Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Novembru 2008 – Vollkommer vs Finanzamt Hannover-Land I
(Kawża C-156/08)
“Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 33(1) – Kunċett ta’ ‘taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ’ – Dazju ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli”
Dispożizzjonijiet fiskali - Armonizzazzjoni tal-liġijiet - Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud - Projbizzjoni ta’ ġbir ta’ taxxi nazzjonali oħra li jkollhom in-natura ta’ taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 33) (ara l-punti 32-35 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Niedersächsisches Finanzgericht - Interpretazzjoni tal-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1) u tal-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) – Teħid inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi ta’ stima tad-dazju ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli (“Grunderwerbsteuer”), ta’ provvisti futuri ta’ servizzi li jirrigwardaw il-kostruzzjoni ta’ bini u li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ jekk it-tranżazzjoni ta’ akkwist tinkludi, fl-istess waqt, il-kunsinna ta’ art għall-bini u s-servizzi imsemmija iktar ’il fuq. |
Dispożittiv
L-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli, fil-każ ta’ akkwist ta’ art mhux mibnija, jinkludi l-provvisti futuri ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-bażi ta’ tassazzjoni użata għall-kalkolu ta’ dazji fuq it-trasferimenti u t-tranżazzjonijiet, bħalma hija l-“Grunderwerbsteuer” prevista mid-dritt Ġermaniż, u b’hekk jaqbad tranżazzjoni, suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-imsemmija direttiva, flimkien ma’ dawn id-dazji l-oħra, sakemm dawn tal-aħħar ma jkollhomx in-natura ta’ taxxi fuq il-valur miżjud.