Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-569/07

HSBC Holdings plc

u

Vidacos Nominees Ltd

vs

The Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mis-Special Commissioners of Income Tax, London)

“Taxxi indiretti — Ġbir ta’ kapital — Impożizzjoni ta’ dazju ta’ 1.5 % fuq it-trasferiment jew il-ħruġ tal-azzjonijiet f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet (‘clearance service’)”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital

(Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikolu 11(a))

L-Artikolu 11(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KE, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa meta jinħarġu azzjonijiet ġodda f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet.

Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni tal-ġbir ta’ taxxa jew ħlas fuq l-ewwel xiri ta’ titolu li nħareġ mill-ġdid fil-verità tfisser li l-ħruġ stess ta’ dan it-titolu qed jiġi ntaxxat peress li jagħmel parti sħiħa minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir ta’ kapital.

Dan l-ewwel xiri ma jistax jitqies li jikkostitwixxi “trasferiment” fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335/KEE, b’tali mod li jiċħad l-Artikolu 11(a) ta’ din id-direttiva mill-effett utli tiegħu filwaqt li jqajjem dubji fir-rigward tad-distinzjoni sħiħa li dawn iż-żewġ artikoli jistabbilixxu bejn il-kunċett ta’ “ħruġ” u dak ta’ “trasferiment.” Fil-fatt, din l-interpretazzjoni għandha bħala konsegwenza li tista’ xorta waħda tintlaqat minn taxxa jew ħlas it-tranżazzjoni ta’ ħruġ li, filwaqt li timplika neċessarjament xiri ta’ titoli ġodda maħruġa, skont l-Artikolu 11(a), ma għandha tkun suġġetta għal ebda taxxa jew ħlas minbarra d-dazju fuq il-kapital. Għaldaqstant, taxxa li tolqot dan l-ewwel xiri ma tistax taqa’ taħt id-deroga li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a). Barra minn hekk, din it-taxxa ma tistax titqies li tapplika, fil-verità, għal trasferimenti futuri, ġaladarba la l-bażi taxxabbli u lanqas il-persuna suġġetta għal din it-taxxa ma huma ddeterminati fir-rigward tat-tali trasferimenti, li barra minn hekk huma ipotetiċi.

Għaldaqstant, sa fejn din it-taxxa tinġabar fuq titoli ġodda wara li ssir żieda fil-kapital, din tikkostitwixxi taxxa fis-sens tal-Artikolu 11(a) ta’ din id-direttiva li hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 32, 34-38 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Taxxi indiretti – Ġbir ta’ kapital – Impożizzjoni ta’ dazju ta’ 1.5 % fuq it-trasferiment jew il-ħruġ tal-azzjonijiet f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet (‘clearance service’)”

Fil-Kawża C-569/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Special Commissioners of Income Tax, London (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2007, fil-proċedura,

HSBC Holdings plc,

Vidacos Nominees Ltd

vs

The Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2009

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal HSBC Holdings plc, minn R. Norton, solicitor, kif ukoll minn I. Glick, QC, u D. Jowell, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Hall u I. Rao kif ukoll minn R. Thomas, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE tal-10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 122, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), kif ukoll tal-Artikoli 49 KE jew 56 KE, jew ta’ kull dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn HSBC Holdings plc (iktar ’il quddiem “HSBC”) u Vidacos Nominees Ltd minn naħa u l-l-Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs (awtoritajiet fiskali Britanniċi) min-naħa l-oħra, li tirrigwarda l-ġbir ta’ taxxa li jisimha “stamp duty reserve tax” (iktar ’il quddiem s-“SDRT”), b’applikazzjoni tal-Artikolu 96 tal-liġi tal-finanzi tal-1986 (Finance Act 1986, iktar ’il quddiem il-“FA 1986”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        Skont il-Premessi 1 u 6 tad-Direttiva:

“Billi l-objettiv tat-Trattat hu li joħloq unjoni ekonomika li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk ta’ suq domestiku u billi wieħed mill-kundizzjonijiet essenzjali sabiex jinkiseb dan hija l-promozzjoni tal-moviment ħieles tal-kapital;

[…]

Billi huwa inerenti fil-kunċett ta’ suq komuni li l-karatteristiċi tiegħu huma dawk ta’ suq domestiku li d-dazju fuq il-ġbir ta’ kapital fis-suq komuni minn kumpanija jew ditta għandu jiġi mitlub darba biss u li l-livell ta’ dan id-dazju għandu jkun l-istess fl-Istati Membri kollha sabiex ma jinterferix mal-moviment tal-kapital”.

4        L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistabbilixxi l-lista ta’ tranżazzjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għad-dazju fuq il-kapital, u li fiha jinsabu, b’mod partikolari, il-kostituzzjoni ta’ kumpannija kapitali kif ukoll iż-żieda fil-kapital tagħha permezz tal-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip.

5        L-Artikolu 10 tad-Direttiva jipprojbixxi l-ġbir ta’ kull taxxa minbarra d-dazju fuq il-kapital għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tagħha.

6        Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva:

“L-Istati Membri m’għandhom ikunu soġġetti [jissuġġettaw] għal ebda forma ta’ tassazzjoni:

a)      il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, li jagħmlu disponibbli fis-suq jew li jittrattaw fi stocks, ishma [azzjonijiet] jew sigurtajiet oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrapreżentaw dawn is-sigurtajiet, maħruġa minn min ikun;

b)      self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ debentures jew titoli negozzjabbli oħrajn, maħruġa minn min ikun, jew xi formalitajiet li jirrelataw għalihom, jew il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għal kwotazzjoni fil-borża, li jsiru disponibbli fis-suq jew l-ittrattar f’dawn id-debentures jew titoli negozjabbli oħra.”

7        Madankollu, skont l-Artikolu 12(1)(a) ta’ din l-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 11 tagħha, jiġbru “dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le”.

8        Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, dawn l-Istati għandhom jeżentaw mid-dazju fuq il-kapital tranżazzjonijiet li sal-1 ta’ Lulju 1984 kienu eżenti jew intaxxati b’rata ta’ 0.50 % jew inqas. Fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet oħra li fuqhom jista’ jinġabar dazju fuq il-kapital skont id-direttiva, dawn jistgħu jkunu jew eżantati, jew suġġetti għal rata unika li ma taqbiżx il-1 %.

 Id-dritt nazzjonali

9        Skont l-Artikolu 87(1) tal-FA 1986, kull trasferiment ta’ azzjonijiet jew ta’ titoli oħra suġġetti għal dazji bi ħlas huwa suġġett għas-SDRT b’rata ta’ 0.5 % tal-valur tat-titoli jew tal-prezz ta’ trasferiment. Is-SDRT mhijiex dovuta jekk it-trasferiment ta’ proprjetà tal-azzjonijiet jiġi kkonstatat permezz ta’ formola ta’ trasferiment ta’ titoli debitament ittimbrata, skont l-Artikolu 92 tal-FA 1986.

10      L-Artikolu 87(1) tal-FA 1986 huwa applikabbli biss għat-trażazzjonijiet ta’ trasferimenti ta’ “titoli suġġetti għal dazji”. Il-kunċett ta’ “titoli suġġetti għal dazji” huwa ddefinit fl-Artikolu 99 ta’ din il-liġi u jikkomporta l-azzjonijiet maħruġa minn kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit jew l-azzjonijiet maħruġa minn kumpanniji barranin jekk dawn tal-aħħar jitniżżlu f’reġistru fir-Renju Unit jew jiġu “magħduda” ma’ azzjonijiet maħruġa minn kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, kif ukoll ċerti dazji oħrajn għal u fuq it-tali azzjonijiet. L-Artikolu 86(4) tal-FA 1986 jgħid li d-dazju huwa dovut ikun liema jkun il-post ta’ tranżazzjoni u jkun liema jkun il-post ta’ residenza tal-partijiet.

11      L-Artikolu 96(1) u (2) tal-FA 1986 jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-[…] Artikoli 97 u 97a iktar ’il quddiem, is-SDRT hija dovuta bis-saħħa ta’ dan l-artikolu taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      persuna A, li n-negozju tiegħu jikkonsisti, sew jekk esklużivament sew jekk le, fil-provvista ta’ servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet fit-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u ta’ trasferiment ta’ titoli suġġetti għal dazji, ikkonkludiet ftehim ma’ terza persuna sabiex tipprovdilha dawn is-servizzi; u

b)      skont dan il-ftehim, it-titoli suġġetti għal dazji huma ttrasferiti jew maħruġa favur A jew favur terza persuna, li l-attività tagħha tikkonsisti, sew jekk esklużivament jew le, li żżomm titoli suġġetti għal dazji f’isem A.

2.      […] id-dazju dovut skont dan l-artikolu huwa ffissat għar-rata ta’ 1.5%:

a)      tal-prezz ta’ ħruġ jekk it-titoli huma suġġetti għal ħruġ;

b)      tal-prezz ta’ trasferiment jekk il-proprjetà tat-titoli hija ttrasferita bi ħlas;

c)      tal-valur tat-titoli fil-każijiet l-oħrajn.”

12      Il-kunċett ta’ servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet mhuwiex iddefinit mil-liġi. Skont il-manwal tal-amministrazzjoni tat-taxxa fuq it-taxxi tal-boll, dan il-kunċett għandu jinftiehem kif ġej:

“14.10  Is-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jikkonsistu ġeneralment f’sistema ta’ pussess ta’ titoli u ta’ ġestjoni tat-tranżazzjonijiet fuq dawn it-titoli billi jitniżżlu fil-kotba. It-titoli jistgħu jinżammu indefinittivament fis-sistema, minkejja tibdiliet effettivi fil-proprjetà tagħhom; huma jinżammu mill-kumpannija li tmexxi s-sistema ta’ tpaċija jew mill-mandatarju tagħha u jistgħu jkunu suġġetti għal tranżazzjonijiet mingħajr atti li jikkonstataw it-trasferiment ta’ proprjetà.

14.11 Is-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet huma mifruxa sew fuq il-kontinent Ewropew. Huwa komuni li l-azzjonijiet jkunu azzjonijiet anonimi (bearer form) u din is-sistema tippermetti li tiġi żgurata s-sigurtà fiżika (peress li ċ-ċertifikati anonimi jiġu ddepożitati fil-kaxxaforti) filwaqt li jiġu ffaċċilitati t-tranżazzjonijiet fuq it-titoli u l-ħlas.

14.12 Is-SDRT ma tikkonċernax ftehim ta’ trasferiment ta’ proprjetà ta’ titoli miżmuma minn servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet.”

13      Wara l-ħlas tat-taxxa inizjali, l-Artikolu 90(5) tal-FA 1986 jeżenta mid-dazju normalment dovut skont l-Artikolu 87 ta’ din il-liġi t-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ proprjetà magħmula fi ħdan is-servizz ta’ tpaċija.

14      L-Artikolu 97a tal-FA 1986 jipprovdi li l-operatur ta’ servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet responsabbli mit-tassazzjoni diretta, jista’ jagħżel sabiex it-taxxa tal-boll u s-SDRT jinġabru skont dan l-artikolu. Is-sistema magħżula taħt l-Artikolu 97a tal-FA 1986 tapplika mill-jum li fih l-awtoritajiet responsabbli mit-tassazzjoni diretta jinnotifikaw l-approvazzjoni tagħhom lill-operatur tas-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. Sa kemm din l-għażla tkun fis-seħħ, it-taxxa tal-boll u s-SDRT, jinġabru, fil-kuntest tas-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet koperti mill-għażla (pereżempju, għal kull trasferiment jew ħruġ skont l-Artikolu 96(1) tal-FA 1986), hekk kif kienu dovuti indipendentement mill-Artikolu 96 tal-FA. B’hekk, jekk it-tali għażla tiġi eżerċitata u approvata, it-tranżazzjonijiet effettivi fi ħdan is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jiġu intaxxati bir-rata normali ta’ 0.5 % u ebda dazju ma jkun dovut sabiex it-titoli inkwistjoni jiddaħħlu fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet.

15      L-Artikolu 97(4) tal-FA 1986 jeżenta mid-dazji msemmija fl-Artikolu 96 tal-FA 1986 il-ħruġ ta’ azzjonijiet bi skambju ma azzjonijiet oħra miżmuma taħt “skema ta’ servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet” jekk min joħroġhom, jew għandu l-kontroll tal-kumpanniji l-oħra, jew ser ikollu l-kontroll b’konsegwenza tal-offerta ta’ skambju. L-Artikolu 97(6) tal-FA 1986 għandu bħala effett li din l-iskema hija applikabbli biss jekk l-azzjonijiet l-oħra huma wkoll titoli suġġetti għal dazji.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju li, fis-7 ta’ Ġunju 2000, HSBC, kumpannija kkostitwita u fiskalment residenti fir-Renju Unit, ħarġet sejħa pubblika għax-xiri tal-azzjonijiet kollha ta’ Crédit commercial de France (iktar ’il quddiem “CCF”), kumpannija pubblika kkostitwita u fiskalment residenti fi Franza, li l-azzjonijiet tagħha kienu kkwotati fil-Borża ta’ Pariġi.

17      L-offerta kienet ifformulata f’termini ta’ xiri b’korrispettiv ta’ ħlas fi flus kontanti tal-azzjonijiet ta’ CCF, iżda kienet tikkomporta wkoll il-possibbiltà ta’ skambju ta’ azzjonijiet bejn iż-żewġ kumpanniji, b’rata ta’ tlettax-il azzjoni ta’ HSBC għal azzjoni ta’ CCF. Sabiex din it-tranżazzjoni tkun attraenti għall-azzjonisti ta’ CCF residenti fi Franza, HSBC kisbet kwotazzjoni fil-Borża ta’ Pariġi. Minħabba din il-kwotazzjoni, HSBC kellha tiftaħ kont f’isimha fi ħdan is-société interprofessionnelle pour la compensation des valeurs mobilières (Sicovam), jiġifieri s-sistema ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet Franċiż li kellha, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-monopolju f’dan il-qasam għall-azzjonijiet innegozjati fil-Borża ta’ Pariġi. Għaldaqstant kienu jeżistu tliet metodi sabiex jinkisbu azzjonijiet ta’ HSBC bi skambju għal azzjonijiet ta’ CCF, jiġifieri:

–        permezz tas-Sicovam, is-sistema Franċiża ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet għall-azzjonijiet ikkwotati fil-Borża ta’ Pariġi;

–        permezz ta’ CREST, is-sistema Britannika ta’ ħlas għal azzjonijiet taħt forma mhux ċertifikata, u

–        permezz tar-reġistrazzjoni nominali tagħhom fir-reġistru tal-azzjonisti ta’ HSBC bil-ħruġ ta’ ċertifikat rappreżentattiv.

18      HSBC aċċettat li tħallas kull SDRT dovuta għall-azzjonijiet innegozjati permezz tas-Sicovam. Fin-nuqqas ta’ dan, l-offerta kienet tkun żvantaġġuża mill-aspett finanzjarju, u għaldaqstant mhux daqstant interessanti, għal ħafna azzjonisti Franċiżi.

19      L-azzjonijiet ta’ HSBC maħruġa bi ħlas tat-titoli ta’ CCF kienu “titoli suġġetti għal dazji” fis-sens tal-Artikolu 99(3) tal-FA 1986. Meta nħarġu favur servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, Vidacos Nominees Ltd, il-mandatarju tas-Sicovam għar-Renju Unit, is-SDRT kienet dovuta, skont l-Artikolu 96(1) u (2) tal-FA 1986, bir-rata ta’ 1.5 % tal-prezz jew tal-valur ta’ dawn l-azzjonijiet. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taż-żewġ possibbiltajiet l-oħra, ebda taxxa tal-boll u ebda SDRT ma kienet dovuta meta nħarġu dawn l-azzjonijiet. Huwa biss meta jsir kull trasferiment ulterjuri ta’ azzjonijiet li d-dazji kienu jinġabru bir-rata ta’ 0.5 %.

20      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-azzjonisti ta’ CCF għażlu li jirċievu 255 607 131 azzjoni ta’ HSBC permezz tas-Sicovam. Minn dawn l-azzjonijiet, madwar 105 miljun, jew 41 %, inħarġu mis-Sicovam u ġew innegozjati fi żmien ġimagħtejn fil-Borża ta’ Londra. It-trasferimenti ulterjuri, ta’ dawn l-azzjonijiet fi ħdan CREST kienu suġġetti għas-SDRT bir-rata normali ta’ 0.5 %.

21      Barra minn hekk, HSBC, li l-azzjonijiet tagħhom għadhom ikkwotati fil-Borża ta’ Pariġi, toffri lill-azzjonisti tagħha l-possibbiltà li jirċievu d-dividendi tagħhom f’azzjonijiet pjuttost milli fi flus. Madankollu, meta l-azzjonijiet ta’ HSBC li jagħtu dritt għal dividend ikunu miżmuma minn Sicovam, l-azzjonijiet maħruġa bħala dividendi jinħarġu lil Sicovam, peress li, fil-kuntest ta’ din is-sistema, dawn l-azzjonijiet jiġu rreġistrati f’isem din l-aħħar kumpannija. Peress li dawn l-azzjonijiet taw lok għall-ħlas tas-SDRT bir-rata ta’ 1.5 %, l-ispiża ta’ dan l-oneru fiskali taqa’ fuq l-azzjonisti Franċiżi ta’ HSBC li jżommu l-azzjonijiet tagħhom permezz ta’ Sicovam, b’mod li dawn l-azzjonisti jirċievu rata ta’ 1.5 % azzjonijiet inqas mill-azzjonisti l-oħrajn.

22      HSBC ippreżentat talba għar-rimbors tas-SDRT imħallsa bir-rata ta’ 1.5 % fuq l-azzjonijiet maħruġa favur Sicovam. Wara li din it-talba ġiet miċħuda mill-awtoritajiet fiskali, hija ppreżentat rikors quddiem is-Special Commissioners.

23      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, is-Special Commissioners iddeċiedew li jissospendu l-proċedimenti u li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11 […] jew l-Artikolu 43, l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 56 tat-Trattat KE jew xi dispożizzjoni oħra tal-liġi Komunitarja jipprojbixxu l-intaxxar minn Stat Membru (iktar ’il quddiem l-“ewwel Stat Membru”) ta’ dazju fuq it-trasferiment jew il-ħruġ ta’ azzjonijiet għal servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet (‛clearance service’) ta’ 1.5 % meta:

a)      kumpannija (iktar ’il quddiem il-‘Kumpannija A’) stabbilita fl-Ewwel Stat Membru toffri li takkwista l-azzjonijiet irreġistrati u nnegozjati f’kumpannija (iktar ’il quddiem il-‘Kumpannija B’) stabbilita fi Stat Membru ieħor (iktar ’il quddiem it-‘tieni Stat Membru’) bi skambju ta’ azzjonijiet f’Kumpannija A, li għandhom jinħarġu fuq il-Borża fit-tieni Stat Membru;

b)      azzjonisti fil-Kumpannija B għandhom l-għażla li jirċievu l-azzjonijiet il-ġodda tal-Kumpannija A jew:

–        f’forma ċċertifikata; jew

–        f’forma mhux iċċertifikata permezz ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet (‘settlement system’) fl-ewwel Stat Membru; jew

–        f’forma mhux iċċertifikata permezz ta’ servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet fit-tieni Stat Membru (‘clearance service’);

ċ)      il-liġi tal-ewwel Stat Membru tipprovdi, essenzjalment, illi:

–        meta jinħarġu l-azzjonijiet f’forma ċċertifikata (jew f’forma mhux iċċertifikata f’sistema speċifika għat-trasferiment ta’ azzjonijiet fl-ewwel Stat Membru), il-ħruġ ta’ azzjonijiet ma jkun suġġett għal ebda dazju, iżda min-naħa l-oħra kull trasferiment sussegwenti ta’ azzjonijiet huwa suġġett għal dazju, bir-rata ta’ 0.5 % fuq il-korrispettiv tat-trasferiment; iżda;

–        meta jsir trasferiment jew ħruġ ta’ azzjonijiet mhux iċċertifikati lill-operatur ta’ servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, id-dazju jkun intaxxat jew bir-rata ta’ 1.5 % tal-prezz tal-offerta, meta l-azzjonijiet jinħarġu, jew bir-rata ta’ 1.5 % tal-korrispettiv, meta l-azzjonijiet ikunu trasferiti għal korrispettiv, jew, ulterjorment, bir-rata ta’ 1.5 % tal-valur tal-azzjonijiet, f’kull każ ieħor, iżda, l-ebda dazju addizzjonali wara dan ma jiġi intaxxat fuq it-trasferiment tal-azzjonijiet (jew dazji fuq dawn l-azzjonijiet) fil-kuntest tas-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet;

–        l-operatur ta’ servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jista’, meta jirċievi l-approvazzjoni tal-awtorità fiskali kompetenti, jagħżel sistema li abbażi tagħha ma jiġi ntaxxat ebda dazju fuq it-trasferiment jew il-ħruġ ta’ azzjonijiet għas-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, filwaqt li d-dazju jiġi minflok intaxxat fuq kull trasferiment ta’ azzjonijiet fi ħdan is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, bir-rata ta’ 0.5 % tal-korrispettiv. L-awtorità fiskali kompetenti tista’ tissuġġetta (kif tagħmel fil-preżent), l-approvazzjoni tagħha għall-kundizzjoni li l-operatur ta’ servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet li għandu l-intenzjoni li jagħmel din l-għażla jrid jibda’ u jżomm fis-seħħ proċedimenti (li l-awtorità fiskali tqis sodisfaċenti) għall-ġbir tad-dazju fil-kuntest tas-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet u sabiex tosserva jew tiżgura l-osservanza tal-liġijiet applikabbli;

d)      il-liġijiet fis-seħħ fit-tieni Stat Membru jirrikjedu li l-azzjonijiet kollha li nħarġu f’dan l-Istat iridu jinżammu f’forma mhux iċċertifikata permezz ta’ servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet wieħed fit-tieni Stat Membru, li l-operatur tagħha ma għamilx l-għażla msemmija iktar ’il fuq?”.

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 10 u 11 tad-direttiva kif ukoll l-Artikoli 43 KE, 49 KE jew 56 KE, jew kull dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju, jipprekludux il-ġbir ta’ taxxa, bħal dik fil-kawża prinċipali, meta jinħarġu azzjonijiet f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet.

25      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li d-direttiva wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti tal-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-ġbir ta’ kapital għal taxxi indiretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-178/05, Ġabra p. I-4185, punt 31).

26      Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, meta domanda tkun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, il-miżuri nazzjonali relatati magħha għandhom ikunu evalwati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32, u tal-24 ta’ Jannar 2008, Roby Profumi, C-257/06, Ġabra p. I-189, punt 14).

27      B’hekk, sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-Direttiva.

28      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, bħal ma jirriżulta mill-preambolu tagħha, id-Direttiva hija intiża sabiex tippromwovi l-moviment liberu tal-kapital, meqjus bħala essenzjali għall-ħolqien ta’ unjoni ekonomika b’karatteristiċi analogi għal dawk ta’ suq intern. It-tiftixa tat-tali għan tikkomporta, fir-rigward tat-tassazzjoni li tolqot il-ġbir ta’ kapital, it-tneħħija tat-taxxi indiretti li sa dak il-mument ikunu fis-seħħ fl-Istati Membri, u l-applikazzjoni, minnflokhom, ta’ taxxa miġbura darba biss fis-suq komuni u tal-istess livell fl-Istati Membri kollha.

29      F’dan ir-rigward, id-direttiva tipprovdi b’mod partikolari, skont l-aħħar premessa tagħha, għat-tneħħija tat-taxxi indiretti li jippreżentaw l-istess karatteristiċi bħad-dazju fuq il-kapital jew it-taxxa tal-boll fuq it-titoli li ż-żamma tagħhom tagħti lok għar-riskju li tmur kontra l-għanijiet segwiti minnha. Dawn it-taxxi indiretti, li l-ġbir tagħhom huwa pprojbit, huma elenkati fl-Artikoli 10 u 11 tad-direttiva.

30      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva jistabbilixxu lista eżawrjenti tat-taxxi u dazji għajr it-taxxa kapitali li, b’deroga mill-Artikoli 10 u 11, jistgħu jolqtu l-kumpanniji ta’ kapital fil-każ tat-tranżazzjonijiet imsemmija f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet (ara s-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Investeringsforeningen Dansk Sparinvest, 36/86, Ġabra p. 409, punt 9). L-Artikolu 12 tad-direttiva jikkomporta, b’mod partikolari, fis-subartikolu 1(a) tagħha, it-“dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le”.

31      Fil-kawża prinċipali, il-fatt li jagħti lok għas-SDRT jinsab fit-twettieq ta’ tranżazzjoni speċifika bbażata fuq ix-xiri ta’ titoli ġodda maħruġa fl-okkażjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri. F’dan ir-rigward, hekk kif ifakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-azzjonijiet ta’ HSBC introdotti fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet sabiex jiġu skambjati ma’ azzjonijiet ta’ CCF jikkostitwixxu azzjonijiet ġodda, li jikkorrispondu għal żieda fil-kapital.

32      Issa, għandu jiġi mfakkar li, l-awtorizzazzjoni tal-ġbir ta’ taxxa jew ħlas fuq l-ewwel xiri ta’ titolu li nħareġ mill-ġdid fil-verità tfisser li l-ħruġ stess ta’ dan it-titolu qed jiġi ntaxxat peress li jagħmel parti sħiħa minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir ta’ kapital. Fil-fatt, mhuwiex biżżejjed li jkun hemm ħruġ ta’ titoli, fih innifsu, iżda dan il-ħruġ jagħmel sens biss fil-mument li dawn it-titoli jsibu min jixtrihom (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-415/02, Ġabra p. I-7215, punt 32)

33      L-effett utli tal-Artikolu 11(a) tad-direttiva jimplika għaldaqstant li l-“ħruġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinkludi l-ewwel xirja ta’ titoli li ssir fil-kuntest tal-ħruġ tagħhom (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

34      F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-kelma “trasferiment” li tinsab fl-Artikolu 1(a) tad-direttiva, f’sens bħal dak propost mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri li s-SDRT b’rata ta’ 1.5 % hija taxxa fuq it-trasferiment ta’ azzjonijiet li tieħu l-forma ta’ “biljett staġjonali” (“season ticket”), iċċaħħad lill-Artikolu 11(a) ta’ din id-direttiva mill-effett utli tiegħu filwaqt li tqajjem dubji fir-rigward tad-distinzjoni sħiħa li l-Artikoli 11(a) u 12(1)(a) tad-Direttiva tistabbilixxi bejn il-kunċett ta’ “ħruġ” u dak ta’ “trasferiment”. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni għandha bħala konsegwenza li tista’ xorta waħda tintlaqat minn taxxa jew ħlas it-tranżazzjoni ta’ ħruġ li, filwaqt li timplika neċessarjament xiri ta’ titoli ġodda maħruġa, skont din id-dispożizzjoni, ma għandha tkun suġġetta għal ebda taxxa jew ħlas minbarra d-dazju fuq il-kapital.

35      Għaldaqstant, l-ewwel xiri ta’ titoli fil-kuntest tal-ħruġ tagħhom ma jistax jitqies li jikkostitwixxi “trasferiment” fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, u, għaldaqstant, taxxa li tolqot dan l-ewwel xiri ma tistax taqa’ taħt id-deroga li tinsab f’din id-dispożizzjoni.

36      Barra minn hekk, taxxa bħas-SDRT ma tistax titqies li tapplika, fil-verità, għal trasferimenti futuri, ġaladarba, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-bażi taxxabbli u lanqas il-persuna suġġetta għal din it-taxxa ma huma ddeterminati fir-rigward tat-tali trasferimenti, li barra minn hekk huma ipotetiċi.

37      Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn taxxa bħas-SDRT tinġabar fuq titoli ġodda wara li ssir żieda fil-kapital, din tikkostitwixxi taxxa fis-sens tal-Artikolu 11(a) tad-Direttiva li hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni.

38      B’hekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa, bħal dik fil-kawża prinċipali, meta jinħarġu azzjonijiet ġodda f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 11(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa, bħal dik fil-kawża prinċipali, meta jinħarġu azzjonijiet ġodda f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.