Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-35/09

Ministero dell’Economia e delle Finanze u Agenzia delle Entrate

vs

Paolo Speranza

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione)

“Taxxi indiretti — Taxxa fuq iż-żieda tal-kapital azzjonarju — Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335/KEE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija — Intaxxar in solidum fuq il-kumpannija benefiċjarja u fuq in-nutar — Nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva ta’ kapital — Limitazzjoni tal-metodi ta’ prova”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Dazju kapitali impost fuq il-kumpanniji b’kapital azzjonarju — Żieda tal-kapital azzjonarju

(Direttiva tal-Kunsill 69/335, kif emendata bid-Direttiva 85/303, Artikoli 4(1)(ċ) u 5(1)(a))

2.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Dazju kapitali impost fuq il-kumpanniji b’kapital azzjonarju — Żieda tal-kapital azzjonarju

(Direttiva tal-Kunsill 69/335, kif emendata bid-Direttiva 85/303)

1.        L-Artikoli 4(1)(ċ) u 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru milli jindika r-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital ta’ kumpannija bħala li jippreċiża l-mument li fih jintervjeni l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali, bil-kundizzjoni li din ir-rabta bejn l-impożizzjoni ta’ dan id-dazju u l-kontribuzzjoni effettiva tal-assi lill-kumpannija benefiċjarja tinżamm. Jekk, matul l-intervent ta’ dan l-att, il-kontribuzzjoni effettiva tal-assi ma tkunx għad twettqet u jekk mhux ċert li din iż-żieda ser issir, il-ħlas ta’ dazju kapitali ma jistax jintalab mill-Istat Membru kkonċernat billi din iż-żieda ma tkunx kisbet natura ċerta.

Għalhekk, billi jidher, wara r-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital, iżda qabel il-ħlas tad-dazju kapitali, li minħabba frodi, il-kontribuzzjoni effettiva ma kinitx fil-fatt twettqet meta saret ir-reġistrazzjoni u kien hemm ċertezza li dan ma kienx ser iseħħ iktar, il-ħlas tad-dazju kapitali ma jistax jintalab.

(ara l-punti 38, 48 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-metodi ta’ prova, quddiem il-qrati fiskali, tan-nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva taż-żieda kapitali deċiża minn kumpannija quddiem il-preżentata ta’ deċiżjoni li tkun saret res judicata u li tiddikjara n-nullità jew tannulla r-reġistrazzjoni, b’mod li d-dazju kapitali għandu fi kwalunkwe każ jiġi mħallas u li l-ħlas lura tiegħu jista’ biss jinkiseb permezz tal-preżentata ta’ tali deċiżjoni, meta, skont id-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303, il-ħlas ta’ tali dazju kapitali ma setax jintalab fin-nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva. Fil-fatt, billi huwa eskluż li l-qorti fiskali tista’ tiddikjara b’mod inċidentali n-nullità tal-att ta’ żieda ta’ kapital u li, għaldaqstant, ir-rikors quddiem il-qrati fiskali intiż sabiex jostakola l-irkupru ta’ dazju kapitali huwa nieqes minn kull effett utli, billi rikorsi simili fir-rigward ta’ taxxi oħra x’aktarx huma suxxettibbli li jevitaw lill-persuna taxxabbli l-obbligu li jħallas taxxa mhux dovuta, tali leġiżlazzjoni tagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 69/335 prattikament impossibbli jew, għallinqas, eċċessivament diffiċli.

(ara l-punti 45-48u d-dispożittiv 1)

3.        Id-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix lil Stat Membru jipprovdi għar-responsabbiltà in solidum tal-uffiċjal pubbliku li fassal jew irċieva l-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju, bil-kundizzjoni li dan l-uffiċjal pubbliku jiddisponi mid-dritt li jippreżenta rikors għal kumpens kontra l-kumpannija benefiċjarja taż-żieda.

Fil-fatt, id-Direttiva 69/335 mhux intiża sabiex tarmonizza l-modalitajiet ta’ rkupru tad-dazju kapitali u fil-prinċipju, ma tipprekludix ir-responsabbiltà in solidum ta’ dan l-uffiċjal pubbliku, li tikkostitwixxi kemm garanzija tal-eżekuzzjoni tal-obbligu fiskali tal-kumpannija benefiċjarja ta’ din iż-żieda kif ukoll miżura intiża sabiex tissemplifika l-impożizzjoni tad-dazju kapitali. Madankollu, il-fatt li jiġi impost fuq l-uffiċjal pubbliku l-obbligu in solidum li jħallas d-dazju kapitali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq jekk dan l-uffiċjal pubbliku ma jkollux id-dritt li jippreżenta rikors għal kumpens kontra l-kumpannija benefiċjarja taż-żieda.

(ara l-punti 52-54, 56, 58 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Lulju 2010 (*)

“Taxxi indiretti – Taxxa fuq iż-żieda tal-kapital azzjonarju – Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335/KEE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija – Intaxxar in solidum fuq il-kumpannija benefiċjarja u fuq in-nutar – Nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva ta’ kapital – Limitazzjoni tal-metodi ta’ prova”

Fil-Kawża C-35/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2009, fil-proċedura

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Agenzia delle Entrate

vs

Paolo Speranza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. Speranza, minn W. Viscardini u G. Doná, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u D. Del Gaizo, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Aresu u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 122, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 69/335”), kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn il-Ministero dell’Economia e delle Finanze u l-Agenzia delle Entrate u P. Speranza, nutar f’Padova (l-Italja), fir-rigward ta’ avviż ta’ stralċ maħruġ mill-Ufficio del Registro ta’ Padova, korp lokali tal-Agenzia delle Entrate, u tirrigwarda l-intaxxar in solidum fuq LEJA Srl (iktar ’il quddiem “LEJA”), kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Padova, u fuq P. Speranza b’riżultat tar-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 69/335 jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom jimponu ħlas fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpanniji ta’ kapital [kumpanniji b’kapital azzjonarju] taxxa armonizzata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 9 u hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘dazju kapitali’”.

4        Skont l-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, fost oħrajn huma kkunsidrati bħala kumpanniji b’kapital azzjonarju, il-kumpanniji stabbiliti taħt id-dritt Taljan magħrufa bħala “società per azioni” (kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata) u “società a responsabilità limitata” (kumpannija b’responsabbiltà limitata).

5        L-Artikolu 4(1)(ċ), ta’ din id-direttiva jiddisponi li huwa suġġett “għad-dazju kapitali […] żieda fil-kapital [azzjonarju] ta’ kumpannija kapitali [kumpanniji b’kapital azzjonarju] bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”.

6        Skont l-Artikolu 5(1)(a), tal-istess direttiva l-impożizzjoni tad-dazju kapitali ssir “fil-kaz ta’ […] żieda [tal-]kapital [azzjonarju ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju] fuq il-valur attwali ta’ l-assi ta’ kull tip ikkontribwiti jew li għandhom jiġu kkontribwiti mill-membri, wara t-tnaqqis tar-responsabbiltajiet assunti u ta’ l-ispejjeż magħmula mill-kumpannija bħala riżultat ta’ kull kontribuzzjoni. L-Istati Membri jistgħu jippostponu l-imposta ta’ dazju kapitali sakemm il-kontribuzzjonijiet ikunu ġew effetwati”.

7        Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335 it-tranżazzjonijiet taxxabbli huma suġġetti għal dazju li r-rata tiegħu, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma tistax taqbeż il-1 %, bla ħsara għall-eżenzjonijiet previsti minn din id-direttiva.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Jirriżulta mill-Artikolu 1 tat-test ikkonsolidat tad-dispożizzjonijiet dwar id-dazji ta’ reġistrazzjoni (testo unico delle disposizioni concernenti la imposta di registro), approvat permezz tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 131, tas-26 ta’ April 1986 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 99, tat-30 ta’ April 1986), fil-verżjoni tiegħu li kienet applikabbli fid-data li fiha seħħu l-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“test ikkonsolidat”), li “d-dazju ta’ reġistrazzjoni għandu jiġi applikat […] fir-rigward tal-atti li huma suġġetti għal reġistrazzjoni obbligatorja u għal dawk li jiġu ppreżentati b’mod volontarju biex jiġu rreġistrati”.

9        Permezz tal-Artikoli 2 u 27(5) tat-test ikkonsolidat kif ukoll tan-nota 5 tal-Parti I tal-Artikolu (4)(a) annessa ma’ dan, l-atti ta’ żieda fil-kapital għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni, insegwitu għal omologazzjoni, u għal taxxa ekwivalenti għal 1 % taż-żieda li tkun ġiet deċiża.

10      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, billi d-dazju ta’ reġistrazzjoni huwa taxxa fuq l-atti, il-fatt li ż-żieda twettqet jew le ma jeffettwax l-issuġġettar għat-taxxa.

11      Permezz tal-Artikolu 38 tat-test ikkonsolidat, in-nullità jew il-possibbiltà li jiġi annullat l-att ma jeżentax mill-obbligu li jitħallas id-dazju u, ladarba jkun imħallas, dan għandu biss jingħata lura, fil-każ ta’ deċiżjoni res judicata li tiddikjara li l-att huwa null jew li tannullah minħabba motiv mhux attribwibbli għall-partijiet. Għalhekk, huwa eskluż li l-qorti fiskali tista’ indirettament tiddikjara n-nullità tal-att, kif b’mod ġenerali jipprovdi fir-rigward ta’ din il-qorti l-Artikolu 2(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru°546, li fih dispożizzjonijiet relatati mal-proċeduri fiskali bl-applikazzjoni tad-delega mogħtija mill-Gvern permezz tal-Artikolu 30 tal-Liġi Nru°413 tat-30 ta’ Diċembru 1991 (disposizioni sul processo tributario in attuazione della delega al Governo contenuta nell’art. 30 della legge 30 dicembre 1991, n. 413), tal-31 ta’ Diċembru 1992 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 9, tat-13 ta’ Jannar 1993).

12      Skont l-Artikolu 57(1) u (2) tat-test ikkonsolidat, minbarra l-kumpannija benefiċjarja taż-żieda fil-kapital, l-uffiċjal pubbliku li jkun fassal il-proċess verbali huwa obbligat in solidum li jħallas t-taxxa.

13      Skont il-Corte suprema di cassazione, jirriżulta mill-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 89 dwar il-professjoni ta’ nutar u l-arkivji notarili (legge n. 89, sull’ordinamento del notariato e degli archivi notarili), tas-16 ta’ Frar 1913 (Gazzetta ufficiale Nru°55, tas-7 ta’ Marzu 1913), li n-nutar għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu meta jintalab jagħmel dan.

14      L-Artikolu 28 ta’ din il-liġi jawtorizza lin-nutar li jirrifjuta li jfassal kull att li jintalab jagħmel “jekk il-partijiet ma jiddepożitawx miegħu l-ammont ta’ taxxi, onorarji u spejjeż relatati mal-att”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fit-30 ta’ Lulju 1993, il-laqgħa tal-membri ġenerali ta’ LEJA ddeċidiet li tittrasforma din il-kumpannija f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u li żżid il-kapital azzjonarju ta’ din minn ITL 20 000 000, jiġifieri madwar EUR 10 329, għal ITL 58 400 000 000, jiġifieri madwar EUR 161 083.

16      P. Speranza rċieva l-proċess verbali ta’ din il-laqgħa fil-kwalità tiegħu ta’ nutar. Dan il-proċess verbali jippreċiża li ż-żieda kollha fil-kapital kellha tiġi sottoskritta minn wieħed mill-membri ta’ LEJA, Tecnoitalia Srl, bil-kontribuzzjoni ta’ 6 244 azzjoni ta’ Lama dd, kumpannija rreġistrata mal-Qorti ta’ Koper (is-Slovenja). Espert maħtur mit-Tribunale di Padova stima li l-valur ta’ dawn l-azzjonijiet kien ta’ ITL 58 380 000 000, jiġifieri EUR 30 150 754.

17      Insegwitu għall-omologazzjoni tad-deċiżjoni mill-Corte d’appello di Venezia, l-att ta’ żieda fil-kapital ġie intaxxat bir-rata proporzjonali prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u l-Ufficio del Registro ta’ Padova nnotifika avviż ta’ rkupru ta’ ammont ta’ ITL 578 102 000, jiġifieri madwar EUR 298 565, kemm lil LEJA kif ukoll lil P. Speranza, fil-kwalità tiegħu ta’ nutar.

18      Dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontra dan l-avviż ta’ rkupru quddiem il-qorti fiskali kompetenti fl-ewwel istanza, li iżda ġie miċħud. Id-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti nbidlet fl-appell.

19      Il-Ministero dell’Economia e delle Finanze u l’Agenzia delle Entrate ressqu appell fil-kassazzjoni mid-deċiżjoni mogħtija fl-appell, fejn invokaw il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tat-test ikkonsolidat.

20      P. Speranza jsostni li ż-żieda fil-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma seħħx, għalhekk Tecnoitalia Srl qatt ma setgħet tikkontribwixxi l-azzjonijiet ta’ Lama dd, li għaldaqstant wassal għall-insolvenza ta’ LEJA. Huwa jsostni, barra minn dan, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikser id-Direttiva 69/335 billi tipprovdi, minn naħa, il-possibbiltà, li tinsab fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-dazji ta’ reġistrazzjoni, li tissuġġetta għat-taxxa l-att ta’ żieda fil-kapital minkejja n-nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva, u, min-naħa l-oħra, l-obbligu in solidum tan-nutar.

21      Il-Corte suprema di cassazione tqis li, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jintlaqa’ l-appell imressaq mill-Ministero dell’Economia e delle Finanze u mill-Agenzia delle Entrate.

22      Peress li, minn naħa, id-dazju ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkwalifikat bħala “dazju kapitali” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335 u, min-naħa l-oħra, in-nota 5 tal-Parti I annessa mal-Artikolu (4)(a) tat-test ikkonsolidat, moqri flimkien mal-Artikolu 38 ta’ dan tal-aħħar, tipprovdi li s-sempliċi deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital hija suġġetta għat-taxxa indipendentement mill-implementazzjoni u mill-validità ta’ tali deċiżjoni, il-Corte suprema di cassazione għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335.

23      Hija għandha l-istess dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 57 tat-test ikkonsolidat, billi dan jipprovdi li n-nutar li fassal l-att huwa obbligat in solidum bil-ħlas tat-taxxa.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, jekk ir-responsabbiltà in solidum tan-nutar għandha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-Direttiva 69/335, l-eċċezzjonijiet li minnhom huwa jiddisponi, bħala persuna mhux relatata mal-kawża bejn l-impriża kkonċernata u l-amministrazzjoni fiskali, jafu ma jkunux biżżejjed.

25      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva [69/335], li jissuġġetta għad-dazju kapitali ż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip, għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lok li tiġi ntaxxata l-kontribuzzjoni effettiva, u mhux is-sempliċi deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital li essenzjalment tkun għadha ma ġietx implementata?

2)      L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva [69/335], għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taxxa għandha tapplika esklużivament fuq il-kumpannija benefiċjarja u mhux ukoll fuq l-uffiċjal pubbliku li jfassal jew jirċievi l-att?

3)      F’kull każ, il-mezzi ta’ difiża [l-eċċezzjonijiet] li l-leġiżlazzjoni Taljana tagħti lill-uffiċjal pubbliku huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk jiġi kkunsidrat il-fatt li, skont l-Artikolu 38 [tat-test ikkonsolidat], in-nullità jew il-possibbiltà li tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital hija rrilevanti u li l-ħlas lura tat-taxxa mħallsa jista’ jinkiseb biss wara li deċiżjoni ċivili li tiddikjara n-nullità jew l-annulament tkun saret res judicata?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet domanda

26      Il-Gvern Taljan jiddubita mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għat-tielet domanda, dwar ir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

27      Skont dan il-Gvern, fir-rigward ta’ prinċipju ġenerali li jirriżulta mit-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tintalab tinterpreta l-portata ta’ dawn biss f’kawżi li għandhom x’jaqsmu ma’ sitwazzjonijiet li jippreżentaw natura transkonfinali. Issa, il-fatti tal-kawża prinċipali jikkorrispondu għal sitwazzjoni li tippreżenta natura purament nazzjonali. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistax ikun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

28      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed ifakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni ta’ prinċipji ġenerali rikonoxxuti mis-sistema legali tal-Unjoni jorbtu wkoll l-Istati Membri meta jimplementaw leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li konsegwentement dawn għandhom, sa fejn possibbli, japplikaw dawn il-leġiżlazzjonijiet f’kundizzjonijiet li ma jiksrux dawn ir-rekwiżiti (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 38 tat-test ikkonsolidat fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Issa, jidher li dan it-test ikkonsolidat, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 10, 13, 14, 27, 38 u 57 tiegħu, huwa intiż sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 69/335 fid-dritt Taljan.

30      Konsegwentement, permezz tar-referenza mill-qorti tar-rinviju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-implementazzjoni mir-Repubblika Taljana tad-Direttiva 69/335, it-tielet domanda hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

31      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal dazju kapitali r-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital ta’ kumpannija u jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita, quddiem il-qrati fiskali, il-metodi ta’ prova tan-nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva korrispondenti għal din iż-żieda quddiem il-preżentata ta’ deċiżjoni li tiddikjara n-nullità jew l-annullament tar-reġistrazzjoni u li tkun saret res judicata, b’mod li d-dazju kapitali għandu, f’kull każ, jitħallas u li l-ħlas lura tiegħu jista’ biss isir permezz tal-preżentata ta’ tali deċiżjoni.

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali jirriżulta mill-istess żieda ta’ assi li jżidu l-kapital azzjonarju ta’ kumpannija u mhux minn kull transazzjoni jew formalità oħra (sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Aro Tubi Trafilerie, C-46/04, Ġabra p. I-3009, punt 27).

33      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-Artikoli 4(1)(ċ) u 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335 ma jippreċiżawx f’liema mument jintervjeni l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2002, ESTAG, C-339/99, Ġabra p. I-8837, punt 49).

34      Fil-fatt, l-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva li jippermetti l-impożizzjoni tad-dazju kapitali fuq assi miżjuda jew li jistgħu jiżdiedu mill-membri kif ukoll sakemm il-kontribuzzjonijiet ikunu ġew effettwati, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu l-ħlas ta’ dan id-dazju insegwitu għall-kontribuzzjoni effettiva tal-assi, jiġifieri fl-istess ħin ma’ dan tal-aħħar, kif ukoll qabel din iż-żieda, bil-kundizzjoni li din jkollha natura ċerta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ESTAG, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

35      Jirriżulta li l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335 ma tipprekludix Stat Membru milli jindika r-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital ta’ kumpannija bħala li jippreċiża l-mument li fih jintervjeni l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali, bil-kundizzjoni li din ir-rabta bejn l-impożizzjoni ta’ dan id-dazju u l-kontribuzzjoni effettiva tal-assi lill-kumpannija benefiċjarja tinżamm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ESTAG, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50).

36      Fil-fatt, jekk, matul l-intervent ta’ dan l-att, il-kontribuzzjoni effettiva tal-assi ma tkunx għad twettqet u jekk mhux ċert li din iż-żieda ser issir, il-ħlas ta’ dazju kapitali ma jistax jintalab mill-Istat Membru kkonċernat billi din iż-żieda ma tkunx kisbet natura ċerta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ESTAG, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51).

37      F’dan il-każ, jidher mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li matul ir-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda fil-kapital ta’ LEJA, il-prova prodotta insostenn tat-talba għar-reġistrazzjoni tindika li ż-żieda tal-assi diġà twettqet jew li kienet għall-inqas ċerta.

38      Madankollu, jirriżulta wkoll mill-atti li deher minn dan, u qabel seħħ il-ħlas ta’ dan id-dazju, li minħabba frodi, il-kontribuzzjoni effettiva ta’ assi ma kinitx fil-fatt twettqet meta saret ir-reġistrazzjoni u kien hemm ċertezza li dan ma kienx ser iseħħ iktar. Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi esposti fil-punti 32, 34 u 37 ta’ din is-sentenza, il-ħlas ta’ dazju kapitali ma setax jintalab.

39      Issa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li skont l-Artikolu 38 tat-test ikkonsolidat, billi l-att li bih iż-żieda ġiet irreġistrata kien ġie stabbilit, il-ħlas tad-dazju kapitali għandu f’kull każ jiġi effettwat u l-ħlas lura ta’ dan tal-aħħar jista’ biss jinkiseb permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret res judicata u li tiddikjara li n-nullità ta’ dan l-att intweriet quddiem il-qrati fiskali.

40      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi esposti fil-punti 32, 34 u 37 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari għall-fatt li l-ħlas tad-dazju kapitali jista’ biss jintalab meta żieda sussegwenti tal-assi tkun ta’ natura ċerta, l-Artikoli 4(1)(ċ) u 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

41      F’dan ir-rigward, jekk il-Gvern Taljan isostni, ġustament, li d-Direttiva 69/335 ma tirrigwardax l-organizzazzjoni mill-Istati Membri tal-poteri tagħhom ta’ ġurisdizzjonijiet fiskali kif ukoll tal-proċedura applikabbli għar-rikorsi ppreżentati quddiemhom, xorta jibqa’ l-fatt li skont ġurisprudenza stabbilita, modalitajiet proċedurali previsti minn sistema legali nazzjonali ta’ Stat Membru ma għandhomx jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth, C-542/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ effettività jesprimi l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Dawn jgħoddu kemm fil-livell tal-iffissar tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq dan id-dritt kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li kull każ fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u tad-dettalji tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, Ġabra p. I-9579, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qieset li, skont l-Artikolu 2(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru°546, tal-31 ta’ Diċembru 1992, il-qrati fiskali għandhom b’mod ġenerali s-setgħa li jiddikjaraw b’mod inċidentali n-nullità tal-atti. Jidher li din id-dikjarazzjoni għandha l-effett li tippermetti lill-persuni taxxabbli jevitaw il-ħlas ta’ taxxa, billi din tal-aħħar mhux iktar pagabbli.

45      Madankollu, f’dak li jirrigwarda d-dazju kapitali, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li huwa eskluż li l-qorti fiskali tista’ tiddikjara b’mod inċidentali n-nullità ta’ att, in-nullità jew il-possibbiltà li jiġi annullat l-att li permezz tiegħu ż-żieda ġiet irreġistrata u li jeżenta lill-persuna taxxabbli, skont l-Artikolu 38 tat-test ikkonsolidat, mill-obbligu tal-ħlas tat-taxxa inkwistjoni.

46      Minn dan jirriżulta li f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, rikors quddiem il-qrati fiskali Taljani intiż sabiex jostakola l-irkupru ta’ dazju kapitali li, skont id-Direttiva 69/335 mhux meħtieġ, għall-kuntrarju tat-talbiet tal-Gvern Taljan dan huwa nieqes minn kull effett utli, meta fil-kuntest tal-proċedura ġenerali identifikata mill-qorti tar-rinviju, rikorsi simili fir-rigward ta’ taxxi oħra x’aktarx huma suxxettibbli li jevitaw lill-persuna taxxabbli l-obbligu li jħallas taxxa mhux dovuta.

47      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, kif isostnu ġustament P. Speranza u l-Kummissjoni Ewropea, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-metodi ta’ prova, quddiem il-qrati fiskali, tan-nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva taż-żieda kapitali deċiża minn kumpannija quddiem il-preżentata ta’ deċiżjoni li tkun saret res judicata u li tiddikjara n-nullità jew tannulla r-reġistrazzjoni, b’mod li d-dazju kapitali għandu fi kwalunkwe każ jiġi mħallas u li l-ħlas lura tiegħu jista’ biss jinkiseb permezz tal-preżentata ta’ tali deċiżjoni, jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 69/335 prattikament impossibbli jew, għallinqas, eċċessivament diffiċli.

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u mingħajr ma jkun hemm il-bżonn ta’ interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda tkun li l-Artikoli 4(1)(ċ) u 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru milli jindika r-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital ta’ kumpannija bħala li jippreċiża l-mument li fih jintervjeni l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali, bil-kundizzjoni li din ir-rabta bejn l-impożizzjoni ta’ dan id-dazju u l-kontribuzzjoni effettiva tal-assi lill-kumpannija benefiċjarja tinżamm. Jekk, matul l-intervent ta’ dan l-att, il-kontribuzzjoni effettiva tal-assi ma tkunx għad twettqet u jekk mhux ċert li din iż-żieda ser issir, il-ħlas ta’ dazju kapitali ma jistax jintalab mill-Istat Membru kkonċernat billi din iż-żieda ma tkunx kisbet natura ċerta. Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-metodi ta’ prova, quddiem il-qrati fiskali, tan-nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva taż-żieda kapitali deċiża minn kumpannija quddiem il-preżentata ta’ deċiżjoni li tkun saret res judicata u li tiddikjara n-nullità jew tannulla r-reġistrazzjoni, b’mod li d-dazju kapitali għandu fi kwalunkwe każ jiġi mħallas u li l-ħlas lura tiegħu jista’ biss jinkiseb permezz tal-preżentata ta’ tali deċiżjoni.

 Fuq it-tieni domanda

49      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(ċ), tad-Direttiva 69/335 jipprekludi li d-dazju kapitali jkun dovut, minbarra mill-kumpannija benefiċjarja, mill-uffiċjal pubbliku li jfassal jew jirċievi l-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju.

50      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li skont l-istruttura u l-iskema tad-Direttiva 69/335, id-dazju kapitali huwa impost fuq kumpannija b’kapital azzjonarju benefiċjarja taż-żieda inkwistjoni. Din normalment tkun il-kumpannija li lilha jingħataw fiżikament ir-riżorsi u s-servizzi inkwistjoni. Huwa biss eċċezzjonalment li jista’ jkun mod ieħor u li jkun meħtieġ li jiġi identifikat il-“vera benefiċjarju” tar-riżorsi jew tas-servizzi inkwistjoni (sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Senior Engineering Investments, C-494/03, Ġabra p. I-525, punt 25).

51      Barra minn dan, jirriżulta wkoll minn din l-istruttura u minn din l-iskema li l-Istati Membri ma jistgħux jeżentaw il-kumpannija benefiċjarja minn żieda fil-kapital tad-dazju kapitali barra mill-każijiet previsti fl-Artikoli 6 sa 9 u 11 ta’ din id-direttiva.

52      Madankollu, hekk kif iqis l-Avukat Ġenerali fil-punti 38, 39 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 69/335 mhux intiża sabiex tarmonizza l-modalitajiet ta’ rkupru tad-dazju kapitali, li huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni tal-obbligu fiskali min-naħa tal-persuna taxxabbli kif ukoll sabiex tiġi ssemplifikata l-impożizzjoni ta’ dan id-dazju.

53      Għandu jiġi kkunsidrat li r-responsabbiltà in solidum tal-uffiċjal pubbliku li jfassal jew jirċievi l-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija tikkostitwixxi kemm garanzija tal-eżekuzzjoni tal-obbligu fiskali tal-kumpannija benefiċjarja ta’ din iż-żieda kif ukoll miżura intiża sabiex tissemplifika l-impożizzjoni tad-dazju kapitali.

54      Minn dan, jirriżulta li fil-prinċipju d-Direttiva 69/335 ma tipprekludix li dan l-Istat Membri jipprovdi għar-responsabbiltà tal-uffiċjal pubbliku li fassal jew irċieva l-att ta’ żieda tal-kapital.

55      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, li d-dazju kapitali huwa impost fuq kumpannija b’kapital azzjonarju benefiċjarja taż-żieda inkwistjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jeżentaw il-kumpannija benefiċjarja ta’ żieda fil-kapital mid-dazju kapitali barra mill-każijiet previsti fl-Artikoli 6 sa 9 u 11 ta’ din id-direttiva.

56      Il-fatt li jiġi impost fuq l-uffiċjal pubbliku l-obbligu in solidum li jħallas d-dazju kapitali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet indikati fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza jekk dan l-uffiċjal pubbliku ma jkollux id-dritt li jippreżenta rikors għal kumpens kontra l-kumpannija benefiċjarja taż-żieda.

57      F’dan il-każ, jirriżulta mill-atti, minn naħa, li l-Artikolu 28 tal-Liġi Nru 89, tas-16 ta’ Frar 1913, jawtorizza lin-nutar li jirrifjuta li jfassal kull att li jintalab jagħmel jekk il-partijiet ma jiddepożitawx miegħu l-ammont ta’ taxxi, onorarji u spejjeż relatati mal-att u, min-naħa l-oħra, li n-nutar jkollu dritt li jippreżenta rikors għal kumpens kontra l-kumpannija benefiċjarja taż-żieda.

58      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li d-Direttiva 69/335 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix lil Stat Membru jipprovdi għar-responsabbiltà in solidum tal-uffiċjal pubbliku li fassal jew irċieva l-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju, bil-kundizzjoni li dan l-uffiċjal pubbliku jiddisponi mid-dritt li jippreżenta rikors għal kumpens kontra l-kumpannija benefiċjarja taż-żieda.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 4(1)(ċ) u 5(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru milli jindika r-reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital ta’ kumpannija bħala li jippreċiża l-mument li fih jintervjeni l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali, bil-kundizzjoni li din ir-rabta bejn l-impożizzjoni ta’ dan id-dazju u l-kontribuzzjoni effettiva tal-assi lill-kumpannija benefiċjarja tinżamm. Jekk, matul l-intervent ta’ dan l-att, il-kontribuzzjoni effettiva tal-assi ma tkunx għad twettqet u jekk mhux ċert li din iż-żieda ser issir, il-ħlas ta’ dazju kapitali ma jistax jintalab mill-Istat Membru kkonċernat billi din iż-żieda ma tkunx kisbet natura ċerta. Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-metodi ta’ prova, quddiem il-qrati fiskali, tan-nuqqas ta’ kontribuzzjoni effettiva taż-żieda kapitali deċiża minn kumpannija quddiem il-preżentata ta’ deċiżjoni li tkun saret res judicata u li tiddikjara n-nullità jew tannulla r-reġistrazzjoni, b’mod li d-dazju kapitali għandu fi kwalunkwe każ jiġi mħallas u li l-ħlas lura tiegħu jista’ biss jinkiseb permezz tal-preżentata ta’ tali deċiżjoni.

2)      Id-Direttiva 69/335, kif emendata bid-Direttiva 85/303, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix lil Stat Membru jipprovdi għar-responsabbiltà in solidum tal-uffiċjal pubbliku li fassal jew irċieva l-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju, bil-kundizzjoni li dan l-uffiċjal pubbliku jiddisponi mid-dritt li jippreżenta rikors għal kumpens kontra l-kumpannija benefiċjarja taż-żieda.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.