Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-247/08

Gaz de France – Berliner Investissement SA

vs

Bundeszentralamt für Steuern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln)

“Moviment liberu tal-kapital — Eżenzjoni, fl-Istat Membru tas-sussidjarja, mit-taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma lill-kumpannija parent — Kunċett ta’ ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ — ‘Société par actions simplifiée’ taħt id-dritt Franċiż”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti — Direttiva 90/435

(Direttivi tal-Kunsill 90/435/KEE, Artikolu 2(a), u Anness I(f), u 2003/123)

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti — Direttiva 90/435

(Artikoli 43 KE u 56 KE; Direttiva tal-Kunsill 90/435, Artikoli 2(a), 5(1) u Anness I(f))

1.        L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija rregolata bid-dritt Franċiż li għandha l-forma ta’ ‘société par actions simplifiée’ ma tistax tiġi meqjusa bħala “kumpannija ta’ Stat Membru” fis-sens ta’ din id-direttiva sa minn qabel ma din id-direttiva ġiet emendata mid-Direttiva 2003/123.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, “kumpannija ta’ Stat Membru” tfisser kull kumpannija li tieħu waħda mill-forom elenkati fil-lista fl-anness ta’ din id-direttiva. Issa it-teknika użata fil-maġġoranza tal-punti tal-anness, b’mod partikolari fil-punt (f) tiegħu dwar il-kumpanniji rregolati bid-dritt Franċiż, u li tikkonsisti f’li jiġu elenkati l-ismijiet tal-forom legali koperti minn din id-direttiva, mingħajr ma hija inkluża klawżola li tippermetti l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal kumpanniji oħra kkostitwiti skont il-liġijiet tal-Istati Membri rispettivi, bl-eċċezzjoni, fir-rigward tad-dritt Franċiż, tal-istabbilimenti u tal-impriżi pubbliċi, timplika li dawn l-ismijiet huma elenkati b’mod eżawrjenti.

Barra minn hekk, id-Direttiva 90/435, ma għandhiex bħala għan li tistabbilixxi sistema komuni għall-kumpanniji kollha tal-Istati Membri, u lanqas għat-tipi kollha ta’ holdings. Fir-rigward tal-holdings li ma jaqax taħt din id-direttiva, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu jekk, u sa fejn, għandha tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma u li jintroduċu, għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ ftehim konklużi ma’ Stati Membri oħrajn, proċeduri intiżi għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ din it-taxxa doppja ekonomika.

(ara l-punti 30, 32, 36, 37, 44 u d-dispożittiv 1)

2.        Ma jeżisti ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435,dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness tagħha u mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital.

Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri għandhom l-obbligu ta’ eżenzjoni minn kull taxxa f’ras il-għajn previst fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva biss fir-rigward tat-tqassim ta’ profitti rċevuti minn kumpanniji li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kumpanniji fis-sens ta’ din id-direttiva, dan l-obbligu ma jawtorizzax lil Stat Membru sabiex jitratta b’mod inqas favorevoli l-profitti mqassma lill-kumpanniji tal-Istati Membri oħra li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu meta mqabbla mal-profitti mqassma lil kumpanniji paragunabbli stabbiliti fit-territorju tiegħu.

Għaldaqstant, restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 li sa mill-bidu teskludi lil kumpanniji oħra li jistgħu jiġu kkostitwiti skont id-dritt nazzjonali, bħal ma jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/435 u mill-punt (f) tal-anness tagħha, ma hijiex tali li tista’ toħloq restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment jew għall-moviment liberu tal-kapital.

(ara l-punti 59, 61-63 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Moviment liberu tal-kapital – Eżenzjoni, fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja, mit-taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma lill-kumpannija parent – Kunċett ta’ ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ – ‘Société par actions simplifiée’ taħt id-dritt Franċiż”

Fil-Kawża C-247/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ġunju 2008, fil-proċedura

Gaz de France - Berliner Investissement SA

vs

Bundeszentralamt für Steuern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Gaz de France – Berliner Investissement SA, minn T. Hackemann u H. von Cölln, Rechtsanwälte, assistiti minn U. Witt, Wirtschaftsprüfer,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn K. Beal, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill, 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness tagħha, kif ukoll fuq il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-Artikoli 43 KE, 48 KE, 56 KE u 58 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Gaz de France - Berliner Investissement SA, kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza u li sas-sena 2002 kienet ikkostitwita taħt il-forma legali ta’ ‘société par actions simplifiée’ (SAS), u l-Bundeszentralamt für Steuern (Uffiċċju Federali Ċentrali tat-taxxi) fir-rigward tat-tassazzjoni tal-profitti mqassma lilha minn Gaz de France Deutschland GmbH, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Ġermanja, matul is-sena ta’ taxxa 1999.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435 jgħid kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, “kumpannija ta’ Stat Membru” għandha tfisser kull kumpannija li:

a)      tieħu waħda mill-għamliet elenkati fil-lista fl-Anness ta’ ma’ hawn;

b)      skond il-liġijiet tat-taxxi ta’ Stat Membru hija kkunsidrata bħala residenti f’dan l-Istat għall-għanijiet tat-taxxa u, skond it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma Stat terz, ma tkunx ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità għall-għanijiet tat-taxxa;

ċ)      barra minn hekk, tkun bla ħsara għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbilità tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom:

[…]

–        impôt sur les sociétés fi Franza,

[…]

jew għal kull taxxa oħra li tista tiddaħħal minflok it-taxxi msemmija hawn fuq.”

4        Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435, il-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija parent tagħha għandhom, għall-inqas fejn din tal-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jiġu eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn

5        L-anness tad-Direttiva 90/435, intitolat “Il-lista tal-kumpanniji riferita fl-Artikolu 2(a)”, jelenka, fil-punt (f), il-kumpanniji li ġejjin:

“il-kumpanniji skond il-liġijiet Franċiżi magħrufa bħala “société anonyme”, “société en commandite par actions”, “société à responsabilité limitée” u stabbilimenti u impriżi industrijali u kummerċjali”.

6        Skont il-premessa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3):

“L-Artikolu 2 tad-Direttiva [90/435] jiddefinixxi l-kumpanniji li jidħlu f’dan l-iskop. L-Anness jikkonsisti f’lista tal-kumpanniji li għalihom tapplika d-Direttiva, Ċerti għamliet ta’ kumpanniji mhumiex inklużi fil-lista fl-Anness, saħansitra jekk huma residenti għall-għanijiet tat-taxxi fi Stat Membru u huma bla ħsara għat-taxxa tal-korporazzjonijiet fihom. L-iskop tad-Direttiva [90/435] għandu għalhekk jiġi estiż għal entitajiet oħra li jistgħu jwettqu attivitajiet li jaqsmu l-f[r]untieri fil-Komunità u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-Direttiva.”

7        L-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2003/123 jipprovdi li jissostitwixxi l-anness tad-Direttiva 90/435 bit-test li jinsab fl-anness tad-Direttiva 2003/123. Wara li ssir din l-emenda, il-punt (f) il-ġdid tal-Anness tad-Direttiva 90/435 ikun kif ġej:

“il-kumpanniji taħt il-liġijiet Franċiżi magħrufa bħala ‛société anonyme’, ‛société en commandite par actions’, ‛société à responsabilité limitée’, ‛sociétés par actions simplifiées’, ‛sociétés d’assurances mutuelles’, ‛caisses d’épargne et de prévoyance’, ‛sociétés civiles’, li huma awtomatikamwnt bla ħsara għat-taxxa ta-korporazzjonijiet, ‛coopératives’, ‛unions de coopératives’, l-istabbilim[e]nti u l-impriżi industrijali u kummerċjali, u l-kumpanniji l-oħra kkostitwiti skond il-liġijiet Franċiżi bla ħsara għat-taxxa Franċiża fuq il-korporazzjonijiet [kumpanniji]”.

8        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/123, din kellha tiġi trasposta fil-liġi tal-Istati Membri sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2005.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        L-Artikolu 44d tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EStG 1999”), tipprovdi li ġej:

“(1) Fuq talba tal-persuna taxxabbli, it-taxxa fuq dħul mill-kapital ma tiġix imposta fuq dħul mill-kapital fis-sens tal-Artikolu 20(1)(1) […], li tirċievi kumpannija parent li la l-uffiċċju reġistrat u lanqas l-amministrazzjoni tagħha ma jkunu jinsabu fit-territorju nazzjonali u li jkun derivanti minn profitti mqassma minn kumpannija b’kapital azzjonarju suġġetta, mingħajr ebda limitu, għat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 1(1)(1), tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, jew tal-ħlas lura tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

(2) Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ‘kumpannija parent’ tfisser kumpannija li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [90/435], imsemmija fl-Anness 7 ta’ din il-liġi u li, fil-mument meta ssir dovuta t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 44(1), tkun tista’ ġġib prova li hija tipparteċipa direttament, ta’ mill-inqas b’sehem ta’ kwart, fil-kapital nominali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li tkun suġġetta għat-taxxa mingħajr ebda limitu. Barra minn hekk irid jiġi ppruvat li s-sehem ikun inżamm mingħajr ebda interruzzjoni għal tnax-il xahar. […]”

10      L-Anness 7 tal-EstG 1999 jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [90/435] ‘kumpannija parent’ tfisser kull kumpannija

1. li tadotta waħda mill-forom li ġejjin:

[…]

–        kumpanniji rregolati taħt il-liġi Franċiża msemmija:

société anonyme, société en commandite par actions, société à responsabilité limitée, kif ukoll l-istabbilimenti u l-impriżi pubbliċi ta’ natura industrijali u kummerċjali;

[…]

2. li, skont il-liġijiet fiskali ta’ Stat Membru hija kkunsidrata bħala residenti f’dan l-Istat għall-għanijiet tat-taxxa u, skont it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma Stat terz, ma tkunx ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità għall-għanijiet tat-taxxa; u;

3. li tkun suġġetta, mingħajr il-possibbiltà tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom, għal waħda mit-taxxi li ġejjin:

[…]

–        taxxa fuq il-kumpanniji fi Franza,

[…]

jew għal kull taxxa oħra li tista tiddaħħal minflok it-taxxi msemmija hawn fuq.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fis-16 ta’ Ġunju 1999, Gaz de France Deutschland GmbH, li fiha Gaz de France - Berliner Investissement SA (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali”), iżżomm l-ishma kollha, ipproċediet sabiex tqassam profitt li kien jammonta għal DEM 980 387, billi żammet taxxa fuq id-dħul ta’ kapital li jammonta għal DEM 49 019.35 kif ukoll kontribuzzjoni ta’ solidarjetà li tammonta għal DEM 2 696.06 li tħallset lid-dipartiment tat-taxxa kompetenti.

12      Fis-16 ta’ Awwissu 1999, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat quddiem il-Bundesamt für Finanzen, li fl-1 ta’ Jannar 2006 sar il-Bundeszentralamt für Steuern (iktar ’il quddiem il-“konvenut fil-kawża prinċipali”), talba għal ħlas lura fuq it-taxxa fuq dħul minn kapital, inkluża l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 1999, il-konvenut fil-kawża prinċipali rrifjuta li jagħti ħlas lura mitlub minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx kumpannija parent skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44d(2) tal-EStG 1999, u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435.

14      Peress li l-ilment ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali marret quddiem il-Finanzgericht Köln li tqis li, skont id-Direttiva 90/435, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhiex id-dritt għal ħlas lura fuq it-taxxa fuq id-dħul minn kapital, peress li, matul is-sena li fiha tqassmu l-profitti, l-istruttura tagħha ma kienet tinkludi ebda waħda mill-forom ta’ kumpanniji msemmija fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(a) u tal-punt (f) tal-anness tad-Direttiva 90/435.

15      Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar kemm jeħtieġ li tillimita ruħha għal interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/435. Skont din il-qorti, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din id-direttiva, kif ukoll ċirkustanzi li, minn naħa, meta din daħlet fis-seħħ, il-forma legali ta’ ‘société par actions simplifiée’ kienet għadha ma teżistix taħt id-dritt Franċiż, filwaqt li, min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2003/123 inkludiet din il-forma ta’ kumpannija fl-Anness tad-Direttiva 90/435.

16      Skont il-Finanzgericht Köln, fil-kawża li għandha quddiemha tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk lakuna leġiżlattiva involontarja tistax tipprekludi li jiġi dedott b’analoġija tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, li kumpannija taħt id-dritt Franċiż li għandha l-forma ta’ ‘société par actions simplifiée’ tistax tiġi kkunsidrata, sa mis-snin qabel l-2005, bħala ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ fis-sens tad-Direttiva 90/435, kif ukoll, jekk ikun il-każ, jekk l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness tagħha, jiksirx l-Artikoli 43 KE u 48 KE jew l-Artikoli 56 KE u 58 KE.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2(a) [tad-Direttiva 90/435] moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness ta’ [din] id-d]irettiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija Franċiża fil-forma legali ta’ ‘société par actions simplifiée’ tista’ titqies, anki sa mis-snin ta’ qabel l-2005, bħala ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ fis-sens tal-imsemmija direttiva u li, għaldaqstant, fir-rigward ta’ profitt imqassam fl-1999 minn waħda mill-kumpanniji sussidjarji Ġermaniżi tagħha, għandha tiġi eżentata mit-taxxa mnaqqsa minn ras il-għajn skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [90/435]?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 2(a) [tad-Direttiva 90/435] moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness ta’ [din id-d]irettiva […] jikser l-Artikoli 43 KE u 48 KE jew l-Artikoli 56(1) KE u 58(1)(a) u (3) KE jekk, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [90/435], jipprovdi ċertament għal eżenzjoni mit-taxxa mnaqqsa minn ras il-għajn fil-każ ta’ tqassim ta’ profitti ta’ kumpannija sussidjarja Ġermaniża lil kumpannija parent Franċiża li għandha l-forma legali ta’ ‘société anonyme’, ta’ ‘société en commandite par actions’ jew ta’ ‘société à responsabilité limitée’, iżda ma jipprovdix għaliha fil-każ ta’ kumpannija parent Franċiża li għandha l-forma legali ta’ ‘société par actions simplifiée’?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Il-Gvern Taljan iqajjem dubju dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li din ma tinkludix indikazzjonijiet dwar l-istruttura u s-sistema legali tas-‘société par actions simplifiée’, kif ukoll dwar it-tipi ta’ kumpanniji oħrajn li magħhom din hija pparagunata. Fin-nuqqas ta’ tali indikazzjonijiet, ma jkunx possibbli li jiġu evalwati l-elementi li fuqhom hija bbażata l-ewwel l-ipoteżi tal-qorti tar-rinviju, li tgħid li ‘société par actions simplifiée’ tippreżenta karatteristiċi analogi għal dawk tal-kumpanniji taħt id-dritt Franċiż li dejjem ibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa mnaqqsa minn ras il-għajn fuq il-profitti mqassma skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435, u, għaldaqstant, li tiġi evalwata r-rilevanza tat-talba għal deċiżjoni preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi fil-kuntest tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tixtieq tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar iddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adita mill-qorti nazzjonali bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, ZF Zefeser, C-62/06, Ġabra p. I-11995, point 14).

20      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 64). Fil-fatt, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih iridu jinqraw id-domandi magħmula jew li, għall-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      L-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju ma għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tkun salvagwardjata, fid-dawl tal-fatt li, skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Enirisorse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi espożizzjoni suffiċjenti tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li risposta għad-domandi magħmula hija neċessarja għaliha, biex b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li tirrispondi b’mod utli għal dawn id-domandi. Jirriżulta barra minn hekk mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż, Taljan u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari ppermettitilhom li jieħdu pożizzjoni utli fuq id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ta’ deskrizzjoni ddettaljata tar-regoli dwar is-‘sociétés par actions simplifiées’, jew ukoll ta’ deskrizzjoni tas-sistema ta’ kumpanniji oħra taħt id-dritt Franċiż, ma jistax iwassal għal inammissibbiltà ta’ din it-talba, peress li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’kull każ, ma tidħolx fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Jirriżulta minn dak li jippreċedi li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija taħt id-dritt Franċiż li għandha l-forma ta’ ‘société par actions simplifiée’ tistax tiġi kkunsidrata bħala “kumpannija ta’ Stat Membru” fis-sens ta’ din id-direttiva sa minn qabel ma din id-direttiva ġiet emendata bid-Direttiva 2003/123.

26      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tad-dispożizzjoni li tagħha hija mitluba l-interpretazzjoni, kif ukoll l-għanijiet u s-sistema tad-Direttiva 90/435 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et , C-283/94, C-291/94 u C-292/94, Ġabra p. I-5063, punti 24 u 26; tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe, C-375/98, Ġabra p. I-4243, punti 22 u 24, kif ukoll tat-3 ta’ April 2008, Banque Fédérative du Crédit Mutuel, C-27/07, Ġabra p. I-2067, punt 22).

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 90/435, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet premessa tagħha, hija intiża sabiex telimina, billi tiġi stabbilita sistema komuni tat-tassazzjoni, kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u sabiex tiffaċilita b’hekk ir-ragruppament ta’ kumpanniji fuq livell Komunitarju (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Denkavit et, punt 22; Epson Europe, punt 20; tal-4 ta’ Ottubru 2001, Athinaïki Zythopoiia, C-294/99, Ġabra p. I-6797, punt 25; tal-25 ta’ Settembru 2003, Océ van der Grinten, C-58/01, Ġabra p. I-9809, punt 45, kif ukoll Banque Fédérative du Crédit Mutuel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Id-Direttiva 90/435 hija intiża għaldaqstant sabiex tiżgura n-newtralità, mill-aspett fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (sentenza Banque Fédérative du Crédit Mutuel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

28      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 90/435 issemmi t-tqassim ta’ profitti rċevuti minn kumpanniji ta’ Stat Membru u li jiġu mis-sussidjarji tagħhom li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

29      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa kumpannija sabiex tiġi meqjusa bħala kumpannija ta’ Stat Membru fis-sens ta’ din id-direttiva u b’hekk jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

30      Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, “kumpannija ta’ Stat Membru” tfisser kull kumpannija li tieħu waħda mill-forom elenkati fil-lista fl-anness ta’ din id-direttiva.

31      L-anness tad-Direttiva 90/435 juża żewġ metodi differenti sabiex jidentifika l-kumpanniji li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. B’hekk, filwaqt li tintuża formulazzjoni ġenerika fil-punti (k) u (l) ta’ dan l-anness, li jidentifikaw rispettivament “il-kumpanniji kummerċjali jew il-kumpanniji skond il-liġi ċivili li għandhom il-għamla ta’ kooperattivi u impriżi pubbliċi kummerċjali inkorporati skond il-liġijiet Portugiżi” u “il-kumpanniji inkorporati skond il-liġijiet tar-Renju Unit”, fil-punti l-oħra ta’ dan l-anness l-ismijiet tal-forom legali msemmija huma indikati espressament.

32      Din l-aħħar teknika użata fil-maġġoranza tal-punti tal-anness tad-Direttiva 90/435, b’mod partikolari fil-punt (f) ta’ dan l-anness dwar il-kumpanniji rregolati bid-dritt Franċiż, u li tikkonsisti f’li jiġu elenkati l-ismijiet tal-forom legali koperti minn din id-direttiva, mingħajr ma hija inkluża klawżola li tippermetti l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal kumpanniji oħra kkostitwiti skont il-liġijiet tal-Istati Membri rispettivi, bl-eċċezzjoni, fir-rigward tad-dritt Franċiż, tal-istabbilimenti u tal-impriżi pubbliċi, timplika li dawn l-ismijiet huma elenkati b’mod eżawrjenti.

33      B’hekk, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mis-sistema tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 kif ukoll mill-punt (f) tal-anness tagħha li, sabiex kumpannija taħt id-dritt Franċiż li ma hijiex stabbiliment jew impriża pubblika ta’ natura industrijali u kummerċjali tista’ tiġi meqjusa bħala kumpannija ta’ Stat Membru fis-sens ta’ din id-direttiva, din il-kumpannija għandha neċessarjament tadotta waħda mill-forom elenkati b’mod eżawrjenti fil-punt (f) tal-anness ta’ din id-direttiva, u, b’mod partikolari, għandha tiġi kkostitwita bħala “société anonyme”, “société en commandite par actions” jew “société à responsabilité limitée”.

34      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni, li jgħidu li l-lista tal-kumpanniji hija pprovduta biss fil-punt (f) tal-anness tad-Direttiva 90/435 bħala eżempju u unikament bil-għan li tipprevjeni l-problemi li jistgħu jirriżultaw mill-kunflitti fil-klassifikazzjoni, meta kumpannija tiġi kkunsidrata fiskalment minn Stat Membru bħala kumpannija b’kapital azzjonarju, suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, filwaqt li Stat Membru ieħor jikkunsidra lil din il-kumpannija bħala soċjetà li mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, peress li wħud mill-Istati Membri esprimew ix-xewqa, meta ġiet adottata d-Direttiva 90/435, li s-soċjetajiet jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35      Ċertament, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni tista’ tissodisfa l-għanijiet tad-Direttiva 90/435, hekk kif esposti fit-tielet premessa tagħha, peress li din timplika estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal numru ikbar ta’ kumpanniji u tikkontribwixxi għaldaqstant sabiex telimina l-iżvantaġġ tal-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru u tiffaċilita r-ragruppament ta’ kumpanniji fuq livell Komunitarju.

36      Madankollu, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 90/435 ma għandhiex bħala għan li tistabbilixxi sistema komuni għall-kumpanniji kollha tal-Istati Membri, u lanqas għat-tipi kollha ta’ holdings.

37      Fil-fatt, fir-rigward tal-holdings li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu jekk, u sa fejn, għandha tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma u li jintroduċu, għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ ftehim konklużi ma’ Stati Membri oħrajn, proċeduri intiżi għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ din it-taxxa doppja ekonomika (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 54, u Amurta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

38      Id-Direttiva 90/435 tillimita b’hekk il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tat-tassazzjoni ta’ profitti mqassma mill-kumpanniji stabbiliti fit-territorju tagħhom lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali jipprekludu li l-lista tal-kumpanniji pprovduta fil-punt (f) tal-anness ta’ din id-direttiva tiġi interpretata bħala lista pprovduta b’mod indikattiv, meta t-tali interpretazzjoni ma tirriżultax mill-kliem tagħha u lanqas mit-tfassil tad-Direttiva 90/435.

39      L-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni lanqas ma tista’ tirriżulta mix-xewqat eventwalment espressi minn ċerti Stati Membri meta ġiet adottata d-Direttiva 90/435, li teskludi biss lis-soċjetajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-intenzjonijiet espressi mill-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huma mingħajr valur legali ladarba ma ġewx trasposti fid-dispożizzjonijiet legali. Dawn tal-aħħar huma fil-fatt applikabbli lil dawk li jistgħu jiġu affettwati minnhom, skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza Denkavit et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

40      L-interpretazzjoni li tgħid li s-‘société par actions simplifiée’ ma tistax tiġi kkunsidrata sa mill-introduzzjoni tagħha fil-liġi Franċiża bħala li tissemma mid-Direttiva 90/435 hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-iżviluppi leġiżlattivi u, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2003/123.

41      Minn naħa, id-Direttiva 2003/123 tikkonstata fil-premessa 4 tagħha li l-anness tad-Direttiva 90/435 jinkludi lista tal-kumpanniji li fir-rigward tagħhom tapplika din id-direttiva kif ukoll li ċerti forom ta’ kumpanniji mhumiex inklużi fil-lista ta’ dan l-anness, filwaqt li huma residenti fiskali ta’ Stat Membru u huma suġġetti fih għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Din l-istess premessa tippreċiża li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 għandu għaldaqstant jiġi estiż għal entitajiet l-oħra li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet transkonfinali fil-Komunità u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-direttiva.

42      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2003/123 jipprovdi sabiex jiġi sostitwit l-anness tad-Direttiva 90/435 mat-test li jinsab fl-anness tad-Direttiva 2003/123. Wara li saret l-emenda tal-anness tad-Direttiva 90/435 mid-Direttiva 2003/123, il-punt (f) ta’ dan l-anness jinkludi fost il-kumpanniji elenkati s-‘société par actions simplifiée’ u jikkomporta, sabiex tittieħed b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tad-dritt nazzjonali, dispożizzjoni li tipprovdi li għandhom jidħlu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 il-kumpanniji l-oħra kkostitwiti taħt id-dritt Franċiż u li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fi Franza.

43      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni, peress li l-forom legali taħt id-dritt Franċiż koperti bid-Direttiva 90/435 huma elenkati b’mod eżawrjenti fil-punt (f) tal-anness tagħha, l-estensjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’analoġija għal tipi oħrajn ta’ kumpanniji, bħal pereżempju s-‘société par actions simplifiée’ taħt id-dritt Franċiż, li kieku kienu paragunabbli, ma tistax tiġi aċċettata.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija rregolata bid-dritt Franċiż li għandha l-forma ta’ ‘société par actions simplifiée’ ma tistax tiġi meqjusa bħala “kumpannija ta’ Stat Membru” fis-sens ta’ din id-direttiva sa minn qabel ma din id-direttiva ġiet emendata bid-Direttiva 2003/123.

 Fuq it-tieni domanda

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flinkien mal-punt (f) tal-anness tagħha u mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 48 KE jew tal-Artikoli 56(1) KE u 58(1)(a) u (3) KE, sa fejn tirriżulta eżenzjoni mit-taxxa mnaqqsa minn ras il-għajn fil-każijiet ta’ tqassim ta’ profitti ta’ sussidjarja taħt il-liġi Ġermaniża lil kumpannija parent taħt id-dritt Franċiż li għandha l-forma legali ta’ ‘société anonyme’, ta’ ‘société en commandite par actions’ jew ta’ ‘société à responsabilité limitée’, iżda li ma jipprovdix tali eżenzjoni meta jirriżulta li tkun kumpannija parent taħt id-dritt Franċiż li għandha l-forma legali ta’ ‘société par actions simplifiée’.

46      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni f’dan ir-rigward li l-esklużjoni tas-‘société par actions simplifiée’ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 twassal sabiex tisfavorixxiha b’mod arbitrarju meta mqabbla mas-‘société anonyme’ jew mas-‘société à responsabilité limitée’ taħt id-dritt Franċiż, jew meta mqabbla mal-forom legali ta’ ‘société anonyme’ jew ‘société à responsabilité limitée’ ta’ Stati Membri oħra elenkati f’din id-direttiva. Is-‘société par actions simplifiée’ hija żvantaġġata, b’mod partikolari peress li l-liġi Ġermaniża ma tispeċifikax il-metodi proċedurali skont liema huwa possibbli li wieħed jista’ jibbaża fuq applikazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju tat-taxxa fuq id-dħul minn kapital li hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435.

47      Min-naħa l-oħra, la l-Gvern Ġermaniż, Taljan u tar-Renju Unit u lanqas il-Kummissjoni ma jipprovdu raġuni għalhiex għandu jitqajjem dubju fir-rigward tal-validità tad-Direttiva 90/435. Minn naħa, il-libertajiet fundamentali ma jipprojbixxux l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn bħala tali, u ma jmorrux kontra taxxa doppja li tirriżulta mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali ta’ żewġ Stati Membri. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-armonizzazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet. Il-limitazzjoni tal-portata tal-armonizzazzjoni jew tal-approssimazzjoni tal-liġijiet għal oqsma partikolari ma tistax għaldaqstant, fiha nnifisha, tikkostitwixxi illegalità.

48      Il-Gvern Taljan jenfasizza barra minn hekk li peress li s-‘société par actions simplifiée’ inħolqot qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 90/435, din ma tistax titqies bħala invalida minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-forma legali ta’ kumpannija, peress li n-nuqqasijiet li jagħtu lok għall-invalidità ta’ att għandhom jeżistu fid-data li fiha jiġi fis-seħħ dan l-att. L-iktar, ikun possibbli li wieħed jistaqsi jekk id-Direttiva 2003/123 kellhiex tinkludi s-‘société par actions simplifiée’ fil-lista tal-anness tad-Direttiva 90/435 b’mod retroattiv. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-leġiżlatur Komunitarju kellu setgħa diskrezzjonali totali dwar jekk jikkompletax jew le l-anness tad-Direttiva 90/435, u jekk jillimitax ratione temporis l-effetti tal-inklużjoni ta’ din il-forma legali ta’ kumpannija f’dan l-anness, billi jipprovdi li din l-inklużjoni ma jkollhiex effett retroattiv.

49      Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li l-evalwazzjoni tal-validità ta’ att, li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha normalment tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni li teżisti meta jiġi adottat l-att (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf, C-248/95 u C-249/95, Ġabra p. I-4475, punt 46).

50      Anki li kieku kellu jitqies li l-validità ta’ att tista’, f’ċerti każijiet, tiġi evalwata skont elementi ġodda li rriżultaw wara l-adozzjoni tiegħu (sentenza SAM Schiffahrt u Stapf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47), tali evalwazzjoni ma għandhiex issir f’dan il-każ.

51      Fil-fatt, jekk is-‘société par actions simplifiée’ ġiet introdotta fil-liġi Franċiża biss wara l-adozzjoni tad-Direttiva 90/435, jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda li, fir-rigward tal-kumpanniji taħt id-dritt Franċiż, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ġie determinat permezz ta’ elenku ta’ ismijiet tal-forom legali li jaqgħu taħt din id-direttiva, mingħajr ma ġiet inkluża klawżola li tippermetti l-applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva għal kumpanniji oħra stabbiliti skont il-liġi Franċiża.

52      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li huwa possibbli għall-istituzzjonijiet Komunitarji li jwettqu biss l-armonizzazzjoni progressiva ta’ ċertu qasam jew l-approssimazzjoni fi stadji differenti ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali. L-implementazzjoni ta’ tali miżuri hija, fil-fatt, ġeneralment diffiċli peress li din tassumi, min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti, it-tfassil, minn dispożizzjonijiet nazzjonali differenti u kumplessi, ta’ regoli komuni, skont l-għanijiet iddefiniti mit-Trattat KE u li jiġbru l-ftehim ta’ maġġoranza kwalifikata tal-Membri tal-Kunsill, jew saħansitra, bħal fil-qasam fiskali, il-ftehim unanimu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale, 37/83, Ġabra p. 1229, punt 20; tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punt 43, kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 1999, Socridis, C-166/98, Ġabra p. I-3791, punt 26).

53      Jeħtieġ madankollu li jiġi vverifikat jekk restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 li teskludi mal-ewwel lil kumpanniji oħra li jistgħu jiġu kkostitwiti skont id-dritt nazzjonali, bħal ma jirriżulta mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 u mill-punt (f) tal-anness tagħha, tistax tiġi kkunsidrata bħala invalida fir-rigward tal-artikoli tat-Trattat li jiggarantixxu l-libertà ta’ stabbiliment jew il-moviment liberu tal-kapital.

54      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinkludi l-aċċess għall-attivitajiet mhux imħallsa u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll il-kostituzzjoni u t-tmexxija ta’ impriżi taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess. L-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tinkludi r-restrizzjonijiet għall-ħolqien ta’ aġenziji, ta’ fergħat jew ta’ sussidjarji miċ-ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 13; tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 22, u tat-23 ta’ Frar 2006, CLT-UFA, C-253/03, Ġabra p. I-1831, punt 13).

55      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, anki jekk, skont il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, fl-istess waqt dawn jipprekludu li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 21; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 42; tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C-298/05, Ġabra p. I-10451, punt 33, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C-414/06, Ġabra p. I-3601, punt 19).

56      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 90/435 hija intiża sabiex telimina, billi tiġi stabbilita sistema ta’ tassazzjoni komuni, kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u sabiex b’hekk tiffaċilita r-ragruppament ta’ kumpanniji fuq livell Komunitarju (sentenzi Banque Fédérative du Crédit Mutuel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u tat-12 ta’ Frar 2009, Cobelfret, C-138/07, Ġabra p. I-731, punt 28).

57      Sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità, mill-aspett fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, id-Direttiva 90/435 għandha l-intenzjoni li tevita tassazzjoni doppja ta’ dawn il-profitti, f’termini ekonomiċi, jiġifieri sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma ma jkunux intaxxati, l-ewwel darba, f’idejn il-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, f’idejn il-kumpannija parent (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Banque Fédérative du Crédit Mutuel, punti 24 u 27, kif ukoll Cobelfret, punt 29).

58      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 jimponi lill-Istati Membri sabiex jeżentaw mit-taxxa f’ras il-għajn l-profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha meta din iżżomm sehem minimu ta’ 25 % fil-kapital tas-sussidjarja.

59      Madankollu, għalkemm skont id-Direttiva 90/435 huma l-Istati Membri li għandhom dan l-obbligu biss fir-rigward tat-tqassim ta’ profitti rċevuti minn kumpanniji li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kumpanniji fis-sens tagħha, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li din id-direttiva ma tawtorizzax lil Stat Membru sabiex jitratta b’mod inqas favorevoli l-profitti mqassma lill-kumpanniji tal-Istati Membri oħra li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha meta mqabbla mal-profitti mqassma lil kumpanniji paragunabbli stabbiliti fit-territorju tiegħu.

60      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, jekk fir-rigward ta’ sehem azzjonarju li ma jaqax taħt id-Direttiva 90/435, huma effettivament l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu jekk, u sa fejn, għandha tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma u li jintroduċu, għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ ftehim konklużi ma’ Stati Membri oħrajn, proċeduri intiżi sabiex jipprevjenu jew itaffu din it-taxxa ekonomika doppja, dan is-sempliċi fatt ma jippermettilhomx madankollu li japplikaw miżuri li jmorru kontra l-prinċipji ta’ moviment liberu ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 54, u Amurta, punt 24, kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C-303/07, Ġabra p. I-5145, punt 28).

61      Għaldaqstant, restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 li sa mill-bidu teskludi lil kumpanniji oħra li jistgħu jiġu kkostitwiti skont id-dritt nazzjonali, bħal ma jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/435 u mill-punt (f) tal-anness tagħha, ma hijiex tali li tista’ toħloq restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

62      Il-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti tapplika wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital.

63      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness tagħha u mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill, 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti, moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija taħt id-dritt Franċiż li għandha l-forma ta’ ‘société par actions simplifiée’ ma tistax tiġi meqjusa bħala “kumpannija ta’ Stat Membru” fis-sens ta’ din id-direttiva sa minn qabel ma din id-direttiva tiġi emendata mid-Direttiva tal-Kunsill, 2003/123/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003.

2)      L-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-anness tagħha u mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.