Kawża C-37/08
RCI Europe
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London)
“Sitt Direttiva tal-VAT — Post ta’ tassazzjoni — Provvista ta’ servizzi konnessi ma’ proprjetà immobbli — Servizzi li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-iskambju minn individwi li għandhom dritt ta’ użu fuq proprjetà immobbli li tintuża għall-vaganzi”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvista ta’ servizzi — Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni — Provvista ta’ servizzi konnessi ma’ proprjetà immobbli
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 9(2)(a))
L-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post fejn jiġu pprovduti servizzi minn assoċjazzjoni li l-attività tagħha tikkonsisti fl-organizzazzjoni tal-iskambju bejn il-membri tagħha tad-drittijiet tagħhom ta’ timeshare fuq akkomodazzjonijiet għal vaganzi, u li għalihom l-assoċjazzjoni tirċievi mingħand il-membri tagħha, ħlas ta’ reġistrazzjoni, abbonament annwali kif ukoll miżata ta’ skambju, huwa l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li fuqha l-membru kkonċernat ikollu dritt ta’ timeshare.
Fill-fatt, huwa diffiċli li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn l-assoċjazzjoni li torganizza l-iskambju u l-membri tagħha mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din ir-relazzjoni. Barra minn hekk, id-drittijiet ta’ timeshare jikkostitwixxu drittijiet fuq proprjetajiet immobbli, u t-trasferiment tagħhom inkambju għat-tgawdija ta’ drittijiet simili jikkostitwixxi tranżazzjoni konnessa ma’ proprjetajiet immobbli. L-individwu li jixtieq jagħmel skambju tad-dritt tiegħu ta’ timeshare ma’ dak ta’ ħaddieħor, jidħol f’kuntatt dirett mhux ma’ dan tal-aħħar iżda mal-assoċjazzjoni li hija inkarigata mill-organizzazzjoni tal-iskambju. Dak li jiddistingwi din is-sistema minn sempliċi kera fi kwalunkwe aġenzija tal-ivvjaġġar oħra huwa l-fatt li, fil-kuntest ta’ tali sistema, il-persuna kkonċernata ma tħallasx għall-provvista ta’ vaganza, iżda tħallas għas-servizz ipprovdut mill-imsemmija assoċjazzjoni li tiffaċilita l-iskambju tad-dritt li jkollu fir-rigward ta’ proprjetà immobbli partikolari. Minn dan isegwi li l-proprjetà immobbli li tkun konnessa mal-provvista ta’ servizzi tal-assoċjazzjoni hija l-proprjetà li jkollu dritt fuqha l-individwu li jkun irid jagħmel l-iskambju. Barra minn hekk, il-loġika li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi li jinsabu fl-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva teżiġi li, sa fejn ikun possibbli, il-prodotti u s-servizzi jiġu ntaxxati fil-post ta’ konsum. Issa, fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-iskambju ta’ drittijiet ta’ użu ta’ timeshare, fuq akkomodazzjonijiet għal vaganzi, il-post ta’ konsum tas-servizzi mhuwiex il-post fejn l-organizzazzjoni tal-iskambju stabbilixxiet in-negozju tagħha, iżda huwa l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li fir-rigward tagħha jiġu skambjati d-drittijiet ta’ timeshare. Għal dak li jikkonċerna l-ħlas tar-reġistrazzjoni, tal-abbonament annwali, u tal-miżata ta’ skambju, din il-proprjetà immobbli hija dik li fir-rigward tagħha l-membru għandu drittijiet ta’ timeshare li huwa jrendi disponibbli fis-sistema ta’ skambju.
(ara l-punti 37-39, 41, 43 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
3 ta’ Settembru 2009 (*)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Konnessjoni fiskali – Provvista ta’ servizzi konnessi ma’ proprjetà immobbli – Servizzi li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-iskambju minn individwi li għandhom dritt ta’ użu fuq proprjetà immobbli li tintuża għall-vaganzi”
Fil-Kawża C-37/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2008, fil-proċedura
RCI Europe
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Frar 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal RCI Europe, minn H. Foster, solicitor, kif ukoll minn M. Hall u M. Angiolini, barristers,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Bryanston-Cross, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,
– għall-Gvern Grieg, minn S. Spyropoulos u I. Bakopoulos, S. Alexandriou u V. Karra, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), riprodott fl-Artikolu 45 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn RCI Europe u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) fir-rigward ta’ rkupru tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 9(1) u (2)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:
“1. Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.
2. Iżda:
a) il-post tal-provvista ta’ servizzi konness ma’ proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ aġenti tal-proprjetà u esperti, u ta’ servizzi għat-tħejjija u l-koordinazzjoni ta’ xogħolijiet ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ periti arkitetti u ta’ ditti li jipprovdu superviżjoni fuq il-post tax-xogħol, għandhom ikunu l-post fejn tkun tinsab il-proprjetà;
[…]”
4 L-Artikolu 26 (1) u (2) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom japplikaw [il-VAT] għall-operazzjonijiet ta’ l-aġenti ta’ l-ivjaġġar b’mod konformi mad-disposizzjonijet ta’ dan l-Artikolu, fejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ikollhom x’jaqsmu mal-klijenti f’isimhom u jużaw il-provvisti u s-servizzi ta’ persuni taxxabbli oħrajn fid-disposizzjonijiet tal-faċilitajiet ta’ l-ivvjaġġar. Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jaġixxu biss bħala intermedjarji u jieħdu kont tat-taxxa b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11A(3)(ċ). F’dan l-Artikolu l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jinkludu l-operaturi tal-ġiti.
2. It-transazzjonijet li jsiru mill-aġent ta’ l-ivvjaġġar fir-rigward ta’ vjaġġ għandhom ikunu ttrattati bħala servizz waħdu pprovdut mill-aġent ta’ l-ivvaġġjar. Hu għandu jkun taxxabbli fl-Istat Membru li fih l-aġent ta’ l-ivvjaġġar ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu l-istabbiliment fiss minn fejn l-aġent ta’ l-ivvjaġġar ipprovda s-servizzi. L-ammont taxxabbli u l-prezz esklussiv tat-taxxa, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 22(3)(b), fir-rigward ta’ dan is-servizz għandu jkun il-marġini ta’ l-aġent ta’ l-ivvjaġġar, jiġifieri, id-differenza bejn l-ammont totali li għandu jkun imħallas mill-vjaġġatur, esklussiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud, u l-ispejjeż attwali li l-aġent ta’ l-ivvjaġġar tal-provvisti u s-servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn fejn dawn it-transazzjonijiet huma għall-benefiċċju dirett tal-vjaġġatur.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
In-negozju ta’ RCI Europe
5 RCI Europe ġiet stabbilita fir-Renju Unit fid-29 ta’ Novembru 1973. In-negozju tagħha huwa li tiffaċilita u torganizza l-iskambju, bejn il-membri tagħha, ta’ drittijiet ta’ timeshare fuq akkomodazzjonijiet għal vaganzi li jinsabu barra dan l-Istat Membru.
6 RCI Europe topera programm ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ timeshare, ġimgħa b’ġimgħa, magħruf bħala “RCI Weeks”, u li għandu numru ta’ karatteristiċi partikolari li huma deskritti iktar ’il quddiem.
7 Il-promoturi ta’ residenzi għal vaganzi huma mistiedna jidħlu f’dan il-programm inkwantu “assoċjati”. L-individwi li jkollhom drittijiet ta’ timeshare f’residenzi għal vaganzi jistgħu japplikaw sabiex isiru membri tal-RCI Weeks.
8 Is-sħubija fl-RCI Weeks tippermetti lill-membri li jiddepożitaw id-drittijiet ta’ użu għall-vaganzi, li huma jkollhom fir-rigward ta’ proprjetà b’timeshare, f’fond komuni ta’ akkomodazzjoni b’timeshare (iktar ’il quddiem il-“Weeks Pool”) u li jingħataw id-drittijiet ta’ użu għall-vaganzi ddepożitati minn membri oħra fil-Weeks Pool. Matul dan il-proċess, il-membri jkunu f’kuntatt ma’ RCI Europe biss. Meta d-drittijiet ta’ użu għall-vaganzi jiġu ddepożitati fil-Weeks Pool, RCI Europe ma takkwistax titolu ta’ proprjetà fuq l-immobbli li jirreferu għalih dawn id-drittijiet ta’ użu.
9 Il-membri tal-programm RCI Weeks iħallsu reġistrazzjoni, li tkopri perijodu minn sena sa ħames snin, u abbonament li jitħallas kull sena. Barra minn hekk, huma għandhom iħallsu miżata ta’ skambju meta ssir it-talba għall-iskambju. RCI Europe tinkludi dawn il-miżati ta’ skambju fil-kontijiet tagħha bħala depożitu li jitħallas lura. Meta ma tkunx tista’ ssib offerta ta’ skambju fil-Weeks Pool li tkun konvenjenti għal membru, hija żżomm il-miżata bħala kreditu fil-kont tal-membru għal skambju ieħor jew, fuq talba tal-membru, tħallsu lura tagħha.
10 RCI Europe tista’ tikkompleta l-Weeks Pool billi tixtri akkomodazzjoni mingħand terzi, jew billi promotur jipprovdi ġimgħat addizzjonali. Il-membri ta’ RCI Weeks jistgħu jitolbu wkoll skambju fir-rigward ta’ akkomodazzjoni li tkun irriżultat minn dawn l-offerti supplimentari.
Il-proċeduri quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali
11 L-uffiċċju reġistrat ta’ RCI Europe jinsab fir-Renju Unit. Ħafna mill-membri tagħha huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-proprjetajiet li huma kkonċernati mill-programm ta’ skambju RCI Weeks jinsabu fi Spanja. Kemm l-awtoritajiet tat-taxxa Brittaniċi kif ukoll dawk Spanjoli talbu l-ħlas tal-VAT fuq operazzjonijiet ta’ RCI Europe, li fl-aħħar wassal għal tassazzjoni doppja fiż-żewġ Stati Membri differenti.
12 Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, sal-31 ta’ Diċembru 2003, RCI Europe kienet qed tħallas il-VAT fir-Renju Unit fuq ir-reġistrazzjonijiet kollha tal-membri l-ġodda u fuq l-abbonamenti kollha tal-membri eżistenti. Barra minn hekk, sal-31 ta’ Diċembru 2005, RCI Europe kienet qed tħallas ukoll il-VAT fir-Renju Unit fuq il-miżati ta’ skambju mħallsa mill-membri li kienu kisbu d-dritt ta’ timeshare fuq proprjetà li kienet tinsab fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Hija ma ħallsitx VAT fir-Renju Unit fuq il-miżati ta’ skambju kollha mħallsa mill-membri li kienu kisbu tali dritt ta’ timeshare fuq proprjetà li kienet tinsab barra mill-Unjoni Ewropea.
13 Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tat-taxxa Spanjoli jsostnu li s-servizzi pprovduti minn RCI Europe huma konnessi direttament ma’ proprjetà immobbli u għalhekk huma suġġetti għall-VAT fl-Istat fejn tinsab il-proprjetà b’timeshare. L-istimi maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa Spanjola lil RCI Europe, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi tat-taxxa li jiċħdu l-ilmenti tagħha, huma s-suġġett ta’ appell fil-kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (Spanja).
14 Mill-1 ta’ Jannar 2004, RCI Europe waqfet tħallas il-VAT fir-Renju Unit fuq id-dħul mir-reġistrazzjonijiet u l-abbonamenti mħallsa mill-membri bi drittijiet ta’ timeshare fuq proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Spanja. Hija waqfet ukoll tħallas il-VAT fir-Renju Unit fuq id-dħul mill-miżati ta’ skambju mħallsa mill-membri li kienu jiskambjaw id-drittijiet tagħhom ta’ timeshare għal drittijiet korrispondenti fir-rigward ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Spanja.
15 Fit-23 ta’ Marzu 2005, il-Commissioners iddeċiedew li jagħmlu stima sabiex jirkupraw l-ammont ta’ VAT li, fl-opinjoni tagħhom, RCI Europe kellha tiddikjara fl-2004 fuq id-dħul mir-reġistrazzjonijiet u l-abbonamenti mħallsa mill-membri bi drittijiet ta’ użu għall-vaganzi fir-rigward ta’ proprjetajiet fi Spanja u fuq id-dħul mill-miżati ta’ skambju rċevuti għal drittijiet ta’ użu għall-vaganzi fir-rigward ta’ proprjetajiet fi Spanja. L-istima saret fil-5 ta’ April 2005 għas-somma ta’ GBP 1 339 709.
16 Fil-5 ta’ Mejju 2005, RCI Europe ppreżentat appell kontra din l-istima quddiem il-qorti tar-rinviju.
17 Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, din il-qorti tirreferi għall-inċertezza legali kontinwa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post tal-provvista kif ukoll għall-perikolu li din tista’ tippreżenta għan-negozju ta’ RCI Europe.
18 Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal, London, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Fil-kuntest tas-servizzi pprovduti [minn RCI Europe] għal:
– reġistrazzjoni;
– abbonament, u
– miżata ta’ skambju
imħallsa mill-membri tal-iskema RCI Weeks, liema huma l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat jekk is-servizzi humiex “konnessi” ma’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT […]?
2) Jekk is-servizzi kollha, jew xi wħud minnhom, ipprovduti [minn RCI Europe] huma “konnessi” ma’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT […], il-proprjetà immobbli li magħha huma konnessi dawn is-servizzi kollha, jew kull wieħed minn dawn is-servizzi, hija l-proprjetà immobbli ddepożitata fil-fond komuni, jew il-proprjetà immobbli mitluba bħala skambju għall-proprjetà immobbli ddepożitata, jew it-tnejn li huma?
3) Jekk xi wħud minn dawn is-servizzi huma “konnessi” maż-żewġ proprjetajiet immobbli, kif għandhom jiġu kklassifikati s-servizzi taħt is-Sitt Direttiva tal-VAT [...]?
4) Fid-dawl tas-soluzzjonijiet diverġenti adottati minn Stati Membri differenti, is-Sitt Direttiva tal-VAT […] kif tikkaratterizza d-dħul ta’ persuna taxxabbli minn “miżata ta’ skambju” rċevuta għal dawn is-servizzi:
– il-faċilitazzjoni tal-iskambju tad-drittijiet ta’ użu għall-vaganzi ta’ membru wieħed ta’ skema mmexxija mill-persuna taxxabbli mad-drittijiet ta’ użu għall-vaganzi ta’ membru ieħor ta’ din l-iskema; u/jew
– il-provvista ta’ drittijiet ta’ użu ta’ akkomodazzjoni mixtrija mill-persuna taxxabbli mingħand terzi taxxabbli sabiex jitkabbar il-fond komuni ta’ akkomodazzjoni disponibbli għall-membri ta’ din l-iskema?”
Fuq id-domandi preliminari
19 Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huwa, skont l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva, il-post fejn servizzi jiġu pprovduti minn assoċjazzjoni li l-attività tagħha tikkonsisti fl-organizzazzjoni ta’ skambju bejn il-membri tagħha tad-drittijiet tagħhom ta’ timeshare fuq akkomodazzjonijiet għal vaganzi, u li għalihom l-assoċjazzjoni tirċievi mingħand il-membri tagħha, ħlas ta’ reġistrazzjoni, abbonament annwali kif ukoll miżata ta’ skambju.
20 Jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jinkludi regoli li jiddeterminaw il-post ta’ tassazzjoni tal-provvista ta’ servizzi. Filwaqt li, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) jistabbilixxi regola ġenerali, l-Artikolu 9(2) jelenka serje ta’ fatturi speċifiċi. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġu evitati, min-naħa, kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ tassazzjoni fuq id-dħul (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 1985, Berkholz, 168/84, Ġabra p. 2251, punt 14; tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C-327/94, Ġabra p. I-4595, punt 20, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet, C-291/07, Ġabra p. I-8255, punt 24).
21 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iktar speċifiku, liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi pprovduti għal kull wieħed mill-ħlasijiet li jsiru fil-qafas globali tal-iskema RCI Weeks jippreżentawx jew le “konnessjoni” ma’ proprjetà immobbli.
22 Kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, id-domandi preliminari jistgħu raġonevolment jiġu mifhuma bħala li huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat sa fejn id-diversi tipi ta’ miżati li jitħallsu mill-membri parteċipanti fil-programm ta’ skambju RCI Weeks, jistgħu jikkorrispondu għad-diversi servizzi pprovduti minn RCI Europe.
23 Għaldaqstant, jeħtieġ li d-diversi operazzjonijiet konklużjoni mill-partijiet fil-qafas tal-iskema RCI Weeks jiġu eżaminati separatament fid-dawl tar-relazzjoni legali sinallagmatika li għaliha tirreferi l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha.
24 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li provvista ta’ servizzi issir “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, u għaldaqstant hija taxxabbli, fil-każ biss li bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni legali li fiha jkun hemm eżekuzzjoni reċiproka, billi l-ħlas li jirċievi l-fornitur ikun il-korrispettiv effettiv għas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C-16/93, Ġabra p. I-743, punt 14; tal-14 ta’ Lulju 1998, First National Bank of Chicago, C-172/96, Ġabra p. I-4387, punti 26 sa 29, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Kennemer Golf, C-174/00, Ġabra p. I-3293, punt 39).
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tiġi eżaminata kull operazzjoni li ssir fil-qafas tal-iskema RCI Weeks b’mod li, minn naħa, jiġu identifikati s-servizzi pprovduti għad-diversi ħlasijiet li titlob RCI Europe u, min-naħa l-oħra, jiġu evalwati l-karatteristiċi ta’ dawn il-provvisti ta’ servizzi fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva.
Fuq il-provvista ta’ servizzi għad-diversi ħlasijiet mitluba minn RCI Europe
26 L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-ħlasijiet tar-reġistrazzjoni u tal-abbonament annwali, RCI Europe tqis li s-servizzi pprovduti għal dan il-ħlas ma jirrappreżentawx konnessjoni suffiċjenti ma’ proprjetà partikolari u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva. Għall-kuntrarju, hija tikkunsidra li jeħtieġ li tiġi applikata r-regola ġenerali tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, bil-konsegwenza li, fil-fehma tagħha, il-post tal-provvista ta’ servizzi relatati mar-reġistrazzjoni u l-adeżjoni ta’ membri ġodda kif ukoll mal-abbonamenti annwali korrispondenti jkun fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu.
27 Bħal RCI Europe, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li ma teżistix konnessjoni suffiċjentement diretta bejn is-servizzi pprovduti għal ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni u abbonament, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u proprjetà immobbli. Din il-fehma hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li RCI Europe tipprovdi aċċess għal tip ta’ suq li, fi ħdanu, il-membri tagħha jistgħu jiskambjaw id-drittijiet tagħhom ta’ timeshare.
28 Għalkemm huwa minnu, kif tispjega l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, li minn eżami iktar mill-qrib tal-mudell tan-negozju ta’ RCI Europe, kif ippreżentat b’mod dettaljat minnha stess, jirriżulta li għall-ewwel, għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni, membru jikseb biss aċċess għall-programm ta’ skambju RCI Weeks, huwa minnu wkoll li l-adeżjoni għal tali programm mhijiex utli għall-proprjetarju ta’ dritt ta’ timeshare jekk huwa ma jkollux l-intenzjoni li jiskambja d-dritt tiegħu ma’ dak ta’ membri oħra.
29 Barra minn hekk, huwa f’dan il-kuntest li n-natura sinallagmatika tal-kuntratt li jsir bejn RCI Europe u kull wieħed mill-membri tagħha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, anki jekk id-diversi stadji tal-iskema RCI Weeks jittieħdu inkunsiderazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li kieku ma jkunx hemm l-intenzjoni li jsir skambju ta’ drittijiet ta’ timeshare permezz tas-suq maħluq minn RCI Europe, ma jkunx hemm lok li jitħallsu r-reġistrazzjonijiet u l-abbonamenti annwali.
30 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-bażi taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi hija magħmula minn dak kollu li jiġi rċevut bħala korrispettiv għas-servizz ipprovdut u li provvista ta’ servizzi hija taxxabbli biss jekk ikun hemm konnessjoni bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, 102/86, Ġabra p. 1443, punti 11 u 12, kif ukoll Tolsma, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).
31 Fil-kawża prinċipali, is-servizz ipprovdut minn RCI Europe ċertament mhuwiex immedjat. Madankollu, din tal-aħħar timpenja ruħha li, fil-futur, tipprovdi s-servizz meħtieġ fil-każ ta’ talba minn wieħed mill-membri tagħha.
32 Fil-fatt, għalkemm il-proprjetarju ta’ dritt ta’ timeshare dejjem għandu l-possibbiltà li jikri proprjetà oħra, meta jkun jixtieq, billi jħallas kera oħra għall-proprjetà li jkun jixtieq jikseb, il-proprjetarju ta’ tali dritt, irreġistrat ma’ RCI Weeks u li jħallas b’mod regolari l-abbonament annwali, għandu l-possibbiltà, bl-għajnuna ta’ RCI Europe li jiskambja d-dritt tiegħu ma’ dak ta’ proprjetarju ieħor billi jħallas biss il-miżata ta’ skambju. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni u l-abbonament annwali jitħallsu minn membru għal servizz ipprovdut jew li jkun ser jiġi pprovdut minn RCI Europe, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ drittijiet ta’ timeshare ta’ dan il-membru, pjuttost milli għal kera permezz ta’ aġenzija terza.
33 F’sitwazzjoni simili, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tispeċifika li l-fatt li abbonament annwali jkun ħlas ta’ darba u ma jkunx jista’ jitħallas f’kull każ ta’ użu, ma jfissirx li ma jkunx hemm eżekuzzjoni reċiproka bejn il-membri u l-fornitur tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kennemer Golf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). L-abbonamenti annwali tal-membri ta’ assoċjazzjoni jistgħu jikkostitwixxu korrispettiv għal servizzi pprovduti minnha, anki jekk il-membri li ma jużawx is-servizzi tal-assoċjazzjoni jew li ma jużawhomx regolarment, xorta waħda jkollhom iħallsu l-abbonament annwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kennemer Golf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
34 Għaldaqstant, minn din il-perspettiva, jirriżulta li l-ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni u abbonament annwali għandhom jiġu kkunsidrati bħala korrispettiv għall-parteċipazzjoni fi skema inizjalment imwaqqfa sabiex kull membru ta’ RCI Europe jkun jista’ jiskambja d-dritt tiegħu ta’ timeshare. Is-servizz ipprovdut minnha jikkonsisti fil-faċilitazzjoni tal-iskambju, u l-ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni kif ukoll tal-abbonament annwali huma l-korrispettiv ipprovdut minn membru għal dan is-servizz.
35 It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-miżata ta’ skambju, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li s-servizz li għalih membru ta’ RCI Europe jħallas reġistrazzjoni, huwa l-iskambju stess, jew il-possibbiltà li fil-futur jipparteċipa f’tali skambju, li jikkostitwixxu l-għan prinċipali ta’ kull membru, peress li l-aċċess għal fond ta’ skambju u l-informazzjoni relatata miegħu kienu biss elementi aċċessorji għal dan l-għan.
Fuq l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva
36 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, billi stabbiliet li għandu jkun hemm konnessjoni “diretta biżżejjed” bejn il-provvista ta’ servizzi u l-proprjetà immobbli inkwistjoni peress li jkun kuntrarju għall-iskema ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni li kull provvista ta’ servizzi titqiegħed taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola speċjali sempliċement għaliex ikollha konnessjoni, anki jekk tkun waħda dgħajfa, ma’ proprjetà immobbli, peress li numru kbir ta’ servizzi huma b’xi mod jew ieħor konnessi ma’ xi proprjetà immobbli (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, C-166/05, Heger, Ġabra p. I-7749, punt 23).
37 Fil-kawża prinċipali, huwa diffiċli li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn RCI Europe u l-membri tagħha mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din ir-relazzjoni. Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-drittijiet ta’ timeshare jikkostitwixxu drittijiet fuq proprjetajiet immobbli, u t-trasferiment tagħhom inkambju għat-tgawdija ta’ drittijiet simili jikkostitwixxi operazzjoni konnessa ma’ proprjetà immobbli.
38 Il-proprjetarju li jixtieq jiskambja d-dritt tiegħu ta’ timeshare ma’ dak ta’ ħaddieħor, jidħol f’kuntatt dirett mhux ma’ dan tal-aħħar iżda ma’ RCI Europe. Dak li jiddistingwi l-iskema RCI Weeks minn sempliċi kera fi kwalunkwe aġenzija tal-ivvjaġġar huwa l-fatt li, fil-qafas ta’ tali skema, il-persuna kkonċernata ma tħallasx għal provvista ta’ vaganza, iżda tħallas għas-servizz ipprovdut minn RCI Europe sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-dritt li jkollu fir-rigward ta’ proprjetà immobbli partikolari. Minn dan isegwi li l-proprjetà immobbli li tkun konnessa mal-provvista ta’ servizzi ta’ RCI Europe hija dik li l-proprjetarju li jkun irid jagħmel skambju, ikollu dritt fuqha.
39 Jeħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu wkoll li l-loġika li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi li jinsabu fl-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jirrikjedu li, sa fejn ikun possibbli, l-oġġetti u s-servizzi jiġu ntaxxati fil-post ta’ konsum.
40 Minn dan jirriżulta li, kieku kellha tapplika r-regola ġenerali tal-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva, kien ikun faċli għal operatur ekonomiku bħal RCI Europe li jevita kompletament milli jħallas il-VAT fuq il-provvista ta’ servizzi tiegħu billi jistabbilixxi n-negozju tiegħu barra mit-territorju ta’ applikazzjoni tal-VAT Komunitarja.
41 Fil-kawża prinċipali, il-post ta’ konsum tas-servizzi mhuwiex il-post fejn RCI Europe stabbiliet in-negozju tagħha, iżda huwa l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li fir-rigward tagħha jiġu skambjati d-drittijiet ta’ timeshare. Għal dak li jikkonċerna l-ħlas tar-reġistrazzjoni, tal-abbonament annwali u tal-miżata ta’ skambju, din il-proprjetà immobbli hija dik li l-membru ta’ RCI Europe għandu drittijiet ta’ timeshare fuqha, li huwa jrendi disponibbli fl-iskema RCI Weeks.
42 Għal dak li jikkonċerna l-provvista ta’ drittijiet ta’ timeshare ta’ akkomodazzjoni akkwistata minn RCI Europe mingħand terzi taxxabbli sabiex tikkompleta l-fond ta’ skambju ta’ akkomodazzjonijiet li jkunu għad-disponibbiltà tal-membri tal-imsemmija skema, RCI Europe ma tirċevix il-ħlas tar-reġistrazzjoni, tal-abbonament annwali u tal-miżata ta’ skambju mingħand il-membri tagħha ħlief għad-drittijiet ta’ timeshare li kull membru jiskambja. F’każ bħal dan, RCI Europe ma tirċievi ebda somma mingħand terzi, li jistgħu jkunu suġġetti għall-VAT. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-provvista inkwistjoni, RCI Europe mhijiex obbligata tħallas VAT fir-rigward ta’ din l-operazzjoni fuq akkomodazzjoni li terza persuna tkun irrendiet disponibbli għall-membri tagħha.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post fejn servizzi jiġu pprovduti minn assoċjazzjoni li l-attività tagħha tikkonsisti fl-organizzazzjoni ta’ skambju bejn il-membri tagħha tad-drittijiet tagħhom ta’ timeshare fuq akkomodazzjonijiet għal vaganzi, u li għalihom l-assoċjazzjoni tirċievi mingħand il-membri tagħha, ħlas ta’ reġistrazzjoni, abbonament annwali kif ukoll miżata ta’ skambju, huwa l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li fuqha l-membru kkonċernat ikollu dritt ta’ timeshare.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post fejn servizzi jiġu pprovduti minn assoċjazzjoni li l-attività tagħha tikkonsisti fl-organizzazzjoni ta’ skambju bejn il-membri tagħha tad-drittijiet tagħhom ta’ timeshare fuq akkomodazzjonijiet għal vaganzi, u li għalihom l-assoċjazzjoni tirċievi mingħand il-membri tagħha, ħlas ta’ reġistrazzjoni, abbonament annwali kif ukoll miżata ta’ skambju, huwa l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li fuqha l-membru kkonċernat ikollu dritt ta’ timeshare.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.