Kawża C-70/09
Alexander Hengartner
u
Rudolf Gasser
vs
Landesregierung Vorarlberg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa
mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija))
“Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni — Kiri ta’ art għall-kaċċa — Taxxa reġjonali — Kunċett ta’ attività ekonomika — Prinċipju ta’ trattament ugwali”
Sommarju tas-sentenza
1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi — Kunċett
2. Ftehim internazzjonali — Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi
(Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, Artikoli 1, 2 u 15 u Annessi I, II u III)
1. Peress li l-obbligu kuntrattwali jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-partijiet, bi ħlas u taħt ċerti kundizzjonijet, ta’ biċċa art li tinsab fi Stat Membru sabiex fuqha tiġi pprattikata l-kaċċa, il-kuntratt tal-kiri jirrigwarda provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, huwa għandu karattru transkonfinali peress li l-kerrejja huma ċittadini Svizzeri. Tali kerrejja għandhom jiġu kkunsidrati bħala destinatarji ta’ servizz, li jikkonsisti fl-għoti tat-tgawdija, bi ħlas, ta’ liċenzja tal-kaċċa fl-imsemmi spazju territorjali u limitat fiż-żmien.
(ara l-punti 31-33)
2. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, ma jipprekludux illi ċittadin ta’ waħda mill-partijiet kontraenti jkun suġġett, fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, bħala destinatarju ta’ servizzi, għal trattament differenti minn dak mogħti lill persuni li għandhom ir-residenza prinċipali tagħhom fl-imsemmi territorju, liċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll lill-persuni simili għalihom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-ġbir ta’ taxxa dovuta għal prestazzjoni ta’ servizzi, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ liċenzja tal-kaċċa.
Fil-fatt, jekk l-Artikolu 2 tal-Ftehim jirrigwarda l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, min-naħa l-oħra, huwa jipprojbixxi, b’mod ġenerali u assolut, mhux kull diskriminazzjoni taċ-ċittadini ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li jirrisjedu fit-territorju tal-parti l-oħra, iżda biss id-diskriminazzjonijiet abbażi taċ-ċittadinanza u sakemm is-sitwazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III ta’ dan il-Ftehim. Il-Ftehim u l-annessi tiegħu ma fihom l-ebda regola speċifika intiża sabiex d-destinatarji ta’ servizzi jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli fiskali dwar tranżazzjonijiet kummerċjali li għandhom bħala suġġett provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, peress li l-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx mas-suq intern tal-Komunità li huwa intiż sabiex ineħħi l-ostakli kollha għall-ħolqien ta’ żona ta’ moviment liberu simili għal dak offrut minn suq nazzjonali, li jinkludi, fost l-oħrajn, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward dan is-suq intern ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-Ftehim, ħlief għal dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens previsti mill-Ftehim innifsu.
(ara l-punti 39-43 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
15 ta’ Lulju 2010 (*)
“Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Kiri ta’ art għall-kaċċa – Taxxa reġjonali – Kunċett ta’ attività ekonomika – Prinċipju ta’ trattament ugwali”
Fil-Kawża C-70/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2009, fil-proċedura
Alexander Hengartner,
Rudolf Gasser
vs
Landesregierung Vorarlberg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Hengartner u Gasser, minn A. Wittwer, avukat,
– għall-Vorarlberger Landesregierung, minn J. Müller, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, E. Pürgy u W. Hämmerle, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u T. Scharf, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Hengartner u R. Gasser, ċittadini Svizzeri, u l-Landesregierung Vorarlberg (il-Gvern tal-Land tal-Vorarlberg), dwar il-ġbir ta’ taxxa fuq il-kaċċa, peress illi, fil-konfront tagħhom, ġiet applikata rata ta’ taxxa ogħla minn dik li għaliha huma suġġetti, b’mod partikolari, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
Il-kuntest ġuridiku
Il-ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni
3 Fil-21 ta’ Ġunju 1999, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmaw seba’ ftehim, fosthom il-ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”). Permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ April 2002, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89), dawn is-seba’ ftehim ġew approvati f’isem il-Komunità, u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.
4 IL-ftehim huwa intiż, fost l-oħrajn, u skont l-Artikolu 1(a) u (b) tiegħu, sabiex jagħti, favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera, dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika b’salarju, ta’ stabbiliment inkwantu ħaddiem għal rasu u d-dritt li persuna tibqa’ fit-territorju tal-partijiet kontraenti kif ukoll sabiex jiffaċilita l-provvista ta’ servizzi fit-territorju tal-partijiet kontraenti, b’mod partikolari l-provvista ta’ servizzi ta’ perijodu ta’ żmien qasir.
5 L-Artikolu 2 tal-imsemmi Ftehim, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi:
“Iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li huma residenti legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III għal dan il-ftehim, suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 L-Artikolu 4 tal-Ftehim, intitolat “Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jistipula:
“Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandu jiġi ggarantit bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 5 tal-Ftehim fih dispożizzjonijiet dwar il-provvista ta’ servizzi. Skont l-Artikolu 5(3), il-“persuni fiżiċi li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew tal-Isvizzera li jmorru fit-territorju ta’ waħda mill-partijiet kontraenti biss bħala destinatarji ta’ servizzi għandhom jibbenefikaw mid-dritt ta’ dħul u ta’ residenza”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 5(4) jippreċiża li d-drittijiet imsemmija b’dan l-Artikolu 5 huma ggarantiti skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III tal-Ftehim.
8 Skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim, l-annessi għal u l-protokolli tal-Ftehim huma parti integrali mill-Ftehim.
9 L-Artikolu 16 tal-Ftehim, intitolat “Referenza għad-dritt Komunitarju” jipprovdi dan li ġej:
“1. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan il-ftehim, il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex id-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fl-atti ġuridiċi tal-Komunità Ewropea li jsir riferiment għalihom jiġu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.
2. Sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim tinvolvi kunċetti tad-dritt Komunitarju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta’ qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. Il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim għandha tiġi kkomunikata lill-Isvizzera. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 L-Artikolu 17 tal-Anness I tal-Ftehim jipprojbixxi, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 5 tal-Ftehim, kull restrizzjoni għal provvista ta’ servizzi transkonfinali fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti li ma taqbiżx id-90 jum ta’ xogħol effettiv fis-sena, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, kull restrizzjoni relatata mad-dħul u mar-residenza.
11 L-Artikolu 23 tal-Anness I tal-Ftehim jipprovdi dan li ġej:
“1. Id-destinatarju tas-servizzi msemmi fl-Artikolu 5(3) ta’ dan il-ftehim ma jeħtieġx permess ta’ residenza għal residenzi ta’ inqas minn jew ta’ tliet xhur. Għal residenzi ta’ iktar minn tliet xhur, id-destinatarju tas-servizzi għandu jirċievi permess ta’ residenza għal terminu daqs dak tas-servizz. Matul it-terminu tar-residenza tiegħu jista’ jiġi eskluż mill-għajnuna soċjali.
2. Il-permess ta’ residenza għandu jkun validu għat-territorju kollu tal-Istat li ħarġu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12 L-Artikolu 2 tal-Liġi tal-Land tal-Vorarlberg dwar il-kaċċa (Vorarlberger Gesetz über das Jagdwesen, LGBl. 32/1988), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (LGBl. 54/2008), jipprovdi:
“Kontenut u eżerċizzju tad-dritt tal-kaċċa
1) Id-dritt tal-kaċċa għandu jkun il-bażi ta’ kull eżerċizzju tal-kaċċa. Huwa għandu jkun marbut mal-proprjetà immobbli u għandu jinkludi d-dritt tal-ġestjoni, tal-kaċċa, u tal-qbid tas-selvaġġina.
2. Il-proprjetarju tal-art ma jistax jittrasferixxi d-dritt tal-kaċċa tiegħu ħlief fil-każ fejn l-artijiet tiegħu jifformaw territorju ta’ kaċċa privata (persuna li għandha liċenzja tal-kaċċa privata). Huma l-assoċjazzjonijiet tal-kaċċa li għandhom il-possibbiltà li jittrasferixxu d-dritt ta’ kaċċa fuq l-artijiet l-oħra kollha.
3. Il-persuni li għandhom dritt tal-kaċċa (paragrafu 2) għandhom jew jikkaċċjaw huma stess fit-territorji tagħhom tal-kaċċa, jew jittrasferixxu t-tgawdija tagħha lil kerrejja (persuni li għandhom id-dritt tat-tgawdija tal-kaċċa).
13 L-Artikolu 20 tal-imsemmija liġi jipprovdi dan li ġej:
“Kiri ta’ art għall-kaċċa
1. Il-kiri ta’ art għall-kaċċa jista’ jsir bi ftehim reċiproku, b’sejħa pubblika għall-offerti jew b’irkanti pubbliċi. Fil-kuntest tal-kiri tal-art għall-kaċċa, il-kaċċaturi liċenzjati għandhom jiżguraw li jeżerċitaw id-dritt tal-kaċċa b’mod konformi mal-prinċipji tal-Artikolu 3.
2. It-tul tal-kiri tal-art għall-kaċċa għandu jkun ta’ sitt snin għat-territorju ta’ kaċċa ta’ assoċjazzjoni tal-kaċċa u ta’ sitt jew tnax-il sena għat-territorji ta’ kaċċa privata. Jekk il-kirja tal-art għall-kaċċa tiġi tterminata qabel, l-art għall-kaċċa ma tistax terġa’ tinkera ħlief għall-kumplament taż-żmien tal-kirja.
3. Il-kuntratt ta’ kiri ta’ art għall-kaċċa għandu jiġi konkluż bil-miktub. Għandu jinkludi l-ftehim kollha dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kaċċa, inkluż l-eventwali dispożizzjonijiet anċillari bħal dawk dwar il-ħlas ta’ kawzjoni, dwar ir-rati minimi ta’ kumpens għad-danni kkawżati mis-selvaġġina, jew dwar il-bini, l-użu u t-teħid lura ta’ installazzjonijiet tal-kaċċa. Il-ftehim li ma jidhrux fil-kuntratt ta’ kiri ta’ art għall-kaċċa huma meqjusa bħala mhux konklużi. Il-kuntratt ta’ kiri ta’ art għall-kaċċa għandu f’kull każ jindika l-ismijiet tal-kaċċatur liċenzjat u tal-kerrej, id-deskrizzjoni, is-sitwazzjoni u l-erja tal-art għall-kaċċa, il-bidu u t-tmiem tal-kirja kif ukoll l-ammont tal-kirja.
4. Qabel il-kiri ta’ territorju ta’ kaċċa privata li tkopri artijiet ta’ proprjetarju ieħor li għandha superfiċji ikbar minn 10 ettari, il-persuna li għandha liċenzja tal-kaċċa privata għandha tikkonsulta mal-proprjetarju ta’ dawn l-artijiet.
5. Il-kaċċatur liċenzjat huwa obbligat jissottometti lill-awtorità kompetenti, il-kuntratt ta’ kiri tal-art għall-kaċċa, għal evalwazzjoni, mhux iktar kmieni minn sena u mhux iktar tard minn xahar mill-bidu tal-kirja. Il-kuntratt ta’ kiri tal-art għall-kaċċa jidħol fis-seħħ fid-data miftehma jekk l-awtorità kompetenti ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra tiegħu fi żmien xahar jew jekk il-problemi li jkunu kkawżaw l-oġġezzjonijiet tagħha jkunu ġew solvuti f’terminu raġjonevoli li jiġi stabbilit. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-bidliet fil-kuntratt ta’ artijiet għall-kaċċa fis-seħħ.
6. Il-gvern tal-Land għandu jadotta permezz ta’ digriet dispożizzjonijiet iddettljati dwar il-proċedura ta’ kiri ta’ art għall-kaċċa.”
14 Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi tal-Land tal-Vorarlberg dwar il-ġbir ta’ taxxa fuq il-kaċċa (Vorarlberger Gesetz über die Erhebung einer Jagdabgabe, LGBl. 28/2003, iktar ’il quddiem il-“Vlbg. JagdAbgG”), għall-eżerċizzju tad-dritt tal-kaċċa għandha titħallas taxxa. Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi, huma suġġetti għal din it-taxxa l-kaċċatur liċenzjat u, f’każ ta’ trasferiment tad-dritt tal-kaċċa lil kerrejja, dawn tal-aħħar.
15 L-Artikolu 3 tal-Vlbg. JagdAbgG jistabbilixxi l-bażi tat-taxxa kif ġej:
“1. Fil-każ ta’ artijiet għall-kaċċa mikrija, it-taxxa għandha tiġi ddeterminata skont il-kirja annwali miżjuda, skont il-każ, bil-valur tas-servizzi anċillari miftiehma fil-kuntratt. L-ispejjeż marbuta mas-sorveljanza tal-art għall-kaċċa kif ukoll mad-danni kkawżati mill-kaċċa u mis-selvaġġina ma jiġux ikkunsidrati bħala servizzi anċillari.
2. Fil-każ ta’ artijiet għall-kaċċa mhux mikrija, it-taxxa għandha tiġi ddeterminata skont l-ammont li, f’każ ta’ kirja, seta’ jinkiseb bħala kirja annwali.
3. Jekk, għal art għall-kaċċa mikrija, il-kirja annwali, miżjuda, skont il-każ, bil-valur tas-servizzi anċillari miftiehma fil-kuntratt, hija nettament inqas mill-ammont li jista’ jinkiseb fil-każ ta’ kirja, it-taxxa għandha tiġi ddeterminata bl-istess mod bħal fil-każ ta’ artijiet mhux mikrija.
[…]”
16 Skont l-Artikolu 4(1) tal-VLbg. JagdAbgG, it-taxxa għandha titla’ għal 15 % tal-bażi tat-taxxa għall-persuni li jkollhom ir-residenza prinċipali tagħhom fl-Awstrija, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew morali li jiġu kkunsidrati bħalhom skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din il-liġi, it-taxxa għandha titla’ għal 35 % tal-bażi tat-taxxa għall-persuni l-oħra kollha.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
17 Fit-8 ta’ Jannar 2002, A Hengartner u R. Gasser, ċittadini Svizzeri, ikkonkludew kuntratt ta’ kiri ta’ art għall-kaċċa fl-Awstrija ma’ assoċjazzjoni tal-kaċċa għal terminu ta’ sitt snin, għall-perijodu mill-1 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2008. Il-kirja annwali ġiet stabbilita fl-ammont ta’ EUR 10 900, peress li l-art tal-kaċċa kellha erja ta’ 1 598 ettari.
18 Mill-proċess ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jkunu regolarment fit-territorju tal-Land tal-Vorarlberg sabiex jikkaċċjaw fih.
19 Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2002, l-amministrazzjoni kompetenti tal-imsemmi Land approvat il-ħatra ta’ żewġ persuni li kellhom jaqdu l-irwol ta’ awtorità ta’ protezzjoni tal-kaċċa għat-tul tal-kuntratt ta’ kiri tal-imsemmija rikorrenti.
20 B’deċiżjoni tal-1 ta’ April 2007 tal-awtorità tat-taxxi tal-Land tal-Vorarlberg, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew suġġetti għal taxxa fuq il-kaċċa ta’ 35 % tal-bażi tal-imsemmija taxxa, jiġiferi EUR 4 359.30, għall-istagun tal-kaċċa ta’ bejn l-1 ta’ April 2007 u l-31 ta’ Marzu 2008. Ir-rikorrenti għalhekk ressqu lment kontra din id-deċiżjoni.
21 B’deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2007, l-imsemmija awtorità tat-taxxi ċaħdet l-ilment filwaqt li saħħqet illi l-applikazzjoni tar-rata ogħla tat-taxxa kienet konformi mad-dritt nazzjonali. F’din id-deċiżjoni, ġie enfasizzat ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ma kinux applikabbli għall-eżerċizzju tal-kaċċa u għat-taxxi relatati miegħu.
22 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali allura ppreżentaw rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof fejn essenzjalment invokaw ksur tad-drittijiet tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Unjoni. Huma spjegaw li, l-istess bħas-sajd jew l-agrikoltura, il-kaċċa hija attività ekonomika, partikolarment fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali fejn is-selvaġġina maqtula tinbiegħ fl-Awstrija. Konsegwentement, l-awtorità tat-taxxi tal-Land tal-Vorarlberg messha applikat rata ta’ taxxa ta’ 15 % sabiex tevita diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza.
23 L-imsemmija awtorità tat-taxxi sostniet illi l-kaċċa għandha tkun kkunsidrata bħala sport li ma għandux l-għan permanenti li jiġġenera dħul.
24 Il-Verwaltungsgerichtshof għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Fil-każ fejn kaċċatur liċenzjat ibigħ fit-territorju nazzjonali s-selvaġġina li huwa jkun ikkaċċja, l-eżerċizzju tal-kaċċa jikkostitwixxi attività ta’ persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-Artikolu 43 KE, anki jekk din l-attività, b’mod ġenerali, ma tkunx intiża li tħalli profitt?”
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 43 KE
25 Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat illi, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi espliċitament għall-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE) peress illi r-regoli tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu invokati biss minn ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni li jrid jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jew minn ċittadin ta’ dan l-istess Stat li jsib ruħu f’sitwazzjoni li għandha rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1992, Ferrer Laderer, C-147/91, Ġabra p. I-4097, punt 7).
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma għandhomx japplikaw għal ċittadin ta’ pajjiż terz, bħall-Konfederazzjoni Svizzera.
27 Madankollu, sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utili għaliha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma għamlitx referenza għalihom meta għamlet id-domanda tagħha (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP, C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8, u tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr, C-506/06, Ġabra p. I-1017, punt 43).
28 Fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, konsegwentement huwa meħtieġ li d-domanda magħmula tiġi eżaminata mill-perspettiva tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.
Fuq l-interpretazzjoni tal-Ftehim
29 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jipprekludux il-ġbir, minn Stat Membru, mingħand ċittadini ta’ nazzjonalità Svizzera, ta’ taxxa reġjonali meta fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar tiġi applikata rata ta’ taxxa ogħla minn dik li għaliha huma suġġetti, b’mod partikolari, iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni.
30 Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant hija mitluba teżamina jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jistgħux japplikaw għal kawża ta’ natura fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk iva, tistabbilixxi l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Peress li l-Ftehim fih dispożizzjonijiet differenti dwar il-provvista ta’ servizzi u dwar l-istabbiliment, jeħtieġ li tiġi ddefinita n-natura tal-attività eżerċitata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-territorju Awstrijak fir-rigward tas-sistema fiskali inkwistjoni.
Fuq il-kwalifikazzjoni tal-attività inkwistjoni
31 Għandu jiġi kkonstatat illi l-Vlbg. JagdAbgG tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt tal-kaċċa fit-territorju tal-Land tal-Voralberg għall-ħlas ta’ taxxa annwali. Madankollu, peress illi, minn naħa waħda, fil-każ ta’ kiri ta’ liċenzja tal-kaċċa, il-kerrej huwa l-persuna taxxabbli, u illi, min-naħa l-oħra, it-taxxa hija dovuta indipendentement mill-intensità tal-attività tal-kaċċa eżerċitata minnu, għandu jiġi kkunsidrat illi, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-fatt ġeneratur tat-taxxa huwa l-kirja ta’ liċenzja tal-kaċċa fit-territorju tal-Land tal-Vorarlberg.
32 Għaldaqstant, l-obbligu kuntrattwali inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonsisti fil-kiri mill-partijiet fil-kawża prinċipali, bi ħlas u taħt ċerti kundizzjonijet, ta’ biċċa art sabiex fuqha tiġi pprattikata l-kaċċa. Il-kuntratt tal-kiri konsegwentement jirrigwarda provvista ta’ servizzi illi, fil-kawża prinċipali, tippreżenta karattru transkonfinali, peress illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kerrejja tal-liċenzja tal-kaċċa fuq din l-imsemmija art, iridu jmorru fit-territorju tal-Land tal-Vorarlberg sabiex hemmhekk jeżerċitaw id-dritt tagħhom.
33 L-imsemmija rikorrenti għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala destinatarji ta’ servizz, li jikkonsisti fl-għoti tat-tgawdija, bi ħlas, ta’ liċenzja tal-kaċċa fi spazju territorjali u limitat fiż-żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld, C-97/98, Ġabra p. I-7319, punt 36).
34 Peress illi l-fatt ġeneratur tat-taxxa huwa kkostitwit mill-kiri tal-liċenzja tal-kaċċa huma biss ir-regoli tal-Ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi li huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tat-taxxa inkwistjoni.
Fuq l-effett tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fir-rigward tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali
35 Fir-rigward tat-trattament fiskali tat-tranżazzjoni kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi għandhomx jiġu interpretati fis-sens illi jipprekludu taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, illi, skont iċ-ċittadinanza tal-kerrejj tal-liċenzja tal-kaċċa, timponi rata ta’ 15 % jew ta’ 35 % tal-bażi tat-taxxa inkwistjoni.
36 Għandu jiġi mfakkar illi, skont ġurisprudenza stabbilita, trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat mhux biss skont it-termini li fih huwa redatt, iżda wkoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I-6079, punt 14; is-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 1999, El-Yassini, C-416/96, Ġabra p. I-1209, punt 47; tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C-268/99, Ġabra p. I-8615, punt 35, u tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, Ġabra p. I-1289, punti 42 u 43, u ġurisprudenza ċċitata).
37 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat illi, skont l-Artikolu 1(b) tal-Ftehim, l-għan tiegħu huwa li jiffaċilita l-provvista ta’ servizzi fit-territorju tal-partijiet kontraenti favur ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità u tal-Isvizzera, kif ukoll il-liberalizzazzjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ perijodu ta’ żmien qasir.
38 Għandu jiġi ppreċiżat ukoll illi l-Artikolu 5(3) tal-Ftehim jagħti lill-persuni li għandhom jiġu kkunsidrati bħala destinatarji ta’ servizzi, fis-sens tal-Ftehim, dritt ta’ dħul u residenza fit-territorju tal-partijiet kontraenti. L-Artikolu 23 tal-Anness I tal-Ftehim fih dispożizzjonijiet partikolari dwar id-dritt ta’ residenza favur dawn it-tip ta’ persuni.
39 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, minbarra r-regoli dwar id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza tad-destinatarji ta’ servizzi, il-Ftehim huwiex intiż illi jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali f’dak li jirrigwarda l-istatus legali ta’ dawn fit-territorju ta’ waħda mill-partijiet kontraenti, għandu jiġi osservat illi, jekk l-Artikolu 2 tal-Ftehim jirrigwarda l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, min-naħa l-oħra, huwa jipprojbixxi, b’mod ġenerali u assolut, mhux kull diskriminazzjoni taċ-ċittadini ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li jirrisjedu fit-territorju tal-parti l-oħra, iżda biss id-diskriminazzjonijiet abbażi taċ-ċittadinanza u sakemm is-sitwazzjoni taċ-ċittadini taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III ta’ dan il-Ftehim.
40 Il-Ftehim u l-annessi tiegħu ma fihom l-ebda regola speċifika intiża sabiex d-destinatarji ta’ servizzi jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli fiskali dwar tranżazzjonijiet kummerċjali li għandhom bħala suġġett provvista ta’ servizzi.
41 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat illi l-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx mas-suq intern tal-Komunità li huwa intiż sabiex ineħħi l-ostakli kollha għall-ħolqien ta’ żona ta’ moviment liberu simili għal dak offrut minn suq nazzjonali, li jinkludi, fost l-oħrajn, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme, C-351/08, Ġabra p. I-10777, punt 27).
42 Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll illi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward dan is-suq intern ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-Ftehim, ħlief għal dispożizzjonijiet espliċiti għal f’dan is-sens previsti mill-Ftehim innifsu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest, C-541/08, Ġabra p. I-1025), punt 28).
43 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun illi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ma jipprekludux illi ċittadin ta’ waħda mill-partijiet kontraenti jkun suġġett, fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, bħala destinatarju ta’ servizzi, għal trattament differenti minn dak mogħti lill-persuni li għandhom ir-residenza prinċipali tagħhom fl-imsemmi territorju, liċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll lill-persuni simili għalihom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-ġbir ta’ taxxa dovuta għal prestazzjoni ta’ servizzi, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ liċenzja tal-kaċċa.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 ma jipprekludux illi ċittadin ta’ waħda mill-partijiet kontraenti jkun suġġett, fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, bħala destinatarju ta’ servizzi, għal trattament differenti minn dak mogħti lill-persuni li għandhom ir-residenza prinċipali tagħhom fl-imsemmi territorju, liċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll lill-persuni simili għalihom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-ġbir ta’ taxxa dovuta għal prestazzjoni ta’ servizzi, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ liċenzja tal-kaċċa.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.