Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/25


Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-250/08)

(2008/C 223/38)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u P. van Nuffel, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

tikkonstata li r-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 18, 43 u 56 tat-Trattat KE u l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE peress li, fir-Reġjun Fjamming, meta jiġi kkalkulat il-vantaġġ fiskali marbut max-xiri ta' proprjetà immobbli intiża bħala r-residenza prinċipali, it-taxxi ta' reġistrazzjoni mħallsa preċedentement għax-xiri ta' residenza prinċipali jittieħdu in kunsiderazzjoni biss jekk din tinsab fir-Reġjun Fjamming u ma jittieħdux in kunsiderazzjoni jekk din tinsab fi Stat Membru ieħor li mhuwiex il-Belġju jew fi Stat ta' l-EFTA.

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-leġiżlazzjoni Belġjana dwar it-taxxi ta' reġistrazzjoni fis-seħħ fir-Reġjun Fjamming tipprovdi tnaqqis tat-taxxi ta' reġistrazzjoni meta tinxtara residenza prinċipali fir-Reġjun Fjamming, ekwivalenti għat-taxxi ta' reġistrazzjoni mħallsa għax-xiri preċedenti ta' residenza prinċipali fir-Reġjun Fjamming, bil-kundizzjoni li, matul l-istess perijodu, ir-residenza prinċipali preċedenti tinbiegħ. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-leġiżlazzjoni tagħti vantaġġ fiskali, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess, lill-persuni li jiċċaqilqu fir-Reġjun Fjamming, liema vantaġġ mhuwiex mogħti lill-persuni li jiċċaqilqu lejn ir-Reġjun Fjamming minn Stat Membru ieħor li mhuwiex il-Belġju.. Il-Kummissjoni ssostni li din il-leġiżlazzjoni hija diskriminatorja fir-rigward taċ-ċittadini ta' l-Unjoni li jgawdu mill-moviment liberu u fil-konfront taċ-ċittadini li jgawdu mid-dritt ta' stabbiliment, u li hija tikkostitwixxi ostaklu għall-investiment fil-proprjetà immobbli fir-Reġjun Fjamming ta' kapital li joriġina minn Stati Membri oħra li mhumiex il-Belġju; li, għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tikser bħala prinċipju l-Artikoli 18 u 43 tat-Trattat KE u l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE, u l-Artikolu 50 tat-Trattat KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-kawża preżenti, ebda raġuni imperattiva ta' interess ġenerali ma tista' tiġġustifika dawn il-ksur tat-Trattat. Barra minn hekk, lanqas ma tista' tiġi invokata n-neċessità li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali, peress illi l-kawża preżenti tirrigwarda żewġ sitwazzjonijiet fiskali distinti, irregolati unikament mir-regoli proprji tagħhom applikabbli għas-sitwazzjoni kkonċernata.