Kawża C-242/08
Swiss Re Germany Holding GmbH
vs
Finanzamt München für Körperschaften
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)
“Sitt Direttiva tal-VAT — Il-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u l-Artikolu 13B(a), (ċ) u (d)(2) u (3) — Kunċett ta’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni — Trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja lil persuna stabbilita fi Stat terz — Determinazzjoni tal-post ta’ dan it-trasferiment — Eżenzjonijiet ”
Sommarju tas-sentenza
1. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud –– Provvisti ta’ servizzi — Kunċett
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 6)
2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud –– Provvisti ta’ servizzi — Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni — Tranżazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni, inklużi dawk ta’ riassigurazzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, il-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u l-Artikoli 13B(a) u 13B(d)(2) u (3))
3. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(ċ))
1. Trasferiment bi ħlas, minn kumpanija stabbilita fi Stat Membru lil kumpanija ta’ assigurazzjonijiet fuq il-ħajja stabbilita fi Stat terz, ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja, bil-konsegwenza li, din tal-aħħar, tassumi, bil-kunsens tal-assigurati, id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 6 tas-Sitt Direttiva 77/38, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ. Fil-fatt, kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala proprjetà tanġibbli fis-sens tal-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva. Konsegwentement, tranżazzjoni li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ tali kuntratti, ma tistax titqies bħala provvista ta’ oġġetti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
(ara l-punti 25, 28)
2. Trasferiment bi ħlas, minn kumpanija stabbilita fi Stat Membru lil kumpanija ta’ assigurazzjonijiet stabbilita fi Stat terz, ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja bil-konsegwenza li, din tal-aħħar, tassumi, bil-kunsens tal-assigurati, id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti, la jikkostitwixxi tranżazzjoni li taqa’ taħt il-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u taħt l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, u lanqas tranżazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 13B(d)(2) u (3) flimkien ta’ din id-direttiva.
Fil-fatt, tali trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, li kien jikkonsistti fil-ħlas, mill-kumpanija akkwirenti, ta’ prezz għall-akkwisti tal-imsemmija kuntratti, ma jikkostitwixxix, min-natura tiegħu, tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni. Dan lanqas jikkorrispondi għal karatteristiċi ta’ tranżazzjoni bankarja, jiġifieri l-fatt li l-assiguratur jintrabat, bi ħlas bil-quddiem ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ li jseħħ ir-riskju assigurat, is-servizz miftiehem meta ġie konkluż il-kuntratt, u lanqas jikkorrispondi għal tranżazzjoni ta’ riassigurazzjoni, li biha assiguratur jikkonkludi kuntratt li bih jobbliga ruħu li jassumi, bi ħlas ta’ primjum u fit-termini ffissati minn dan il-kuntratt, id-debiti li jirriżultaw, għal assiguratur ieħor, mill-obbligi li assuma, mingħand dan tal-aħħar, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni li huwa kkonkluda mal-assigurati tiegħu stess.
Barra minn hekk, trasferiment ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja, ma jikkostitwixxix, min-natura tiegħu stess, tranżazzjoni finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva. Barra minn hekk, jirrigwarda servizz uniku li ma jistax jinqasam b’mod artifiċjali f’żewġ servizzi li jikkonsistu, minn naħa, fl-assunzjoni tal-obbligi, fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(2) tas-Sitt Diretiva, u, min-naħa l-oħra, fi tranżazzjoni li tikkonċerna d-debiti, fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(3).
Fil-kuntest ta’ tali trasferiment, il-fatt li mhux min lilu jsir it-trasferiment, iżda ċ-ċedanti, li jħallas korrispettiv, bl-iffissar ta’ valur negattiv, għall-akkwist ta’ ċerti kuntratti ttrasferiti huwa mingħajr rilevanza għal dak li ntqal preċedentement.
(ara l-punti 30, 34, 37, 38, 48, 52, 53, 59 u d-dispożittiv 1-2)
3. L-Artikolu 13B(ċ) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti fuq il-ħajja, peress li tali trasferiment ma jistax jitqies bħala provvista ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 5(1)tas-Sitt Direttiva, iżda jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, anki jekk tali tranżazzjoni tista’ titqies bħala provvista ta’ oġġetti fis-sens tas-Sitt Direttiva, din it-tranżazzjoni ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 13B(ċ) ta’ din id-direttiva, peress li l-eżenzjoni ta’ din it-tranżazzjoni hija inkompatibbli mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li tiġi evitata tassazzjoni doppja kuntrarja għall-prinċipju tan-newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
(ara l-punti 61, 63 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Ottubru 2009 (*)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Il-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u l-Artikolu 13B(a), (ċ) u (d)(2) u (3) – Kunċett ta’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni – Trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja lil persuna stabbilita fi Stat terz – Determinazzjoni tal-post ta’ dan it-trasferiment – Eżenzjonijiet ”
Fil-Kawża C-242/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-16 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2008, fil-proċedura
Swiss Re Germany Holding GmbH
vs
Finanzamt München für Körperschaften,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, aġent President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Swiss Re Germany Holding GmbH, minn K. von Brocke, Rechtsanwalt, u S. Trapp, Steuerberater,
– għall-Finanzamt München für Körperschaften, minn Schmid, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn S. Spyropoulos kif ukoll minn S. Trekli u V. Karra, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Mejju 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u tal-Artikolu 13B(a), (ċ) u (d)(2) u (3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Swiss Re Germany Holding GmbH (iktar ’il quddiem “Swiss”) u l-Finanzamt München für Körperschaften dwar il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fuq trasferiment ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 5(1) u (2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:
“1. “Provvista ta’ oġġetti” tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali [tanġibbli].
2. Enerġija elettrika, gass, sħana, kesħa u affarijiet simili għandhom jitqiesu bħala proprjetà korporali [tanġibbli].”
4 Skont l-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva:
“1. “Provvista tas-servizzi” tfisser kull operazzjoni [tranżazzjoni] li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 5.
Operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] bħal dawn jistgħu jinkludu inter alia:
– assenjazzjoni ta’ proprjetà inkorporali [intanġibbli], kemm jekk hija u kemm jekk mhix suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu,
[…]”
5 L-Artikolu 9(1) u l-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva jipprovdu s-segwenti:
“1. Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti
2. Iżda:
[…]
e) il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru għal konsumaturi stabbiliti barra l-Komunità jew għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:
[…]
– operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni li jinkludu ri-assigurazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' kiri ta’ kaxxiforti,
[…]”
6 L-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:
“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta' l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:
a) assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;
[…]
ċ) provvisti ta’ oġġetti użati kompletament għal attività eżenti taħt dan l-Artikolu jew taħt l-Artikolu 28(3)(b) meta dawn l-oġġetti ma tawx lok għal dritt ta’ tnaqqis, jew ta’ oġġetti li l-akkwist jew produzzjoni tagħhom, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 17(6), it-taxxa fuq il-valur miżjud ma setgħetx titnaqqas;
d) it-transazzjonijet li ġejjin:
[…]
2. in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanzija ta’ kreditu jew ta’ kwalunkwe garanzija għall-flus u l-immaniġġjar tal-garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti dan il-kreditu;
3. transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;
[…]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kawża prinċipali huwa s-segwenti.
8 L-Artikolu 3a tal-Liġi tal-1999 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz 1999, BGBl. 1999 I, p. 1270, iktar ’il quddiem il-“UstG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi li:
“(1) Bla ħsara għall-Artikoli 3b u 3f, servizz huwa pprovdut fil-post fejn in-negozjant jeżerċita l-attività tiegħu, […]
[…]
(3) Meta l-benefiċjarju ta’ wieħed mis-servizzi msemmija fil-paragrafu 4 huwa impriża, b’deroga għall-paragrafu 1, is-servizz huwa meqjus li ngħata fil-post fejn il-klijent jeżerċita l-attività tiegħu […]
(4) Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-kliem “servizzi oħrajn” ifissru:
[…]
6a is-servizzi l-oħrajn bħal dawk deskritti fl-Artikolu 4(8)(a) u fl-Artikolu 4(10) […]”
9 Bis-saħħa tal-Artikolu 4(8)(c) u (g) tal-UStG, it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw krediti, ċekkijiet u titoli oħrajn kif ukoll in-negozjar ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, ħlief għall-irkupru ta’ krediti, minn naħa, kif ukoll in-negozjar u l-assuzzjoni ta’ obbligi, ta’ garanziji u ta’ siguritajiet oħrajn, min-naħa l-oħra, huma eżenti.
10 Skont l-Artikolu 4(10)(a) tal-UStG, is-servizzi bbażati fuq kuntratt ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Liġi fiskali fuq l-assigurazzjonijiet (Versicherungsteuergesetz) huma wkoll eżenti.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Swiss hija l-kumpannija parent ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata (iktar ’il quddiem il-“kumpannija ċedenti”) li, bħala kumpannija ta’ assigurazzjonijiet, teżerċita partikolarment attivitajiet ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja.
12 Permezz ta’ ftehim ta’ trasferiment ta’ portfolio ffirmat fl-10 u fil-21 ta’ Jannar 2002, il-kumpannija ċedenti ttrasferiet lill-kumpannija ta’ assigurazzjoni S (iktar’il quddiem “il-kumpannija S”), stabbilita fl-Isvizzera, portfolio li kien jinkludi 195 kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja.
13 Skont dan il-ftehim, il-kumpannija S kienet obbligata tikseb il-kunsens tal-assigurati sabiex taċċedi għal dawn il-kuntratti u sabiex tassumi d-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minnhom.
14 Bis-saħħa ta’ dan l-istess ftehim, valur negattiv ġie ffissat għat-trasferiment ta’ 18 minn dawn il-195 kuntratt, b’tali mod li l-prezz globali ta’ akkwist ta’ dawn il-kuntratti kollha tnaqqas.
15 Il-kuntratti ta’ riassigurazzjoni ttrasferiti kienu jirrigwardaw esklużivament impriżi stabbilti fi Stati Membri oħra minbarra l-Ġermanja jew fi Stati terzi.
16 Billi qieset li t-trasferiment inkwistjoni kien suġġett għall-VAT bħala provvista ta’ oġġetti, il-Finanzamt München für Körperschaften adotta avviż tat-taxxa dwar il-ħlas bil-quddiem tal-VAT u ċaħad l-ilment ippreżentata kontra dan l-avviż.
17 Sussegwentement, Swiss ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht München.
18 Dan ir-rikors ġie wkoll miċħud. Swiss ippreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesfinanzhof minħabba li s-servizzi bbażati fuq l-imsemmi trasferiment kienu eżenti mill-VAT.
19 Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi provvista ta’ servizz imwettqa fil-Ġermanja u taxxabbli f’dan l-Istat Membru.
20 Madankollu, skont din il-qorti, jeżistu dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk din l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-dispożizzjonijiet tal-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u [Artikolu] 13B (a) u (d)(2) u (3) tas-Sitt Direttiva [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasferiment ta’ kuntratt ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja bi ħlas lil akkwirent li abbażi tiegħu, bil-kunsens tal-persuna assigurata, l-imsemmi akkwirent jassumi l-attivitajiet eżenti ta’ riassigurazzjoni li qabel kienu eżerċitati mill-assiguratur preċedenti, billi jesegwixxi minfloku s-servizzi ta’ assigurazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala:
a) tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni jew bankarja fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva […],
b) tranżazzjoni ta’ riassigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva […], jew
c) tranżazzjoni li essenzjalment tikkonsisti, minn naħa, fl-assunzjoni eżenti ta’ obbligu u, min-naħa l-oħra, fi tranżazzjoni eżenti li tikkonċerna d-debiti, skont l-Artikolu 13B(d)(2) u (3) tas-Sitt Direttiva […]?
2) Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk il-ħlas għat-trasferiment ma jsirx mill-akkwirent iżda mill-assiguratur preċedenti?
3) Jekk tingħata risposta negattiva għall-alternattivi (a), (b) u (ċ) tal-ewwel domanda, l-Artikolu 13B(ċ) tas-Sitt Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment bi ħlas ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja jikkostitwixxu provvista ta’ oġġetti u bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13B(ċ) tas-Sitt Direttiva […], m’għandha ssir l-ebda distinzjoni skont jekk il-post fejn jitwettqu l-attivitajiet eżenti jinsabx fl-Istat Membru fejn ssir il-provvista tal-oġġetti jew fi Stat Membru ieħor?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
22 Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk trasferiment bi ħlas, minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lil kumpannija ta’ assigurazzjonijiet fuq il-ħajja stabbilita fi Stat terz, ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja, bil-konsegwenza li, din tal-aħħar, tassumi, bil-kunsens tal-assigurati, id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti, jikkostitwixxix tranżazzjoni li taqa’ taħt il-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, taħt l-Artikolu 13B(a) ta’ din id-direttiva jew taħt l-imsemmi Artikolu 13B(d)(2) u (3) meħuda flimkien.
23 Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk it-tranżazzjoni inkwisjtoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “provvista’ ta’ oġġetti” skont l-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva jew “provvista ta’ servizzi” skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.
24 Skont l-imsemmi Artikolu 5(1), il-“provvista ta’ oġġetti tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali [tanġibbli]”.
25 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala proprjetà tanġibbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, tranżazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ tali kuntratti, ma tistax titqies bħala provvista ta’ oġġetti fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.
26 Madankollu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva, provvista ta’ servizzi tfisser kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ oġġett skont it-tifsira tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.
27 F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 6(1) jipprovdi li din it-tranżazzjoni tista’ tinkludi trasferiment ta’ proprjetà intaġġibbli, kemm jekk hija u kemm jekk mhix suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu.
28 Minn dan jirriżulta li trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kunratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 6 tas-Sitt Direttiva.
29 Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan it-trasferiment jistax jiġi kklassifikat bħala tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni jew bħala tranżazzjoni bankarja, fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, jew inkella bħala tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni, fis-sens tal-Arikolu 13B(a) ta’ din id-direttiva.
30 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed, minn naħa, li jiġi kkonstatat li trasferiment ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni ma jikkostitwixxix, min-natura tiegħu stess, tranżazzjoni bankarja.
31 Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tħaddim tajjeb u l-interpretazzjoni uniformi tas-sistema komuni tal-VAT jimplikaw li l-kunċetti ta’ “operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] ta’ assigurazzjoni” u ta’ “ri-assigurazzjoni” li jinsabu fil-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u tal-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva mhumiex iddefiniti b’mod differenti skont jekk humiex użati f’waħda jew fl-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet.
32 Fil-fatt, il-provvisti ta’ servizzi msemmija fil-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva huma kunċetti Komunitarji, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja jew ta’ nuqqas tassazzjoni li jistgħu jirriżultaw minn interpretazzjonijiet diverġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Franza, C-68/92, Ġabra p. I-5881, punt 14).
33 Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-imsemmija eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li huma intiżi sabiex jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor u li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C-240/99, Ġabra p. I-1951, punt 23; u tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen, C-472/03, Ġabra p. I-1719, punt 25).
34 F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] ta’ assigurazzjoni” huwa kkaratterizzat, b’mod ġeneralment aċċettat, mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, bi ħlas bil-quddiem ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ li jseħħ ir-riskju assigurat, is-servizz miftiehem meta ġie konkluż il-kuntratt (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 17; Skandia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, Ġabra p. I-13711, punt 39).
35 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, filwaqt li huwa stabbilit li l-kliem “operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] ta’ assigurazzjoni” fl-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva jkopru f’kull każ is-sitwazzjoni meta t-tranżazzjoni inkwistjoni hija mwettqa mill-assiguratur stess li assuma li jkopri r-riskju assigurat, tali espressjoni ma tinkludix biss it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-assiguraturi nnifishom u hija, bħala prinċipju wiesgħa biżżejjed biex tinkludi l-għoti ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni minn persuna taxxabbli li mhuwiex huwa stess assiguratur, iżda li, fil-kuntest ta’ assigurazzjoni kollettiva, jipprovdi lill-klijenti tiegħu tali kopertura billi juża s-servizzi ta’ assiguratur li jassumi r-riskju assigurat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CPP, punt 22; Skandia, punt 38, u Taksatorringen, punt 40).
36 Madankollu, l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, skont id-definizzjoni tat-tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, jidher li l-identità tad-destinatarju tas-servizz għandha importanza għall-finijiet tad-definizzjoni tat-tip ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva u li din it-tranżazzjoni timplika min-natura tagħha stess l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bjen il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha huma koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Skandia, punt 41, u Taksatorringen, punt 41).
37 Fil-kawża prinċipali, it-trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, li sar bejn il-kumpannija ċedenti u l-kumpannija S u li kien jikkonsistti fil-ħlas, minn din tal-aħħar, ta’ prezz għall-akkwisti tal-imsemmija kuntratti, ma jissodisfax il-karatteristiċi ta’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni, kif stabbiliti fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.
38 Dan it-trasferiment lanqas jikkorrispondi għal tranżazzjoni ta’ riassigurazzjoni, li biha assiguratur jikkonkludi kuntratt bih jobbliga ruħu li jassumi, bi ħlas ta’ primjum u fit-termini ffissati minn dan il-kuntratt, id-debiti li jirriżultaw, għal assiguratur ieħor, mill-obbligi li assuma mingħand dan tal-aħħar, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni li huwa kkonkluda mal-assigurati tiegħu stess.
39 Fil-fatt, diversament minn tali tranżazzjoni ta’ riassigurazzjoni, l-imsemmi trasferiment jirriżulta fl-assunzjoni, mill-kumpannija S, tad-drittijiet u tal-obbligi kollha tal-kumpannija ċedenti inerenti għall-kuntratti ta’ riassigurazzjoni ttrasferiti, din l-aħħar ma jkollhiex iktar relazzjoni legali mas-assigurati wara din l-assunzjoni.
40 Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, u r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-kumpannija ċedenti u r-riassigurati, li hija preċedenti għaliha, u, min-naħa l-oħra, għandha ssir distinzjoni bejn ir-relazzjoni kuntrattwali ta’ riassigurazzjoni ta’ bejn il-kumpannija S u l-imsemmija riassigurati, li tirriżulta mill-kunsens ta’ dawn tal-aħħar għall-imsemmija din l-assunzjoni, li hija suċċessiva għaliha.
41 Minn dan isegwi li l-imsemmija tranżazzjoni, taqa’ bejn dawn iż-żewġ relazzjonijiet kuntrattwali, ma tistax titqies li tikkostitwixxi tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u tal-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva.
42 Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk trasfeiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja bħal dan inkwisjtoni fil-kawża prinċipali jistax jitqeis bħala tranżazzjoni li tikkonsisti, minn naħa, fl-assunzjoni ta’ obbligi fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(2) tas-Sitt Direttiva u, min-naħa l-oħra, bħala tranżazzjoni li tikkonċerna debiti fis-sens tal-imsemmi Artikolu 13B(d)(3).
43 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Taksatorringen, punt 36, u Arthur Andersen, punt 24, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Tiercé Ladbroke u Derby, C-231/07 u C-232/07, punt 15).
44 F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar ukoll li t-tranżazzjonijiet eżenti skont l-Artikolu 13B(d)(2) u (3) tas-Sitt Direttiva huma ddefiniti skont in-natura tal-provvista ta’ servizzi pprovduti u mhux skont il-fornitur jew id-destinatarju tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, Ġabra p. I-3017, punt 32; tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra p. I-4027, punt 66, u tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig, C-453/05, Ġabra p. I-5083, punt 25).
45 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu kklassifikati bħala tranżazzjonijiet eżenti skont l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi pprovduti għandhom jifformaw unità distinta, evalwata b’mod globali, li għandha bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz ta’ negozjar (ara s-sentenzi SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66; tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C-235/00, Ġabra p. I-10237, punt 25; Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, u Ludwig, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
46 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li minkejja li dawn it-tranżazzjonijiet ma għandhomx neċessarjament jitwettqu minn banek jew stabbilimenti finanzjarji, madankollu huma jaqgħu, globalment, fil-qasam ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji (ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien, C-455/05, Ġabra p. I-3225, punt 22, kif ukoll id-digriet Tiercé Ladbroke u Derby, iċċitat iktar ’il fuq, punt 17).
47 Għaldaqstant, tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix, min-natura tagħha stess, tranżazzjoni finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Velvet & Steel Immobilien, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).
48 It-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri trasferiment ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja, ma tikkostitwixxix, min-natura tagħha stess, tranżazzjoni finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.
49 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan tal-eżenzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, li huwa, partikolarment, li tiġi evitata żieda tal-ispiża tal-kreditu għall-konsumatur (ara s-sentenza Velvet & Steel Immobilien, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, kif ukoll id-digriet Tiercé Ladbroke u Derby, iċċitat iktar ’il fuq, punt 24). Fil-fatt, it-twettiq tat-tranżazzjoni inkwisjtoni fil-kawża prinċipali ma għandha l-ebda relazzjoni ma’ dan il-għan peress li din it-tranżazjzoni ma tibbenefikax minn dawn l-eżenzjonijiet.
50 Minn dan jirriżulta li din it-tranżazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
51 Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżenzjoni tal-imsemmija tranżazzjoni inkwantu hija tista’ titqies bħala abbinament ta’ assunzjoni ta’ obbligi, fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(2) tas-Sitt Direttiva u ta’ tranżazzjoni dwar debiti, fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull provvista ta’ servizz għandha normalment titqies bħala distinta u indipendenti u li l-provvista li tikkostitwixxi minn servizz uniku mill-perspettiva ekonomika ma għandiex tinqasam b’mod artifiċjali, u dan sabiex ma jitbiddilx it-tħaddim tas-sistema tal-VAT (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CPP, punt 29, u Ludwig, punt 17).
52 Għandu jiġi rrilevat li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fit-trasferimenti bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja, tikkostitwixxi servizz uniku u ma jistax jinqasam b’mod artifiċjali f’żewġ servizzi li jikkonsistu, minn naħa, fl-assunzjoni tal-obbligi, fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(2) tas-Sitt Direttiva, u, min-naħa l-oħra, fi tranżazzjoni li tikkonċerna d-debiti, fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(3).
53 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li trasferiment bi ħlas, minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lil kumpannija ta’ assigurazzjonijiet stabbilita fi Stat terz, ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja li, din tal-aħħar, tassumi, bil-kunsens tal-assigurati, id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti, la jikkostitwixxi tranżazzjoni li taqa’ taħt il-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u taħt l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva u lanqas tranżazzjoni li taqa’ taħt l-imsemmi Artikou 13B(d)(2) u (3) flimkien.
Fuq it-tieni domanda
54 Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-kuntest ta’ trasferiment bi ħlas ta’ portfolio li jinkludi 195 kuntratt ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li mhux lil min lilu jsir it-trasferiment, iżda ċ-ċedanti li jħallas korrispettiv għall-akkwist ta’ 18 minn dawn il-kuntratti għandux rilevanza fuq ir-risposta għall-ewwel domanda.
55 Din id-domanda tirriżulta mill-fatt li, fil-kawża prinċipali, valur negattiv ġie ffissat għall-akkwist, mill-kumpannija S, ta’ 18 mill-195 kuntratt ta’ riassigurazjzoni fuq il-ħajja ttrasferiti lil din il-kumpannija mill-kumpannija ċedenti.
56 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju stess, it-tranżazzjoni inkwisjtoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixi servizz globali li jagħti lok għall-ħlas ta’ prezz globali għall-akkwist tal-195 kuntratt ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni kollha.
57 Konsegwentement, mhemmx lok li ssir distinzjoni bejn it-trasferiment ta’ 18 minn dawn il-kuntratt u t-trasferiment tal-bqija tal-kuntatti li jikkostitwixxu n-numru totali ta’ kuntratti.
58 Barra minn hekk, bl-istess mod bħat-trasferiment tal-195 kuntratt ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkunsidrati flimkien, it-trasferiment ta’ 18 minn dawn il-kuntratti ma jistax, minħabba l-motivi esposti fil-punti 37 sa 41 ta’ din is-sentenza, jitqies la bħala tranżazzjoni li taqa taħt il-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva, u lanqas bħala tranżazzjoni li taħt l-imsemmi Artikolu 13B(d)(2) u (3) flimkien.
59 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li, fil-kuntest ta’ trasferiment bi ħlas ta’ portfolio li jinkludi 195 kuntratt ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja, il-fatt li mhux min lilu jsir it-trasferiment, iżda ċ-ċedanti, li jħallas korrispettiv, f’dan il-każ l-iffissar ta’ valur negattiv, għall-akkwist ta’ 18 minn dawn il-kuntratti huwa mingħajr rilevanza għar-risposta tal-ewwel domanda.
Fuq it-tielet domanda
60 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13B(ċ) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja, bħat-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u jekk, fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandhiex issir distinzjoni skont jekk il-post fejn jitwettqu l-attivitajiet eżenti jinsabx fl-Istat Membru tal-provvista tal-oġġetti jew fi Stat Membru ieħor.
61 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazjzoni fuq il-ħajja, bħat-trasferiment inkwisjtoni fil-kawża, ma jistax jitqies bħala provvista ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 5(1)tas-Sitt Direttiva, iżda jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.
62 Barra minn hekk, rigward il-pożizzjoni relattiva għat-trasferiment tal-klijentela, meħuda mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej meta ġiet adottata s-Sitt Direttiva, li l-Bundesfinanzhof tirreferi għaliha fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għandu jiġi rrilevat li dikjarazzjonijiet magħmula matul ix-xogħlijiet preparatorji li jwasslu għall-adozzjoni ta’ direttiva ma jistgħux jiġu kkunsidrati għall-interpretazzjoni tagħha meta l-ebda referenza ma ssir għall-kontenut tagħhom fit-test tad-dispożizzjoni inkwisjtoni u li huma ma għandhomx, għaldaqstant, sinifikat ġuridiku (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe, C-375/98, Ġabra p. I-4243, punt 26).
63 Barra minn hekk, anki jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies bħala provvista ta’ oġġetti fis-sens tas-Sitt Direttiva, din it-tranżazzjoni ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 13B(ċ) ta’ din id-direttiva, peress li, l-eżenzjoni ta’ din it-tranżazzjoni hija inkompatibbli mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li tiġi evitata tassazzjoni doppja kuntrarja għall-prinċipju tan-newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-45/95, Ġabra p. I-3605, punt 15, kif ukoll id-digriet tas-6 ta’ Lulju 2006, Salus u Villa Maria Beatrice Hospital, C-155/05 u C-18/05, Ġabra p. I-6199, punt 29).
64 Konsegwentement, l-Artikolu 13B(ċ) tas-Sitt Direttiva mhuwiex applikabbli għal din it-tranżazzjoni.
65 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13B(ċ) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti fuq il-ħajja, bħat-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ispejjeż
66 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Trasferiment bi ħlas, minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lil kumpannija ta’ assigurazzjonijiet stabbilita fi Stat terz, ta’ portfolio ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja bil-konsegwenza li, din tal-aħħar tassumi, bil-kunsens tal-assigurati, id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti, la jikkostitwixxi tranżazzjoni li taqa’ taħt il-ħames inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) u taħt l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, u lanqas tranżazzjoni li taqa’ taħt l-imsemmi Artikolu 13B(d)(2) u (3) flimkien.
2) Fil-kuntest ta’ trasferiment bi ħlas ta’ portfolio li jinkludi 195 kuntratt ta’ riassigurazzjoni fuq il-ħajja, il-fatt li mhux min lilu jsir it-trasferiment, iżda ċ-ċedanti, li jħallas korrispettiv, f’dan il-każ l-iffissar ta’ valur negattiv, għall-akkwist ta’ 18 minn dawn il-kuntratti huwa mingħajr rilevanza għar-risposta tal-ewwel domanda.
3) L-Artikolu 13B(ċ) tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal trasferiment bi ħlas ta’ portfolio ta’ kuntratti fuq il-ħajja, bħat-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.