Kawża C-377/07
Finanzamt Speyer-Germersheim
vs
STEKO Industriemontage GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)
“Taxxa fuq il-kumpanniji — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Tnaqqis tad-deprezzament ta’ holdings f’kumpanniji mhux residenti”
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji
(Artikolu 56 KE)
F’ċirkustanzi fejn kumpannija b’kapital azzjonarju residenti għandha sehem ta’ inqas minn 10 % f’kumpannija b’kapital azzjonarju oħra u tbati minn tnaqqis ta’ profitti minħabba deprezzament parzjali tal-holdings tagħha f’din l-aħħar kumpannija, l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li projbizzjoni milli jitnaqqas it-tnaqqis ta’ profitti marbut ma’ dan il-holding tidħol fis-seħħ iktar kmieni għall-holding f’kumpannija mhux residenti milli għall-holding f’kumpannija residenti.
Fill-fatt, tali trattament differenti skont il-post fejn ġie investit il-kapital jista’ jiddiswadi azzjonist milli jinvesti l-kapital tiegħu f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u li jipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra billi jikkostitwixxi, fil-konfront tagħhom, ostakolu għall-ġbir ta’ kapital fl-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, il-fatt li wieħed ikun jaf li l-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont tal-profitti taxxabbli permezz ta’ deprezzamenti parzjali tiskadi iktar kmieni fir-rigward ta’ holdings f’kumpannija mhux residenti milli fir-rigward ta’ holdings f’kumpannija residenti jista’ jiddiswadi l-kumpannija kkonċernata milli żżomm holdings f’kumpannija mhux residenti u tħajjarha teħles minnhom iktar malajr milli kieku kienet tagħmel għal holdings f’kumpanniji residenti. F’dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti wisq il-fatt li t-trattament differenti eżista biss għal perijodu limitat fiż-żmien, peress li din is-sempliċi ċirkustanza ma tipprekludix lit-trattament differenti milli jipproduċi effetti importanti u li, għaldaqstant, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tkun reali.
Fir-rigward tal-possibbiltà li kumpannija residenti tnaqqas, mid-dħul taxxabbli tagħha, it-tnaqqis fil-profitti dovut għal deprezzament parzjali fil-holdings tagħha, skont jekk dawn il-holdings humiex f’kumpannija residenti jew f’kumpannija mhux residenti, din id-differenza fit-trattament mhijiex ibbażata fuq differenza oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet.
Tali trattament differenti mhuwiex ġustifikat mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ sistema tranżitorja bil-għan li jistabbilixxu l-kompatibbiltà tas-sistema nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq il-kumpanniji mad-dritt Komunitarju u jabolixxu eventwali diskriminazzjonijiet. Fil-fatt, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa dejjem limitat mill-osservanza tal-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital. Anki jekk din is-sistema tranżitorja, tista’ tkun ġustifikata minħabba preokkupazzjoni leġittima li tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi mis-sistema preċedenti lejn is-sistema l-ġdida u filwaqt li jeżistu argumenti li jippermettu li tiġi spjegata r-raġuni li għaliha l-leġiżlazzjoni l-ġdida ġiet introdotta iktar tard għall-kumpanniji li jippossjedu holdings f’kumpanniji residenti, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw dan it-trattament differenti b’detriment tal-kumpanniji li jipposjedu holdings f’kumpanniji mhux residenti.
Dan it-trattament differenti lanqas ma huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali ġaladarba l-fatt li, iktar ’il quddiem, ikun possibbli li tinkiseb eżenzjoni fuq profitt kapitali magħmul fil-każ ta’ trasferiment, fil-każ fejn ikun hemm profitt ta’ livell suffiċjenti, mhuwiex kunsiderazzjoni ta’ koerenza fiskali li tista’ tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ tnaqqis immedjat ta’ telf subit mill-kumpanniji li għandhom holdings f’kumpanniji mhux residenti.
Fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effiċjenza tal-verifiki fiskali, tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali hija f’kull każ irrilevanti ladarba d-deprezzament tal-valur tal-holdings f’kumpanniji mhux residenti jirriżulta mill-waqa’ tal-prezzijiet fil-Borża.
(ara l-punti 27-29, 35, 49, 50, 54-56 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
22 ta’ Jannar 2009 (*)
“Taxxa fuq il-kumpanniji – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Tnaqqis tad-deprezzament ta’ holdings f’kumpanniji mhux residenti”
Fil-Kawża C-377/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2007, fil-proċedura
Finanzamt Speyer-Germersheim
vs
STEKO Industriemontage GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 KE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Finanzamt Speyer-Germersheim (iktar ’il quddiem “Finanzamt”) u STEKO Industriemontage GmbH (iktar ’il quddiem “STEKO”) rigward id-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli għat-taxxa fuq in-negozju u għat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ STEKO għas-snin 2001 u 2002.
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
3 Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8b(2) tal-Liġi tal-1999 fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz 1999), fil-verżjoni tagħha emendata fl-14 ta’ Settembru 2000 (iktar ’il quddiem il-“verżjoni l-qadima tal-KStG”), għall-kumpanniji suġġetti b’mod prinċipali għat-taxxa msemmija f’din id-dispożizzjoni li għandhom holding f’kumpannija mhux residenti, il-profitti derivanti mit-trasferiment ta’ din il-holding ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dħul taxxabbli. Skont din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 8b(5) jew 26(2) u (3) ta’ din il-liġi, jirriżulta li l-kundizzjoni meħtieġa f’dan ir-rigward kienet dik ta’ holding minima ta’ 10 %.
4 Taħt l-istess kundizzjonijiet, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8b(2) tal-verżjoni l-qadima tal-KStG kienet tipprojbixxi li jitnaqqas it-telf magħmul mill-bejgħ ta’ holdings. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li din il-projbizzjoni ma kinitx tirrigwarda t-tnaqqis ta’ profitti relatati mal-iskrizzjoni ta’ dawn il-holdings bil-valur parzjali inferjuri tagħhom (deprezzament parzjali).
5 Sa fejn kumpannija residenti kellha holdings f’kumpanniji residenti – u dan indipendentement mill-ammont ta’ dawn il-holdings – jew holdings ta’ inqas minn 10 % f’kumpanniji mhux residenti, id-determinazzjoni tal-benefiċċji taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8(2) tal-verżjoni l-qadima tal-KStG u l-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz).
6 Minn dawn id-dispożizzjonijiet irriżulta li l-benefiċċji derivanti mit-trasferiment ta’ holdings minn kumpannija b’kapital azzjonarju residenti kienu taxxabbli u li t-telf fuq it-trasferiment ta’ dawn il-holdings, kif ukoll it-telf derivanti mid-deprezzament parzjali fuq il-valur ta’ dawn il-holdings, setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-aspett fiskali.
7 Fil-kuntest tat-tibdil fis-sistema ta’ taxxa, applikabbli preċedentement, għal dak tat-tnaqqis ta’ 50 % mid-dħul għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-kumpanniji, il-liġi relatata mat-taxxa fuq il-kumpanniji ġiet emendata permezz tal-Liġi li tnaqqas it-taxxa u li tirriforma t-tassazzjoni tal-impriżi għas-snin 2001/2002 (Gesetz zur Senkung der Steuersätze und zur Reform der Unternehmensbesteuerung 2001/2002), tat-23 ta’ Ottubru 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1433).
8 Attwalment, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8b(2) tal-Liġi fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji, fil-verżjoni emendata tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2000 (iktar ’il quddiem il-“verżjoni l-ġdida tal-KStG”), il-benefiċċji relatati mat-trasferiment ta’ holdings f’kumpanniji u assoċjazzjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, sew jekk ikunu holdings f’kumpanniji residenti sew jekk f’kumpanniji li mhumiex residenti, u dan indipendentement mill-ammont tagħhom.
9 L-Artikolu 8b(3) tal-verżjoni l-ġdida tal-KStG jipprovdi li t-tnaqqis ta’ profitti derivanti mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur parzjali inferjuri ta’ dawn il-holdings (deprezzament parzjali) jew tat-trasferiment tagħhom ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli.
10 Il-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(4) tal-verżjoni l-ġdida tal-KStG jikkostitwixxi dispożizzjoni tranżitorja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8b(2) u (3) tal-istess liġi.
11 Skont din id-dispożizzjoni, jekk il-holding tkun f’kumpannija residenti, l-Artikolu 8b(2) u (3) tal-verżjoni l-ġdida tal-KStG normalment japplika għall-ewwel darba fis-sena fiskali 2002, fejn l-applikazzjoni tiegħu għas-sena fiskali 2001 hija prevista biss jekk, matul is-sena 2001, il-kumpannija b’kapital azzjonarju tkun bidlet is-sena finanzjarja tagħha b’tali mod li ma tibqax tikkoinċidi mas-sena kalendarja.
12 Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, fil-każijiet ta’ holdings f’kumpannija mhux residenti, meta s-sena ta’ negozju tal-kumpannija b’kapital azzjonarju tirrifletti s-sena kalendarja, l-Artikolu 8b(2) u (3) tal-verżjoni l-ġdida tal-KStG huwa applikabbli għas-sena fiskali 2001.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 STEKO, kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Ġermanja, fl-2001, fost l-assi fissi tagħha kellha azzjonijiet f’kumpanniji mhux residenti. Dawn il-holdings kienu inqas minn 10 %. Il-qorti tar-rinviju tindika li hija ma tafx jekk dawn il-holdings kinux f’kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi.
14 STEKO, fil-bilanċ tagħha għas-sena fiskali magħluqa fil-31 ta’ Diċembru 2001, niżżlet dawn l-azzjonijiet mhux bil-valur kontabbli preċedenti tagħhom li jammonta għal DEM 220 021.09, iżda, minħabba waqa’ fil-prezzijiet tal-azzjonijiet għal valur inferjuri ta’ DEM 139 775.35. Minn dan irriżulta tnaqqis fil-profitti taxxabbli ta’ DEM 80 245.74.
15 Finanzamt aċċetta l-iskrizzjoni ta’ dan il-valur parzjali inferjuri, peress li l-waqa’ fil-prezzijiet tal-azzjonijiet kienet tirrappreżenta telf kapitali ta’ ċertu dewmien. Madankollu, fl-opinjoni tiegħu, it-tnaqqis fil-profitti ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-aspett fiskali, peress li l-Artikolu 8b(3) tal-verżjoni l-ġdida tal-KStG u, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ tnaqqis, li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, ta’ dan it-telf kapitali, japplikaw b’effett mis-sena fiskali 2001 għall-holdings f’kumpanniji mhux residenti.
16 Peress li l-Finanzgericht Rheinland-Pfalz laqgħet, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2005, rikors ippreżentat minn STEKO kontra l-avviżi ta’ taxxa maħruġ fuq din il-bażi mill-Finanzamt, dan tal-aħħar appella, għal “Reviżjoni” tal-imsemmija deċiżjoni, quddiem il-Bundesfinanzhof.
17 Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fir-rigward tas-sena 2001, STEKO ma setgħetx, skont l-Artikolu 8b(3) tal-verżjoni l-ġdida tal-KStG, tnaqqas somma li tammonta għat-tnaqqis fil-profitti relatati mal-holdings tagħha fil-kumpanniji mhux residenti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-holdings f’kumpanniji residenti, din id-dispożizzjoni ma tapplikax, bħala prinċipju, qabel is-sena 2002. Id-deprezzamenti parzjali magħmula minn STEKO setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tnaqqis tal-ammont tat-taxxi dovuti jekk kienu jikkonċernaw holdings f’kumpanniji residenti, peress li t-tnaqqis ta’ dawn id-deprezzamenti ma kienx ipprojbit.
18 Skont il-Bundesfinanzhof, il-holdings f’kumpanniji mhux residenti, li fir-rigward tagħhom huwa mistenni li t-telf kapitali jkun ta’ ċertu dewmien, kienu suġġetti, fl-2001, għal taxxa żvantaġġuża meta mqabbla mal-holdings simili f’kumpanniji residenti. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, din il-qorti tistaqsi jekk din id-distinzjoni tikkostitwixxix ksur tal-moviment liberu tal-kapital.
19 Fl-ewwel lok, il-Bundesfinanzhof tiddubita li nuqqas ta’ trattament ugwali ta’ tul relattivament qasir jista’ jipprekludi jew jiddiswadi lill-persuni taxxabbli milli jinvestu f’kumpanniji mhux residenti.
20 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li restrizzjoni eventwali għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tkun ammessa b’mod tranżitorju, sa fejn il-bidla bejn is-sistema ta’ taxxa applikabbli preċedentement għal dik tat-tneħħija ta’ 50 % mid-dħul huwa vantaġġuż fir-rigward tal-holdings f’kumpanniji mhux residenti.
21 Fit-tielet lok, din il-qorti tistaqsi jekk, fir-rigward tal-holdings f’kumpanniji stabbiliti fi Stati terzi, restrizzjoni bħal din hijiex ġustifikata minħabba n-neċessità li jiġi żgurat il-kontroll fiskali, filwaqt li tindika li dan l-aspett jista’ jkun determinanti fil-każijiet fejn it-tnaqqis fil-profitti inkwistjoni jiddependi fuq sempliċi tnaqqis fil-valur tal-holdings f’kumpannija partikolari, peress li dan it-tnaqqis, bħala regola ġenerali, jiddependi biss fuq il-kundizzjonijiet preżenti fil-kumpannija li tagħha l-holdings jinsabu fil-pussess, iżda probabbilment ma jkollu ebda rwol meta dan t-telf kapitali jirriżulta minn waqa’ fil-prezzijiet tal-azzjonijiet.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 56 KE jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li projbizzjoni milli jitnaqqas t-tnaqqis fil-profitti marbutin mal-ishma [holdings] ta’ kummpannija b’kapital azzjonarju f’kumpannija b’kapital azzjonarju oħra tidħol fis-seħħ iktar kmieni għall-ishma [holdings] barranin milli għall-ishma [holdings] f’kumpanniji residenti?”
Fuq id-domanda preliminari
23 Għandu jiġi mfakkar li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu dawk li mhumiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu r-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati Membri oħra (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C-513/03, Ġabra p. I-1957, punt 44; tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C-370/05, Ġabra p. I-1129, punt 24, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C-101/05, Ġabra p. I-11531, punt 40).
24 Il-miżuri nazzjonali li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “restrizzjonijiet” skont l-Artikolu 56(1) KE jinkludu mhux biss miżuri li jistgħu jostakolaw jew jillimitaw ix-xiri ta’ azzjonijiet f’kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-112/05, Ġabra p. I-8995, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata) iżda wkoll miżuri li jistgħu jiddiswadu ż-żamma ta’ dawn il-holdings f’kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Lankhorst-Hohorst, C-324/00, Ġabra p. I-11779, punt 32, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 61).
25 Fir-rigward tal-kawża prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fl-2001, kumpannija residenti ma setgħetx tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha t-tnaqqis f’profitti minħabba deprezzament parzjali tal-holdings f’kumpanniji mhux residenti. Min-naħa l-oħra, għall-istess sena u f’kundizzjonijiet barra minn hekk identiċi, kumpannija residenti setgħet tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha t-tali tnaqqis ta’ profitti, ladarba dawn kienu relatati mal-holdings f’kumpanniji residenti.
26 Kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, il-kumpanniji residenti li għandhom holdings li għaddew minn deprezzament f’kumpanniji mhux residenti kienu jinsabu, fl-2001, f’sitwazzjoni inqas vantaġġuża minn dawk li kellhom it-tali holdings f’kumpanniji residenti.
27 Għandu jingħad li, it-tali trattament differenti skont il-post fejn ġie investit il-kapital, introdott mill-verżjoni l-ġdida tal-KStG qabel is-sena fiskali li matulha din il-liġi saret applikabbli, kien tali li jiddiswadi azzjonist milli jinvesti l-kapital tiegħu f’kumpannija stabbilita fi Stat barra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u jipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra billi jikkostitwixxi, fil-konfront tagħhom, ostakolu għall-ġbir ta’ kapital fil-Ġermanja.
28 Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-fatt li wieħed ikun jaf li l-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont tal-profitti taxxabbli permezz ta’ deprezzamenti parzjali tiskadi iktar kmieni fir-rigward ta’ holding f’kumpannija mhux residenti milli fir-rigward ta’ holding f’kumpannija residenti kien tali li jiddiswadi l-kumpannija kkonċernata milli żżomm holdings f’kumpannija mhux residenti u tħajjarha teħles minnhom iktar malajr milli kieku kienet tagħmel għal holdings f’kumpanniji residenti.
29 F’dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti wisq il-fatt li t-trattament differenti eżista biss għal perijodu limitat fiż-żmien (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Grønfeldt, C-436/06, Ġabra p. I-12357, punt 15). Fil-fatt, din is-sempliċi ċirkustanza ma tipprekludix lit-trattament differenti milli jipproduċi effetti importanti, bħal ma juru wara kollox il-fatti fil-kawża prinċipali, u li, għaldaqstant, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tkun reali.
30 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa meħtieġ li t-trattament differenti jikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew li jkun ġustifikat minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund, C-194/06, Ġabra p. I-3747, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Il-Gvern Ġermaniż isostni li matul is-sena fiskali 2001 ma kienx hemm fis-seħħ biss sistema ta’ taxxa waħda, fejn il-kumpanniji fil-pussess ta’ holdings f’kumpanniji mhux residenti kienu esklużi, iżda tabilħaqq żewġ sistemi ta’ inċentivi fiskali differenti. Fil-fatt, il-kumpanniji fil-pussess ta’ holdings f’kumpanniji residenti kienu għadhom suġġetti għas-sistema l-qadima ta’ inċentivi fiskali, filwaqt li l-kumpanniji fil-pussess ta’ holdings f’kumpanniji mhux residenti kienu suġġetti għal sistema ġdida, jiġifieri dik tat-tnaqqis ta’ 50 %.
32 Għaldaqstant, skont dan il-Gvern, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija fil-pussess ta’ holdings f’kumpannija residenti u dik ta’ kumpannija fil-pussess ta’ holdings f’kumpannija mhux residenti ma tistax tkun oġġettivament paragunabbli.
33 Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. L-applikazzjoni ta’ sistemi fiskali differenti għal kumpannija residenti skont jekk din kinitx fil-pussess ta’ holdings f’kumpanniji residenti jew mhux residenti ma tistax tikkostitwixxi kriterju validu għall-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet u, għaldaqstant, biex tiġi stabbilita differenza oġġettiva bejniethom. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ sistemi fiskali differenti hija r-raġuni wara t-trattament differenti li għandu jiġi evalwat biex wieħed jikkonstata jekk dan huwiex ġustifikat jew le.
34 Jeħtieġ barra minn hekk li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fir-rigward tat-telf iddikjarat minn kumpanniji parent residenti fil-Ġermanja bħala deprezzament magħmul fir-rigward tal-valur tal-holdings tagħhom f’sussidjarji, li dawn il-kumpanniji jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, irrispettivament minn jekk jippossedux holdings f’sussidjarji stabbiliti fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, f’dawn iż-żewġ każijiet, minn naħa, it-telf li t-tnaqqis tiegħu huwa mitlub huwa sostnut mill-kumpanniji parent u, min-naħa l-oħra, il-profitti ta’ dawn is-sussidjarji, irrispettivament minn jekk dawn il-profitti joriġinawx minn sussidjarji taxxabbli fil-Ġermanja jew minn dawk li huma taxxabbli fi Stati Membri oħra, mhumiex taxxabbli bħala profitti tal-kumpanniji parent (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 34).
35 Il-bidla għas-sistema tat-tnaqqis ta’ 50 % fir-rigward tal-kumpanniji residenti fil-pussess ta’ holdings f’kumpanniji mhux residenti ma biddlitx dawn il-karatteristiċi. Jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-possibbiltà li kumpannija residenti tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha, it-tnaqqis fil-profitti dovut għal deprezzament parzjali fil-holdings tagħha, skont jekk dawn il-holdings humiex f’kumpannija residenti jew f’kumpannija mhux residenti, din id-differenza fit-trattament mhijiex ibbażata fuq differenza oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet.
36 Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi eżaminat jekk trattament differenti bħal dak fil-kawża prinċipali huwiex ġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.
37 Fl-ewwel lok, l-istess bħal qorti tar-rinviju, il-Gvern Ġermaniż iqis li dan it-trattament differenti għandu jiġi milqugħ peress li jikkostitwixxi elementi ta’ sistema tranżitorja, applikabbli matul perijodu limitat, fejn id-dħul fis-seħħ bil-mod tas-sistema l-ġdida matul iż-żmien huwa marbut mas-sostituzzjoni progressiva tas-sistema ta’ tnaqqis integrali b’dik tat-tnaqqis ta’ 50 %, u dan sar sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tas-sistema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji mad-dritt Komunitarju.
38 Il-Gvern Ġermaniż jispjega li, skont is-sistema ta’ tnaqqis integrali, kumpannija b’kapital azzjonarju kienet, bħala prinċipju, tiġi intaxxata b’rata ta’ 40 %. Il-profitt li hija kienet tqassam lill-azzjonisti tagħha kien intaxxat biss bit-30 %. L-azzjonista kellu mbagħad iħallas għal darb’oħra t-taxxa fuq id-dħul fuq il-profitti li jkunu tqassmu, skont ir-rata ta’ tassazzjoni personali tiegħu. Huwa seta’ madankollu jnaqqas totalment mid-dejn tiegħu ta’ taxxa personali t-taxxa fuq il-kumpanniji diġà mħallsa fil-Ġermanja mill-kumpannija b’kapital azzjonarju. Tassazzjoni doppja kienet tiġi b’hekk evitata.
39 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sistema ta’ tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul, skont dan l-istess Gvern, il-kumpannija b’kapital azzjonarju hija ntaxxata fuq il-profitti tagħha biss bir-rata uniformi ta’ 25 %, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk hija tqassamx jew le l-profitt miksub lill-azzjonisti tagħha. It-tassazzjoni doppja tad-dividendi mqassma tiġi evitata billi jiġi inkluż biss nofs id-dividendi fil-bażi ta’ taxxa fuq id-dħul tal-azzjonista, filwaqt li t-tqassim tal-profitti ta’ kumpannija lil kumpannija oħra jibbenefika, bħala prinċipju, minn eżenzjoni ġenerali fir-rigward tad-dividendi. B’hekk wieħed jevita li l-profitti ta’ kumpannija li diġà ġew suġġetti għal taxxa uniformi fuq il-kumpanniji ta’ 25 % jiġu mill-ġdid suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid lil kumpannija oħra.
40 Peress li, skont il-Gvern Ġermaniż, it-trasferiment ta’ holdings jikkorrispondi, mill-aspett ekonomiku, għal tqassim integrali, dan it-trasferiment jitqies bħala tqassim ta’ profitti. Għaldaqstant, l-istess bħal fil-każ tal-eżenzjoni tad-dividendi prevista fl-Artikolu 8b(1) tal-verżjoni l-ġdida tal-KStG, l-eżenzjoni tal-profitti miksuba mit-trasferiment ta’ holdings skont is-subartikolu 2 tal-istess Artikolu hija wkoll intiża sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja fil-każ ta’ holdings suċċessivi. Min-naħa l-oħra, it-telf relatat mat-trasferiment ta’ holdings u t-telf kapitali li jirriżultaw minħabba d-deprezzament tagħhom ma jistgħux, skont is-subartikolu 3 ta’ dan l-artikolu, jittieħdu iktar inkunsiderazzjoni mill-aspett fiskali.
41 Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li s-sistema ta’ tnaqqis ta’ 50 %, bħala prinċipju, daħlet fis-seħħ b’effett mis-sena 2001 fir-rigward ta’ kumpannija li tqassam il-profitti.
42 Madankollu, sabiex jiġi ggarantiti li l-profitti li ġew intaxxati fuq livell ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju skont is-sistema ta’ tnaqqis jibqgħu jiġu intaxxati skont din l-istess sistema fuq livell tal-possessur ta’ holdings u biex dan tal-aħħar ikun jista’ jnaqqas għall-aħħar darba mid-dejn fiskali personali tiegħu t-taxxa mħallsa minn din il-kumpannija, ġie deċiż li fuq il-livell ta’ possessur ta’ holdings din is-sistema tinżamm għas-sena 2001, meta d-dividendi kienu jistrieħu fuq tqassim ordinarju ta’ kumpannija residenti għas-sena 2000.
43 Għandu jingħad ukoll li, peress li s-sistema ta’ tnaqqis ma kinitx applikabbli għad-dividendi distribwiti minn kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti, is-sistema l-ġdida ta’ tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul setgħet tapplika fuq il-livell ta’ possessur tal-holdings b’effett mis-sena 2001.
44 Il-Gvern Ġermaniż iżid li Stat Membru għandu jkollu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jkollu l-intenzjoni li jistabbilixxi sistema ta’ tassazzjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u dan jimplika nuqqas ta’ obbligu li jfassal is-sistema tranżitorja mod ieħor milli kif għamel hu u, b’mod partikolari, li jestendi, għall-aħħar sena tal-applikazzjoni tagħha, għall-holdings f’kumpanniji mhux residenti, is-sistema applikata għall-holdings f’kumpanniji residenti.
45 Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż iqis li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ għas-sena fiskali 2001 huma ġustifikati minn motivi bbażati fuq il-koerenza tas-sistema fiskali kkunsidrata b’mod komplessiv. Skont hu, il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali hija mfassla b’mod li toffri vantaġġi u żvantaġġi assolutament simmetriċi lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju, sew jekk il-pussess tal-holdings ta’ dawn tal-aħħar ikun f’kumpanniji mhux residenti sew jekk f’kumpanniji residenti.
46 Fil-fatt, skont dan il-Gvern, jekk kumpannija b’kapital azzjonarju ttrasferiet, matul is-sena fiskali 2001, holding f’kumpannija b’kapital azzjonarju mhux residenti u b’dan il-mod kisbet profitt, hija setgħet tiġbor dan il-profitt skont l-Artikolu 8b(2) tal-verżjoni l-ġdida tal-KStG peress li hija eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda min-naħa l-oħra hija jkollha taċċetta li telf korrispondenti – jew direttament meta jsir it-trasferiment tal-holdings tagħha, jew permezz tal-iskrizzjoni tal-valur parzjali inferjuri tagħhom – lanqas ma jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din it-taxxa. Skont l-istess loġika, jekk kumpannija b’kapital azzjonarju kellha tagħmel profitt minħabba t-trasferiment ta’ holdings f’kumpanniji residenti, dan huwa suġġett għat-taxxa, iżda din it-taxxa kienet ikkumpensata mill-fatt li telf relatat ma’ dawn il-holdings seta’ jiġi mpaċi sabiex titnaqqas il-bażi ta’ taxxa. Din is-sistema fiskali hija għaldaqstant imfassla b’mod koerenti.
47 Fit-tielet lok, il-Gvern Ġermaniż iqis li, fil-każ ta’ pussess ta’ holdings f’kumpanniji stabbiliti fi Stati terzi, it-trattament differenti jista’ jkun ġustifikat mill-bżonn li jiġi żgurat kontroll fiskali effettiv.
48 Il-ġustifikazzjonijiet hekk invokati mill-Gvern Ġermaniż ma jistgħux jintlaqgħu.
49 Fir-rigward tal-argument li jgħid li Stat Membru, li għandu bħala għan li jistabbilixxi l-kompatibbiltà tas-sistema nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq il-kumpanniji mad-dritt Komunitarju u jabolixxi eventwali diskriminazzjonijiet, għandu jkollu ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni ta’ sistema tranżitorja, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa dejjem limitat mill-osservanza tal-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenza Grønfeldt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
50 Għandu jingħad ukoll li, anki jekk sistema tranżitorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tkun ġustifikata minħabba preokkupazzjoni leġittima li tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi mis-sistema preċedenti lejn is-sistema l-ġdida u filwaqt li l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż jippermettu li tiġi spjegata r-raġuni li għaliha s-sistema l-ġdida tat-tnaqqis ta’ 50 % tad-dħul ġiet introdotta biss b’effett mill-2002 għall-kumpanniji li għandhom holdings f’kumpanniji residenti, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw trattament differenti għad-dannu tal-kumpanniji li għandhom holdings f’kumpanniji mhux residenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
51 Fil-fatt, għalkemm il-kumpanniji li għandhom holdings f’kumpanniji mhux residenti ma kinux suġġetti, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, għas-sistema ta’ tnaqqis integrali, madankollu mill-osservazzjonijiet ta’ dan il-Gvern stess jirriżulta li, sas-sena fiskali 2001, kumpannija residenti li l-holdings tagħha f’kumpannija mhux residenti kienu inqas minn 10 % kienet suġġetta għall-istess trattament bħal kumpannija residenti li tipposjedi holdings f’kumpannija residenti fir-rigward tat-tnaqqis tal-valur parzjali tagħhom li seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-aspett fiskali.
52 Fir-rigward tal-argument dwar in-neċessità li tiġi ppreżervata l-koerenza ġenerali tas-sistema fiskali, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex dan l-argument ġustifikattiv ikun jista’ jiġi milqugħ, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz tal-ġbir ta’ taxxa partikolari (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell, C-293/06, Ġabra p. I-1129, punt 38, u l-ġuridprudenza ċċitata).
53 Barra minn hekk, in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi stabbilita, fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni, fuq il-livell tal-persuni taxxabbli kkonċernati minn korrelazzjoni stretta bejn l-element ta’ tnaqqis u dak relatat mat-taxxa (sentenza Deutsche Shell, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).
54 Għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji residenti li għandhom holdings f’kumpanniji mhux residenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li iktar ’il quddiem ikun possibbli li tinkiseb eżenzjoni fuq profitt kapitali magħmul fil-każ ta’ trasferiment, fil-każ fejn ikun hemm profitt ta’ livell suffiċjenti, mhijiex kunsiderazzjoni ta’ koerenza fiskali li tista’ tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ tnaqqis immedjat ta’ telf subit mill-kumpanniji li għandhom holdings f’kumpanniji mhux residenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Rewe Zentralfinanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).
55 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument dwar il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effiċjenza tal-verifiki fiskali, anki li kieku kellu jitqies li din tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata bħala ġustifikazzjoni għar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital minn jew lejn Stati terzi, għandu jiġi kkunsidrat li tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali hija f’kull każ irrilevanti ladarba d-deprezzament tal-valur tal-holdings f’kumpanniji mhux residenti jirriżulta, bħal fil-kawża prinċipali, mill-waqa’ tal-prezzijiet fil-Borża.
56 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija b’kapital azzjonarju residenti għandha holding ta’ inqas minn 10 % f’kumpannija b’kapital azzjonarju oħra, l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li projbizzjoni milli jitnaqqas it-tnaqqis ta’ profitti marbut ma’ din il-holding tidħol fis-seħħ iktar kmieni għall-holding f’kumpannija mhux residenti milli għall-holding f’kumpannija residenti.
Fuq l-ispejjeż
57 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija b’kapital azzjonarju residenti għandha holding ta’ inqas minn 10 % f’kumpannija b’kapital azzjonarju oħra, l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li projbizzjoni milli jitnaqqas it-tnaqqis ta’ profitti marbut ma’ din il-holding tidħol fis-seħħ iktar kmieni għall-holding f’kumpannija mhux residenti milli għall-holding f’kumpannija residenti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.