Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

9.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 116/11


Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fil-25 ta' Frar 2008 — Adige Carni scrl, fi stralċ vs Ministero dell'Economia e delle Finanze, Agenzia delle Entrate

(Kawża C-79/08)

(2008/C 116/20)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Adige Carni scrl, fi stralċ

Konvenuti: Ministero dell'Economia e delle Finanze, Agenzia delle Entrate

Domandi preliminari

1)

Il-vantaġġi fiskali mogħtija lis-soċjetajiet kooperattivi, skond l-Artikoli 10, 11, 12, 13 u 14 tad-Digriet Presidenzjali Nru 601 ta' l-1973, huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni u, b'mod partikolari, jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE, speċjalment minħabba li s-sistema ta' sorveljanza u ta' korrezzjoni ta' l-abbużi prevista fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 1577 ta' l-1947 mhuwiex adegwat?

2)

B'mod partikolari, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġi fiskali in kwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, dawn il-miżuri jistgħu jitqiesu li huma proporzjonati fir-rigward ta' l-għanijiet tas-soċjetajiet kooperattivi; tista' d-deċiżjoni dwar il-proporzjonalità tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss il-miżura individwali iżda wkoll il-vantaġġ mogħti bil-miżuri kollha kemm huma, bid-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnhom?

Sabiex tingħata risposta għad-domandi preċedenti, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li s-sistema ta' sorveljanza ddgħajfet serjament u ulterjorment bir-riforma tal-liġi tal-kumpanniji, speċjalment fir-rigward tas-soċjetajiet kooperattivi ta' natura mutwalistika predominanti, iżda mhux esklużiva, skond il-Liġi Nru 311 ta' l-2004;

3)

Indipendentement minn jekk il-vantaġġi fiskali in kwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, jista' l-użu tal-forma ġuridika ta' soċjetà kooperattiva, anki f'każijiet li ma jinvolvux frodi jew simulazzjoni, jiġi kkunsidrat abbuż tad-dritt, meta din il-forma tintuża bl-iskop esklużiv jew prinċipali li tiġi ffrankata t-taxxa?