Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-250/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Belġju

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-persuni — Xiri ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida — Kalkolu ta’ vantaġġ fiskali — Taxxa tar-reġistrazzjoni — Koerenza tas-sistema fiskali”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq it-trasferimenti tal-beni immobbli

(Artikolu 56 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 40)

Stat Membru li jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi li, għall-kalkolu ta’ vantaġġ fiskali meta jinxtara beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida, l-ammont tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa max-xiri ta’ residenza prinċipali preċedenti huwa meħud biss inkunsiderazzjoni meta din tkun tinsab f’reġjun partikolari ta’ dan l-Istat u mhux jekk din tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, jew Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE kif ukoll l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Huwa minnu li tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 KE peress li, billi jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra l-Istat Membru kkonċernat, li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali tagħhom minn Stat Membru ieħor lejn it-territorju ta’ reġjun tal-Istat Membru kkonċernat u jużaw il-fondi miksuba mill-bejgħ tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom sabiex jiffinanzjaw l-akkwist tal-beni immobbli l-ġdid tagħhom li jinsab f’dan ir-reġjun, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa fi Stat Membru ieħor ma titnaqqasx tista’, f’ċerti każijiet, tkun dissważiva għall-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu milli jixtru beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat.

B’mod partikolari, id-differenza fit-trattament stabbilita b’dan il-mod tikkonċerna sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli peress li, fid-dawl tat-taxxa tar-reġistrazzjoni kkontestata, is-sempliċi differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni li ma humiex residenti, inklużi ċ-ċittadini nazzjonali li użaw id-dritt għal moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, u dik tar-residenti fir-reġjun ikkonċernat, ċittadini nazzjonali jew ta’ Stat Membru ieħor, li jixtru residenza prinċipali ġdida f’dan ir-reġjun, tirriżulta mill-post tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, dawn il-persuni kollha xtraw beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk u, max-xiri tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom, tal-ewwel ħallsu taxxa tal-istess natura tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru li din ir-residenza kienet tinsab, filwaqt li l-oħrajn ħallsu l-imsemmija taxxa fir-reġjun inkwistjoni.

Madankollu, din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata minn raġunijiet intiżi sabiex iħarsu l-koerenza tas-sistema fiskali. Fil-fatt, peress li l-Istat Membru kkonċernat ma għandu l-ebda dritt li jintaxxa t-tranżazzjoni ta’ xiri mwettqa preċedentement fi Stat Membru ieħor mill-persuni li jiddeċiedu li jistabbilixxu r-residenza prinċipali l-ġdida tagħhom fir-reġjun inkwistjoni, il-konfigurazzjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali ċċitat jirrifletti loġika simetrika. Jekk dawn il-persuni kellhom jibbenefikaw mill-iskema ta’ taxxa portabbli meta jakkwistaw beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat, huma jkollhom vantaġġ inġust minn skema ta’ taxxa li l-akkwist ta’ proprjetà immobbli preċedenti, barra mill-Istat Membru inkwistjoni, ma kinitx suġġetta għaliha. Minn dan jirriżulta li, f’tali skema, teżisti rabta bejn il-vantaġġ fiskali u l-intaxxar inizjali. Fil-fatt, minn naħa, din tirrigwarda l-istess persuna taxxabbli, li diġà ħallset it-taxxa inkwistjoni u li hija eliġibbli għat-tnaqqis u, min-naħa l-oħra, vantaġġ mogħti fil-kuntest tal-istess taxxa.

Barra minn hekk, ir-restrizzjoni inkwistjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq tali għan sakemm hija topera b’mod perfettament simetriku, billi t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa preċedentement fil-kuntest tal-iskema fiskali nazzjonali biss tista’ titnaqqas. Bl-istess mod, l-imsemmija restrizzjoni hija assolutament proporzjonata għall-għan tagħha, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tillimita għal massimu preċiż l-ammont tat-tnaqqis mogħti fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni li għaliha hija responsabbli l-persuna li tixtri residenza prinċipali ġdida fir-reġjun ikkonċernat. Fil-fatt, billi tipprovdi għal tali limitu, l-iskema kkontestata żżomm in-natura tagħha ta’ vantaġġ fiskali u ma tammontax għal eżenzjoni moħbija.

Sa fejn l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħad-dispożizzjonijiet, li huma sostanzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jistgħu jkunu trasposti mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 40.

(ara l-punti 42, 44, 45, 59, 60, 73-75, 80-83)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-persuni – Xiri ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida – Kalkolu ta’ vantaġġ fiskali – Taxxa tar-reġistrazzjoni – Koerenza tas-sistema fiskali”

Fil-Kawża C-250/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-10 ta’ Ġunju 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. van Nuffel, R. Lyal u W. Roels, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn B. van de Walle de Ghelcke, avukat,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn R. Somssich u K. Borvölgyi kif ukoll minn M. Z. Fehér, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits, u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Settembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, sa fejn fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, għall-kalkolu ta’ vantaġġ fiskali meta jinxtara beni immobbli maħsub sabiex isir residenza prinċipali ġdida, l-ammont tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa max-xiri ta’ residenza prinċipali preċedenti huwa meħud biss inkunsiderazzjoni meta din tkun tinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u mhux jekk din tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju jew Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (ETFA), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE u tal-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2        L-Artikolu 61/3 tal-Kodiċi tat-taxxi tar-reġistrazzjoni, taxxi fuq l-ipoteki, u d-drittijiet tar-reġistru (Wetboek der registratie-, hypotheek- en griffierechten), kif emendat bid-digriet adottat fl-1 ta’ Frar 2002 mir-Reġjun ta’ Vlaanderen (iktar ’il quddiem il-“Wb.Reg.”), introduċa fir-Reġjun ta’ Vlaanderen l-iskema tat-taxxa tar-reġistrazzjoni msejħa “taxxa portabbli”. Dan l-artikolu jipprovdi li:

“Meta proprjetà immobbli użata jew maħsuba biex tiġi użata għal skopijiet residenzjali tinxtara permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ normali minn individwu sabiex din tkun ir-residenza prinċipali tiegħu, il-porzjon statutarju tiegħu tat-taxxa pagabbli, skont l-Artikoli 44, 53, 2 jew 57 mal-akkwist tad-dar li kien juża qabel bħala r-residenza prinċipali tiegħu, jew tal-art li fuqha ġiet mibnija din id-dar, għandu jiġi mnaqqas meta jitħallas il-porzjon statutarju tat-taxxa pagabbli mal-akkwist tal-proprjetà l-ġdida, sakemm l-akkwist tal-aħħar ikun sar fi żmien sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni tad-dokument li permezz tiegħu tiġi stabbilita t-taxxa proprozjonali fuq il-bejgħ mill-ġdid tad-dar preċedenti permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ normali, jew fuq id-diviżjoni ta’ dik id-dar meta tkun proprjetà komuni, u meta l-individwu jkun ċeda d-drittijiet tiegħu kollha.

Ma jista’ jsir ebda tnaqqis, taħt dan l-artikolu, ta’ taxxa mħallsa fuq ix-xiri ta’ proprjetà immobbli li ma tinsabx fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.

Ma jista jsir ukoll ebda tnaqqis ta’ taxxa addizzjonali dovuta fuq akkwist għal kwalunkwe raġuni.

Tnaqqis li jsir skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, fl-ebda każ ma jagħti lok għal ħlas lura.

Meta tranżazzjoni, bħal dik imsemmija fl-ewwel paragrafu, hija ppreċeduta minn tranżazzjoni jew diversi tranżazzjonijiet simili u/jew minn tranżazzjoni jew diversi tranżazzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 212a, it-taxxa li tkun għadha ma tnaqqsitx matul dawn it-trażazzjonijiet preċedenti wara l-applikazzjoni tat-tielet jew il-ħames paragrafu ta’ dan l-Artikolu u/jew it-taxxa li tkun għada ma tħallsitx lura wara l-applikazzjoni tat-tielet jew il-ħames paragrafu tal-Artikolu 212a għandha, skont il-każ, tiżdied mal-porzjon statutarju, tal-individwu, tat-taxxa pagabbli skont l-Artikoli 44, 53, 2, jew 57, fuq l-akkwist ta’ qabel l-aħħar wieħed sabiex jiġi ddeterminat l-ammont li jrid jitnaqqas fuq l-akkwist tal-aħħar.

L-ammont li għandu jitnaqqas, li jinkseb bl-applikazzjoni tal-ewwel jew tar-raba’ paragrafu, fl-ebda każ ma għandu jaqbeż l-EUR 12 500. Dan l-ogħla ammont li għandu jitnaqqas, huwa ddeterminat fi proporzjon għall-frazzjoni li l-individwu jikseb mill-proprjetà li jkun għadu kif akkwista.”

3        Barra minn hekk, l-Artikolu 212a tal-Wb.Reg., applikabbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, jipprovdi taħt l-istess kundizzjonijiet u, mutis mutandis, f’termini identiċi, il-ħlas lura tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa mal-ewwel akkwist ta’ beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen fil-każ li l-proprjetà immobbli mixtrija preċedentement fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, u użata preċedentement bħala residenza prinċipali, hija mibjugħa f’sentejn, jew f’ħames snin jekk tirrigwarda art għall-bini, mix-xiri, f’dan l-istess reġjun, ta’ dar maħsuba biex tiġi użata bħala r-residenza prinċipali l-ġdida.

 Il-proċedura prekontenzjuża

4        Billi qieset li l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg kien jikser l-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE kif ukoll l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni, fit-23 ta’ Diċembru 2005, lir-Renju tal-Belġju li tistieden lil dan l-Istat Membru jippreżentalha l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan il-ksur.

5        Fir-risposta tiegħu, tat-22 ta’ Marzu 2006, ir-Renju tal-Belġju espona r-raġunijiet għaliex huwa kien iqis li l-iskema kkonċernata la kienet tikkostitwixxi ksur tat-Trattat KE u lanqas tal-Ftehim ŻEE.

6        F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, fit-13 ta’ Lulju 2006, fejn stiednet lir-Renju tal-Belġju jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mill-ġurnata li fiha jirċievi din l-opinjoni.

7        Fit-13 ta’ Settembru 2006 l-awtoritajiet Belġjani rrispondew lill-Kummissjoni li l-iskema fiskali kkonċernata ma kinitx tikkostitwixxi ksur tat-Trattat. Fi kwalunkwe każ, anki jekk dan kien il-każ, l-imsemmija skema tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra. p. I-249) rigward il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tnaqqis tat-taxxa, b’tali mod li tkun aċċettata mid-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tippermetti l-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali Belġjana.

8        Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

9        Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika tal-Ungerija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

10      L-ewwel nett il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 18 KE.

11      Fil-fatt, id-dritt għal ċittadin tal-Unjoni li “jirrisjedi” fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat tal-oriġni tiegħu jinkludi d-dritt li jistabbilixxi hemmhekk ir-residenza prinċipali tiegħu, u dan jimplika d-dritt li jixtri jew jibni. Għaldaqstant, billi ma jagħtix tnaqqis tat-taxxa tar-reġistrazzjoni lill-persuni li jakkwistaw beni immobbli li jinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen ħlief jekk huma kellhom diġà residenza prinċipali f’dan l-istess reġjun, ir-Reġjun ta’ Vlaanderen jagħtihom vantaġġ fiskali li l-persuni li preċedentement xtraw ir-residenza prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, huma mċaħħdin minnu. Din id-diskriminazzjoni tolqot element essenzjali tad-dritt għall-mobbiltà intra-Komunitarja, jiġifieri x-xiri ta’ beni immobbli.

12      It-tieni nett, din il-leġiżlazzjoni tikser l-Artikolu 43 KE dwar id-dritt ta’ stabbiliment, kif ukoll l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE.

13      Peress li l-libertà ta’ stabbiliment tinkludi wkoll, skont l-Artikolu 44(2)(e) KE, id-dritt li tiġi akkwistata propjretà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni tar-Reġjun ta’ Vlaanderen dwar it-taxxa tar-reġistrazzjoni tagħmel distinzjoni bejn iċ-ċittadini Komunitarji li jbiddlu l-post tas-sede tal-attività ekonomika tagħhom, skont jekk il-bidla ssirx fir-Reġjun ta’ Vlaanderen jew minn Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju lejn dan ir-reġjun. Din id-diskriminazzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ persuna li “taħdem għal rasha” minħabba li l-post ta’ stabbiliment tagħha ħafna drabi tikkoinċidi ma’ dak tar-residenza prinċipali tal-ħaddiem indipendenti.

14      Peress li l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE jagħti d-dritt ta’ stabbiliment liċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-EFTA f’termini identiċi, il-leġiżlazzjoni kkontestata tmur kontra dan l-artikolu wkoll.

15      It-tielet nett, skont il-Kummissjoni, l-imsemmija leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikolu 56 KE, sa fejn din tipprojbixxi kwalunkwe restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapital bejn Stati Membri, inklużi t-tranżazzjonijiet li bihom persuni li ma humiex residenti jidħlu għal investimenti fi proprjetà immobbli, kif jirriżulta min-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu [56 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). L-istess huwa l-każ għall-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE peress li dan huwa essenzjalment l-istess bħall-Artikolu 56 KE.

16      Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni kkontestata tagħti trattament mhux ugwali lil sitwazzjonijiet li huma oġġettivament paragunabbli. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sitwazzjonijiet huma oġġettivament paragunabbli f’din il-kawża, peress li f’kull każ jinsabu inkwistjoni persuni li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk il-bidla hijiex limitata għar-Reġjun ta’ Vlaanderen jew jekk issirx minn Stat Membru, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, lejn dan ir-reġjun. Għalkemm, f’dawn iż-żewġ każijiet, hija dovuta t-taxxa tar-reġistrazzjoni max-xiri tar-residenza prinċipali l-ġdida, vantaġġ fiskali jingħata biss mil-leġiżlazzjoni ta’ Vlaanderen lill-persuni li preċedentement kellhom residenza prinċipali fl-imsemmi reġjun.

17      Barra minm hekk, skont il-Kummissjoni, id-diskriminazzjoni ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.

18      Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li jirrigwadaw il-koerenza fiskali, mressqa mir-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni tqis li dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka s-sentenzi Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 21) u tat-28 ta’ Jannar 1992 Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I-305, punt 14), li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat in-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali bħala kawża ta’ ġustifikazzjoni għall-ksur tal-moviment liberu tal-persuni.

19      Fil-fatt, sabiex din il-ġustifikazzjoni tkun aċċettata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li tiġi stabbilita rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 46). Din il-ġurisprudenza hija intiża sabiex jiġi evitat li l-istess tranżazzjoni tiġi ntaxxata darbtejn jew li ma tiġix intaxxata. Issa, f’dan il-każ, ma hemm l-ebda rabta fiskali diretta bejn l-akkwist tal-ewwel residenza prinċipali u t-taxxa tar-reġistrazzjoni korrispondenti u l-akkwist tat-tieni waħda kif ukoll it-taxxa tar-reġistrazzjoni miġbura f’din l-okkażjoni.

20      Min-naħa tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jispjega, qabel kollox, li l-iskema inkwistjoni tapplika għall-persuni fiżiċi kollha, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom u għandha tliet għanijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, iż-żieda tal-mobbiltà marbuta max-xogħol, it-tnaqqis proporzjonali tal-importanza tax-shuttle services u tat-traffiku, għall-benefiċċju tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, it-tieni nett, il-promozzjoni tar-rinnovazzjoni tal-proprjetà immobbli u tad-djar, kif ukoll, it-tielet nett, il-moderazzjoni tal-kirjiet.

21      Għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-leġiżlazzjoni ta’ Vlaanderen għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, l-akkwist ta’ proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna li ma hijiex residenti jikkostitwixxi moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C-302/97, Ġabra p. I-3099, punt 22, u tat-13 ta’ Lulju 2000, Albore, C-423/98, Ġabra p. I-5965, punt 14), peress li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment hija għaldaqstant konsegwenza diretta tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (senteza tal-11 ta’ Novembru 1981, Casati, 203/80, Ġabra p. 2595, punt 8). Ir-Renju tal-Belġju jirreferi wkoll għas-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98, Ġabra p. I-4731); Il-Kummissjoni vs Franza (C-483/99, Ġabra p. I-4781) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-503/99, Ġabra p. I-4809) fuq dan il-punt.

22      Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 18 KE jsib espressjoni speċifika fil-libertajiet fundamentali tradizzjonali, ma jistax jiġi applikat b’mod awtonomu ħlief fil-każijiet fejn id-dritt tal-Unjoni japplika, iżda t-Trattat ma pprevediex dispożizzjonijiet partikolari għalihom. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jinvoka s-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C-193/94, Ġabra p. I-929, punt 22), kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C-100/01, Ġabra p. I-10981, punt 26).

23      Għal dak li jirrigwarda l-mertu tal-kawża, ir-Renju tal-Belġju jinvoka n-nuqqas ta’ effett ħażin fuq il-moviment liberu tal-kapital prinċipalment minħabba l-fatt li ma hemmx diskriminazzjoni bejn sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli. Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna l-ewwel akkwist fir-Reġjun ta’ Vlaanderen ta’ dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali, is-sitwazzjonijiet simili huma ttrattati b’mod simili, peress li kull xerrej li jakkwista, għall-ewwel darba, dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali tiegħu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen huwa responsabbli għal taxxa tar-reġistrazzjoni sa’ 10 % tal-valur tas-suq tal-beni immobbli akkwistat.

24      Min-naħa l-oħra, mat-tieni akkwist ta’ dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali, it-trattament ikun differenti skont jekk ir-residenza prinċipali preċedenti kinitx tinsab fit-territorju tar-Reġjun ta’ Vlaanderen jew le. Dan l-Istat Membru jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra. p. I-225), kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2004, Wallentin (C-169/03, Ġabra p. I-6443), li jipprovdu li fil-qasam ta’ taxxi diretti, is-sitwazzjoni tar-residenti u dik tal-persuni li ma humiex residenti ma hijiex, bħala regola ġenerali, paragunabbli u l-fatt li Stat Membru ma jħallix lil persuna li ma hijiex residenti tibbenefika minn ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lil persuna residenti, ġeneralment, ma huwiex diskriminatorju.

25      Ir-Renju tal-Belġju jsostni wkoll li l-iskema inkwistjoni hija konformi mal-prinċipju fiskali ta’ territorjalità, li huwa rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni fis-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C-250/95, Ġabra p. I-2471), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673), li jipprovdu li hemm koeżistenza tas-sistemi fiskali indipendenti mingħajr ma hemm ġerarkija bejniethom. Dan jikkawża differenzi u distorsjonijiet possibbli, li huma biss il-konsegwenza tad-differenzi bejn is-sistemi fiskali u, minħabba f’hekk, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 45).

26      Fl-aħħar nett, sussidjarjament, ir-Renju tal-Belġju jqis li l-iskema ta’ taxxa portabbli hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali, u b’mod partikolari, skont il-prinċipju ta’ koerenza tas-sistema fiskali adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq (point 28), inkwantu teżisti rabta diretta bejn l-ewwel xiri ta’ dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali u t-tnaqqis li jingħata mat-tieni xiri ta’ dar ta’ din in-natura, rabta li ma ssirx konkreta ħlief fil-mument ta’ dan ix-xiri tal-aħħar.

27      Fin-nota ta’ intervent tiegħu insostenn tar-Renju tal-Belġju, il-Gvern Ungeriż jagħti l-istess argumenti tal-konvenut, b’mod partikolari, il-fatt li s-sitwazzjonijiet ma humiex oġġettivament paragunabbli u li għaldaqstant ma hemmx diskriminazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

28      L-imsemmi Gvern jinvoka l-osservanza tal-prinċipju ta’ territorjalità fid-dritt fiskali u huwa tal-fehma li l-kompetenza fiskali tal-Istati Membri hija assoluta għal dak li jirrigwarda l-beni immobbli nazzjonali – inkluż l-akkwist ta’ dawn il-beni –, iżda ma teżistix fil-każ tal-akkwist ta’ beni immobbli barranin. Peress li l-kompetenza fiskali tal-Istati Membri ma tinkludix biss l-iffissar tat-taxxa iżda wkoll l-għoti ta’ vantaġġi fiskali, l-Istati Membri għandhom id-dritt jeskludu l-beni immobbli barranin mill-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali. L-eventwali limitu għal-libertajiet fundamentali invokat mill-Kummissjoni huwa l-konsegwenza neċessarja tat-tqassim territorjali tal-kompetenza fiskali tal-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, dan huwa ġġustifikat mill-prinċipju tal-koerenza tas-sistema fiskali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Belġju jqis li ma hemmx lok li l-leġiżlazzjoni kkontestata tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 18 KE u 43 KE, u għaldaqstant jikkunsidra li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jiġi evalwat ħlief fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital.

30      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-Artikolu 18 KE ma jistax jiġi applikat b’mod awtonomu ħlief fil-każijiet fejn id-dritt tal-Unjoni japplika, iżda t-Trattat ma pprevediex dispożizzjonijiet partikolari għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Skanavi u Chryssanthakopoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; Oteiza Olazabal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/05, Ġabra p. I-6957, punti 35 u 36).

31      Barra minn hekk, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew jillimitaw l-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage, C-377/07, Ġabra p. I-299, punt 24, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2009, Busley u Cibrian Fernandez, C-35/08, Ġabra p. I-9807, punt 21).

32      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 56 KE. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 18 KE ma japplikax b’mod awtonomu f’dan il-każ, peress li fil-każijiet fejn ix-xiri ta’ residenza ġdida fir-Reġjun ta’ Vlaanderen minn persuna li titlaq minn Stat Membru ieħor u tmur tgħix f’dan ir-reġjun Belġjan mingħajr raġuni ekonomika, huma koperti mill-moviment liberu tal-kapital. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, kif jirrileva r-Renju tal-Belġju, l-eventwali ksur tal-Artikolu 43 KE huwa l-konsegwenza inevitabbli tal-ksur tal-moviment liberu tal-kapital.

33      Għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 21; tal-20 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-155/09, Ġabra p. I-0065, punt 39, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-10/10, Ġabra p. I-0000, punt 23).

34      F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet rigward il-klassifikazzjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni bħala taxxa diretta jew indiretta, huwa irrilevanti peress li, kif tosserva l-Kummissjoni fir-rikors tagħha, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura ta’ armonizzazzjoni dwar it-taxxa tar-reġistrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Dan jimplika li din it-taxxa għandha tiġi suġġetta għal eżami simili għal dak imwettaq meta tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tat-taxxi diretti mad-dritt tal-Unjoni.

35      Għaldaqstant, l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk, kif tosserva l-Kummissjoni, l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg li jistabbilixxi l-iskema msejħa taxxa portabbli jikkostitwixxix restrizzjoni għal-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 56 KE kif ukoll fl-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, inkwantu jeskludi l-vantaġġ fiskali li jipprevedi x-xiri ta’ proprjetà immobbli b’kapital li jkun ġej minn Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju.

36      L-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kollha għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Għalkemm it-Trattat KE ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ moviment tal-kapital, huwa xorta waħda paċifiku li d-Direttiva 88/361, flimkien man-nomenklatura annessa magħha, għandha valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni ta’ dan il-kunċett (ara s-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-282/04 u C-283/04, Ġabra p. I-9141, punt 19). Barra minn hekk l-investimenti fil-proprjetà immobbli jidhru, minn naħa, taħt it-Titolu II, intitolat “Investimenti fil-bini (mhux inklużi taħt I)” tal-Anness I tad-Direttiva 88/361. Min-naħa l-oħra, minn dan it-titolu jirriżulta li dawn it-tip ta’ investimenti huma inklużi, b’mod impliċitu, fit-Titolu I, intitolat “Investimenti diretti” ta’ dan l-istess anness.

37      F’dan il-każ, l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg jipprovdi li, fil-każ ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli użata jew maħsuba għall-skopijiet residenzjali ta’ persuna fiżika bl-għan li tistabbilixxi r-residenza prinċipali tagħha, it-taxxa tar-reġistrazzjoni dovuta fuq din il-proprjetà immobbli għandha titnaqqas bit-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa għar-residenza preċedenti, mibjugħa sabiex tiffinanzja l-akkwist il-ġdid, bil-kundizzjoni li dan l-akkwist il-ġdid jkun sar fi żmien sentejn mix-xiri tal-proprjetà immobbli preċedenti u li din kienet tinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.

38      Kif jirrikonoxxi r-Renju tal-Belġju, il-benefiċjarji ta’ dan it-tnaqqis jistgħu għaldaqstant ikunu biss il-persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza prinċipali tagħhom fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, li fil-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg., jixtru residenza prinċipali ġdida fit-territorju tal-imsemmi reġjun.

39      Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-iskema ta’ taxxa portabbli teskludi mill-possibbiltà li jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa tar-reġistrazzjoni li hija tipprevedi, dawk il-persuni li jixtru għall-ewwel darba beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen maħsub biex jintuża bħala residenza prinċipali u li jkunu biegħu r-residenza prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor sabiex jiffinanzjaw ix-xiri tal-beni immobbli f’dan ir-reġjun.

40      Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni kkontestata, huma esklużi mill-benefiċċju ta’ taxxa portabbli tat-taxxa tar-reġistrazzjoni l-persuni li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali tagħhom mit-territorju ta’ reġjun Belġjan, li ma huwiex ir-Reġjun ta’ Vlaanderen, lejn dan ir-reġjun tal-aħħar.

41      Madankollu għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi applikat għal tali sitwazzjoni, li hija waħda purament interna, fejn ma hemmx kwistjoni tal-eżerċizzju ta’ libertà ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern ta’ Communauté française u Gouvernement wallon vs Gouvernement flamand, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punti 37 u 38) .

42      Il-leġiżlazzjoni kkontestata teskludi wkoll mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li ma humiex ir-Renju tal-Belġju, li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali tagħhom minn Stat Membru, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, lejn it-territorju tar-Reġjun ta’ Vlaanderen u jużaw il-fondi miksuba mill-bejgħ tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom sabiex jiffinanzjaw l-akkwist tal-beni immobbli l-ġdid tagħhom li jinsab f’dan ir-reġjun.

43      Konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ tippreġudika persuni li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u għaldaqstant għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

44      F’dan ir-rigward huwa paċifiku li, billi l-persuni msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza jiġu esklużi mill-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali tat-taxxa tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, l-iskema ta’ taxxa protabbli tat-taxxa tar-reġistrazzjoni tirriżulta f’piż fiskali ikbar għalihom minn dak tal-persuni li jibbenefikaw mill-imsemmi tnaqqis. Peress li l-vantaġġi fiskali jistgħu jinfluwenzaw l-attitudni tal-persuna li tkun ser tixtri residenza prinċipali ġdida, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa fi Stat Membru, la ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, ma titnaqqasx tista’, f’ċerti każijiet, tkun dissważiva għall-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu milli jixtru beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 38, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

45      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg. jikkostitwixxi restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital.

46      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk jikkostitwixxix restrizzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE. Fil-fatt, skont ir-Renju tal-Belġju, din ma hijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ, peress li l-iskema inkwistjoni hija konformi mal-prinċipju fiskali ta’ territorjalità u r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija l-konsegwenza tad-differenzi bejn id-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

47      F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi rrilevat, bħal ma tagħmel il-Kummissjoni, li r-restrizzjonijiet inkwistjoni ma jirriżultawx minn differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, iżda mis-sempliċi skema Belġjana ta’ taxxa portabbli.

48      Barra minn hekk, huwa minnu li l-Istat Membru inkwisjoni, billi organizza l-intaxxar tax-xiri ta’ residenzi fit-territorju tiegħu, aġixxa b’konformità mal-prinċipju ta’ territorjalità stabbilit mid-dritt fiskali internazzjonali u rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Futura Participations u Singer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Madankollu, il-kompetenzi rrikonoxxuti lill-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ territorjalità għandhom jiġu eżerċitati fl-osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

49      Madankollu, skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, l-Artikolu 56 KE ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri “li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni […] rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”. Min-naħa tagħha, din id-deroga hija limitata mill-Artikolu 58(3) KE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 58(1) KE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56” (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 28, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

50      Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ japplika liberament trattament differenti skont is-sempliċi post tar-residenza prinċipali, ir-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma jkollhomx iktar skop (ara, f’dan is-sens, b’relazzjoni mal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, 18; tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 42, kif ukoll tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C-418/07, Ġabra p. I-8947, punt 26).

51      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, qabel kollox li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tiddistingwi bejn it-tnaqqis tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u dik imħallsa fi Stat Membru ieħor, tkun tista’ titqies kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew għandha tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43, Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

52      F’dan il-kuntest, ir-Renju tal-Belġju jinvoka li s-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli.

53      Kif ġie espost fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, dan l-Istat Membru isostni, b’mod partikolari, li l-persuni kollha li jixtru beni immobbli, għall-ewwel darba, li jinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen huma ttrattati b’mod simili, inkwantu huma kollha responsabbli għal taxxa tar-reġistrazzjoni sa 10 % tal-valur tas-suq tal-beni akkwistat. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni ma tistax tkun paragunabbli ma’ dik ta’ persuni li qabel xtraw, f’dan l-istess reġjun, beni immobbli maħsub sabiex ikun il-post tar-residenza prinċipali tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jkunu diġà ħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fl-imsemmi reġjun max-xiri tar-residenza prinċipali preċedenti.

54      Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

55      Fil-fatt, huwa minnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam ta’ taxxi diretti, is-sitwazzjoni tar-residenti u dik tal-persuni li ma humiex residenti fi Stat ma humiex, bħala prinċipju, paragunabbli inkwantu d-dħul irċevut fit-territorju ta’ Stat minn persuna li ma hijiex residenti jikkostitwixxi biss, fil-biċċa l-kbira, parti mid-dħul globali tagħha, li jkun ikkonċentrat fil-post tar-residenza tagħha, u inkwantu, min-naħa l-oħra, il-kapaċità personali tal-persuna li ma hijiex residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata bl-aktar mod faċli fil-post fejn hija għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha, li normalment ikun il-post tar-residenza abitwali tagħha (sentenza Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32; tas-16 ta’ Mejju 2000, Zurstrassen, C-87/99, Ġabra p. I-3337, punt 21, kif ukoll Wallentin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

56      Barra minn hekk, u kif jenfasizza r-Renju tal-Belġju, il-fatt li Stat Membru ma jagħtix lil persuna li ma hijiex residenti ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lil persuna li hija residenti ma huwiex, fil-prinċipju, diskriminatorju, meta wieħed iqis id-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tar-residenti u dik ta’ persuni li ma humiex residenti kemm mill-aspett tas-sors tad-dħul tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kapaċità personali tagħhom li jħallsu t-taxxa jew mill-aspett tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom (ara s-sentenzi Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I-5933, punt 44, u Wallentin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

57      Madankollu, huwa importanti li jiġi rrilevat li dawn il-prinċipji ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ ġurisprudenza li tirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, qasam fejn id-differenzi oġġettivi bejn il-persuni taxxabbli, bħas-sors tad-dħul, il-kapaċità tal-persuna li tħallas it-taxxa jew is-sitwazzjoni personali u familjari, jistgħu jkollhom impatt fuq it-taxxa tal-persuna li tħallas it-taxxa u ġeneralment huma meħuda inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur.

58      Madankollu, dan ma huwiex il-każ għal dak li jikkonċerna t-taxxa tar-reġistrazzjoni kkontestata, li hija stabbilita b’relazzjoni mal-prezz tal-bejgħ tal-beni immobbli. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju ma allegax, u dan ma jirriżulta mill-ebda dokument fil-proċess, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tieħu effettivament inkunsiderazzjoni xi waħda jew oħra mill-differenzi oġġettivi matul il-ħlas tal-imsemmija taxxa.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tat-taxxa tar-reġistrazzjoni kkontestata, is-sempliċi differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni li ma humiex residenti fil-Belġju, inklużi ċ-ċittadini Belġjani li użaw id-dritt għal moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, u dik tar-residenti fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, ċittadini Belġjani jew ta’ Stat Membru ieħor, li jixtru residenza prinċipali ġdida f’dan ir-reġjun, tirriżulta mill-post tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, dawn il-persuni kollha xtraw beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk u, max-xiri tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom, tal-ewwel ħallsu taxxa tal-istess natura tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru li din ir-residenza kienet tinsab, filwaqt li l-oħrajn ħallsu l-imsemmija taxxa fir-reġjun inkwistjoni.

60      Għaldaqstant hemm lok li jitqies, kif tirrileva l-Kummissjoni, li ż-żewġ sitwazzjonijiet deskritti fil-punt preċedenti huma oġġettivament paragunabbli.

61      Wara li ġie ċċarat dan, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, l-ipparagunar tas-sitwazzjoni inkwistjoni għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 38, kif ukoll Papillon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

62      F’dan ir-rigward, fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jindika li d-digriet adottat fl-1 ta’ Frar 2002 mir-Reġjun ta’ Vlaanderen, li wettaq diversi emendi għall-Wb.Reg, fil-formulazzjoni preċedenti tiegħu, għandu fundamentalment tliet għanijiet.

63      L-ewwel nett, dan id-digriet huwa intiż sabiex tiżdied il-mobbiltà marbuta max-xogħol u sabiex jitnaqqas it-traffiku fit-toroq għall-benefiċċju tal-ambjent. F’dan il-kuntest, l-iskema ta’ taxxa portabbli tinkoraġġixxi, b’mod partikolari, il-bidla tar-residenza lejn dar iktar adatta. It-tieni nett, l-imsemmija skema tippromwovi ir-rinnovazzjoni tal-proprjetajiet immobbli u ta’ djar minflok li jinbnew il-ġodda. It-tielet nett, it-tnaqqis tat-taxxa tar-reġistrazzjoni jippremetti l-moderazzjoni tal-kirjiet filwaqt li jżid, b’mod partikolari, id-dħul gross għas-sidien tal-proprjetà.

64      F’dan ir-rigward, anki fil-każ li l-leġiżlazzjoni kkontestata tista’ ettettivament tilħaq dawn l-għanijiet, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma esponiex kif l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-iskema ta’ taxxa portabbli tal-persuni li biegħu ir-residenza prinċipali tagħhom fi Stat Membru, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, tippermetti li dawn l-għanijiet jintlaħqu aħjar.

65      Fil-fatt, kif ġustament tindika l-Kummissjoni, id-diskriminazzjoni mwettqa minn din l-iskema, jiġifieri l-esklużjoni għal ċertu tip ta’ xerreja ta’ beni immobbli li jinsabu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen mill-benefiċċju ta’ taxxa portabbli, ma tikkontribwixxix għal li l-għanijiet indikati jintlaħqu, peress li r-residenti tal-Istati Membri li jgħixu qrib ir-Reġjun ta’ Vlaanderen u li jeżerċitaw attività ekonomika, bħala persuni li jaħdmu għal rashom jew bħala ħaddiema indipendenti f’dan ir-reġjun, jistgħu jiġu mħajra mill-iskema inkwistjoni sabiex jittrasferixxu r-residenza prinċipali tagħhom lejn l-imsemmi reġjun u għaldaqstant jibbenefikaw mill-vantaġġi esposti fil-punt 63 ta’ din is-sentenza.

66      Konsegwentement, l-argument imressaq mir-Renju tal-Belġju u li huwa bbażat fuq il-fatt li s-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli nazzjonali ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-persuni taxxabbli li ġejjin minn Stat Membru ieħor, ma jistax jintlaqa’.

67      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li sa fejn, fuq il-livell fiskali, l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg. jisfavorixxi s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, huwa jikkostitwixxi restrizzjoni li hija pprojbita mill-Artikolu 56(1) KE.

68      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tiġġustifika ruħha minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’tali ipoteżi, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li dan l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li tali restrizzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 35, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, p. I-2107, punt 64).

69      F’dan il-kuntest, ir-Renju tal-Belġju, sostnut mill-Gvern Ungeriż, isostni li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mill-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg. hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali tiegħu.

70      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni tali li tillimita l-libertajiet fundamentali (sentenzi Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 43).

71      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jiġi aċċettat, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Verkooijen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57; tat-18 ta’ Settembru 2003, Bosal, C-168/01, Ġabra p. I-9409, punt 29, kif ukoll Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif isostni r-Renju tal-Belġju, skont l-iskema stabbilita mill-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg., it-taxxa tar-reġistrazzjoni li tħallset mal-akkwist ta’ dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali fir-Reġjun ta’ Vlaanderen tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, titnaqqas sa mhux iktar minn EUR 12 500, mit-taxxa tar-reġistrazzjoni dovuta mal-akkwist ta’ residenza prinċipali ġdida f’dan ir-reġjun.

73      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li peress li r-Renju tal-Belġju ma għandu l-ebda dritt li jintaxxa t-tranżazzjoni ta’ xiri mwettqa preċedentement fi Stat Membru ieħor mill-persuni li jiddeċiedu li jistabbilixxu r-residenza prinċipali l-ġdida tagħhom fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, il-konfigurazzjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali jirrifletti loġika simetrika (ara, b’analoġija, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

74      Fil-fatt, jekk dawn il-persuni kellhom jibbenefikaw mill-iskema ta’ taxxa portabbli meta jakkwistaw beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, huma jkollhom vantaġġ inġust minn skema ta’ taxxa li l-akkwist ta’ proprjetà immobbli preċedenti, barra mill-Belġju, ma kinitx suġġetta għaliha.

75      Minn dan jirriżulta li, fl-imsemmija skema, teżisti rabta bejn il-vantaġġ fiskali u l-intaxxar inizjali. Fil-fatt, minn naħa, din tirrigwarda l-istess persuna taxxabbli, li diġà ħallset it-taxxa inkwistjoni u li hija eliġibbli għat-tnaqqis u, min-naħa l-oħra, vantaġġ mogħti fil-kuntest tal-istess taxxa.

76      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, f’dan il-każ, l-istess persuna taxxabbli u l-istess taxxa, tqiesu suffiċjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Verkooijen, punt 58; Bosal, punti 29 u 30, kif ukoll Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, punt 42). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma tikkontestax, u anki ammettiet fir-replika tagħha, li l-vantaġġ fiskali inkwistjoni huwa mogħti lill-istess persuna taxxabbli u fil-kuntest tal-istess taxxa.

77      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-restizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg. hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali.

78      Xorta jibqa’ l-fatt li sabiex ir-restrizzjoni tkun iġġustifikata minħabba f’dan, hija trid tkun xierqa u proporzjonata fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li, fl-atti tagħhom, la l-Kummissjoni u lanqas ir-Renju tal-Belġju ma ħadu pożizzjoni fuq in-natura proporzjonata tal-iskema inkwistjoni.

80      Għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjoni inkwistjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq tali għan sakemm hija topera b’mod perfettament simetriku, billi t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa preċedentement fil-kuntest tal-iskema fiskali Belġjana biss tista’ titnaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

81      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-imsemmija restrizzjoni hija assolutament proporzjonata għall-għan tagħha, peress li d-dispożizzjoni inkwistjoni tillimita għal mhux iktar minn EUR 12 500 l-ammont tat-tnaqqis mogħti fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni li għaliha hija responsabbli l-persuna li tixtri residenza prinċipali ġdida fir-Reġjun ta’ Vlaanderen (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Fil-fatt, billi tipprovdi għal tali limitu, l-iskema kkontestata żżomm in-natura tagħha ta’ vantaġġ fiskali u ma tammontax għal eżenzjoni moħbija.

82      Minn dan isegwi li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata minn raġunijiet intiżi sabiex iħarsu l-koerenza tas-sistema fiskali.

83      Għal dak li jirrigwarda l-impatt tal-iskema kkontestata fuq l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, invokat mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu għandhom l-istess portata ġuridika bħad-dispożizzjonijiet, li huma sostanzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-521/07, Ġabra p. I-4873, punt 33, u tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, Ġabra p. I-10659, punt 22), il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, ikunu trasposti mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 40.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-moviment liberu tal-kapital huwa infondat. Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Renju tal-Belġju.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.