Kawża C-86/09
Future Health Technologies Ltd
vs
The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Manchester)
“Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet —Artikolu 132(1)(b) u (ċ) — Kura fl-isptar u kura medika kif ukoll l-attivitajiet relatati mill-viċin — Provvista ta’ kura medika lill-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi — Ġbir, analiżi u pproċessar ta’ demm mill-kurdun taż-żokra — Ħażna ta’ ċelloli staminali — Possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur — Tranżazzjonijiet komposti minn sensiela ta’ elementi u azzjonijiet”
Sommarju tas-sentenza
1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni għall-kura fl-isptar u għall-kura medika kif ukoll għall-attivitajiet relatati mill-viċin – Eżenzjoni għall-kura medika fil-kuntest tal-professjonijiet mediċi u paramediċi
(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 132(1)(b) u (ċ))
2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni għall-kura fl-isptar u għall-kura medika kif ukoll għall-attivitajiet relatati mill-viċin
(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 132(1)(b))
1. Meta attivitajiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur huma intiżi biss sabiex jiżguraw li riżors partikolari jkun disponibbli għal trattament mediku fil-każ ipotetiku inċert li dan ikun meħtieġ, u mhux, bħala tali, li jagħmlu djanjosi, li jagħtu trattament jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa, tali attivitajiet, kemm jekk meħuda flimkien jew b’mod separat, ma humiex koperti la bil-kunċett ta’ “sptar u kura medika” li jinsab fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u lanqas bil-kunċett ta’ “provvediment [provvista] tal-kura medika” li jinsab fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. Kien ikun mod ieħor, fir-rigward tal-analiżi tad-demm tal-kurdun taż-żokra, li kieku din l-analiżi kienet effettivament intiża sabiex issir djanjosi medika, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
(ara l-punt 47 u d-dispożittiv 1)
2. Il-kunċett ta’ attivitajiet “relatati mill-viċin” ma’ “sptar u [ma’] kura medika” skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/11, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jkun interpretat fis-sens illi ma jkoprix attivitajiet, li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur, ma’ liema dawn l-attivitajiet huma biss possibbilment relatati u li la huwa effettiv, mibdi u lanqas ippjanat.
(ara l-punt 52 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
10 ta’ Ġunju 2010 (*)
“Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet – Artikolu 132(1)(b) u (ċ) – Kura fl-isptar u kura medika kif ukoll l-attivitajiet relatati mill-viċin – Provvista tal-kura medika lill-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi – Ġbir, analiżi u pproċessar ta’ demm mill-kurdun taż-żokra – Ħażna ta’ ċelloli staminali – Possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur – Tranżazzjonijiet komposti minn sensiela ta’ elementi u azzjonijiet”
Fil-Kawża C-86/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Manchester (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2009, fil-proċedura
Future Health Technologies Limited
vs
Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, P. Lindh, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Future Health Technologies Limited, minn R. Thomas, barrister,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth u H. Walker, bħala aġenti, assistiti minn I. Hutton, barrister,
– għall-Gvern Grieg, minn O. Patsopoulou, Z. Chatzipavlou, M. Tassopoulou u M. Apessos, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Future Health Technologies Limited (iktar ’il quddiem l-“FHT”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem l-“HMRC”), l-awtorità kompetenti fir-Renju Unit fil-qasam tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), dwar ir-rifjut tagħhom li jeżentaw mill-VAT l-attivitajiet bi ħlas li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra tat-trabi li għadhom jitwieldu (iktar ’il quddiem iċ-“ċelloli staminali tal-kurdun”), kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Id-Direttiva 2006/12 abrogat u ssostitwiet, mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti dwar il-VAT, jiġifieri s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
4 Skont l-ewwel u t-tielet premessi tad-Direttiva 2006/112, il-formulazzjoni mill-ġdid tas-Sitt Direttiva kienet neċessarja sabiex id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali bi struttura u redazzjoni riveduti mingħajr, bħala prinċipju, ma jkun hemm tibdil fis-sustanza.
5 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/12 jipprovdi dan li ġej:
“1. It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
a) il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[…]
(ċ) il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
d) l-importazzjoni ta’ merkanzija.
[...]”
6 L-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112 huwa l-uniku artikolu fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, li huma intitolati rispettivament “Disposizzjonijiet ġenerali” u “Eżenzjonijiet”. Dan l-artikolu jipprovdi dan li ġej:
“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”
7 L-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tad-direttiva, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]
b) sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;
(ċ) il-provvediment [il-provvista] tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;
[...]”
8 Minbarra l-parti introduttiva tagħhom, l-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112 jużaw l-istess termini bħal dawk tal-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva. Il-parti introduttiva ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, madankollu, tipprovdi dan li ġej: “Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”.
9 L-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw, għal kull każ individwali, l-għoti tal-eżenzjoni stipulata b’mod partikolari fl-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva, lil korpi oħra minbarra dawk regolati mid-dritt pubbliku, għal waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet hemm stipulati.
10 Skont l-Artikolu 134 tad-Direttiva 2006/112:
“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-[punt] (b) ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:
a) fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;
b) fejn l-iskop bażiku tal-provvista hu li tikseb dħul addizzjonali għall-korp in kwistjoni permezz ta’ transazzjonijet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 L-Artikolu 31 tal-Liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Value Added Tax Act 1994) tipprovdi illi l-provvista ta’ merkanzija jew ta’ servizzi hija eżentata jekk din tinsab fil-lista li qegħda fl-Anness 9 ta’ din il-liġi.
12 Il-Grupp 7 tal-Anness 9 ta’ din il-liġi jippreċiża illi l-provvisti li ġejjin, fost oħrajn, huma eżenti:
– il-provvista ta’ servizzi minn persuna reġistrata, b’mod partikolari, fir-reġistru li jinżamm skont il-Health Professions Order 2001 (Statutory Instrument 2002 No. 254);
– il-provvista ta’ kura jew trattament mediku jew kirurġiku u, f’dan il-kuntest, il-provvista ta’ kwalunkwe prodott, fi kwalunkwe sptar jew istituzzjoni pubblika;
– prodotti għal skopijiet terapewtiċi, imnissla mid-demm uman, u
– organi jew tessuti umani (inklużi tal-fetu) użati għal djanjosi jew għal skopijiet terapewtiċi jew ta’ riċerka medika.
13 Il-linji gwida tal-HMRC jipprovdu, b’mod ġenerali, li s-servizzi pprovduti minn professjonisti tas-saħħa rreġistrati taħt il-Health Professions Order 2001 huma kkunsidrati li huma intiżi prinċiparjament għall-protezzjoni, iż-żamma jew il-fejqan tas-saħħa tal-individwu kkonċernat u għalhekk huma eżentati mill-VAT.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 L-FHT hija akkreditata u awtorizzata mill-awtoritajiet Brittaniċi rilevanti bħala bank privat taċ-ċelloli staminali. Fil-kuntest tas-servizzi li hija tagħti lill-ġenituri ta’ trabi li għadhom jitwieldu, hija għandha attivitajiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm mill-kurdun taż-żokra kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali tal-kurdun.
15 Dawn l-attivitajiet huma ssorveljati direttament minn xjentist kliniku rreġistrat bħala professjonist tas-saħħa fir-reġistru taħt il-Health Professions Order 2001. Iċ-ċelloli jinġabru fit-twelid bil-għan li fil-futur possibilment jintużaw għat-trattament mediku tal-wild stess (użu awtoloġiku) jew ta’ persuni oħra (użu alloġeniku jew eterologu). Bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-kuntratt bejn l-FHT u l-ġenitur(i) tal-wild (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”), iċ-ċelloli pproċessati u maħżuna mill-FHT huma intiżi biss għal użu mediku. Dawn ma jistgħux jintużaw għal riċerka jew għal esperimentazzjoni.
16 F’kull każ, l-avvenimenti li jseħħu jew li jistgħu jseħħu meta l-FHT taċċetta li tipprovdi s-servizzi tagħha skont il-kuntratt, huma dawn li ġejjin:
a) kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra li jintbagħat lill-ġenituri tat-tarbija li għadha ma twilditx;
b) il-ġenituri jirranġaw (spejjeż tagħhom) sabiex professjonist mediku li jkun jassisti għat-twelid jiġbor id-demm tal-kurdun taż-żokra ftit wara t-twelid;
c) id-demm jittieħed minn kumpannija ta’ kurriera mediċi fil-laboratorju tal-FHT. Din hija faċilità speċjalizzata għall-analiżi u l-estrazzjoni taċ-ċelloli staminali mid-demm tal-kurdun;
d) l-impjegati tal-FHT janalizzaw id-demm sabiex jiżguraw illi ma huwiex ikkontaminat b’xi kundizzjoni medika li tista’ tkun trażmessa permezz tad-demm. Din l-analiżi ssir ftit wara t-twelid, u terġa’ ssir wara sitt xhur;
e) id-demm imbagħad jiġi pproċessat sabiex minnu jiġi estratt kampjun taċ-ċelloli staminali adattati għall-użu mediku;
f) il-kampjun taċ-ċelloli staminali jiġi maħżun permezz tal-krijokonservazzjoni b’tali mod li jkun lest għall-użu;
g) il-kampjun jinħażen sakemm jintuża fi trattament mediku;
h) il-kampjun taċ-ċelloli staminali jiġi rilaxxat fuq talba tal-ġenituri (sakemm il-wild ikollu 18-il sena) għall-użu fi trattament mediku.
17 Il-kuntratt jistipula żewġ metodi ta’ ħlas. L-ewwel wieħed jipprovdi illi l-klijent iħallas żewġ ammonti fissi għall-attivitajiet kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluż il-ħażna matul sitt xhur, flimkien ma’ somma ulterjuri annwali sabiex iċ-ċelloli staminali jitkomplew jinħażnu. It-tieni metodu jippermetti lill-klijent li jħallas minn qabel tliet ammonti fissi sabiex ikopri l-attivitajiet kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali u għoxrin sena ta’ ħażna bil-quddiem. Il-prezz totali tal-ewwel metodu ta’ ħlas huwa ta’ GBP 995, li miegħu tiżdied is-somma annwali ta’ GBP 30. Jekk jintuża t-tieni metodu ta’ ħlas, il-prezz totali huwa ta’ GBP 1 295.
18 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-ispiża tal-klijenti li jagħżlu l-pakkett li joffri l-ħażna għal 20 sena tinqasam kif ġej:
– l-entrata (a) fil-punt 16 ta’ din is-sentenza tirrapreżenta 15 % tal-ispiża totali akarigu tal-klijent (li teħtieġ il-ħlas ta’ GBP 200)
– huwa l-klijent li għandu jieħu ħsieb, b’mod indipendenti, l-ispejjeż kollha relatati mal-entrata (b);
– l-entrati (c) u (e) elenkati fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, jiġifieri, it-trasport lejn il-laboratorju tal-FHT, l-ipproċessar, l-analiżi u l-kontroll, flimkien jiffurmaw 62 % tal-ispiża totali akarigu tal-klijent (li jeħtieġu l-ħlas ta’ GBP 795);
– l-entrata (g), jiġifieri l-ħażna, tirrapreżenta 23 % tal-ispiża totali (li teħtieġ il-ħlas ta’ GBP 300).
19 L-ispejjeż tal-FHT għall-provvista tal-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma mqassma kif ġej:
– il-provvista tal-kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun u l-amministrazzjoni: 7 %,
– l-ipproċessar, l-analiżi, il-kontroll u l-krijokonservazzjoni ta’ kampjun: 91 %;
– il-ħażna tal-kampjun lest: 2 %.
20 Il-maġġoranza tal-ispejjeż tax-xogħol relatati mal-għoti tal-provvista skont il-kuntratt huma marbuta mal-analiżi, il-kontroll u l-ipproċessar ulterjuri tad-demm. L-ispejjeż tax-xogħol marbuta mal-ħażna, meta l-kampjuni jkunu ġew krijokonservati, huma minimi.
21 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta illi, inizjalment, l-HMRC kienu tal-opinjoni li l-“ġbir” u l-analiżi taċ-ċelloli staminali – imma mhux il-ħażna tagħhom – kienu eżentati skont il-punt 8 fil-Ġrupp 7 tal-Anness 9 tal-Liġi dwar il-VAT tal-1994 [provvista ta’ organi jew ta’ tessuti umani (inklużi tal-fetu) eċċ.]. L-FHT għalhekk kienet ikkunsidrata bħala li twettaq tranżazzjonijiet eżentati u oħrajn taxxabli.
22 Sussegwentement l-HMRC iddeċidew illi l-provvista prinċipali kienet il-ħażna taċ-ċelloli staminali, attività li ma hijiex trattament mediku, u li l-analiżi u l-ipproċessar taċ-ċelloli kienu anċillari għal din l-attività. Barra minn hekk, anki li kieku l-attivitajiet kellhom jiġu eżaminati b’mod separat, l-analiżi u t-trattament taċ-ċelloli staminali ma kellhomx, skont l-HMRC, jitqiesu bħala kura medika.
23 L-FHT ippreżentat rikors quddiem il-VAT and Duties Tribunal, fejn sostniet illi:
– il-provvisti tagħha kienu provvista kumplessa waħda ta’ kura medika profilattika koperta bl-eżenzjoni taħt l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112; jew
– li kienu provvista kumplessa waħda ta’ kura medika jew ta’ sptar jew attività relatata mill-viċin koperta bl-eżenzjoni taħt l-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva, jew
– sussidjarjament, jekk il-provvisti mogħtija mill-FHT ma kinux tranżazzjoni waħda kumplessa, il-provvisti tal-ġbir, tal-kontroll, tal-analiżi, tal-ipproċessar u tal-krijokonservazzjoni, kif ukoll is-servizz sabiex iċ-ċelloli staminali jiġu disponibbli malajr kemm jista’ jkun għal skopijiet terapewtiċi, kollha kienu kull waħda tranżazzjoni eżentata taħt l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tal-imsemmija direttiva.
24 Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1. F’ċirkustanzi fejn Stat Membru jaċċetta li servizzi huma mwettqa minn stabbiliment li għandu jkun ikkunsidrat bħala stabbiliment debitament rikonoxxut ta’ natura simili għal sptar jew ċentru għat-trattament mediku jew dijanjosi skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva Prinċipali dwar il-VAT, l-espressjoni “sptar u kura medika” fl-Artikolu 132(1)(b) għandha tkun interpretata bħala li tinkludi s-servizzi kollha jew, inkella, servizz wieħed jew iktar (u f’dan il-każ, liema) li għandhom is-segwenti deskrizzjonijiet (kif deskritti f’iktar dettall fid-dikjarazzjoni stabbilita tal-fatti):
a) l-għoti lill-ġenituri ta’ tarbija li għadha ma twelditx ta’ kitt tat-tagħmir mediku neċessarju sabiex jippermetti lil professjonist mediku indipendenti li jkun qiegħed jassisti għat-twelid jiġbor id-demm mill-kurdun taż-żokra tat-tarbija ftit wara t-twelid;
b) l-analiżi tad-demm hekk miġbur f’faċilità mibnija għal dan il-għan sabiex ikun żgurat li dan ma jkunx ikkontaminat b’xi kundizzjoni medika li tista’ tkun trażmessa permezz tad-demm jew permezz ta’ estratt ta’ ċelloli staminali mid-demm fil-każ tal-użu terapewtiku taċ-ċelloli staminali (analiżi simili terġa’ ssir wara sitt xhur);
c) l-ipproċessar tal-imsemmi demm minn u taħt is-superviżjoni ta’ professjonisti mediċi kkwalifikati kif xieraq sabiex ikun estratt kampjun ta’ ċelloli staminali li jistgħu jintużaw għal użu mediku terapewtiku;
d) il-ħażna tad-demm u taċ-ċelloli staminali f’kundizzjonijiet xjentifikament ikkontrollati intiżi sabiex id-demm u ċ-ċelloli staminali jinżammu u jkunu ppreservati f’kundizzjoni perfetta; u/jew
e) ir-rilaxx tad-demm fuq talba tal-ġenituri (sakemm il-wild ikollu 18-il sena) għal użu fi trattament mediku?
2. Sussidjarjament, il-kunċett ta’ attivitajiet li huma “relatati mill-viċin” ma’ sptar u ma’ kura medika fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva Prinċipali tal-VAT għandu jkun interpretat b’mod li jinkludi s-servizzi kollha msemmija iktar ’il fuq jew xi wħud minnhom (u f’dan il-każ, liema)?
3. F’ċirkustanzi fejn Stat Membru jaċċetta li l-imsemmija servizzi huma mwettqa minn jew taħt is-superviżjoni ta’ professjonist mediku kkwalifikat kif xieraq, wieħed jew iktar, l-espressjoni “il-provvediment [provvista] ta’ kura medika” fl-Artikolu 132(1)(ċ) għandha tkun interpretata b’mod li tinkludi s-servizzi kollha jew, inkella, servizz wieħed jew iktar (u f’dan il-każ, liema) li għandhom is-segwenti deskrizzjonijiet (kif deskritti f’iktar dettall fid-dikjarazzjoni stabbilita tal-fatti):
f) l-għoti lill-ġenituri ta’ tarbija li għadha ma twelditx ta’ kitt tat-tgħamir mediku neċessarju sabiex jippermetti lil professjonist mediku indipendenti li jkun qiegħed jassisti t-twelid jiġbor id-demm mill-kurdun taż-żokra tat-tarbija ftit wara t-twelid;
g) l-analiżi tad-demm hekk miġbur f’faċilità mibnija għal dan il-għan sabiex ikun żgurat li dan ma jkunx ikkontaminat b’xi kundizzjoni medika li tista’ tkun trażmessa permezz tad-demm jew permezz ta’ estratt ta’ ċelloli staminali mid-demm fil-każ ta’ użu terapewtiku taċ-ċelloli staminali (analiżi simili terġa’ ssir wara sitt xhur);
h) l-ipproċessar tal-imsemmi demm minn u taħt is-superviżjoni ta’ professjonisti mediċi kkwalifikati kif xieraq sabiex ikun estratt kampjun ta’ ċelloli staminali li jistgħu jintużaw għal użu mediku terapewtiku;
i) il-ħażna tad-demm u taċ-ċelloli staminali f’kundizzjonijiet xjentifikament ikkontrollati intiżi sabiex id-demm u ċ-ċelloli staminali jinżammu u jkunu ppreservati f’kundizzjoni perfetta; u/jew
j) ir-rilaxx tad-demm fuq talba tal-ġenituri (sakemm il-wild ikollu 18-il sena) għal użu fi trattament mediku?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
25 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar illi, bħas-Sitt Direttiva, id-Direttiva 2006/112 tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT billi fl-Artikolu 2, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, minbarra l-importazzjonijiet ta’ oġġetti, issemmi wkoll il-provvista ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 49; tal-14 ta’ Diċembru 2006, VDP Dental Laboratory, C-401/05, Ġabra p. I-12121, punt 22, u tal-11 ta’ Frar 2010, Graphic Procédé, C-88/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15). Madankollu, l-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 jeżenta ċerti attivitajiet mill-VAT, kif jagħmel l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva.
26 Kif jirriżulta mill-punti 4, 6 u 8 ta’ din is-sentenza, il-kliem użat fl-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva huwa, essenzjalment, identiku għal dak użat fl-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 131 tagħha. Barra minn hekk, mill-ewwel u mit-tielet premessi tad-Direttiva 2006/112, jirriżulta illi din ma hijiex intiża, bħala prinċipju, sabiex tagħmel bidliet fil-mertu mid-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva.
27 Minn dan isegwi illi l-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati bl-istess mod (ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet, C-291/07, Ġabra p. I-8255, punt 23). Għaldaqstant, il-ġurisprudenza żviluppata fir-rigward tal-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva f’dan il-każ tista’ tintuża bħala bażi għar-risposti mitluba permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi hija ġurisprudenza stabbilita illi l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li huma intiżi li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 15, u tat-28 ta’ Jannar 2010, Eulitz, C-473/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25). L-istess jgħodd fir-rigward tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112.
29 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva jirriżulta illi l-eżenzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 ma humiex intiżi sabiex jeżentaw mill-VAT l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kollha, iżda dawk biss li huma mniżżla u deskritti b’mod dettaljat ħafna (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 107/84, Ġabra p. 2655, punt 17; tal-20 ta’ Novembru 2003, D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, C-307/01, Ġabra p. I-13989, punt 54, u Eulitz iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Mill-ġurisprudenza dwar is-Sitt Direttiva jirriżulta wkoll illi l-kliem użati sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali, li jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ merkanzija jew servizzi pprovduta bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-kliem użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 132 għandhom jiġu interpretati b’mod li jipprivahom mill-effetti tagħhom (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2007, Haderer, C-445/05, Ġabra p. I-4841, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-19 ta’ Novembru 2009, Don Bosco Onroerend Goed, C-461/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Eulitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta.
Fuq l-ewwel u t-tielet domandi
32 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta Stat Membru jaċċetta li servizzi huma mwettqa minn stabbiliment li għandu jitqies li huwa stabbiliment debitament rikonoxxut ta’ natura simili għal sptar jew ċentru għat-trattament mediku jew djanjosi skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, l-espressjoni “sptar u kura medika” li tinsab f’din id-dispożizzjoni għandhiex tkun interpretata bħala li tinkludi s-servizzi kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra ta’ trabi li għadhom jitwieldu kif ukoll l-analiżi u l-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, il-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur, jew, inkella, servizz wieħed jew iktar minnhom, u f’dan il-każ, liema minnhom.
33 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta Stat Membru jaċċetta li l-imsemmija servizzi huma mwettqa minn jew taħt is-superviżjoni ta’ professjonist mediku kkwalifikat kif xieraq, wieħed jew iktar, l-espressjoni “il-provvediment [provvista] ta’ kura medika” fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandhiex tkun interpretata b’mod li tinkludi s-servizzi kollha elenkati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jew, inkella, servizz wieħed jew iktar minnhom, u f’dan il-każ, liema minnhom.
34 Madankollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-kliem tal-ewwel u tat-tielet domandi, fil-kawża prinċipali huwa stabbilit illi, l-ewwel nett, għall-finijiet tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, l-FHT għandha tiġi kkunsidrata bħala stabbiliment debitament rikonoxxut ta’ natura simili għal sptar jew ċentru għat-trattament mediku, u t-tieni nett, għall-finijiet tal-Artikolu 132(1)(ċ), l-attivitajiet tal-FHT huma mwettqa fil-qafas tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi jew paramediċi kif iddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat.
35 Għaldaqstant, essenzjalment, l-ewwel u t-tieni domandi jirrigwardaw rispettivament l-interpretazzjoni tal-espressjonijiet “sptar u kura medika” li tinsab fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 u “il-provvediment [provvista] ta’ kura medika” li tinsab fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din l-istess direttiva.
36 Fir-rigward ta’ servizzi mediċi, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva jkopri servizzi mwettqa f’ambjent ta’ sptar filwaqt li l-Artikolu 13A(1)(ċ) ikopri servizzi mediċi mogħtija barra dan il-kuntest, kemm fid-dar privata tal-persuna li qed tforni s-servizz kif ukoll fid-dar tal-pazjent jew f’xi post ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I-6833, punt 36). Minn dan isegwi li l-punti (b) u (ċ) tal-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva, li kellhom kamp ta’ applikazzjoni distint, kellhom l-għan li jirregolaw l-eżenzjonijiet tas-servizzi mediċi kollha fis-sens strett (ara s-sentenzi Kügler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P., C-106/05, Ġabra, p. I-5123, punt 26).
37 Konsegwentement, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-kunċett ta’ “kura medika” li jidher fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva u dak ta’ “dispożizzjonijiet [provvista] tal-kura medika” li jidher fl-Artikolu 13A(1)(ċ) kienu t-tnejn intiżi sabiex ikopru servizzi li għandhom bħala għan li jagħmlu djanjosi, li jagħtu trattament u, sa fejn possibbli, li jfejqu mard jew anomaliji tas-saħħa (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C-45/01,Ġabra p. I-12911, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L.u.P., iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
38 Kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-espressjonijiet identiċi li jidhru fl-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112 rispettivament.
39 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel u t-tielet domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien, billi jitqies illi kull waħda qed tistaqsi, essenzjalment, jekk f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-attivitajiet kollha jew parti minnhom li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra ta’ trabi li għadhom jitwieldu kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur, għandhomx bħala għan li jagħmlu djanjosi, li jagħtu trattament u, sa fejn possibbli, li jfejqu mard jew anomaliji tas-saħħa.
40 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, filwaqt illi l-“kura medika” u l-provvediment [provvista] tal-kura medika” għandu jkollhom għan terapewtiku, l-għan terapewtiku ta’ servizz mhux bil-fors irid ikun limitat f’sens partikolarment strett (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-76/99, Ġabra p. I-249, punt 23; tal-20 ta’ Novembru 2003, Unterpertinger, C-212/01, Ġabra p. I-13859, punt 40, u L.u.P., iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
41 Għalhekk, is-servizzi mediċi mwettqa b’għan ta’ protezzjoni, inkluż iż-żamma u l-fejqan, tas-saħħa tal-individwi jibbenefikaw mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Unterpertinger, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41; D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59, u L.u.P., iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
42 Kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-istess japplika għall-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112.
43 Madankollu, l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif imwettqa mill-FHT, jiġifieri l-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra kif ukoll l-analiżi u l-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, il-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm, kemm jekk jittieħdu flimkien jew b’mod separat, ma jidhrux illi għandhom direttament bħala għan effettiv li jagħmlu djanjosi, li jagħtu trattament jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa, u lanqas l-għan effettiv tal-protezzjoni, iż-żamma u l-fejqan tas-saħħa.
44 F’dan ir-rigward, jekk l-iskoperta ta’ marda tista’ ċertament tkun waħda mir-raġunijiet possibbli għall-ġbir taċ-ċelloli staminali mill-kurdun, mill-proċess, u b’mod partikolari mill-kuntratt, jirriżulta illi s-servizzi pprovduti mill-FHT huma intiżi biss sabiex jiżguraw li riżors partikolari jkun disponibbli għal trattament mediku fil-każ ipotetiku li dan ikun meħtieġ, iżda mhux, bħala tali, li jeskludu, jevitaw jew jipprevjenu marda, leżjoni jew anomaliji tas-saħħa, jew li jiskopru mard fi stat moħbi jew fi stat inizjali. Jekk dan huwa l-każ, ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti tal-kawża quddiemha, l-attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx, fihom infushom, jiġu kkunsidrati bħala koperti bl-espressjonijiet “sptar u kura medika” fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, minn naħa waħda jew “il-provvediment [il-provvista] tal-kura medika” fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, min-naħa l-oħra.
45 Madankollu, jekk il-qorti tar-rinviju kkonkludiet illi l-analiżi tad-demm tal-kurdun taż-żokra huwa intiż effettivament sabiex tkun tista’ ssir djanjosi medika u mhux sempliċement jifforma parti minn testijiet li jippermettu li jiġi stabbilit jekk ċ-ċelloli staminali humiex vijabbli, għandu jiġi konkluż illi kien hemm servizz ta’ kura dijanjostika li jaqa’ taħt l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, sakemm jiġu rispettati l-kundizzjonijiet l-oħra imposti b’dawn il-punti u b’din id-direttiva.
46 Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argument li l-FHT żviluppat waqt is-seduta, il-krijokonservazzjoni ta’ partijiet mill-ġisem tal-bniedem, li huma ħajjin minkejja li separati mill-ġisem, ma għandhiex, bħala tali, tikkostitwixxi kura medika profilattika.
47 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u t-tielet domandi, meħuda flimkien, għandha tkun li, meta l-attivitajiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur huma intiżi biss sabiex jiżguraw li riżors partikolari jkun disponibbli għal trattament mediku fil-każ ipotetiku li dan ikun meħtieġ, u mhux, bħala tali, li jagħmlu djanjosi, li jagħtu trattament jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa, tali attivitajiet, kemm jekk meħuda flimkien jew b’mod separat, ma huma koperti la bil-kunċett ta’ “sptar u kura medika” li jinsab fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, u lanqas bil-kunċett ta’ “provvediment [provvista] tal-kura medika” li jinsab fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. Kien ikun mod ieħor, fir-rigward tal-analiżi tad-demm tal-kurdun taż-żokra, li kieku din l-analiżi kienet effettivament intiża sabiex issir djanjosi medika, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jekk tinħass il-ħtieġa.
Fuq it-tieni domanda
48 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ attivitajiet li huma “relatati mill-viċin” ma’ “sptar u [ma’] kura medika” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 għandux ikun interpretat b’mod li jinkludi s-servizzi kollha jew uħud minnhom bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur.
49 F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, mill-punti 45 sa 50 tas-sentenza CopyGene, mogħtija fl-istess jum ta’ din is-sentenza u li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, jirriżulta li l-kunċett ta’ attivitajiet “relatati mill-viċin” ma’ “sptar u [ma’] kura medika” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jkoprix attivitajiet bħall-ġbir, it-trasport u l-analiżi tad-demm tal-kurdun ta’ trabi li għadhom jitwieldu u l-ħażna ta’ ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm, meta l-kura medika li tingħata f’ambjent ta’ sptar, li magħha dawn l-attivitajiet huma biss possibbilment relatati, la hija effettiva, mibdija u lanqas ippjanata.
50 L-istess għandu japplika fir-rigward tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.
51 Konsegwentement, peress illi l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, essenzjalment, analogi għas-servizzi li taw lok għas-sentenza CopyGene, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż illi dawn ma jistgħux, kemm jekk meħuda flimkien jew b’mod separat, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ attivitajiet “relatati mill-viċin” ma’ “sptar u [ma’] kura medika” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, jekk ċerti avvenimenti jseħħu, dawn l-attivitajiet jistgħu biss ikunu relatati mill-viċin ma’ kura medika f’ambjent ta’ sptar, li la hija effettiva, mibdija u lanqas ippjanata.
52 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun illi l-kunċett ta’ attivitajiet “relatati mill-viċin” ma’ “sptar u [ma’] kura medika” skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/11, għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jkoprix attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur, ma’ liema dawn l-attivitajiet huma biss possibiliment relatati u li la huwa effettiv, mibdi u lanqas ippjanat.
Fuq l-ispejjeż
53 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Meta attivitajiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur huma intiżi biss sabiex jiżguraw li riżors partikolari jkun disponibbli għal trattament mediku fil-każ ipotetiku inċert li dan ikun meħtieġ, u mhux, bħala tali, li jagħmlu djanjosi, li jagħtu trattament jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa, tali attivitajiet, kemm jekk meħuda flimkien jew b’mod separat, ma huma koperti la bil-kunċett ta’ “sptar u kura medika” li jinsab fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u lanqas bil-kunċett ta’ “provvediment [provvista] tal-kura medika” li jinsab fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. Kien ikun mod ieħor, fir-rigward tal-analiżi tad-demm tal-kurdun taż-żokra, li kieku din l-analiżi kienet effettivament intiża sabiex issir djanjosi medika, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jekk tinħass il-ħtieġa.
2) Il-kunċett ta’ attivitajiet “relatati mill-viċin” ma’ “sptar u [ma’] kura medika” skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/11, għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jkoprix attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun taż-żokra tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur, ma’ liema dawn l-attivitajiet huma biss possibiliment relatati u li la huwa effettiv, mibdi u lanqas ippjanat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.