpensat dan ir-riskju u fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1612/68 ma fihx regoli ta’ koordinazzjoni intiżi li jevitaw l-akkumulu ta’ benefiċċji, il-possibbiltà li “jiġi esportat” l-allowance għall-edukazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza tal-ħaddiem fuq il-fruntiera tista’ tiġi eskluża.” Ara l-punt 23 tas-sentenza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26). Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suggett u fid-dawl tal-kwistjonijiet estremament kumplessi involuti, ma nqisx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika regoli anti-kumulattivi bħal dawn.


31 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Hartmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 36 u 37.


32 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.


33 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Hartmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 24 u 25.


34 – Ara s-sentenza Hartmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 31.


35 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, (C-152/03, Ġabra p. I-1711).


36 – Ara l-kwotazzjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30. Ara l-punt 63 iktar ’il quddiem.


37 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35.


38 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.


39 – Sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008 (C-152/05, Ġabra p. I-39).


40 – Ara l-punt 86.


41 – Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007 (C-208/05, Ġabra p. I-181, punti 38 sa 42).


42 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Ritter-Coulais, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 36.


43 – Ara Paragrafu 92(a) tal-EStG għall-kundizzjonijiet tal-ħlas lura tas-self.


44 – Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jikkonċernaw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-Kawża Hartmann fis-sens li miżura ma tikkostitwixxix ksur meta tipprovdi għal vantaġġ kemm għall-ħaddiema Ġermaniżi kif ukoll għall-ħaddiema barranin fit-territorju nazzjonali (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat ukoll, kif sostniet il-Kummissjoni, li dawn il-konklużjonijiet ma ġewx segwiti f’dan ir-rigward. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ċittadin ta’ Stat Membru li, filwaqt li żamm l-impjieg tiegħu f’dan l-Istat, ittrasferixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor u minn dak iż-żmien kompla jeżerċita l-attività professjonali tiegħu bħala ħaddiem fuq il-fruntiera, jista’ jinvoka l-istatus ta’ ħaddiem migrant fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludi li l-konjuġi ta’ ħaddiem migrant li jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru, li jkun mingħajr impjieg u li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ allowance għat-tfal minħabba l-fatt li huwa m’għandux ir-residenza permanenti jew ir-residenza ordinarja tiegħu fl-ewwel Stat.


45 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


46 – Ara l-punti 27 u 28. Fil-konklużjonijiet tiegħu ippreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39), l-Avukat Ġenerali Bot sostna li “l-akkwist jew il-bini ta’ djar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minn […] persuni mhux residenti, u b’mod partikolari mill-ħaddiema ta’ mal-fruntjiera, jikkontribwixxi biex inaqqas id-domanda għad-djar fil-Ġermanja. L-imsemmija persuni mhux residenti b’hekk ma kinux ikunu ta’ piż fuq is-suq Ġermaniż ta’ l-immobbli u ma kinux joħolqu pressjoni fuq id-domanda kbira li diġà teżisti”. (Ara l-punt 93).


47 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 43.


48 – Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004 (C-9/02, Ġabra p. I-2409).


49 – Ara punt 89 iktar ’il quddiem.


50 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006 (C-470/04, Ġabra p. I-7409).


51 – Ara, inter alia, punt 91 iktar ’il quddiem.


52 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8. Ara wkoll l-argument tal-Kummissjoni fil-punt 23 iktar ’il fuq.


53 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48.


54 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50.


55 – Ara l-punt 36.


56 – Filwaqt li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda statistika speċifikament dwar ħaddiema, hija osservat fir-rikors tagħha li bejn l-1991 u l-2004 ’l fuq minn 75 % tal-persuni li telqu mill-Ġermanja biex imorru barra l-pajjiż kienu persuni mhux ċittadini.


57 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 33.


58 – Ara l-punt 100 iktar ’il fuq.


59 – Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper (C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39) u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 31).


60 – L-avveniment li jikkristallizza l-obbligu ta’ rimbors huwa l-bidla tal-Istat Membru ta’ impjieg tal-ħaddiem jew il-bidla fir-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni u t-tmiem tas-suġġettività kompleta għat-taxxa fil-Ġermanja. Għaldaqstant insib li hi konvinċenti ħafna l-asserzjoni tal-Kummissjoni li l-obbligu ta’ rimbors jista’ jfixkel lill-individwu kkonċernat milli jitlob il-bonus fl-ewwel lok sabiex jiġi evitat li jsir ir-rimbors. Ara l-punt 77 iktar ’il fuq.


61 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-koeżjoni ta’ sistema tat-taxxa tista’ tiġġustifika regoli ta’ natura li jillimitaw il-libertajiet fundamentali. Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C-204/90 Ġabra p. I-249, punt 28), u tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I-305, punt 21).


62 – Ara f’dan is-sens is-sentenza Wielockx, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 23 sa 26.


63 – Fis-sentenzi Bachmann u l-Kummissjoni vs Il-Belġju (kawżi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “kien hemm rabta diretta bejn it-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa għal kuntratti tal-assigurazzjoni tal-anzjanità u fuq il-ħajja u t-tassazzjoni tal-ammonti imħallsa taħt dawk il-kuntratti, rabta li kellha tinżamm sabiex tiġi ssalvagwardjata l-koeżjoni tas-sistema ta’ taxxa in kwistjoni”. Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot. Kawża 385/00, Ġabra I-11819, punt 108.


64 – Peress li l-ħlasijiet futuri tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali Ġermaniża tagħhom bħala prinċipju jitnaqqsu mir-riforma ta’ din is-sistema.