Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go


KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-16 ta' Lulju 2009 1(1) 

Kawża C-153/08

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim ŻEE – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq id-dħul – Taxxa fuq rebħ minn lotteriji, logħob jew imħatri – Eżenzjoni mit-taxxa fuq rebħ minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati minn ċerti entitajiet nazzjonali – Diskriminazzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fil-15 ta’ April 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li tintaxxa r-rebħ minn parteċipazzjoni f’kull tip ta’ lotteriji, logħob u mħatri organizzati barra mir-Renju ta’ Spanja, filwaqt li r-rebħ magħmul minn ċerti tipi ta’ lotteriji, logħob u mħatri organizzati fir-Renju ta’ Spanja huma eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992 (iktar ’il quddiem “il-Ftehim ŻEE”) (2).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

2.        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

3.        Skont l-Artikolu 36(1) tal-Ftehim ŻEE:

“Fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju tal-partijiet kontraentri fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-KE u tal-Istati tal-EFTA stabbiliti fi Stat Memrbu tal-KE jew fi Stat tal-EFTA, għajr dak fejn qed jiġi pprovdut is-servizz, hija pprojbita.”

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4.        L-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 35/2006, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi, li temenda parzjalment il-liġijiet dwar it-taxxi imposti fuq il-kumpanniji, fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti u fuq il-patrimonju (iktar ’il quddiem “il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”) (3), tipprovdi kif ġej:

“Artikolu 7. Dħul eżentat.

Id-dħul segwenti huwa eżentat:

[…]

ñ) Ir-rebħ minn lotteriji u mħatri organizzati mill-korp pubbliku Loterías y Apuestas del Estado (korp pubblika nazzjonali tal-lotteriji u l-imħatri, iktar ’il quddiem il-“LAE”) u mill-korpi jew l-entitajiet tal-komunitajiet awtonomi, kif ukoll ir-rebħ minn tlugħ bix-xorti organizzat mill-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola u xi tip ta’ logħob awtorizzat mill-Organización Nacional de Ciegos Españoles (organizzazzjoni nazzjonali tan-nies għomja fi Spanja, iktar ’il quddiem l-“ONCE”).

[…]”

5.        Min-naħa l-oħra, ir-rebħ minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati minn organizzazzjonijiet oħra nazzjonali jew barranin, inklużi dawk stabbiliti fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, għandu jiżdied mal-bażi taxxabbli u huwa suġġett għal rati ta’ taxxi progressivi (l-Artikoli 33.1, 45 u 63(1), tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendata mill-Artikolu 67 tal-Liġi Nru 51/2007, tas-26 ta’ Diċembru 2007, dwar il-baġit ġenerali tal-Istat, għas-sena finanzjarja 2008 (4)).

III – Il-proċedura prekontenzjuża

6.        Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-4 ta’ April 2006, il-Kummissjoni infurmat lill-Gvern Spanjol li t-trattament fiskali mogħti mil-liġi Spanjola lir-rebħ minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati barra mir-Renju ta’ Spanja, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE, inkwantu dan ir-rebħ huwa suġġett għal taxxi iktar onerużi, meta mqabbel mar-rebħ minn ċerti lotteriji u ċertu logħob Spanjol, u stieden lill-Gvern Spanjol sabiex jittrażmettilu l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward.

7.        Fir-risposta tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2006, il-Gvern Spanjol issottometta li l-eżenzjoni inkwistjoni tapplika biss f’ċerti ċirkustanzi u hija marbuta man-natura partikolari ta’ ċerti entitajiet li jorganizzaw dawn il-lotteriji. Ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni peress li l-organizzaturi tal-lotteriji stabbiliti fi Spanja, ġeneralment joperaw fl-istess ċirkustanzi bħal dawk li jinsabu barra minn Spanja. Sabiex jiġġustifika l-eżenjoni inkwistjoni, il-Gvern Spanjol saħaq fuq il-ġlieda kontra l-effetti negattivi ta’ dawn it-tipi ta’ attivitajiet u l-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jirregolaw dan it-tip ta’ logħob.

8.        Fil-15 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li permezz tagħha stiednet lir-Renju ta’ Spanja jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

9.        Permezz tal-ittra tat-22 ta’ Frar 2007, il-Gvern Spanjol informa lill-Kummissjoni li kien qed jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu. Il-liġi Spanjola kienet nieqsa għal kollox minn elementi li jiddiskriminaw abbażi tan-nazzjonalità, tar-residenza jew tal-post ta’ stabbiliment tal-organizzaturi tal-lotteriji jew tal-logħob tal-ażżard u setgħet tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali.

10.      Peress li r-Renju ta’ Spanja sostna l-pożizzjoni tiegħu u ma adotta l-ebda miżuri biex jikkonforma mal-opinjoni motivata fit-terminu previst, il-Kummissjoni ippreżentat dan ir-rikors.

IV – Il-talbiet tal-partijiet

11.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara li billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li tintaxxa r-rebħ minn parteċipazzjoni f’kull tip ta’ lotteriji, logħob u mħatri organizzati barra mir-Renju ta’ Spanja, filwaqt li r-rebħ magħmul minn ċerti tipi ta’ lotteriji, logħob u mħatri organizzati fir-Renju ta’ Spanja huma eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (5);

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

12.      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

V –    Fuq in-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu

A –    Sunt tal-argumenti tal-partijiet

13.      Il-Kummissjoni tisħaq li fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u b’mod partikolari tas-sentenza Lindman (6), id-dispożizzjonijiet Spanjoli inkwistjoni jmorru kontra l-Artikolu 49 KE peress li jistabbilixxu diskriminazzjoni mhux ġustifikata b’dannu għall-organizzaturi barranin tal-lotteriji, peress li l-prodotti offruti minnhom, kemm-il darba jinxtraw minn residenti Spanjoli, ikunu suġġetti għal impożizzjoni fiskali li ma teżistix fir-rigward tal-prodotti ekwivalenti offruti mill-organizzaturi Spanjoli, elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul.

14.      Anki jekk l-eżenzjoni inkwistjoni ma tkoprix l-organizzaturi kollha tal-lotteriji u tal-logħob tal-ażżard stabbiliti fi Spanja u hija limitata għal ċerti entitajiet speċifiċi, jibqa’ l-fatt li l-imsemmija eżenzjoni, kemm-il darba jgawdu minnha entitajiet Spanjoli biss, hija ta’ natura diskriminatorja. F’dan ir-rigward għandu jiġi stabbilit jekk il-liġi Spanjola hijiex abbozzata f’termini ġenerali, li jippermettu lil kwalunkwe entità li tissodisfa ċerti kriterji oġġettivi, li tibbenefika mill-eżenzjoni. Bil-kontra, peress li l-liġi Spanjola tirreferi speċifikament għal ċerti entitajiet nazzjonali, id-diskriminazzjoni tirriżulta manifesta. Għalhekk, l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola tikkwalifika għal din l-eżenzjoni, iżda mhux l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Franċiża. Għaldaqstant, huwa żbaljat li wieħed jippretendi, kif qed jagħmel il-Gvern Spanjol, li l-eżenzjoni inkwistjoni ġiet stabbilita “favur premjijiet minn ċerti entitajiet speċifiċi, bil-fatturi tan-nazzjonalità u tar-residenza ma jkunux determinanti”.

15.      Il-marġni ta’ diskrezzjoni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7), igawdu minnha l-Istati Membri biex jirregolaw attivitajiet simili, ma tiġġustifikax id-dispożizzjoni leġiżlattiva inkwistjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar, minflok ma’ teżiġi l-preżenza ta’ ċerti karatteristiċi, sabiex tagħti trattament fiskali favorevoli, tillimita l-eżenzjoni għal ċerti entitajiet speċifiċi, anki jekk tippermetti li servizzi simili jkunu offruti minn entitajiet oħra li ma jibbenefikawx minn dan it-trattament fiskali favorevoli, fosthom entitajiet tal-istess tip bħal dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra jew entitajiet bl-istess għanijiet bħal dawk tal-entitajiet Spanjoli, imsemmija fid-dispożizzjoni inkwistjoni. Il-Kummissjoni tikkontesta, barra minn hekk, li l-entitajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali, mhumiex fl-istess sitwazzjoni bħall-benefiċjarji tal-eżenzjoni. Barra minn hekk, ir-raġunijiet li wasslu sabiex ir-Renju ta’ Spanja jistabbilixxi din l-eżenzjoni huma ta’ natura li tikkorrobora t-teżi tal-Kummissjoni, għaliex jekk dawn ir-raġunijiet huma msejsa fuq in-natura soċjali tal-entitajiet u n-nuqqas ta’ skop ta’ lukru, ma hemm l-ebda raġuni valida għalfejn l-eżenzjoni inkwistjoni ma għandhiex tiġi estiża għall-entitajiet li għandhom l-istess karatteristiċi iżda li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra.

16.      Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-użu tal-fondi miġbura mill-entitajiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni, huwa irrilevanti għall-esklużjoni tan-natura diskriminatorja tal-imsemmija eżenzjoni.

17.      Fir-rigward tal-portata, f’termini ekonomiċi, tal-eżenzjoni kkontestata, il-Kummissjoni tisħaq, minn naħa, li mir-Rapport annwali dwar il-logħob fi Spanja għall-2006, ippubblikat mill-Ministeru għall-Intern Spanjol, jirriżulta li skont il-perċentwali ta’ distribuzzjoni skont min qed jamministra, 40.8 % tal-logħob (f’termini ta’ flus milgħuba) ġie organizzat mil-LAE u mill-ONCE (33.4 % u 7.4 % rispettivament), għal ammont totali milgħub fl-2006 ta’ EUR 11.790 biljun, bir-rebħ li jirriżulta minnu jkun eżenti mit-taxxa fuq id-dħul.

18.      Min-naħa l-oħra tissottometti li l-liġi Spanjola teżenta mit-taxxa fuq id-dħul, kważi t-total tar-rebħ kollu minn settur partikolari tas-servizzi pprovduti mill-organizzaturi stabbiliti fi Spanja, jiġifieri l-organizzazzjoni ta’ logħob li r-rebħ minnu huwa differit fiż-żmien, fejn min jilgħab jingħata rċevuta fil-forma ta’ parteċipazzjoni jew biljett, filwaqt li r-rebħ mill-istess servizzi pprovduti mill-organizzaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, huwa suġġett għat-taxxa. Huma l-organizzaturi ta’ dawn tal-aħħar għaldaqstant, li x’aktarx ikunu minn tal-ewwel li jitħajru jipprovdu s-servizzi tagħhom b’mod transkonfinali, peress li dawn is-servizzi ma jirrikjedux, bħal fil-każ ta’ każinò jew ta’ magni tal-logħob, infrastruttura fil-pajjiżi l-oħra. Konsegwentement, dawn l-organizzaturi x’aktarx li huma l-iktar li jistgħu jisfgħu vittmi ta’ diskriminazzjoni fiskali.

19.      Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jitressqu minn Stat Membru, il-Kummissjoni l-ewwel nett tisħaq, li għalkemm annessi ma’ dawn, skont ġurisprudenza stabbilita (8), irid ikun hemm analiżi tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dak l-Istat, il-Gvern Spanjol ma ppreżenta, f’dan il-każ, l-ebda informazzjoni ġustifikattiva.

20.      Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza inkwistjoni, din il-miżura ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tal-ordni soċjali, peress li xejn ma jagħti x’wieħed jifhem li l-parteċipazzjoni fil-lotteriji organizzati minn entitajiet pubbliċi tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, jew minn organizzazzjonijiet oħra analogi għall-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar jew għall-ONCE, ikollha effetti iktar negattivi fuq iċ-ċittadini Spanjoli, mill-parteċipazzjoni fil-lotteriji li r-rebħ minnhom jibbenefika mit- trattament fiskali favorevoli inkwistjoni. Barra minn hekk, fil-każ tar-Renju ta’ Spanja, ma jidhirx li jeżistu restrizzjonijiet partikolari għall-organizzazzjoni tal-lotteriji, ħlief ir-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, l-entità inkarigata mill-organizzazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-lotteriji u tal-logħob fi Spanja, hija pubblika u r-reklamar fir-rigward hija konsiderevoli. Il-pożizzjoni tal-Gvern Spanjol, għaldaqstant żgur li tikkontradixxi l-għanijiet li allegatament jixtieq jilħaq.

21.      Il-Kummissjoni tgħid ukoll li rikors għal miżura ta’ eżenzjoni fiskali mhux l-aħjar mezz sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-Gvern Spanjol, li jiskoraġġixxi lin-nies milli jilagħbu, peress li l-imsemmija eżenzjoni, min-natura tagħha, iktar tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f’dan il-logħob.

22.      Dwar l-għanijiet ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, il-Kummissjoni tiddikjara li ma tistax tifhem kif l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża preżenti tista’ tikkontribwixxi għall-imsemmija għanijiet. Bl-istess mod tippretendi li ma tifhimx kif il-frodi fiskali u l-ħasil tal-flus jiżdiedu jekk l-eżenzjoni kkontestata tiġi estiża għar-rebħ minn servizzi pprovduti mill-entitajiet ta’ Stati Membri oħra li huma tal-istess natura bħal dawk koperti mir-regola dwar l-imsemmija eżenzjoni.

23.      L-argumenti dwar il-proċeduri ta’ kontroll marbuta mal-eżenzjoni u maħsuba bħala prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw din il-miżura, peress li l-liġi Spanjola timpedixxi b’mod assolut lill-entitajiet ta’ Stati Membri oħra, li huma tal-istess tip bħal dawk previsti fir-regola tal-eżenzjoni, milli jibbenefikaw minn trattament fiskali privileġġjat. Dawn l-entitajiet huma esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni, anki jekk ikunu lesti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba mil-liġijiet għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

24.      Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi skont ir-regoli stabbiliti fi Spanja, il-Kummissjoni tgħid li ma jistax jiġi kkonfermat b’ċertezza li din il-protezzjoni hija mhedda minħabba l-organizzazzjoni tal-lotteriji inkwistjoni, minn entitajiet stabbiliti fi Stati Membri oħra. Wieħed lanqas ma jista’ jargumenta li l-estensjoni tal-eżenzjoni għandu jkollha l-effett li tinkoraġġixxi l-attivitajiet li jistgħu jippreġudikaw il-protezzjoni tal-konsumaturi. Fil-fatt, barra li l-attivitajiet inkwistjoni huma kollha diġà rregolati f’kull Stat Membru, jeżistu mekkaniżmi ta’ kontroll li huma ta’ natura li jiggarantixxu din il-protezzjoni u li huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

25.      Fi kwalunkwe każ, il-liġi Spanjola hija ta’ natura diskriminatorja u ma tistax titqies kompatibbli mat-Trattat KE u mal-Ftehim ŻEE.

26.      Il-Gvern Spanjol jikkontesta n-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu, billi jissottometti primarjament, li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni diskriminatorja. L-imsemmija diskriminazzjoni, li hija personali, peress li hija limitata għal ċerti entitajiet pubbliċi tal-Istat jew ta’ komunitajiet awtonomi, għall-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola u għall-ONCE, bla dubju li tiġġenera differenza fit-trattament, fir-rigward ta’ dawk li mhumiex imsemmija fid-dispożizzjoni. Madankollu, din id-differenza fit-trattament, mhijiex diskriminatorja jew kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li l-entitajiet li mhumiex imsemmija fid-dispożizzjoni kkontestata, mhumiex fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tagħha.

27.      Il-Gvern Spanjol jippreċiża li l-kamp tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni mhux estiż għar-rebħ kollu mil-lotteriji jew mil-logħob tal-ażżard organizzati fi Spanja jew minn entitajiet residenti fi Spanja. Għaldaqstant, bla ħsara għad-dispożizzjoni kkontestata, ir-rebħ iddistribwit fil-kuntest tal-logħob organizzat mill-entitajiet residenti, huwa suġġett għall-istess taxxi, bħar-rebħ li huwa ddistribwit fil-kuntest tal-logħob organizzat minn entitjiet li mhux residenti. Konsegwentement, ma jistax jiġi konkluż li d-dispożizzjoni kkontestata tipproduċi jew hija ta’ natura li tipproduċi diskriminazzjoni fil-konfront tal-organizzaturi tal-lotteriji, li mhumiex stabbiliti fi Spanja.

28.      Il-Gvern Spanjol jisħaq li ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet mhux residenti, li għandhom karatteristiċi analogi għal dawk elenkati fid-dispożizzjoni Spanjola inkwistjoni, peress li din ma tiddefinixxix il-kamp tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni abbażi ta’ karatteristiċi speċifiċi u li, konsegwentement, ma teżisti l-ebda referenza għall-kunċetti tan-nazzjonalità, tar-residenza jew tal-post ta’ stabbiliment tal-entitajiet. Il-Gvern Spanjol kemm-il darba jikkonferma madankollu, li l-eżenzjonijiet inkwistjoni ġew stabbiliti fid-dawl ta’ ċerti kwalitajiet partikolari tal-organizzaturi li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza, mingħajr skop ta’ lukru. Konsegwentement, id-differenzi fit-trattament fir-rigward tal-organizzaturi l-oħra tal-lotteriji li joffru prodotti ekwivalenti, jirriżultaw mill-fatt li dawn tal-aħħar (kemm jekk ikunu Spanjoli kif ukoll barranin), ma għandhomx dawn il-kwalitajiet partikolari. Dwar dawn il-karatteristiċi partikolari, il-Gvern Spanjol jikkonferma li r-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur Spanjol biex jagħti din l-eżenzjoni, huma raġunijiet ta’ natura soċjali kif ukoll in-nuqqas ta’ skop ta’ lukru tal-entitajiet.

29.      Dwar l-eżempji li ġabet il-Kummissjoni, u iktar preċiżament l-eżempju tal-organizzazzjoni ta’ lotterija mis-Salib l-Aħmar Franċiża, il-Gvern Spanjol jissottometti li din hija ipoteżi maqtugħa għal kollox mir-realtà, peress li din l-entità qatt ma kienet ser tressaq talba għall-awtorizzazzjoni f’dan is-sens u lanqas ma għandha f’dan l-Istat il-postijiet minn fejn tista’ tbiegħ, bħalma għandhom l-entitajiet imsemmija fid-dispożizzjoni li tagħti l-eżenzjoni kkontestata. Għaldaqstant, “huwa evidenti li l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Franċiża u l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola, mhumiex f’sitwazzjoni komparabbli”.

30.      Il-Gvern Spanjol jeżamina wkoll jekk il-benefiċjarji tar-rebħ humiex f’sitwazzjoni komparabbli. Id-differenzi eżistenti bejn, minn naħa, persuna taxxabbli Spanjola, li tibbenefika mill-eżenzjoni fiskali fuq rebħ minn lotteriji jew minn logħob organizzati mil-LAE, l-ONCE jew mill-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola u, min-naħa l-oħra, persuna taxxabbli ta’ Stat Membru ieħor fejn dan ir-rebħ huwa taxxabbli, mhumiex dovuti għall-fatt li l-liġi fiskali Spanjola tistabbilixxi eżenzjoni suġġettiva favur l-entitatijiet inkwistjoni, iżda għall-fatt li l-liġi fiskali f’dan l-Istat l-ieħor tqis lil dak id-dħul bħala wieħed taxxabbli. Differenza fit-trattament ta’ dan it-tip, mhux ta’ natura diskriminatorja fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jew tal-Ftehim ŻEE.

31.      Huwa jsostni li l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi trasposta għall-każ preżenti, peress li b’mod differenti mil-liġi Finlandiża inkwistjoni f’din il-kawża, il-liġi Spanjola tissuġġetta, fil-prinċipju, għat-taxxa fuq id-dħul, ir-rebħ mil-logħob tal-ażżard, ikun xi jkun il-post fejn dan ikun qed jiġi organizzat u l-post ta’ residenza tal-organizzatur ta’ dak il-logħob. L-eżenzjoni kkontestata fil-fatt ma tkoprix ir-rebħ kollu mil-lotteriji u mil-logħob, organizzati jew awtorizzati fi Spanja, iżda biss dawk iddistribwiti mill-entitajiet magħżula abbażi tan-natura partikolari tagħhom.

32.      Għal dak li għandu x’jaqsam mad-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ logħob (il-logħob b’rebħ differit fiż-żmien u l-logħob b’riżultat istantanju) u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-liġi Spanjola teżenta mit-taxxa fuq id-dħul kważi t-total tar-rebħ kollu minn settur partikolari tas-servizzi, ipprovduti mill-organizzaturi stabbiliti fi Spanja, jiġifieri dak il-logħob li r-rebħ minnu huwa differit fiż-żmien, il-Gvern Spanjol isostni li din id-distinzjoni hija mingħajr rilevanza għall-finijiet fiskali. L-eżenzjoni hija ta’ natura suġġettiva u tiġbor fiha ir-rebħ kollu mil-lotteriji, imħatri u tlugħ bix-xorti, organizzati mill-entitajiet eżentati, mingħajr distinzjoni bejn ir-rebħ differit u istantanju. Fil-fatt, il-lotterija istantanja hija wkoll tip ta’ logħba organizzata mill-entitajiet li jiddistribwixxu r-rebħ, li jibbenefikaw mill-eżenzjoni fiskali u dan jipprova l-inkoerenza tal-argument tal-Kummisjoni fuq dan il-punt.

33.      Sussidjarjament, il-Gvern Spanjol jissottometti li anki li kieku wieħed kellu jippresupponi li l-eżenzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din ir-restrizzjoni tista’, fid-dawl tal-fatt li s-servizzi inkwistjoni huma speċifiċi, tiġi ġġustifikata abbażi tal-ordni soċjali, għal raġunijiet ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, kif ukoll abbażi tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

34.      Dwar l-ordni soċjali, l-ewwel nett, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li safejn il-liġi inkwistjoni hija analoga ma’ dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwarhom fil-kawżi Schindler u Läärä et (9) kif ukoll fis-sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, ir-raġjonament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi jkun jista’ jiġi traspost għall-kawża inkwistjoni. L-unika differenza li teżisti bejn il-liġi rilevanti fil-kawża Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, u l-liġi Spanjola, u li tiffavorixxi t-teżi tar-Renju ta’ Spanja, hija dik li filwaqt li l-liġi Ingliża kienet tipprojbixxi l-organizzazzjoni tal-lotteriji, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, id-dispożizzjoni Spanjola tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi, ir-rebħ mil-lotteriji u mil-logħob. Wieħed ma jistax b’mod raġjonevoli jsostni li jekk id-dritt Komunitarju jirrikonoxxi, b’xi eċċezzjonijiet, il-projbizzjoni ta’ attività ta’ din in-natura, li tikkostitwixxi restrizzjoni essenzjali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li Stat Membru ma jistax, b’xi eċċezzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-liġi Spanjola, jintaxxa l-prodott riżultanti minn din l-istess attività, kemm-il darba t-taxxa tkun element inċidentali ta’ din l-attività, iktar u iktar meta d-dispożizzjoni Spanjola inkwistjoni, ma tagħti lok għall-ebda diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tar-residenza jew tal-post ta’ stabbiliment.

35.      Huwa preċiżament biex jitħares l-ordni pubbliku li l-eżenzjoni kkontestata ġiet adottata, jiġifieri, minn naħa, biex b’mod ġenerali tiskoraġġixxi l-logħob, billi tistabbilixxi l-prinċipju ta’ tassazzjoni fuq dan it-tip ta’ dħul, u min-naħa l-oħra, tagħti trattament preferenzjali lir-rebħ mil-lotteriji u mil-logħob organizzat minn entitajiet pubbliċi, minħabba l-utilità pubblika tal-benefiċċju. B’dan il-mod, id-dħul tal-entitajiet li l-logħob tagħhom jibbenefika mill-imsemmija eżenzjoni, jikkontribwixxi biex jiffinanzja infrastrutturi għall-użu pubbliku.

36.      Il-Gvern Spanjol jisħaq li t-taxxa fuq ir-rebħ mil-logħob tal-ażżard, għandha l-għan li b’mod ġenerali tiskoraġġixxi l-logħob, filwaqt li l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul għandha l-għan li tindirizza t-talba eżistenti fil-qasam tal-logħob, lejn ċertu tip ta’ logħob, li jirrikjedi biss li jintefqu ammonti żgħar ta’ flus, li diffiċilment jista’ jiġġenera vizzju jew manija għal-logħob u li huwa suġġett għal numru ta’ kontrolli.

37.      Għal dak li għandu x’jaqsam, fit-tieni nett, mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, il-Gvern Spanjol jissottometti li t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet ikun serjament ippreġudikat jekk l-eżenzjoni kkontestata tibda tapplika għar-rebħ mil-logħob organizzat minn ċerti korpi pubbliċi jew ta’ assistenza, li mhumiex suġġetti għal-liġi Spanjola, peress li l-amministrazzjoni fiskali ma jkollhiex il-possibbiltà li tikkontrolla dan id-dħul b’mod simili għal kif tagħmel attwalment. Is-sistema stabbilita fi Spanja tippermetti fil-fatt lill-awtoritajiet kompetenti li jkollhom aċċess għal-lista tar-rebbieħa u li jiġbru l-informazzjoni li tippermettilhom jidentifikaw tranżazzjonijiet suspettużi. Bħala kundizzjoni għall-eżenzjoni tar-rebħ minnhom iddistribwit, l-entitajiet inkwistjoni jridu josservaw sensiela ta’ obbligi ta’ kollaborazzjoni speċifiċi, relatati mal-kontroll ta’ dawn il-prattiki kriminali u frawdolenti.

38.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 69.4 tar-Regolament Spanjol dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi, approvat bid-Digriet Irjali Nru 439/2007 tat-30 ta’ Marzu 2007 (10), l-imsemmija entitajiet għandhom “jippreżentaw matul l-ewwel tletin jum ta’ xogħol tax-xahar ta’ Jannar, tas-sena sussegwenti, dikjarazzjoni li tindika l-premjijiet li ġew eżentati mit-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi u li, minbarra l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni, tista’ tinkludi l-ismijiet, l-kunjom u n-numru tal-identifikazzjoni fiskali tal-benefiċjarji kif ukoll is-somma jew il-valur tal-premjijiet li rċevew dawn il-persuni li jeċċedu l-limitu [EUR 3 000] iffissat għal dan il-għan mill-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi”.

39.      L-effiċjenza ta’ din is-sistema ta’ kontroll tissejjes fuq il-livell għoli ta’ kollaborazzjoni u ta’ involviment tal-entitajiet kkonċernati, kif ukoll fuq in-numru limitat tagħhom u l-fatt li huma suġġetti għal-liġi u l-amministrazzjoni Spanjola. Dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfatti kemm-il darba dawn l-eżenzjonijiet jiġu estiżi, kif tixtieq il-Kummissjoni, għal numru ta’ entitajiet li ma jaqgħux taħt il-liġi Spanjola u l-kontroll dirett tal-awtoritajiet Spanjoli. Fil-fatt, l-estensjoni ta’ din is-sistema għal entitajiet mhux residenti, tkun tikkostitwixxi każ ta’ applikazzjoni extraterritorjali tal-liġi nazzjonali, peress li t-trażmissjoni tal-informazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi mhijiex prevista mid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (11). Għaldaqstant, jista’ jkun diffiċli li wieħed jitlob minn dawn l-entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jikkomunikaw l-informazzjoni u josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija sistema, għar-raġuni ipotetika li uħud mir-rebbieħa tal-lotteriji f’dak l-Istat Membru jistgħu jkunu residenti Spanjoli. Għaldaqstant, il-proposta tal-Kummissjoni fejn l-awtoritajiet Spanjoli jkunu jistgħu jeżiġu mill-entitajiet benefiċjarji barranin, li jissuġġettaw rwieħhom għas-sistema ta’ kontroll inkwistjoni, hija totalment sproporzjonata.

40.      Fit-tielet nett, dwar dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-Gvern Spanjol ifakkar li fi Spanja, l-organizzazzjoni tal-lotteriji u tal-logħob tal-ażżard hija attività suġġetta għal liġi li għandha l-għan tħares id-drittijiet u l-interessi tal-parteċipanti, billi tiżgura l-applikazzjoni kontinwa tal-liġi applikabbli. L-attività preventiva hija intimament marbuta mal-kontroll tal-osservanza tal-liġi applikabbli, bl-għan li jiġi evitat li jkun hemm tibdil potenzjali jew manipulazzjonijiet frawdolenti tal-kundizzjonijiet li fihom l-isfruttament tal-logħob ikkonċernat, organizzat minn entitajiet privati, huwa awtorizzat. Għal dan il-għan ġew stabbiliti regoli, bħar-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni amministrattiva għat-twettiq ta’ din l-attività, l-istabbiliment ta’ perċentwali minima li tista’ tintrebaħ u titqassam bejn ir-rebbieħa, ir-reklamar ikkontrollat kif ukoll is-sorveljanza amministrattiva tal-attività mwettqa.

41.      L-estensjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni għal entitajiet li mhumiex suġġetti għal-liġi li tirregola l-organizzazzjoni tal-imsemmi logħob, ikollha l-effett li tnaqqas il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Din l-eżenzjoni għaldaqstant hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi ggarantita il-protezzjoni tal-konsumaturi, meqjusa bħala neċessarja mill-awtoritajiet Spanjoli, raġuni din li ġiet espressament rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.

B –    Il-kunsiderazzjonijiet

1.      Fuq il-ġurisprudenza fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u dwar ir-rabta ta’ din il-kawża mas-setenza Lindman

42.      L-ewwel nett, qabel nagħti bidu għall-eżaminazzjoni tal-allegat ksur tal-Artikolu 49 KE u tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE, naħseb li jkun utli li nfakkar il-ġurisprudenza fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tat-tassazzjoni diretta.

43.      Dwar din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet (12), li għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ fil-kamp tal-kompetenza tal-Istati Membri, din għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt Komunitarju u tkun nieqsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.

44.      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, japplikaw, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-lotteriji, għal attività li tikkonsisti fil-parteċipazzjoni, bi ħlas, f’logħob għal flus, jekk għall-inqas waħda mill-partijiet li qed tipprovdi is-servizzi hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, għajr dak li fih is-servizzi qed jiġu offruti (13).

45.      Konsegwentement, ma hemmx dubju li s-servizzi tal-lotteriji u tal-logħob għal flus, organizzati fi Stat Membru ieħor u intiżi għar-residenti Spanjoli, jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE, kemm-il darba waħda mill-partijiet li tkun qed toffri is-servizzi tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor għajr dak tar-Renju ta’ Spanja. Hemm lok għalhekk li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni Spanjola mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi, fil-kawża Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet fiskali, applikabbli għal-logħob tal-ażżard, mal-libertajiet fundamentali u b’mod partikolari mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Jidhirli għalhekk illi huwa meħtieġ li jiġu nnotati x-xebh u d-differenzi bejn il-kuntest tal-kawża preżenti u dak tas-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, biex tiġi identifikata l-problema l-ġdida mqajma fir-rikors inkwistjoni.

47.      Din il-kawża Lindman kienet tirrigwardja leġiżlazzjoni Finlandiża li kienet tistipula li r-rebħ minn logħob tal-ażżard mhux awtorizzat fil-Finlandja, huwa meqjus bħala dħul taxxabbli, filwaqt li r-rebħ magħmul minn logħob tal-ażżard organizzat f’dak l-Istat Membru, ma kienx jikkostitwixxi dħul taxxabbli. Peress li skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kien biss il-logħob tal-ażżard organizzat fil-Finlandja li ma kienx taxxabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-lotteriji barranin kienu qed jirċievu trattament fiskali differenti minn dak li minnu kienu qed jibbenefikaw il-lotteriji Finlandiżi u li kienu żvantaġġjati meta mqabbla ma’ dawn tal-aħħar, bi ksur tal-Artikolu 49 KE (14).

48.      Fil-kawża preżenti, id-differenza fit-trattament tal-organizzaturi barranin mhijiex daqshekk evidenti u manifesta bħal f’din il-kawża Lindman, peress li l-eżenzjoni inkwistjoni tapplika biss għar-rebħ minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati minn ċerti entitajiet pubbliċi Spanjoli u ċerti organizzazzjonijiet Spanjoli mingħajr skop ta’ lukru u ma testendix għall-premijiet, għal-lotteriji u għal-logħob kollu tal-ażżard organizzat fi Spanja jew minn entitajiet stabbiliti fi Spanja.

49.      Barra minn hekk, il-kamp tal-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni mhux direttament stabbilit abbażi ta’ kriterji oġġettivi, kuntrarjament għal din il-kawża Lindman fejn il-lotteriji barranin kienu jirċievu trattament fiskali differenti minn dak li minnu kien jibbenefika l-logħob tal-ażżard organizzat fil-Finlandja, bil-kriterju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni diskriminatorja, ikun kriterju uniku u oġġettiv: l-oriġini tas-servizz.

50.      Huma dawn iż-żewġ differenzi li jikkaratterizzaw din il-kawża u jiddistingwuha mis-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri eżenzjoni li ma tkoprix l-organizzaturi kollha Spanjoli tal-logħob, u n-nuqqas, mal-ewwel daqqa t’għajn, ta’ kriterju oġġettiv li fuqu tissejjes id-diskriminazzjoni, li skont l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Spanjola.

51.      Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni ssostni li d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-organizzaturi tal-logħob barranin, li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Spanjola, tikser il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita mill-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE.

52.      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Spanjola hijiex diskriminatorja jew għandhiex effetti diskriminatorji.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

53.      Irid jiġi mfakkar l-ewwel nett li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità huma pprojbiti fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri stabbiliti f’pajjiż ieħor tal-Komunità, għajr dak fejn tkun qed issir il-provvista.

54.      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jimplika, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni li tista’ tiġi eżerċitata fir-rigward tal-persuna li qed tipprovdi s-servizz, minħabba n-nazzjonalità tagħha jew minħabba ċ-ċirkustanza li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, għajr dak fejn għandha ssir il-provvista (15).

55.      B’mod ġenerali, għandna nammettu li kull eżenzjoni fiskali tiġġenera differenza fit-trattament, fir-rigward ta’ dawk li ma jibbenefikawx minnha. Barra minn hekk, mhux ikkontestat fil-kawża preżenti, li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni tagħti trattament fiskali iktar favorevoli, lir-rebħ li jirriżulta minn imħatri organizzati mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, meta mqabbel mat-trattament mogħti lir-rebħ minn imħatri organizzati minn entitajiet oħra nazzjonali u mill-entitajiet kollha barranin, huma x’inhuma l-karatteristiċi tagħhom.

56.      Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament li mingħajr dubju teżisti fil-liġi Spanjola, tikkostitwixxix diskriminazzjoni li topera b’dannu għall-organizzaturi tal-logħob stabbiliti barra minn Spanja.

57.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, bil-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tkun biss espressjoni speċifika tiegħu. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti sakemm ma jkunx hemm differenza li tkun tista’ tiġi oġġettivament iġġustifikata (16).

58.      Għaldaqstant, biex nivvalutaw jekk il-leġiżlazzjoni Spanjola tikkwalifikax bħala diskriminatorja, jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-entitajiet Spanjoli u barranin li fil-kawża preżenti huma f’sitwazzjoni komparabbli.

59.      Irid jingħad li l-organizzaturi kollha koperti bl-eżenzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti mhux biss huma stabbiliti fi Spanja iżda huma wkoll entitajiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali.

60.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-argument tal-Gvern Spanjol, li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni ma tiddefinixxix il-kamp tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni abbażi ta’ ċerti karatteristiċi stabbiliti u, li konsegwentement, għalhekk ma hemm l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tal-entitajiet mhux residenti, b’karatteristiċi simili għal dawk elenkati fid-dispożizzjoni inkwistjoni, huwa importanti li wieħed jenfasizza li dan il-gvern ikkontradixxa din it-teżi f’iktar minn okkażjoni waħda fir-risposta tiegħu. Ikkonferma li “dawn huma eżenzjonijiet stabbiliti fid-dawl tal-personalità tal-organizzaturi” “li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali, jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru ”. Jissottometti wkoll li “d-differenzi fit-trattament meta mqabbla mal-organizzaturi l-oħra li joffru prodotti ekwivalenti, jirriżultaw mis-sempliċi fatt li dawn tal-aħħar (kemm jekk Spanjoli kif ukoll barranin) ma għandhomx kwalitajiet partikolari”. Fl-aħħar nett, il-Gvern Spanjol jisħaq li “r-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur Spanjol biex jagħti din l-eżenzjoni, huma ta’ natura soċjali u li l-entitjiet joperaw mingħajr skop ta’ lukru ”.

61.      Madankollu, għalkemm il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni ma tipprovdi, b’mod espress, l-ebda kriterju oġġettiv għad-determinazzjoni tal-entitajiet li jiddistribwixxu r-rebħ u li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni fiskali, jibqa’ l-fatt li dawn l-organizzazzjonijiet setgħu ġew iddefiniti abbażi ta’ kriterji, bħall-karatteristiċi ta’ natura pubblika tagħhom, in-nuqqas ta’ skop ta’ lukru u t-twettiq ta’ attivitajiet soċjali.

62.      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Persche, li jekk huwa leġittimu għal Stat Membru li jirriżerva l-għoti ta’ vantaġġi fiskali lill-organizzazzjonijiet li jwettqu ċerti għanijiet ta’ interess ġenerali, Stat Membru ma jistax madankollu, jirriżerva vantaġġi bħal dawn esklużivament għall-organizzazzjonijiet stabbiliti fit-territorju tiegħu u li għalhekk l-attivitajiet tagħhom jistgħu jeżentawhom minn ċerti responsabbiltajiet tagħhom (17).

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru, li twettaq l-istess għanijiet ta’ interess ġenerali u li hija rrikonoxxuta bħala tali minn Stat Membru ieħor, kemm-il darba tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti minn dak l-Istat Membru għall-għoti ta’ vantaġġi fiskali, tinsab, għall-finijiet tal-għoti ta’ dawn il-vantaġġi minn dak l-Istat Membru, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali, stabbiliti f’dan l-aħħar Stat (18).

64.      Għalkemm il-kawża Persche, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna t-tnaqqis, għall-finijiet fiskali, tal-valur tad-donazzjonijiet magħmula minn residenti ta’ Stat Membru, lil organizzazzjoni rrikonoxxuta bħala waħda ta’ interess ġenerali, fi Stat Membru ieħor – u mhux l-eżenzjoni mit-taxxi fuq ir-rebħ minn logħob tal-ażżard – il-prinċipju stabbilt fil-kawża Persche xorta jista’ b’analoġija jiġi applikat għall-kawża preżenti.

65.      L-organizzazzjonijiet pubbliċi u l-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali u ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru u li għalihom jirreferi r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni, iwettqu, bħal dik l-organizzazzjoni li hija rrikonoxxuta bħala waħda ta’ interess ġenerali fil-kawża Persche, iċċitata iktar ’il fuq, għanijiet ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet tagħhom huma, bl-istess mod, ta’ natura li jeżentaw lill-Istat Membru minn ċerti responsabbiltajiet. Kemm it-tnaqqis tal-valur tad-donazzjonijiet fil-kawża Persche, kif ukoll l-eżenzjoni tar-rebħ fil-kawża preżenti, jikkostitwixxu miżuri li japplikaw fil-kamp tat-taxxa fuq id-dħul u jagħtu lok għal vantaġġ fiskali favur il-benefiċjarji.

66.      Madankollu, jista’ jingħad li l-LAE, il-korpi u l-entitajiet tal-komunitajiet awtonomi, l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola u l-ONCE huma f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-organizzazzjonijiet pubbliċi u tal-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jwettqu l-istess għanijiet.

67.      Kif diġà spjegajt fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni tagħti lir-rebħ minn imħatri, organizzati mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, trattament fiskali favorevoli meta mqabbel ma’ dak li tistabbilixxi għar-rebħ minn imħatri organizzati mill-entitajiet l-oħra nazzjonali u mill-entitajiet kollha barranin. Konsegwentement, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u l-entitajiet li jwettqu attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li għandhom l-istess għanijiet bħall-entitajiet Spanjoli li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, huma f’sitwazzjoni anqas favorevoli minn dawn tal-aħħar.

68.      Fid-dawl tal-fatt, mhux ikkontestat, li l-organizzazzjonijiet kollha li jibbenefikaw mill-eżenzjoni fiskali inkwistjoni huma stabbiliti fi Spanja, nissottometti li d-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni fil-kawża preżenti, jikkostitwixxu diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, b’dannu lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u l-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza, mingħajr skop ta’ lukru fi Stat Membru ieħor u li għandhom l-istess għanijiet bħall-entitajiet Spanjoli li jibbenefikaw minn din il-miżura.

69.      Madankollu, irid jiġi enfasizzat li din id-diskriminazzjoni ma tolqotx lill-organizzaturi kollha tal-logħob stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Kif jispjega l-Gvern Spanjol, bla ħsara għad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, ir-rebħ minn parteċipazzjoni f’kull tip ta’ logħob organizzat mill-entitajiet residenti huwa suġġett għall-istess taxxa bħar-rebħ mil-logħob organizzat mill-entitajiet mhux residenti. Konsegwentement, l-entitajiet barranin privati bi skop ta’ lukru, jew li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali, iżda li għandhom għanijiet differenti, meta mqabbla mal-entitajiet Spanjoli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni, huma suġġetti għall-istess trattament fiskali bħall-organizzazzjonijiet kollha Spanjoli li ma jissemmewx f’din id-dispożizzjoni.

70.      Madankollu wieħed ma jistax jinjora li d-dispożittiv tar-rikors jikkontesta lir-Renju ta’ Spanja li l-leġiżlazzjoni Spanjola tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn ir-rebħ mil-lotteriji, logħob u mħatri organizzati fi Spanja, li huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dħul, u dak mil-lotteriji, logħob u mħatri organizzati barra minn Spanja (19). B’dan il-mod, il-Kummissjoni takkuża lill-Gvern Spanjol li l-leġiżlazzjoni tiegħu tistabbilixxi diskriminazzjoni iktar estiża, li tolqot lill-organizzaturi kollha tal-logħob tal-ażżard, stabbiliti barra minn Spanja. Madankollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikonoxxix din id-diskriminazzjoni ħlief parzjalment, sa fejn din isseħħ bejn, minn naħa, l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u l-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stat Membru ieħor li għandhom l-istess għanijiet bħall-entitajiet Spanjoli kkonċernati, u li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

71.      Għalkemm l-eżenzjoni diskriminatorja ma tikkonċernax, fin-numru, ħlief ftit entitajiet Spanjoli, il-konsegwenzi ekonomiċi tagħha huma konsiderevoli. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, mir-Rapport annwali dwar il-logħob fi Spanja għall-2006, ippubblikat mill-Ministeru għall-Intern Spanjol, jirriżulta li skont il-perċentwali ta’ distribuzzjoni skont min qed jamministra, 40.8 % tal-logħob (f’termini ta’ flus milgħuba) ġie organizzat mil-LAE u mill-ONCE (33.4 % u 7.4 % rispettivament), għaldaqstant iktar minn 40 % tas-suq tal-logħob tal-ażżard Spanjol igawdi minn din l-eżenzjoni.

72.      Din il-konsegwenza tassumi iktar importanza peress li l-Gvern Spanjol mhux qed jopponi l-argument tal-Kummissjoni – ikkonfermat, barra minn hekk, mir-Rapport annwali dwar il-logħob fi Spanja għall-2006 – li jistabbilixxi li l-liġi Spanjola teżenta mit-taxxa fuq id-dħul, kważi t-total tar-rebħ kollu minn settur partikolari tas-servizzi pprovduti mill-organizzaturi stabbiliti fi Spanja, jiġifieri l-organizzazzjoni ta’ logħob li r-rebħ minnu huwa differit fiż-żmien, fejn min jilgħab jingħata rċevuta fil-forma ta’ parteċipazzjoni jew biljett. Il-Gvern Spanjol iqis biss li, ċertu logħob b’riżultat istantanju, huwa organizzat ukoll mill-entitajiet li jiddistribwixxu rebħ li jibbenefika mill-eżenzjoni fiskali, konferma li ma teskludix li l-maġġoranza tal-logħob b’rebħ differit fiż-żmien, hija organizzata mill-entitajiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Għandu jingħad fl-aħħar nett li dan it-tip ta’ logħob huwa l-iktar adatt li jiġi pprovdut b’mod transkonfinali, peress li ma jirrikjedi l-ebda infrastruttura fil-pajjiżi l-oħra, billi dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

73.      Fid-dawl ta’ din il-konsegwenza ekonomika li tirriżulta mill-eżenzjoni diskriminatorja, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Spanjol li l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola u dik Franċiża mhumiex f’sitwazzjoni komparabbli peress li din tal-aħħar a) ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha fi Spanja, netwerk ta’ postijiet simili minn fejn tista’ tbigħ u b) qatt ma kienet ser titlob l-awtorizazzjoni biex torganizza logħob tal-ażżard fi Spanja. Dwar l-ewwel argument, minbarra l-fatt li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom, mingħajr dubju, l-istess għanijiet u karatteristiċi – u dan jagħmel is-sitwazzjoni tagħhom mhux biss komparabbli iżda simili – irid jiġi mfakkar il-fatt, li diġà ssemma fil-punt preċedenti, li l-biċċa l-kbira tal-logħob li jibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni, ma jirrikjedi l-ebda sistema ta’ distribuzzjoni.

74.      Dwar l-argument l-ieħor, inqis li mhux meħtieġ għal entità mhux residenti li tintroduċi talba għall-awtorizzazzjoni, biex tkun tista’ tiġi stabbilita id-diskriminazzjoni. Madankollu, dan l-argument tal-Gvern Spanjol ma jidhirlix li huwa ta’ rilevanza.

75.      Fl-aħħar nett, dwar l-argument tal-Gvern Spanjol li wieħed ma jistax iqabbel is-sitwazzjoni ta’ persuna Spanjola suġġetta għall-ħlas tat-taxxa, li tibbenefika mill-eżenzjoni fiskali fuq ir-rebħ mil-logħob organizzat mill-entitajiet stabbiliti, mas-sitwazzjoni ta’ persuna minn Stat Membru ieħor li fih dan ir-rebħ huwa suġġett għat-taxxa, irid jiġi mfakkar li l-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tikkonċerna biss persuni Spanjoli suġġetti għall-ħlas tat-taxxa u li d-diskriminazzjoni ma taffetwax persuni ta’ Stati Membri oħra suġġetti għat-taxxa, iżda lill-organizzaturi tal-logħob stabbiliti fi Stati Membri oħra li jixtiequ jestendu l-attivitajiet tagħhom għat-territorju Spanjol. Konsegwentement, dan l-argument tal-Gvern Spanjol lanqas ma jidhirli li huwa rilevanti.

76.      Inkwantu l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni tista’ titqies bħala diskriminatorja fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE u tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE, din tikkostitwixxi fiha nnifisha restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tat-Trattat u għaldaqstant, fil-prinċipju, tikser id-dritt Komunitarju.

3.      Fuq il-ġustifikazzjonijiet

77.      Jistgħu madankollu jiġu ammessi restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skont id-derogi espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE jew iġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi ta’ raġunijiet imposti fl-interess ġenerali (20).

78.      Dwar, minn naħa, ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li huma ta’ natura diskriminatorja, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li miżuri bħal dawn ma jistgħux jiġu ġġustifikati ħlief għar-raġunijiet espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE, jiġifieri l-parteċipazzjoni, anki inċidentali, fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew għar-raġunijiet tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà jew tas-saħħa pubblika (21).

79.      Dwar, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn miżuri li japplikaw mingħajr distinzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li sakemm dawn jiġu applikati, mingħajr distinzjoni, kemm għall-organizzaturi stabbiliti fit-territorju kif ukoll għal dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jistgħu jkunu ġġustifikati abbażi ta’ raġunijiet imposti fl-interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni soċjali, bil-kundizzjoni li dawn ikunu idoneji biex jintlaħqu l-għanijiet ikkonċernati u ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet (22).

80.      Fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx b’mod riġidu, id-distinzjoni deskritta fiż-żewġ punti preċedenti (23). Fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, Läärä et u Zenatti, għalkemm il-leġiżlazzjonijiet kienu japplikaw mingħajr distinzjoni u setgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet imposti fl-interess ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta rreferiet għall-ġustifikazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 46 KE, mingħajr l-eżaminazzjoni separata ta’ din id-dispożizzjoni (24). Fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi jekk il-leġiżlazzjoni kinitx ta’ natura diskriminatorja (25). Fis-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni diskriminatorja, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-ġustifikazzjonijiet invokati; illimitat ruħha li tiddeċiedi b’referenza għan-nuqqas tal-Istat Membru li jippreżenta l-analiżi dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura restrittiva (26).

81.      Fil-fatt huwa diffiċli li wieħed jistabbilixxi kriterji ċari li jiddistingwu bejn il-ġustfikazzjonijiet li jistgħu jiġu invokati għall-miżuri diskriminatorji u dawk għall-miżuri li japplikaw mingħajr distinzjoni, f’qasam bħal dan fejn l-ordni morali, reliġjuż u kulturali kif ukoll il-konsegwenzi fuq il-morali u l-finanzi tal-individwu u tas-soċjetà mil-logħob u l-imħatri, huma tali li jiġġustifikaw l-eżistenza, għall-benefiċċju tal-awtoritajiet nazzjonali, ta’ entità li tivvaluta u tiddetermina l-ħtiġijiet li jagħtu bidu għall-applikazzjoni tal-varji ġustifikazzjonijiet (27).

82.      Fil-każ preżenti, irid jingħad li l-argumentazzjoni żviluppata mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni jirriflettu s-sitwazzjoni deskritta fil-punt preċedenti. Fil-fatt fir-reazzjoni tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, il-Gvern Spanjol jinvoka miżuri ġustifikanti, li fil-prinċipju ġeneralment jintużaw biex jiġġustifikaw miżuri li japplikaw mingħajr distinzjoni u mhux miżuri diskriminatorji. Iressaq raġunijiet ta’ ordni soċjali, ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali kif ukoll għanijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi.

83.      Konsegwentement biex il-mertu ta’ dawn l-argumenti jkun jista’ jiġi evalwat, fil-loġika tad-distinzjoni li, kif indikat fil-punti 78 u 79 iktar ’il fuq, ġeneralment tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja bejn il-ġustifikazzjonijiet għall-miżuri diskriminatorji u l-ġustifikazzjonijiet għall-miżuri li japplikaw mingħajr distinzjoni, ser nipproċedi biex neżamina dawn it-tliet gruppi ta’ ġustifikazzjonijiet – li r-Renju ta’ Spanja jqis bħala raġunijiet fl-interess ġenerali – billi nivverifika jekk l-elementi li fuqhom huma bbażati humiex idoneji għall-finijiet tad-derogi stabbiliti fl-Artikolu 46 KE. Fil-fatt, jekk id-diskriminazzjonijiet jitqiesu li huma bbażati fuq in-nazzjonalità, inkunu rridu nikkunsidraw il-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Gvern Spanjol, kemm-il darba fil-kuntest konkret tagħhom, jikkorrispondu għal ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu invokati f’każ ta’ diskriminazzjoni.

a)      Fuq l-argumenti li jistgħu jitqajmu fir-rigward tas-saħħa pubblika

84.      L-ewwel nett irid jingħad li għallinqas parti mill-argumenti mressqa mill-Gvern Spanjol fil-kuntest tar-raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ordni soċjali, jirreferu għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, stabbilita fl-Artikolu 46 KE. Skont il-Gvern Spanjol, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kellha tiskoraġġixxi l-logħob b’mod ġenerali billi tistabbilixxi prinċipju li jintaxxa dan it-tip ta’ dħul, bl-eżenzjoni inkwistjoni jkollha l-għan li twassal it-talba eżistenti fil-qasam tal-logħob, lejn ċertu tip ta’ logħob li huwa kkaratterizzat minn nfiq limitat li diffiċilment jiġġenera vizzju jew manija għal-logħob.

85.      Dwar l-għan li tiġi skoraġġuta l-parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard, ma hemmx dubju li l-attrazzjoni tal-logħob tal-ażżard hija marbuta, fil-biċċa l-kbira tagħha, mal-ammont li potenzjalment jista’ jintrebaħ. Bit-tnaqqis tal-ammont nett li jista’ jintrebaħ, it-taxxa fuq ir-rebħ mil-logħob tal-ażżard x’aktarx li twassal sabiex il-parteċipazzjoni f’dan it-tip ta’ logħob tkun anqas attraenti. Madankollu, ir-rikors tal-Kummissjoni mhuwiex intiż lejn it-taxxa nnifisha fuq ir-rebħ mil-logħob tal-ażżard, iżda lejn in-natura allegatament diskriminatorja tal-eżenzjoni tar-rebħ li joriġina mil-logħob organizzat mill-enitajiet Spanjoli elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul. Din l-eżenzjoni tar-rebħ, x’aktarx li tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jipparteċipaw f’dawn il-lotteriji, logħob u mħatri, peress li iktar huma attraenti meta mqabbla mal-logħob tal-ażżard organizzat minn entitajiet li r-rebħ tagħhom huwa suġġett għat-taxxa. Għaldaqstant, l-eżenzjoni inkwistjoni mhijiex tali li tiggarantixxi l-għan li tnaqqas il-parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard.

86.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-argument relatat mal-għan li twassal għal xewqa għal-logħob ta’ ċertu tip, biex jiġi evitat l-iżvilupp ta’ ċerta manija għal-logħob, irid jingħad li l-Gvern Spanjol, minkejja l-ġurisprudenza stabbilita, li teżiġi l-preżentazzjoni tal-analiżi adattata, bħala prova li l-miżuri restrittivi huma opportuni u proporzjonali (28), ma ressaq l-ebda statistika jew prova oħra, li turi li, minn naħa, huma biss l-entitajiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni li jorganizzaw logħob li jirrikjedi ammonti żgħar ta’ flus u li, min-naħa l-oħra, ma jorganizzawx ħlief dan it-tip ta’ logħob. Barra minn hekk, mhux ikkontestat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tqisx il-klassifikazzjoni tal-logħob, biex tagħti l-eżenzjoni, li hija bbażata fuq il-karatteristiċi u l-għanijiet tal-organizzaturi tal-logħob; madankollu, huwa diffiċli li wieħed jifhem il-mod ta’ kif din ir-regola tista’ twassal għal xewqa għal-logħob ta’ ċertu tip li ma jirrikjedix wisq nfiq. Jidher għalhekk li l-eżenzjoni inkwistjoni mhijiex idoneja biex tiggarantixxi għan bħal dan.

87.      Dwar l-argument tal-Gvern Spanjol li d-dħul tal-entitajiet benefiċjarji jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-infrastrutturi u ta’ proġetti għall-finijiet tal-utilità pubblika, irid jiġi mfakkar li r-raġunijiet ekonomiċi la huma parti mir-raġunijiet tal-Artikolu 46 KE u lanqas mir-raġunijiet imposti fl-interess ġenerali, li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li hija ggarantita fit-Trattat (29).

88.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Zenatti u Gambelli et, għalkemm tagħmel differenza jekk il-lotteriji u l-logħob l-ieħor jipparteċipawx jew le, b’mod sinjifikattiv, fil-finanzjament ta’ attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru u ta’ interess ġenerali, raġuni bħal din ma tistax titqies, fiha nnifisha, bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għar-restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (30). Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata bil-garanzija tal-finanzjament ta’ ċerti għanijiet ta’ utilità pubblika.

89.      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ osservazzjonijiet li Gvern Spanjol għamel fil-kuntest tal-ġustifikazzjoni tal-ordni pubbliku. Minn naħa, il-Gvern Spanjol iressaq il-possibbiltà li r-raġjonament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-applikazzjoni ta’ din il-ġustifikazzjoni fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schindler, Läärä et u Zenatti, jiġi traspost għall-evalwazzjoni tar-restrizzjoni fil-każ preżenti u dan minħabba x-xebh bejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni u l-leġiżlazzjonijiet li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppronunzjat ruħha fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol jenfasizza l-karattru inċidentali u anqas restrittiv tat-taxxa inkwistjoni, meta mqabbla mal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard fit-tliet kawżi hawn fuq imsemmija.

90.      F’dan ir-rigward, irid jiġi mfakkar li fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schindler u Zenatti, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom biżżejjed poter li jippermettilhom jivvalutaw u jiddeċiedu dwar dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali; skont dawn is-sentenzi għandhom mhux biss il-poter li jiddeċiedu li jirrestrinġu l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard, iżda wkoll li jipprojbixxuhom, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jkunux diskriminatorji (31).

91.      Kif jirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Zenatti u Gambelli et, u Placanica et, ir-restrizzjonijiet għandhom fi kwalunkwe każ jissarrfu fit-tnaqqis reali tal-opportunitajiet tal-logħob (32). Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament ikkonfermat fis-sentenza Gambelli et, sakemm l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jinċitaw u jinkoraġġixxu lill-konsumaturi biex jipparteċipaw fil-lotteriji, fil-logħob jew fl-imħatri, dawn l-awtoritajiet ma jkunux f’pożizzjoni li jinvokaw l-ordni pubbliku soċjali bħala bażi tal-ħtieġa tat-tnaqqis fl-opportunitajiet tal-logħob, biex jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi (33).

92.      Fil-kawża preżenti, għalkemm it-taxxa imposta fuq ir-rebħ mil-logħob tal-ażżard, hija miżura anqas restrittiva mil-limitazzjoni tan-numru tal-organizzaturi tal-logħob jew ir-restrizzjoni tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard, l-eżenzjoni Spanjola inkwistjoni ma tistax tkun iġġustifikata abbażi tal-ħtieġa tal-ordni soċjali, peress li din il-miżura fiskali, kif diġà indikajt fil-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijet, hija ta’ natura diskriminatorja u bbażata fuq in-nazzjonalità. Fil-fatt, l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni mhijiex, għall-kuntrarju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Schindler, Läärä et u Zenatti, leġiżlazzjoni li tapplika mingħajr distinzjoni, li tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet ta’ interess ġenerali. Hija min-naħa l-oħra miżura diskriminatorja li ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 KE. Konsegwentement, ir-raġjonament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi, ma jistax jiġi adottat inkwantu dan jikkonċerna l-ġustifikazzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku.

93.      Fi kwalunkwe każ, mill-perspettiva tal-kriterji stabbiliti għall-ġustifikazzjonijiet tal-ordni soċjali fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zenatti, Gambelli et u Placanica et, irid jingħad li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni mhijiex riflessa fit-tnaqqis reali tal-opportunitajiet tal-logħob, iżda li għall-kuntrarju, hija adatta sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard, li r-rebħ minnu huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dħul.

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi ddikjarat li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni mhijiex idoneja biex tiggarantixxi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika previst fl-Artikolu 46 KE.

b)      Fuq l-argumenti li jistgħu jitqajmu fir-rigward tal-ħarsien tal-ordni pubbliku

95.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-għan tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-frodi fiskali, li jistgħu jiġu mressqa fil-kuntest tal-ħarsien tal-ordni pubbliku previst fl-Artikolu 46 KE, insibha diffiċli nifhem, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Spanjol, kif l-eżenzjoni tar-rebħ mil-logħob organizzat mill-entitajiet Spanjoli elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, tista’ tkun idoneja jew meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Ma jidhirlix evidenti li l-eżenzjoni għandha l-kapaċità li timpedixxi dawn il-manuvri u fl-opinjoni tiegħi din il-miżura fiha nnifisha bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-frodi fiskali.

96.      Fuq l-istess linja, irrid ngħid ukoll li s-sistema ta’ kontroll li tikkonsisti fil-verifika tal-listi tar-rebbieħa, fil-prinċipju tista’ taħdem ukoll mingħajr l-eżenzjoni ta’ dan ir-rebħ. Fil-fatt, xejn ma jimpedixxi lill-awtoritajiet Spanjoli li jobbligaw lill-istess organizzaturi tal-logħob, li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, li jipprovdu l-informazzjoni dwar l-identità tal-benefiċjarji u l-ammonti mirbuħa, anki jekk l-eżenzjoni inkwistjoni ma tinżammx fis-seħħ.

97.      Dwar l-effiċjenza ta’ din is-sistema ta’ kontroll, irid jingħad li dan il-kontroll ma jikkonċernax ħlief l-entitajiet Spanjoli elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul; jiġifieri huwa ftit iktar minn 40 % (f’termini ta’ flus milgħuba) tas-suq Spanjol tal-logħob tal-ażżard li huwa kopert b’dan il-kontroll. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 69.4 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi, iċċitat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-obbligazzjoni tad-dikjarazzjoni tapplika għar-rebħ mil-logħob organizzat mill-entitajiet li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, kemm-il darba l-ammont mirbuħ jaqbeż il-massimu stabbilit ta’ EUR 3 000.

98.      Anki li kieku wieħed kellu jirrikonoxxi li dan il-kontroll iservi ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-frodi fiskali, u d-diffikultajiet li x’aktarx jirriżultaw fl-eventwalità li dan il-kontroll kellu jiġi estiż għall-organizzaturi tal-logħob stabbiliti barra minn Spanja, jeżistu dubji serji dwar l-effiċjenza tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jilħaq dan l-għan, fid-dawl tal-fatt li iktar min-nofs is-suq Spanjol tal-logħob tal-ażżard mhux suġġett għal dan l-obbligu tad-dikjarazzjoni tal-identità tar-rebbieħa u tal-ammont tar-rebħ.

99.      Min-naħa l-oħra niġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li r-rebħ kopert bl-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mhux suġġett – minħabba din l-eżenzjoni u għall-kuntrarju għar-rebħ minn logħob ieħor tal-ażżard – għad-dikjarazzjoni tad-dħul li trid issir b’mod ġenerali mill-persuni kollha Spanjoli li huma suġġetti għat-taxxa. Ninsab persważ li d-dikjarazzjoni individwali tad-dħul, ippreżentata lill-amministrazzjoni fiskali Spanjola – darba fis-sena, l-istess bħal-listi tar-rebbieħa – hija wkoll idoneja biex tingħata l-informazzjoni eżatta dwar l-identità tar-rebbieħa u l-ammont tar-rebħ, b’mod li din l-obbligazzjoni tad-dikjarazzjoni tista’ wkoll sservi ta’ prevenzjoni effiċjenti kontra l-ħasil tal-flus u l-frodi fiskali. F’dan il-każ, peress li din l-obbligazzjoni tad-dikjarazzjoni tkopri r-rebħ kollu u tapplika indipendentement mill-fatt jekk ir-rebħ jirriżultax minn logħob tal-ażżard organizzat mill-entitajiet Spanjoli jew dawk stabbiliti barra minn Spanja, id-diffikultà marbuta mat-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar l-identità tar-rebbieħ u l-ammont li rċieva, fil-kuntest tal-assistenza reċiproka tal-awtoritajiet fiskali, prevista fid-Direttiva 77/799, kif ukoll il-problematika tal-extraterritorjalità mqajma mill-Gvern Spanjol, ma jeżistux.

100. Jeżistu miżuri oħra ta’ kontrolli fiskali minbarra dawk esposti fil-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jistgħu jservu ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-frodi fiskali, anki fir-rigward tar-rebħ mil-logħob tal-ażżard organizzat mill-entitajiet stabbiliti barra minn Spanja, mingħajr il-ħtieġa tal-eżenzjoni diskriminatorja introdotta permezz tal-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

101. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li ma hemmx ir-rabta meħtieġa bejn l-eżenzjoni inkwistjoni u l-għan tal-ħarsien tal-ordni pubbliku previst fl-Artikolu 46 KE, b’mod li dan l-għan ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni.

c)      Fuq it-tielet grupp ta’ argumenti ispirati minn idea ta’ protezzjoni tal-konsumaturi

102. Dwar it-tielet grupp ta’ raġunijiet, irid jingħad li l-argumenti żviluppati mill-Gvern Spanjol ma jiġġustifikawx l-eżenzjoni inkwistjoni u dan għal żewġ raġunijiet.

103. Minn naħa, ma jidhirlix li l-argumenti esposti fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi jistgħu jwasslu għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 46 KE. Il-Gvern Spanjol ma spjegax f’liema miżura, il-ħtieġa tal-awtorizzazzjoni amministrattiva biex titwettaq l-attività, l-iffissar ta’ perċentwali minimu tal-ammonti milgħuba u mqassma fi premjijiet, ir-reklamar kkontrollat kif ukoll is-sorveljanza amministrattiva tal-attività mwettqa, li ċertament jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, huma marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, mal-ordni pubbliku jew mas-saħħa pubblika.

104. Min-naħa l-oħra, ma hemmx, fl-opinjoni tiegħi, rabta diretta bejn l-eżenzjoni inkwistjoni u l-miżuri relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi ċċitati mill-Gvern Spanjol. Ir-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni amministrattiva, ir-restrizzjonijiet relatati mal-ammonti milgħuba u mad-distribuzzjoni tal-ammonti fi premijijiet, ir-regoli relatati mar-reklamar u l-kontroll amministrattiv tal-attività, huma ta’ portata ġenerali b’tali mod li dawn il-miżuri jikkonċernaw mhux biss lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 7(ñ) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, iżda lill-entitajiet kollha Spanjoli u barranin li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-lotteriji, tal-logħob u tal-imħatri fit-territorju Spanjol. Dan in-nuqqas ta’ rabta diretta bejn l-eżenjoni inkwistjoni u l-miżuri amministrattivi adottati fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ma jrendix din l-eżenzjoni idoneja biex jintlaħaq dan l-għan.

105. Għaldaqstant, inqis li l-argumenti invokati mill-Gvern Spanjol fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi, ma għandhomx jintlaqgħu.

106. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, qed jiġi stabbilit li l-ebda raġuni prevista fl-Artikolu 46 KE ma tista’ tiġġustifika l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni.

VI – Fuq l-ispejjeż

107. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Skont l-Artikolu 69(3) ta’ dawn l-istess Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li tqassam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

108. Jekk kif qed nipproponi, ir-rikors ma jintlaqax ħlief parzjalment, jiġifieri inkwantu dan jikkonċerna d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fir-rigward tal-organizzazzjonijiet pubbliċi u l-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza, mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li għandhom l-istess għanijiet bħall-entitajiet Spanjoli li jgawdu mill-eżenjoni inkwistjoni, u mhux ukoll fir-rigward tal-allegata diskriminazzjoni relatata mal-organizzaturi l-oħra kollha tal-logħob tal-ażżard stabbiliti barra minn Spanja, jidhirli li jkun ekwu jekk l-ispejjeż jinqasmu bejn il-partijiet. Iktar preċiżament, jiena tal-opinjoni li żewġ terzi tal-ispejjeż jiġu sostnuti mir-Renju ta’ Spanja, bit-terz l-ieħor ikun sostnut mill-Kummissjoni.

VII – Konklużjoni

109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      tilqa’ parzjalment ir-rikors billi tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li tagħti eżenzjoni fiskali lir-rebħ mil-lotteriji, logħob u mħatri organizzati fir-Renju ta’ Spanja, minn ċerti entitajiet pubbliċi Spanjoli u entitajiet Spanjoli li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ma din l-eżenzjoni ġiet mogħtija lir-rebħ mil-lotteriji, logħob u mħatri organizzati mill-organizzazzjonijiet pubbliċi u mill-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ natura soċjali jew ta’ assistenza mingħajr skop ta’ lukru, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li għandhom l-istess għanijiet bħall-entitajiet Spanjoli kkonċernati, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu imposti fuqu mill-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992;

2)      tiċħad il-kumplament tat-talbiet l-oħra;

3)      tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għaż-żewġ terzi tal-ispejjeż kollha u lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għat-terz li jifdal.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU 1994, L 1, p. 3


3 – Ippubblikata fil-Boletín Oficial del Estado tad-29 ta’ Novembru 2006.


4 – Ippubblikata fil-Boletín Oficial del Estado tas-27 ta’ Diċembru 2007, p. 53323.


5 – Fil-fehma tiegħi huwa importanti li niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-verżjoni Franċiża tad-dispożittiv tar-rikors, li tqajjem il-problema tad-diskriminazzjoni, tagħmel referenza għar-rebħ minn ċerti tipi ta’ lotteriji, logħob u mħatri organizzati fir-Renju ta’ Spanja u li huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dħul. Ta’ min wieħed jenfasizza li la l-verżjoni Spanjola tar-rikors u lanqas l-opinjoni motivata ma jużaw l-espressjoni “ċerti tipi”. Anzi, jitkellmu biss dwar “ċerti lotteriji, logħob u mħatri organizzati fir-Renju ta’ Spanja”. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni ma tikkontestax lir-Renju ta’ Spanja diskriminazzjoni limitata għal ċertu tip ta’ logħob. Skont il-Kummissjoni, dan il-każ ma jirrigwardax id-diskriminazzjoni marbuta mal-klassifikazzjoni tal-logħob, iżda għall-kuntrarju, restrizzjoni li tapplika għal-lotteriji kollha, logħob u mħatri indipendentement mit-tip tagħhom.


6 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003 (C-42/02, Ġabra p. I-13519).


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C–67/98, Ġabra p. I-7289).


8 – Sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25.


9 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C-275/92, Ġabra p. I-1039), u tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C-124/97, Ġabra p. I-6067).


10 – Ippubblikat fil-Boletín Oficial del Estado tal-31 ta’ Marzu 2007.


11 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63.


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Awissu 1995, Wielockx (C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16), u tat-2 ta’ Ottubru 2008, Heinrich Bauer Verlag (C-360/06, Ġabra p. I-7333, punt 17).


13 – Ara s-sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).


14 – Ara s-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21).


15 – Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 10); tal-4 ta’ Mejju 1993, Distribuidores Cinematográficos (C-17/92, Ġabra p. I-2239, punt 13), u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-490/04, Ġabra p. I­6095, punt 83).


16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1980, Überschär (810/79, Ġabra p. 2747, punt 16); tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche (C-174/89, Ġabra p. I-2681, punt 25), u tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-418/06 P, Ġabra p. I-3047, punt 93).


17 – Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009 (C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 44).


18 – Ibidem (punt 50).


19 – Korsiv miżjud minni.


20 – Sentenzi Läärä et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30); Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28), u tas-6 ta’ Novemrbu 2003, Gambelli et (C-243/01, Ġabra p. I-13031, punt 60).


21 – Ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (352/85, Ġabra p. 2085, punti 32 u 33); tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-353/89, Ġabra p. I-4069, punt 15), u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 19).


22 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schindler (punt 54); Läärä et (punt 31), u Zenatti (punt 29).


23 – F’dan ir-rigward irid jiġi mfakkar li l-Avukat Ġenerali Jacobs iddeċieda fil-konklużjonijiet tiegħu għall-kawża Danner, li tikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li d-distinzjoni bejn il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri diskriminatorji u l-miżuri li japplikaw mingħajr distinzjoni għandha tiġi eliminata, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwitx din il-proposta. Ara l-punt 40 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Generali Jacobs f’din il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner (C-136/00, Ġabra p. I-8147).


24 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Läärä et (punt 31), u Zenatti (punt 29).


25 – Punti 70 u 71.


26 – Punt 26.


27 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schindler (punti 60 u 61); Zenatti (punt 15), u Gambelli (punt 63).


28 – Sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).


29 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson (C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 15), u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 19 u 22).


30 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Zenatti (punt 36), u Gambelli et (punt 62).


31 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schindler (punt 61), u Zenatti (punt 15).


32 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Zenatti (punt 36); Gambelli et (punt 62), u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 53).


33 – Sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69).