Kawża C-302/07
J D Wetherspoon plc
vs
The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London)
“L-Ewwel u s-Sitt Direttivi tal-VAT — Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità — Regoli dwar l-arrotondament tal-ammonti tal-VAT — Metodi u livelli ta’ arrotondament”
Sommarju tas-sentenza
1. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva — Dispożizzjonijiet dwar l-arrotondament tal-ammont tat-taxxa
(Direttiva tal-Kunsill 67/227, Artikolu 2 u Direttiva 77/388, Artikoli 11A(1)(a), 12(3)(a) u 22(3)(b))
2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva — Dispożizzjonijiet dwar l-arrotondament tal-ammont tat-taxxa
(Direttiva tal-Kunsill 67/227, Artikolu 2, u Direttiva 77/388, Artikoli 11A(1)(a), 12(3)(a) u 22(3)(b))
3. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva — Arrotondament tal-ammont tat-taxxa
(Direttiva tal-Kunsill 77/388)
1. Id-dritt Komunitarju, fl-istat preżenti tiegħu, ma jinkludix istruzzjoni speċifika li tikkonċerna l-metodu ta’ arrotondament tal-ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-metodi ta’ arrotondament tal-ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud, b’dawn l-Istati jkunu marbuta, li meta jistabbilixxu dan, jirrispettaw il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni ta’ din it-taxxa, b’mod partikolari dawk tan-newtralità fiskali u tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, id-dritt Komunitarju, minn naħa, ma jipprojbixxix l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li teħtieġ l-arrotondament għal ċifra ogħla tal-ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta l-frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta inkwistjoni hija indaqs jew ogħla minn 0.5, u min-naħa l-oħra, ma teħtieġx li l-persuni taxxabbli jkunu awtorizzati jarrotondaw ’l isfel l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta dan l-ammont jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali.
(ara l-punt 38 u d-dispożittiv 1)
2. Fil-każ ta’ bejgħ bi prezz li jinkludi t-taxxa fuq il-valur miżjud, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, kull Stat Membru huwa responsabbli li jistabbilixxi, fil-limiti tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari b’rispett għall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità, il-livell li fih l-arrotondament ta’ ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali jista’ jew għandu jseħħ.
(ara l-punt 51 u d-dispożittiv 2)
3. Peress li l-kummerċjanti li jikkalkulaw il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom ta’ oġġetti u tal-provvista tagħhom ta’ servizzi li jinkludu t-taxxa fuq il-valur miżjud jinstabu f’sitwazzjoni differenti minn dawk li jwettqu l-istess tip ta’ tranżazzjonijiet bi prezzijiet mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud, dawn tal-ewwel ma jistgħux jibbenefikaw mill-prinċipju tan-newtralità fiskali sabiex jitolbu l-awtorizzazzjoni li jseħħ l-arrotondament ’l isfel fil-livell tal-linja ta’ prodotti u tat-tranżazzjoni tal-ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuti. Fil-fatt, fil-każ tal-prezzijiet stabbiliti mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud, l-arrotondament iseħħ qabel it-trasferiment tal-ħlas tas-servizz mill-klijent, l-ammont tat-taxxa riċevut mill-persuna taxxabbli mill-klijent tagħha u dak imħallas li mbagħad jitħallas mill-persuna taxxabbli lill-Istat huwa identiku, u dan indipendentement mill-metodu tal-arrotondament applikat. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud hija inkluża fil-prezz ta’ oġġett jew servizz, l-arrotondament sistematiku ’l isfel, għal livell iktar baxx għad-dikjarazzjoni perjodika tat-taxxa fuq il-valur miżjud, iwassal lill-persuna taxxabbli tiġbor mill-klijent tagħha l-ammont tat-taxxa fuq il-valur effettivament dovut sabiex hija tittrasferixxi sistematikament lill-Istat ammont iktar baxx filwaqt li żżomm id-differenza għall-vantaġġ tagħha, li jmur kontra l-prinċipju li jgħid li t-taxxa fuq il-valur miżjud hija riċevuta mill-persuni taxxabbli f’kull stadju tal-proċess tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni għan-nom tal-awtorità fiskali, li lilha huma marbutin li jħallsuha.
(ara l-punti 60, 61, 64 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
5 ta’ Marzu 2009 (*)
“L-Ewwel u s-Sitt Direttivi tal-VAT – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità – Regoli dwar l-arrotondament ta’ ammonti tal-VAT – Metodi u livelli ta’ arrotondament”
Fil-Kawża C-302/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2007, fil-kawża
J D Wetherspoon plc
vs
The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u G. Arestis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal J D Wetherspoon plc, minn M. Angiolini, barrister, u A. Khan, solicitor,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,
– għall-Gvern Elleniku, minn S. Alexandridou, V. Karra, K. Georgiadis u M. Apesos, bħala aġenti,
– għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Afonso u R. Lyal, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta’ April 1967 fuq l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 3), kif emendata bis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), kif ukoll tal-Artikoli 11A(1)(a), 12(3)(a), u 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE tas-7 ta’ Ottubru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 390, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija J D Wetherspoon plc (iktar ’il quddiem “Wetherspoon”) kontra l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) dwar iċ-ċaħda minn dawn tal-aħħar ta’ talba sabiex tingħata l-benefiċċju ta’ arrotondament ’l isfel fil-livell tal-linja ta’ prodotti u tat-tranżazzjoni tal-ammont dovut għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva jistabbilixxi:
“Il-prinċipju tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tinvolvi d-dħul ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ transazzjonijet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-isadju li fih titħallas it-taxxa.
Fuq kull transazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud, kalkulata fuq il-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-valur miżjud li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.
Is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun applikata sa l-istadju tal-kummerċ bl-imnut (dan l-istadju inkluż).”
4 Skont l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva, ikun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw.
5 L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“L-ammont taxxabbli għandu jkun:
a) fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti”.
6 Skont l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, ir-rata standard tat-taxxa fuq il-VAT għandha tkun iffissata minn kull Stat Membru bħala perċentwali tal-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista tal-oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi. Din il-perċentwali ma tistax tkun iktar baxxa minn 15 %, ħlief fl-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa waħda jew tnejn.
7 L-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li jirriżulta mill-Artikolu 28h ta’ din (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva”), jipprovdi l-obbligi ta’ persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT taħt is-sistema legali interna. Dan l-Artikolu 22 jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3(a) tiegħu, kif ukoll fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (b) u fir-raba’ subparagrafu:
“a) Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li tinħareġ fattura, jew minnha nnifisha jew mill-klijent tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn terza parti, rigward oġġetti jew servizzi li tkun issuplixxiet jew tat lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux taxxabbli. […]
[…]
b) Mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti speċifiċi stabbiliti b’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għal finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-ewwel, it-tieni u t-tielet sottoparagrafu ta’ punt(a):
– […]
– l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas, għajr fejn ikun applikat arranġament speċifiku li għalih din id-Direttiva teskludi dan id-dettall,
– […]
[…]
L-ammonti li jidhru fuq il-fattura jistgħu jkunu f’kull munita [valuta], kemm-il darba l-ammont ta’ taxxa li għandu jitħallas ikun espress fil-munita [valuta] nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn isseħħ il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi […]
[…]”
8 L-Artikolu 22(4)(a) u (b) u 5 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“4. a) Kull persuna taxxabbli għandha tissottometti prospett f’intervall li għandu jkun stabbilit minn kull Stat Membru. […]
b) Il-prospett irid jistabilixxi l-informazzjoni kollha li hemm bżonn biex tiġi kkalkulata t-taxxa li saret taxxabbli u tnaqqis li jrid jsir, inklużi, fejn jixraq, u sa kemm jidher neċessarju għall-istabbiliment tal-bażi tat-taxxa, l-ammont totali tat-transazzjonijiet relattivi għat-tali taxxa u t-tnaqqis, u l-ammont totali tal-provvisti eżentati.
[…]
5. Kull persuna taxxabbli għandha tħallas l-ammont net tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta jissottometti l-prospett. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jiffissaw data differenti għall-ħlas ta’ l-ammont u jistgħu jitolbu ħlas temporanju.”
9 Fis-snin 2004 sa 2006, saru numru ta’ emendi lis-Sitt Direttiva. Fost id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, huwa biss il-kliem tal-Artikolu 12(3) li ġie emendat. Madankollu, din l-emenda ma taffettwax ir-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi preliminari.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 L-Artikolu 13 tar-Regolamenti tal-1995 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Value Added Tax Regulations 1995) jipprovdi l-obbligu li tiġi pprovduta fattura tal-VAT jekk il-provvista jew is-servizz taxxabbli jingħataw lil persuna taxxabbli oħra.
11 Skont l-Artikolu 16(1) tal-imsemmi Regolamenti, “bejjiegħ bl-imnut” mhux obbligat jagħti fatturi tal-VAT ħlief jekk klijent ikun talab dan. F’każ ta’ ħlas li ma jaqbiżx GBP 100, huwa possibbli li tinħareġ “fattura tal-VAT inqas dettaljata” li tindika, fost l-oħrajn, għal kull rata applikabbli, l-ammont gross pagabbli inkluża l-VAT, u r-rata tal-VAT applikabbli.
12 Il-Commissioners ppubblikaw għall-benefiċċju tal-persuni taxxabbli gwida tal-VAT, in-Notice 700 – The VAT Guide - April 2002 (iktar ’il quddiem l-“Avviż VAT 700”).
13 Il-paragrafi 17.5, 17.5.1 u 17.6 tal-imsemmi avviż jirrigwardaw l-arrotondament ta’ ammonti tal-VAT. Huma jipprovdu:
“17.5 Kalkolu ta’ VAT fuq fatturi – arrotondament ta’ ammonti
Nota: Il-konċessjoni f’dan il-paragrafu li tnaqqas ammonti sal-eqreb numru sħiħ hija maħsuba għal kummerċjanti bil-fattura u tapplika biss fejn il-VAT imposta fuq klijenti u l-VAT imħallsa lid-Dwana u Sisa hija l-istess. Bħala regola ġenerali, il-konċessjoni li jsir arrotondament mhijiex adattata għal bejjiegħa bl-imnut, li għandhom jagħmlu referenza għall-paragrafu 17.6.
Inti tista’ tarrotonda ’l isfel il-VAT pagabbli fuq il-prodotti u s-servizzi kollha murija fuq fattura tal-VAT sal-eqreb penny. Inti tista’ tinjora kwalunkwe frazzjoni ta’ penny.
17.5.1 Kalkolu bbażat fuq linji ta’ prodotti jew servizzi
Jekk tixtieq taħdem il-VAT separatament għal linja ta’ prodotti jew servizzi li huma inklużi ma’ prodotti jew servizzi oħrajn fl-istess fattura, inti għandek tikkalkola l-ammonti separati ta’ VAT billi
– tarrotonda sal-eqreb 0.1p – pereżempju, 86.76p jiġi arrotondat ’l isfel għal 86.7p; jew
– tarrotonda sal-eqreb 1p jew 0.5p – pereżempju, 86.76p jiġi arrotondat għal 87p.
Tiddeċiedi x’tiddeċiedi, trid tkun konsistenti.
L-ammont totali finali ta’ VAT pagabbli jista’ jiġi arrotondat sal-eqreb penny sħiħ.
[…]
17.6 Kalkolu ta’ VAT minn bejjiegħa bl-imnut
Il-parti l-kbira tal-bejjiegħa bl-imnut jikkontjaw għall-VAT billi jużaw skemi ta’ bejgħ bl-imnut. Jekk dak huwa l-mod kif tikkontja għal VAT, dal-paragrafu ma jaffettwakx.
Il-bejjiegħa bl-imnut iktar ma jmur qegħdin jużaw teknoloġija sofistikata biex tiġi identifikata l-VAT dovuta fuq kull tranżazzjoni u joħorġu fattura. Jekk inti ma tużax skema ta’ bejgħ bl-imnut imma minflok tikkalkola l-VAT fil-livell ta’ linja jew fattura inti m’għandekx tarrotonda ċ-ċifra tal-VAT ’l isfel. Madankollu, inti tista’ tarrotonda kull kalkolazzjoni ta’ VAT.”
14 L-Avviż VAT 700 ma jagħtix tifsira ta’ “kummerċjanti tal-fattura”.
15 Xi indikazzjonijiet addizzjonali dwar l-arrotondament ingħataw fil-manwal tal-Commissioners V1-24A: Trader’s records, gwida għall-persunal tal-awtoritajiet fiskali li huwa aċċessibbli wkoll għall-pubbliku.
16 L-Artikolu 12.1 ta’ dan il-manwal jindika li, għall-interpretazzjoni tal-paragrafu 17.5 tal-Avviż VAT 700, “hu importanti li wieħed jinnota li hu fil-kuntest tar-regoli għal kummerċjanti tal-fattura li l-arrotondament huwa fiskalment newtru. Dan minħabba li normalment se jeffettwa kemm t-taxxa fuq il-bejgħ tal-fornitur u t-taxxa fuq ix-xiri tal-klijent. Dan ifisser li meta kummerċjant tal-fattura jikkalkola l-VAT fuq valuri netti, l-ammont impost u pagabbli mill-klijent jista’ jiġi arrotondat”.
17 L-Artikolu 12.2 tal-manwal V1-24A: Trader’s records jipprovdi:
“Pakketti sofistikati ta’ kkontjar jippermettu l-possibbiltà li tiġi identifikata l-VAT fil-livell tal-linja u/jew li jiġu pprovduti fatturi tal-VAT. […]
Bħala regola ġenerali l-konċessjoni li jsir arrotondament mhijiex adattata għal bejjiegħa bl-imnut. Dan għaliex l-effett ta’ arrotondament ’l isfel tal-VAT imposta fuq il-konsumatur finali huwa li ma titnaqqasx il-VAT pagabbli (li hija l-frazzjoni tal-VAT immoltiplikat bil-prezz) imma biss li titnaqqas it-taxxa kkontjata għal Commissioners.
Il-parti l-kbira tal-bejjiegħa bl-imnut jikkontjaw għall-VAT billi jużaw skemi ta’ bejgħ bl-imnut. Il-problema ta’ arrotondament tinħoloq biss għal bejjiegħa bl-imnut li s-sistemi ta’ kkontjar tagħhom jippermettulhom jidentifikaw it-taxxa fuq livell tal-linja u li jinħarġu fatturi. […]
Jekk bejjiegħ bl-imnut ġenwinament jistabbilixxi prezzijiet bil-VAT-eskluża – biex b’hekk il-VAT imposta fuq il-konsumatur u l-VAT ikkontjata għal HMRC huma l-istess – il-konċessjoni eżistenti tal-arrotondament tista’ tkun adattata. Meta tiġi kkunsidrata sistema bħal din, inti għandek teżamina kif il-prezzijiet attwalment jiġu stabbiliti. Jekk il-bejjiegħ bl-imnut ġenwinament jasal għal prezz tal-bejgħ li jinkludi t-taxxa billi jibda b’valur nett li jiġi espress f’pennies sħaħ, imbagħad il-konċessjoni eżistenti tista’ tkun adattata. […]”
18 L-Artikolu 12.3 tal-manwali V1-24A: Trader’s records jispjega l-metodu tal-arrotondament aritmetiku u jipprovdi, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li “jekk kummerċjant jipproponi metodu alternattiv ta’ arrotondament sal-eqreb penny sħiħ dan għandu jiġi kkunsidrat u awtorizzat jekk jipproduċi riżultat aċċettabbli u raġonevoli”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 Wetherspoon topera katina ta’ iktar minn 670 pub fir-Renju Unit. Il-parti l-kbira tad-dħul tagħha ġej mill-bejgħ bl-imnut ta’ ikel u xorb lill-konsumaturi finali.
20 Wetherspoon turi lill-klijenti tagħha, prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut li jinkludu l-VAT. Hi ma toħroġx fatturi sħaħ tal-VAT lill-klijenti, imma hija ħaġa normali għaliha li għal ordnijiet ta’ ikel jew xarbiet sħan tipprovdi rċevuti li jindikaw in-numru tagħha ta’ reġistrazzjoni tal-VAT. Għax-xorb l-ieħor, inkluż fosthom ix-xorb alkoliku, hija tagħti biss irċevuta fuq talba tal-konsumatur.
21 Sal-2004, Wetherspoon kienet tikkalkola l-VAT dovut fuq kull tranżazzjoni li ssir ma’ klijent partikolari u suġġetta għar-rata normali tal-VAT ta’ 17.5 % billi l-ammont totali tal-bejgħ jiġi mmultiplikat 7/47. Ir-riżultat kien arrotondat aritmetikament ’il fuq għall-eqreb penny sħiħ jew l-eqreb ’l isfel.
22 Wara l-immodernizzar tat-terminali tagħha tal-ħlas elettroniku, fix-xahar ta’ Awwissu 2004, Wetherspoon kienet fil-pożizzjoni li tikkalkola l-VAT fuq livell tal-“linja ta’ prodotti”, jiġifieri għal kull tip ta’ prodott identifikat separatament meta tranżazzjoni tinkludi numru ta’ artikli. Sabiex tagħmel dan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tikkalkola u tarrotonda l-VAT għat-tielet deċimali ’l isfel, jiġifieri sal-eqreb wieħed minn għaxra ’l isfel ta’ penny, fuq livell tal-linja ta’ prodotti. Imbagħad, hija żżid dawn l-ammonti tal-VAT u tarrotonda l-ammont totali miksub sal-eqreb penny sħiħ fuq livell tat-tranżazzjoni.
23 Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2004 u x-xahar ta’ Jannar 2005, Wetherspoon għamlet negozjati mal-Commissioners sabiex tiġi deċiża sistema magħmula apposta li tintgħażel bi ftehim mal-bejjiegħa bl-imnut, iżda s-sistema proposta minn Wetherspoon qatt ma ġiet approvata mill-Commissioners u lanqas implementata minn Wetherspoon.
24 Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2006, il-Commissioners irrifjutaw li jawtorizzaw lill-Wetherspoon sabiex tarrotonda ’l isfel il-VAT dovut fuq kull tranżazzjoni. B’hekk fis-7 ta’ April 2006 Wetherspoon appellat dan ir-rifjut. Fis-7 ta’ Settembru 2006, hija ppreżentat żewġ rikorsi oħra, għall-istess raġunijiet, kontra żewġ avviżi ta’ stima maħruġa fit-8 u 17 ta’ Awwissu 2006.
25 Wetherspoon issostni li hija kellha d-dritt tapplika l-metodu ta’ arrotondament ’l isfel previst fil-paragrafu 17.5.1 tal-Avviż VAT 700. Il-Commissioners jallegaw li min-naħa l-oħra hija għandha tarrotonda b’mod aritmetiku, kemm fuq livell tal-linja ta’ prodotti, kemm fuq livell tat-tranżazzjoni.
26 Il-qorti tar-rinviju, li kienet qed tisma’ dan l-appell, issostni li la d-dritt Komunitarju u lanqas il-liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (U.K. Value Added Tax Act 1994) jew ir-Regolamenti tal-1995 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud ma kienu jipprovdu regoli espliċiti dwar il-metodu ta’ arrotondament li jintuża fl-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT li jwassal għal ammont li jinkludi frazzjoni tal-iktar unità żgħira tal-valuta, f’dan il-każ dik ta’ penny. Skont din l-istess qorti, żewġ metodi ta’ arrotondament huma possibbli. Fil-fatt ikun possibbli kemm li tiġi arrotondata sistematikament sal-ammont sħiħ ’l isfel, kif ukoll li tiġi arrotondata aritmetikament, jiġifieri li tarrotonda l-frazzjonijiet ta’ inqas minn 0.5 penny sal-ammont sħiħ ’l isfel u ta’ ammonti indaqs jew ogħla għal 0.5 sal-ammont sħiħ ’il fuq.
27 Il-qorti tar-rinviju żżid li la d-direttivi u lanqas il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma jindikaw f’liema stadju jew livell l-arrotondament għandu jseħħ. B’hekk, meta klijent jixtri numru ta’ oġġetti fl-istess waqt, ikun possibbli li jiġi arrotondat il-VAT fatturat kemm għal kull artiklu separatament, kemm għal kull tip ta’ prodott meta jkunu nxtraw numru ta’ artikli tal-istess prodott, kemm fuq livell tat-tranżazzjoni totali mal-klijent, kemm fil-mument tal-prospett tal-VAT fit-tmiem tal-perijodu ta’ kkontjar rilevanti, kemm, fl-aħħar nett, fuq livell ieħor, bħal dak tad-dħul gross ta’ kuljum mill-fatturat jew għall-fatturat kollu tal-bejjiegħ bl-imnut.
28 Billi kkunsidrat li hemm inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt Komunitarju jeżiġi forma ta’ arrotondament speċifiku u, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-mod li permezz tiegħu l-prinċipju tan-newtralità fiskali japplika f’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-erba’ domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-arrotondament ta’ ammonti tal-VAT huwa rregolat biss mil-liġi nazzjonali, jew mid-dritt Komunitarju? B’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva u l-Artikoli 11A(l)(a) u/jew 12(3)(a) u/jew l-Artikolu 22(3)(b), (fil-verżjoni tal-1 ta’ Jannar 2004) tas-Sitt Direttiva jikkonfermaw li l-arrotondament huwa rregolat mid-dritt Komunitarju?
2) B’mod partikolari:
a) Id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali jew prattika tal-awtorità fiskali nazzjonali li tirrikjedi l-arrotondament ta’ ammont partikolari ta’ VAT kull meta l-frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta inkwistjoni tkun ta’ jew iktar minn 0.50 (pereżempju, 0.5 pence għandu jiġi arrotondat ’il fuq għall-eqreb penny sħiħ)?
b) Id-dritt Komunitarju jirrikjedi li l-persuna taxxabbli tiġi awtorizzata tarrotonda ’l isfel kull ammont ta’ VAT li jkun jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta li tkun teżisti?
3) F’bejgħ li jkun jinkludi l-VAT, f’liema livell id-dritt Komunitarju jirrikjedi li jsir arrotondament għall-iskop li tiġi kkalkolata l-VAT dovuta: fuq livell ta’ kull artiklu individwali, kull linja ta’ prodotti, kull provvista (jekk iktar minn provvista waħda hija inkluża fl-istess basket tax-xiri), kull tranżazzjoni/total tal-basket tax-xiri, għal kull perijodu ta’ kkontjar tal-VAT jew fuq xi livell ieħor?
4) Ir-risposta għal dawn id-domandi hija effettwata mill-prinċipji tad-dritt Komunitarju ta’ trattament ugwali u newtralità fiskali, b’mod partikolari b’referenza għall-eżistenza fir-Renju Unit, ta’ konċessjoni min-naħa tal-awtoritajiet fiskali rilevanti li tippermetti lil ċerti negozjanti biss li jarrotondaw l-ammonti ta’ VAT li għandu jsir ikkontjar għalihom?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
29 Permezz taż-żewġ domandi tagħha li għandhom jiġu ttratati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-arrotondament ta’ ammonti tal-VAT jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali jew taħt id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, jekk id-dritt Komunitarju jinkludi regoli dwar il-metodu ta’ arrotondament, kemm li jopponu l-arrotondament aritmetiku, kemm billi jeżiġu lill-Istati Membri li jawtorizzaw lill-persuni taxxabbli sabiex jarrotondaw sistematikament ’l isfel, meta l-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT twassal għal ammont tal-VAT li jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali.
30 Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Ewwel u s-Sitt Direttivi ma jinkludu l-ebda regola speċifika dwar l-arrotondament ta’ ammonti tal-VAT. B’mod partikolari, is-Sitt Direttiva tibqa’ siekta f’dan ir-rigward (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Koninklijke Ahold, C-484/06, Ġabra 2008, p. I-5097, punt 24).
31 Barra minn hekk, la l-għan u lanqas l-istruttura tal-Artikoli 11A(1)(a) u 22(3)(b), (4) u (5) tas-Sitt Direttiva ma jippermettu li jiġi konkluż li metodu speċifiku ta’ arrotondament ġie previst mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 30).
32 Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, hija s-sistema legali tal-Istati Membri li għandha tistabbilixxu, fil-limiti tad-dritt Komunitaju, l-metodu u r-regoli li jirregolaw l-arrotondament ta’ ammont iddikjarat tal-VAT (ara s-sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).
33 B’hekk, meta l-Istati Membri jistabbilixxu jew jaċċettaw metodu partikolari ta’ arrotondament, huma marbuta jirrispettaw il-prinċipji li jirregolaw is-sistema komuni tal-VAT, bħal dik tan-newtralità fiskali u tal-proporzjonalità. Ir-rispett ta’ dawn il-prinċipji rikonoxxuti fis-sistema legali Komunitarja madankollu m’għandux bħala konsegwenza li l-kwistjoni tal-metodu speċifiku ta’ arrotondament li għandu jiġi applikat jirriżulta mid-dritt Komunitarju stess (sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
34 Konsegwentement il-prinċipju tan-newtralità fiskali għandu b’mod partikolari bħala konsegwenza li l-persuni taxxabbli li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jew tranżazzjonijiet ekonomiċi simili m’għandhomx ikunu ttratati b’mod differenti, fir-rigward tal-metodu ta’ arrotondament implementat fil-kalkolu tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont dan il-prinċipju stess, l-ammont li sejjer jinġabar mill-awtorità fiskali bħala VAT m’għandux ikun għola minn dak imħallas mill-konsumatur finali lill-persuna taxxabbli (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs, C-317/94, Ġabra p. I-5339, punt 24, u, f’dan is-sens, is-sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
35 B’hekk, l-imsemmi prinċipju ma jinkludi l-ebda ħtieġa fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ metodu partikolari ta’ arrotondament, sakemm il-metodu li jintgħażel mill-Istat Membru kkonċernat jiggarantixxi li l-ammont miġbur mill-awtorità fiskali bħala VAT ikun preċiżament daqs l-ammont imħallas mill-konsumatur finali lill-persuna taxxabbli (ara s-sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
36 Fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk ir-rispett ta’ dan il-prinċipju jeħtieġ li kull ammont arrotondat ikun kemm jista’ jkun daqs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata fis-seħħ, xorta jibqa’ l-fatt li din il-ħtieġa għandha tkun irrikonċiljata mal-ħtiġijiet prattiċi ta’ applikazzjoni effettiva tas-sistema komuni tal-VAT u li, minħabba n-natura teknika tad-domanda tal-arrotondament, iktar minn metodu wieħed ta’ arrotondament jidher li jissodisfa dawn il-ħtiġijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata, punti 39 sa 41).
37 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Ewwel u tas-Sitt Direttivi u l-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità, ma jikkontjenu l-ebda struzzjoni speċifika dwar il-metodu ta’ arrotondament ta’ ammonti tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata, punt 42).
38 Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda li d-dritt Komunitarju, fl-istat preżenti tiegħu, ma jinkludix struzzjoni speċifika li tikkonċerna l-metodu ta’ arrotondament ta’ ammonti tal-VAT. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-metodi ta’ arrotondament ta’ ammonti tal-VAT, b’dawn l-Istati jkunu marbuta, meta jistabbilixxu dan, li jirrispettaw il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni ta’ din it-taxxa, b’mod partikolari dawk tan-newtralità fiskali u tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, id-dritt Komunitarju, minn naħa, ma jipprojbixxix l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li teħtieġ l-arrotondament għal ċifra ogħla ta’ ammonti tal-VAT meta l-frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta inkwistjoni hija indaqs jew ogħla minn 0.5, u min-naħa l-oħra, ma teħtieġx li l-persuni taxxabbli jkunu awtorizzati jarrotondaw ’l isfel l-ammont tal-VAT meta dan l-ammont jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali.
Fuq it-tielet domanda
39 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-bejgħ bi prezz li jinkludi l-VAT, id-dritt Komunitarju jeħtieġ li l-arrotondament għall-finijiet tal-kalkolu tal-VAT dovut iseħħ fuq livell partikolari, pereżempju f’wieħed mil-livelli msemmija fil-punt 27 tas-sentenza preżenti.
40 Skont il-Gvern tar-Renju Unit, id-dritt Komunitarju jeħtieġ l-arrotondament tal-VAT biss fi stadju li fih dan jeħtieġ l-ikkontjar tal-VAT bħala somma ta’ flus. B’hekk, il-livell l-iktar baxx ikun kemm il-fattura li nħarġet taħt l-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva, kemm id-dikjarazzjoni perjodika tal-VAT. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ċerta diskrezzjoni fl-awtorizzazzjoni tal-arrotondament għal stadju preċedenti jekk huma jikkunsidraw dan xieraq.
41 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkunsidra wkoll li jista’ jkun ikkunsidrat neċessarju li jiġi indikat il-VAT dovut f’ammonti arrotondati fil-ħruġ ta’ fattura skont l-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, f’każ ta’ bejgħ bl-imnut bi prezzijiet li jinkludu l-VAT, dan ikun biss fl-istadju tad-dikjarazzjoni perjodika tal-VAT li turi l-ħtieġa li jintwera l-ammont dovut f’ammonti arrotondati.
42 Min-naħa l-oħra, Wetherspoon tikkunsidra li arrotondament li jsir biss fit-tmiem tal-perijodu ta’ kkontjar rilevanti għall-VAT ikun inkompatibbli mar-regoli tal-Ewwel u s-Sitt Direttivi kif ukoll mal-prinċipji tan-newtralità fiskali u taċ-ċertezza legali. Hekk kif hemm l-obbligu li jiġi ddikjarat il-VAT lill-awtoritajiet fiskali għall-provvisti li jsiru fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni, huwa neċessarju li jiġi identifikat l-ammont preċiż tal-VAT li l-klijent huwa marbut iħallas u li l-fornitur huwa marbut jiddikjara, l-iktar tard fuq livell tat-tranżazzjoni.
43 L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Ewwel u s-Sitt Direttivi, b’mod partikolari dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma jinkludu l-ebda regoli speċifiċi li jistabbilixxu l-livell li fih jista’ jew għandu jsir l-arrotondament ta’ ammonti tal-VAT li jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali.
44 B’mod partikolari, l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jillimita ruħu li jistabbilixxi l-ammont taxxabbli u jirreferi biss għall-prezzijiet tal-oġġetti kkunsinnati u s-servizzi mogħtija għall-ħlas ta’ dan (sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata iktar ’il fuq , punt 26).
45 Ċertament, l-Artikolu 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li, f’każ ta’ ħruġ ta’ fattura, l-ammont tat-taxxa li għandha titħallas għandu jidher fil-fattura u jkun espress fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, ma jirriżultax minn dawn il-ħtiġijiet li din id-dispożizzjoni timponi li jintużaw unitajiet sħaħ tal-valuta nazzjonali għall-imsemmija informazzjoni.
46 L-imsemmija konstatazzjoni bl-ebda mod ma hija ddubitata minħabba l-għan u l-istruttura ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jiggarantixxu l-uniformità tal-ammont taxxabbli fl-Istati Membri kif ukoll li jassiguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ara s-sentenza Koninklijke Ahold, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29).
47 B’hekk jirriżulta li la l-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas l-għan tagħhom ma jippermetti li jkun konkluż li livell partikolari ta’ arrotondament kien ġie previst mid-dispożizzjonijiet Komunitarji.
48 Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, hija s-sistema legali tal-Istati Membri li għandha tistabbilixxi, fil-limiti stabbiliti mid-dritt Komunitarju, l-istadju li fih l-arrotondament ta’ ammont tal-VAT jista’ jew għandu jseħħ.
49 Hekk kif jirriżulta mill-punt 33 tas-sentenza preżenti, meta l-Istati Membri jistabbilixxu dan l-istadju, huma marbuta jirrispettaw il-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità li jirregolaw is-sistema komuni ta’ VAT (ara f’dan ir-rigward il-punti 34 sa 36 tas-sentenza preżenti). Madankollu, minħabba teknikalità fil-kwistjoni tal-arrotondament, dawn il-prinċipji mhumiex ta’ tip li jikkontjenu ħtiġijiet li jippermettu li jiġi konkluż li livell wieħed ta’ arrotondament, b’mod partikolari dak imwettaq fuq livell tal-artiklu jew fuq livell tal-linja ta’ prodotti, ikun jissodisfa l-imsemmija prinċipji.
50 Min-naħa l-oħra, għandha ssir distinzjoni bejn il-ħtiġijiet eventwali tad-dritt Komunitarju dwar l-arrotondament tal-ħtiġijiet prattiċi li jeħtieġu l-arrotondament ta’ ammont tal-VAT li jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali. Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li seħħew bi prezz li jinkludi l-VAT, il-ħtieġa urġenti ta’ arrotondar tal-ammont tal-VAT għal ċifra sħiħa tal-imsemmija unità monetarja ma teżistix fl-istadju tat-tranżazzjoni, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu. Fil-fatt, f’każ bħal dan, huwa biss fl-aħħar tad-dikjarazzjoni perjodika tal-VAT li huwa assolutament indispensabbli li twassal għal somma li tista’ effettivament titħallas, u li minħabba dan il-fatt m’għandhiex tinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta.
51 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li, fil-każ ta’ bejgħ bi prezz li jinkludi l-VAT, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, kull Stat Membru huwa responsabbli li jistabbilixxi, fil-limiti tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari b’rispett għall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità, il-livell li fih l-arrotondament ta’ ammont ta’ VAT li jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali jista’ jew għandu jseħħ.
Fuq ir-raba’ domanda
52 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk “bejjiegħ bl-imnut” jista’, fuq il-bażi tal-prinċipji Komunitarji ta’ trattament ugwali u tan-newtralità fiskali, jitlob l-awtorizzazzjoni sabiex japplika l-istess metodu ta’ arrotondament ta’ ammonti tal-VAT dovut minflok dak magħżul mid-dritt nazzjonali lil ċerti persuni taxxabbli, jiġifieri l-hekk imsejħa “kummerċjanti tal-fattura”, jiġifieri li jsir arrotondar ’l isfel tal-ammont dovut għall-VAT fuq livell tal-linja ta’ prodotti u tat-tranżazzjoni.
53 Wetherspoon tikkunsidra li huwa inkompatibbli mal-prinċipju tan-newtralità fiskali li l-bejjiegħa bl-imnut jiġu miċħuda mill-konċessjoni dovuta mill-kummerċjanti tal-fattura. Din l-esklużjoni twassal sabiex provvisti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi simili, li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu trattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT. Barra minn hekk, minħabba nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjanti tal-fattura” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija, din hija distinzjoni arbitrarja.
54 Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra f’dan ir-rigward, li l-kummerċjanti tal-fattura ma jagħmlux provvisti simili għal dawk tal-bejjiegħa bl-imnut u mhumiex f’kompetizzjoni ma’ dawn tal-aħħar li joperaw fuq livell differenti tal-katina tal-provvista. Konsegwentement, il-prinċipji tan-newtralità fiskali u tal-eliminazzjoni tat-tfixkil tal-kompetizzjoni ma jeħtiġux li dawn iż-żewġ gruppi jiġu ttratati bl-istess mod fir-rigward tal-VAT.
55 Skont il-Kummissjoni, il-prinċipju tan-newtralità fiskali jeskludi l-estensjoni għall-bejjiegħa bl-imnut ta’ konċessjoni tal-awtorità fiskali li tawtorizza ċerti kummerċjanti, li, normalment, japplikaw prezzijiet mingħajr VAT u ma jbigħux lill-konsumaturi finali, sabiex jarrotondaw ’l isfel l-ammont tal-VAT li għandu jiġi ddikjarat.
56 Il-Gvern Elleniku jikkunsidra li l-arrotondament ’l isfel huwa bla effett fuq l-ammont finali riċevut mill-Istat biss jekk japplika biss għall-provvisti u s-servizzi lill-persuni taxxabbli oħra.
57 F’dan ir-rigward għandu jingħad li barra minn dak li jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza preżenti, il-prinċipju tan-newtralità fiskali, li jirrefletti l-prinċipju tat-trattament ugwali fil-qasam tal-VAT, jipprojbixxi b’mod partikolari li l-persuni taxxabbli jkunu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-metodu tal-arrotondament implementat fil-kalkolu tal-VAT jekk huma jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jew tranżazzjonijiet ekonomiċi simili (ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Ampliscientifica u Amplifin, C-162/07, Ġabra 2008, p. I-4019, punt 25, u kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-132/06, Ġabra 2008, p. I-5457, punt 39).
58 B’hekk, għandu jiġi stabbilit jekk il-“kummerċjanti tal-fattura” u l-“bejjiegħa bl-imnut” previsti fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jew tranżazzjonijiet ekonomiċi simili.
59 Fil-każ preżenti, mill-paragrafu 17.5 tal-Avviż VAT 700 kif ukoll mill-Artikoli 12.1 u 12.2 tal-manwal V1-24A: Trader’s records jirriżulta li l-kunċett ta’ “kummerċjant tal-fattura” ikopri biss persuni taxxabbli li jwettqu l-provvista ta’ servizzi tagħhom jew il-provvisti ta’ oġġetti tagħhom bi prezzijiet mingħajr VAT li magħhom il-VAT huwa miżjud fil-mument li tinħareġ il-fattura.
60 Fil-każ tal-prezzijiet stabbiliti mingħajr VAT, l-arrotondament iseħħ qabel it-trasferiment tal-ħlas tas-servizz mill-klijent. L-ammont tat-taxxa riċevut mill-persuna taxxabbli mill-klijent tagħha u dak imħallas li mbagħad jitħallas mill-persuna taxxabbli lill-Istat huwa identiku, u dan indipendentement mill-metodu tal-arrotondament applikat.
61 Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-VAT huwa inkluż fil-prezz ta’ oġġett jew servizz, l-arrotondament sistematiku ’l isfel, għal livell iktar baxx għad-dikjarazzjoni perjodika tal-VAT, iwassal lill-persuna taxxabbli tiġbor mill-klijent tagħha l-ammont tal-VAT effettivament dovut sabiex hija tittrasferixxi sistematikament lill-Istat ammont iktar baxx filwaqt li żżomm id-differenza għall-vantaġġ tagħha. Dan ir-riżultat imur kontra l-prinċipju li skont dan il-VAT huwa rċevut mill-persuni taxxabbli f’kull stadju tal-proċess tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni għan-nom tal-awtorità fiskali, li lilha huma marbutin li jħallsuh (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel, C-291/03, Ġabra p. I-8477, punt 30).
62 Barra minn hekk, iż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ivarjaw b’mod kunsiderevoli mill-perspettiva tal-ħtiġijiet prattiċi ta’ applikazzjoni effettiva tas-sistema komuni tal-VAT. Fir-rigward ta’ prezz mingħajr VAT, regolarment espress f’ammonti arrotondati, l-arrotondament tal-VAT huwa indispensabbli sabiex jinkiseb ammont totali, li jirriżulta mit-total tal-prezz mingħajr VAT u tal-VAT dovut, li jista’ jiġi effettivament imħallas. Għall-kuntrarju, meta l-VAT huwa inkluż fil-prezz tal-oġġett jew tas-servizz, arrotondament mhux neċessarju sabiex ikun jista’ jitħallas il-prezz totali.
63 Konsegwentement, il-kummerċjanti li jwettqu l-bejgħ tagħhom tal-oġġetti jew il-provvista tagħhom ta’ servizzi bi prezzijiet mingħajr VAT u dawk li jikkalkulaw il-prezzijiet tal-imsemmija tranżazzjonijiet billi tiġi inkluża l-VAT jinstabu f’sitwazzjonijiet differenti. B’hekk, dawn tal-aħħar ma jistgħux, billi jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju tan-newtralità fiskali, jitolbu li jkunu trattati bl-istess mod bħall-kummerċjanti li japplikaw prezzijiet mingħajr VAT fir-rigward tal-arrotondament tal-ammont dovut ta’ VAT.
64 Konsegwentement, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda li, peress li l-kummerċjanti li jikkalkulaw il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom ta’ oġġetti u tal-provvista tagħhom ta’ servizzi li jinkludu l-VAT jinstabu f’sitwazzjoni differenti minn dawk li jwettqu l-istess tip ta’ tranżazzjonijiet bi prezzijiet mingħajr VAT, dawn tal-ewwel ma jistgħux jibbenefikaw mill-prinċipju tan-newtralità fiskali sabiex jitolbu l-awtorizzazzjoni li jseħħ l-arrotondament ’l isfel fuq livell tal-linja ta’ prodotti u tat-tranżazzjoni ta’ ammonti tal-VAT dovuti.
Fuq l-ispejjeż
65 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla), taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-dritt Komunitarju, fl-istat preżenti tiegħu, ma jinkludix istruzzjoni speċifika li tikkonċerna l-metodu ta’ arrotondament ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-metodi ta’ arrotondament ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud, b’dawn l-Istati jkunu marbuta, li meta jistabbilixxu dan, jirrispettaw il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni ta’ din it-taxxa, b’mod partikolari dawk tan-newtralità fiskali u tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, id-dritt Komunitarju, minn naħa, ma jipprojbixxix l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li teħtieġ l-arrotondament għal ċifra ogħla ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta l-frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta inkwistjoni hija indaqs jew ogħla minn 0.5, u min-naħa l-oħra, ma teħtieġx li l-persuni taxxabbli jkunu awtorizzati jarrotondaw ’l isfel l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta dan l-ammont jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali.
2) Fil-każ ta’ bejgħ bi prezz li jinkludi t-taxxa fuq il-valur miżjud, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, kull Stat Membru huwa responsabbli li jistabbilixxi, fil-limiti tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari b’rispett għall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità, il-livell li fih l-arrotondament ta’ ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jinkludi frazzjoni tal-iżgħar unità tal-valuta nazzjonali jista’ jew għandu jseħħ.
3) Peress li l-kummerċjanti li jikkalkulaw il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom ta’ oġġetti u tal-provvista tagħhom ta’ servizzi li jinkludu t-taxxa fuq il-valur miżjud jinstabu f’sitwazzjoni differenti minn dawk li jwettqu l-istess tip ta’ tranżazzjonijiet bi prezzijiet mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud, dawn tal-ewwel ma jistgħux jibbenefikaw mill-prinċipju tan-newtralità fiskali sabiex jitolbu l-awtorizzazzjoni li jseħħ l-arrotondament ’l isfel fil-livell tal-linja ta’ prodotti u tat-tranżazzjoni ta’ ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuti.
Firem
** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.