Kawża C-40/09
Astra Zeneca UK Ltd
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Manchester)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Punt 1 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas’ – Vawċers mogħtija minn kumpannija lill-impjegati tagħha fil-kuntest tar-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, punt 1 tal-Artikolu 2)
Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-għoti ta’ vawċer minn kumpannija, li akkwistat dan il-vawċer għal prezz li jinkludi t-taxxa fuq il-valur miżjud, lill-impjegati tagħha inkambju tar-rinunzja, minn dawn tal-aħħar, ta’ parti mir-remunerazzjoni tagħhom fi flus, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas skont din id-dispożizzjoni.
Fil-fatt, teżisti rabta diretta bejn l-għoti tal-imsemmija vawċers lill-impjegati u l-parti tar-remunerazzjoni fi flus li għaliha dawn tal-aħħar għandhom jirrinunzjaw inkambju ta’ din il-provvista, peress li minflok ma jirċievu r-remunerazzjoni kollha tagħhom fi flus, l-impjegati li jkunu għażlu li jirċievu tali vawċers għandhom jirrinunzjaw għal parti minn din ir-remunerazzjoni inkambju tal-imsemmija vawċers, b’hekk din it-tranżazzjoni tissarraf fi tnaqqis speċifiku mill-fondi tal-impjegati li għamlu tali għażla. Barra minn hekk, il-persuna li timpjega fir-realtà tirċievi kunsiderazzjoni għall-provvista tal-vawċers, espressa fi flus, peress li din tikkorrispondi ma parti mir-remunerazzjoni fi flus tal-impjegati tagħha. Barra minn hekk, ir-responsabbiltà tal-VAT dovuta għall-għoti ta’ dawn il-vawċers taqa’ fuq l-impjegati li jirċevuhom, peress li t-tnaqqis li għalih din il-provvista tagħti lok mir-remunerazzjoni ta’ dawn l-impjegati jinkludi l-prezz tal-vawċers inkwistjoni kif ukoll it-totalità tal-VAT dovuta fuqhom.
(ara l-punti 29-32, 35 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
29 ta’ Lulju 2010 (*)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Punt 1 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas’ – Vawċers mogħtija minn kumpannija lill-impjegati tagħha fil-kuntest tar-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar”
Fil-Kawża C-40/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Manchester (ir-Renju Unit), permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2009, fil-proċedura
Astra Zeneca UK Ltd
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Astra Zeneca UK Ltd, minn M. Conlon, QC, u D. Southern, barrister, maħtur minn G. Salmond, solicitor,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn N. Pleming, QC,
– għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis u I. Bakopoulos kif ukoll minn V. Karra, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ April 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2)(b) u tal-Artikolu 17(2), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274), iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Astra Zeneca UK Ltd (iktar ’il quddiem “Astra Zeneca”), u min-naħa l-oħra, il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”), dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) li għalih din il-kumpannija hija suġġetta minħabba l-għoti ta’ vawċers lill-impjegati tagħha fil-kuntest tar-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.
Il-kuntest ġuridiku
3 Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jiddisponi:
“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-[VAT]:
1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.
4 L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u [jew] persuni li jagħtu [servizzi], magħduda [li jinkludu] attivitajiet fil-minjieri, fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll [b’mod partikolari] jitqies bħala attività ekonomika.”
5 Skont l-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva:
“‘Provvista ta’ oġġetti’ tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.”
6 L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi:
“‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni [tranżazzjoni] li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skont it-tifsira tal-Artikolu 5.”
7 L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Artikolu 28f tagħha, jipprovdi:
“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandha tħallas:
a) il-[VAT] dovuta jew imħallsa għal merkanzija jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiżi”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Astra Zeneca hija kumpannija li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-industrija farmaċewtika.
9 Din il-kumpannija tipproponi lill-impjegati tagħha, li ma humiex persuni taxxabbli taħt il-VAT, pakkett ta’ remunerazzjoni li jikkonsisti f’parti fissa kull sena, imsejħa “fond vantaġġjuż” (“Advantage Fund”, iktar ’il quddiem il-“fond”), li jinkludi ammont fi flus u, jekk ikun il-każ, vantaġġi li jintagħżlu preliminarjament mill-impjegati, bil-premessa li kull vantaġġ magħżul minn impjegat jagħti lok għal tnaqqis speċifiku mill-fond ta’ dan l-impjegat.
10 Fost dawn il-vantaġġi, Astra Zeneca tipproponi lill-impjegati tagħha vawċers li jissarrfu f’ċerti negozji.
11 Dawn il-vawċers għandhom valur nominali ta’ 10 GBP, iżda jagħtu lok għal tnaqqis ta’ ammont inferjuri (bejn 9.25 GBP u 9.55 GBP) mill-fondi tal-impjegati.
12 Astra Zeneca mliet id-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha abbażi tal-prinċipju li ma kinitx obbligata li żżomm il-VAT tal-output fuq l-għoti ta’ vawċers lill-impjegati tagħha, u li ma kinitx intitolata tnaqqas bħala taxxa tal-input il-VAT li hija kienet ħallset, meta xtrat dawn il-vawċers.
13 Madankollu, Astra Zeneca sussegwentement ssostniet li peress li l-ispiża tal-akkwist tal-imsemmija vawċers tagħmel parti mill-ispejjeż ġenerali tal-impriża, hija għandha tkun intitolata tnaqqas il-VAT li jirriżulta minn dan l-akkwist, mingħajr ma żżomm il-VAT tal-output fuq l-għoti tal-vawċers inkwistjoni lill-impjegati tagħha, minħabba li dan l-għoti ma sarx bi ħlas.
14 Konsegwentement, Astra Zeneca, talbet, bħala prekawzjoni, ir-rimbors tal-VAT tal-input li ħallset lill-Commissioners, fuq l-akkwist tal-vawċers inkwistjoni.
15 F’dan ir-rigward, il-Commissioners iddeċidew, fl-ewwel lok, li Astra Zeneca ma hijiex intitolata tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa meta xtrat dawn il-vawċers, peress li ma użathomx għall-finijiet ta’ tranżazzjoni taxxabbli.
16 Fit-tieni lok, il-Commissioners iddeċidew li, alternattivament, Astra Zeneca hija intitolata tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa meta akkwistat il-vawċers, iżda hija meħtieġa li tikkalkola l-VAT dovuta fuq l-għoti ta’ dawn il-vawċers lill-impjegati tagħha, jew minħabba li l-imsemmija vawċers ġew mogħtija bi ħlas, peress li sar tnaqqis mill-fondi tal-impjegati, jew minħabba li l-vawċers inkwistjoni huma disponibbli għall-impjegati għall-finijiet oħra barra dawk tan-negozju. F’dan l-aħħar każ, peress illi l-valur tal-provvista ta’ servizzi jikkorrispondi mal-ispiża dovuta għall-għoti ta’ vawċers, Astra Zeneca hija meħtieġa li tiddikjara l-VAT tal-output fuq dan l-ammont.
17 Konsegwentement, il-Commissioners irrifjutaw it-talba ta’ Astra Zeneca għal dritt ta’ rimbors u, bħala prekawzjoni, ħarġu avviż sabiex jirkupraw il-VAT tal-output dovuta, fil-każ fejn il-vawċers ingħataw bi ħlas minn Astra Zeneca lill-impjegati tagħha.
18 Astra Zeneca ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-imsemmija deċiżjonijiet tal-Commissioners.
19 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-VAT and Duties Tribunal, f’Manchester, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, meta impjegat huwa intitolat skont il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu li jagħżel li jieħu parti mir-remunerazzjoni tiegħu bħala vawċer ta’ valur nominali, [il-punt 1] tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ dan il-vawċer lill-impjegat minn min iħaddem jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas?
2) Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, [il-punt 2(b)] tal-Artikolu 6 [tas-Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li l-għoti tal-vawċer lill-impjegat minn min iħaddem, skont il-kuntratt ta’ impjieg, għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi, f’ċirkustanzi fejn il-vawċer għandu jintuża mill-impjegat għar-raġunijiet privati tiegħu?
3) Jekk l-għoti tal-vawċer la huwa provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas skont [il-punt 1] tal-Artikolu 2 [tas-Sitt Direttiva] u lanqas ma għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi taħt [il-punt 2(b)] tal-Artikolu 6, [ta’ din id-direttiva], [il-punt 2] l-Artikolu 17, [tal-istess direttiva], għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil min iħaddem jirkupra [l-VAT] li huwa ħallas meta xtara u ta l-vawċer lill-impjegat, skont il-kuntratt ta’ impjieg, f’ċirkustanzi fejn il-vawċer għandu jintuża mill-impjegat għall-raġunijiet privati tiegħu?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
20 Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ vawċer minn kumpannija lill-impjegati tagħha, fil-kuntest tar-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas.
21 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-Sitt Direttiva tassenja kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT billi tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha, fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli, flimkien mal-importazzjonijiet ta’ oġġetti, il-provvista ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi li jsiru bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn “persuna taxxabbli”, li fl-Artikolu 4(1) tagħha hija ddefinita bħala kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ din l-attività (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 235/85, Ġabra p. 1471, punt 6; tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-260/98, Ġabra p. I-6537, punt 24, u tat-12 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-154/08, Ġabra p. I-187, punt 87).
22 Il-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi huwa ddefinit fl-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 7; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 25, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 88).
23 Minn analiżi ta’ dawn id-definizzjonijiet, toħroġ fiċ-ċar il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi u n-natura oġġettiva ta’ dan il-kunċett, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nfisha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 8; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 26, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 89).
24 Fid-dawl tal-portata tal-kamp tal-applikazzjoni tal-VAT, għandu jiġi kkonstatat li kumpannija bħal dik ta’ Astra Zeneca, sa fejn tagħti vawċers lill-impjegati tagħha kontra r-rinunzja, minn dawn tal-aħħar, għal parti mir-remunerazzjoni tagħhom fi flus, twettaq attività ekonomika fis-sens tas-Sitt Direttiva.
25 Il-vawċers inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintitolaw lill-impjegati sabiex jixtru oġġett jew servizz f’negozji speċifici, b’mod li, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-vawċers jagħtuhom dritt fil-futur u indeterminat fuq oġġetti u servizzi.
26 Konsegwentement, sa fejn l-imsemmija vawċers ma jittrasferixxux immedjatament id-dritt li tiddisponi minn oġġett, l-għoti tagħhom ma jikkostitwixxix għall-finijiet tal-VAT, “provvista ta’ oġġett” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva, iżda “provvista ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, peress li, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ oġġett fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5 tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi.
27 Fid-determinazzjoni jekk provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġietx imwettqa bi ħlas, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv riċevut (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, 102/86, Ġabra p. 1443, punt 12; tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck, C-258/95, Ġabra p. I-5577, punt 12; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).
28 Ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammont taxxabbli fuq provvista ta’ oġġett jew provvista ta’ servizz, huwa effettivament ikkostitwit mill-kunsiderazzjoni effettivament riċevuta għalihom. Għaldaqstant, din il-kunsiderazzjoni tikkostitwixxi l-valur suġġettiv, jiġifieri dak effettivament riċevut, u mhux il-valur stmat skont kriterji oġġettivi. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni għandha tkun tista’ tiġi espressa fi flus (ara s-sentenza Fillibeck, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13 u 14, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
29 Issa, f’dak li jikkonċerna t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li teżisti rabta diretta bejn l-għoti ta’ vawċers inkwistjoni minn Astra Zeneca lill-impjegati tagħha, u l-parti tar-remunerazzjoni fi flus li għaliha dawn tal-aħħar għandhom jirrinunzjaw minħabba din il-provvista.
30 Fil-fatt, minflok jirċievu r-remunerazzjoni kollha tagħhom fi flus, l-impjegati ta’ Astra Zeneca li jagħżlu li jirċievu tali vawċers għandhom jirrinunzjaw għal parti minn din ir-remunerazzjoni inkambju tal-imsemmija vawċers, u b’hekk din it-tranżazzjoni tissarraf fi tnaqqis speċifiku mill-fondi tal-impjegati li għamlu tali għażla.
31 Barra minn hekk, ma hemmx dubju li Astra Zeneca effettivament tirċievi kunsiderazzjoni għall-għoti tal-vawċers inkwistjoni u li din il-kunsiderazzjoni hija espressa fi flus, peress li tikkorrispondi ma’ parti mir-remunerazzjoni fi flus tal-impjegati tagħha.
32 Barra minn hekk, kif ġie indikat fis-seduta, ir-responsabbiltà tal-ammont tal-VAT dovut għall-għoti ta’ dawn il-vawċers taqa’ fuq il-konsumatur aħħari tal-oġġetti u/jew tas-servizzi li jistgħu jinxtraw bl-imsemmija vawċers, jiġifieri l-impjegati ta’ Astra Zeneca li jirċievu dawn il-vawċers, peress li t-tnaqqis li għalih dan l-għoti jagħti lok mir-remunerazzjoni ta’ dawn l-impjegati jinkludi l-prezz tal-vawċers inkwistjoni kif ukoll it-totalità tal-VAT dovuta fuqhom.
33 Għaldaqstant, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta impjegat jixtieq juża tali vawċers, huwa sempliċement għandu jagħti dawn il-vawċers, li jinkludu l-VAT, lin-negozjant jew lill-persuna li tagħti s-servizzi inkwistjoni sabiex jirċievi, inkambju, l-oġġetti jew is-servizzi li jagħżel hu, bil-premessa li l-prezz ta’ dawn l-oġġetti jew tas-servizzi, li jinkludi l-VAT, ġie mħallas minn dan l-impjegat fil-mument li dan jagħzel li jirċievi l-vawċers inkwistjoni inkambju tar-rinunzja għal parti mir-remunerazzjoni tiegħu, u huwa biss fil-mument tal-użu ta’ dawn il-vawċers mill-impjegat li dan in-negozjant jew il-persuna li tagħti s-servizzi tħallas il-VAT dovuta għall-imsemmija oġġetti jew servizzi lill-amministrazzjoni fiskali.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva.
35 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li, il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-għoti ta’ vawċer minn kumpannija, li akkwistat dan il-vawċer għal prezz li jinkludi l-VAT, lill-impjegati tagħha inkambju tar-rinunzja, minn dawn tal-aħħar, ta’ parti mir-remunerazzjoni tagħhom fi flus, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas skont din id-dispożizzjoni.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
36 Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-għoti ta’ vawċer minn kumpannija, li akkwistat dan il-vawċer għal prezz li jinkludi t-taxxa fuq il-valur miżjud, lill-impjegati tagħha inkambju tar-rinunzja, minn dawn tal-aħħar, ta’ parti mir-remunerazzjoni tagħhom fi flus, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas skont din id-dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.