Kawża C-414/07
Magoora sp. zo. o.
vs
Dyrektor Izby Skarbowej w Krakowie
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Krakowie)
“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 17(2) u (6) — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta’ karburant għal ċerti vetturi irrispettivament mill-għan li għalih jintużaw — Restrizzjoni effettiva tad-dritt għal tnaqqis — Esklużjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali fil-mument li daħlet fis-seħħ id-Direttiva”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Esklużjonijiet mid-dritt għal tnaqqis
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6))
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, jipprekludi lil Stat Membru milli jħassar fit-totalità tagħhom, fl-okkażjoni tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt intern, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għal vetturi użati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli, billi jissostiwixxi, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva fit-territorju tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet b’dispożizzjonijiet li jistabbilixxu kriterji ġodda f’dan ir-rigward, jekk – u dan huwa punt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju – dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar kellhom bħala effett li wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija limitazzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-kuncett ta’ “liġijiet nazzjonali”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, jirreferi għas-sistema tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud eżistenti u effettivament applikata fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. Il-klawżola ta’ ‘standstill’ prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva ma għandhiex bħala għan li tippermetti lil Stat Membru ġdid jemenda l-leġiżlazzjoni interna tiegħu fl-okkażjoni tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea f’sens li jbiegħed din il-leġiżlazzjoni mill-għanijiet ta’ din id-direttiva. F’kull każ, dan l-artikolu jipprekludi lil Stat Membru milli sussegwentement jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-imsemmija data b’mod li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti qabel din id-data.
(ara l-punti 38, 39, 45 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 17(2) u (6) – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta’ karburant għal ċerti vetturi irrispettivament mill-għan li għalih jintużaw – Restrizzjoni effettiva tad-dritt għal tnaqqis – Esklużjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali fil-mument li daħlet fis-seħħ id-Direttiva”
Fil-Kawża C-414/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Krakowie (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2007, fil-proċedura
Magoora sp. zoo
vs
Dyrektor Izby Skarbowej w Krakowie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Unità,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Magoora sp. zoo, minn Z. Liptak u J. Martini, pelnomocnik
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u H. Majszczyk, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u K. Herrmann, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Magoora sp. zoo (iktar ’il quddiem “Magoora”) u d-Dyrektor Izby Skarbowej w Krakowie (id-Direttur tal-Uffiċċju Fiskali ta’ Krakow) dwar l-interpretazzjoni tal-kamp u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dritt fiskali nazzjonali dwar id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fuq ix-xiri ta’ karburant għal vettura użata minn Magoora taħt kuntratt ta’ leasing.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 17(2)(a) u (6) tas-Sitt Direttiva ipprovda fil-mument li seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali:
“2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu [tagħha], il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu [lilha] minn persuna taxxabbli oħra;
[…]
6. Qabel perjodu ta’ erba’ snin ta’ l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m’għandiex tkun eleġġibli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-taxxa fuq il-[VAT] fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż li mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.
Sa kemm ir-regoli ta’ fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 Il-punt 3(a) tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi tat-8 ta’ Jannar 1993 dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi u dwar id-dazji tas-sisa (Dz. U Nru 11, intestatura 50), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tat-30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-8 ta’ Jannar 1993”), kien jipprovdi:
“Ma jagħtix lok għal tnaqqis tal-ammont jew għal ħlas lura tad-differenza tat-taxxa tal-output ix-xiri, mill-persuna taxxabbli, ta’ prodotti, bħalma huma l-petrol, in-nafta jew il-gass użati għall-propulsjoni ta’ vetturi għal użu minn individwi jew ta’ vetturi oħra ta’ tagħbija permissibbli ta’ inqas minn jew ugwali għal 500 kg.”
5 Fil-Polonja, id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva ġew trasposti bil-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004 dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u fuq is-servizzi (Dz. U Nru 54, intestatura 535, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”).
6 Skont l-Artikolu 175 tal-Liġi dwar il-VAT, il-Liġi tat-8 ta’ Jannar 1993 ġiet imħassra mill-1 ta’ Mejju 2004.
7 L-Artikolu 86(3) u (5) tal-Liġi dwar il-VAT, fl-ewwel verżjoni tagħha, kien jipprovdi:
“3. Fil-każ tal-akkwist ta’ vetturi għal użu minn individwi jew ta’ vetturi oħra ta’ tagħbija permissibbli inqas minn dik iddefinita skont il-formula li ġejja:
TP = 357 kg + n x 68 kg
Fejn:
TP tfisser: tagħbija permissibbli,
n tfisser: in-numru ta’ postijiet (siġġijiet) inkluż is-siġġu tas-sewwieq
L-ammont tat-taxxa tal-input jikkorrispondi għal 50% tal-ammont tat-taxxa li jirriżulta mill-fattura jew tal-ammont tat-taxxa dovuta fir-rigward tax-xiri intra-Komunitarju ta’ prodotti, jew tal-ammont tat-taxxa dovuta fuq il-kunsinna ta’ oġġetti akkwistati mill-persuna taxxabbli – mingħajr madankollu ma jaqbeż l-ammont ta’ PLN 5 000.
[…]
5. It-tagħbija permissibbli tal-vetturi u n-numru ta’ postijiet (siġġijiet) previsti fil-paragrafu 3 huma ddefiniti fuq il-bażi tal-parti rilevanti taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni jew tal-kopja tad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni mill-kisba taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni, maħruġa skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-triq. Il-vetturi li, fid-dawl tal-parti rilevanti taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni jew tal-kopja tad-deċiżjoni prevista fl-ewwel sentenza, ma għandhomx it-tagħbija permissibbli [...] jew in-numru ta’ postijiet [iddefiniti] huma kkunsidrati wkoll bħala vetturi għal użu minn individwi previsti fil-paragrafu 3.”
8 Il-punt 3 tal-Artikolu 88(1) tal-Liġi dwar il-VAT, fl-ewwel verżjoni tagħha, kien jipprovdi:
“Ma jagħtix lok għal tnaqqis tal-ammont jew għal ħlas lura tad-differenza tat-taxxa tal-output ix-xiri, mill-persuna taxxabbli, ta’ prodotti, bħalma huma […] il-petrol, in-nafta jew il-gass użati għall-propulsjoni ta’ vetturi għal użu minn individwi jew ta’ vetturi bil-mutur oħra li jaqgħu taħt l-Artikolu 86(3) u (5).”
9 Skont il-punt 3 tal-Artikolu 176 tal-Liġi dwar il-VAT, l-Artikoli 86 u 88 tagħha kellhom japplikaw mill-1 ta’ Mejju 2004, peress li din l-ewwel dispożizzjoni tistabilixxi:
“Il-Liġi tidħol fis-seħħ mal-iskadenza ta’ terminu ta’ 14-il ġurnata mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha [jiġifieri l-20 ta’ April 2004], ħlief:
3) l-Artikoli 1 [sa] 14, l-Artikolu 15(1) [sa] (6), l-Artikoli 16 [sa] 22 [...], l-Artikoli 42 [sa] 95 [...] li japplikaw mill-1 ta’ Mejju 2004.”
10 Il-Liġi tal-21 ta’ April 2005 (Dz. U. 2005, Nru 90, intestatura 756) li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Awwissu 2005, emendat il-Liġi dwar il-VAT, u b’mod partikolari, l-Artikoli 86 u 88 tagħha.
11 L-Artikolu 86(3) u (4) tal-Liġi dwar il-VAT, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit-22 ta’ Awwissu 2005, jipprovdi:
“3. Fil-każ ta’ akkwist ta’ vetturi għal użu minn individwi jew ta’ vetturi bil-mutur oħra ta’ piż permissibbli totali ta’ mhux iktar minn 3.5 tunnellati, l-ammont tat-taxxa tal-input jikkorrispondi għal 60% tal-ammont tat-taxxa li tirriżulta mill-fattura jew tal-ammont tat-taxxa dovuta fir-rigward tal-akkwist intra-Komunitarju ta’ prodotti jew tal-ammont ta’ taxxa fuq il-kunsinna ta’ oġġetti akkwistati mill-persuna taxxabbli – mingħajr madankollu ma jaqbeż l-ammont ta’ PLN 6 000.
4. Id-dispożizzjoni tal-paragrafu 3 ma tirrigwardax:
1. il-vetturi li għandhom filliera ta’ postijiet separati mill-parti tal-vettura intiża għat-trasport tal-merkanżija permezz ta’ barriera jew ta’ struttura fissa u li huma kklassifikati skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-triq fil-kategorija ta’ vetturi li jintużaw għal diversi għanijiet jew ta’ vannijiet;
2. il-vetturi li għandhom iktar minn filliera waħda ta’ postijiet separati mill-parti tal-vettura intiża għat-trasport tal-merkanżija permezz ta’ barriera jew ta’ struttura fissa u li t-tul tal-parti intiża għat-trasport tal-merkanzija, imkejla mill-punt ta’ quddiem nett tal-qiegħ tagħha fejn huwa possibbli li tittella’ barriera vertikali jew struttura fissa bejn il-qiegħ u s-saqaf, sal-punt ta’ wara nett tal-qiegħ, huwa ta’ iktar minn 50% tat-tul tal-vettura; għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjon previst fis-sentenza preċedenti, it-tul tal-vettura jirriżulta mid-distanza bejn il-parti ta’ isfel tal-windscreen u l-parti ta’ wara tal-qiegħ tal-parti tal-vettura intiża għat-trasport tal-merkanzija, imkejla bħala linja orizzontali bejn il-parti ta’ isfel tal-windscreen u l-punt li vertikalment jirrappreżenta l-parti ta’ wara nett tal-qiegħ tal-parti tal-vettura intiża għat-trasport tal-merkanzija;
3. il-vetturi li l-parti intiża għat-trasport tal-merkanzija tagħhom hija miftuħa;
4. il-vetturi fejn il-kabina tas-sewwieq u l-parti intiża għat-trasport tal-merkanzija huma, minħabba l-kostruzzjoni tagħhom, partijiet separati tal-vettura;
5. il-vetturi li jikkostitwixxu vetturi speċjali fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-triq li d-definizzjonijiet tagħhom jinsabu fl-Anness 9 ta’ din il-Liġi;
6. il-vetturi li, minħabba l-kostruzzjoni tagħhom, huma intiżi għat-trasport ta’ mill-inqas 10 persuni inkluż is-sewwieq – jekk dan l-użu intenzjonat jirriżulta mid-dokumenti maħruġa skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-triq;
7. il-każijiet fejn l-attività tal-persuna taxxabbli tikkonsisti:
a) fil-bejgħ mill-ġdid ta’ tali vetturi bil-mutur (vetturi) jew
b) fit-tqegħid għal kiri bi ħlas ta’ tali vetturi (bil-mutur) taħt kuntratt ta’ kiri, ta’ kiri fit-tul, ta’ leasing jew taħt kuntratti oħra ta’ natura simili, sa fejn dawn il-vetturi (bil-mutur) ikunu intiżi mill-persuna taxxabbli esklużivament għal dan l-użu għal perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur.”
12 Il-punt 3 tal-Artikolu 88(1) tal-Liġi dwar il-VAT, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit-22 ta’ Awwissu 2005, jipprovdi:
“Ma jagħtix lok għal tnaqqis tal-ammont jew għal ħlas lura tad-differenza tat-taxxa tal-output ix-xiri, mill-persuna taxxabbli, ta’ prodotti, bħalma huma […] il-petrol, in-nafta jew il-gass użati għall-propulsjoni ta’ vetturi għal użu minn individwi jew ta’ vetturi oħra li jaqgħu taħt l-Artikolu 86(3).”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 Il-kawża mressqa quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Krakowie (Qorti amministrativa tal-provinċja ta’ Krakow) tirrigwarda l-possibbiltà li Magoora tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għal vettura li tintuża fil-kuntest tal-attività ta’ din il-kumpannija taħt kuntratt ta’ leasing.
14 Fil-25 ta’ Marzu 2005, Magoora kkonkludiet kuntratt ta’ leasing operazzjonali ta’ vettura, irreġistrat fl-Urza Skarbowy (ufficċju tat-taxxi) fit-13 ta’ Ġunju 2005. Il-qorti tar-rinviju ma tat ebda informazzjoni rigward il-marka u l-karatteristiċi tekniċi ta’ din il-vettura.
15 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-restrizzjonijiet fir-rigward tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant skont formula matematika li tinsab fil-Liġi dwar il-VAT, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-ġurnata tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ leasing, jiġifieri fil-25 ta’ Marzu 2005, ma ġewx applikati fil-konfront ta’ Magoora. Għall-kuntrarju, wara l-adozzjoni tal-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit-22 ta’ Awwissu 2005, ir-restrizzjonijiet fir-rigward tat-tnaqqis tal- VAT tal-input imħallsa fuq l-imsemmi xiri ġew applikati fil-konfront ta’ din il-kumpannija peress li t-tagħbija permissibbli tal-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx iktar minn 3.5 tunnellati.
16 Fit-30 ta’ Awwissu 2005, Magoora ressqet quddiem in-Naczelnik Urzędu Skarbowego Kraków-Prądnik (Direttur tal-Uffiċċju tat-taxxa ta’ Krakow-Pradnik) talba għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-VAT f’dak li jirrigwarda l-portata u l-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għall-vettura użata skont kuntratt ta’ leasing. F’dan ir-rigward, Magoora tikkunsidra li għandu jibqa’ jingħatalha d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għall-imsemmija vettura fuq il-bażi tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.
17 B’deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2005, in-Naczelnik Urzędu Skarbowego Kraków-Prądnik iddeċieda li l-pożizzjoni ta’ Magoora kienet illegali peress li kkunsidra li l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva ma setax jikkostitwixxi sors tad-dritt nazzjonali fil-Polonja.
18 Fil-15 ta’ Frar 2006, id-Dyrektor Izby Skarbowej w Krakowie (id-Direttur tal-kamra fiskali ta’ Krakow) ċaħad l-appell ta’ Magoora u kkonferma l-imsemmija deċiżjoni minħabba li r-Repubblika tal-Polonja setgħat iżżomm il-limitazzjonijiet għat-tnaqqis tal-VAT li kienu jeżistu f’dan l-Istat Membru fil-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ mit-22 ta’ Awwissu 2005 ma jagħmlu xejn ħlief li jiddefinixxu mill-ġdid il-kategoriji ta’ vetturi li għalihom mhuwiex permess it-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant.
19 Magoora ressqet rikors quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Krakowie kontra d-deċiżjoni tad-Dyrektor Izby Skarbowej w Krakowie.
20 Peress li l-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Krakowie kellha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, hija ddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva [...] jipprekludi lir-Repubblika tal-Polonja milli tħassar kompletament, mill-1 ta’ Mejju 2004, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu fis-seħħ sa dik id-data li jirrigwardaw il-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-[VAT] tal-input imħallsa fuq xiri ta’ karburant għal vetturi użati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli u milli tintroduċi wkoll, minflokhom, limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-[VAT] tal-input imħallsa fuq xiri ta’ karburant għal vetturi użati għal attività suġġetta għall-VAT li fid-dritt nazzjonali, iżda, huma ddefiniti permezz ta’ kriterji differenti minn dawk li kienu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u milli temenda mill-ġdid il-kriterji msemmija iktar ’il fuq b’effett mit-22 ta’ Awwissu 2005?
2) Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jipprekludi li[r-Repubblika tal-]Polonja milli temenda l-kriterji msemmija iktar ’il fuq, b’tali mod li tillimita konkretament il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-[VAT] tal-input meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004 jew mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ qabel ma saret l-emenda fit-22 ta’ Awwissu 2005? Jekk jitqies li dan l-aġir tar-Repubblika tal-Polonja jikser l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi ammess li l-persuna taxxabbli tista’ tibbenefika minn tnaqqis, iżda biss sa fejn l-emendi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis tal-[VAT] tal-input, kif kien previst mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004 u mħassra f’din id-data?
3) L-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jipprekludi lir-Repubblika tal-Polonja milli, billi tibbaża ruħha fuq il-possibbiltà li tagħti din id-dipożizzjoni lill-Istati Membri li jillimitaw it-tnaqqis tal-[VAT] tal-input relatata mal-ispejjeż li mhumiex ta’ natura strettament professjonali, bħalma huma l-ispejjeż ta’ lussu, ta’ divertiment jew ta’ rappreżentazzjoni, tkun tista’ tillimita t-tnaqqis tal-[VAT] tal-input, meta mqabbel mas-sistema fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004, b’tali mod li teskludi d-dritt għat-tnaqqis tal-[VAT] tal-input fuq ix-xiri ta’ karburant għall-vetturi għal użu minn individwi jew vetturi bil-mutur oħra li l-piż massimu awtorizzat tagħhom ma jaqbiżx 3.5 tunnellati, minbarra l-vetturi msemmija fl-Artikolu 86(4) tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004, [dwar il-VAT], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit-22 ta’ Awwissu 2005?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
21 Skont il-Gvern Polakk, it-talba għal deċiżjoni preliminari mhijiex ammissibbli peress li d-domandi magħmula ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà tal-kawża prinċipali. Il-fatti li taw lok għal din it-talba ma ġewx evalwati mill-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, l-eżami tad-domandi preliminari jikkonċerna sitwazzjonijiet ipotetiċi.
22 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43; tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C-162/06, Ġabra p. I-9911, punt 23, u tal-4 ta’ Diċembru 2008, Zablocka-Weyhermüller, C-221/07, Ġabra p. I-0000, punt 20).
23 Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25; tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22; tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 64, kif ukoll Zablocka-Weyhermüller, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).
24 Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sommarju ddettaljat tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li risposta għad-domandi magħmula hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.
25 Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli.
Fuq il-mertu
26 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva jipprekludix li Stat Membru jħassar fit-totalità tagħhom, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva fit-territorju tiegħu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għal vetturi użati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli billi jissostitwixxi dawn id-dispożizzjonijiet b’dispożizzjonijiet li jistabbilixxu kriterji ġodda f’dan ir-rigward, u li dan l-Istat Membru sussegwentement jemenda mill-ġdid dawn il-kriterji b’mod li jestendi dawn il-limitazzjonijiet. Jekk dan ikun il-każ, l-imsemmija qorti tar-rinviju tistaqsi jekk persuna taxxabbli tistax titlob l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ qabel id-data msemmija.
27 Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, is-Sitt Direttiva daħlet fis-seħħ fil-Polonja, fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant, din id-data hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva f’dak li jirrigwarda dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Jannar 2002, Metropol u Stadler, C-409/99, Ġabra p. I-81, punt 41).
28 Skont il-prinċipju fundamentali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT u li jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta’ April 1967 fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU 1967, 71, p. 1301) u mill-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, il-VAT tapplika fuq kull tranżazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, wara li titnaqqas il-VAT imħallsa direttament fuq it-tranżazzjonijiet tal-input. Skont ġurisprudenza kostanti, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 17 et seq. tas-Sitt Direttiva jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u bħala prinċipju ma jistax ikun limitat. Huwa għandu jiġi eżerċitat mill-ewwel fuq it-taxxi kollha mħallsa fuq it-tranżazzjonijiet tal-input. Kull limitazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għandha effett fuq il-livell tal-piż fiskali u għandha tiġi applikata b’mod simili fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, huma permessi derogi biss fil-każijiet espressament previsti mis-Sitt Direttiva (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Ampafrance u Sanofi, C-177/99 u C-181/99, Ġabra p. I-7013, punt 34; Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, C-371/07, Danfoss u AstraZeneca, C-371/07, Ġabra p. I-0000, punt 26). Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal derogi mill-prinċipju tad-dritt għat-tnaqqs tal-VAT, li jiggarantixxi n-newtralità ta’ din it-taxxa, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (sentenza Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).
29 L-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi b’mod ċar il-prinċipju tat-tnaqqis mill-persuna taxxabbli tal-ammonti mitluba mingħandha bħala VAT għall-provvista ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti lilha, sa fejn dawn l-oġġetti jew servizzi jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Il-prinċipju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT huwa madankollu suġġett għad-dispożizzjoni derogatorja li tinsab fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, u b’mod partikolari fit-tieni subparagrafu tiegħu (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Metropol u Stadler, punti 43 u 44, kif ukoll Danfoss u AstraZeneca, punti 27 u 28).
30 Skont l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri huma awtorizzati li jżommu l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-esklużjoni mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li tkun teżisti fid-data meta l-imsemmija direttiva tidħol fis-seħħ, sakemm il-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.
31 Huwa fil-fatt il-leġiżlatur Komunitarju li għandu jistabbilixxi s-sistema Komunitarja tal-esklużjonijiet mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u li jwettaq b’hekk armonizzazzjoni progressiva tal-liġijiet nazzjonali dwar il-VAT. Sa issa, id-dritt Komunitarju ma għandu ebda dispożizzjoni li telenka l-ispejjeż esklużi mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-345/99, Ġabra p. I-4493, punt 20, kif ukoll tat-8 ta’ Jannar 2002, Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 23).
32 Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tagħha fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva u sabiex jiġi stabbilit jekk din il-leġiżlazzjoni kellhiex bħala effett li twessa’, wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti, taqa’, bħala prinċipju, fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (ara s-sentenza Metropol u Stradler, ċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
33 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 30).
34 F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi lill-qroti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tal-kunċett Komunitarju ta’ “liġijiet nazzjonali”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, sabiex tippermetti lil din il-qorti tipproċedi għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-liġi nazzjonali fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza Metropol u Stradler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
35 Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva fih klawżola ta’ “standstill” li tipprovdi għaż-żamma tal-esklużjonijiet nazzjonali mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li kienu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva (sentenza Ampafrance u Sanofi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5). L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa għaldaqstant li tippermetti lill-Istati Membri, fl-istennija li l-Kunsill jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ esklużjonijiet mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, li jżommu kull regola tad-dritt nazzjonali li tirrigwarda l-esklużjoni mid-dritt għal tnaqqis effettivament applikata mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva (ara s-sentenzi iċċitata iktar ’il fuq, Metropol u Stadler, punt 48, kif ukoll Danfoss u AstraZeneca, punti 30 u 31).
36 Sa fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru temenda, billi tnaqqsu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjonijiet eżistenti wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, u b’hekk tersaq lejn l-għan tas-Sitt Direttiva, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-leġiżlazzjoni hija koperta mid-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) ta’ din id-direttiva u ma tiksirx l-Artikolu 17(2) ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza (C-345/99), punt 22; Metropol u Stadler, punt 45, kif ukoll Danfoss u AstraZeneca, punt 32).
37 Għall-kuntrarju, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwix deroga permessa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jekk hija jkollha bħala effett li twessa’, wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti b’tali mod li titbiegħed mill-għan ta’ din id-direttiva (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-40/00, Ġabra p. I-4539, punt 17; tal-11 ta’ Settembru 2003, Cookies World, C-155/01, Ġabra p. I-8785, punt 66, kif ukoll Danfoss u AstraZeneca, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).
38 Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kuncett ta’ “liġijiet nazzjonali”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, jirreferi għas-sistema tat-tnaqqis tal-VAT eżistenti u effettivament applikata fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.
39 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, kif issostni l-Kummissjoni, il-klawżola ta’ ‘standstill’ prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva ma għandhiex bħala għan li tippermetti lil Stat Membru ġdid jemenda l-leġiżlazzjoni interna tiegħu fl-okkażjoni tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea f’sens li jbiegħed din il-leġiżlazzjoni mill-għanijiet ta’ din id-direttiva. Emenda f’dan is-sens tkun kuntrarja għall-ispirtu stess ta’ din il-klawżola.
40 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja ħassret il-Liġi tat-8 ta’ Jannar 1993 fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea jipprojbixxihiex milli tintroduċi fl-istess ġurnata dispożizzjonijiet ġodda li jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għal vetturi użati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli.
41 Għandu jiġi kkonstatat li t-tħassir, fid-data li daħlet fis-seħħ is-Sitt Direttiva fl-ordni ġuridiku nazzjonali kkonċernat, ta’ dispożizzjonijiet interni u s-sostituzzjoni tagħhom, fl-istess data, b’dispożizzjonijiet interni oħra ma jippermettix, bħala tali, li jiġi preżunt li l-Istat Membru kkonċernat kien irrinunzja milli japplika esklużjonijiet mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa. Tali emenda leġiżlattiva lanqas ma tippermetti, bħala tali, li jiġi konkluż li kien hemm ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tal-imsemmija direttiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-emenda ma wasslitx għal estensjoni, mid-data msemmija, tal-esklużjonijiet nazzjonali preċedenti.
42 Fil-kawża prinċipali, kif ġie mfakkar fil-punt 32 tas-sentenza preżenti, il-qorti tar-rinviju biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, sabiex tevalwa jekk l-emendi introdotti, waqt it-traspożizzjoni tas-Sitt Direttiva fid-dritt Polakk, mil-Liġi dwar il-VAT, kellhomx bħala effett li jwessgħu, meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għal vetturi użati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli.
43 Għall-kuntrarju, għandu jiġi nnotatat li, skont it-termini tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-emenda tal-Liġi dwar il-VAT introdotta mil-Liġi tal-21 ta’ April 2005, li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Awwissu 2005, kellha bħala effett li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva fir-Repubblika tal-Polonja, fatt dan li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36, huwa kuntrarju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tal-imsemmija direttiva.
44 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħha fid-dawl tat-test u tal-għan tas-Sitt Direttiva bl-iskop li jintlaħqu r-riżultati mixtieqa minn din tal-aħħar, billi tagħti preferenza lil dik l-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali li hija l-iktar konformi ma’ dan l-għan sabiex b’hekk tasal għal soluzzjoni kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 124) u billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax kull dispożizzjoni kuntrarja tal-liġi nazzjonali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p, I-9981, punt 77).
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jipprekludi lil Stat Membru milli jħassar fit-totalità tagħhom, fl-okkażjoni tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt intern, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għal vetturi użati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli, billi jissostiwixxi, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva fit-territorju tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet b’dispożizzjonijiet li jistabbilixxu kriterji ġodda f’dan ir-rigward, jekk – u dan huwa punt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju – dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar kellhom bħala effett li wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija limitazzjonijiet. F’kull każ, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jipprekludi lil Stat Membru milli sussegwentement jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-imsemmija data b’mod li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti qabel din id-data.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-tieni suparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, jipprekludi lil Stat Membru milli jħassar fit-totalità tagħhom, fl-okkażjoni tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt intern, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għal vetturi użati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli, billi jissostiwixxi, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva fit-territorju tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet b’dispożizzjonijiet li jistabbilixxu kriterji ġodda f’dan ir-rigward, jekk – u dan huwa punt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju – dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar kellhom bħala effett li wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija limitazzjonijiet. F’kull każ, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jipprekludi lil Stat Membru milli sussegwentement jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-imsemmija data b’mod li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti qabel din id-data.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.