Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-288/07

Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs

vs

Isle of Wight Council et      

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division))

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 4(5) — Attivitajiet imwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku — Ġestjoni ta’ żoni ta’ parking bi ħlas — Distorsjoni tal-kompetizzjoni — Tifsira tal-espressjonijiet ‘iwassal għal’ u ‘sinjifikanti’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli — Korpi rregolati mid-dritt pubbliku

(Direttiva tal-Kunsill 77/388 ,it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli — Korpi rregolati mid-dritt pubbliku

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5))

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli — Korpi rregolati mid-dritt pubbliku

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5))

1.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-distorsjonijiet sinifikattivi tal-kompetizzjoni li għalihom twassal l-eżenzjoni mit-taxxa tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-attività inkwistjoni, inkwantu tali, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tirrigwarda suq lokali inpartikolari.

Fil-fatt, korp irregolat mid-dritt pubbliku jista’ jkollu l-obbligu, skont il-liġi nazzjonali, li jeżerċita ċerti attivitajiet ta’ natura essenzjalment ekonomika fil-kuntest ta’ sistema legali li hija partikolari għalih, fejn dawn l-istess attivitajiet jistgħu ukoll jiġu eżerċitati b’mod parallel minn operaturi privati, b’mod li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ dan il-korp tista’ jkollha bħala riżultat li jseħħu ċerti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huwa intiż sabiex jiġi evitat dan ir-riżultat mhux mixtieq, billi jipprovdi li l-attivitajiet elenkati b’mod preċiż fl-Anness D ta’ din l-istess direttiva huma, “f’kull każ”, sakemm ikunu tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, suġġetti għat-taxxa fuq il-valjur miżjud, ukoll meta dawn huma eżerċitati mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għal dawn l-attivitajiet hija preżunta li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, sakemm dawn l-attivitajiet ikunu tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu. B’hekk jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li l-intaxxar ta’ dawn il-korpi jirriżulta mill-eżerċizzju tal-attivitajiet elenkati fl-Anness D ta’ din l-istess direttiva inkwantu tali, indipendentement mill-kwistjoni jekk korp irregolat mid-dritt pubbliku partikolari jiltaqax jew le ma’ kompetizzjoni fuq livell tas-suq lokali li fih jeżerċita dawn l-istess attivitajiet.

Minbarra dan, jistgħu jeżistu, fuq livell nazzjonali, attivitajiet oħra ta’ natura essenzjalment ekonomika, mhux elenkati fl-Anness D tas-Sitt Direttiva, fejn il-lista tista’ tvarja minn Stat Membru għall-ieħor jew minn settur ekonomiku għall-ieħor, li huma eżerċitati b’mod parallel kemm mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn operaturi privati. Huwa preċiżament għal dawn l-attivitajiet li japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, anki meta jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi, għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli sa fejn l-eżenzjoni tagħhom mit-taxxa tkun tista’ twassal għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni.

It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huma, konsegwentement, marbutin b’mod strett sa fejn isegwu l-istess għan, jiġifieri l-intaxxar tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, ukoll meta dawn tal-aħħar jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi. Dawn is-subparagrafi huma b’hekk suġġetti għall-istess loġika, li permezz tagħha l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku bħala persuni mhux taxxabbli, sabiex tiġi osservata r-regola ġenerali, li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li tgħid li kull attività ta’ natura ekonomika hija, bħala prinċipju, suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Konsegwentement, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod sħiħ. Isegwi li l-intaxxar fuq il-valur miżjud tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, indipendentment mill-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, jew fuq dik tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ attività partikolari inkwantu tali, indipendentement mill-kwistjoni jekk dawn il-korpi jiltaqgħux jew le ma’ kompetizzjoni fuq il-livell tas-suq lokali li fih iwettqu din l-attività.

L-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa żgurat, peress illi l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku kollha huma kemm intaxxati, kif ukoll eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud, l-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet bejn dawn il-korpi u l-operaturi privati, u dan sa fejn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jibqgħu żgħar. L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mis-swieq lokali li fihom l-awtoritajiet lokali joperaw l-attivitajiet tagħhom tippreżupponi evalwazzjoni sistematika mill-ġdid, fuq il-bażi ta’ analiżi ekonomiċi ta’ spiss kumplessi, tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq bosta mis-swieq lokali, fejn id-determinazzjoni tista’ tirriżulta partikolarment diffiċli sa fejn id-delimitazzjoni tagħhom ma tikkoinċidix neċessarjament mal-kompetenza territorjali tal-awtoritajiet lokali. F’dan il-każ, la l-awtoritajiet lokali u lanqas l-operaturi privati ma huma f’pożizzjoni li jipprevedu biċ-ċertezza meħtieġa sabiex imexxu l-attivitajiet tagħhom kemm jekk, f’suq lokali partikolari, l-attività eżerċitata mill-awtoritajiet lokali tkunx jew le suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, li joħloq ir-riskju li jiġu kompromessi l-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 33-41, 46, 49, 51-53 u d-dispożittiv 1)

2.        It-termini “iwassal għal” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ għandhom jiġu interpretati fis-sens li jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kompetizzjoni attwali, iżda ukoll il-kompetizzjoni potenzjali, sa fejn il-possibbiltà għal operatur privat li jidħol fis-suq rilevanti tkun reali, u mhux purament ipotetika.

Fil-fatt l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali ta’ intaxxar ta’ kull attività ta’ natura ekonomika, u b’hekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva jdaħħal mill-ġdid din ir-regola ġenerali sabiex jevita li l-eżenzjoni ta’ dawn il-korpi twassal għal distorsjonijiet sinifikattivi tal-kompetizzjoni. B’hekk din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod strett.

Madankollu, il-possibbiltà purament teoretika għal operatur privat li jidħol fis-suq rilevanti, li mhija sostnuta minn ebda element ta’ fatt, minn ebda inferenza oġġettiva jew minn ebda analiżi tas-suq, ma tistax tiġi assimilata mal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Sabiex tkun hekk, din il-possibbiltà għandha tkun reali, u mhux purament ipotetika.

(ara l-punti 60, 64-65 u d-dispożittiv 2)

3.        L-espressjoni “sinjifikanti”, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-SittDirettiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ għandha tinftiehem fis-sens li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali għandhom ikunu akbar minn dawk li huma tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

Fil-fatt, din l-espressjoni għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, tal-korpi għal dawn l-attivitajiet. Madankollu jekk din l-espressjoni kellha tinftiehem bħala li tfisser notevoli, jew eċċezzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku eżenti mit-taxxa jiġi estiż b’mod żbaljat. Min-naħa l-oħra, kieku l-eżenzjoni mit-taxxa ta’ dawn tal-aħħar kienet aċċettata biss fil-każ fejn twassal biss għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, il-portata tagħha tiġi effettivament ċirkoskritta.

Sussegwentement, jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tal-korpi rregolati bid-dritt pubbliku għal attivitajiet elenkati fl-Anness D ta’ din id-direttiva tista’ tiġi aċċettata sa fejn dawn l-attivitajiet huma tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, fejn b’hekk hemm preżunzjoni li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn hekk huma ukoll tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu. Peress illi t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huma marbutin fil-qrib sa fejn isegwu l-istess għan u l-istess loġika, l-espressjoni “sinjifikanti” għandha tinftiehem fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku tista’ tiġi aċċettata biss fil-każ fejn din twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

Fl-aħħar nett, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ dawn il-korpi, fl-ipoteżijiet fejn ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li twassal għal distorsjonijiet tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, twassal għall-ħsara l-aktar ristretta possibbli għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

(ara l-punti 72-76, 78-79 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Settembru 2008(*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 4(5) – Attivitajiet imwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku – Ġestjoni ta’ żoni ta’ parking bi ħlas – Distorsjoni tal-kompetizzjoni – Tifsira tal-espressjonijiet ‘iwassal għal’ u ‘sinifikanti’”

Fil-Kawża C-288/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2007, fil-proċedura

The Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs

vs

Isle of Wight Council,

Mid-Suffolk District Council,

South Tyneside Metropolitan Borough Council,

West Berkshire District Council,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti tal-Awla, G. Arestis , U. Lõhmus, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Isle of Wight Council, il-Mid-Suffolk District Council, is-South Tyneside Metropolitan Borough Council u l-West Berkshire District Council, minn J. Ghosh, QC, J. Henderson, barrister, u R. Genn, solicitor, kif ukoll minn L. Leach, adviser,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Bryanston-Cross, bħala aġent, assistita minn C. Vajda, QC, u B. Rayment, barrister,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Aston, SC, u N. Travers, BL,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi bejn il-Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs (iktar’il quddiem il-“Commissioners”) u erba’ awtoritajiet lokali, jiġifieri l-Isle of Wight Council, il-Mid-Suffolk District Council, is-South Tyneside Metropolitan Borough Council u l-West Berkshire District Council (iktar’il quddiem, flimkien, l-“awtoritajiet lokali kkonċernati”), dwar l-intaxxar fuq il-valur miżjud (iktar’il quddiem il-“VAT”) ta’ dawn l-awtoritajiet għall-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ żoni ta’ parking ta’ vetturi magħluqa (“offstreet parking”) (iktar’il quddiem iż-“żoni ta’ parking”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li jinsab fit-Titolu II tagħha intitolat “Applikazzjoni” jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        L-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva, li jinsab fit-Titolu IV tagħha, intitolat “Persuni Taxxabbli” jipprovdi:

“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu ukoll jitqies bħala attività ekonomika.

[...]

5.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti [distorsjoni sinjifikattiva] tal-kompetizzjoni.

F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

Stati Membri jistgħu iqisu attivitajiet ta’ dawn il-korpi li jkunu eżenti bl-Artikolu 13 jew 28 bħala attivitajiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi”.

5        L-Anness D tas-Sitt Direttiva, li għaliha t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tagħha jagħmel referenza, telenka tlettax-il kategoriji ta’ tranżazzjonijiet. Madankollu, il-ġestjoni ta’ postijiet ta’ parking ma tidhirx fost dawn tal-aħħar.

6        L-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li l-effett dirett tiegħu ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et (231/87 u 129/88, Ġabra p. 3233, punt 33), ma kienx ġie traspost fid-dritt tar-Renju Unit.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        L-awtoritajiet lokali kkonċernati jipproponu l-kiri ta’ postijiet ta’ parking ta’ vetturi. Is-settur privat ukoll jipprovdi dan is-servizz.

8        Storikament, fir-Renju Unit, il-kollettivitajiet lokali huma kkunsidrati bħala ntaxxati fuq il-VAT għad-dħul tagħhom mill-ġestjoni ta’ żoni ta’ parking. Madankollu, wara d-deċiżjoni tas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública (C-446/98, Ġabra p. I-11435), madwar 127 kollettivitajiet lokali ressqu talbiet għal rimbors tal-VAT li huma kienu preċedentement ħallsu, billi kkunsidraw li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, huma ma kellhomx ikunu suġġetti għal din it-taxxa. L-ammont totali tat-talbiet għal rimbors ippreżentati kien ta’ GBP 129 miljun. Fir-rigward tal-ammont li jirrappreżenta t-talbiet kollha li jistgħu jitressqu, huwa indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għandu madwar 468 kollettivitajiet lokali.

9        Fil-kwistjonijiet tal-kawża prinċipali, l-ammonti mitluba huma ta’ GBP 1.6 miljun. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li dawn il-kwistjonijiet huma każijiet bi prova, peress illi l-awtoritajiet lokali kkonċernati jikkostitwixxu kampjun rappreżentattiv tal-kollettivitajiet lokali kollha. Fil-fatt, l-Isle of Wight, il-Mid-Suffolk District Council, is-South Tyneside Metropolitan Bourough Council u l-West Berkshire District Council jiżguraw l-amministrazzjoni, rispettivament, ta’ gżira, ta’ żona rurali, ta’ żona urbana u ta’ reġjun.

10      L-awtoritajiet lokali kkonċernati kienu kkunsidaw li, skont interpretazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju, huma ma kinux taxxabbli fuq il-VAT għall-attività inkwistjoni, u għalhekk talbu r-rimbors tal-VAT li kienu ħallsu qabel. Madankollu, il-Commissioners irrifjutaw li jagħtu dan ir-rimbors. Konsegwentemeent, dawn l-awtoritajiet lokali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-Commissioners quddiem il-VAT and Duties Tribunal, London. Peress li ddeċieda li l-kwistjoni tal-eżenzjoni tal-korpi rregolati bid-dritt pubbliku, fuq il-bażi tat-tieni subparagarfu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, kellha tiġi suġġetta għal analiżi lejn kull waħda mill-awtoritajiet lokali kkonċernati, jiġifieri “kull persuna taxxabbli”, il-VAT and Duties Tribunal, London, wasal għall-konklużjoni li l-eżenzjoni mill-VAT ta’ dawn l-awtoritajiet ma twassalx għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni. Għalhekk kull waħda minn dawn l-awtoritajiet għandha tiġi eżentata mill-VAT skont id-dħul li hija tieħu mill-ġestjoni ta’ żoni ta’ parking.

11      Il-Commissioners ippreżentaw appell mid-deċiżjoni tal-VAT and Duties Tribunal, London, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division). L-argument prinċipali tagħhom huwa li l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu portata nazzjonali, li jirrikjedi li ssir evalwazzjoni globali fuq l-impatt li għandha fis-settur privat kollu l-eżenzjoni mill-VAT mogħtija lill-awtoritajiet lokali għall-ġestjoni ta’ żoni ta’ parking. Dan l-appell jirrigwarda ukoll it-tifsira tat-termini “iwassal għal” u “sinifikanti” li jinsabu fil-frażi “billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikattivi tal-kompetizzjoni” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

12      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division) iddeċidiet li tissospondi l-proċedimenti u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)       L-espressjoni ‘distorsjoni [...] tal-kompetizzjoni’ għandha tiġi evalwata għal kull korp irregolat mid-dritt pubbliku b’mod li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija għandha tiġi intepretata b’referenza għas-settur jew għas-setturi li fihom dan il-korp jopera żoni ta’ parking, jew b’referenza għat-territorju nazzjonali kollu tal-Istat Membru?

2)       Xi jfisser [it-terminu] ‘iwassal’? B’mod partikolari, x’livell ta’ probabbiltà jew x’livell ta’ ċertezza huwa meħtieġ sabiex din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta?

3)       Xi tfisser l-espressjoni ‘sinifikanti’? B’mod partikolari, l-espressjoni ‘sinifikanti’ tirreferi għal effett fuq il-kompetizzjoni li iktar milli tant żgħir li ma jkollux għalfejn jitqies jew de minimis, huwa effett ‘notevoli’ jew effett ‘eċċezzjonali’?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

13      L-awtoritajiet lokali kkonċernati jqisu li l-espressjoni “distorsjoni [...] tal-kompetizzjoni” għandha tiġi evalwata għal kull korp irregolat mid-dritt pubbliku b’mod li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija għandha tiġi evalwata b’referenza għat-territorju jew għat-territorji li fihom dan il-korp jipproponi l-kiri tal-postijiet fil-postijiet ta’ parking ta’ vetturi, u mhux b’referenza għal suq ipotetiku li jkopri t-territorju nazzjonli kollu ta’ Stat Membru partikolari. Approċċ kuntrarju jkun inkoerenti fir-rigward tal-kunċett stess ta’ kompetizzjoni. Skont dawn l-awtoritajiet lokali, eżenzjoni mill-VAT mogħtija lil kull waħda minnhom bl-ebda mod ma twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ persuni privati li jipprovdu servizzi jew tal-awtoritajiet lokali li jinsabu, per eżempju, f’Glasgow, u iktar u iktar għal distorsjoni “sinifikanti”. Bl-istess mod, persuna li tixtieq tagħmel xiri fil-gżira ta’ Wight ma tipparkjax il-vettura tagħha f’Manchester.

14      Il-Gvern tar-Renju Unit, filwaqt li jibbaża fuq il-prinċipji fundamentali ta’ newtralità fiskali u taċ-ċertezza legali, iqis li, bħala prinċipju, approċċ għal “kull attività individwali”, jiġifieri li jikkunsidra s-suq nazzjonali kollu u mhux kull suq lokali, huwa l-iktar raġonevoli għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. In-natura lokali tat-talba tfisser li, anki fiż-żona li taqa’ taħt awtorità lokali partikolari, jistgħu jeżistu diversi swieq lokali, fejn uħud minnhom jistgħu jagħtu lok għall-kompetizzjoni, filwaqt li oħrajn ma jkunux.

15      Skont l-Irlanda, jirriżulta mill-ġurisprduenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu l-metodu l-iktar adegwat sabiex it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jiġu ttrasposti fid-dritt nazzjonali. Huwa obbligu ta’ kull Stat Membru li jiddetermina liema huma l-attivitajiet imwettqa mill-Istat u l-korpi pubbliċi li, jekk ma jkunux suġġetti għall-VAT, iwasslu għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. L-Istati Membri jistgħu b’hekk jadottaw approċċi lokali, reġjonali jew nazzjonali.

16      Il-Gvern Taljan jipproponi li jiġu applikati l-prinċipji li huma speċifiċi għall-qasam tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jagħmel referenza għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5) u jikkunsidra, fuq dan il-bażi, li s-suq ġeografiku rilevanti, fil-kwistjonijiet tal-kawża prinċipali, ma jista’ bl-ebda każ jikkostitwixxi s-suq nazzjonali kollu. Ma jistax jiġi maħsub, fil-qasam ta’ kiri ta’ postijiet ta’ parking ta’ vetturi, li teżisti xi tip ta’ kompetizzjoni bejn is-servizzi proposti minn bliet differenti.

17      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija tal-fehma li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attività u mhux il-kundizzjonijiet lokali ta’ kompetizzjoni sabiex jiġi evalwat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-fondatezza ta’ dan l-approċċ tista’ tiġi dedotta mill-fatt li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-operazzjonijiet elenkati fl-Anness D tagħha għandhom, f’kull każ, ikunu suġġetti għall-VAT, sakemm huma tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu. Billi tagħmel dan, is-Sitt Direttiva b’mod ċar tieħu l-ipoteżi li r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni u r-riskju ta’ distorsjonijiet li jirriżulta minn hekk għandhom jiġu ddeterminati b’mod astratt fir-rigward tan-natura stess tal-attività u mingħajr referenza għall-kundizzjonijiet lokali.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward tal-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi

19      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament sabiex din id-dispożizzjoni tkun applikabbli, jiġifieri l-eżistenza ta’ attivitajiet minn korp irregolat mid-dritt pubbliku u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet imwettqa bħala awtorità pubblika (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Ayuntamiento de Sevilla, C-202/90, Ġabra p. I-4247, punt 18, u Fazenda Pública, iċċitata iktar’il fuq, punt 15).

20      Fir-rigward tal-ewwel ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa paċifiku li l-awtoritajiet lokali kkonċernati huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku skont l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

21      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-attivitajiet imwettqa bħala awtoritajiet pubbliċi skont din l-istess dispożizzjoni huma dawk imwettqa minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kuntest tas-sistema legali partikolari tagħhom, bl-esklużjoni tal-attivitajiet li huma jeżeċitaw fl-istess kundizzjonijiet legali bħall-operaturi ekonomiċi privati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fazenda Pública, iċċitata iktar’il fuq, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Fid-dawl tan-natura tal-analiżi li għandha ssir, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkwalifika l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-kriterju applikat iktar’il fuq (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 19889, Comune di Carpaneto Piacentino et, iċċitata iktar’il fuq, punt 16; tal-15 ta’ Mejju 1990, Comune di Carpaneot Piacentino et , C-4/89, Ġabra p. I-1869, punt 11, u Fazenda Pública, iċċitata iktar’il fuq, punt 23).

23      Il-kwistjoni jekk fil-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet lokali kkonċernati jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi ma kinitx is-suġġett ta’ rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, għandha ssir l-ipoteżi li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata, għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, bħala li taqa’ taħt l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

24      Għandu ukoll jiġi mfakkar li, anki meta l-awtoritajiet lokali jeżerċitaw tali attività bħala awtoritajiet pubbliċi, huma għandhom jitqiesu bħala persuni taxxabbli, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, sa fejn l-eżenzjoni tagħhom mit-taxxa tkun tista’ twassal għal distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, dwar dan is-suġġett, dwar jekk dawn id-distorsjonijiet għandhomx jiġu evalwati b’referenza għas-swieq lokali li fihom topera kull waħda mill-awtoritajiet lokali kkonċernati jew b’referenza għall-attività, hekk kif hija eżerċitata fit-territorju nazzjonali kollu.

25      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet fit-test stess tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura u l-għan ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-pożizzjoni tal-Artikolu 4(5), fis-sistema komuni tal-VAT stabbilita minn din id-direttiva.

26      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li huma suġġetti għall-VAT, bħala regola ġenerali u skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva, il-provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas.

27      Hija barra minn hekk ikkunsidrata bħala persuna taxxabbli, skont l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ din l-attività. Dan il-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi” huwa ddefinit fit-tieni subparagrafu fuq imsemmi bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizz (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, T-Mobile Austria et, C-284/04, Ġabra p. I-5189, punt 33).

28      L-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa ħafna lill-VAT (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 235/85, Ġabra p. 1471, punt 7, u tal-4 ta’ Diċembru 1990, van Tiem, C-186/89, Ġabra p. I-4363, punt 17).

29      Madankollu għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li huma biss previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni l-attivitajiet li għandhom natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Régie dauphinoise, C-306/94, Ġabra p. I-3695, punt 15; tad-29 ta’ April 2004, EDM, C-77/01, Ġabra p. I-4295, punt 47; tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C-465/03, Ġabra p. I-4357, punt 18, kif ukoll T-Mobile Austria et, iċċitata iktar’il fuq, punt 34).

30      Huwa biss b’deroga għal din ir-regola ġenerali li ċerti attivitajiet ta’ natura ekonomika mhumiex suġġetti għall-VAT. Tali deroga hija prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi li l-attivitajiet imwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika mhumiex suġġetti għat-taxxa.

31      Din id-deroga tirreferi prinċipalment għall-attivitajiet imwettqa mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku inkwantu awtoritajiet pubbliċi li, filwaqt li huma ta’ natura ekonomika, mhuma marbutin fil-qrib mal-użu ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eżenzjoni mill-VAT ta’ dawn il-korpi għal dawn l-attivitajiet m’għandhiex potenzjalment effett antikompetittiv, peress illi dawn tal-aħħar huma ġeneralment imwettqa mis-settur privat b’mod esklużiv jew kważi-esklużiv.

32      Madankollu, ukoll meta dawn il-korpi jeżerċitaw tali attivitajiet fil-pożizzjoni tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli, skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni, jew ukoll, jekk dawn l-attivitajiet, sa fejn mhumiex tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, huma elenkati fl-Anness D ta’ din l-istess direttiva.

33      Korp irregolat mid-dritt pubbliku jista’, b’hekk, ikollu l-obbligu, skont id-dritt nazzjonali, li jeżerċita ċerti attivitajiet ta’ natura essenzjalment ekonomika fil-kuntest ta’ sistema legali li hija partikolari għalih, fejn dawn l-istess attivitajiet jistgħu ukoll jiġu eżerċitati b’mod parallel minn operaturi privati, b’mod li l-eżenzjoni mill-VAT ta’ dan il-korp tista’ jkollha bħala riżultat li jseħħu ċerti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

34      Huwa dan ir-riżultat mhux mixtieq li l-leġiżlatur Komunitarju fittex li jevita billi pprovda, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li l-attivitajiet elenkati b’mod preċiż fl-Anness D ta’ din l-istess direttiva (jiġifieri t-telekomunikazzjonijiet, il-provvista ta’ ilma, gass, elettriku u stim, it-trasport tal-oġġetti, is-servizzi tal-port u tal-ajruport, it-trasport tal-passiġġieri, eċċ) huma, “f’kull każ”, sakemm ikunu tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, suġġetti għall-VAT, ukoll meta dawn huma eżerċitati mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi.

35      Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni mill-VAT tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għal dawn l-attivitajiet hija preżunta li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, sakemm dawn l-attivitajiet ikunu tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu. B’hekk jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li l-intaxxar tal-VAT ta’ dawn il-korpi jirriżulta mill-eżerċizzju tal-attivitajiet elenkati fl-Anness D ta’ din l-istess direttiva inkwantu tali, indipendentement mill-kwistjoni jekk korp irregolat mid-dritt pubbliku partikolari jiltaqax jew le ma’ kompetizzjoni fuq livell tas-suq lokali li fih jeżerċita dawn l-istess attivitajiet.

36      Minbarra dan, jistgħu jeżistu, fuq livell nazzjonali, attivitajiet oħra ta’ natura essenzjalment ekonomika, mhux elenkati fl-Anness D tas-Sitt Direttiva, fejn il-lista tista’ tvarja minn Stat Membru għall-ieħor jew minn settur ekonomiku għal ieħor, li huma eżerċitati b’mod parallel kemm mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn operaturi privati.

37      Huwa preċiżament għal dawn l-attivitajiet li japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, anki meta jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi, għandhom jitqiesu li huma persuni taxxabbli għaliex jekk jitqiesu li huma persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni.

38      It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huma, b’konswegwenza, marbutin b’mod strett sa fejn isegwu l-istess għan, jiġifieri l-intaxxar tal-VAT tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, ukoll meta dawn tal-aħħar jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi. Dawn is-subparagrafi huma b’hekk suġġetti għall-istess loġika, li permezz tagħha l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku bħala persuni mhux taxxabbli, sabiex tiġi osservata r-regola ġenerali, li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li tgħid li kull attività ta’ natura ekonomika hija, bħala prinċipju, suġġetta għall-VAT.

39      Konsegwentement, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod sħiħ.

40      Isegwi li l-intaxxar fuq il-VAT tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, indipendentment mill-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, jew fuq dik tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta mill-eżerċizzu ta’ attività partikolari inkwantu tali, indipendentement mill-kwistjoni jekk dawn il-korpi jiltaqgħux jew le ma’ kompetizzjoni fuq il-livell tas-suq lokali li fih iwettqu din l-attività.

41      Din il-konklużjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju applikabbli fil-qasam fiskali, bħall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ ċertezza legali.

42      B’hekk, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, prinċipju fundamentali tas-sistema komuni ta’ VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 92), jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jeffettwaw l-istess operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam ta’ ntaxxar tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg, C-216/97, Ġabra p. I-4947, punt 20).

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle, C-430/04, Ġabra p. I-4999, punt 24).

44      Jekk huwa veru li s-Sitt Direttiva jipprovdi ċerti derogi li jistgħu jikkompromettu sa ċertu punt l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, bħad-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Waterschap Zeeuws Vlaanderen, C-378/02, Ġabra p. I-4685, punt 43), sa fejn din id-dispożizzjoni tippermetti l-eżenzjoni mill-VAT tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku sa fejn l-eżenzjoni tagħhom twassal biss għal distorsjonijiet żgħar tal-kompetizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din id-deroga għandha tiġi interpretata b’mod li ssir l-inqas ħsara possibbli għal dan il-prinċipju.

45      Madankollu, l-argument difiż mill-awtoritajiet lokali kkonċernati jwassal sabiex jiġu intaxxati biss fuq il-VAT ċerti awtoritajiet lokali bl-eċċezzjoni tal-oħrajn, skont distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni li jkunu jew le prodotti fuq kull wieħed mis-swieq lokali li fihom dawn l-awtoritajiet lokali joperaw, għalkemm il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, jiġifieri l-ġestjoni ta’ żoni ta’ parking, hija essenzjalment l-istess. B’hekk, dan l-argument jimplika mhux biss li l-operaturi privati huma ttrattati b’mod differenti mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku fl-ipoteżi fejn l-eżenzjoni ta’ dawn tal-aħħar twassal biss għal distorsjonijiet żgħar tal-kompetizzjoni, iżda ukoll li trattament differenzjat jiġi stabbilit fi ħdan stess tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku.

46      Min-naħa l-oħra, jekk dawn id-distorsjonijiet huma analizzati b’riferiment għall-attività inkwantu tali, indipendentement mill-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jipprevalu fuq suq lokali partikolari, l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa żgurat, peress illi l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku kollha huma kemm huma ntaxxati, kif ukoll eżentati mill-VAT, l-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet bejn dawn il-korpi u l-operaturi privati, u dan sa fejn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jibqgħu żgħar.

47      Minbarra dan, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-persuni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-301/97, Ġabra p. I-8853, punt 43, kif ukoll Halifax et, iċċitata iktar’il fuq, punt 72). Dan l-imperattiv ta’ ċertezza legali japplika b’ċerta saħħa partikolari meta dan huwa regolament li jista’ jinkludi obbligi finanzjarji, sabiex il-persuni interessati jistgħu jkunu jafu b’ċertezza l-estensjoni tal-obbligu li dan jimponi fuqhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, 326/85, Ġabra p. 5091, punt 24, u tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C-17/01, Ġabra p. I-4243, punt 34).

48      Madankollu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mis-sistema legali Komunitarja, għandu jiġi osservat kemm mill-istituzzjonijiet Komunitarji kif ukoll mill-Istati Membri meta dawn jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom mid-direttivi Komunitarji (ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen”, C-376/02, Ġabra p. I-3445, punt 32).

49      B’hekk, l-argument li jgħid li d-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ kull wieħed mis-swieq lokali li fihom l-awtoritajiet lokali jipproponu l-kiri ta’ postijiet f’parkings ta’ vetturi jippreżupponi evalwazzjoni sistematika mill-ġdid, fuq il-bażi ta’ analiżi ekonomiċi ta’ spiss kumplessi, tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq bosta mis-swieq lokali, fejn id-determinazzjoni tista’ tirriżulta partikolarment diffiċli sa fejn id-delimitazzjoni tagħhom ma tikkoinċidix neċessarjament mal-kompetenza territorjali tal-awtoritajiet lokali. Minbarra dan, diversi swieq lokali jistgħu jeżistu fit-territorju tal-istess awtorità lokali.

50      Tali sitwazzjoni tista’, konsegwentement, tipprovoka diversi kontenzjonijiet wara kull bdil li jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jipprevalu f’suq lokali partikolari.

51      B’hekk, la l-awtoritajiet lokali u lanqas l-operaturi privati ma huma f’pożizzjoni li jipprevedu biċ-ċertezza meħtieġa sabiex imexxu l-attivitajiet tagħhom jekk, f’suq lokali partikolari, l-attività eżerċitata mill-awtoritajiet lokali ta’ żoni ta’ parking ta’ vetturi bi ħlas ikun jew le suġġett għall-VAT.

52      B’hekk din is-sitwazzjoni toħloq ir-riskju li jiġu kompromessi l-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ ċertezza legali.

53      Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tingħatlha r-risposta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li d-distorsjonijiet sinifikattivi tal-kompetizzjoni li għalihom twassal l-eżenzjoni mit-taxxa tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-attività inkwistjoni, inkwantu tali, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tirrigwarda suq lokali inpartikolari.

 Fuq it-tieni domanda

54      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-termini “iwassal għal” distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jieħu inkunsiderazzjoni biss il-kompetizzjoni attwali jew fis-sens li jirreferi ukoll għall-kompetizzjoni potenzjali. Din il-qorti titlob ukoll li tippreċiża liema huwa l-livell ta’ probabbiltà meħtieġ sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

55      Filwaqt li bbażaw fuq il-punt 139 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Hutchison 3G et (C-369/04, Ġabra p. I-5247), l-awtoritajiet lokali kkonċernati iqisu li t-termini “iwassal għal” għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu l-eżistenza ta’ riskju reali u serju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

56      Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li t-termini “iwassal għal” (“would lead to”) jistgħu jitbiddlu ma’ l-espressjoni “jista’ jagħi lok għal” (“could lead to”) li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża’ fis-sentenzi Comune di Carpaneto Piacentino et, iċċitata iktar’il fuq, li jkun koerenti ukoll mal-analiżi magħmula mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-punti 127 u 131 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza Hutchinson 3G et, iċċitata iktar’il fuq. Huwa jżid jgħid li diġà teżisti, minn naħa, kompetizzjoni bejn l-impriżi privati u l-awtoritajiet lokali f’diversi reġjuni tar-Renju Unit kif ukoll, min-naħa l-oħra, kompetizzjoni potenzjali f’reġjuni oħra fejn, sallum, ebda operatur privat mhuwa preżenti.

57      Skont l-Irlanda, it-termini “iwassal għal” jimponu fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom l-obbligu li japplikaw l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li jiżguraw ruħhom li r-riskju ta’ distorsjonijiet jippreżenta natura ta’ probabbiltà, u mhux li sempliċement ikun jista’ jseħħ.

58      Il-Gvern Taljan jikkunsidra li, jekk ċertezza assoluta mhijiex neċessarja fil-qasam, it-termini “iwassal għal” għandhom jinftehmu fis-sens li r-riskji ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni, li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ attività mhux suġġetta għall-VAT, jirrappreżentaw probabbiltà kbira u mhux sempliċi possibbiltà.

59      Il-Kummissjoni ssosnti li, sabiex jiġi żgurat li l-korpi pubbliċi u l-operaturi privati jitqiegħdu fuq livell ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, nuqqas ta’ ostakolu għad-dħul tal-operaturi privati fis-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa meħtieġ. B’hekk, hija tikkunsidra li t-termini “iwassal għal” jinkludu l-kompetizzjoni potenzjali. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, jekk teżisti possibbiltà ta’ dħul reali, f’dan is-suq, ta’ operaturi privati li jsibu ruħhom f’kompetizzjoni mal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku kkonċernati.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Għandu jiġi mfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali ta’ ntaxxar ta’ kull attività ta’ natura ekonomika, u b’hekk din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. Madankollu, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li dan idaħħal mill-ġdid din ir-regola ġenerali sabiex jevita li l-eżenzjoni ta’ dawn il-korpi twassal għal distorsjonijiet sinifikattivi tal-kompetizzjoni. B’hekk din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod strett.

61      Madankollu, il-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva hija applikata b’mod mhux korrett jekk l-intaxxar ta’ dawn il-korpi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva, kellu jkun limitat għall-uniċi każijiet ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni attwali, li jippermetti li dawn il-korpi ma jiġux intaxxati meta huma jkunu biss potenzjalment ikkonfrontati bil-kompetizzjoni.

62      Madankollu, l-eżenzjoni mill-VAT ta’ dawn l-istess korpi jista’ jwassal waħdu li jiddisswadi l-kompetituri potenzjali milli jidħlu fis-suq tal-kiri ta’ postijiet fil-parking ta’ vetturi.

63      Isegwi li l-espressjoni “iwassal għal” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direrttiva tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kompetizzjoni attwali, iżda ukoll il-kompetizzjoni potenzjali.

64      Madankollu, il-possibbiltà purament teoretika għal operatur privat li jidħol fis-suq rilevanti, li mhija sostnuta minn ebda element ta’ fatt, minn ebda inferenza oġġettiva jew minn ebda analiżi tas-suq, ma tistax tiġi assimilata mal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Sabiex tkun hekk, din il-possibbiltà għandha tkun reali, u mhux purament ipotetika.

65      Konsegwentement, it-tieni domanda għandha tibgħatlha r-risposta li l-kliem “iwassal għal” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kompetizzjoni attwali, iżda ukoll il-kompetizzjoni potenzjali, sa fejn il-possibbiltà għal operatur privat li jidħol fis-suq rilevanti tkun reali, u mhux purament ipotetika.

 Fuq it-tielet domanda

66      It-tielet domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata tal-espressjoni “sinifikanti” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u, b’mod partikolari, dwar il-kwisjtoni jekk għandhiex tiġi interpretata bħala li tfisser “iktar milli tant żgħira li ma jkollhiex għalfejn titqies jew de minimis”, “notevoli” jew ukoll “eċċezzjonali”.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

67      Skont l-awtoritajiet lokali kkonċernati, l-espressjoni “sinifikanti” timplika l-eżistenza ta’ “effett żfavorevoli sinifikattiv” jew ta’ “effett eċċezzjonali” fuq il-kompetituri tal-korp irregolat mid-dritt pubbliku jew ta’ effett barra dak li jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-korp pubbliku ma jiffatturax il-VAT, filwaqt li l-kompetituri tagħhom li ġejjin mis-settur privat jiffatturawhom. Huma jsostnu ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq il-punt 41 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza Waterschap Zeeuws Vlaanderen, iċċitata iktar’il fuq, li għid li t-terminu “sinifikanti” huma sinonimi ma’ “eċċezzjonali”.

68      Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li t-terminu “sinifikanti” jirreferu għal kull distorsjoni tal-kompetizzjoni li mhijiex tant żgħira li ma jkollhiex għalfejn titqies jew de minimis. Huwa jżid jgħid, f’dak li jikkonċerna l-użu tat-terminu “eċċezzjonali” mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Waterschap Zeeuws Vlaanderen, iċċitata iktar’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja la segwiet lil dawn tal-aħħar u lanqas ma rrepetiet dan it-terminu.

69      Skont l-Irlanda, l-espressjoni “sinifikanti” tfisser li d-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni għandhom ikunu sinifikattivi u kunsiderevoli, fis-sens li għandhom joħolqu r-riskju li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li, kieku f’sitwazzjoni oħra, jipprevalu fuq is-suq inkwistjoni, u dan għad-dannu manifest tal-operaturi privati kkonċernati.

70      Il-Gvern Taljan iqis li l-espressjoni “sinifikanti” għandha tiġi interpretata bħala li tfisser “ta’ sinifikat tal-anqas kunisiderevoli jew notevoli, u mhux biss li hija tant żgħira li ma jkollhiex għalfejn titqies”.

71      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-espressjoni “sinfikanti” tirreferi għal distorsjoni li mhijiex insinjifikanti jew li hija tant żgħira li ma jkollhiex għalfejn titqies. Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Anness D tagħha, li jgħid li l-attivitajiet elenkati f’dan l-Anness D għandhom ikunu suġġetti għall-VAT sakemm huma “ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu”. Ir-rwol ta’ dan it-tielet subparagrafu huwa, f’kull każ, li jissuġġetta għall-VAT ċerti kategoriji ta’ attivitajiet, li kieku f’każ kuntarju jkunu jridu jiġu evalwati fid-dawl tat-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 4(5). Dawn iż-żewġ subparagrafi jsegwu l-istess loġika u minn dan jista’ jiġi dedott li, meta uża t-termini “tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu”, il-leġiżlatur xtaq jiddeskrivi l-attivitajiet li ma jwasslux għal distorsjoni “sinifikanti” tal-kompetizzjoni.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Prim’Istanza

72      Għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li hekk kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza, l-intaxxar tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għall-attivitajiet ta’ natura ekonomika li huma jeżerċitaw bħala awtoritajiet pubbliċi, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, jistabbilixxi mill-ġdid ir-regola ġenerali tal-intaxxar ta’ kull attività ta’ natura ekonomika sabiex jiġi evitat li n-nuqqas ta’ ntaxxar ta’ dawn il-korpi jwassal għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni u li din id-dispożizzjoni b’hekk ma tistax tirċievi interpretazzjoni stretta.

73      B’hekk, l-espressjoni “sinifikanti” għandha tinftiehem bħala li hija intiża li tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għal dawn l-attivitajiet.

74      Madankollu, jekk din l-espressjoni għandha tinftiehem bħala li tfisser notevoli, jew eċċezzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku eżenti mit-taxxa jiġi estiż b’mod żbaljat. Min-naħa l-oħra, kieku l-eżenzjoni mit-taxxa ta’ dawn tal-aħħar kien aċċettat biss fil-każ fejn iwassal biss għal distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, il-portata tiegħu tiġi effettivament ċirkuskritta.

75      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jitqiesu li huma persuni taxxabbli għall-attivitajiet elenkati fl-Aness D tagħha, sa fejn dawn mhumiex “tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu”. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni mill-VAT ta’ dawn il-korpi huwa aċċettat sa fejn dawn l-attivitajiet huma tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, peress li huwa preżunt li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minnhomm ukoll ikunu tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu

76      Madankollu, peress illi, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huma marbutin fil-qrib sa fejn huma jsegwu l-istess għan u l-istess loġika, l-espressjoni “sinifikanti” għandha tiġi intepretata fis-sens li l-eżenzjoni tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku tista’ tiġi aċċettata biss fil-każ fejn din twassal biss għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

77      Fl-aħħar nett, l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali ssostni din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, l-argument sostnut mill-awtoritajiet lokali kkonċernati li jgħid li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku m’għandhomx ikunu suġġetti għall-VAT ħlief fil-każ biss fejn id-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minn eżenzjoni mit-taxxa huma notevoli, jew eċċezzjonali, joħloq sitwazzjoni fiskali li fiha numru sinifikattiv ta’ operaturi privati li jeffettwaw l-istess operazzjonijiet bħal dawk imwettqa minn dawn il-korpi jiġu ttrattati b’mod differenti minn dawk fil-qasam ta’ intaxxar tal-VAT, haġa li tikkostitwixxi ħsara sinjifikattiva għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

78      Min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni mill-VAT ta’ dawn il-korpi, fl-ipoteżijiet fejn ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li twassal għal distorsjonijiet tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, twassal għall-ħsara l-iktar ristretta possibbli għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

79      Għalhekk it-tielet domanda għandha tingħatlha r-risposta li l-espressjoni “sinifikanti”, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, għandha tinftiehem fis-sens li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali għandhom ikunu akbar minn dawk li huma tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

 Fuq l-ispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-distorsjonijiet sinifikattivi tal-kompetizzjoni li għalihom twassal l-eżenzjoni tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-attività inkwistjoni, inkwantu tali, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tirrigwarda suq lokali inpartikolari.

2)      It-termini “iwassal għal” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kompetizzjoni attwali, iżda ukoll il-kompetizzjoni potenzjali, sa fejn il-possibbiltà għal operatur privat li jidħol fis-suq rilevanti tkun reali, u mhux purament ipotetika.

3)      L-espressjoni “sinifikanti”, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, għandha tinftiehem fis-sens li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali għandhom ikunu akbar minn dawk li huma tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.