Kawża C-94/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Franċiża
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 98(1) u (2) — Servizzi pprovduti minn impriżi funebri — Applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa mnaqqsa fuq is-servizzi ta’ trasport ta’ kadavri b’vettura”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi
(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 96 u 98(1) u (2), u Anness III)
L-Istat Membru li jissuġġetta t-trasport ta’ kadavri b’vettura għal rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud, li tkun differenti mir-rata applikabbli għas-servizzi l-oħra li jistgħu jiġu pprovduti minn impriżi funebri, ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 96 u 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.
Fil-fatt, meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel użu mill-possibbiltà, stabbilita mill-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112, li japplika rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal kategorija ta’ servizzi li jidhru fl-Anness III ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-possibbiltà li jillimita l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa għal aspetti konkreti u speċifiċi ta’ din il-kategorija. L-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà huwa suġġett għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jiġu iżolati biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa, l-aspetti konkreti u speċifiċi tal-kategorija ta’ servizzi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi li jiżguraw li l-Istati Membri jagħmlu użu minn din il-possibbiltà biss f’ċirkustanzi li jiggarantixxu l-applikazzjoni sempliċi u korretta tar-rata mnaqqsa magħżula kif ukoll il-prevenzjoni ta’ kull frodi, evażjoni u kull abbuż eventwali. Peress li t-trasport ta’ kadavri b’vettura jikkostitwixxi element konkret u speċifiku fost is-servizzi pprovduti mill-impriżi funebri, minn naħa, u peress li servizzi simili oħra ta’ trasport ta’ kadavri b’vettura, li jistgħu jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk is-servizzi suġġetti għal rata mnaqqsa, ma humiex ittrattati b’mod differenti mill-perspettiva tat-taxxa fuq il-valur miżjud, minn naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni li tissuġġetta t-trasport ta’ kadavri b’vettura għal rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mid-Direttiva 2006/112.
(ara l-punti 28, 30, 39, 42, 46)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
6 ta’ Mejju 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – VAT – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98(1) u (2) – Servizzi pprovduti minn impriżi funebri – Applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa mnaqqsa fuq is-servizzi ta’ trasport ta’ kadavri b’vettura”
Fil-Kawża C-94/09,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, ippreżentat fis-6 ta’ Marzu 2009,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Afonso, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J.-S. Pilczer, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, J.-J. Kasel u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma applikatx rata waħda ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), fuq il-provvisti ta’ servizzi kollha pprovduti minn impriżi funebri kif ukoll fuq il-provvista ta’ merkanzija rrelatata magħhom, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
2 Id-Direttiva 2006/112 tħassar u tissostitwixxi, mill-1 ta’ Jannar 2007, lis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
3 L-Artikolu 96 tad-Direttiva 2006/112, li jikkorrispondi għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi”
4 L-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112, li jikkorrispondi għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.
2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta' merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.
[…]”
5 L-Anness III tad-Direttiva 2006/112, li jikkorrispondi għall-Anness H tas-Sitt Direttiva, fih lista ta’ attivitajiet, li fosthom jidhru ż-żewġ kategoriji li ġejjin:
“5) it-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom;
[…]
16) il-provvista ta’ servizzi minn kummissjonanti [impriżi funebri] u servizzi ta’ kremazzjoni, u l-provvista ta’ merkanzija li għandha x’taqsam ma dawn.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 L-Artikolu L 2223-19 tal-Kodiċi ġenerali tal-awtoritajiet lokali jiddefinixxi s-servizz estern tal-impriżi funebri bil-mod li ġej:
“Is-servizz estern tal-impriżi funebri huwa servizz pubbliku li jinkludi:
1° It-trasport ta’ kadavri qabel u wara li jitqiegħdu fit-tebut;
2° L-organizzazzjoni tal-funerali;
3° Servizzi ta’ bbalzmar;
4° Il-provvista ta’ boroż, ta’ twiebet u tal-aċċessorji interni u esterni tagħhom kif ukoll ta’ urni ta’ kremazzjoni;
5° Subparagrafu mħassar
6° Il-ġestjoni u l-użu tal-kmamar funebri;
7° Il-provvista ta’ karru tal-mejtin u ta’ karrozzi għall-imnikkta;
8° Il-provvista ta’ persunal u ta’ oġġetti u ta’ servizzi neċessarji għal funerali, dfin, eżumazzjoni u kremazzjoni bl-eċċezzjoni ta’ plakkek funebri, simboli reliġjużi, fjuri, xogħol varju ta’ stampar u ta’ rħam funebru.
[…]”
7 Fir-rigward tar-rata ta’ VAT applikabbli għas-servizzi funebri, l-istruzzjoni Ministerjali Nru 68, tal-14 ta’ April 2005 (Bulletin officiel des impôts 3 C-3-05), jipprovdi:
“[...]
Huma biss is-servizzi ta’ trasport ta’ kadavri, qabel u wara li jitqiegħdu fit-tebut, imwettqa mill-fornituri awtorizzati permezz ta’ vetturi speċjalment adattati għal dan il-għan li huma suġġetti għar-rata mnaqqsa. Dan huwa minnu wkoll, jekk ikun il-każ, għat-trasport tal-persuni wara l-karru tal-mejtin jew għall-karrozzi taċ-ċelebrant.
It-tranżazzjonijiet kollha l-oħra li jistgħu jitwettqu minn dawn il-fornturi fil-kuntest tas-servizz estern tal-funerali jew ta’ attivitajiet oħra relatati jaqgħu taħt ir-rata adatta għalihom, jiġifieri bħala regola r-rata normali.
[...]”
8 L-Artikolu 279 tal-Kodiċi ġenerali tat-taxxa jipprovdi:
“Il-[VAT] tinġabar bir-rata mnaqqsa ta’ 5.50 % f’dak li jirrigwarda:
[…]
b quater: trasport tal-passiġġieri;
[…]”
Il-proċedura prekontenzjuża
9 B’ittra tal-15 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Franċiża fuq il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw ir-rata tal-VAT applikabbli għas-servizzi pprovduti mill-impriżi funebri ma jidhrux li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, u intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 226 KE.
10 Fir-risposta tagħha tal-14 ta’ Frar 2007, ir-Repubblika Franċiża sostniet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha dwar il-VAT kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
11 Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, fid-29 ta’ Ġunju 2007, li fiha stiednet lir-Repubblika Franċiża tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.
12 B’ittra tal-24 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Franċiża reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha.
13 Peress li l-argumenti tar-Repubblika Franċiża ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni, hija ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
14 Il-Kummissjoni ssostni li t-totalità tal-provvisti tas-servizzi u tal-merkanzija pprovduti mill-impriżi funebri lill-familji tal-mejtin tikkostitwixxi, għall-finijiet tal-VAT, tranżazzjoni kumplessa unika, li għandha, konsegwentement, tiġi suġġetta għal rata ta’ taxxa waħda.
15 Il-Kummissjoni tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fil-livell kummerċjali ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT ma tiġix alterata (sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 29, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C-41/04, Ġabra p. I-9433, punt 20). Il-Kummissjoni tqis li l-organizzazzjoni ta’ funeral, fejn il-familja tal-mejjet tinkariga lil impriża funebri, hija kkaratterizzata minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti li għandhom jitqiesu li huma provvista kumplessa unika, sa fejn, għal konsumatur medju, huma marbuta b’mod tant strett li jifformaw oġġettivament, minn perspettiva ekonomika, totalità li d-diviżjoni tagħha jkollha natura artifiċjali.
16 Skont il-Kummissjoni, il-qsim artifiċjali tas-servizz ta’ trasport ta’ kadavri, fil-konfront tat-totalità komposta mis-servizzi pprovduti mill-impriżi funebri, kif jirriżulta mill-istruzzjoni ministerjali Nru 68, tal-14 ta’ April 2005, iwassal lir-Repubblika Franċiża sabiex tapplika żewġ rati ta’ VAT differenti lil żewġ komponenti ta’ provvista li għandha titqies li hija unika. Din il-provvista tinsab b’hekk suġġetta għar-rata effettiva ta’ taxxa li tikkorrispondi għal rata medja li hija neċessarjament inqas mir-rata normali applikabbli fi Franza. Barra minn hekk, din ir-rata tidher li tvarja minn tranżazzjoni għal tranżazzjoni, minħabba l-importanza relattiva li għandu, f’kull każ, it-trasport ta’ kadavri b’vettura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Franċiża tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 98(1) tad-Direttiva 2006/112.
17 Il-Kummissjoni żżid li t-trattament differenti tal-provvisti ta’ trasport ta’ kadavri b’vettura jintroduċi elementi ta’ kumplessità kif ukoll ta’ nuqqas ta’ trasparenza għall-konsumatur u għall-kompetituri, li jistgħu joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u għaldaqstant jiksru l-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT.
18 Ir-Repubblika Franċiża ssostni, essenzjalment, li l-ġurisprudenza li fuqha qed tibbaża ruħha l-Kummissjoni hija nieqsa minn rilevanza fil-kawża preżenti u li, f’dak li jirrigwarda l-kategoriji tal-provvisti li jidhru fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jwettqu applikazzjoni selettiva ta’ rata mnaqqsa.
19 Ir-Repubblika Franċiża tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01, Ġabra p. I-4395, punti 22 u 23), dwar il-provvista tal-elettriku u tal-gass, u kif ukoll fuq dik tat-3 ta’ April 2008, Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien (C-442/05, Ġabra p. I-1817, punt 39), dwar id-distribuzzjoni tal-ilma. Fil-fehma tagħha, minn dawn is-sentenzi jirriżulta, b’analoġija, li xejn mit-test tal-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva 2006/112 ma jimponi li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li r-rata mnaqqsa tista’ tiġi applikata biss jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha tal-provvista ta’ servizzi minn impriżi funebri li jaqgħu taħt l-Anness III ta’ din id-direttiva, b’mod li applikazzjoni selettiva ta’ rata mnaqqsa ma tistax tiġi eskluża, bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.
20 B’riferiment għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, hija ssostni wkoll li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT lill-aspetti konkreti u speċifiċi tal-provvista ta’ servizzi mill-impriżi funebri. Ir-Repubblika Franċiża tqis li dawn il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti f’dak li jirrigwarda t-trasport ta’ kadavri b’vettura. L-ewwel nett, dan huwa aspett konkret u speċifiku tas-servizzi pprovduti mill-impriżi funebri, li huwa konfermat mill-fatt li din it-tranżazzjoni hija s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika. It-tieni nett, l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa fuq it-trasport ta’ kadavri b’vettura biss ma jippreġudikax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali peress li din il-provvista ma tinsab f’kompetizzjoni ma’ ebda provvista oħra.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva 2006/112
21 L-Artikolu 96 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-istess rata ta’ VAT, ir-rata normali, hija applikabbli fuq il-provvista ta’ merkanzija u fuq il-provvista ta’ servizzi.
22 L-Artikolu 98(1) u (2) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi għall-Istati Membri, permezz ta’ deroga mill-prinċipju li jipprovdi li hija applikabbli r-rata normali, il-possibbiltà li japplikaw rata jew tnejn imnaqqsa tal-VAT. Skont din id-dispożizzjoni, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikatti biss fuq il-provvisti ta’ merkanzija u għall-provvisti ta’ servizzi fil-kategoriji li jidhru fl-Anness III tal-imsemmija direttiva.
23 Il-punt 16 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 jawtorizza l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi funebri.
24 Ir-regoli ddefiniti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma, essenzjalment, identiċi għal dawk stabbiliti fl-ewwel u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 12(3)(a) u kif ukoll fil-ħames kategorija tal-Anness H tas-Sitt Direttiva.
25 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tas-Sitt Direttiva, li xejn fit-test ma jimponi li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li r-rata mnaqqsa għandha tapplika biss jekk tinkorpora l-aspetti kollha ta’ kategorija ta’ servizzi prevista fl-Anness H tal-istess direttiva, b’tali mod li applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa ma tistax tiġi eskluża, sakemm din ma twassal għal ebda riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll, b’analoġija, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
26 Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet il-konsegwenza li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fir-rigward ta’ aspetti konkreti u speċifiċi ta’ kategorija ta’ servizzi prevista fl-Anness H tas-Sitt Direttiva (ara s-sentenza Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
27 Peress li l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112 essenzjalment jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, hemm lok li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal din l-aħħar dispożizzjoni tiġi estiża għalih.
28 Isegwi li, meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel użu mill-possibbiltà stabbilita mill-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112 li japplika rata mnaqqsa tal-VAT għal kategorija ta’ servizzi li jidhru fl-Anness III ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, il-possibbiltà li jillimita l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa tal-VAT għal aspetti konkreti u speċifiċi ta’ din il-kategorija.
29 Il-possibbiltà li jwettaq applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT b’hekk rikonoxxuta għall-Istati Membri hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-kunsiderazzjoni li, peress li din ir-rata hija l-eċċezzjoni, il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tagħha fuq l-aspetti konkreti u speċifiċi hija koerenti mal-prinċipju li jipprovdi li l-eżenzjonijiet u d-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
30 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà huwa suġġett għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jiġu iżolati biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa, l-aspetti konkreti u speċifiċi biss tal-kategorija ta’ provvisti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi li jiżguraw li l-Istati Membri jagħmlu użu minn din il-possibbiltà biss f’ċirkustanzi li jiggarantixxu l-applikazzjoni sempliċi u korretta tar-rata mnaqqsa magħżula kif ukoll il-prevenzjoni ta’ kull frodi, evażjoni u kull abbuż eventwali.
31 Il-Kummissjoni ssostni li l-Istati Membri, meta jagħmlu użu mill-possibbiltà li huma għandhom bis-saħħa tal-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT, għandhom josservaw il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex jiddeterminaw jekk tranżazzjoni li fiha diversi elementi għandhiex titqies li hija provvista unika suġġetta għal trattament fiskali wieħed, jew żewġ provvisti jew iktar distinti li jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti.
32 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dawn il-kriterji, bħalma huma l-aspettattivi tal-konsumatur medju, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni, għandhom bħala għan li jipproteġu l-funzjonalità tas-sistema tal-VAT fid-dawl tad-diversità tat-tranżazzjonijiet kummerċjali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stess irrikonoxxiet l-impossibbiltà li tingħata risposta definittiva għal din il-problema (sentenza CCP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27) u enfasizzat il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet kollha li fihom titwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, CPP, punt 28; Levob Verzekeringen u OV Bank, punt 19, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C-425/06, Ġabra p. I-897, punt 54).
33 Isegwi li, minkejja li l-imsemmija kriterji jwasslu għal applikazzjoni każ b’każ, sabiex jiġi evitat, b’mod partikolari, li l-istruttura kuntrattwali implementata mill-persuna taxxabbli u mill-konsumatur twassal għall-qsim artifiċjali f’diversi tranżazzjonijiet fiskali ta’ tranżazzjoni li, minn perspettiva ekonomika, għandha titqies li hija unika, ma jistgħux jitqiesu li huma determinanti għall-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom skont id-Direttiva 2006/112 fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni jeħtieġ kriterji ġenerali u oġġettivi, bħal dawk stabbiliti fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Franza, kif ukoll Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien, u mfakkra fil-punti 26, 28 u 30 ta’ din is-sentenza.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi deċiża l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, ma huwiex neċessarju li jsir stħarriġ dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-provvista ta’ servizzi pprovduta mill-impriżi funebri għandhiex titqies, mill-perspettiva tal-aspettativi tal-konsumatur medju, li hija tranżazzjoni unika jew le. Bil-kontra, għandu jiġi vverifikat jekk it-trasport ta’ kadavri, li għalih il-leġiżlazzjoni Franċiża tipprovdi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT, jikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku ta’ din il-kategorija ta’ provvisti, kif imsemmija fil-punt 16 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, u, jekk ikun il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ din ir-rata tippreġudikax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
Fuq il-klassifikazzjoni tat-trasport ta’ kadavri b’vettura bħala “aspett konkret u speċifiku” tal-provvista ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi funebri
35 Sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni jekk it-trasport ta’ kadavri b’vettura jikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku tal-provvista ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi funebri, għandu jiġi eżaminat jekk dan huwiex servizz identifikabbli, bħala tali, b’mod separat mill-provvisti ta’ servizzi l-oħra pprovduti mill-impriżi funebri.
36 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-trasport ta’ kadavri b’vettura, bħala attività ta’ trasport, jiddistingwi ruħu mill-provvisti l-oħra li jistgħu jiġu pprovduti mill-impriżi funebri li huma s-servizzi ta’ bbalzmar, l-użu tal-kmamar funebri, l-organizzazzjoni tal-funerali, kif ukoll id-dfin u l-kremazzjoni.
37 Huwa distint ukoll mit-trasport ta’ kadavri bl-idejn, sa fejn dan tal-aħħar, li min-natura tiegħu stess huwa limitat għal distanzi qosra, ma jitwettaqx neċessarjament mill-impriża iżda jista’ jiġi fdat lill-qraba tal-mejjet, u għandu qabel kollox natura ċerimonjali.
38 Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Franċiża li ma ġewx kontradetti mill-Kummissjoni, it-trasport ta’ kadavri b’vettura fi Franza jaqa’ taħt leġiżlazzjoni speċifika, sa fejn jista’ jitwettaq biss mill-persuni li jkunu ġew awtorizzati jipprovdu dan is-servizz permezz ta’ vetturi adattati speċjalment għal dan il-għan. Hekk kif issostni r-Repubblika Franċiża, jirriżulta barra minn hekk li t-trasport ta’ kadavri jista’ jitwettaq minn trasportatur awtorizzat, indipendentement minn kull provvista ta’ servizzi funebri.
39 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li t-trasport ta’ kadavri b’vettura jikkostitwixxi element konkret u speċifiku fost is-servizzi pprovduti mill-impriżi funebri.
Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali
40 Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa fuq it-trasport ta’ kadavri b’vettura tippreġudikax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar jipprekludi li l-provvista ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, tiġu ttrattata b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 25, kif ukoll Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien, punt 42).
41 Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, it-trasport ta’ kadavri b’vettura huwa distint mit-trasport ta’ kadavri bl-idejn, fis-sens li ma humiex servizzi simili li qegħdin f’kompetizzjoni ma’ xulxin.
42 Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża sostniet, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, li, meta t-trasport ta’ kadavri b’vettura jitwettaq waħdu, jiġifieri b’mod indipendenti minn kull servizz ieħor ta’ ordni funebri, minn impriża funebri jew minn persuna awtorizzata oħra li tipprovdi dan is-servizz, bħal impriża tat-trasport sanitarju, din l-operazzjoni titqies li hija, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, trasport ta’ persuni fis-sens tal-punt 5 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 u, skont l-Artikolu 279 tal-Kodiċi ġenerali tat-taxxa, hija suġġetta għall-istess rata mnaqqsa daqslikieku twettqet fil-kuntest ta’ kuntratt li jinkludi l-provvista ta’ sensiela usa’ ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ ordni funebri. Isegwi li l-provvisti simili ta’ trasport ta’ kadavri b’vettura, li jistgħu jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, ma humiex ittrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT.
43 Il-Kummissjoni ssostni li t-trattament differenti tal-provvisti ta’ trasport ta’ kadavri b’vettura jista’ jġib distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sa fejn l-impriżi funebri jistgħu jkollhom it-tentazzjoni jżidu b’mod artifiċjali l-parti tal-prezz li jikkorrispondi għat-trasport ta’ kadavri b’vettura, b’mod li jnaqqsu l-parti tal-prezz tas-servizzi l-oħra suġġetti għar-rata normali.
44 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma spjegatx kif tali prattiki, li ma stabbilixxitx l-eżistenza tagħhom, jistgħu jintroduċu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn min jipprovdi dawn is-servizzi. Hemm lok li jintqal ukoll li, fil-każ fejn prattiki bħal dawk li tirriferi għalihom il-Kummissjoni jistgħu jiġu stabbiliti, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li għandhom jiggarantixxu l-applikazzjoni sempliċi u korretta ta’ rata mnaqqsa li għażlu kif ukoll il-prevenzjoni ta’ kull frodi, evażjoni jew kull abbuż eventwali (ara l-punt 30 ta’ din is-sentenza) li għandhom jeżaminaw jekk dawn jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ prattiki abbużivi billi jirriferu, jekk ikun il-każ, għall-kriterji żviluppati għal dan il-għan mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 74 sa 76).
45 Isegwi li l-Kummissjoni ma wrietx li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa fuq it-trasport ta’ kadavri b’vettura tista’ tikser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT.
46 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Franċiża li tissuġġetta t-trasport ta’ kadavri b’vettura għal rata mnaqqsa tal-VAT tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward.
47 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
48 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mir-Repubblika Franċiża.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.