Kawża C-330/07
Jobra Vermögensverwaltungs-Gesellschaft mbH
vs
Finanzamt Amstetten Melk Scheibbs
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Primjum tal-investiment — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali għall-assi użati f’post ta’ negozju permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali — Esklużjoni tal-assi pprovduti b’titolu oneruż u użati primarjament fi Stati Membri oħra — Leasing ta’ vetturi — Prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi”
Sommarju tas-sentenza
1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Ġustifikazzjoni — Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi — Kundizzjonijiet
(Artikolu 49 KE)
2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali
(Artikolu 49 KE)
1. Miżura nazzjonali li tillimita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tkun iġġustifikata meta tirrigwarda speċifikament l-iskemi purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, u li l-uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali. Madankollu, il-fatt li impriża, li tista’ titlob il-primjum tal-investiment, tipprovdi assi b’titolu oneruż lil impriża li tużahom primarjament fi Stati Membri oħra ma jikkostitwixxix, fih innifsu, abbuż. Din it-tip ta’ provvista lanqas tista’ twassal għal preżunzjoni ġenerali tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva u tiġġustifika miżura li tippreġudika l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat.
(ara l-punti 35-37)
2. L-Artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-benefiċċju ta’ primjum tal-investiment jiġi rrifjutat lill-impriżi li jakkwistaw assi tanġibbli għas-sempliċi raġuni li l-assi li fir-rigward tagħhom jintalab dan il-primjum u li huma pprovduti b’titolu oneruż, jintużaw primarjament fi Stati Membri oħra.
Fil-fatt leġiżlazzjoni bħal din li tissuġġetta l-investimenti f’assi, ipprovduti b’titolu oneruż u użati fi Stati Membri oħra, għal sistema fiskali inqas favorevoli minn dik irriżervata għall-investimenti f’assi bħal dawn użati fit-territorju nazzjonali, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn tista’ tiskoraġġixxi lill-impriżi li jistgħu jitolbu dan il-vantaġġ fiskali milli jipprovdu servizzi ta’ kiri lill-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw attivitajiet fi Stati Membri oħra; f’sitwazzjoni fejn impriża tipprovdi, b’titolu oneruż, assi lil impriża oħra, u dawn iż-żewġ impriżi jkunu marbuta mill-qrib fuq livell ekonomiku, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-impriża li tikseb l-assi permezz ta’ kiri milli teżerċita attivitajiet transkonfinali.
Leġiżlazzjoni bħal din ma tistax tkun iġġustifikata mill-ħtieġa ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri peress li d-dħul mill-kiri ġġenerat mill-provvista tal-assi tanġibbli li għalihom intalab il-primjum tal-investiment huwa taxxabbli fl-Istat Membru ta’ għoti tal-imsemmi primjum u peress li b’hekk, fin-nuqqas tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ma jkunx kompromess id-dritt ta’ dan l-Istat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu.
Barra minn hekk, leġiżlazzjoni bħal din ma tistax tkun iġġustifikata mill-bżonn li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, għaliex ma teżistix rabta diretta, mill-perspettiva tas-sistema fiskali, bejn, minn naħa, il-primjum tal-investiment, mogħti lil min jagħti b’kiri assi tanġibbli li jkun kiseb, u, min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ taxxa ulterjuri fuq id-dħul tal-kerrej, iġġenerat mill-użu ta’ dawn l-assi pprovduti lilu b’titolu oneruż.
Barra minn hekk, peress li ma tippermettix li r-rifjut tal-benefiċċju tal-primjum tal-investiment jiġi limitat biss għal skemi purament artifiċjali, iżda taffettwa lil kull min jagħti b’kiri li jista’ jitlob il-primjum tal-investiment u li jipprovdi, b’titolu oneruż, assi lil impriżi li jeżerċitaw attivitajiet transkonfinali, u dan minkejja n-nuqqas ta’ elementi oġġettivi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ skemi bħal dawn, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tkun ġustifikata mill-bżonn li jitwaqqfu l-prattiki abbużivi.
(ara l-punti 24-26, 32-35, 38-41 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
4 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Libertà ta’ stabbiliment − Leġiżlazzjoni fiskali − Primjum tal-investiment − Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali għal assi użati f’post ta’ negozju permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali − Esklużjoni ta’ assi pprovduti b’titolu oneruż u użati primarjament fi Stati Membri oħra − Leasing ta’ vetturi − Prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi”
Fil-Kawża C-330/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2007, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2007, fil-proċedura
Jobra Vermögensverwaltungs-Gesellschaft mbH
vs
Finanzamt Amstetten Melk Scheibbs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u J. Bauer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls u R. Lyal, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Il-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Jobra Vermögensverwaltungs-Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Jobra”), kumpannija rregolata mil-liġi Awstrijaka, u l-Finanzamt Amstetten Melk Scheibbs, rigward ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħti lil din il-kumpannija primjum għat-tkabbir tal-investiment (iktar ’il quddiem il-“primjum tal-investiment”) għal trakkijiet li hija kienet xtrat u tat b’leasing lil Braunshofer GmbH (iktar ’il quddiem “Braunshofer”), kumpannija oħra rregolata mil-liġi Awstrijaka, peress li din tal-aħħar kienet tużahom primarjament fi Stati Membri oħra.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 108e(1) u (2) tal-Liġi tal-1988 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Einkommensteuergesetz, BGBl. 400/1988), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I 155/2002 (iktar ’il quddiem l-“EStG tal-1988”), jipprovdi li:
“1. L-investimenti f’assi eliġibbli għal primjum jistgħu jagħtu lok għal primjum tal-investiment ta’ 10 % bil-kundizzjoni li, għall-finijiet tat-taxxa, l-ispejjeż għall-akkwist jew għal produzzjoni jkunu suġġetti għal deprezzament minħabba l-użu (Artikoli 7 u 8).
2. L-assi eliġibbli għal primjum huma l-assi tanġibbli li jkunu għadhom ma ntużawx u li jkunu jifformaw parti mill-assi fissi suġġetti għal deprezzament. L- assi eliġibbli għal primjum ma jinkludux:
[...]
– l-assi li mhumiex użati f’post ta’ negozju permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali li l-għan tiegħu huwa li jiġġenera dħul skont l-Artikolu 2(3)(1) sa (3). L-assi li, wara trasferiment b’titolu oneruż, huma użati primarjament barra mill-pajjiż mhumiex ikkunisdrati bħala użati f’post ta’ negozju permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali.”
4 L-Artikolu 24(6) tal-Liġi tal-1988 dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz, BGBl. 401/1988), fil-verżjoni tagħha ppublikata fil-BGBl. I 155/2002, jipprovdi li:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli […] 108e u 108f tal-EStG tal-1988 japplikaw b’analoġija għal persuni ġuridiċi skont l-Artikolu 1 sa fejn mhumiex eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
5 Jobra hija kumpannija li tamministra investimenti u li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija u li l-kapital azzjonarju tagħha huwa 100 % ta’ Josef Braunshofer. Braunshofer hija kumpannija tat-trasport internazzjonali u li wkoll għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Awstrija. Jobra hija proprjetarja ta’ 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija tal-aħħar. Fix-xahar ta’ Awwissu 2003, Braunshofer fetħet fergħa fil-Ġermanja.
6 Jobra hija l-proprjetarja ta’ flotta ta’ vetturi. Hija tipprovdi t-trakkijiet tagħha lil Braunshofer permezz ta’ kuntratt ta’ leasing, għall-finijiet ta’ użu kummerċjali minn din tal-aħħar. Braunshofer tużahom primarjament fi Stati Membri oħra, bħala parti mill-attività tagħha tat-trasport.
7 Fil-prospett tagħha tat-taxxa fuq id-dħul għas-sena 2003, Jobra talbet, skont l-Artikolu 108e tal-EStG tal-1988, primjum tal-investiment fl-ammont ta’ EUR 46 770 għat-trakkijiet li hija kienet xtrat fil-perijodu bejn ix-xhur ta’ April u Settembru 2002. Fix-xahar ta’ Ġunju 2004, il-kont fiskali ta’ Jobra ġie kkreditat b’dan l-ammont.
8 Madankollu, fil-kuntest ta’ verifika fiskali ta’ Jobra, l-awtorità fiskali kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-primjum inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux sodisfatti peress li t-trakkijiet mogħtija b’leasing lil Braunshofer kienu użati minnha primarjament barra mill-pajjiż u, konsegwentement, ma setgħux ikunu kkunsidrati bħala assi użati f’post tan-negozju permanenti li jinsab barra mit-territorju nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, Jobra ġiet irrifjutata l-imsemmi vantaġġ fiskali.
9 L-appell fiskali magħmul minn Jobra ġie miċħud mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2005. Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ April 2006, il-Verwaltungsgerichtshof annullat din id-deċiżjoni, primarjament minħabba ksur tar-regoli tal-proċedura. Minbarra dan, hija wriet dubji dwar il-kompatibbiltà, mal-kunċett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE, tal-fatt li “l-assi li, fuq il-bażi ta’ trasferiment b’titolu oneruż, huma użati primarjament fi Stati Membri oħra […] mhumiex assi eliġibbli għal primjum”.
10 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq trattament mhux ugwali bbażat fuq il-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi u tistaqsi dwar il-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikoli 43 KE u 49 KE.
11 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 43 KE et seq) u/jew id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 49 KE et seq) jipprekludu regoli ta’ dritt nazzjonali fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003 li jagħtu vantaġġ fiskali (investment growth premium) lill-impriżi meta dawn jakkwistaw assi tanġibbli li ma ġewx użati, bil-kundizzjoni li dawn l-assi jiġu użati esklużivament f’post ta’ negozju permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali, filwaqt li jirrifjutaw l-għoti ta’ dan il-vantaġġ fiskali (investment [...] premium) lill-impriżi li jakkwistaw assi li għadhom ma ġewx użati u li ser jintużaw f’post ta’ negozju permanenti li jinsab x’imkien ieħor fl-Unjoni Ewropea?”
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
12 Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE et seq. kif ukoll l-Artikoli 49 KE et seq. għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-benefiċċju ta’ primjum tal-investiment, għall-impriżi li jiksbu assi tanġibbli, għall-kundizzjoni li l-assi li għalihom jintalab dan il-primjum ikunu użati esklużivament f’post ta’ negozju permanenti li jinsab f’dan l-Istat, filwaqt li tippreċiża li l-assi li jiġu pprovduti b’titolu oneruż, li huma użati primarjament fi Stati Membri oħra, mhumiex ikkunsidrati bħala li ġew użati f’post ta’ negozju bħal dan.
13 Fir-rigward tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li fih taqa’ t-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Gvern Awstrijak isostni li l-użu, fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, tal-assi li għalihom jintalab il-primjum tal-investiment, ma jippreġudikax l-għoti tiegħu. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ fiskali għall-kundizzjoni li l-assi kkonċernati jkunu assenjati lil post ta’ negozju permanenti li jinsab fit-territorju Awstrijak. Skont il-ġurisprudenza nazzjonali, għandu jiġi stabbilit jekk dawn l-assi ġewx użati minn post ta’ negozju bħal dan għal żmien tal-inqas ekwivalenti għal nofs il-perijodu li ntużaw matulu.
14 Fir-rigward tal-kuntest fattwali, il-Gvern Awstrijak isostni li fix-xahar ta’ Awwissu 2003, Braunshofer fetħet fergħa fil-Ġermanja. B’hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali tqum il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tal-għoti ta’ primjum tal-investiment, persuna taxxabbli li tuża assi primarjament minn post ta’ negozju permanenti nazzjonali u persuna taxxabbli li tuża assi bħal dawn minn post ta’ negozju permanenti barrani jinsabux f’sitwazzjoni simili.
15 Il-qorti tar-rinviju tfakkar li fil-kawża prinċipali hija għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tal-EStG tal-1988 dwar l-eliġibbiltà għall-primjum tal-investiment tal-assi li, ipprovduti b’titolu oneruż, jintużaw primarjament fi Stati Membri oħra. Hija tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikoli 43 KE u 49 KE, sa fejn jeżisti nuqqas ta’ trattament ugwali bbażat fuq il-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi.
16 Għalkemm mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Braunshofer fetħet fergħa fil-Ġermanja, mid-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali f’din id-deċiżjoni ma jidhirx li l-primjum inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie rrifjutat lil Jobra fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ post ta’ negozju bħal dan fi Stat Membru ieħor.
17 F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew dwar id-definizzjoni tal-kuntest fattwali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u legiżlattiv, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, li taħtu jaqgħu d-domandi preliminari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal, C-136/03, Ġabra p. I-4759, punt 46, u tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C-244/06, Ġabra p. I-505, punt 19).
18 Barra minn hekk, anki jekk l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali difiża mill-Gvern Awstrijak kellha tkun korretta, jidher li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tibqa’ rilevanti ħafna. Fil-fatt, anki jekk il-benefiċċju tal-primjum tal-investiment ikun irrifjutat għaliex l-assi pprovduti b’titolu oneruż, li għalihom jintalab dan il-vantaġġ, jiġu użati minn post ta’ negozju permanenti barrani għal perijodu li jaqbeż in-nofs tal-perijodu tal-użu tagħhom, dan il-fatt biss ma jkunx biżżejjed sabiex ineħħi d-dubji espressi minn dik il-qorti dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni mal-libertajiet fundamentali.
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali
19 Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba sostniet li restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE, rispettivament, huma magħmula minn miżuri li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 22; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 31, u tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-248/06, Ġabra p. I-47, punt 21).
20 Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Awstijak jikkunsidraw li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43 KE et seq. li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment. Skont dawn il-gvernijiet, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi implementazzjoni tal-prinċipju tat-territorjalità. Persuna taxxabbli li tuża assi minn post ta’ negozju permanenti nazzjonali ma tinsabx, mill-aspett fiskali, f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ persuna taxxabbli li tuża assi bħal dawn minn post ta’ negozju permanenti barrani. Peress li s-sitwazzjonijiet mhumiex simili, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix limitazzjoni għal-libertajiet fundamentali.
21 Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE għandhom japplikaw. Il-primjum tal-investiment ġie rrifjutat lil Jobra fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-provvista, b’titolu oneruż, ta’ assi. Minbarra dan, il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex limitata għal sitwazzjonijiet li jinvolvu l-istess grupp ta’ kumpanniji. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-benefiċċju tal-primjum tal-investiment jiġi rrifjutat lil min jagħti b’kiri fis-sitwazzjoni fejn il-kerrejja jużaw l-assi pprovduti lilhom b’titolu oneruż fi Stati Membri oħra huwa ta’ natura li jfixkel l-eżerċizzju ta’ din il-libertà.
22 F’dan il-każ, Jobra tat trakkijiet b’leasing lil Braunshofer. Il-kiri tal-vetturi jikkostitwixxi għoti ta’ servizzi skont l-Artikolu 50 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 18). Braunshofer tuża dawn il-vetturi fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività tagħha ta’ trasport.
23 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-primjum tal-investiment ġie rrifjutat lil Jobra, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaliex it-trakkijiet li hija kienet tat b’leasing lil Braunshofer kienu użati minn din tal-aħħar primarjament fi Stati Membri oħra.
24 Għandu jingħad li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tissuġġetta l-investimenti f’assi, ipprovduti b’titolu oneruż u użati fi Stati Membri oħra, għal sistema fiskali inqas favorevoli minn dik irriżervata għall-investimenti f’assi bħal dawn użati fit-territorju nazzjonali, tista’ tiskoraġġixxi lill-impriżi li jistgħu jitolbu dan il-vantaġġ fiskali, milli jipprovdu servizzi ta’ kiri lill-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw attivitajiet fi Stati Membri oħra.
25 Barra minn hekk, f’sitwazzjoni fejn impriża tipprovdi, b’titolu oneruż, assi lil impriża oħra, u dawn iż-żewġ impriżi jkunu marbuta mill-qrib fuq livell ekonomiku, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-impriża li tikseb l-assi permezz ta’ kiri milli teżerċita attivitajiet transkonfinali.
26 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk restrizzjoni bħal din tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament.
Fuq ġustifikazzjoni possibbli għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali
27 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss jekk l-għan tagħha jkun leġittimu u kompattibbli mat-Trattat KE u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm, jekk dan ikun il-każ, hija tkun kapaċi tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C-398/95, Ġabra p. I-3091, punt 21, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C-341/05, Ġabra p. I-11767, punt 101).
28 Il-Gvern tal-Awstrija u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondi għat-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri. L-għoti tal-primjum tal-investiment huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-assi li għalihom jintalab ikunu assenjati lil post ta’ negozju permanenti nazzjonali, u dan sabiex tkun assigurata rabta bejn, minn naħa, il-ħlas ta’ dan il-vantaġġ fiskali u, min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni ta’ qligħ iġġenerat permezz tal-użu ta’ dawn l-assi.
29 Il-Gvern Awstrijak isemmi ukoll il-bżonn li jitwaqqfu l-prattiki abbużivi. L-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li tipprevjeni skemi purament artifiċjali f’każ ta’ trasferiment b’titolu oneruż. Fin-nuqqas ta’ din id-dispożizzjoni, assi assenjati lil min jagħti b’kiri jistgħu jagħtu dritt għall-primjum tal-investiment indipendentement mill-kwistjoni dwar fejn il-kerrej ipoġġi l-assi tiegħu. Madankollu, hemm il-perikolu li min jagħti b’kiri jittrażmetti dan il-primjum, kollha kemm hu jew parti minnu, lill-kerrej li, min-naħa tiegħu, juża l-assi inkwistjoni sabiex jikseb benefiċċju fi Stati Membri oħra. B’hekk, ikun possibbli li tiġi evitata l-limitazzjoni, fit-territorju nazzjonali, ta’ dan il-vantaġġ.
30 Dan il-gvern isostni li, fin-nuqqas tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun possibbli li jintalab, minħabba l-post ta’ negozju ta’ kumpannija ta’ leasing ta’ grupp fl-Awstrija, il-benefiċċju tal-primjum tal-investiment għall-akkwisti kollha ta’ dan il-grupp, ikun xi jkun il-post fejn jintużaw dawn l-assi.
31 Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tkun iġġustifikata, la mill-bżonn li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali jew li tiġi ppreżervata l-effikaċità tal-kontrolli fiskali u lanqas minn għanijiet ta’ natura purament ekonomika.
32 Għal dak li jikkonċerna l-ewwel element ta’ ġustifikazzjoni mressaq mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern Ġermaniż, huwa veru li fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, flimkien ma’ elementi oħra ta’ ġustifikazzjoni, it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jista’ ikun ikkunsidrat bħala ħtieġa leġittima (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punti 45, 46 u 51; tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 41; tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 51, u tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C-414/06, Ġabra p. I-3601, punt 42). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tapplikax f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.
33 F’din ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad, mingħajr mhuwa neċessarju li ssir analiżi tal-kundizzjonijiet kollha ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li, f’dan il-każ, id-dħul mill-kiri ġġenerat mill-provvista tal-assi tanġibbli li għalihom intalab il-primjum tal-investiment minn Jobra huwa taxxabbli fl-Awstrija. Konsegwentement, ma jistax jiġi allegat li, fin-nuqqas tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tar-Repubblika tal-Awstrija li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tagħha jkun kompromess (ara, ukoll, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Marks & Spencer, punt 46, u Rewe Zentralfinanz, punt 42).
34 Sa fejn l-argumenti tal-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw, b’mod aktar wiesa’, il-bżonn li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, għandu jingħad li fir-rigward tas-sistema fiskali ma teżistix rabta diretta bejn, minn naħa, il-primjum tal-investiment, mogħti lil min jagħti b’kiri assi tanġibbli li jkun kiseb, u, min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ taxxa ulterjuri fuq id-dħul tal-kerrej, iġġenerat mill-użu ta’ dawn l-assi pprovduti lilu b’titolu oneruż (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Laboratoires Fournier, C-39/04, Ġabra p. I-2057, punti 20 u 21).
35 Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni, ibbażata fuq il-bżonn li jitwaqqfu l-prattiki abbużivi, għandu jiġi kkonstatat li miżura nazzjonali li tillimita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tkun iġġustifikata meta tirrigwarda speċifikament l-iskemi purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, u li l-uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punti 51 u 55, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 74).
36 F’dan il-każ, ma jistax jiġi sostnut li l-fatt li impriża, li tista’ titlob il-primjum tal-investiment, tipprovdi assi b’titolu oneruż lil impriża li tużahom primarjament fi Stati Membri oħra jikkostitwixxi, fih innifsu, abbuż.
37 Din it-tip ta’ provvista lanqas tista’ twassal għal preżunzjoni ġenerali tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva u tiġġustifika miżura li tippreġudika l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73, kif ukoll tas-17 ta’ Jannar 2008, Lammers & Van Cleef, C-105/07, Ġabra p. I-173, punt 27).
38 F’dan il-kuntest, għandu jingħad li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa lil kull min jagħti b’kiri li jista’ jitlob il-primjum tal-investiment u li jipprovdi, b’titolu oneruż, assi lil impriżi li jeżerċitaw attivitajiet transkonfinali, u dan minkejja n-nuqqas ta’ elementi oġġettivi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ skemi bħal dawn. Minbarra dan, ma jirriżultax li din il-leġiżlazzjoni tippermetti lil min jagħti b’kiri li jressaq provi tan-nuqqas ta’ kull prattika abbużiva.
39 Konsegwentement, għandu jingħad li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix li r-rifjut tal-benefiċċju tal-primjum tal-investiment jiġi limitat biss għal skemi purament artifiċjali. Barra minn hekk, ma ġiex sostnut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li teżisti, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, skema ta’ dan it-tip.
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni ma tistax tkun iġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
41 Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-benefiċċju ta’ primjum tal-investiment jiġi rrifjutat lill-impriżi li jakkwistaw assi tanġibbli għas-sempliċi raġuni li l-assi li fir-rigward tagħhom jintalab dan il-primjum u li huma pprovduti b’titolu oneruż, jintużaw primarjament fi Stati Membri oħra.
42 Peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment jipprekluduhiex wkoll.
Fuq l-ispejjeż
43 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 49 KE jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-benefiċċju ta’ primjum tal-investiment jiġi rrifjutat lill-impriżi li jakkwistaw assi tanġibbli għas-sempliċi raġuni li l-assi li fir-rigward tagħhom jintalab dan il-primjum u li huma pprovduti b’titolu oneruż, jintużaw primarjament fi Stati Membri oħra.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.