Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-21 ta’ Lulju 2011 (1)

Kawża C-250/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Belġju


“Taxxa tar-reġistrazzjoni pagabbli fuq ix-xiri ta’ residenza prinċipali – Dritt tal-libertà tal-moviment u tar-residenza – Libertà tal-istabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet”





1.        F’dawn il-proċeduri l-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-ħlas ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni ġewwa r-Reġjun ta’ Vlaanderen tiddiskrimina b’mod partikolari kontra ċ-ċittadini tal-Istati Membri li jkunu jridu jeżerċitaw id-drittijijiet tagħhom li jiċċaqilqu minn residenza għal oħra, tal-libertà tal-istabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital fl-Unjoni Ewropea. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tippermetti li t-taxxa tar-reġistrazzjoni (2) li titħallas meta tinxtara residenza prinċipali fir-Reġjun ta’ Vlaanders – iżda f’ebda post ieħor – titnaqqas minn dik it-taxxa li titħallas meta tinxtara residenza prinċipali sussegwenti fl-istess Reġjun.

 I -   Il-kuntest ġuridiku

 A -      Dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u tal-Ftehim ŻEE

2.        L-Artikolu 18(1) KE [li sar l-Artikolu 21(1) TFUE] jistipula li:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għall-ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

3.        L-Artikolu 43 KE (illum l-Artikolu 49 TFUE) jipprovdi:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat membru ieħor.

Il-libertà tal-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 48, paragrafu 2 (li sar l-Artikolu 54 TFUE), taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital”.

4.        L-Artikolu 31(1) tal-Ftehim ŻEE effettivament jestendi dawk id-dispożizjonijiet għaż-Żona Ekonomika Ewropea kollha.

5.        L-Artikolu 56(1) KE (li sar l-Artikolu 63(1) TFUE) jistipula li:

“Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”

6.        L-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE effettivament jestendi din id-dispożizzjoni għaż-Żona Ekonomika Ewropea kollha kemm hi.

7.        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, sa fejn dawn ikunu identiċi, fis-sustanza tagħhom, għar-regoli korrispondenti tat-Trattat (u ta’ atti adottati sabiex ikun jista’ jiġi applikat it-Trattat), għandhom jiġu interpretati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żmien meta ġie ffirmat il-Ftehim ŻEE (3). Fil-Ftehim ŻEE ma tinsab ebda dispożizzjoni simili li hi relatata mal-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (4). Madankollu, mill-Artikolu 105 tal-Ftehim ŻEE jirriżulta li r-regoli tal-Ftehim li jkunu identiċi, fis-sustanza tagħhom, għal dawk tat-Trattat, għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (5). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex tinterpreta l-Ftehim ŻEE f’dak li jikkonċerna t-territorju tal-Unjoni Ewropea filwaqt li l-Qorti tal-EFTA għandha l-kompetenza tagħmel dan f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu fl-Istati tal-EFTA. Għaldaqstant il-Ftehim jipprovdi għal kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-EFTA (6).

8.        Ir-regoli li jipprekludu r-restrizzjonijiet għall-libertà tal-istabbiliment stipulati fl-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE huma identiċi għal dawk imposti mill-Artikolu 49 tat-Trattat (7). Barra dan, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-kapital (li l-kliem tagħhom huwa simili iżda mhux identiku għal dawk tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-TFUE) għandhom ukoll, sa fejn dan huwa possibbli, jiġu interpretati bl-istess mod (8).

 B -     Id-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE

9.        In-noti ta’ spjega fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE (9) jagħmluha ċara li “il-moviment tal-kapital” f’dan il-kuntest jinkludi x-xiri ta’ bini u ta’ art u l-kostruzzjoni ta’ bini għall-użu personali ta’ persuni privati (10).

 C -     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10.      Skont l-Artikolu 44 tal-Wetboek der registratie-, hypotheek- en griffierechten (Kodiċi tat-taxxi tar-reġistrazzjoni, taxxi fuq l-ipoteki, u d-drittijiet tar-reġistru għar-Reġjun ta’ Vlaanderen; “il-Wetboek”), għandha tiġi imposta taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ 10 % fuq il-valur tat-trasferimenti bil-ħlas kollha ta’ drittijiet proprjetarji jew użufruttwarji fuq proprjetá immobbli (11). Skont l-Artikolu 46a, fil-każ ta’ xiri ta’ proprjetà residenzjali minn individwu jew numru ta’ individwi għall-iskop li jistabilixxu r-residenza prinċipali tagħhom hemmhekk, il-bażi li fuqha ssir l-istima tiġi mnaqqsa b’EUR 12,500, sakemm ma jippossjedux xi proprjetà residenzjali oħra f’dak iż-żmien. Dan it-tnaqqis fir-rigward tal-bażi ta’ stima jistgħu jibbenefikaw minnu dawk l-individwi kollha li jkunu qiegħdin jixtru għall-ewwel darba, irrispettivament ta’ jekk qabel huma kienux għexu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen jew xi mkien ieħor.

11.      L-Artikolu 61.3 tal-Wetboek jiddisponi:

“Meta proprjetà immobbli użata jew maħsubha biex tiġi użata għal skopijiet residenzjali tinxtara permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ normali minn individwu sabiex din tkun ir-residenza prinċipali tiegħu, il-porzjon statutarju tiegħu tat-taxxa pagabbli […] mal-akkwist tad-dar li kien juża qabel bħala r-residenza prinċipali tiegħu, jew tal-art li fuqha ġiet mibnija din id-dar, għandu jiġi mnaqqas meta jitħallas il-porzjon statutarju tat-taxxa pagabbli mal-akkwist tal-proprjetà l-ġdida, sakemm l-akkwist tal-aħħar ikun sar fi żmien sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni tad-dokument li permezz tiegħu tiġi stabbilita t-taxxa proprozjonali fuq il-bejgħ mill-ġdid tad-dar preċedenti permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ normali, jew fuq id-diviżjoni ta’ dik id-dar meta tkun proprjetà komuni, u meta l-individwu jkun ċeda d-drittijiet tiegħu kollha.

Ma jista’ jsir ebda tnaqqis, taħt dan l-artikolu, ta’ taxxa mħallsa fuq ix-xiri ta’ proprjetà li ma tinsabx fir-Reġjun ta’ Vlaanders.

L-ammont li jista’ jitnaqqas [...] fl-ebda każ ma għandu jaqbeż l-EUR 12 500 [...]”.

12.      L-Artikolu 212a tal-Wetboek jipprovdi għar-rimbors (iżjed milli għat-tnaqqis) tat-taxxa tar-reġistrazzjoni meta (i) il-proprjetà preċedenti tinbiegħ fi żmien sentejn minn meta tinxtara l-proprjetà sussegwenti (ħames snin meta l-art tkun inxtrat bl-iskop li tinbena dar) u (ii) ix-xerrej jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu fid-dar il-ġdida fi żmien sentejn minn meta jkun xtraha (ħames snin meta l-art tkun inxtrat bl-iskop li tinbena dar). F’dan il-każ ukoll, il-proprjetà preċedenti għandha tkun fir-Reġjun ta’ Vlaanders, u l-ammont li jista’ jiġi rrimborsat ma jistax jaqbeż l-EUR 12 500.

13.      Jien ser nirreferi għas-sistema stabbilita permezz tal-Artikoli 61.3 u 212a tal-Wetboek bħala “il-miżura kkontestata”. Dawn l-artikoli, flimkien mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq u ma’ numru ta’ dispożizzjonijiet proċedurali relatati, ġew introdotti fil-Wetboek permezz ta’ digriet ta’ emenda fl-1 ta’ Frar 2002 (12). L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tad-digriet irrikonoxxiet il-fatt li t-taxxa tar-reġistrazzjoni spiss kienet ta’ ostakolu għal min ikun jixtieq imur jgħix iżjed viċin tal-post tax-xogħol tiegħu jew jibdel ir-residenza tiegħu jew jadattaha skont xi ċirkostanzi familjari li jkunu nbidlu. Dan iddikkjara li l-għan tal-emenda kien li “jinkoraġġixxi l-mobilità għal dawk iċ-ċittadini kollha li, tkun xi tkun ir-raġuni (professjonali, familjari jew raġuni oħra), jixtiequ jixtru dar prinċipali ġdida li tkun iżjed kumpatibbli mal-ħtiġijiet tagħhom mid-dar kurrenti tagħhom”. Dan kellu jinkiseb billi titnaqqas parti mit-taxxa mħallsa fuq residenza prinċipali preċedenti (fi kliem ieħor, id-dar), sa mhux iktar minn EUR 12 500, mit-taxxa pagabbli fuq ix-xiri sussegwenti ta’ dar oħra.

 II - Il-proċedura prekontenzjuża

14.      Billi dehrilha li l-miżura kkontestata kienet diskriminatorja u għaldaqstant ipprojbita mit-Trattat, fit-23 ta’ Diċembru 2005 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju. Il-Gvern Belġjan ikkontesta l-ksur allegat permezz tar-risposta tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2006.

15.      Il-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b’ din ir-risposta u bagħtet opinjoni motivata fit-13 ta’ Lulju 2006. Permezz ta’ ittra ddatata 13 ta’ Settembru 2006 l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li fl-opinjoni tagħhom il-miżura kkontestata kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni u li fi kwalunkwe każ kienet iġġustifikata fl-interess pubbliku.

16.      Il-Kummissjoni sostniet il-pożizzjoni tagħha u għalhekk ppreżentat ir-rikors preżenti fil-5 ta’ Mejju 2008. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li r-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 18, 43 u 56 tat-Trattat KE u l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE peress li, fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, meta jiġi kkalkulat il-vantaġġ fiskali marbut max-xiri ta’ proprjetà immobbli intiża bħala r-residenza prinċipali, it-taxxi ta’ reġistrazzjoni mħallsa preċedentement għax-xiri ta’ residenza prinċipali jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk din tinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanders ma jittieħdux inkunsiderazzjoni jekk din tinsab fi Stat Membru ieħor li ma huwiex il-Belġju jew fi Stat tal-EFTA. Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

17.      Il-Gvern Ungeriż intervjena insostenn tar-Renju tal-Belġju.

18.      Waqt is-seduta tat-23 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni u l-Gvernijiet Belġjan u dak Ungeriż kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

 III - Evalwazzjoni

 A -     Osservazzjonijiet preliminari

19.      Qabel ma neżamina r-rikors tal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġu kkjarifikati numru ta’ kwistjonijiet preliminari.

20.      L-ewwel nett, ir-Renju tal-Belġju huwa kkostitwit minn tliet Komunitajiet, tliet Reġjuni u erba’ żoni lingwistiċi (13). It-tliet Reġjuni għandhom ċerti kompetenzi leġiżlattivi; madankollu, dawk tal-Komunità Fjamminga u dawk tar-Reġjun ta’ Vlaanders ingħaqdu u jiġu eżerċitatli flimkien mill-Gvern ta’ Vlaanders, li introduċa l-miżura kkontestata. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li Stat Membru jista’ jinsab ħati meta awtorità lokali jew reġjonali tikser id-dritt tal-Unjoni (14).

21.      It-tieni nett, it-taxxa tar-reġistrazzjoni fil-Belġju diġà ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-obbligu tal-ħlas ta’ din it-taxxa skont ordni ta’ qorti nazzjonali fir-rigward ta’ kawża ta’ natura kuntrattwali (15). F’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat li t-taxxa pagabbli kienet taxxa indiretta. Madankollu, meta għamlet dan, hija essenzjalment adottat il-klassifikazzjoni mogħtija mill-qorti nazzjonali (16). F’termini ġenerali, id-distinzjoni bejn it-taxxa indiretta u dik diretta hija din: taxxa indiretta tkun inkluża f’somma mħallsa minn persuna lil persuna oħra li tassumi r-responsabbiltà għat-taxxa iżda li ma terfax il-piż ekonomiku, filwaqt li taxxa diretta tinġabar mill-persuna li terfa’ l-piż ekonomiku (17). Għalhekk naħseb li jkun iżjed xieraq li taxxa fuq transazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli li l-piż tagħha jaqa’ fuq ix-xerrej u li tiġi miġbura minn għandu, titqies bħala taxxa diretta pjuttost milli taxxa indiretta.

22.      It-tielet nett, indipendentement minn jekk it-taxxa tar-reġistrazzjoni fil-każ preżenti tikkostitwixxix tassazzjoni diretta jew indiretta, huwa ċar li din ma taqax fl-ambitu tal-armonizzazzjoni tal-Unjoni u għalhekk taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (18).

23.      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qed tallega l-ksur tal-Artikoli 18, 43 u 56 KE (u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li jikkorrispondu maż-żewġ artikoli tal-aħħar). Il-Gvern Belġjan jikkontendi li l-Artikolu 56(1) KE huwa l-unika dispożizzjoni relevanti u li l-kwistjoni preżenti għandha tiġi kkunsidrata abbażi tiegħu biss.

24.      L-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni tiżvela aspett kurjuż tal-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni meta wieħed iqabbilha ma’ dik li ħadet fir-rigward ta’ żewġ rikorsi għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu ppreżentati fl-istess perjodu: Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (19), li nqatgħet fl-20 ta’ Jannar 2011, u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (20). Il-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda eżenzjoni mit-taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà għal dawk li jkunu qed jixtru l-proprjetà għall-ewwel darba u li jew kienu jgħixu permanentement fil-Greċja jew kienu ta’ nazzjonalità Griega. L-imsemmija kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tirrigwarda miżura li permezz tagħha, fil-każ ta’ bejgħ ta’ dar u x-xiri ta’ dar oħra, it-taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà tiġi imposta biss fuq id-differenza fil-valur tas-suq bejn iż-żewġ proprjetajiet, sakemm dawn ikunu jinsabu t-tnejn fl-Ungerija.

25.      Huwa ċar li jeżistu ċerti similaritajiet bejn il-miżuri kkontestati f’dawn il-kawżi u fil-każ preżenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tallega diskriminazzjoni u restrizzjoni tal-libertajiet tat-Trattat fit-tliet każijiet. Madankollu, f’dawk il-kawżi, il-Kummissjoni kienet allegat li nkisru l-Artikoli 18, 39, u 43 KE u (fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ġie wkoll allegat li kien hemm ksur tal-Artikolu 12 KE) (21), filwaqt li fil-kawża preżenti tikkontendi li hemm ksur tal-Artikoli 18, 43 u 56 KE, flimkien mal-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE, iżda mhux ksur tal-Artikolu 12 u 39 KE (22).

26.      Għalkemm huwa ċar li f’kull każ jeżistu karatteristiċi li jiddistingwu l-miżuri inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tidhirx li hija kompletament konsistenti. Xorta waħda, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi kif tħejji r-rikors tagħha fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu, u l-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk kull allegazzjoni partikolari għandhiex tiġi sostnuta. Għalhekk, dak li qed jipproponi l-Gvern Belġjan ma jistax jiġi kkunsidrat.

 B -     L-ordni tal-analiżi

27.      Huwa fatt li l-Artikolu 18 KE, li jistabilixxi f’termini ġenerali d-dritt, li għandu kull ċittadin tal-Unjoni, għal-libertà tal-moviment u għar-residenza ġewwa t-territorju tal-Istati Membri, jinsab imfisser b’mod speċifiku fl-Artikolu 43 f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ persuna minħabba attività ekonomika (23). Barra dan, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja f’Konle (24), id-dritt li wieħed jakkwista, juża jew jiddisponi minn proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa l-korollarju tal-libertà tal-istabbiliment; u l-moviment tal-kapital jinkludi ukoll l-investimenti f’dik il-proprjetà ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru minn persuni li ma humiex residenti hemm (25). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja normalment tikkunsidra dawk id-dispożizzjonijiet li huma iżjed speċifiċi qabel ma teżamina dawk id-dispożizzjonijiet li huma iżjed ġenerali (26).

28.      Madankollu, jidhirli li, fil-proċeduri għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu preżenti l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat kif inhu fuq leġiżlazzjoni relatata max-xiri ta’ residenza privata, għandu primarjament jikkonċerna d-dritt tal-moviment u tar-residenza ġewwa t-territorju tal-Istati Membri, iggarantit mill-Artikolu 18 KE. Fil-każ li din ir-residenza tkun inxtrat b’fondi trasferiti minn Stat Membru ieħor, it-transazzjoni tkun tirrikjedi l-moviment liberu tal-kapital meħtieġ, kif previst fl-Artikolu56 KE. Fl-aħħar nett, fil-każ li ċ-ċittadini jistgħu jeżerċitaw (jew għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw) attività ekonomika minn jew viċin ir-residenza privata tagħhom, il-kwistjoni tista’ tqum ukoll f’dak li jirrigwarda l-eżerċitar tad-dritt tal-istabbiliment previst fl-Artikolu 43 KE.

29.      Għalhekk jidher loġiku li wieħed l-ewwel jindirizza l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 18 KE (li ma hemm xejn li jikkorrispondi miegħu fil-Ftehim ŻEE), qabel ma jibda jeżamina l-argumenti relatati mal-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 43 KE; l-Artikolu 31(1) tal-Ftehim ŻEE) u l-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 56(1) KE; l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE).

 C -     L-Artikolu 18 KE

30.      Ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tal-moviment u tar-residenza skont l-Artikolu 18 KE għandu jingħata, fl-Istati Membri kollha, l-istess trattament ġuridiku li jingħata liċ-ċittadini ta’ dawk l-Istati Membri li jsibu lilhom infushom fl-istess sitwazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tqiegħed liċ-ċittadini ta’ Stat Membru fi żvantaġġ sempliċiment minħabba li huma eżerċitaw il-libertà tagħhom tal-moviment u tar-residenza fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertajiet mogħtija lil kull ċittadin tal-Unjoni mill-Artikolu 18(1) KE (27).

31.      Id-diskriminazzjoni abbażi tar-residenza, peress li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità, hija tema rikorrenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà tal-istabbiliment (28). Madankollu, għall-kuntrarju ta’ każijiet bħal dawn, ma huwiex neċessarju, għall-iskopijiet tal-Artikolu 18 KE, li wieħed jistabbilixxi li miżura tkun taffettwa b’mod negattiv lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra iżjed milli taffettwa lill-dawk tal-Istat li jkun qed jimponi l-miżura (29).

32.      F’dak li jirrigwarda l-eliġibilità għall-eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxi fuq ir-reġistrazzjoni, iċ-ċittadini tal-Unjoni li minn Stat Membru ieħor imorru jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, jingħataw, skont il-miżura kkontestata, l-istess trattament bħal dak mogħti liċ-ċittadini Belġjani li huma residenti f’dak ir-reġjun?

33.      L-ewwelnett, huwa neċessarju li wieħed jidentifika t-termini ta’ paragun korretti. Għandu jsir paragun bejn iċ-ċittadini tal-Belġju li jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jixtru dar f’dak ir-reġjun (jiġifieri paragun fuq bażi wiesgħa)?

34.      L-ewwel kategorija (Belġjani residenti fir-Reġjun ta’ Vlaanderen) tikkonsisti f’ċittadini Belġjani li jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u li mbagħad (a) ibigħu d-dar tagħhom u jixtru dar minflokha fl-istess reġjun; jew (b) ma jkollhomx proprjetà iżda jixtru waħda għall-ewwel darba fir-Reġjun ta’ Vlaanderen; jew (c) ibigħu id-dar tagħhom u jixtru dar minflokha barra r-Reġjun ta’ Vlaanderen (kemm jekk f’xi post ieħor fil-Belġju stess kif ukoll jekk fi Stat Membru ieħor).

35.      Il-kategorija tal-aħħar (iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni) tkun tinkludi s-sotto-kategoriji li ġejjin: persuni li jbigħu id-dar tagħhom fi Stat Membru ieħor u jixtru dar minflokha fir-Reġjun ta’ Vlaanderen; u persuni li jkunu telqu mir-Reġjun ta’ Vlaanderen fejn huma kellhom il-proprjetà sabiex imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor iżda li mbagħad jiddeċiedu li jirritornaw f’dak ir-Reġjun u jixtru proprjetà hemm. Dan il-grupp tal-aħħar huwa suġġett għal ċerti regoli skont il-miżura nazzjonali kkontestata. Għalhekk ser nikkunsidraha iżjed fit-tul fil-punti 74 sa 78 iktar ’l-isfel.

36.      Iż-żewġ kategoriji wiesgħa ta’ persuna li tixtri dar, huma fl-istess sitwazzjoni tant li jkun jaqbel li jsir paragun bejniethom?

37.      Fil-każ li dawn iż-żewġ kategoriji jikkonsistu f’persuni li jixtru dar ġewwa l-Unjoni, ir-risposta hija “iva”.

38.      Jekk il-paragun isir fuq din il-bażi wiesgħa, dawk kollha li jixtru dar għall-ewwel darba fir-Reġjun ta’ Vlaanderen jiġu trattati bl-istess mod kemm jekk dawn imorru jgħixu f’dak ir-reġjun minn Stat Membru ieħor kif ukoll jekk huma jiċċaqilqu ġewwa l-istess reġjun. L-ebda kategorija ta’ persuna li tkun qed tixtri dar għall-ewwel darba ma tkun eliġibbli għal tnaqqis fuq dak l-ewwel xiri, għalkemm it-tnejn ikunu jibbenifikaw minn tnaqqis mill-bażi taxxabbli tat-taxxa tar-reġistrazzjoni (30).

39.      Naturalment, dawk l-individwi li mbagħad ibigħu il-proprjetà tagħhom fir-Reġjun ta’ Vlaanderen biex imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor ma jibbenifikawx mit-tnaqqis. Madankollu, din hija sempliċiment il-konsegwenza tal-prinċipju tat-territorjalità fiskali. Min-naħa l-waħda, ir-Reġjun ta’ Vlaanderen ma jistax jimponi taxxa tar-reġistrazzjoni fuq proprjetà mixtrija fi Stat Membru ieħor u għalhekk ma jistax isir tnaqqis f’dawn iċ-ċirkustanzi. Min-naħa l-oħra ma hemm xejn li jobbliga lill-Istati Membri joffru lil dawn il-persuni xi benefiċċju li huwa ekwivalenti għat-tnaqqis li jkun sarilhom li kieku l-akkwist sussegwenti tagħhom kien seħħ fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.

40.      Fl-aħħar nett, l-individwi li sussegwentement ibigħu il-proprjetà tagħhom fir-Reġjun ta’ Vlaanderen biex imorru jgħixu f’post ieħor fil-Belġju jiġu kollha ttrattati l-istess – lanqas huma ma jibbenefikaw mit-tnaqqis.

41.      Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-paragun għandu jsir fuq bażi iżjed ristretta, jiġifieri bejn dawk l-individwi li jmorru jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen minn Stat Membru ieħor, u li jbigħu id-dar tagħhom biex jixtru (l-ewwel) residenza prinċipali f’dan ir-reġjun, u dawk l-individwi li jibqgħu ġewwa r-Reġjun ta’ Vlaanderen u li jbigħu id-dar tagħhom u jixtru residenza minflokha. Il-Kummissjoni ssostni li ma hemmx distinzjoni oġġettiva bejn dawn il-persuni. It-tnejn li huma jkunu qed imorru jgħixu f’dar oħra ġewwa l-Unjoni Ewropea. Fiż-żewġ każijiet it-taxxa tar-reġistrazzjoni titħallas fil-mument meta tinxtara d-dar il-ġdida u, fiż-żewġ każijiet, id-dar preċedenti tinbigħ sabiex tinxtara residenza minflokha fir-Reġjun ta’ Vlaanderen. Dawk li d-dar preċedenti tagħhom kienet fir-Reġjun ta’ Vlaanderen ħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq il-proprjetà preċedenti tagħhom. Dawk li marru jgħixu f’dan ir-reġjun minn Stat Membru ieħor ħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni jew taxxa simili fl-Istat fejn kienu jgħixu qabel. Għalhekk iż-żewġ sitwazzjonijiet jistgħu jiġu pparagunati b’mod oġġettiv. Għaldaqstant jidher li, essenzjalment, l-ilment tal-Kummissjoni hu li (għall-kuntrarju ta’ persuni bħalhom li jmorru jgħixu f’dar ġdida fir-Reġjun ta’ Vlaanderen) dawk il-persuni li minn Stat Membru ieħor imorru jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, ma jgawdu minn ebda benefiċċju (jiġifieri tnaqqis) f’dan ir-reġjun fir-rigward ta’ taxxa (simili) imħallsa fl-Istat Membru li minnu jkunu telqu. Minħabba dan huma jsofru żvantaġġ fiskali.

42.      Mandankollu, fil-fehma tiegħi, anki l-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji b’mod ristrett mhux bilfors twassal għall-konklużjoni li individwi li jmorru jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen minn Stat Membru ieħor huma fl-istess sitwazzjoni ta’ persuni li jiċċaqilqu ġewwa dak ir-reġjun stess.

43.      Biex jiġi meqjus li jkun fl-istess sitwazzjoni, l-individwu inkwistjoni għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-miżura kkontestata u għalhekk ikun eliġibbli għat-tnaqqis. Dawn il-kundizzjonijiet huma: (a) ir-residenza preċedenti trid tkun proprjetà ta’ u mibjugħa minn dik il-persuna; (b) din il-persuna trid jixtri residenza minflokha li tinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen; u (ċ) għandha tkun tħallas taxxa tar-reġistrazzjoni jew taxxa ekwivalenti fil-mument meta takkwista r-residenza preċedenti.

44.      Huwa faċli li wieħed jistabilixxi jekk ikunux ġew sodisfatti l-ewwel żewġ kundizzjonijiet. Mandakollu, wieħed ma jistax faċilment jippreżumi li t-tielet kundizzjoni – li l-individwu inwkistjoni jkun ħallas l-istess taxxa jew taxxa ekwivalenti (għal dik imħallsa fir-Reġjun ta’ Vlaanderen) fuq id-dar preċedenti tiegħu fl-Istat Membru li jkun telaq minnu – tkun ġiet sodisfatta.

45.      L-Istati Membri kollha għandhom sistemi ta’ taxxi normalment imsejħa taxxi fuq it-trasferiment tal-proprjetà. Il-miżura kkontestata hija eżempju ta’ din it-tip ta’ taxxa. Madankollu, il-bażi ta’ tassazzjoni, ir-rati, jekk jeżistux eżenzjonijiet u l-iskemi li abbażi tagħhom tingħata l-għajnuna, ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor minħabba l-fatt li dawn it-taxxi ma ġewx armonizzati fl-Unjoni (31). Għalhekk, anki meta individwu li jmur jgħix fir-Reġjun ta’ Vlaanderen minn Stat Membru ieħor kien is-sid tar-residenza tiegħu preċedenti f’dak l-Istat Membru, mhux bilfors ifisser li dan ikun ħallas l-istess taxxa jew taxxa ekwivalenti. Pereżempju, seta’ kien il-każ li r-residenza preċedenti tiegħu kienet eliġibbli għal eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà f’dak l-Istat: u għalhekk ma tkun tħallset ebda taxxa ekwivalenti (32).

46.      Barra dan, il-kwistjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta’ dawn it-taxxi hija waħda li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għalhekk, ma jistax jiġi preżunt li l-ħlas ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor huwa, jew għandu jiġi, rikonoxxut bħala ħlas ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni għall-iskopijiet tar-Reġjun ta’ Vlaanderen. Din is-sitwazzjoni ġiet deskritta bħala waħda li hija konsistenti mad-dritt tal-Unjoni fiċ-ċirkustanzi preżenti (33).

47.      Għalhekk, anki jekk il-paragun isir fuq il-bażi ristretta appoġġjata mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi preżunt li l-individwi kollha li jmorru jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen minn Stat Membru ieħor huma fl-istess sitwazzjoni ta’ dawk li jibdlu d-dar tagħhom ġewwa dan ir-reġjun stess.

 D -     Diskriminazzjoni kontra residenti tar-Reġjun ta’ Vlaanderen li jirritornaw

48.      F’serje ta’ kawżi, li l-ewwel waħda minnhom kienet D’Hoop (34), il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat dawk il-każijiet fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni ġew ittratati b’mod inqas favorevoli fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom milli jiġu ttrattati kieku ma eżerċitawx id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, billi qalet li dan “ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċ-ċittadin jista’ jkun is-suġġett, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, ta’ trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu [li kieku ċittadin, fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, kellu jingħata trattament inqas favorevoli minn dak li kien igawdi] kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu” (35).

49.      Il-miżura kkontestata tqiegħed lil dawk ir-residenti tar-Reġjun ta’ Vlaanderen li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor u jirritornaw fir-Reġjun ta’ Vlaanderen wara li jkun għadda ċerta perijodu ta’ żmien, fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ residenti tar-Reġjun ta’ Vlaanderen li jkomplu jgħixu hemm, sempliċiment minħabba li dawn ta’ qabel ikunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċirkolaw b’mod liberu ġewwa l-Unjoni Ewropea (36)?

50.      Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex il-każ.

51.      Skont il-miżura kkontestata, persuna residenti fir-Reġjun ta’ Vlaanderen li tbigħ ir-residenza prinċipali tagħha biex tmur tgħix (pereżempju) fi Franza u li mbagħad tirritorna fir-Reġjun ta’ Vlaanderen wara perijodu ta’ erba’ snin ma tkunx intitolata għat-tnaqqis li jsir fir-rigward ta’ residenza prinċipali li tinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, u li hija tixtri hekk kif tirritorna hemm. Madankollu, persuna residenti fir-Reġjun ta’ Vlaanderen li tbigħ ir-residenza prinċipali tagħha, tibqa’ tgħix fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, iżda tmur togħqod f’dar mikrija, u mbagħad, wara erba’ snin tiddeċiedi li tixtri, f’dak ir-reġjun stess, residenza prinċipali flok dik li kellha, ukoll ma tkunx intitolata għat-tnaqqis. L-individwu li jkun eżerċità d-dritt tiegħu tal-moviment liberu jkun preċiżament fl-istess pożizzjoni ta’ dak li ma jkunx eżerċità dan id-dritt. It-tnejn li huma ma jkunux eliġibbli għat-tnaqqis minħabba li ma jkunux xtraw proprjetà biex tissostitwixxi dik li kellhom fi żmien sentejn, kif previst fil-miżura kkontestata (37).

52.      Għalhekk, kull żvantaġġ jirriżulta mill-fatt li l-individwu ma jkunx xtara proprjetà oħra flok dik lil kellu fi żmien sentejn minn meta jkun bigħ ir-residenza prinċipali tiegħu, u mhux mill-fatt li jkun eżerċità d-dritt tal-moviment liberu.

53.      Għalhekk l-ewwel ilment tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’.

 E -     Il-libertà tal-istabbiliment (Artikolu 43 KE; Artikolul 31(1) tal-Ftehim ŻEE) u l-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56(1) KE; Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE)

 Il-punti ewlenin tal-argumenti ppreżentati

54.      Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li persuni li jbigħu d-dar eżistenti tagħhom sabiex jixtru dar ġdida fir-Reġjun ta’ Vlaanderen jiġu ttratati b’mod iżjed favorevoli jekk id-dar eżistenti tkun tinsab f’dak ir-reġjun milli fi Stat Membru ieħor jew fi Stat tal-EFTA; li ż-żewġ gruppi ta’ xerrejja jistgħu jiġu pparagunati b’mod oġġettiv, b’tali mod li d-differenza fit-trattament tkun projbita – b’mod impliċitu fil-forma ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità u, fi kwalunkwe każ, minħabba li dan imur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali; u li dawk li jkunu qed jikkontemplaw li jmorru jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen f’dawn iċ-ċirkustanzi x’aktarx li jkunu skoraġġuti milli jagħmlu hekk minħabba dik id-diskriminazzjoni, li għalhekk tkun ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-istabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital.

55.      Il-Gvern Belġjan, filwaqt li jaċċetta li teżisti differenza fit-trattament, isostni li din ma hijiex diskriminatorja minħabba li ż-żewġ gruppi ma humiex paragunabbli: dawk li preċedentement ikunu ħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fir-Reġjun ta’ Vlaanderen huma distingwibbli b’mod oġġettiv minn dawk li jkunu preċedentement ħallsu taxxa fi Stat ieħor. Il-Gvern Belġjan ikompli jsostni li, minħabba l-prinċipju ta’ territorjalità (jew sovranità) fiskali, it-trasferimenti ta’ proprjetà immobbli jistgħu jiġu ntaxxati biss mill-awtorità fiskali tal-istess ġurisdizzjoni li fiha tkun tinsab il-proprjetà. Minn dan jirriżulta li, il-bżonn li tinżamm il-koerenza fis-sistema fiskali jfisser li hija biss dik it-taxxa li tkun diġá ġiet imposta f’dik il-ġurisdizzjoni li tista’ tiġi mnaqqsa minn taxxa li sussegwentement tiġi imposta hemm.

56.      Il-Gvern Ungeriż, bħall-Gvern Belġjan, iqis li l-miżura kkontestata ma tiddiskriminax kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jmorru jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen. Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż isostni li jekk jinstab li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija restrittiva, dan ikun iġġustifikat minħabba l-prinċipju tat-territorjalità fiskali u, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku marbuta mal-koeżjoni tas-sistema fiskali.

57.      B’risposta għal dan il-punt tal-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata mill-bżonn li jkun hemm koerenza tas-sistema fiskali biss jekk ikun hemm konnessjoni diretta bejn il-vantaġġ fiskali inwkistjoni u l-ikkumpensar ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari. Madankollu ma hemm ebda konnessjoni bħal din bejn taxxa mħallsa fuq ix-xiri ta’ proprjetà unika u t-tnaqqis tat-taxxa pagabbli max-xiri ta’ proprjetà sussegwenti. Il-miżura kkontestata sempliċiment tfisser li l-awtoritajiet ta’ Vlaanderen iċedu dik il-parti tad-dħul tal-finanzi li kieku kien jinġabar mat-tieni tranżazzjoni.

 2.     Analiżi

58.      Jeżistu numru ta’ punti li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet.

59.      L-ewwel nett, hemm qbil dwar il-punt li l-kompetenza ta’ Stat Membru (jew ta’ xi suddiviżjoni ta’ Stat Membru li timponi t-taxxi, bħalma hija r-Reġjun ta’ Vlaanderen) li jintaxxa t-trasferimenti ta’ proprjetà immobbli għandha tkun bħala prinċipju limitata għal transazzjonijiet li jirrigwardaw proprjetà ġewwa t-territorju tagħha stess. Għalhekk, jekk tiġix imposta taxxa tar-reġistrazzjoni fuq xiri ta’ proprjetà fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u, jekk iva, b’liema rata tiġi imposta, hija kwistjoni li jiddeċiedu dwarha l-awtoritajiet ta’ dak ir-reġjun, bħalma fil-fatt huma l-Istati Membri li jiddeċiedu jimponux taxxa fuq xiri li jsir fit-territorju tagħhom u, jekk iva, f’liema livell.

60.      Imbagħad, hemm qbil komuni li persuni li jkunu qed jixtru residenza prinċipali fir-Reġjun ta’ Vlaanderen wara li kienu proprjetarji ta’ residenza prinċipali preċedenti, għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk ix-xiri tal-proprjetà preċedenti kienx suġġett għal taxxa tar-reġistrazzjoni f’dak ir-reġjun jew le.

61.      Anki jekk ma jkunx hemm din id-differenza fit-trattament, jista’ fil-fatt ikun il-każ li l-10 % taxxa imposta fir-Reġjun ta’ Vlaanderen tkun ta’ deterrent oġġettiv għal xerrej potenzjali li jkun irid jiċċaqlaq minn post għall-ieħor, jekk ikun hemm Stati oħra li jimponu rata ta’ taxxa iżjed baxxa (jew ebda taxxa). Madankollu, id-differenzi fir-rati tat-taxxa bejn l-Istati Membri, li huma r-riżultat tal-eżerċitar indipendenti tal-kompetenza fiskali f’qasam fejn ma teżisti ebda armonizzazzjoni tal-Unjoni, ma jaqgħux fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà tal-moviment, li ma joffru ebda garanziji li l-eżerċitar ta’ dawn il-libertajiet ser ikun fiskalment newtru (38).

62.      Id-differenza fit-trattament tikkostitwixxi diskriminazzjoni?

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li r-regoli li jirrigwardaw it-trattament ugwali mhux biss jipprojbixxu d-diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità, iżda anki kull forma ta’ diskriminazzjoni indiretta li, meta jiġu applikati kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal fil-fatt għall-istess riżultat (39). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li: “dispożizzjoni nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja, meta min-natura tagħha stess hija tista’ taffettwa kemm liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll liċ-ċittadini nazzjonali filwaqt li b’konsegwenza ta’ dan ikun hemm ir-riskju li tisfavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari [liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra iżjed miċ-ċittadini tal-Istati li jkun qed jilqa’ b’konsegwenza ta’ riskju li din tqiegħed lil tal-ewwel fi żvantaġġ ikbar]” (40).

64.      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament iddeċidiet ukoll li liġi, anki meta tapplika għall kullħadd, li permezz tagħha l-intitolament għal dritt ikun soġġett għal kundizzjoni ta’ residenza f’reġjun ta’ Stat Membru, u b’hekk tiffavorixxi liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru iżjed miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, tkun qed tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (41).

65.      Huwa ċar li l-miżura kkontestata ma tiddiskriminax direttament minħabba nazzjonalità.

66.      It-tliet kundizzjonijiet fil-miżura kkontestata li għandhom jiġu sodisfatti biex ikun jista’ isir tnaqqis (42) huma intrinsikament predisposti li jaffettwaw liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra iktar miċ-ċittadini Belġjani li jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, tant li jqiegħdu lill-dawk tal-ewwel fi żvantaġġ u għalhekk jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta?

67.      Mill-analiżi li jien għamilt fir-rigward tal-Artikolu 18 KE jirriżulta (43) li jiena nqis li t-tweġiba għandha tkun “le”.

68.      Huwa relattivament faċli li wieħed jistabilixxi jekk individwu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen li jixtri residenza prinċipali flok dik li kellu qabel f’dak ir-reġjun, ikunx ħallas taxxa tar-reġistrazzjoni fuq id-dar preċedenti tiegħu. Madankollu fin-nuqqas ta’ evidenza li tħallset taxxa ekwivalenti (u/jew ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ taxxi tar-reġistrazzjoni bejn l-Istati inkwistjoni, li fil-fatt għadu ma jeżistix), wieħed ma jistax jassumi li l-individwi kollha li jixtiequ jmorru jgħixu f’dan ir-reġjun minn Stat Membru ieħor ikunu fl-istess pożizzjoni ta’ nies bħalhom li jiċċaqilqu ġewwa r-Reġjun ta’ Vlaanderen. Għalhekk, wieħed ma jistax jistaqsi “teżisti diskriminazzjoni mhix iġġustifikata bejn dawk li ħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u dawk li ħallsu taxxa ekwivalenti fi Stat Membru ieħor?” minħabba li wieħed ma jistax jassumi li qed isir paragun bejn żewġ sitwazzjonijiet tal-istess tip.

69.      Ix-xerrejja kollha huma soġġetti għall-istess obbligu li jħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fir-Reġjun ta’ Vlaanderen. F’dan ir-rigward, ma tista’ ssir ebda distinzjoni oġġettiva bejniethom.

70.      Il-mistoqsija allura għandha tkun, kif qed jiġu sussegwentement ittrattati dawn ix-xerrejja? Teżisti, f’dan l-istadju, diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn kategoriji diversi ta’ xerrejja tad-djar fir-Reġjun ta’ Vlaanderen?

71.      Meta wieħed iħares lejn il-kwistjoni f’dan id-dawl, jidher li dawk kollha li jixtru residenza prinċipali fir-Reġjun ta’ Vlaanderen qed jiġu ttrattati bl-istess mod: wara li jkunu ħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni darba, jitnaqqas kreditu ta’ mhux iżjed minn EU 12 500 meta jitħallas l-ammont pagabbli max-xiri sussegwenti ta’ residenza prinċipali fl-istess reġjun (44). Fin-nuqqas ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku, it-taxxi fuq it-trasferiment tal-proprjetà mħallsa barra r-reġjun jistgħu legalment jiġu injorati. Huwa veru li teżisti differenza fit-trattament bejn dawk li jixtru l-ewwel residenza prinċipali tagħhom fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u dawk li jixtru residenza prinċipali sussegwenti hemm. Madankollu, sakemm il-fatturi l-oħra jibqgħu l-istess ikun jidher plawżibbli li wieħed jippresupponi li t-trattament inqas favorevoli ta’ dawk li jkunu qed jixtru għall-ewwel darba jkun iżjed predispost li jaffettwa dawk li jkunu diġà residenti f’dak ir-reġjun milli lil dawk li preċedentement ikunu għexu xi mkien ieħor – u għalhekk iżjed predispost li jaffettwa liċ-ċittadini Belġjani milli liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew ta’ xi Stat tal-EFTA – minnħabba li, ġeneralment, in-nies għandhom it-tendenza jixtru l-ewwel dar tagħhom f’pajjiż jew f’reġjun fejn huma jkunu diġà residenti.

72.      Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ f’Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (45) ma huwiex possibbli li hawnhekk issir distinzjoni ċara bejn iċ-ċittadini u l-barranin u li jsir paragun bejn iż-żewġ gruppi. Lanqas ma bilfors jirriżulta li l-miżura kkontestata taffettwa liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra iżjed milli taffettwa liċ-ċittadini Belġjani li jgħixu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u li dawk ta’ qabel jiġu żvantaġġati.

73.      F’dak li jirrigwarda individwu li jmur jgħix fir-Reġjun ta’ Vlaanderen minn Stat Membru li jimponi rata ta’ taxxa (taxxa) fuq ix-xiri ta’ residenza prinċipali li tkun iktar baxxa mill-10 % imposta fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, jista’ fil-fatt ikun il-każ li r-rata (li hija sostanzjali) tkun meqjusa bħala żvantaġġ. Madankollu, dan huwa żvantaġġ li jsofruh dawk l-individwi kollha li jixtru proprjetà fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.

74.      Għalhekk jidhirli li l-miżura kkontestata ma hijiex indirettament diskriminatorja.

75.      Minkejja dan, nixtieq niġbed l-attenzjoni għal restrizzjoni oħra fuq il-moviment liberu, li tista’ tirriżulta mill-miżura kkontestata.

76.      Persuna li preċedentement kellha residenza prinċipali fir-Reġjun ta’ Vlaanderen tista’ tnaqqas (sa mhux iżjed minn) EUR 12 500 mit-taxxa tar-reġistrazzjoni max-xiri ta’ dik ir-residenza, mit-taxxa tar-reġistrazzjoni pagabbli meta tixtri residenza prinċipali sussegwenti f’dak ir-reġjun – iżda biss jekk it-tieni akkwist isir fi żmien ċertu perijodu (sentejn jew ħames snin skont kif ikun il-każ) minn meta tkun inbigħet il-proprjetà preċedenti. Resident li jbigħ id-dar prinċipali tiegħu biex imur jgħix fi Stat Membru ieħor jew fi Stat tal-EFTA għal xi perijodu itwal, li mbagħad jerġa’ jmur jgħix fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, jitlef il-vantaġġ, mhux żgħir, li kieku kien ikun intitolat għalih.

77.      Prima facie, jidher li dik il-limitazzjoni fiż-żmien li fiha jista’ jsir it-tnaqqis tista’ sservi ta’ deterrent għal-libertà tal-moviment u tar-residenza, minħabba li tali individwu ma jkunx jibbenifika mit-tnaqqis meta hu jirritorna fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.

78.      Madankollu, il-Kummissjoni ma ffukatx fuq dak l-aspett tal-miżura kkontestata fir-rikors tagħha, u l-Gvern Belġjan ma kellux l-opportunità li jkkunsidra u jwieġeb għal ilment speċifiku magħmul għal din ir-raġuni. Għalhekk ma nqisx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi favur il-Kummissjoni fuq dak il-motiv.

 F -     Ġustifikazzjoni

79.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-fehma tiegħi, iżda ssib li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi restrizzjoni projbita ta’ dritt tal-moviment kif qed tallega l-Kummissjoni, isir neċessarju li wieħed iqis l-argumenti ppreżentati bħala ġustifikazzjoni mill-Gvern Belġjan, jiġifieri l-koerenza tas-sistema fiskali u r-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

1.      Koerenza tas-sistema fiskali

80.      Filwaqt li tirrikonoxxi li l-bżonn li tinżamm il-koeżjoni f’sistema fiskali nazzjonali jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali fil-forma ta’ trattament differenti skont jekk avveniment partikolari jkunx seħħ fi ħdan jew barra l-ambitu ta’ dik is-sistema, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat li ġustifikazzjoni bħal din tiddependi fuq il-fatt li jkun hemm konnessjoni diretta bejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni ta’ taxxa speċifika (46). Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ssostni li ma teżisti ebda konnessjoni bħal din; filwaqt li l-Gvern Belġjan isostni li teżisti konnessjoni bejn il-ħlas ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni fir-rigward tal-ewwel proprjetà u kull ħlas ta’ taxxa bħal din fuq xiri sussegwenti.

81.      Fil-fehma tiegħi ma hemm ebda konnessjoni diretta, fil-kuntest ta’ dak li tistabilixxi l-ġurisprudenza, bejn l-impożizzjoni ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni (jew taxxa ekwivalenti) mal-akkwist ta’ residenza prinċipali u tnaqqis mill-ammont impost meta tiġi akkwistata residenza prinċipali sussegwenti biex tissostiwixxi l-ewwel waħda (meta ż-żewġ proprjetajiet ikunu jinsabu fl-Istess Stat Membru). Ma hemm ebda dubju li f’moħħ ix-xerrej teżisti konnessjoni bejn iż-żewġ transazzjonijiet minħabba li dawn jiggarantixxu lilu, u fejn applikabbli lill-familja tiegħu wkoll, residenza b’mod koerenti u kontinwu. Madankollu, bħala avvenimenti taxxabli, dawn huma fil-fatt indipendenti minn xulxin.

82.      Il-Gvern Belġjan isostni li s-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ dik fis-sentenza Bachmann (47).

83.      F’dak il-każ, Bachmann kien iffirma kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-mard u għall-invalidità, flimkien ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, fil-Ġermanja, fejn hu kien jaħdem, qabel ma mar jgħix u jaħdem fil-Belġju, fejn kompla jħallas il-poloz ta’ assigurazzjoni li kien dovut iħallas skont dawk il-kuntratti. Il-liġi tal-Belġju ma ppermettitlux li jnaqqas l-ammont ta’ dawk il-poloz mid-dħul taxxabbli tiegħu, bħal ma kienet tagħmel li kieku l-poloz kienu qed jitħallsu fil-Belġju. Madankollu, il-Gvern Belġjan irnexxa fl-argument tiegħu li l-eżenzjoni mill-intaxxar tal-poloz kienet ikkumpensata mill-intaxxar tal-pensjonijiet, annwalitajiet, jew somom kapitali mħallsa mill-assiguraturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja dehrilha li l-koeżjoni tas-sistema fiskali tippresupponi li jekk Stat ikun obbligat jippermetti t-tnaqqis tal-poloz imħallsa fi Stat Membru ieħor, huwa jkun jista’ jintaxxa kull somma pagabbli mill-assiguraturi. Madankollu, dan ma setgħax jiġi ggarantit. B’konsegwenza ta’ dan, il-koeżjoni tas-sistema fiskali ma setgħetx tiġi żgurata permezz ta’ miżuri inqas restrittivi mir-regoli Belġjani.

84.      Jien ma naħsibx li ż-żewġ sitwazzjonijiet huma paragunabbli.

85.      Fil-kawża ta’ Bachmann kien hemm konnessjoni reċiproka ċara u diretta bejn l-intaxxar tal-benefiċċji u n-nuqqas ta’ intaxxar tal-poloz tal-assigurazzjoni. Għalkemm, kif isostni l-Gvern Belġjan, il-ħlas ta’ benefiċċju skont kuntratt ta’ assigurazzjoni ma huwiex riżultat awtomatiku tal-ħlas tal-poloz (fil-fatt, jista’ jkun il-każ li wieħed jippreferi li ma jitħallas ebda benefiċċju), xorta waħda, meta jitħallas benefiċċju, dan neċessarjament jippreżupponi ħlas preċedenti ta’ polza. Fil-każ tax-xiri ta’ djar ma jkun hemm ebda konnessjoni neċessarja bejn xirja u oħra. Persuna (jew familja) tista’ tgħix f’residenza mikrija biss, tista’ tixtri dar waħda u tibqa’ dejjem tgħix fiha, tista’ tixtri serje ta’ djar suċċessivi tul ħajjitha, jew tista’ talterna bejn residenza li tkun proprjetà tagħha u residenza mikrija, skont iċ-ċirkustanzi. Kwalunkwe xiri ta’ residenza prinċipali biex wieħed jgħix fiha hija sempliċiment avveniment ġdid u separat. Jekk l-avveniment jiġi intaxxat, dan isir bħala avveniment iżolat, mhux bħala parti minn serje ta’ avvenimenti. Ir-Reġjun ta’ Vlaanderen jibqa’ liberu, fl-eżerċitar tal-poteri fiskali territorjali tiegħu, li jvarja t-taxxa tar-reġistrazzjoni minn żmien għal żmien, jew saħansitra anki li jaboliha. Madankollu, l-eżerċitar ta’ dawn is-setgħat ma jikkaġuna ebda inkoerenza fis-sistema - jew xi bżonn li tiġi rrimborsata jew irkuprata xi taxxa - minħabba li kull avveniment taxxabbli huwa separat minn kull avveniment taxxabbli ieħor.

86.      Is-sempliċi fatt li l-miżura kkontestata tirrendi l-ammont li jista’ jiġi mnaqqas mit-taxxa tar-reġistrazzjoni pagabbli max-xiri sussegwenti dipendenti (f’parti) fuq l-ammont imħallas jew li għandu jitħallas max-xiri preċedenti, ma huwiex biżżejjed biex joħloq konnessjoni bejn iż-żewġ ġrajjiet taxxabbli. Il-Gvern tal-Vlaanders seta’ ukoll kiseb l-għan mixtieq billi ppermetta tnaqqis b’rata fissa ta’ EUR 12 500, jew ta’ xi somma oħra xierqa. L-unika ħaġa li għandu jiddetermina hija għal kemm dħul ikun lest jirrinunċja biex jikseb dan l-għan.

87.      Fil-fatt, in-nuqqas tal-konnessjoni diretta neċessarja bejn it-tranżazzjonijiet inkwistjoni huwa kkonfermat mill-miżura kkontestata nnifisha, peress li din tgħid li ma jkunx jista’ jsir tnaqqis ladarba jkun għadda ċertu perijodu bejn il-bejgħ tal-proprjetà preċedenti u dak tal-proprjetà sussegwenti. Li kieku kienet teżisti xi konnessjoni diretta tat-tip meħtieġa mill-ġurisprudenza biex wieħed jirnexxilu jippreżenta l-koerenza tas-sistema fiskali bħala ġustifikazzjoni, din ma kinitx tintilef b’dak il-mod (48).

88.      Minn dan nikkonkludi li din il-ġustifikazzjoni ma hijiex valida.

2.      Raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku

89.      Il-Gvern Belġjan isostni li l-miżura kkontestata hija ġġustifikata minnħabba raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku, li hi adattata biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa, u li ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex dawn jintlaħqu. Huwa jsostni li barra l-għan tagħha li tinkoraġġixxi l-mobbiltà kif stabbilit espliċitament fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-abbozz tad-digriet li introduċa l-miżura kkontesta (li jirreferi ukoll għall-għan li jitnaqqsu d-distanzi vvjaġġati bejn id-dar u l-post tax-xogħol, b’effetti vantaġġjużi fuq is-saħħa u l-ambjent), il-miżura tinkoraġġixxi wkoll ir-rinnovazjoni ta’ djar eżistenti pjuttost milli l-bini ta’ djar ġodda u għalhekk għandha effett li timmodera l-kera.

90.      Nammetti li ma nsibhiex faċli li nifhem kif it-tnaqqis fit-taxxa tar-reġistrazzjoni li tapplika b’mod indaqs għal xiri ta’ residenzi eżistenti u għal xiri ta’ art biex jinbnew id-djar, neċessarjament ser jinkoraġġixxi r-rinnovament pjuttost milli l-bini. Lanqas ma huwa ċar li tnaqqis fil-prezz tax-xiri ta’ residenza prinċipali huwa suxxettibbli li jkollu effett dirett fuq il-kiri (minħabba li jidher li x-xiri ta’ djar biex imbagħad jinkrew ġie eskluż mill-mekkaniżmu tat-tnaqqis). Jista’ jkun li, sa fejn il-mekkaniżmu tat-tnaqqis jirriduċi l-ispiża totali tax-xiri ta’ residenzi ewlenin sussegwenti (wara l-ewwel xiri), dan jinkoraġġixxi lin-nies biex jixtru pjuttost milli jikru u b’hekk inaqqas (sa ċertu punt mhux speċifikat) id-domanda globali għal residenzi mikrija fir-Reġjun ta’ Vlaanderen. Il-Gvern Belġjan ma tax spjegazzjoni addizzjonali dwar kif hu jqis li l-miżura kkontesta hi adattata biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

91.      Jien nista’ naċċetta li miżura li tnaqqas l-ammont ta’ taxxa pagabbli fuq ix-xiri ta’ residenza prinċipali ġdida x’aktarx li ser tiffaċilita l-mobilità b’mod ġenerali, u li dan jista’ jinkludi l-possibbiltà li wieħed imur jgħix iżjed viċin tal-post tax-xogħol tiegħu, bil-benefiċċji fuq is-saħħa u fuq l-ambjent li jirriżultaw minn dan. Iżda dan iwassal biex wieħed jistaqsi: għaliex ma jiġix iffaċilitat, bl-istess mod, li wieħed imur jgħix fi (jew jitlaq minn) ir-Reġjun ta’ Vlaanderen (li huwa ċar li jkun ta’ benefiċċju sabiex jiġi limitat l-ivvjaġġar transkonfinali regolari bejn id-dar u l-post tax-xogħol)? Madankollu, il-miżura kkontestata torbot l-għoti ta’ tnaqqis ma’ xirjiet suċċessivi fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.

92.      Jien għalhekk nikkonkludi li l-Gvern Belġjan ma stabbiliex li jeżistu raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku li jiġġustifikaw il-miżura kkontestata.

 G -     Il-limitazzjoni fiż-żmien

93.      Fl-aħħar nett, biex inkun kompleta, nixtieq inżid ngħid li – fil-każ li l-qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni – ma nara ebda raġuni għaliex is-sentenza għandha tiġi limitata fiż-żmien (49). Jien naqbel mal-Kummissjoni li ma huwiex il-każ li ssir interpretazzjoni ġdida tad-dritt tal-Unjoni, u li l-Gvern Belġjan ma pprovda ebda indikazzjoni dwar x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi finanzjarji tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

94.      Nixtieq inżid ngħid li, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma llimitat l-effetti fiż-żmien tas-sentenza tagħha meta tkun ikkonkludiet li Stat Membru jkun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat. Fil-fatt, meta wieħed iqis in-natura ta’ konklużjoni bħal din, li tikkonċerna mument partikolari fiż-żmien, jiġifieri l-mument meta jiskadi l-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni meta wieħed għandu jikkonforma mal-parir motivat tagħha, il-limitazzjoni tal-effetti fiż-żmien tkun tidher mhix xierqa.

 IV - Konklużjoni

95.      Madankollu, għar-raġunijiet li tajt iktar ’il fuq, jien inqis li l-miżura kkontestata ma tmurx kontra l-Artikoli 18, 43 u 56 tat-Trattat KE u l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE. Jien għalhekk nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-rikors, u kif mitlub mill-Belġju skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ir-‘Registratierechten’ jew id-‘droits d’enregistrement’; it-taxxa inkwistjoni hija essenzjalment taxxa imposta fuq ix-xiri ta’ proprjetà immobbli.


3 – Sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding (C-471/04, Ġabra p. I-2107), punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-345/05 Ġabra I-10633, punt 39).


4 – Il-Konklużjonijiet 1/92 [1992] Ġabra I-2821, ara wkoll il-punt 65 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C-452/01, Ġabra p. I-9743).


5 – Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40.


6 – Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson (C321-97, Ġabra p. I-3551, punt 28), kif ukoll il-punt 65 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ospelt u Schlössle Weissenberg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


7 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-345/05), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq, punt 41.


8 –      Sentenza Ospelt u Schlössle Weissenberg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 69


9 –      Direttiva tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). Fil-mument meta ġiet adottata din id-direttiva, dak li issa hu l-Artikolu 63(1) TFUE kien, essenzjalment, jinsab fl-Artikolu 67 tat-Trattat KE.


10 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-267/09 Ġabra p. I-0000, punt 34).


11 – Japplikaw rati differenti ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni jew taxxa ekwivalenti pagabbli fuq ix-xiri ta’ proprjetà fid-diversi Stati Membri, li jvarjaw bejn tal-inqas 1 % u l-10 %. Fir-Reġjun ta’ Vlaanderen ir-rata ta’ 10 % tiġi mnaqqsa għal 5 % għal proprjetajiet li l-valur tal-kiri tagħhom huwa taħt ċertu ammont.


12 – Digriet tal-Parlament ta’ Vlaanders tal-1 ta’ Frar 2002 li jemenda l-kodiċi tat-taxxi tar-reġistrazzjoni, taxxi fuq l-ipoteki, u d-drittijiet tar-reġistru (decreet van het Vlaams Parlement van 1 februari 2002 houdende wijziging van het Wetboek der registratie-, hypotheek- en griffierechten). Minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali reġgħet ġiet emendata, dawn huma d-dispożizzjonijiet relevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu.


13 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza tal-1 ta’ April 2008 Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Wallonie (C-212/06 Ġabra p. I-1683), punti 4 sa 6. L-entitajiet inkwistjoni huma: l-Komunità ta’ Vlaanders, il-Komunità Franċiża u l-Komunità Ġermanofona; ir-Reġjun tal-Wallonie, ir-Reġjun tal-Wallonie u u r-Reġjun ta’ Bruxelles; iż-żona tal-lingwa Olandiża, iż-żona tal-lingwa Franċiża, iż-żona bilingwi ta’ Bruxelles-Capitale u ż-żona tal-lingwa Ġermaniża.


14 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-423/00, Ġabra I-593), punt 16.


15 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Komunità Ewropea vs L-Istat Belġjan (C-199/05, Ġabra I-10485).


16 – Ara b’mod partikolari l-punt 17.


17 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Banco Popolare di Cremona (C-475/03, Ġabra p. I-9373), punt 54. It-taxxa fuq il-valur miżjud hija naturalment waħda mill-iżjed eżempji magħrufa ta’ taxxa indiretta.


18 – L-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jeżerċitaw s-sovranità tagħhom b’mod konsistenti mad-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda t-tassazzjoni diretta ġie stabbilit fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 16). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Lammers & Van Cleef (C-105/07, Ġabra p. I-173, punt 12), u iżjed reċenti is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-10/10 Ġabra, p. 1-0000, punt 23).


19 – Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011 (C-155/09, Ġabra, p, I-0065).


20 – Sentenza C-253/09, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-Avukat Ġenerali Mazák ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fid-9 ta’ Diċembru 2010.


21 – Flimkien mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE.


22 – Kawżi preċedenti jinkludu s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-152/05, Ġabra p. I-39) (li kienet tittratta l-ksur allegat tal-Artikoli 18, 39 u 43 KE) u s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs l-Isvezja (C-104/06, Ġabra p. I-671) u s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq (iż-żewġ kawżi kienu jittrattaw il-ksur allegat tal-Artikolu 18, 39 u 43 KE u l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE).


23 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Isvezja (C-104/06, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15),.


24 – Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999 (C-302/97 Ġabra p. I-3099, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara s-sentenza iżjed reċenti tat-8 ta’ Settembru 2005 Blanckaert (C-512/03 Ġabra p. I-7685 punt 35).


25 – Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, Casati (Kawża 203/80 Ġabra 2595), punt 8, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-moviment liberu ta’ ċertu tip ta’ kapital (pereżempju biex wieħed jixtri proprjetà immobbli) huwa, fil-prattika, prekundizzjoni biex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati libertajiet oħra garantiti mit-Trattat, b’mod partikolari id-dritt tal-istabbiliment.


26 – Ara, pereżempju, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 41 u 42), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20), punt 29.


27 – Ara s-sentenza l-iżjed reċenti tal-20 ta’ Mejju 2010, Zanotti (C-56/09, Ġabra I-4517, punt 70). Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, Zablocka-Weyhermüller (C-221/07, Ġabra p. I-9029, punt 35), u s-sentenza tat 23 ta’ April 2009, Rüffler (C-544/07, Ġabra p. I-3389, punt 66).


28 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-318/05, Ġabra p. I-6957, punti 116 u 117).


29 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza tad-29 ta’ Arpil 2004, Pusa (C-224/02, Ġabra p. I-5763, punti 17 u18).


30 – Ara l-punt 10 iktar ’il-fuq.


31 – Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-kawża Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Mazák jiddeskrivi b’mod tajjeb ħafna lill-Unjoni bħala waħda magħmulha minn “mużajk ta’ sistemi tat-taxxa nazzjonali koeżistenti” (fil-punt 42).


32 – Biex nagħti eżempju ta’ dan: fir-Renju Unit l-istamp duty land tax (“SDLT”) hija taxxa li titħallas meta wieħed jixtri art jew bini, li tiġi kkalkulata abbażi tal-prezz tal-proprjetà inkwistjoni. Bħala prinċipju, l-SDLT titħallas meta l-prezz tal-proprjetà jkun iżjed minn GBP 125 000. Madankollu, il-limitu li ’l fuq minnu għandha titħallas it-taxxa huwa ogħla għal min ikun qed jixtri l-proprjetà għall-ewwel darba (jiġifieri, individwi li qatt ma kienu sidien ta’ proprjetà fir-Renju Unit jew f’post ieħor fid-dinja). Attwalment, persuna li tkun qed tixtri għall-ewwel darba ma tħallasx l-SDLT jekk il-prezz tal-proprjetà jkun GBP 250 000 jew inqas. Barra dan, individwi li jixtru proprjetà f’żoni indikati bħala “żvantaġġjati” jistgħu jkunu eliġibbli għal “Għajnuna għal-Żoni Żvantaġġati”. F’dan il-każ il-limitu għall-ħlas tat-taxxa huwa GBP 150 000. Fl-aħħar nett, f’Ottubru 2007 ġiet introdotta għajnuna fir-rigward tal-SDLT għal dawk id-djar li ma jipproduċux karbonju. Id-djar kollha eliġibbli li jiswew inqas minn GBP 500 000 jiġu kompletament eżentati mit-taxxa u dawk li jiswew GBP 500 000 jew iżjed, huma intitolati għal tnaqqis mit-taxxa pagabbli ta’ GBP 15 000. Fuq dan l-isfond jidher ċar li wieħed ma jistax jassumi li persuna li tbigħ id-dar tagħha fir-Renju Unit, tmur tgħix fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u tixtri proprjetà hemm tkun neċessarjament ħallset l-istess taxxa jew waħda ekwivalenti fl-Istat ta’ residenza tagħha preċedenti.


33 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra I-11673), fil-punti 43 sa 47.


34 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002 (C-224/98 Ġabra I-6191).


35 – Punt 30. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi Pusa, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq, punt 20), is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-456/05 Ġabra p. I-10517, punt 58), u Zanotti (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ’il fuq, punt 70).


36 – Ara s-sentenza Pusa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq, punt 21).


37 – Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.


38 – F’dan ir-rigward, iż-żewġ partijiet jirreferu għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fis-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, fil-punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata hemm.


39 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Greċja, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq, punt 45).


40 – Sentenza tat-13 ta’ April 2010 Bressol et (C-73/08 li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra punt 41),. Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq, punt 47.


41 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C-274/96, Ġabra p. I-7637, punt 26), ,u tas-6 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 iktar ’il fuq, punt 56), Bressol et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 45) u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans (C-137/09, Ġabra p. I-13019, punti 58 u 59),.


42 – Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.


43 – Ara l-punti 31 sa 46 iktar ’il-fuq.


44 – Ma jidhirx kompletament ċar mill-fajl tal-kawża jekk l-ammont li jista’ jitnaqqas (sa massimu ta’ EUR 12 500) huwhiex dak li fil-fatt tħallas meta nxtrat il-proprjetà ta’ qabel jew dak li kien pagabbli qabel ma sar it-tnaqqis – distinzjoni li forsi tista’ tkun sinjifikattiva fil-każ tat-tielet xiri jew ta’ xiri ieħor li jsir wara dan, skont xi tkun l-iskala tal-prezzijiet. Madankollu, l-inċertezza li teżisti fir-rigward ta’ dan id-dettal tal-mekkaniżmu ma għandha l-ebda sinjifikat fil-kuntest tal-analiżi inġenerali.


45 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq.


46 – Ara pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-345/05 iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq),. F’dan ir-rigward il-partijiet iddiskutew is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I-249) kemmxejn fit-tul.


47 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 21 et seq. Ara wkoll is-sentenza, li nqatgħet fl-istess ġurnata, tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I-305, punt 14 et seq).


48 – Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.


49 – Il-Belġju tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C-292/04 Ġabra p. I-1835 punti 35 u 36).