Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ April 2009 (*)

“Artikolu 18 KE – Leġiżlazzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul – Tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul tal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa fl-Istat Membru ta’ impożizzjoni – Rifjut ta’ tnaqqis bl-ammont ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa fi Stati Membri oħra”

Fil-Kawża C-544/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2007, fil-kawża

Uwe Rüffler

vs

Dyrektor Izby Skarbowej we Wrocławiu Ośrodek Zamiejscowy w Wałbrzychu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, J. Klučka, U. Lõhmus, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal U. Rüffler, minnu stess,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis, S. Alexandriou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u K. Herrmann, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn P. Bjørgan u L. Young, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE u 39 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Uwe Rüffler, ċittadin Ġermaniż residenti fil-Polonja, u d-Dyrektor Izby Skarbowej we Wrocławiu Ośrodek Zamiejscowy w Wałbrzychu (Direttur tal-awtorità fiskali ta’ Wrocław, fergħa ta’ Wałbrzych, iktar ’il quddiem id-“Dyrektor”) rigward ir-rifjut tal-awtorità fiskali Pollakka li tnaqqaslu t-taxxa fuq id-dħul bl-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard li huwa ħallas fi Stat Membru ieħor, filwaqt li tali tnaqqis jingħata lill-persuna taxxabbli li l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard tagħha jitħallsu fil-Polonja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trattament ugwali li skontu:

“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”

4        L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Pensjonijiet pagabbli taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat jew iktar, f’każijiet fejn m’hemm ebda dritt għall-benefiċċji fil-pajjiż tar-residenza”, jipprovdi:

“1.       Pensjonant li huwa intitolat għall-pensjoni taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew għall-pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri u li huwa [mhuwiex] intitolat għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorji tiegħu huwa jabita xorta jirċievi tali benefiċċji għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu, dment li huwa jkun intitolat, waqt li kif suppost jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 u ta’ l-Anness VI, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru jew għallinqas ta’ wieħed mill-Istati Membri kompetenti fejn jidħlu l-pensjonijiet kemm-il darba huwa kien jabita fit-territorju ta’ tali Stat. Il-benefiċċji jkunu pprovduti taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)       il-benefiċċji b’xi mod [in natura] ikunu pprovduti f’isem l-istituzzjoni li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 2 mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza bħallikieku l-persuna kkonċernata kienet pensjonant taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu huwa jabita u kien intitolat għal tali benefiċċji;

b)       il-benefiċċji fi flus, fejn suppost, ikunu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti kif iddeterminat mir-regoli tal-paragrafu 2, skond il-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post tar-residenza, tali benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem ta’ l-ewwel, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.

2.       Fil-każijiet koperti mill-paragrafu 1, l-ispiża tal-benefiċċji b’xi mod [in natura] issir mill-istituzzjoni kif stabbilit skond ir-regoli li ġejjin:

a)       fejn il-pensjonant huwa intitolat għall-imsemmija benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru singlu, l-ispiża ssir mill-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat;

[…]”

5        L-Artikolu 28a tal-istess regolament, intitolat “Pensjonijiet pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri barra dak il-pajjiż tar-residenza fejn hemm dritt għall-benefiċċji fil-pajjiż ta’ l-aħħar”, jipprovdi:

“Fejn il-pensjonant intitolat għall-pensjoni taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, jew għall-pensjonijiet taħt il-leġislazzjonijiet ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, jabita fit-territorju taħt [ta’] Stat Membru li taħt il-leġislazzjoni tiegħu d-dritt tar-riċeviment tal-benefiċċji b’xi mod [in natura] mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni jew ta’ l-impjieg, anqas mhi pagabbli ebda pensjoni, l-ispiża tal-benefiċċji b’xi mod [in natura] pprovdut lilu u lill-membri tal-familja tiegħu jsiru mill-istituzzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri kompetenti fejn jidħlu l-pensjonijiet, stabbiliti skond ir-regoli stipulati fl-Artikolu 28(2), sa tali punt li l-pensjonant u l-membri tal-familja tiegħu kienu jkunu intitolati għal tali benefiċċji taħt il-leġislazzjoni amministrata mill-imsemmija istituzzjoni li kieku kienu jabitaw fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn tinsab l-istituzzjoni.”

6        Skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97:

“L-ammont tal-benefiċċji in natura ipprovduti taħt l-Artikol[u] 28(1) […] tar-Regolament [Nru 1408/71] ikun irrifondut mill-istituzzjonijiet kompetenti lill-istituzzjonijiet li pprovdew l-imsemmija benefiċċji, abażi ta’ somma f’daqqa li hija qrib kemm jista’ jkun għan-nefqa attwali li saret.”

 Id-dritt konvenzjonali

7        Skont l-Artikolu 18(1) u (2) tal-Konvenzjoni tal-14 ta’ Mejju 2003 bejn ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ħelsien minn taxxa doppja fuq id-dħul u fuq il-kapital (umowa z dnia 14 maja 2003 r. między Rzeczypospolitą Polską a Republiką Federalną Niemiec w sprawie unikania podwójnego opodatkowania w zakresie podatków od dochodu i od majątku, Dz. U tal-20 ta’ Jannar 2005, Nru 12, intestatura 90, iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja”):

“1. Il-pensjonijiet ta’ rtirar u benefiċċji simili jew pensjonijiet irċevuti minn persuna li tirrisjedi fi Stat kontraenti mill-Istat kontraenti l-ieħor, huma suġġetti għat-taxxa biss fl-ewwel Stat.

2. Indipendentement mill-paragrafu preċedenti, il-ħlasijiet irċevuti mill-persuna li tirrisjedi fi Stat kontraenti, taħt skema ta’ sigurtà soċjali obbligatorja tal-Istat kontraenti l-ieħor, huma suġġetti għat-taxxa biss f’dan it-tieni Stat.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        L-Artikolu 3(1) tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 1991 dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi (ustawa z dnia 26 lipca 1991 r. o podatku dochodowym od osób fizycznych, Dz. U de 2000, Nru 14, intestatura 176, iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”), jipprovdi:

“Il-persuni fiżiċi li huma residenti fit-territorju Pollakk huma suġġetti għal obbligu fiskali fuq id-dħul kollu tagħhom, indipendentement mill-post fejn jinsab is-sors ta’ dawn tal-aħħar […]”

9        L-Artikolu 21(1)(58)(b) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jipprovdi:

“Huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul […] il-ħlasijiet magħmula lill-affiljat […] minn fondi miġbura fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjonijiet professjonali.”

10      L-Artikolu 27b ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      It-taxxa fuq id-dħul […] hija suġġetta fl-ewwel lok għal tnaqqis tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard previsti fil-Liġi tas-27 ta’ Awwissu 2004 dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa [ustawa z dnia 27 sierpnia 2004 r. o świadczeniach opieki zdrowotnej finansowanych ze środków publicznych, Dz. U Nru 210, intestatura 2135] […]:

1)      imħallsa direttament mill-persuna taxxabbli matul is-sena fiskali, skont id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa,

2)      irkuprati matul is-sena fiskali mill-korp li jħallas skont id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa.

Dan it-tnaqqis ma jirrigwardax il-kontribuzzjonijiet li l-bażi ta’ kalkolu tagħhom huwa magħmul minn dħul (introjtu) eżentat mit-taxxa taħt l-Artikoli 21, […] u l-kontribuzzjonijiet li l-bażi ta’ stima tagħhom huma magħmul mid-dħul suġġett għal eżenzjoni mit-taxxa taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi fiskali.

2.      L-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard, li bih titnaqqas it-taxxa [fuq id-dħul previst fil-paragrafu 1], ma jistax jeċċedi 7.75 % tal-bażi ta’ stima tal-imsemmija kontribuzzjonijiet.

3.      L-ammont ta’ spejjeż magħmula għall-għan iddefinit fil-paragrafu 1 huwa stabbilit fuq il-bażi tad-dokumenti li juru li saru l-ispejjeż.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Wara li għex fil-Ġermanja fejn kien impjegat, U. Rüffler stabbilixxa ruħu fil-Polonja fejn jirrisjedi ma’ martu b’mod permanenti mill-2005. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li huwa ħadem fil-Polonja minn mindu ttrasferixxa r-residenza tiegħu.

12      Fil-mument meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, l-uniku dħul ta’ U. Rüffler kien minn żewġ pensjonijiet ta’ rtirar irċevuti fil-Ġermanja, jiġifieri:

– pensjoni ta’ invalidità għal invalidità ta’ 70 %, mogħtija minn istituzzjoni Ġermaniża ta’ assigurazzjoni tal-ħaddiema, il-Landesversicherungsanstalt (Uffiċċju reġjonali ta’ assigurazzjoni), li tirrapreżenta ħlas mill-iskema Ġermaniża tas-sigurtà soċjali obbligatorja;

– pensjoni azjendali mħallsa mill-kumpannija Volkswagen.

13      Dawn iż-żewġ pensjonijiet jitħallsu fil-Ġermanja, f’kont bankarju miftuħ minn U. Rüffler f’dan l-Istat Membru. Il-kontribuzzjonijiet korrispondenti għalhekk jinġabru f’dan l-istess Stat Membru, fosthom il-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard.

14      Il-kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard imħallsa fuq il-pensjoni azjendali li U. Rüffler jirċievi fil-Ġermanja hija ttrasferita bir-rata ta’ 14.3 % lill-istituzzjoni Ġermaniża ta’ assigurazzjoni għall-mard, Deutsche BKK-West f’Wolfsburg. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71, U. Rüffler u martu U. Rüffler għandhom dritt, ikkonfermat min-Narodowy Fundusz Zdrowia (Fond nazzjonali tas-saħħa Pollakk), li jibbenefikaw mill-benefiċċji tal-kura tas-saħħa fit-territorju Pollakk. Dawn il-benefiċċji huma pprovduti fil-Polonja a spejjeż tal-istituzzjoni Ġermaniża ta’ assigurazzjoni għall-mard.

15      U. Rüffler huwa suġġett, fil-Polonja, għal obbligu fiskali illimitat, skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul.

16      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(2) tal-konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja, il-pensjoni ta’ invalidità mogħtija lilu fil-Ġermanja mil-Landversicherungsanstalt hija ntaxxata f’dan l-istess Stat Membru. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 18(1) tal-istess konvenzjoni, il-pensjoni azjendali mħallsa fil-Ġermanja mill-kumpannija Volkswagen hija taxxabbli biss fit-territorju Pollakk.

17      Fl-2006, U. Rüffler talab lill-awtorità fiskali Pollakka sabiex it-taxxa fuq id-dħul dovuta minnu fil-Polonja fuq il-pensjoni azjendali li huwa jirċievi fil-Ġermanja titnaqqas bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard li huwa ħallas fil-Ġermanja.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2006, l-awtorità fiskali Pollakka rrifjutat li tilqa’ t-talba tiegħu peress li l-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jipprovdi għall-possibbiltà li titnaqqas it-taxxa fuq id-dħul biss bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa taħt il-Liġi Pollakka dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa. Issa U. Rüffler ma jħallasx kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard fil-Polonja.

19      Permezz ta’ att tat-2 ta’ Frar 2007, U. Rüffler ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem id-Dyrektor, li fih huwa allega li l-awtorità fiskali wettqet applikazzjoni selettiva tad-dritt fiskali Pollakka u kisret id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2007, id-Dyrektor irrifjuta li jbiddel id-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar l-interpretazzjoni tal-portata u tal-metodi ta’ applikazzjoni tad-dritt fiskali Pollakk fir-rigward tal-impossibbiltà li titnaqqas it-taxxa mħallsa fil-Polonja bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa fi Stat Membru ieħor. Meta għamel dan, huwa kkonferma l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mogħtija mill-awtorità fiskali u afferma li, għall-korpi tal-awtorità fiskali obbligati li jiddeċiedu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi, b’mod partikolari fil-qasam tal-ħelsien u tat-tnaqqis mit-taxxi, ma kinitx ammissibbli interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul.

21      Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li fil-kuntest tal-ilment tiegħu quddiem id-Dyrektor, U. Rüffler kien sostna wkoll li l-pensjoni azjendali li huwa jirċievi għandha tiġi eżentata mit-taxxa fuq id-dħul skont l-Artikolu 21(1)(58)(b) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul. Din it-talba ġiet ukoll miċħuda, għar-raġuni li din id-dispożizzjoni ma kinitx tapplika fil-każ preżenti minħabba li din tikkonċerna biss lill-persuni affiljati fi skema ta’ pensjonijiet professjonali, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Pollakka dwar l-iskemi ta’ pensjonijiet professjonali, jiġifieri “ħaddiema” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Pollakka.

22      U. Rüffler għalhekk ippreżenta rikors quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (Qorti amministrattiva ta’ Wrocław) kontra d-deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2007, fejn sostna li dan tal-aħħar kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul. Huwa talab l-annullament kemm ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tad-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tat-28 ta’ Novembru 2006, sa fejn dawn ikkonkludew li kien impossibbli li l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul dovut fil-Polonja jitnaqqas bil-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa fi Stat Membru ieħor.

23      Skont U. Rüffler, tali limitazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul, li twassal sabiex tagħti dan il-vantaġġ biss lill-persuni taxxabbli li ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom ta’ assigurazzjoni għall-mard lil istituzzjoni ta’ assigurazzjoni Pollakka, tagħmel distinzjoni b’mod diskriminatorju, skont il-post tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja, bejn is-sitwazzjoni tal-persuni li jħallsu t-taxxa fuq id-dħul fil-Polonja.

24      U. Rüffler qajjem ukoll l-inkompatibbiltà tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt fiskali mad-dritt Komunitarju, u, b’mod partikolari, mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni li jinsab fl-Artikolu 39 KE. Insostenn ta’ din it-teżi, huwa invoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-150/04, Ġabra p. I-1163).

25      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall-mard li U. Rüffler ħallas fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż huwa identiku, min-natura u mill-finalità tiegħu, għall-kontribuzzjoni mħallsa mill-persuni taxxabbli Pollakki taħt il-liġi Pollakka. Fid-dritt Ġermaniż bħal fid-dritt Pollakk, il-benefiċjarji ta’ pensjonijiet huma marbuta jħallsu tali kontribuzzjoni. Id-differenza hija fil-livell tal-kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall-mard, li hija ta’ 14.30 % fil-Ġermanja u 9 % fil-Polonja, kif ukoll fil-bażi legali nazzjonali li minnha joriġina l-obbligu li jsir il-ħlas.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn il-persuna taxxabbli residenti għandha tħallas, fil-Polonja, it-taxxa fuq id-dħul għal pensjoni miksuba fil-Ġermanja, huwiex leġittimu li jiġi rrifjutat li l-ammont ta’ din it-taxxa jitnaqqas bil-kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa fil-Ġermanja, sempliċement minħabba li din il-kontribuzzjoni ma tħallsitx fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali Pollakk u li din taqa’ taħt sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard Ġermaniża.

27      Hija tistaqsi jekk din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tammontax għal diskriminazzjoni kontra l-persuni taxxabbli li, billi jagħmlu użu mil-libertà tagħhom ta’ moviment, huma mċaħħda, fl-Istat Membru ta’ impożizzjoni, mill-possibbiltà li t-taxxa titnaqqas bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa fi Stat Membru ieħor, filwaqt li wieħed jassumi li l-imsemmija persuni taxxabbli ma jkunux diġà naqqsu dawn il-kontribuzzjonijiet f’dan l-aħħar imsemmi Stat.

28      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007 (K 18/06, Dz. U tal-2007, Nru 211, intestatura 1549), it-Trybunał Konstytucyjny (Qorti Kostituzzjonali Pollakka) ikkunsidra li l-Artikolu 27b(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ma kienx konformi mal-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni Pollakka, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-istess Kostituzzjoni, sa fejn dan jeskludi l-possibbiltà, għal ċerti persuni taxxabbli, milli jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard mit-taxxa fuq id-dħul dovuta għal attività li huma jagħmlu barra mit-territorju Pollakk, meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma tnaqqsux mid-dħul fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettqet din l-attività. Skont din is-sentenza, l-Artikolu 27b(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul m’għadux fis-seħħ mit-30 ta’ Novembru 2008.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 u l-Artikolu 39(1) u (2) tat-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 27b tal-liġi [dwar it-taxxa fuq id-dħul] li tipprovdi li d-dritt għat-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul ta’ ammonti mħallsa bħala kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja huwa limitat biss għal dawk il-kontribuzzjonijiet imħallsa abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, f’sitwazzjoni fejn persuna residenti tittrasferixxi, mid-dħul taxxabbli fil-Polonja, kontribuzzjonijiet lill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja fi Stat Membru ieħor?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

30      Fl-ewwel lok, il-Gvern Pollakk jiddubita mill-ammissibbiltà tad-domanda magħmula għar-raġuni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreżentax b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża.

31      B’hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħtix indikazzjoni li madankollu hija importanti fil-kuntest ta’ benefiċċju fiskali distint minn dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri d-dritt għal eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul skont l-Artikolu 21(1)(58)(b) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul. Skont din id-dispożizzjoni, huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul “il-ħlasijiet magħmula lill-affiljat minn fondi miġbura fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjonijiet professjonali”.

32      Fil-każ preżenti, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax b’mod ċar jekk il-pensjoni azjendali mħallsa mill-kumpannija Volkswagen hijiex l-ekwivalenti, fil-Ġermanja, tal-ħlasijiet magħmula fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjonijiet professjonali Pollakka jew jekk din tammontax għal forma oħra ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija.

33      Fit-tieni lok, il-Gven Pollakk jikkunsidra li d-domanda li saret mhijiex ammissibbli wkoll minħabba n-nuqqas ta’ neċessità, fis-sens tal-Artikolu 234 KE, li tinkiseb deċiżjoni preliminari sabiex tiġi riżolta l-kawża prinċipali, billi din tal-aħħar għandha tiġi deċiża esklużivament fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali.

34      B’hekk, skont il-Gvern Pollakk, fis-sitwazzjoni fejn il-pensjoni azjendali, imħallsa mill-kumpannija Volkswagen, tirrapreżenta l-ekwivalenti, fil-Ġermanja, tal-ħlasijiet magħmula fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjonijiet professjonali Pollakka, din għandha titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(1)(58)(b) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul għaliex dan tal-aħħar mhuwiex limitat biss għall-pagamenti magħmula taħt skema ta’ pensjonijiet professjonali Pollakka. F’sitwazzjoni bħal din, id-dħul irċevut minn U. Rüffler taħt l-imsemmija pensjoni għandu jkun suġġett, fil-Polonja, għal eżenzjoni mit-taxxa.

35      Il-Gvern Pollakk isostni wkoll li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 27b(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jeskludi d-dritt għal tnaqqis mit-taxxa tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard, dritt li U. Rüffler jeżiġi fil-kawża prinċipali, meta l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard huma relatati ma’ dħul eżentat taħt l-Artikolu 21 tal-istess liġi. Konsegwentement, jekk il-pensjoni Ġermaniża tammonta għal tali dħul eżenti, ma jkunx possibbli, taħt l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 27b(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, li l-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul jitnaqqas bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard, mingħajr ma jkun rilevanti f’dan ir-rigward l-Istat li fih tħallsu dawn il-kontribuzzjonijiet. Il-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali għandha konsegwentement tiġi deċiża esklużivament fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bil-kawża u li jkollha r-responsabbiltà li eventwalment tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38; tal-4 ta’ Diċembru 2008, Zablocka-Weyhermüller, C-221/07, Ġabra p. I-33, punt 20, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 24).

37      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21; ara wkoll is-sentenzi PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, C-318/00, Ġabra p. I-905, punt 42).

38      Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq PreussenElektra, punt 39, u Zablocka-Weyhermüller, punt 20).

39      Minn naħa, għal dak li jikkonċerna d-domanda li saret mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali u d-domanda preliminari jikkonċernaw biss il-kwistjoni tad-dritt għal tnaqqis mit-taxxa bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa u mhux ir-rifjut tal-eżenzjoni tal-pensjoni azjendali.

40      Fil-fatt, il-pretensjoni ta’ U. Rüffler, li l-pensjoni azjendali li huwa jirċievi għandha tkun suġġetta, fil-Polonja, għal eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul, pretensjoni li saret fl-istadju tal-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tal-ewwel istanza u miċħuda mid-Dyrektor, ma tidhirx fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn U. Rüffler quddiem il-qorti tar-rinviju. Dan ir-rikors fil-fatt għandu bħala għan l-annullament tad-deċiżjoni tad-Dyrektor sa fejn din tikkonferma l-impossibbiltà, fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jikseb tnaqqis mit-taxxa taħt l-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul.

41      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra ruħha suffiċjentement informata fir-rigward tal-istatus ta’ U. Rüffler u tan-natura tal-kontribuzzjonijiet u tal-pensjoni azjendali mħallsa fil-Ġermanja sabiex tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

42      Din il-qorti fil-fatt tindika, fid-deċiżjoni tagħha, li l-pensjoni azjendali mħallsa fil-Ġermanja taqa’ taħt “pensjonijiet ta’ rtirar u benefiċċji simili jew pensjonijiet irċevuti minn persuna li tirrisjedi fi Stat kontraenti” fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja. Hija tikkunsidra li l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard, li huma mnaqqsa mill-pensjoni azjendali u mħallsa minn U. Rüffler fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, huma identiċi, min-natura u mill-finalità tagħhom, għall-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni taxxabbli Pollakki taħt il-liġi Pollakka.

43      Għalhekk, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domanda li saritilha.

44      Konsegwentement, id-domanda magħmula hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

45      U. Rüffler, il-Gvern Grieg, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jikkunsidraw li d-dritt Komunitarju jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, jew l-interpretazzjoni tagħha mill-awtorità fiskali, tillimita d-dritt għal tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard biss għall-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa għall-iskema nazzjonali obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-mard.

46      Għall-Gvern Grieg u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-Artikoli 12 KE u 39 KE jipprekludu li l-Istat Membru, li fih il-persuna taxxabbli għandha r-residenza permanenti tagħha u hija suġġetta għal obbligu fiskali illimitat, jirrifjuta li jagħti lil din il-persuna taxxabbli tnaqqis mit-taxxa bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet li hija ħallset lill-korp ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ Stat Membru ieħor, sakemm il-persuna taxxabbli ma naqqsitx dawn il-kontribuzzjonijiet fit-tieni Stat li fih hija tirċievi d-dħul taxxabbli tagħha. Tali trattament jiżvantaġġa lill-persuni taxxabbli li eżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu u li huma mċaħħda, fl-Istat ta’ impożizzjoni, mill-possibbiltà li t-taxxa tagħhom titnaqqas bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lil korp ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard ta’ Stat Membru ieħor.

47      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tiddeduċi minn dak li ntqal fid-deċiżjoni tar-rinviju, minn naħa, li U. Rüffler ma kienx jaħdem fil-mument tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li mill-2005, huwa kien jirrisjedi b’mod permanenti fil-Polonja bħala pensjonant irtirat minn attività ta’ impjegat li huwa kien jeżerċita fil-Ġermanja. Hija tikkunsidra wkoll li, minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe rabta bejn ir-residenza ta’ U. Rüffler fit-territorju Pollakk u t-twettiq ta’ xogħol, is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 39 KE. Il-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 KE u 18 KE meħuda flimkien.

48      Skont il-Kummissjoni, imur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE u l-Artikolu 18(1) KE li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, tipprovdi biss għad-dritt għat-tnaqqis tal-ammont tat-taxxa fuq id-dħul bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa lill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard Pollakka, u minħabba dan il-fatt teskludi l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard ta’ Stat Membru ieħor li fih ġie rċevut id-dħul taxxabbli fil-Polonja.

49      Peress li l-Gvern Pollakk jikkunsidra li d-domanda li saret hija inammissibbli, ma ppronunzjax ruħu fuq il-mertu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat KE

50      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li U. Rüffler ilu mis-sena 2005 jirrisjedi b’mod permanenti fil-Polonja ma’ martu, bħala pensjonant rtirat minn attività ta’ impjegat li huwa wettaq fil-Ġermanja. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fil-mument meta tressqet il-kawża prinċipali, l-uniku dħul ta’ U. Rüffler kien jikkonsisti biss f’pensjoni ta’ rtirar u f’pensjoni ta’ invalidità, li t-tnejn li huma kien jirċeviehom fil-Ġermanja. Konsegwentement, U. Rüffler ma kienx jaħdem fil-mument meta tressqet il-kawża prinċipali.

51      Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li U. Rüffler kien ħadem qabel fil-Polonja jew li huwa kien mar hemm biex ifittex impjieg.

52      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen (C-520/04, Ġabra p. I-10685, punt 16), li persuna li eżerċitat l-attività professjonali kollha tagħha fl-Istat Membri li tiegħu hija ċittadina u li għamlet biss użu mid-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor wara li rtirat, mingħajr ebda intenzjoni li teżerċita attività ta’ impjegat f’dan l-Istat l-ieħor, ma tistax tagħmel użu mill-moviment liberu tal-ħaddiema.

53      Jidher li dan huwa l-każ ta’ U. Rüffler, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju.

54      Peress li l-kawża prinċipali ma taqax taħt l-Artikolu 39 KE, għandu jiġi stabbilit liema dispożizzjoni tat-Trattat KE hija applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik ta’ U. Rüffler.

55      Bħala ċittadin Ġermaniż, U. Rüffler igawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 17(1) KE u għalhekk jista’ eventwalment jinvoka d-drittijiet marbuta’ ma’ tali status, b’mod partikolari d-dritt li jmur minn post għal ieħor u d-dritt li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri previsti fl-Artikolu 18(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska, C-499/06, Ġabra p. I-3993, punt 22, u Zablocka-Weyhermüller, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

56      Sitwazzjoni bħal dik ta’ U. Rüffler taqa’ taħt id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u li joqgħodu liberament fl-Istati Membri. Fil-fatt, persuna li, wara li tkun irtirat, titlaq mill-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina u li fih hija wettqet l-attivitajiet ta’ xogħol kollha tagħha sabiex tistabbilixxi r-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, teżerċita d-dritt mogħti mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Turpeinen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 sa 19).

57      Għandu jiġi indikat li, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma rreferietx għall-Artikolu 18 KE fid-domanda preliminari tagħha, tali fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex tiddeċiedi l-kawża li tkun qiegħda tisma’, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet referenza għalih fid-domanda tagħha kemm jekk le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP, C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8; tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 29, u tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 64).

58      Is-sitwazzjoni ta’ U. Rüffler għandha konsegwentement tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u li joqgħodu liberament fl-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 18 KE.

59      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 12 KE, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi fih, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi pprojbita. Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, previst fl-Artikolu 12 KE, jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 28).

–       Fuq il-kompatibbiltà mal-Artikolu 18 KE

60      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18 KE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti tad-dritt għal tnaqqis tal-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa bil-kundizzjoni li dawn il-kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu f’dan l-Istat Membru, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u li twassal għar-rifjut tal-għoti ta’ tali benefiċċju fiskali meta l-kontribuzzjonijiet li jistgħu jitnaqqsu mill-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul dovut f’dan l-Istat Membru tħallsu fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard ta’ Stat Membru ieħor.

61      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard, li fil-kawża prinċipali qed jintalab li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tnaqqis mit-taxxa, ma ġewx diġà meħuda inkunsiderazzjoni fiskalment fl-Istat Membru li fih huma tħallsu.

62      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenża tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost dawn tal-aħħar li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiæ tat-Trattat, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 16; tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C-76/05, Ġabra p. I-6849, punt 86, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C-524/06, Ġabra p. I-9705, punt 69).

63      Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu u l-libertà ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif stabbiliti mill-Artikolu 18 KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pusa, punt 17, kif ukoll Schwarz u Gootjes-Schwarz, punt 87).

64      Sa fejn ċittadin tal-Unjoni għandu jingħata, fl-Istati Membri kollha, l-istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri li jinstabu fl-istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li kieku ċ-ċittadin kellu jirċievi, fl-Istat Membru ospitanti, trattament inqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija mit-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu (ara, b’analoġija, fir-rigward tat-trattament fl-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu, is-sentenzi Pusa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; Schwarz u Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/05, Ġabra p. I-6957, punt 127).

65      Dawn l-opportunitajiet fil-fatt ma jistgħux jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom permezz tal-ostakoli magħmula għar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali li tippenalizza l-fatt li huwa eżerċitahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pusa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; ara wkoll is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 30, kif ukoll Zablocka-Weyhermüller, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

66      Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tintroduċix, bejn ċittadini Komunitarji li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, differenza fit-trattament li tiżvantaġġa lil dawk li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, u jekk dan jiġi pprovat, jekk tali differenza fit-trattament tistax, fejn xieraq, tkun ġustifikata.

67      Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn persuni taxxabbli residenti skont jekk il-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard li jistgħu jitnaqqsu mill-ammont tat-taxxa fuq id-dħul dovut fil-Polonja tħallsux jew le fil-kuntest tal-iskema nazzjonali ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard. Taħt leġiżlazzjoni bħal din, huma biss il-persuni taxxabbli li l-kontribuzzjonijiet tagħhom ta’ assigurazzjoni għall-mard jitħallsu fl-Istat Membru ta’ impożizzjoni li jibbenefikaw mid-dritt għat-tnaqqis mit-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

68      Issa, għal dak li jirrigwarda l-intaxxar tad-dħul tagħhom fil-Polonja, għandu jiġi rrilevat li l-persuni taxxabbli residenti li jħallsu kontribuzzjonijiet lill-iskema Pollakka ta’ assigurazzjoni għall-mard u dawk li jaqgħu taħt skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard ta’ Stat Membru ieħor mhumiex oġġettivament f’sitwazzjonijiet differenti tali li tiġġustifika din id-differenza fit-trattament skont il-post tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet.

69      Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli rtirata, bħal U. Rüffler, li hija residenti fil-Polonja u li tirċievi pensjoni ta’ rtirar imħallsa fil-kuntest tas-sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard ta’ Stat Membru ieħor, u dik ta’ pensjonant Pollakk, li huwa wkoll residenti fil-Polonja iżda li jirċievi l-pensjoni tiegħu fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni għall-mard Pollakka, huma komparabbli f’dak li jirrigwarda l-prinċipji ta’ tassazzjoni, billi, fil-Polonja, it-tnejn huma suġġetti għall-obbligu fiskali illimitat.

70      B’hekk, l-intaxxar tad-dħul tagħhom, f’dan l-Istat Membru, għandu jseħħ skont l-istess prinċipji u, għalhekk, fuq il-bażi tal-istess benefiċċji fiskali, jiġifieri, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dak tad-dritt għal tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sitwazzjoni ta’ U. Rüffler, il-kontribuzzjonijiet li huwa jħallas fil-Ġermanja jaqgħu taħt l-assigurazzjoni obbligatorja għall-mard fil-Ġermanja. Dawn il-kontribuzzjonijiet huma direttament meħuda mid-dħul li huwa jirċievi, jiġifieri l-pensjoni azjendali u l-pensjoni ta’ invalidità, u ttrasferiti lill-korp ta’ assigurazzjoni għall-mard Ġermaniż. Wara t-trasferiment fil-Polonja tar-residenza tiegħu, U. Rüffler kompla jirċievi l-pensjoni azjendali tiegħu u l-pensjoni tiegħu ta’ invalidità mill-Ġermanja u, skont l-Artikoli 28 u 28a tar-Regolament Nru 1408/71, huwa għandu d-dritt, fil-Polonja, li jibbenefika mill-benefiċċji tas-saħħa, li l-ispejjeż tagħhom huma mbagħad imħallsa mill-assigurazzjoni Ġermaniża tiegħu għall-mard.

72      Għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn hija tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju fiskali li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard għall-kundizzjoni li dawn tal-aħħar kienu tħallsu lil korp ta’ assigurazzjoni għall-mard Pollakk u twassal sabiex tirrifjuta li tagħti l-imsemmi benefiċċju lill-persuni taxxabbli li ħallsu kontribuzzjonijiet lil korp ta’ Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżvantaġġa lill-persuni taxxabbli li, bħal U. Rüffler, eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom billi telqu mill-Istat Membru li fih huma eżerċitaw l-attività professjonali kollha tagħhom sabiex jistabbilixxu ruħhom fil-Polonja.

73      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din, li tiżvantaġġa ċerti ċittadini ta’ Stat Membru sempliċement minħabba li huma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom fi Stat Membru ieħor, tammonta għal restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija lil kull ċittadin tal-Unjoni mill-Artikolu 18(1) KE.

74      Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss, fid-dawl tad-dritt Komunitarju, jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u tkun proporzjonata għall-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jfittex li jilħaq (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 40; Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll Zablocka-Weyhermüller, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

75      B’hekk għadu jrid jiġi stabbilit jekk jeżistux kriterji oġġettivi li jiġġustifkaw differenza fit-trattament fiskali bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

76      Il-Gvern Pollakk ma ressaqx argumenti f’dan ir-rigward.

77      Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk il-fatt li l-persuni taxxabbli li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard lil istituzzjonijiet barranin ma jikkontribwixxux għall-finanzjament tas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard Pollakka, peress li l-istituzzjoni barranija tirrimborsa biss, jiġifieri tħallas biss lill-Fond nazzjonali tas-saħħa tar-Repubblika tal-Polonja, l-ispejjeż tal-benefiċċji tas-saħħa effettivament mogħtija lil dawn il-persuni taxxabbli fit-territorju Pollakk, jistax jammonta għal ġustifikazzjoni oġġettiva suffiċjenti tad-differenza fit-trattament fiskali tirriżulta mill-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul.

78      Tali ġustifikazzjonijiet ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, il-fatt li, minn naħa, l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni obbligatorja Ġermaniża tkopri biss l-ispejjeż tal-benefiċċji effettivament mogħtija lil U. Rüffler u li, min-naħa l-oħra, meta dan tal-aħħar ma jibbenefikax minn benefiċċji tal-mard, il-kontribuzzjonijiet tiegħu ma jikkontribwixxux għall-finanzjament tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard Pollakka, ma jistax jiġġustifika restrizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

79      Kif ġustament irrilevat il-qorti tar-rinviju, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, il-fatt li l-ispejjeż tal-benefiċċji tas-saħħa mogħtija lil ċittadini Ġermaniżi residenti fil-Polonja huma rimborsati lill-Fond nazzjonali tas-saħħa Pollakk mill-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni Ġermaniża kompetenti jirriżulta mill-applikazzjoni flimkien tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tirrigwarda l-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, u b’mod partikolari tal-Artikoli 28 u 28a tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll tal-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97.

80      Fil-kawża prinċipali, jirriżulta b’mod partikolari li, għalkemm il-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ ċittadin Ġermaniż bħal U. Rüffler mhumiex imħallsa direttament lill-Fond nazzjonali tas-saħħa Pollakk, l-ispejjeż mediċi li saru minn dan iċ-ċittadin ma jikkostitwixxux piż għas-sistema tas-saħħa Pollakka.

81      Ir-regoli tad-dritt sekondarju li jikkoordinaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet soċjali tal-persuni li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea u li jiggarantixxu li d-dritt tagħhom li jibbenefikaw mill-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ma jiġix affettwat minħabba l-eżerċizzju stess tal-libertà tagħhom ta’ moviment. Fil-fatt, l-eżerċizzju stess ta’ din il-libertà jkun skoraġġut jekk l-Istati Membri jkunu liberi, għal dak li jirrigwarda t-trattament fiskali tal-imsemmija benefiċċji, li jiżvantaġġaw lill-persuni li jirċievu benefiċċji tas-sigurtà soċjali fil-kuntest tas-sistema tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor.

82      F’dan ir-rigward, fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C-107/94, Ġabra p. I-3089, punt 64), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ trattament fiskali sfavorevoli, jiġifieri rata ta’ taxxa miżjuda, lill-persuni taxxabbli mhux residenti u li ma jikkontribwixxux għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi, kienet tmur kontra l-Artikolu 52 tat-trattat u ma setgħetx tiġi ġġustifikata mill-affiljazzjoni jew in-nuqqas ta’ affiljazzjoni fi skema nazzjonali tas-sigurtà soċjali partikolari. Hija sostniet f’dan ir-rigward li d-determinazzjoni tal-Istat Membru li fih jitħallsu l-kontribuzzjonijiet soċjali tirriżulta sempliċement mill-applikazzjoni tas-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, il-fatt li ċerti persuni taxxabbli mhumiex affiljati f’sistema tas-sigurtà soċjali partikolari u li, konsegwentement, il-kontribuzzjonijiet għal din l-iskema ma jitnaqqsux mid-dħul tagħhom fl-Istat Membru inkwistjoni, jista’ biss jirriżulta, jekk ikun fondat, mill-applikazzjoni, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, tas-sistema ġenerali u vinkolanti stabbilita mir-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asscher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

83      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-fatt li l-Istati Membri ma għandhomx il-possibbiltà li jistabbilixxu sa fejn hija applikabbli l-leġiżlazzjoni tagħhom jew dik ta’ Stat Membru ieħor, peress li huma marbuta jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fis-seħħ, jipprekludi li Stat Membru jfittex fir-realtà, permezz ta’ miżuri fiskali, li jikkumpensa għall-fatt li persuna taxxabbli mhijiex affiljata fis-sistema tiegħu ta’ sigurtà soċjali u ma tħallas kontribuzzjonijiet lil din is-sistema (sentenza Asscher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

84      Kif sostnew il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-istess raġunament japplika, b’analoġija, għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis mit-taxxa għall-persuni taxxabbli mhux kontributuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

85      Konsegwentement, sa fejn ir-regoli li jirrigwardaw kemm l-affiljazzjoni f’sistema partikolari ta’ sigurtà soċjali ta’ ċittadini li jibbenefikaw mill-libertà ta’ residenza kif ukoll il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali relattivi għal din l-iskema huma direttament stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi kkunsidrat li Stat Membru ma jistax jittratta b’mod inqas vantaġġuż ir-residenza u l-intaxxar ta’ persuni taxxabbli residenti li, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, iħallsu kontribuzzjonijiet lil sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor.

86      Billi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tammonta għal restrizzjoni tal-Artikolu 18 KE li mhijiex ġustifikata oġġettivament, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 12 KE.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 18(1) KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa għall-kundizzjoni li dawn il-kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu f’dan l-Istat Membru, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u li twassal għar-rifjut tal-għoti ta’ tali benefiċċju fiskali meta l-kontribuzzjonijiet li jistgħu jitnaqqsu mill-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul dovut f’dan l-Istat Membru jitħallsu fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard ta’ Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

88      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 18(1) KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa għall-kundizzjoni li dawn il-kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu f’dan l-Istat Membru, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u li twassal għar-rifjut tal-għoti ta’ tali benefiċċju fiskali meta l-kontribuzzjonijiet li jistgħu jitnaqqsu mill-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul dovut f’dan l-Istat Membru jitħallsu fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-mard ta’ Stat Membru ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.