Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-97/09

Ingrid Schmelz

vs

Finanzamt Waldviertel

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien)

“Sitt Direttiva tal VAT — Artikoli 24(3) u 28i — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 283(1)(ċ) — Validità — Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Skema speċjali għall-impriżi żgħar — Eżenzjoni mill-VAT — Rifjut tal-benefiċċju tal-eżenzjoni lill-persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħrajn — Kunċett ta’ ‛dħul mill bejgħ annwali’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali

(Artikolu 49 KE, Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikoli 24(3) u 28i, u 2006/112, Artikolu 283(1)(ċ))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Skema speċjali għal impriżi żgħar

(Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikoli 24 u 24a, u 2006/112, Artikoli 284 sa 287)

1.        L-Artikolu 49 KE ma jipprekludix l-Artikoli 24(3) u 28i tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 2006/18, u lanqas l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, milli jippermettu lill-Istati Membri li jagħtu lill-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tagħhom eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud filwaqt li jitilfu d-dritt għal tnaqqis, iżda jeskludu din il-possibbiltà għall-impriżi żgħar stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

Ċertament, l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-impriżi żgħar barra mit-territorju ta’ Stat Membru, tirrendi l-provvista ta’ servizzi barra mit-territorju ta’ Stat Membru inqas attraenti għal dawn l-impriżi żgħar, u twassal, konsegwentement, għal restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Madankollu, f’dan l-istadju tal-evoluzzjoni tal-iskema tal-VAT, l-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali fid-dawl tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbuż eventwali kif ukoll l-għan tal-iskema għall-impriżi żgħar, li ssaħħaħ il-kompettività ta’ dawn tal-aħħar, jiġġustifikaw li l-applikabbiltà tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tkun limitata għall-attivitajiet tal-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membri li fih it-taxxa hija dovuta. Fil-fatt, ir-restrizzjoni għall-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud għall-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li japplika din l-eżenzjoni hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ kontrolli fiskali effettivi intiżi sabiex jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu l-benefiċċju tal-imsemmija eżenzjoni humiex sodisfatti, peress li l-impriżi jżommu, ġeneralment, id-dokumenti li jirrigwardaw l-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħhom fil-post tal-istabbiliment tagħhom. Kontroll effettiv tal-attivitajiet eżerċitati taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizz minn impriżi żgħar li ma hijiex stabbilita fl-imsemmija territorju ma jaqax taħt il-portata tal-Istat Membru ospitanti.

Barra minn hekk, fir-rigward tan-neċessità tal-limitazzjoni tal-benefiċċju minn din l-iskema għall-impriżi żgħar stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, ir-regoli fuq l-assistenza amministrattiva fil-qasam tat-taxxa previsti mir-Regolament Nru 1798/2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament Nru 218/92, u mid-Direttiva 77/799, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ma jistgħux jiżguraw skambju effettiv ta’ data għal dak li jirrigwarda l-impriżi żgħar li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li japplika eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Fil-fatt, skont l-Artikolu 272(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impriżi żgħar mill-formalitajiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 213 sa 271 ta’ din id-direttiva, li huma intiżi sabiex jinformaw lill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri fuq l-attivitajiet suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, l-impriżi żgħar ma humiex, ġeneralment, identifikati fiskalment skont it-taxxa fuq il-valur miżjud fl-Istat Membru ta’ stabbilment tagħhom u dan l-Istat Membru ma għandu ebda data dwar id-dħul mill-bejgħ. Fir-rigward tad-Direttiva 77/799, hija tirreferi għal skambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxi fuq id-dħul, il-kapital u l-primjums ta’ assigurazzjoni. Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l-informazzjoni dwar, b’mod partikolari, id-dħul, tista’ tipprovdi indikazzjonijiet utli, b’mod partikolari għall-investigazzjoni ta’ frodi possibbli fil-VAT, jibqa’ madankollu l-fatt li din l-informazzjoni ma tinkludix id-dħul mill-bejgħ suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

(ara l-punti 51, 53, 59, 61, 64-67, 71, 76 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 24 u 24a tad-Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 2006/18, kif ukoll l-Artikoli 284 sa 287 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] jirreferi għad-dħul mill-bejgħ miksub minn impriża f’sena fi Stat Membru li fih hija stabbilita.

(ara l-punt 77 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikoli 24(3) u 28i – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 283(1)(ċ) – Validità – Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE – Prinċipju ta’ trattament ugwali – Skema speċjali għall-impriżi żgħar – Eżenzjoni mill-VAT – Rifjut tal-benefiċċju tal-eżenzjoni lill-persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħrajn – Kunċett ta’ “dħul mill-bejgħ annwali’”

Fil-Kawża C-97/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2009, fil-proċedura

Ingrid Schmelz

vs

Finanzamt Waldviertel

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J.N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot kif ukoll P. Lindh u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, T. von Danwitz u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ April 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u J. Bauer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Blaschke u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn M. Tassopoulou u K. Georgiadis kif ukoll I. Bakopoulos, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A.-M. Colaert u J.-P. Hix, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità, fid-dawl tal-Artikoli 12 KE, 43 KE, 49 KE u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-Artikoli 24(3) u 28i tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/18/KE, tal-14 ta’ Frar 2006 (ĠU 2006 L 270M, p. 243) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif ukoll l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat- 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva tal-VAT”). Din it-talba tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn I Schmelz, ċittadina Ġermaniża li tirrisjedi fil-Ġermanja u l-Finanzamt Waldviertel (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”), dwar stima tat-taxxa maħruġa mill-Finanzamt u li tikkonċerna t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ allegatament dovuta minn I. Schmelz għall-perijodi annwali 2006 u 2007 fir-rigward tad-dħul tagħha mil-lokazzjoni ta’ appartament li jinsab fl-Awstrija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Is-Sitt Direttiva

3        Skont l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli.

4        L-Artikolu 24(2)(a) u (b) tas-Sitt Direttiva, bit-titolu “Skema speċjali għall-impriżi żgħar”, taħt it-Titolu XIV tagħha dwar l-iskemi speċjali, jippermetti, essenzjalment, lill-Istati Membri li jżommu jew jagħtu eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar’il quddiem il-“VAT”) lill-persuni taxxabbli li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom fil-massimu jilħaq l-ekwivalenti f’munita nazzjonali ta’ 5000 units tal-munita Ewropea bir-rata tal-kambju tal-ġurnata li fiha kienet adottata s-Sitt Direttiva.

5        Skont il-Punt 2(ċ) tat-Taqsima IX, bit-titolu “Tassazzjoni”, fl-Anness XV tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 195, L 1, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”, skont l-Artikolu 24(2) sa (6) tas-Sitt Direttiva, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ teżenta mill-VAT il-persuni taxxabbli li għandhom dħul mill-bejgħ annwali li huwa inqas mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 35 000.

6        L-Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“Il-konċetti ta’ l-eżenzjoni […] jistgħu japplikaw għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi mill-impriżi żgħar.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċertu transazzjonijet mill-arranġamenti pprovduti fil-paragrafu 2 […]”

7        L-Artikolu 28(2)(j) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li “ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tista’ tapplika waħda miż-żewġ rati mnaqqsa stabbiliti fit-tielet sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) għall-kiri [lokazzjoni] ta’ proprjetà immobbli għall-użu residenzali, sakemm din ir-rata ma tkunx inqas minn 10 %”.

8        L-Artikolu 28i tas-Sitt Direttiva, bit-titolu “Skema speċjali għall-impriżi żgħar”, żied il-paragrafu s-segwenti mal-Artikolu 24(3) tal-istess direttiva:

“F’kull ċirkostanza [...] il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż għandhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa skond il-paragrafu 2.”

 Id-Direttiva tal-VAT

9        Skont l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli.

10      L-Artikolu 117(2)(j) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li r-Repubblika tal-Awstrija “tista’ tapplika waħda miż-żewġ rati mnaqqsa previsti fl-Artikolu 98 għall-kiri [lokazzjoni] ta’ proprjetà immobbli għall-użu residenzali, sakemm din ir-rata ma tkunx inqas minn 12 %”.

11      Skont l-Artikolu 272(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT l-Istati Membri jistgħu jħollu “l-persuni taxxabbli koperti mill-eżenzjoni għal impriżi żgħar prevista fl-Artikoli 282 sa 292” minn xi uħud mill-obbligi jew minn kull obbligu msemmija fil-Kapitoli 2 (“Identifikazzjoni”, 3 (“Fatturazzjoni”), 4 (“Kontabiltà”), 5 (“Denunzji”) u 6 (“Dikjarazzjonijiet rikapitolattiv”) tat-Titolu XI (“Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli”) ta’ din id-direttiva.

12      It-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT dwar “Skemi speċjali”, jinkludi Kapitolu 1 bit-titolu “Skema speċjali għall-impriżi żgħar”. L-Artikolu 281, fit-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu 1, dwar “Proċeduri speċjali għall-impożizzjoni u l-ġbir”, jippermetti, essenzjalment, lill-“Istati Membri li jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti tal-VAT normali għall-impriżi żgħar, minħabba fl-attivitajiet jew fl-istruttura ta’ tali impriżi, […] [li] japplikaw proċeduri simplifikati […] u l-ġbir tal-VAT […]”.

13      L-Artikolu 282 tad-Direttiva tal-VAT, inkluż fit-Taqsima 2 tal-imsemmi Kapitolu 1, bit-titolu “Eżenzjonijiet jew ħelsien [tnaqqis] gradwat”, jispeċifika li l-“eżenzjonijiet u l-ħelien [tnaqqis] mit-taxxa gradwat previst f’din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi mill-impriżi żgħar”.

14      Skont l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, li jinsab fl-istess Taqsima 2, l-arranġament previsti f’din it-Taqsima ma għandhomx japplikaw għall-“provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT”.

15      Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, l-“Istati Membri li aderew wara l- 1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat [dħul mill-bejgħ] annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-eqwivalenti f’munita nazzjonali ta’ l-ammonti li ġejjin bir-rata tal-kambju fil-ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom”. Għar-Repubblika tal-Awstrija, dan l-ammont huwa ffissat għal EUR 35 000.

16      L-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li:

“Il-fatturat [id-dħul mill-bejgħ] li jservi bħala referenza għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti previsti f’din it-Taqsima għandhom jikkonsistu fl-ammonti li ġejjin, mingħajr VAT:

1)      il-valur tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati;

2)      il-valur tat-transazzjonijiet li huma eżenti, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju ta’ qabel, skond l-Artikoli 110 u 111, l-Artikolu 125(1), l-Artikoli 127, jew l-Artikolu 128(1);

3)      il-valur ta’ transazzjonijiet li huma eżenti skond l-Artikoli 146 sa 149 u l-Artikoli 151, 152 jew 153;

4)      il-valur ta’ transazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, transazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil-punti (b) sa (g) ta’ l-Artikolu 135(1), u s-servizzi ta’ l-assigurazzjoni, sa kemm dawn it-transazzjonijiet ma jkunux transazzjonijiet anċillari.

Madankollu, iċ-ċessjonijiet ta’ l-assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ impriża m’għandhomx jittieħdu in konsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-kalkolazzjoni tal-fatturat [tad-dħul mill-bejgħ].”

17      Skont l-Artikoli 411 u 413 tad-Direttiva tal-VAT, din id-direttiva ħassret, partikolarment, is-Sitt Direttiva u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

18      Skont l-Artikolu 6(1)(16) tal-Liġi tal-1994 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ (Umsatzsteuergesetz 1994, BGB1. 663/1994, iktar ’il quddiem l-“UstG 1994”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kiri u l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli huma eżenti mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli għall-użu residenzjali.

19      L-Artikolu 6(1)(27) tal-UStG 1994, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi li huma eżenti “id-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi żgħar. “Impriża żgħira” tfisser impriża residenti jew stabbilita fit-territorju nazzjonali u li d-dħul mill-bejgħ tagħha fis-sens tal-Artikolu 1(1)(1) u (2) matul il-perijodu ta’ stima ma jaqbiżx l-ammont ta’ EUR 22 000” għas-sena 2006 u EUR 30 000 għas-sena 2007.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      I. Schmelz, ċittadina Ġermaniża, tirrisjedi fil-Ġermanja. Hija s-sid ta’ appartament fl-Awstrija li tikri b’kera ta’ EUR 330 fix-xahar, mingħajr l-ispejjeż.

21      Peress li, bħala operatur ta’ impriża żgħira, hija eżenti mill-pagament tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ skont l-Artikolu 6(1)(27) tal-UStG 1994, I. Schmelz ma ffatturatx din it-taxxa fuq l-imsemmija kera.

22      Il-Finanzamt huwa tal-opinjoni li, sakemm ma hijiex stabbilita jew residenta fl-Awstrija, I. Schmelz ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mogħtija lill-impriżi żgħar. Għalhekk, wara li kkonstata li I. Schmelz kienet kisbet, mill-attività tagħha ta’ lokazzjoni fl-Awstrija, dħul mill-bejgħ nett ta’ EUR 5 890.90 għas-sena 2006 u ta’ EUR 5 936.37 għas-sena 2007, il-Finanzamt ħareġ żewġ stimi tat-taxxa tad-19 ta’ Ġunju 2008 u tas-17 ta’ Novembru 2008, rispettivament, li jikkonstataw li I .Schmelz kienet suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għall-ammonti ta’ EUR 334.93 u EUR 316.15 rispetttivament.

23      Kontra dawn l-imsemmija stimi, I. Schmelz ippreżentat rikors quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien. Din il-qorti speċifikat, permezz ta’ informazzjoni addizjonali, li I. Schmelz iddikjarat, fl-10 ta’ Marzu 2009, li ma kisbitx, matul is-snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ebda dħul mill-bejgħ ieħor fit-territorju tal-Unjoni.

24      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tqis li l-istima magħmula mill-Finanzmt hija konformi mal-liġi nazzjonali, li hija stess konformi kemm mad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva kif ukoll ma’ dawk tad-Direttiva tal-VAT, u, min-naħa l-oħra, tirrileva li, kuntrarjament għal I. Schmelz, persuna li għandha residenza fl-Awstrija, tista’, bħala impriża żgħira, tibbenefika mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.

25      Għalhekk, l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien, għandha dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ dawn id-direttiva mal-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt primarju, jiġifieri l-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trattament ugwali.

26      Peress li tistaqsi wkoll jekk l-ammont tad-dħul mill-bejgħ li jiddistingwi l-impriżi żgħar jirreferix għad-dħul mill-bejgħ miksub biss fl-Istat Membru inkwistjoni, l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Vjenna, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)      L-espressjoni “kif ukoll il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż” li tinsab fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 28i tas-Sitt Direttiva […] li tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, jiksru t-Trattat [KE], b’mod partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 12 KE), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 et seq. KE), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq. KE), jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fid-dritt Komunitarju), sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż tagħhom huma esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa taħt l-Artikolu 24(2) tas-Sitt Direttiva (Skema speċjali għall-impriżi żgħar), filwaqt li ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni mit-taxxa fil-każ li l-Istat Membru tagħhom jikkonċedi, b’konformità mad-direttivi inkwistjoni, eżenzjoni mit-taxxa għall-impriżi żgħar?

2)      L-espressjoni “provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT” li tinsab fl-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva [tal-VAT], kif ukoll regola nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, jiksru t-Trattat [KE], b’mod partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 12 KE), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 et seq. KE), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq. KE), jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fid-dritt Komunitarju), sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom huma esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa taħt l-Artikoli 282 et seq. tad-Direttiva [tal-]VAT (Skema speċjali għall-impriżi żgħar), filwaqt li ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni mit-taxxa fil-każ li l-Istat Membru tagħhom jikkonċedi, b’konformità mad-[D]irettiv[a] [tal-VAT], eżenzjoni mit-taxxa għall-impriżi żgħar?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: L-espressjoni “kif ukoll il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż” li tinsab fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 28i tas-Sitt Direttiva hija invalida fis-sens tal-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE?

4)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda: L-espressjoni “provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT” li tinsab fl-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva VAT hija invalida fis-sens tal-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE?

5)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda: Il-kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] fis-sens tal-punt 2(ċ) tat-Titolu IX, “It-Tassazzjoni”, tal-Anness XV [tal-Att ta’ Adeżjoni], jew fis-sens [u] tal-Artikolu 24 tas-Sitt Direttiva […], għandu jiġi interpretat bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fl-Istat Membru rispettiv, li fih tkun ġiet implementata l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, jew bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fit-territorju kollu tal-[Unjoni] mill-[impriża]?

6)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda: Il-kunċett ta’ “fatturat annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] fis-sens tal-Artikolu 287 tad-Direttiva [tal-]VAT għandu jiġi interpretat bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fl-Istat Membru rispettiv, li fih tkun ġiet implementata l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, jew bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fit-territorju kollu tal-[Unjoni] mill-[impriża]?

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

27      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jqis li l-qorti tar-rinvju ma kellhiex, fiż-żmien meta fformulat id-domandi preliminari tagħha, id-data neċessarja kollha sabiex tevalwa l-kwistjoni tal-istabbiliment ta’ I. Schmelz. Fil-fatt, sussegwentement deher ċar li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx twettaq l-ebda attività ekonomika fil-Ġermanja u li hija ma kinitx għaldaqstant hemmhekk meqjusa bħala persuna suġġetta għall-VAT. Peress li l-unika attività ta’ I. Schmelz suġġetta għall-VAT kienet tikkonsisti fil-lokazzjoni, lil individwi, ta’ appartament li jinsab fl-Awstrija, il-Kunsill iqis li hija tista’ titqies li għandha stabbiliment fl-Awstrija. Għaldaqstant, ma kienx stabbilit li d-domandi prelimimari huma rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59, u tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini, C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 25).

29      Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Alassini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

30      Barra minn hekk, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE jirriżulta b’mod ċar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura jeħtieġ, għal din il-qorti, li tistaqsi domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1981, Irish Creamery Milk Suppliers Association et, 36/80 u 71/80, Ġabra p. 735, punt 5; u tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C-470/03, Ġabra p. I-2749, punt 45).

31      F’dan il-każ, anki jekk l-informazzjoni li I. Schmelz tat lill-qorti tar-rinviju kienet eżatta, ma jirriżultax minnha li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha b’mod manifest ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, kif kien speċifikat mill-Gvern Awstrijak matul is-seduta, il-fatt li l-uniċi atttivatajiet taxxabli mwettqa minn I. Schmelz kienu l-lokazzjoni tal-appartament tagħha ma jfissirx li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma jistgħux jikkunsidrawha li għandha stabbiliment fl-Awstrija.

32      Minn dan isegwi li għandha tingħata risposta għad-domandi preliminari mressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien.

 Fuq id-domandi preliminari

33      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li huma marbutin bejniethom u li għandhom, għaldaqstant, jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 24(3) u 28i tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, sa fejn jippermettu lill-Istati Membri li jagħtu lill-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tagħhom eżenzjoni mill-VAT filwaqt li jitilfu d-dritt għal tnaqqis, iżda jeskludu din il-possibbiltà għall-impriżi żgħar stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, b’konformità mal-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll mal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

34      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] użat fl-Artikoli 24 u 24a tas-Sitt Direttiva kif ukoll fl-Artikoli 284 sa 287 tad-Direttiva tal-VAT, jirreferix għad-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriża f’sena fl-Istat Membru li fih saret it-talba biex tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT jew għad-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fit-territorju kollu tal-Unjoni.

 Fuq il-libertà applikabbli

35      Rigward il-libertà applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

36      Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni u li tfisser, għal dawn iċ-ċittadini, aċċess għall-attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll l-inkorporazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skont l-Artikolu 48 KE, għall-kumpanniji inkorporati skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ fergħa, sussidjarja jew aġenzija (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens tat-Trattat huwa kunċett wiesgħa ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, billi jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni fil-qasam tal-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom (sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Madankollu, sabiex id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ stabbiliment jistgħu japplikaw, huwa bħala regola ġenerali neċessarju li tkun żgurata preżenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti u, fil-każ ta’ xiri u ta’ pussess ta’ beni immobbli, li l-ġestjoni ta’ dawn il-beni tkun attivà (sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). Din il-preżenza permanenti għandha tkun tista’ tiġi kkonstatata abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, relatati, b’mod partikolari, mal-livell ta’ eżistenza fiżika f’termini ta’ stabbilimenti, ta’ persunal u ta’ tagħmir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 67).

39      Mid-deskrizzjoni tal-fatti pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li I Schmelz ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet.

40      Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment ma japplikawx f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

41      Sussegwentement, rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minn naħa, għandu jitqies li l-lokazzjoni ta’ beni immobbli tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser, C-70/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Min-naħa l-oħra, il-fatt li I. Schmelz ilha tikri appartament li jinsab fl-Awstrija għal diversi snin ma jipprekludix l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 KE.

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “servizz” fis-sens tat-Trattat jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inklużi servizzi li huma pprovduti għal perijodu estiż, anki għal diversi snin. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma tippermetti li jiġu ddeterminati, b’mod abstratt, it-tul u l-frekwenza li minnhom il-provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz fi Stat Membru ieħor ma tistax titqies iktar bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tat-Trattat (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer, C-215/01, Ġabra p. I-14847, punti 30 u 31).

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jitqies li l-attività ta’ lokazzjoni ta’ I. Schmelz taqa’ taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE.

44      Fl-aħħar nett, rigward l-applikabbilità tal-Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, għall-fatti tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati bid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat ma jipprovdix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, Ġabra p. I-487, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Madankollu, l-Artikolu 49 KE applikabbli, kif ġie kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, għall-kawża prinċipali, jipprovdi regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni. Minn dawn isegwi li l-Artikolu 12 KE ma japplikax għall-fatti tal-kawża prinċipali.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi

46      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jiżvantaġġaw dawn iċ-ċittadini meta jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza Bosman, iċċitata iktar’il fuq, punt 94, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C-314/08, Ġabra p. I-11049, punt 58).

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 KE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-prestatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije, C-233/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Artikolu 49 KE jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari, ibbażati fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-użu ta’ kriterji oħra li jiddistingwu, twassal fil-fatt għall-istess riżultat. Dan jiġri, b’mod partikolari, f’każ ta’ miżura li tipprovdi għal distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, inkwantu hemm riskju li dan ir-rekwiżit jiżvantaġġa prinċipalment liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, billi l-maġġoranza tal-persuni mhux residenti fit-territorju nazzjonali huma persuni mhux ċittadini (ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. I-721, punti 13 u 14 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

49      Restrizzjonijiet ipprojbiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE jeżistu b’mod partikolari peress li dispożizzjonijiet fiskali ta’ Stat Membru li japplikaw għal attivitajiet ekonomiċi transkonfinali huma inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għal attività ekonomika li ssir ġewwa l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru (ara s-sentenza Filipiak, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

50      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, iżda wkoll għall-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, b’analoġija għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 17, Kieffer u Thill, C-114/96, Ġabra p. I-3629, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, l-Artikoli 24(3) 28i tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jippermettu lill-Istati Membri jagħtu lill-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tagħhom eżenzjoni mill-VAT filwaqt li jitilfu d-dritt għal tnaqqis, iżda jeskludu din il-possibbiltà għall-impriżi żgħar stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

52      Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jipprovdi eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi żgħar, dawn l-impriżi li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu jistgħu, skont il-każ, joffru s-servizzi tagħhom taħt kundizzjonijiet iktar vantaġġużi mill-impriżi żgħar stabbiliti barra l-imsemmi territorju, peress li, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jestendu l-benefiċċju għall-imsemmija eżenzjoni għal dawn tal-aħħar.

53      F’dan il-każ, mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-impriżi żgħar stabbiliti barra mit-territorju Awstrijak huma esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT jirrendi l-provvista ta’ servizzi fil-Awstrija inqas attraenti għal dawn l-impriżi żgħar. Konsegwentement, din twassal għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

54      Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġeneral irrilevat fil-punti 42 sa 44 u 83 tal-konklużjonijiet, minn naħa, din ir-restrizzjoni ma tistax tiġi attribwita lill-Istati Membri, peress li d-direttivi inkwistjoni jippermettulhom fil-fatt li japplikaw eżenzjoni mill-VAT biss għall-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorji tagħhom rispettivi. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-impriżi żgħar stabbiliti barra mit-territorju tal-Istat Membru li fih il-VAT hija dovuta jistgħu jnaqqsu t-taxxa tal-input imħallsa jista’ ma jkunx suffiċjenti sabiex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ applikazzjoni, fil-konfront tagħhom, tal-iskema għall-eżenzjoni mill-VAT, partikolarment meta dawn l-impriżi żgħar ma jwettqux attivitajiet li huma suġġetti għat-taxxa tal-input.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi eżaminata l-eventwali ġustifikazzjoni tal-imsemmija restrizzjoni.

 Fuq il-ġustifikazzjoni

56      Il-Gvern Awstrijak, Ġermaniż u dak Grieg kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li r-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li tikkonsisti fi trattament inugwali bejn l-impriżi żgħar skont jekk humiex stabbiliti jew le fit-territorju Awstrijak, hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali. Skont dawn il-gvernijiet u dawn l-istituzzjonijiet, tali kontrolli jistgħu jsiru b’mod effettiv biss mill-Istat Membru fit-territorju li fih l-impriża żgħira hija stabbilita.

57      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti bit-Trattat (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 52).

58      Madankollu, sabiex miżura restrittiva tista’ tiġi ġġustifikata, għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li għandha tkun adatta biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

59      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li r-restrizzjoni għall-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li japplika din l-eżenzjoni hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ kontrolli fiskali effettivi intiżi sabiex jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu l-benefiċċju tal-imsemmija eżenzjoni humiex sodisfatti, peress li l-impriżi jżommu, ġeneralment, id-dokumenti li jirrigwardaw l-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħhom fil-post ta’ stabbiliment tagħhom.

60      Konsegwentement, il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet li intervjenew f’din il-kawża ġustament iqisu li kontroll effettiv tal-attivitajiet, eżerċitati taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizz minn impriża żgħar li mhix stabbilita fl-imsemmija territorju, ma jaqax taħt il-portata tal-Istat Membru ospitanti.

61      Fir-rigward tan-neċessità tal-limitazzjoni tal-benefiċċju minn din l-iskema għall-impriżi żgħar stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, l-imsemmija gvernijiet u istituzzjonijiet isostnu li r-regoli fuq l-assistenza amministrattiva fil-qasam tat-taxxa previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p.392) u mid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), ma jistgħux jiżguraw skambju effettiv ta’ data.

62      Huma jirrilevaw li, peress li l-iskema għall-impriżi żgħar hija intiża sabiex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi li jirrigwardaw attivitajiet taxxabbli, dawn l-impriżi huma eżenti mill-formalitajiet amministrattivi fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, b’tali mod li l-Istat Membru ta’ stabbiliment ma jkollu l-ebda data li tista’ tiġi skambjata skont ir-Regolament Nru 1798/2003. Huwa jżiedu li, id-Direttiva 77/799 tirreferi biss għall-informazzjoni marbuta mat-taxxi diretti, ma tippermettix li tiġi stabbilita jew ikkomunikata informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi żgħar.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali sabiex jiġu miġġielda l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali, li n-neċessità tiegħu ġie mfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ma jistax jintlaħaq fin-nuqqas ta’ data rilevanti. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet, l-iskema għall-impriżi żgħar tipprovdi simplifikazzjonijiet amministrattivi li għandhom l-għan li jirrinforzaw il-ħolqien, l-attività u l-kompettività tal-impriżi żgħar kif ukoll li jżommu relazzjoni raġonevoli bejn il-piżijiet amministrattivi marbutin mal-kontroll fiskali u d-dħul fiskali baxx li għandu jkun mistenni.

64      Fil-fatt, skont l-Artikolu 272(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impriżi żgħar mill-formalitajiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 213 sa 271 ta’ din id-direttiva, li huma intiżi sabiex jinformaw lill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri fuq l-attivitajiet suġġetti għall-VAT fit-territorju tagħhom.

65      Għaldaqstant, kif speċifika l-Kunsill, l-impriżi żgħar ma humiex, ġeneralment, identifikati fiskalment skont il-VAT fl-Istat Membru ta’ stabbilment tagħhom u dan l-Istat Membru ma għandu ebda data dwar id-dħul mill-bejgħ. B’hekk, fil-kawża prinċipali, il-gvern Ġermaniż ikkonferma li l-impriża żgħira ta’ I. Schmelz ma kinitx identifikata fiskalment skont il-VAT fil-Ġermanja u li dan l-Istat Membru ma għandu l-ebda data dwar id-dħul mill-bejgħ tagħha.

66      Fir-rigward tad-Direttiva 77/799, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tagħha, hija tirreferi għal skambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxi fuq id-dħul, il-kapital u l-primjums ta’ assigurazzjoni. Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l-informazzjoni dwar, b’mod partikolari, id-dħul, tista’ tipprovdi indikazzjonijiet utli, b’mod partikolari għall-investigazzjoni ta’ frodi possibbli fil-VAT, jibqa’ madankollu l-fatt li din l-informazzjoni ma tinkludiex id-dħul mill-bejgħ suġġett għall-VAT.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet li huma partijiet f’dawn il-proċeduri ġustament qiesu li r-regoli dwar l-assistenza amministrattiva stabbiliti bir-Regolament Nru 1798/2003 u bid-Direttiva 77/79 ma jistgħux jiżguraw skambju utli ta’ data għal dak li jirrigwarda l-impriżi żgħar li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li japplika eżenzjoni mill-VAT.

68      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ informazzjoni ma tistax tiġi solvuta permezz tal-introduzzjoni ta’ formalitajiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 213 sa 271 tad-Direttiva tal-VAT. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-iskema għall-impriżi żgħar tipprova tissollieva lill-impriżi żgħar u lill-awtoritajiet fiskali minn speċifikament dawn il-formalitajiet.

69      Fil-fatt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali tad-dħul mill-bejgħ miksub minn impriża żgħira fl-Istati Membri l-oħrajn differenti minn dak li fih hija stabbilita jkun jeħtieġ, minn naħa, l-implementazzjoni, għall-impriżi żgħar u l-awtoritajiet fiskali, ta’ formalitajiet kumplessi li jippermettu għall-ġabra ta’ data rilevanti u għall-identifikazzjoni ta’ abbużi eventwali kif ukoll, min-naħa l-oħra, talbiet ripetuti għal assistenza amministrattiva mill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment mill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri l-oħrajn kollha tal-Unjoni għall-finijiet tal-iskambju tal-imsemmija data.

70      Għandu jingħad li l-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT għall-persuni taxxabbli biss stabbiliti fl-Istat Membri li adotta tali eżenzjoni tevita sitwazzjoni li fiha persuna taxxabbli li jeżerċitaw attivitajiet f’diversi Stati Membri, mingħajr ma jkunu stabbbiliti hemmhekk, jistgħu jaħarbu – sa ċertu punt – mit-tassazzjoni fuq l-attivitajiet tagħhom, anki jekk tali attivitajiet, ikkunsidrati flimkien, jeċċedu oġġettivament il-livell ta’ attività ta’ impriżi żgħira. Dan ma ikun irrikonċiljabbli man-neċessità li jiġu inkoraġġuta biss l-impriżi żgħar, b’deroga għall-prinċipju ta’ tassazzjoni li jikkostitwixxi tali mekkaniżmu ta’ eżenzjoni.

71      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentment, jidher li, f’dan l-istadju tal-evoluzzjoni tal-iskema tal-VAT, l-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali fid-dawl tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbuż eventwali kif ukoll l-għan tal-iskema għall-impriżi żgħar, li ssaħħaħ il-kompettività ta’ dawn l-impriżi jiġġustikaw, minn naħa, li l-applikabbiltà tal-eżenzjoni mill-VAT tkun limitata għall-attivitajiet tal-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membri li fih il-VAT hija dovuta u, min-naħa l-oħra, li d-dħul mill-bejgħ annwali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun dak miksub fl-Istat Membru li fih l-impriża hija stabbilita.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi żgħar stabbiliti fl-Istat Membri li fih il-VAT hija dovuta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit it-twettiq ta’ dawn iż-żewġ għanijiet.

73      Minn dan isegwi li l-eżami tad-domandi ma rrileva l-ebda fattur ta’ natura li jista’ jaffettwa l-konformità tal-Artikoli 24(3) u 28i tas-Sitt Direttiva kif ukoll tal-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Vat mal-Artikolu 49 KE.

74      Fil-fatt, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, għandu jitfakkar li ġie kkonstatat, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li t-trattament inugwali inkwistjoni jwassal għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant hija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 75 tal-konklużjonijiet, għandu jitqies li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma japplikax b’mod awtonomu.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domandi prelimari magħmula għandu tkun li l-eżami tad-domandi ma jirrileva l-ebda fattur ta’ natura li jista’ jaffettwa l-validità fid-dawl tal-Artikolu 49 KE, tal-Artikoli 24(3) u 28i tas-Sitt Direttiva kif ukoll tal-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT.

77      L-Artikoli 24 u 24a tas-Sitt Direttiva, kif ukoll l-Artikoli 284 sa 287 tad-Direttiva tal-VAT, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] jirreferi għad-dħul mill-bejgħ miksub minn impriża f’sena fi Stat Membru li fih hija stabbilita.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-eżami tad-domandi ma jirrileva l-ebda fattur ta’ natura li jista’ jaffettwa l-validità fid-dawl tal-Artikolu 49 KE, tal-Artikoli 24(3) u 28i tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima ), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/18/KE, tal-14 ta’ Frar 2006, kif ukoll l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)      L-Artikoli 24 u 24a tad-Direttiva 7/388, kif emendata bid-Direttiva 2006/18, kif ukoll l-Artikoli 284 sa 287 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] jirreferi għad-dħul mill-bejgħ miksub minn impriża f’sena fi Stat Membru li fih hija stabbilita.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.