Kawża C-153/08
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim ŻEE — Tassazzjoni diretta — Taxxa fuq id-dħul — Eżenzjoni fiskali limitata għar-rebħ minn lotteriji u logħob tal-ażżard organizzati minn ċerti korpi u entitajiet nazzjonali”
Sommarju tas-sentenza
Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali
(Artikoli 46(1) KE u 49 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 36)
Stat Membru li jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li teżenta r-rebħ magħmul minn parteċipazzjoni f’lotteriji, f’logħob u f’imħatri organizzati f’dan l-Istat Membru minn ċerti korpi pubbliċi u entitajiet stabbiliti f’dan l-Istat Membru u li jeżerċitaw attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ma din l-istess eżenzjoni tingħata lir-rebħ li ġej minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati mill-korpi u mill-entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jeżerċita attivitajiet tal-istess tip, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea
Fil-fatt, il-korpi pubbliċi u l-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru kkonċernat u li jfittxu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxa mill-korpi u mill-entitajiet elenkati ta’ dan l-istess Stat Membru jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ dawn tal-aħħar.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi għandha l-effett li jiġi ttrattat b’mod iktar favorevoli r-rebħ iddistribwit mill-korpi u mill-entitajiet stabbiliti fit-territorju nazzjonali, tali eżenzjoni fiskali tikkostitwixxi restrizzjoni diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għad-dannu tal-korpi pubbliċi u tal-entitajiet li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jfittxu l-istess għanjiet bħal dawk imfittxa mill-korpi u mill-entitajiet elenkati mill-ewwel Stat Membru.
Sa fejn hija għandha natura diskriminatorja, din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata biss fil-każ li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur nazzjonali jirriżultaw minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu 46(1) KE u li tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
F’dan ir-rigward, mhuwiex iġġustifikat mill-għan ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux validament jaslu għall-konklużjoni, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, li l-korpi u l-entitajiet stabbiliti f’Stat Membru ieħor jeżerċitaw attivitajiet kriminali. Barra minn dan, il-fatt li b’mod ġenerali jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali dawn l-korpi u dawn l-entitajiet jidher li huwa sproporzjonat, peress li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità. F’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li dan l-għan jista’ jiġi kkunsidrat taħt il-kunċett ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-eżenzjoni tar-rebħ, madankollu, hija suxxettibbli li tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jipparteċipaw fl-lotteriji, logħob tal-ażżard u mħatri li jafu jibbenefikaw minnhom, u għaldaqstant mhijiex ideali sabiex tiggarantixxi b’mod koerenti t-twettiq tal-għan allegatament imfittex. Fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastrutturi u tal-proġetti għall-użu pubbliku permezz tad-dħul tal-korpi kkonċernati mill-eżenzjoni, dawn huma kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li mhumiex parti mir-raġunijiet tal-Artikolu 46 KE li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mit-Trattat. L-istess japplika għall-protezzjoni tal-ordni soċjali u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li huma raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw restrizzjonijiet ta’ natura diskriminatorja.
Minn dan jirriżulta li din id-diskriminazzjoni mhijiex iġġusitifikata fis-sens tal-Artikolu 46(1) KE.
Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet, li huma essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 49 KE, il-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija jistgħu jiġu trasposti mutatis mutandis għal dan l-Artikolu.
(ara l-punti 33, 34, 38-41, 43, 45, 47-49 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
6 ta’ Ottubru 2009 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim ŻEE – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq id-dħul – Eżenzjoni fiskali limitata għar-rebħ minn lotteriji u logħob tal-ażżard organizzati minn ċerti korpi u entitajiet nazzjonali”
Fil-Kawża C-153/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-15 ta’ April 2008,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li tintaxxa r-rebħ magħmul minn parteċipazzjoni f’kull tip ta’ lotteriji, logħob u mħatri organizzati barra mir-Renju ta’ Spanja, filwaqt li r-rebħ magħmul minn ċerti tipi ta’ lotteriji, logħob jew imħatri organizzati fir-Renju ta’ Spanja huma eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).
Il-kuntest ġuridiku
It-Trattat KE u l-Ftehim ŻEE
2 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE:
“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”
3 L-Artikolu 36(1) tal-Ftehim ŻEE jiddisponi:
“Fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju tal-partijiet kontraentri fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-KE u tal-Istati tal-EFTA [Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles] stabbiliti fi Stat Memrbu tal-KE jew fi Stat tal-EFTA, għajr dak fejn qed jiġi pprovdut is-servizz, hija pprojbita.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 L-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 35/2006, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi u li temenda parzjalment il-liġijiet dwar it-taxxi imposti fuq il-kumpanniji, fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti u fuq il-patrimonju (BOE Nru 285, tad-29 ta’ Novembru 2006, p. 41734, iktar ’il quddiem “il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”), li tipprovdi li ċertu dħul ikun eżentat mit-taxxa fuq id-dħul, jiddisponi:
“Id-dħul segwenti huwa eżentat:
[…]
ñ) Ir-rebħ minn lotteriji u mħatri organizzati mill-korp pubbliku ‘Loterías y Apuestas del Estado’ [korp pubbliku nazzjonali tal-lotteriji u l-imħatri] u mill-korpi jew l-entitajiet tal-komunitajiet awtonomi, kif ukoll ir-rebħ minn tlugħ bix-xorti organizzat mill-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola u xi tip ta’ logħob awtorizzat mill-Organización Nacional de Ciegos Españoles [organizzazzjoni nazzjonali tan-nies għomja fi Spanja, iktar ’il quddiem l-‛ONCE’].
[…]”
5 Bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, b’mod partikolari l-Artikoli 33.1, 45 u 63(1) ta’ din, ir-rebħ minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati minn korpi oħra nazzjonali jew barranin, inklużi dawk stabbiliti fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea, għandu jiżdied mal-bażi taxxabbli u huwa suġġett għal rati ta’ taxxi progressivi tat-taxxa fuq id-dħul.
Il-proċedura prekontenzjuża
6 Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-4 ta’ April 2006, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja li t-trattament fiskali mogħti mil-liġi Spanjola lir-rebħ minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati barra minn dan l-Istat Membru, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE, inkwantu dan ir-rebħ huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul, filwaqt li r-rebħ minn ċerti lotteriji u ċertu logħob Spanjol huma eżenti, u stieden lil dan l-Istat sabiex jittrażmettilu l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.
7 Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja ssottometta li l-eżenzjoni inkwistjoni tapplika biss f’ċerti ċirkustanzi u hija marbuta man-natura partikolari ta’ ċerti entitajiet li jorganizzaw dawn il-lotteriji. Ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni, peress li l-organizzaturi tal-lotteriji stabbiliti fi Spanja, ġeneralment joperaw fl-istess ċirkustanzi bħal dawk li mhux stabbiliti f’dan l-Istat Membru. Sabiex jiġġustifika l-eżenjoni inkwistjoni, ir-Renju ta’ Spanja saħaq fuq il-ġlieda kontra l-effetti negattivi ta’ dawn it-tipi ta’ attivitajiet u l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jirregolaw dan it-tip ta’ logħob.
8 Fil-15 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li permezz tagħha stiednet lir-Renju ta’ Spanja jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
9 Permezz tal-ittra tat-22 ta’ Frar 2007, il-Gvern Spanjol informa lill-Kummissjoni li kien qed jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu. Il-liġi Spanjola tat-taxxa fuq id-dħul, kienet nieqsa għal kollox minn elementi li jiddiskriminaw abbażi tan-nazzjonalità, tar-residenza jew tal-post ta’ stabbiliment tal-organizzaturi tal-lotteriji jew tal-logħob tal-ażżard u setgħet tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali.
10 Il-Kummissjoni, mhux sodisfatta mir-risposta tar-Renju ta’ Spanja, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
11 Il-Kummissjoni tisħaq li fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C-42/02, Ġabra p. I-13519), il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul hija diskriminatorja, billi għandha l-effett li tagħmel iktar diffiċli l-provvista ta’ servizzi bejn ir-Renju ta’ Spanja u l-Istati Membri l-oħra minn dik ta’ natura purament interna għal Spanja, u hija suxxettibbli li tiskoraġġixxi l-persuni li jgħixu fi Spanja milli jipparteċipaw f’lotteriji li l-organizzaturi tagħhom huma stabbiliti f’Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea. Konsegwentement, din il-liġi tikser l-Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim ŻEE.
12 Huwa minnu li l-eżenzjoni inkwistjoni ma tkoprix l-organizzaturi kollha tal-lotteriji u tal-logħob tal-ażżard stabbiliti fi Spanja u hija limitata għal ċerti entitajiet speċifiċi. Madankollu, jibqa’ l-fatt li din l-eżenzjoni, kemm-il darba jgawdu minnha entitajiet stabbiliti f’dan l-Istat Membru biss, hija ta’ natura diskriminatorja.
13 Il-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri sabiex jirregolaw attivitajiet simili, ma tiġġustifikax l-eżenzjoni prevista mil-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul. Fil-fatt, din tal-aħħar, minflok ma teżiġi l-preżenza ta’ ċerti karatteristiċi, sabiex tagħti trattament fiskali favorevoli, tillimita din l-eżenzjoni għal ċerti entitajiet speċifiċi, anki jekk tippermetti li servizzi simili jkunu offruti minn entitajiet oħra li ma jibbenefikawx minn dan it-trattament fiskali favorevoli, fosthom entitajiet tal-istess tip bħal dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra li mhux ir-Renju ta’ Spanja jew l-entitajiet bl-istess għanijiet bħal dawk tal-entitajiet Spanjoli, imsemmija minn din il-liġi.
14 Barra minn dan, jirriżulta mill-punt 25 tas-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, li l-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jitressqu minn Stat Membru, magħhom għandu jiġi mehmuż analiżi tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat. F’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja ma pprovda l-ebda informazzjoni ġustifikattiva għall-eżenzjoni kkontestata.
15 Il-Kummissjoni tgħid ukoll li rikors għal miżura ta’ eżenzjoni fiskali mhux l-aħjar mezz sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-Renju ta’ Spanja, li jiskoraġġixxi lin-nies milli jilagħbu logħob tal-ażżard, peress li l-imsemmija eżenzjoni, min-natura tagħha, iktar tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f’dan il-logħob.
16 Dwar l-għanijiet ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, il-Kummissjoni tiddikjara li ma tistax tifhem kif l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża preżenti tista’ tikkontribwixxi, hekk kif jallega r-Renju ta’ Spanja, għall-imsemmija għanijiet. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ġlieda kontra dawn il-prattiki tista’, skont il-każ, tiġġustifika t-tneħħija tal-eżenzjoni inkwistjoni, iżda fl-ebda każ iż-żamma tagħha. Hija żżid li l-miżuri ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus diġà jiggarantixxu livell sinjifikattiv ta’ protezzjoni li jagħmel inutli miżuri tat-tip ta’ dik inkwistjoni f’din il-kawża.
17 Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi skont ir-regoli stabbiliti fi Spanja, il-Kummissjoni tgħid li ma jistax jiġi kkonfermat b’ċertezza li din il-protezzjoni hija mhedda minħabba l-organizzazzjoni tal-lotteriji inkwistjoni, minn entitajiet stabbiliti fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, barra li l-attivitajiet inkwistjoni huma kollha diġà rregolati f’kull Stat Membru, jeżistu mekkaniżmi ta’ kontroll li huma ta’ natura li jiggarantixxu din il-protezzjoni u li huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju.
18 Fi kwalunkwe każ, il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul hija ta’ natura diskriminatorja u l-ġustifikazzjonijiet imressqa ma jistgħux jintlaqgħu.
19 Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta n-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu, billi jissottometti primarjament, li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni diskriminatorja. L-imsemmija diskriminazzjoni, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha hija personali, peress li hija limitata għal ċerti entitajiet pubbliċi tal-Istat jew ta’ komunitajiet awtonomi, għall-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola u għall-organizzazzjoni nazzjonali tan-nies għomja fi Spanja, bla dubju li tiġġenera differenza fit-trattament, fir-rigward ta’ korpi u entitajiet li mhux imsemmija fid-dispożizzjoni. Madankollu, din id-differenza fit-trattament, mhijiex diskriminatorja jew kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li l-entitajiet li mhux imsemmija minn din l-eżenzjoni mhumiex fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tagħha.
20 Ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża li l-kamp tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni mhux estiż għar-rebħ kollu mil-lotteriji jew mil-logħob tal-ażżard u l-imħatri organizzati fi Spanja jew minn entitajiet residenti fi Spanja. Għaldaqsatnt, bla ħsara għal din l-eżenzjoni, ir-rebħ iddistribwit fil-kuntest tal-logħob organizzat mir-residenti, huwa suġġett għall-istess taxxi, bħar-rebħ li huwa ddistribwit fil-kuntest tal-logħob organizzat minn dawk li mhux residenti. Konsegwentement, ma jistax jiġi konkluż li d-dispożizzjoni kkontestata tipproduċi jew hija ta’ natura li tipproduċi diskriminazzjoni fil-konfront tal-organizzaturi tal-lotteriji, li mhux stabbiliti fi Spanja. Ma hemm l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward ta’ entitajiet mhux residenti bi karatteristiċi analogi għal dawk elenkati fil-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, billi din tal-aħħar ma tiddefinixxix l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni skont ċerti karatteristiċi stabbiliti u ma tirreferi la għan-nazzjonalità u lanqas għal post fejn ġew stabbiliti l-entitajiet ikkonċernati.
21 Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi trasposta għall-każ preżenti, peress li b’differenza mil-liġi Finlandiża inkwistjoni f’din il-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tissuġġetta, fil-prinċipju, għat-taxxa fuq id-dħul, ir-rebħ mil-lotteriji, mil-logħob tal-ażżard u mill-imħatri, ikun xi jkun il-post fejn dan ikun qed jiġi organizzat u l-post ta’ residenza tal-organizzatur tagħhom.
22 Sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jissottometti li anki li kieku wieħed kellu jippresupponi li l-eżenzjoni kkontestata tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din ir-restrizzjoni hija, fid-dawl tal-fatt li s-servizzi inkwistjoni huma speċifiċi, ġġustifikata abbażi tal-ordni soċjali, għal raġunijiet ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, kif ukoll abbażi tal-protezzjoni tal-konsumaturi.
23 Dwar l-ordni soċjali, l-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li sa fejn il-liġi inkwistjoni hija analoga ma’ dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwarhom fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C-275/92, Ġabra p. I-1039); tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C-124/97, Ġabra p. I-6067), kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C-67/98, Ġabra p. I-7289), ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi jkun jista’ jiġi traspost għall-kawża inkwistjoni.
24 Jirriżulta b’mod partikolari minn dawn is-sentenzi li l-Istati Membri jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-lotteriji u ta’ logħob ieħor tal-ażżard sabiex jipproteġu lill-konsumaturi u l-ordni soċjali.
25 Huwa preċiżament għal dan il-għan li l-eżenzjoni kkontestata ġiet adottata, jiġifieri, minn naħa, biex b’mod ġenerali tiskoraġġixxi l-logħob, billi tistabbilixxi l-prinċipju ta’ tassazzjoni fuq dan it-tip ta’ dħul, u min-naħa l-oħra, tagħti trattament preferenzjali lir-rebħ mil-lotteriji u mil-logħob organizzat minn entitajiet pubbliċi, għall-iffinanzjar tal-infrastrutturi għall-użu pubbliku.
26 Għal dak li għandu x’jaqsam, fit-tieni nett, mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, ir-Renju ta’ Spanjal jissottometti li t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet ikun serjament ippreġudikat jekk l-eżenzjoni kkontestata tibda tapplika għar-rebħ mil-logħob organizzat minn ċerti korpi pubbliċi jew ta’ assistenza, li mhumiex suġġetti għal-liġi Spanjola, peress li l-amministrazzjoni fiskali ma jkollhiex il-possibbiltà li tikkontrolla dan id-dħul b’mod simili għal kif tagħmel attwalment.
27 Fit-tielet nett, dwar dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li fi Spanja, l-organizzazzjoni tal-lotteriji, tal-logħob tal-ażżard u l-imħatri hija attività suġġetta għal liġi li għandha l-għan tħares id-drittijiet u l-interessi tal-parteċipanti, billi tiżgura l-applikazzjoni kontinwa tal-liġi applikabbli. L-estensjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni għal entitajiet li mhumiex suġġetti għal-liġi li tirregola l-organizzazzjoni tal-imsemmi logħob, ikollha l-effett li tnaqqas il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Din l-eżenzjoni għaldaqstant hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi, meqjusa bħala neċessarja mill-awtoritajiet Spanjoli, raġuni din li ġiet espressament rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-eżistenza ta’ ksur tat-trattament ugwali bbażat fuq in-nazzjonalità
28 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza fir-rispett tad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16; tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 19; tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 19; tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32, u Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
29 Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din tapplika, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-lotteriji, għal attività li tikkonsisti f’li tippermetti lil dawn li jagħmlu użu minnha li jipparteċipaw, bi ħlas, f’logħba bi skop ta’ lukru (ara s-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). Barra minn dan, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika kemm favur il-prestatarju u kif ukoll favur id-destinatarju tas-servizzi (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-0000, punt 51).
30 Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja, ripetutament iddeċidiet li jekk huwa leġittimu għal Stat Membru li jirriżerva l-għoti ta’ benefiċċji fiskali għal entitajiet li għandhom xi wħud mill-għanijiet li huma ta’ interess ġenerali, Stat Membru ma jistax madankollu jirriżerva l-benefiċċju ta’ vantaġġi tali għall-entitajiet biss stabbiliti fuq it-territorju tiegħu u li l-attivitajiet tagħhom jistgħu għalhekk jeżentawh mir-responsabbiltajiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 44).
31 B’mod partikolari, meta korp li huwa rrikonoxxut bħala wieħed ta’ interess ġenerali fi Stat Membru jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti f’dan ir-rigward mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għandu bħala għan il-promozzjoni ta’ interessi identiċi tal-kollettività, b’mod li jkun possibbli li jiġu rrikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali f’dan l-Istat Membru, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ma jistgħux jirrifjutaw lil dan il-korp id-dritt għal trattament ugwali biss minħabba l-fatt li mhux stabbilit fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 40; tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C-76/05, Ġabra p. I-6849, punt 81, kif ukoll Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).
32 Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li korp stabbilit fi Stat Membru u li jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti għal dan il-għan minn Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ benefiċċji fiskali, jinsab, fir-rigward tal-għoti minn dan l-aħħar Stat Membru ta’ benefiċċji fiskali li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kkkonċernati, f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-korpi rrikonoxxuti bħala li huma ta’ interess ġenerali li huma stabbiliti f’dan l-aħħar Stat Membru (sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).
33 Hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-korpi pubbliċi u l-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stat Membru ieħor li mhux ir-Renju ta’ Spanja u li jfittxu l-istess għanjiet bħal dawk imfittxa mill-korpi u mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ dawn tal-aħħar.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, billi għandha l-effett li jiġi ttrattat b’mod iktar favorevoli r-rebħ iddistribwit mill-korpi u mill-entitajiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi restrizzjoni diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għad-dannu tal-korpi pubbliċi u tal-entitajiet li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stat Membru ieħor li mhux ir-Renju ta’ Spanja u li jfittxu l-istess għanjiet bħal dawk imfittxa mill-korpi u mill-entitajiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.
35 Din il-konklużjoni madankollu tapplika biss għall-korpi u għall-entitajiet komparabbli ma’ dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni u, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma tapplikax għall-organizzaturi kollha tal-lotteriji, tal-logħob u tal-imħatri stabbiliti f’Stat Membru ieħor li mhux ir-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, dawn l-organizzaturi mhumiex kollha f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-korpi u tal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul. Minn dan jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda l-organizzaturi ta’ lotteriji u ta’ mħatri stabbiliti f’Stat Membru ieħor li mhux ir-Renju ta’ Spanja u li mhuwiex oġġettivament komparabbli ma’ dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni.
Fuq il-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni
36 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini li jidħlu f’nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob kif ukoll ta’ prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali b’mod ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56), li huma suxxettibbli li jiġu invokati sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn l-għanjiet qed jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw restrizzjonijiet applikati b’mod diskriminatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37; tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C-243/01, Ġabra p. I-13031, punt 65; tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 49, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).
37 Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li sa fejn restrizzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, għandha natura diskriminatorja, hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju biss jekk tirriżulta minn dispożizzjoni derogatorja espressa, bħal ma huwa l-Artikolu 46 KE, li jirreferi għalih l-Artikolu 55 KE, jiġiferi l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 19).
38 Konsegwentement, ir-restrizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija ġġustifikata biss fil-każ li l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlatur Spanjol jirriżultaw minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu 46(1) KE u li tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 55, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).
39 L-ewwel nett, fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, mhuwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan il-għan huwiex suxxettibbli li jirriżulta mill-kunċett ta’ ordni pubbliku. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat għal dan il-għan, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux validament jaslu għall-konklużjoni, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, li l-korpi u l-entitajiet stabbiliti f’Stat Membru ieħor jeżerċitaw attivitajiet kriminali. Barra minn dan, il-fatt li b’mod ġenerali jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali dawn l-korpi u dawn l-entitajiet jidher li huwa sproporzjonat, peress li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità. Fil-fatt, jeżistu numru ta’ mezzi sabiex jiġu kkontrollati l-attivitajiet u l-kontijiet ta’ dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gambelli et, punt 74, kif ukoll Centro di Musicologia Walter Stauffer, punt 61).
40 It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, għandu jingħad li filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li dan l-għan jista’ jiġi kkunsidrat taħt il-kunċett ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, f’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-Renju ta’ Spanja ma ressaq l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li, fi Spanja, dan il-vizzju huwa daqshekk żviluppat li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi riskju għas-saħħa pubblika.
41 Insegwitu, hekk kif l-Avukat Ġenerali ppreċiża fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżenzjoni tar-rebħ hija suxxettibbli li tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jipparteċipaw fl-lotteriji, logħob tal-ażżard u mħatri li jafu jibbenefikaw minnhom, u għaldaqstant mhijiex ideali sabiex tiggarantixxi b’mod koerenti t-twettiq tal-għan allegatament imfittex.
42 Fl-aħħar nett, sa fejn l-eżenzjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni t-tipi differenti ta’ logħob, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax validament isostni li din l-eżenzjoni għandha l-għan li tidderieġi x-xenqa għal-logħob, ta’ dawk li jilagħbu, lejn ċertu logħob li r-regoli tagħhom għandhom potenzjal mnaqqas għall-ivvizzjar.
43 It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li d-dħul tal-korpi u tal-entitajiet minn logħob li jibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni jikkontribwixxu sabiex jiffinanzjaw infrastrutturi u proġetti għall-użu pubbliku, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għalkemm mhuwiex irrilevanti li l-lotteriji u logħob ieħor għal flus jistgħu jipparteċipaw, b’mod sinjifikanti, fl-iffinanzjar ta’ attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru jew ta’ interess ġenerali, raġuni bħal din, minnha nfisha, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ġustifikazzjoni oġġettiva tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schindler, punt 60, u Zenatti, punt 36). Għalhekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi mhumiex parti ta’ xi waħda mir-raġunijiet tal-Artikolu 46 KE li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mit-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Italja, punti 19 u 22, kif ukoll Gambelli et, punt 61).
44 Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ordni soċjali kif ukoll tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li jqis ir-Renju ta’ Spanja, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha ċċitati iktar ’il fuq Schindler, Läärä et kif ukoll Zenatti f’dak illi jirrigwarda dawn il-ġustifikazzjonijiet ma għandhomx ikunu applikabbli f’dan il-każ.
45 Fil-fatt, b’mod differenti mir-restrizzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, ir-restrizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża mhux tapplika indiskriminatament, iżda hija ta’ natura diskriminatorja. Konsegwentement, hija ma tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ordni soċjali jew il-protezzjoni tal-konsumaturi.
46 Għandu jingħad ukoll li, hekk kif qal l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 93 u 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżenzjoni kkontestata f’kull każ ma tippermettix li, minn naħa, jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ordni soċjali billi tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-lotteriji u fl-imħatri flok ma tiskoraġġixxi dawn u, min-naħa l-oħra, l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn din l-eżenzjoni u l-miżuri amministrattivi intiżi sabiex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.
47 Minn dan jirriżulta li d-diskriminazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża mhijiex iġġusitifikata fis-sens tal-Artikolu 46(1) KE.
48 Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet, li huma essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 49 KE, il-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija jistgħu jiġu trasposti mutatis mutandis għal dan l-Artikolu.
49 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, għandu jiġi kkonstatat li, billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li teżenta r-rebħ magħmul minn parteċipazzjoni f’lotteriji, f’logħob u f’imħatri organizzati fir-Renju ta’ Spanja minn ċerti korpi pubbliċi u entitajiet stabbiliti f’dan l-Istat Membru u li jeżerċitaw attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ma din l-istess eżenzjoni tingħata lir-rebħ li ġej minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati mill-korpi u mill-entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jeżerċita attivitajiet tal-istess tip, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim ŻEE.
Fuq l-ispejjeż
50 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja tilfu parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li teżenta r-rebħ magħmul minn parteċipazzjoni f’lotteriji, f’logħob u f’imħatri organizzati fir-Renju ta’ Spanja minn ċerti korpi pubbliċi u entitajiet stabbiliti f’dan l-Istat Membru u li jeżerċitaw attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ma din l-istess eżenzjoni tingħata lir-rebħ li ġej minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati mill-korpi u mill-entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jeżerċita attivitajiet tal-istess tip, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.