Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Mejju 2008 –Ladbroke u Derby vs L-Istat Belġjan (kawżi magħquda C-231/07 u C-232/07)
“Regoli tal-Proċedura – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) – Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 13B(d)(3) – Eżenzjonijiet – Kunċetti ta’ ‘depożiti ta’ fondi’ u ta’ ‘pagamenti’ – Ċaħda tal-eżenzjoni”
Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13 B(d)(3) (ara l-punti 22, 24-25 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari – Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) – Interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva 77/388/KE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1997, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1) – Eżenzjonijiet li jkopru t-tranżazzjonijiet, inkluż in-negozjar, li jirrigwardaw id-depożiti ta’ fondi u l-pagamenti – Imħatri, lotteriji u logħob ieħor tal-azzard jew għall-flus – Servizzi ta’ bejjiegħa tat-tabakk inkarigati bil-ġbir tal-imħatri, f’isem mandant, u bil-ħlas tal-flus mirbuħa lil min jagħmel l-imħatri – Possibbiltà li tingħata l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(3) |
Dispożittiv
Il-kliem “tranżazzjonijiet, inkluż in-negozjar, li jirrigwardaw id-depożiti ta’ fondi [u l-] pagamenti”, preżenti fl-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva 77/388/KE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1997, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jinkludux il-provvista ta’ servizzi pprovduti minn mandatarju, li jaġixxi f’isem mandant u jwettaq attività ta’ ġbir ta’ mħatri fuq it-tlielaq taż-żwiemel u fuq avvenimenti sportivi oħra, li jikkonsistu f’li l-mandatarju jaċċetta l-imħatri f’isem mandant, jirreġistra l-imħatri, jikkonferma lill-klijent, permezz ta’ biljett, li l-imħatra ġiet konkluża, jiġbor il-flus, iħallas il-flus mirbuħa, jassumi biss ir-responsabbiltà, fir-rigward tal-mandant, għall-amministrazzjoni tal-flus miġbura kif ukoll għas-serq u/jew telf ta’ flus u jirċievi remunerazzjoni taħt forma ta’ kummissjoni min-naħa tal-mandant tiegħu bħala ħlas għal din l-attività.