Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2009 1(1)

Kawża C-247/08

Gaz de France – Berliner Investissement SA

vs

Bundeszentralamt für Steuern

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja)]

“Libertà ta’ stabbiliment – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435/KEE – Kunċett ta’ ‛kumpannija ta’ Stat Membru’ – ‛Société par actions simplifiée’ taħt id-dritt Franċiż”






1.        Id-domandi preliminari magħmula mill-Finanzgericht Köln għal darb’oħra jiġbdu l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (2).

2.        Din id-darba, il-kwistjoni hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 moqri flimkien mal-Anness ta’ din id-Direttiva kif ukoll, skont ir-risposta mogħtija għal din l-ewwel domanda, il-possibbiltà li din id-direttiva mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju primarju.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

Direttiva 90/435

3.        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha, “kumpannija ta’ Stat Membru” għandha tfisser kull kumpannija li tissodisfa tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, kumpannija għandu jkollha waħda mill-forom elenkati fl-Anness tad-Direttiva 90/435. Fit-tieni lok, kumpannija għandha tkun ikkunsidrata mil-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru bħala residenti f’dak l-Istat għall-għanijiet tat-taxxa u, skont it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma’ Stat terz, ma tkunx ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità Ewropea għall-għanijiet tat-taxxa. Fit-tielet lok, kumpannija għandha tkun suġġetta, mingħajr il-possibbiltà tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom, għal waħda mit-taxxi msemmija fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 90/435 jew għal kull taxxa oħra li tista’ tiddaħħal minflok dawn it-taxxi.

4.        Fir-rigward ta’ Franza, l-Anness tad-Direttiva 90/435, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, isemmi, fil-paragrafu (f) tiegħu, is-“société anonyme”, is-“société en commandite par actions”, is-“société à responsabilité limitée”, kif ukoll l-istabbilimenti u l-impriżi pubbliċi ta’ natura industrijali u kummerċjali.

5.        Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 90/435, kumpannija ta’ Stat Membru li jkollha sehem minimu ta’ 25 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor, għandha titqies bħala “kumpannija ġenitur [parent]” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-direttiva. Għaldaqstant, il-profitti li jiġu mqassma lilha mill-kumpannija sussidjarja tagħha huma, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn.

Direttiva 2003/123/KE

6.        Skont l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/435 (3), l-Anness tad-Direttiva 90/435 ġie ssostitwit bit-test li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 2003/123. Wara din l-emenda, il-punt (f) (4) tal-imsemmi anness li jikkonċerna lir-Repubblika Franċiża jipprovdi:

“f) il-kumpanniji taħt il-liġijiet Franċiżi magħrufa bħala ‘société anonyme’, ‘société en commandite par actions’, ’société à responsabilité limitée’, ‘sociétés par actions simplifiées’, ‘sociétés d’assurances mutuelles’, ‘caisses d’épargne et de prévoyance’, ‘sociétés civiles’, li huma [awtomatikament] bla ħsara għat-taxxa ta[l]-korporazzjonijiet, ‘coopératives’, ‘unions de coopératives’, l-istabbilimenti u l-impriżi industrijali u kummerċjali, u l-kumpanniji l-oħra kkostitwiti skond il-liġijiet Franċiżi bla ħsara għat-taxxa Franċiża fuq il-korporazzjonijiet;”

7.        Il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/123, fir-rigward ta’ din l-emenda tad-Direttiva 90/435, tipprovdi:

“(4) L-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435/KEE jiddefinixxi l-kumpanniji li jidħlu f’dan l-iskop. L-Anness jikkonsisti f’lista tal-kumpanniji li għalihom tapplika d-Direttiva, Ċerti għamliet ta’ kumpanniji mhumiex inklużi fil-lista fl-Anness, saħansitra jekk huma residenti għall-għanijiet tat-taxxi fi Stat Membru u huma bla ħsara għat-taxxa tal-korporazzjonijiet fihom. L-iskop tad-Direttiva 90/435/KEE għandu għalhekk jiġi estiż għal entitajiet oħra li jistgħu jwettqu attivitajiet li jaqsmu l-[fruntieri] fil-Komunità u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-Direttiva.”

8.        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/123, l-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2005.

B –    Leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul

9.        L-Artikolu 44d tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul, fil-verżjoni applikabbli f’din il-kawża (iktar ’il quddiem, l-“EStG 1999”) fih dawn id-dispożizzjonijiet:

“(1)      Fuq talba tal-persuna taxxabbli, it-taxxa fuq dħul mill-kapital ma tiġix imposta fuq dħul mill-kapital […] li tirċievi kumpannija parent li la l-uffiċċju reġistrat u lanqas l-amministrazzjoni tagħha ma jkunu jinsabu fit-territorju nazzjonali u li jkun derivanti minn profitti mqassma minn kumpannija b’kapital azzjonarju suġġetta, mingħajr ebda limitu, għat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 1(1)(1), tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, jew tar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

(2)      Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ‛kumpannija parent’ tfisser kumpannija li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435, imsemmija fl-Anness 7 ta’ din il-liġi u li, fil-mument meta ssir dovuta t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 44(1), tkun tista’ ġġib prova li hija tipparteċipa direttament, ta’ mill-inqas b’sehem ta’ kwart, fil-kapital nominali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li tkun suġġetta għat-taxxa mingħajr ebda limitu. Barra minn hekk irid jiġi ppruvat li s-sehem ikun inżamm mingħajr ebda interruzzjoni għal tnax-il xahar.”

10.      L-Anness tal-EStG 1999 jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 2 u tal-Anness tad-Direttiva 90/435.

II – Il-kuntest fattwali

11.      Il-kumpannija Gaz de France – Berliner Investissement SA (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), li hija stabbilita fi Franza, sal-2002 kienet kumpannija stabbilita taħt il-forma ġuridika ta’ “société par actions simplifiée” (iktar ’il quddiem, “S.A.S.”) (5). Wara l-2002 din saret “société anonyme” (iktar ’il quddiem, “S.A.”). Din hija l-unika proprjetarja tal-ishma ta’ Gaz de France Deutschland GmbH, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Berlin (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem, “G-GmbH”).

12.      Fl-1999, G-GmbH qassmet profitt lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Minn dan il-profitt, G-GmbH żammet taxxa f’ras il-għajn li jikkorrispondi mad-dħul minn kapital kif ukoll kontribuzzjoni ta’ solidarjetà, u għaddiet l-imsemmi tnaqqis lill-uffiċċju tat-taxxa kompetenti.

13.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sussegwentement ressqet quddiem il-Bundesamt für Finanzen (l-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxa, iktar ’il quddiem, il-“BfF”) (6), talba għar-rifużjoni tat-taxxa fuq id-dħul minn kapital u tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà li kienu ġew miżmuma.

14.      Ir-rifużjoni mitluba inċaħdet b’deċiżjoni tal-BfF tas-6 ta’ Settembru 1999 minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx kumpannija parent fis-sens tal-Artikolu 44d(2) tal-EStG 1999 u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435, għaliex il-forma ġuridika ta’ S.A.S. mhijiex imsemmija fil-lista ta’ kumpanniji li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 filwaqt li l-lista ta’ forom ta’ kumpanniji msemmija fiha hija eżawrjenti.

15.      Il-kontestazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-BfF inċaħdet bħala infondata b’deċiżjoni tal-BfF tas-27 ta’ Mejju 2002.

16.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, waqt li sostniet li l-S.A.S. hija sottokategorija tal-S.A., u li għaldaqstant taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 2(a) u tal-punt (f) tal-Anness tad-Direttiva 90/435 minkejja li ma tissemmiex espliċitament fl-Anness tal-imsemmija Direttiva, ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht Köln kontra d-deċiżjoni tal-BfF tas-27 ta’ Mejju 2002.

III – Domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Il-Finanzgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li, skont l-Artikolu 234 KE, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)         L-Artikolu 2(a) moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tad-Direttiva 90/435/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija Franċiża fil-forma legali ta’ “société par actions simplifiée” tista’ titqies, anki sa mis-snin ta’ qabel l-2005, bħala “kumpannija ta’ Stat Membru” fis-sens tal-imsemmija direttiva u għaldaqstant, fir-rigward ta’ profitt imqassam fl-1999 minn waħda mill-kumpanniji sussidjarji Ġermaniżi tagħha, għandha tiġi eżentata mit-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435/KEE?

2)         Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 2(a) moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE jikser l-Artikoli 43 u 48 KE jew l-Artikoli 56(1) u 58(1)(a) u (3) KE jekk, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435, jipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fil-każ ta’ tqassim ta’ profitti ta’ kumpannija sussidjarja Ġermaniża lil kumpannija parent Franċiża li għandha l-forma legali ta’ “société anonyme”, “société en commandite par actions” jew “société à responsabilité limitée”, iżda ma jipprovdix għaliha fil-każ ta’ kumpannija parent Franċiża li għandha l-forma legali ta’ “société par actions simplifiée”?

18.      Ġew ippreżentati noti ta’ osservazzjonijiet mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni.

19.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati matul is-seduta, li nżammet fit-30 ta’ April 2009.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

20.      Il-Gvern Taljan jinvoka l-inammissibbiltà tar-rinviju minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi essenzjali li jippermettu li tiġi evalwata r-rilevanza tal-imsemmi rinviju għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Id-domandi preliminari huma bbażati fuq il-premessa bażi li l-S.A.S. għandha karatteristiċi analogi għal dawk ta’ kumpanniji taħt id-dritt Franċiż li dejjem ibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435. Huwa jsostni li l-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda indikazzjoni speċifika ta’ dritt jew fattwali fir-rigward tal-istruttura u s-sistema ġuridika tal-S.A.S. kif ukoll ta’ tipi oħra ta’ kumpanniji li magħhom hija mqabbla.

21.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa ferm stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kemm-il darba d-domandi li jsiru mill-qorti nazzjonali jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija obbligata li tagħti deċiżjoni (7). Hija tista’ tiċħad talba għal deċiżjoni preliminari biss f’każijiet eċċezzjonali, b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (8).

22.      Fil-fehma tiegħi, dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża. Kif diġà semmejt fit-tieni punt ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-domandi preliminari rrinvjati jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 moqri flimkien mal-Anness tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha numru suffiċjenti ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt sabiex tkun tista’ tagħmel dan. Il-paragun, imsemmi mill-Gvern Taljan, bejn l-S.A.S. u t-tipi l-oħra ta’ kumpanniji taħt id-dritt Franċiż li dejjem ibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435, jeħtieġ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

24.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-S.A.S., li ddaħħlet fil-liġi Franċiża biss fl-1994, tistax titqies bħala kumpannija ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, minkejja li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jiġifieri fl-1999, din ma kinitx espressament imsemmija fil-punt (f) tal-Anness tad-Direttiva 90/435.

25.      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja u tar-Renju Unit huma tal-fehma li għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda. It-tlieta li huma jitilqu, bħala prinċipju, mill-ipoteżi li l-lista ta’ kumpanniji li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 90/435 hija, b’mod konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ natura eżawrjenti.

26.      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni jissuġġerixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari. Huma jaqblu li risposta fl-affermattiv mhijiex possibbli jekk id-Direttiva 90/435 tiġi interpretata b’mod purament litterali. Madankollu, l-għan, l-oġġettivi u l-istruttura tad-Direttiva 90/435 jeżiġu li l-imsemmija direttiva tiġi interpretata fis-sens li l-S.A.S. taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

Evalwazzjoni

27.      Biex jibbenefikaw mid-dritt ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435, il-kumpanniji jridu jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija mill-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva. F’din il-kawża, hija inkwistjoni l-kundizzjoni dwar iż-żamma ta’ waħda mill-forom elenkati fl-Anness tad-Direttiva 90/435.

28.      Huwa inkontestabbli li l-forma ġuridika tal-S.A.S. ma tinsabx fost in-numru ta’ forom ġuridiċi msemmija, f’dak li jirrigwarda r-Repubblika Franċiża, fil-verżjoni inizjali tal-Anness tad-Direttiva 90/435, għaliex din iddaħħlet fil-liġi Franċiża dwar il-kumpanniji biss fl-1994. Huwa daqstant inkontestabbli li din il-forma ġuridika ta’ kumpannija ddaħħlet espressament fit-test tal-imsemmi Anness bid-Direttiva 2003/123. Il-kwistjoni hija jekk, minkejja dawn il-fatti, huwiex possibbli, permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, li jiġi konkluż li l-S.A.S. taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva fil-verżjoni inizjali tagħha.

29.      Interpretazzjoni purament litterali tad-Direttiva 90/435 twassal għal risposta negattiva. Iżda mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni litterali mhijiex biżżejjed. Biex tingħata risposta għad-domanda tal-qorti nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem użat fid-dispożizzjoni li tagħha tkun mitluba l-interpretazzjoni kif ukoll l-għanijiet u l-istruttura tad-direttiva (9).

30.      Fuq il-bażi tal-preambolu tad-Direttiva 90/435, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet, f’diversi okkażjonijiet, l-għanijiet ta’ din id-direttiva. Hija indikat li d-Direttiva 90/435, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet premessa tagħha, hija intiża biex telimina, bit-twaqqif ta’ sistema komuni, kull żvantaġġ tal-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru sabiex b’hekk tiffaċilita r-raggruppament ta’ kumpanniji fuq livell Komunitarju (10).

31.      Madankollu, id-Direttiva 90/435 ma għandhiex l-ambizzjoni li tistabbilixxi din is-sistema komuni għall-kumpanniji kollha tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435 jikkostitwixxi speċi ta’ filtru. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tispjega l-għan segwit minn dan il-filtru. Hija tgħid li l-għan tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha fil-verżjoni inizjali tagħha, huwa li s-soċjetajiet jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

32.      Wieħed jista’ jesprimi dubji dwar kemm hija opportuna t-teknika leġiżlattiva li tikkonsisti f’li jiġu elenkati forom ġuridiċi konkreti ta’ kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, teknika li ġiet adottata mill-awturi tad-direttiva biex jintlaħaq l-oġġettiv hawn fuq imsemmi, anki jekk dawn l-awturi għażlu dik it-teknika leġiżlattiva ta’ elenkar bil-għan li jevitaw interpretazzjoni differenti tal-espressjonijiet “société de capitaux” (kumpannija) u “société de personnes” (soċjetà) fl-Istati Membri differenti.

33.      Effettivament, it-teknika leġiżlattiva ta’ elenkar ma tagħtix dimensjoni pronostika suffiċjenti lil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Din mhijiex orjentata b’mod suffiċjenti lejn il-futur, billi ma tippermettix li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tadatta ruħha għall-bidliet li jseħħu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din it-teknika leġiżlattiva ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sistema ġuridika interna tal-Istati Membri hija fenomenu li jevolvi bla waqfien.

34.      Din l-imperfezzjoni tat-teknika leġiżlattiva ta’ elenkar li ntużat fid-Direttiva 90/435, fil-fehma tiegħi, la tista’ tiġi kkumpensata permezz tal-interpretazzjoni u lanqas b’analoġija. B’hekk, kull bidla fir-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali għandha tkun akkumpanjata b’bidla fir-regoli Komunitarji. It-teħid ta’ pożizzjoni opposta, fil-fehma tiegħi, ikun ifisser li l-proċedura leġiżlattiva tkun qed tiġi ssostitwita bil-metodi ta’ interpretazzjoni.

35.      Jidher illi l-awturi tad-Direttiva 90/435 intebħu bil-limitazzjonijiet tat-teknika leġiżlattiva ta’ elenkar użata peress li matul l-emendar tad-Direttiva 90/435 bid-Direttiva 2003/123, huma żiedu fil-punt (f) tal-Anness tad-Direttiva 90/435, mhux biss forom ġodda ta’ kumpanniji iżda wkoll l-espressjoni “l-kumpanniji l-oħra kkostitwiti skond il-liġijiet Franċiżi bla ħsara għat-taxxa Franċiża fuq il-korporazzjonijiet” (11) li permezz tagħha għandu jkun possibbli, fil-futur, li jiġu evitati diffikultajiet simili għal dawk li tfaċċaw fir-rigward tal-S.A.S. f’dan il-każ.

36.      Il-proposta tal-Kummissjoni li kienet tat bidu għad-Direttiva 2003/123 (12) tista’ wkoll tipprovdi elementi utli sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari. Fil-punt 12 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni tindika li d-Direttiva 90/435 tapplika biss għall-impriżi li jinsabu fil-lista annessa magħha. Mill-punt 13 tal-motivi tal-imsemmija proposta jirriżulta li l-għan tal-proposta ta’ direttiva li temenda d-Direttiva 90/435 huwa dak li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 billi tiżdied il-lista ta’ entitajiet annessa mad-Direttiva, biex b’hekk tkopri wkoll il-forom ġuridiċi ġodda indikati b’isimhom.

37.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni saħqu, fl-argumenti li huma ressqu, dwar il-fatt li taħt id-dritt Franċiż l-S.A.S. ġiet immudellata fuq l-S.A., forma ta’ kumpannija li minn dejjem kienet tinsab fl-Anness tad-Direttiva 90/435 b’tali mod li l-S.A.S. tikkostitwixxi forma partikolari ta’ S.A. F’dan ir-rigward, ma jidhirlix li huwa fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar dan il-punt għaliex dan ikun jimplika interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, tajjeb li wieħed jinnota li d-duttrina Franċiża stess tgħid li: “[…] jidher li l-forma l-ġdida ta’ kumpannija ma taqax taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja li strettament tirrigwarda l-kumpanniji – id-direttivi enumerati – għaliex din qatt ma tirrigwarda s-‛sociétés par actions’ [kumpanniji b’ishma] b’mod ġenerali, iżda biss is-‛sociétés anonymes’ [public limited companies] u s-‛sociétés en commandite par action’ [kumpanniji In Akkomandita b’ishma]. Issa, għalkemm il-kumpannija l-ġdida hija, kif jindika isimha, ‛société par action’, din la hija ‛société anonyme’ u lanqas ‛commandite’ (13).”

38.      Fil-fehma tiegħi, minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tal-istess Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li “kumpannija ta’ Stat Membru” fis-sens tal-imsemmija direttiva tista’ tkun biss kumpannija li jkollha waħda mill-forom imsemmija espliċitament fil-punt (f) tal-Anness tad-Direttiva 90/435.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

39.      It-tieni domanda li saret fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għall-ewwel domanda, tirrigwarda d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-konformità tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, mal-Artikoli 43 u 48 KE jew mal-Artikoli 56(1) u 58(1)(a) u (3) KE inkwantu, meta moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435, l-imsemmi Artikolu 2(a) jipprovdi eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fil-każ ta’ tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja Ġermaniża lil kumpannija parent Franċiża li jkollha l-forma ġuridika ta’ S.A., ta’ “société en commandite par actions” jew ta’ “société à responsabilité limitée”, iżda ma jipprovdix għal tali eżenzjoni meta l-kumpannija parent Franċiża jkollha l-forma ġuridika ta’ S.A.S.

40.      Fost dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet, kienet biss ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kienet tal-fehma li t-tieni domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Hija ssostni li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, imur kontra l-libertà ta’ stabbiliment. Hija ssostni li l-esklużjoni tal-S.A.S. mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 twassal biex tisfavorixxi b’mod arbitrarju lill-S.A.S. meta mqabbla mal-S.A. u mas-“société à responsabilité limité”, jew meta mqabbla mal-forom ġuridiċi ta’ kumpanniji b’ishma jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata ta’ Stati Membri oħra elenkati fl-imsemmija direttiva.

41.      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jaqblu li t-tieni domanda għandha tingħata risposta negattiva. Madankollu, l-opinjonijiet tagħhom ma jaqblux dwar liema huma d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE rilevanti f’din il-kawża. Skont il-Gvern Ġermaniż u dak tar-Renju Unit, id-Direttiva 90/435 għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri fir-rigward tal-Artikoli 43 u 48 KE. Għall-kuntrarju, il-Gvern Taljan huwa tal-fehma li apparentement huwa biss l-Artikolu 56 KE, li jirrigwarda l-moviment liberu tal-kapital, li huwa rilevanti. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tibbaża l-analiżi tagħha kemm fuq il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll fuq il-moviment liberu tal-kapital.

Evalwazzjoni

42.      Għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li t-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u mhux, kif tindika r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-eżami tas-sitwazzjoni fil-Ġermanja fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija Ġermaniża lil kumpanniji parent stabbiliti fi Stat Membru ieħor li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435. Minkejja dan, fil-fehma tiegħi għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward ta’ kumpannija parent mhux residenti (14) indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-kumpannija parent taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

43.      Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li fid-dawl tagħhom għandu jiġi eżaminat l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, jiena naqbel mal-Gvern tal-Ġermanja u dak tar-Renju Unit li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-imsemmi Artikolu 2 u tal-imsemmi Anness għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 48 KE.

44.      Għalkemm huwa minnu li l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija sussidjarja lil kumpannija parent għandha wkoll effetti fuq il-moviment liberu tal-kapital, madankollu l-kriterju deċiżiv, sabiex jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat jinsab, skont il-ġurisprudenza (15), fl-eżistenza ta’ sehem li jagħti lill-kumpannija parent influwenza ċara fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija sussidjarja tagħha u li jippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li dispożizzjoni li tippreżupponi sehem ta’ mill-inqas 25 % tal-kumpannija parent fil-kumpannija sussidjarja, kif huwa l-każ tad-Direttiva 90/435, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment (16).

45.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-libertà ta’ stabbiliment hija intiża biex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji (17).

46.      Ma hemm ebda dubju li d-Direttiva 90/435 fil-verżjoni inizjali tagħha, tagħti vantaġġi lil tipi ta’ kumpanniji speċifiċi li jkollhom ċerta forma ġuridika. Madankollu, dan l-uniku fattur ma jfissirx li d-Direttiva 90/435 tipprekludi lill-Istati Membri milli jagħtu l-benefiċċju ta’ trattament nazzjonali lill-kumpanniji parent mhux residenti li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435. Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, diġà msemmija fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija Ġermaniża lill-kumpanniji parent residenti, din trid tipprovdi l-imsemmija eżenzjoni wkoll għad-dividendi mqassma minn kumpannija Ġermaniża lill-kumpanniji parent mhux residenti.

47.      Barra minn hekk, huwa evidenti li wieħed ma jistax jitkellem dwar diskriminazzjoni bbażata fuq fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji jekk d-Direttiva 90/435 fil-verżjoni inizjali tagħha tipprovdi eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fil-każ ta’ tqassim ta’ profitti ta’ kumpannija sussidjarja Ġermaniża lil kumpannija parent Franċiża li jkollha l-forma ġuridika ta’ S.A., ta’ “société en commandite par actions” jew ta’ “société à responsabilité limitée”, filwaqt li ma tipprovdix tali eżenzjoni fil-każ ta’ kumpannija parent Franċiża li jkollha l-forma ġuridika ta’ S.A.S.

48.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha ma jiksirx l-Artikoli 43 KE u 48 KE billi jipprovdi eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fil-każ ta’ tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja lil kumpannija parent Franċiża li jkollha waħda mill-forom ġuridiċi msemmija espliċitament fil-punt (f) tal-Anness ta’ din id-direttiva.

V –    Konklużjoni

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari rrinvjati mill-Finanzgericht Köln:

“1      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li “kumpannija ta’ Stat Membru” fis-sens tal-imsemmija direttiva tista’ tkun biss kumpannija li jkollha waħda mill-forom imsemmija espliċitament fil-punt (f) tal-Anness tal-imsemmija direttiva.

2      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 moqri flimkien mal-punt (f) tal-Anness tagħha, ma jiksirx l-Artikoli 43 KE u 48 KE billi jipprovdi eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fil-każ ta’ tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja lil kumpannija parent Franċiża li jkollha waħda mill-forom ġuridiċi msemmija espliċitament fil-punt (f) tal-Anness tal-istess direttiva.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 90/435”.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2003/123”.


4 – Wara l-emenda tad-Direttiva 90/435 bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p.757), l-istess elenku jinsab fil-punt (j) tal-Anness.


5 – Il-forma ġuridika ta’ S.A.S. iddaħħlet fil-liġi Franċiża dwar il-kumpanniji biss fl-1994.


6 – Sa mill-1 ta’ Jannar 2006 imsejjaħ il-“Bundeszentralamt für Steuern”.


7 – Ara s-sentenza reċenti tat-23 ta’ April 2009, Rüffler (C-544/07, Ġabra p. I-3389, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Apis-Hristovich (C-545/07, Ġabra p. I-1627, punt 30) u Rüffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 38).


9 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2008, Banque Fédérative du Crédit Mutuel (C-27/07, Ġabra p. I-2067, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C-48/07, Ġabra p. I-10627, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Emenda simili kienet saret ukoll fir-rigward tal-Belġju u l-Olanda.


12 – Proposta tad-29 ta’ Lulju 2003 ta’ Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, KUM (2003) 462 finali.


13 – Y. Guyon, “La société par actions simplifiée et le droit communautaire”, f’Société par actions simplifiée, Pariġi, 1994, p. 147.


14 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, Ġabra p. I-11949).


15 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Ara d-Digriet tal-10 ta’ Mejju 2007, Lasertec (C-492/04, Ġabra p. I-3775, punti 20 sa 26).


17 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C-282/07, Ġabra p. I-10767, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).