Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go





Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Marzu 2009 – Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja

(Kawża C-10/08)

“Taxxa fuq il-vetturi bil-mutur użati importati fil-Finlandja minn Stati Membri oħra – Konformità tal-liġi nazzjonali mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE, mas-Sitt Direttiva tal-VAT u mad-Direttiva 2006/112/KE”

1.                     Dispożizzjonijiet fiskali - Taxxi interni - Sistema ta’ tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati li jiġu importati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE) (ara l-punti 26-32)

2.                     Dispożizzjonijiet fiskali - Armonizzazzjoni tal-liġijiet - Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud - Tnaqqis tat-taxxa fuq l-input imħallsa (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE; Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikolu 17(1) u (2), u 2006/112, Artikoli 167 u 168) (ara l-punti 34-37)

3.                     Dispożizzjonijiet fiskali - Taxxi interni - Sistema ta’ tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati li jiġu importati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE) (ara l-punti 42-45)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikolu 90 KE u tal-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 77/388/KEE: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 23), li saru l-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) - Liġi nazzjonali li tipprevedi taxxa fuq il-valur miżjud miġbura fuq it-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur u dritt li wara għandu jitnaqqas mit-taxxa fuq il-valur miżjud li jikkorrispondi għall-istess ammont - Applikazzjoni ta’ valur fiskali identiku għall-vetturi bil-mutur li għandhom inqas minn tliet xhur u għall-vetturi l-ġodda - Applikazzjoni ta’ rata ta’ tnaqqis ta’ valur ta’ 0.8 % kull xahar għall-vetturi bil-mutur li għandhom inqas minn sitt xhur meta ma jkunx hemm vetturi bil-mutur ekwivalenti fis-suq nazzjonali.

Dispożittiv

1)

Billi ppermettiet li t-taxxa msemmija fl-Artikolu 5 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur [autoverolaki (1482/1994)], tad-29 ta’ Diċembru 1994, titnaqqas mit-taxxa fuq il-valur miżjud, skont l-Artikolu 102(1)(4) tal-liġi Nru 1501/1993 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud [arvonlisäverolaki (1501/1993)], tat-30 ta’ Diċembru 1993, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE, kif ukoll taħt l-Artikolu 17(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, riprodotti fl-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)

Billi żammet, fit-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur, l-istess valur taxxabbli għall-vetturi bil-mutur ta’ inqas minn tliet xhur bħal dak tal-vetturi bil-mutur ġodda, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE.

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)

Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati, barra mill-ispejjeż tagħha, tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

5)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-bqija tal-ispejjeż tagħha.